SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissottometti proposta leġiżlattiva dwar it-tneħħija tad-dejn pubbliku għall-Istati Membri fi stat ta’ neċessità – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Rifjut tal-Kummissjoni – Nuqqas manifest ta’ setgħat tal-Kummissjoni – Regolament (UE) Nru 211/2011 – Artikolu 4(2)(b) – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 122 TFUE – Artikolu 136 TFUE – Ksur”

Fil-Kawża C-589/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2015,

Alexios Anagnostakis, residenti f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentat minn A. Anagnostakis, dikigoros, u F. Moyse, avukat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u H. Krämer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, E. Juhász, M. Berger u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Alexios Anagnostakis jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni (T-450/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:739), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 6289 finali, tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Miljun firma għal Ewropa solidarja”, ippreżentata lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, kif emendat ĠU 2012, L 94, p. 49), jipprovdi fil-premessi 1, 2, 4 u 10 tiegħu:

“(1)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Dik il-proċedura tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi avviċinata direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b’mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u lill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE.

(2)

Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. Huma għandhom jilħqu bilanċ għaqli bejn id-drittijiet u l-obbligi.

[…]

(4)

Il-Kummissjoni għandha, fuq talba, tipprovdi liċ-ċittadini informazzjoni u pariri informali dwar l-inizjattivi taċ-ċittadini, l-aktar fir-rigward tal-kriterji ta’ reġistrazzjoni.

[…]

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u t-trasparenza fir-rigward tal-inizjattivi taċ-ċittadini proposti u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikunu qed jinġabru firem għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ma tkunx konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, għandu jkun mandatorju li tali inizjattivi jiġu reġistrati fuq websajt ipprovduta mill-Kummissjoni qabel il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ meħtieġa miċ-ċittadini. L-inizjattivi taċ-ċittadini proposti kollha li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jiġu reġistrati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tittratta r-reġistrazzjoni skont il-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.”

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini kif previst fl-Artikolu 11 TUE u l-Artikolu 24 TFUE.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘Inizjattiva taċ-ċittadini’ tfisser inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha;

[…]

3)

‘Organizzaturi’ tfisser persuni fiżiċi li jiffurmaw kumitat taċ-ċittadini responsabbli għall-preparazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini u l-presentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni.”

5

L-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Dik l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f’reġistru online li jkun disponibbli għal dak il-għan mill-Kummissjoni (‘ir-reġistru’).

L-organizzaturi għandhom jipprovdu, għar-reġistru u fejn ikun xieraq fuq il-websajt tagħhom, informazzjoni aġġornata b’mod regolari dwar is-sorsi ta’ appoġġ u l-iffinanzjar għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Wara li r-reġistrazzjoni tkun ikkonfermata skont il-paragrafu 2, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni għall-finijiet ta’ inklużjoni fir-reġistru. It-traduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni għandha tkun ir-responsabbiltà tal-organizzaturi.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt li jagħti informazzjoni u assistenza.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha tiċħad ir-reġistrazzjoni jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jiġux sodisfatti.

Fejn tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

7

Fit-13 ta’ Lulju 2012, A. Anagnostakis bagħat lill-Kummissjoni proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem l-“IĊE”), intitolata “Miljun firma għal Ewropa solidarja”.

8

Is-suġġett ta’ din il-proposta kien li fid-dritt tal-Unjoni jiġi stabbilit, il-“prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jgħid li, meta l-eżistenza finanzjarja u politika ta’ Stat tkun mhedda minħabba r-rimbors ta’ dejn odjuż, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ dan id-dejn ikun neċessarju u ġġustifikat”.

9

Bħala bażi legali għall-adozzjoni tagħha, il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kienet tirreferi għall-“politika ekonomika u monetarja (Artikoli 119 sa 144 TFUE).”

10

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, wara li fakkret it-termini tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 u indikat li kienet wettqet eżami tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE invokati fil-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 136(1) TFUE, kif ukoll ta’ “kull bażi legali oħra possibbli”, il-Kummissjoni rrifjutat ir-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta għar-raġuni li ma kinitx taqa’ manifestament taħt setgħat li jippermettulha tissottometti proposta għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2012, A. Anagnostakis ressaq kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

12

Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa invoka motiv uniku, imqassam f’diversi fergħat, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi billi rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Huwa sostna, essenzjalment, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni setgħet taġixxi fuq din il-proposta bil-proposta tal-adozzjoni ta’ att legali abbażi tal-Artikolu 122(1) u (2) TFUE u tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE kif ukoll tar-regoli tad-dritt internazzjonali.

13

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, li eżaminat ex officio l-motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija, barra minn hekk, ikkunsidrat li din ma kienet wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kienet manifestament barra mis-setgħat li jippermettulha tissottometti proposta għal att legali f’dan ir-rigward. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

It-talbiet tal-partijiet

14

Bl-appell tiegħu A. Anagnostakis jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

tordna lill-Kummissjoni tirreġistra l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u tordna kull miżura oħra ġuridikament meħtieġa, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil A. Anagnostakis għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

16

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni sar-raba’ aggravji jirrigwardaw l-istħarriġ tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u huma bbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 122 TFUE, tal-Artikolu 136(1) TFUE kif ukoll tar-regoli tad-dritt internazzjonali.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

L-argumenti tal-partijiet

17

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, billi qieset, fil-punti 28 sa 32 u 34 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

18

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tirreferi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, kien jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, tali riferiment ma jikkostitwixxix motivazzjoni ddettaljata u ċara tan-natura “manifesta” tan-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

19

Sussegwentement, skont l-appellant, lanqas ma hija biżżejjed għal dan il-għan il-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet “eżami fid-dettall tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija fil-proposta (Artikoli 119 [TFUE] sa 144 TFUE) u ta’ kull bażi legali oħra possibbli”.

20

L-istess japplika għar-riferiment, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-Artikolu 136(1) TFUE.

21

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti fid-dawl tan-natura ta’ din id-deċiżjoni u tal-kuntest li fih din ġiet adottata. Fil-fatt, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma huwiex relatat man-natura manifesta tan-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi b’mod żbaljat rabta kawżali bejn l-hekk imsejjaħ nuqqas “ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-allegata bażi legali tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali”, invokat fil-punt 30 tas-sentenza appellata, u l-obbligu li jiġu indikati l-motivi li fuqhom tkun ġiet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża.

22

Filwaqt li taqbel mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali msemmi fl-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(4) TUE, introdott permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħat tagħha, tissottometti proposta xierqa dwar kwistjonijiet li għalihom dawn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-applikazzjoni tat-Trattati.

24

Id-dritt ta’ IĊE jikkostitwixxi, bħal fil-każ, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament, strument relatat mad-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 10(3) TUE, sa fejn dan jippermettilhom jindirizzaw direttament lill-Kummissjoni sabiex jippreżentawlha talba intiża sabiex din tiġi mistiedna tissottometti proposta ta’ att legali tal-Unjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

25

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ IĊE ġew speċifikati fir-Regolament Nru 211/2011. L-Artikolu 4 tiegħu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ proposta ta’ IĊE.

26

Fost dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li proposta ta’ IĊE tiġi rreġistrata mill-Kummissjoni, sakemm din “ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

27

Huwa b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni rrifjutat, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE li kienet ġiet ippreżentata lilha mill-appellant.

28

F’dan ir-rigward, sa fejn, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li din id-deċiżjoni kienet suffiċjentement immotivata, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu li l-organizzaturi jiġu informati dwar ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE tagħhom, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika, fir-rigward tal-IĊE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti legali stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita dwar dan l-artikolu, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, EU:C:2003:125, punt 55).

29

Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam kkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C-131/15 P, EU:C:2016:989, punt 47).

30

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, korrettament imfakkra fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza appellata, li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

31

F’dan il-każ, huwa paċifiku, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li din id-deċiżjoni turi li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni kien immotivat min-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. F’dan ir-rigward, l-imsemmija deċiżjoni indikat li l-Kummissjoni qieset li la d-dispożizzjonijiet dwar il-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni invokati f’din il-proposta, jiġifieri l-Artikoli 119 sa 144 TFUE, u lanqas xi bażi legali oħra ma jagħtuha s-setgħa li tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni b’mod iktar partikolari abbażi tal-Artikolu 136(1) TFUE u esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ma setgħatx tikkostitwixxi bażi legali adatta għal dan il-għan.

32

Kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħed jissuġġerixxi l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li kull wieħed minn dawn l-elementi tad-deċiżjoni kontenzjuża, meħuda b’mod individwali, jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni. Lanqas ma qieset, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li tali motivazzjoni tirriżulta, bħala tali, min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih kien ġie adottat.

33

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE, fid-dawl tal-elementi kollha inklużi fiha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tan-natura ta’ din id-deċiżjoni u tal-kuntest li fih din ġiet adottata.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, enfasizzat fil-punti 25 u 26 tas-sentenza appellata li, fid-dawl tan-natura stess tad-dritt ta’ IĊE u tal-effett li jista’ jkollha d-deċiżjoni tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE fuq il-ħajja demokratika tal-Unjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ tali proposta b’mod li r-raġunijiet li jiġġustifikaw dan ir-rifjut ikunu jidhru b’mod ċar. Għalhekk, meta l-imsemmi rifjut ikun, bħal f’dan il-każ, ibbażat fuq l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, din il-motivazzjoni għandha tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-imsemmija proposta tkun manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

35

F’dan il-kuntest, meta, konformement mal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi tal-IĊE jehmżu bħala anness mal-proposta tagħhom informazzjoni iktar dettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina din l-informazzjoni b’reqqa u b’imparzjalità.

36

Il-Qorti Ġenerali, madankollu, enfasizzat ukoll, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, in-natura limitata ħafna u n-nuqqas ta’ ċarezza tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, sa fejn din essenzjalment illimitat ruħha, fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-bażi legali għall-adozzjoni tal-att legali tal-Unjoni imsemmi f’din il-proposta, għal riferiment globali għall-Artikoli 119 sa 144 TFUE dwar il-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni, mingħajr ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni jew speċifikazzjoni dwar ir-rabta bejn il-kontenut tal-imsemmija proposta u s-26 artikolu tat-Trattat FUE li għalihom din tirreferi.

37

F’dan ir-rigward, minkejja li s-sit tal-internet tal-Kummissjoni kien jippermetti biss li titwettaq selezzjoni globali tat-taqsima “Politika ekonomika u monetarja 119-144 TFUE,” għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi setgħu madankollu jehmżu bħala anness informazzjoni iktar dettaljata dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-artikoli fir-rigward tal-kontenut tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, li ma jsostnux li għamlu.

38

Issa, f’tali ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza peress li kkunsidrat, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi biss fuq dawk id-dispożizzjonijiet invokati f’daqqa fl-imsemmija proposta li kienu jidhrulha l-inqas irrilevanti, jiġifieri l-Artikolu 136(1) TFUE, mingħajr ma kellha tipprovdi la ġustifikazzjoni speċifika fir-rigward ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, u lanqas, a fortiori, tagħti motivazzjoni għall-assenza ta’ rilevanza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat FUE.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata ġustament, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kien fiha biżżejjed elementi li jippermettu li l-appellant, fid-dawl tal-kuntest li fih din kienet ġiet adottata, ikun jaf il-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

40

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, mis-sentenza appellata jirriżulta kjarament li l-Qorti Ġenerali setgħet effettivament teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, inkluż dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 122 TFUE setax jikkostitwixxi bażi legali għall-miżura li kienet is-suġġett tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, għalkemm dan l-artikolu ma kienx imsemmi b’mod speċifiku f’din il-proposta.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

42

L-appellant jikkontesta, barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni sa fejn il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma taqax manifestament barra mis-setgħat tal-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-imsemmija deċiżjoni. Għandu jiġi madankollu kkonstatat li dan l-argument ma jirrigwardax l-obbligu ta’ motivazzjoni bħala formalità sostanzjali, iżda l-kwistjoni, distinta, tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, din għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tar-risposta għat-tieni sar-raba’ aggravji.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni sar-raba’ aggravji, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-istħarriġ tal-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża

Kunsiderazzjonijiet preliminari

44

Permezz tat-tieni sar-raba’ aggravji tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 122 TFUE, tal-Artikolu 136(1) TFUE kif ukoll tar-regoli ta’ dritt internazzjonali, ikkunsidrat li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ.

45

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk tali proposta tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija, b’mod partikolari, fil-paragrafu (2)(b) ta’ dan l-artikolu. B’hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont il-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, l-informazzjoni dwar is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE, li hija pprovduta mill-organizzaturi tal-IĊE, jew b’mod obbligatorju, jew b’mod fakultattiv, skont l-Anness II tal-imsemmi regolament.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-premessa 4 u mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, tipprovdi l-assistenza tagħha u tagħti pariri lill-organizzaturi ta’ IĊE, b’mod partikolari dwar il-kriterji ta’ reġistrazzjoni.

47

Għandu jiġi enfasizzat, sussegwentement, li, kif tfakkar fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament għandha tittieħed skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li twettaq eżami diliġenti u imparzjali li jieħu, barra minn hekk, inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

48

Dawn ir-rekwiżiti, inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, japplikaw b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, L-Ombudsman Ewropew vs Staelen, C-337/15 P, EU:C:2017:256, punt 34) u, għaldaqstant, ukoll fil-kuntest tad-dritt li tiġi ppreżentata IĊE bħala strument ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

49

Barra minn hekk, skont l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan l-istrument, kif imsemmija fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u f’li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli, il-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, adita bi proposta ta’ IĊE, b’mod li tiżgura aċċessibbiltà faċli għall-IĊE.

50

Konsegwentement, huwa biss jekk proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tal-suġġett tagħha u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-organizzaturi b’applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, manifestament barra mill-kuntest tas-setgħat li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, li din tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament.

51

B’dan speċifikat, għandu jiġi ddefinit, it-tieni nett, l-istħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita fil-kuntest ta’ dan l-appell.

52

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 7, 31 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellant, matul din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment żviluppa l-ispjegazzjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni u dwar il-bażi legali adegwata għal dan il-għan, u sostna li l-Qorti Ġenerali wettqet, diversi drabi fis-sentenza appellata, konstatazzjonijiet mhux korretti jew mhux kompluti dwar dan is-suġġett.

53

Issa, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża tista’ titwettaq biss abbażi tal-informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta mill-organizzaturi tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, fit-talba tagħhom għar-reġistrazzjoni tal-proposta indirizzata lill-Kummissjoni, u mhux fid-dawl ta’ speċifikazzjonijiet li ġew ipprovduti mill-appellant biss fil-kuntest ta’ dan l-appell.

54

Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 3 tas-sentenza appellata u, iktar speċifikament, f’diversi partijiet ta’ din is-sentenza, dawn l-indikazzjonijiet iddeskrivew is-suġġett ta’ din il-proposta bħala li fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiġi stabbilit, il-“prinċipju tal-istat ta’ neċessità, li jgħid li, meta l-eżistenza finanzjarja u politika ta’ Stat tkun mhedda minħabba r-rimbors ta’ dejn odjuż, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ dan id-dejn ikun neċessarju u ġustifikat”, u jirreferi għall-Artikoli 119 sa 144 TFUE f’daqqa bħala bażi legali tal-adozzjoni tagħha.

55

Fit-tieni lok, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati fil-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni, C-238/12 P, EU:C:2014:284, punt 42, u tat-22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il-Kummissjoni, C‑35/12 P, EU:C:2014:348, punt 39).

56

Issa, f’dan il-każ, kif ġie enfasizzat fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, l-appellant invoka, insostenn tal-motiv uniku invokat fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 122(1) u (2), l-Artikolu 136(1) TFUE kif ukoll ir-regoli tad-dritt internazzjonali.

57

Minn dan isegwi li l-eżami, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-argumenti intiżi li juru li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li ma kienx hemm bażi legali adegwata għall-adozzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-prinċipju msemmi mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, għandu jiġi limitat għal dawk intiżi li jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 122 u tal-Artikolu 136(1) TFUE kif ukoll tar-regoli tad-dritt internazzjonali.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 122 TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

58

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li għandu erba’ fergħat, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 41 sa 43 u 47 sa 50 tas-sentenza appellata, wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 122 (1) u (2) TFUE, billi ddeċidiet, bi ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu manifestament bażi legali għall-adozzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tal-prinċipju li huwa s-suġġett tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

59

L-ewwel nett, bl-interpretazzjoni iżolata tal-Artikolu 122 TFUE, mingħajr ma jitqiegħed fil-kuntest tal-Artikoli 119 sa 126 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispirtu tal-Kapitolu 1, intitolat “Politika ekonomika”, tat-Titolu VIII tat-tielet parti tat-Trattat FUE, li l-prinċipju bażiku tiegħu huwa li l-politika ekonomika tal-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tal-gvernijiet nazzjonali u li għandha tkun miftiehma.

60

L-appellant isostni, b’mod partikolari, li mill-Artikolu 122(1) u (2) TFUE, jirriżulta li l-miżuri li l-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill jadotta skont dan l-artikolu jistgħu jkunu korrettivi jew preventivi u għandhom bħala għan li jindirizzaw diffikultajiet serji jew theddida serja ta’ tali diffikultajiet li jistgħu jikkompromettu l-għanijiet tal-Unjoni. Issa, peress li ħarġet l-imsemmi artikolu mill-kuntest tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

61

It-tieni nett, l-appellant jenfasizza li l-Artikolu 122(1) TFUE, li, barra minn hekk, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet serji ta’ wieħed minnhom. L-adozzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità f’test tal-Unjoni tikkostitwixxi tali miżura xierqa. Sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minkejja dan, li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni hija manifestament barra mill-kuntest tas-setgħat tal-Kummissjoni, hija wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 122 TFUE.

62

It-tielet nett, l-appellant jikkontesta, fl-ewwel lok, l-argument tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta pparagunat il-miżura proposta mill-IĊE inkwistjoni u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (iktar ’il quddiem il-“MES”), speċifikament imsemmi fl-imsemmija sentenza u fundamentalment differenti mill-imsemmija miżura. L-iskop tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni huwa sempliċement li jiġi inkluż fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni l-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità fid-dawl tad-diffikultajiet serji tar-Repubblika Ellenika li jirriżultaw mid-dejn tagħha u mhux li jinħoloq mekkaniżmu ta’ finanzjament bħall-MES.

63

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, ibbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 122(1) TFUE jindika li l-miżuri msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni huma “bbażati fuq l-assistenza bejn l-Istati Membri”, hija legalment żbaljata. Minn qari ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri invokat permezz tal-imsemmi artikolu ma huwiex, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, maħsub bħala assistenza finanzjarja bejn l-Istati Membri.

64

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta, fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata, invokat għal darb’oħra s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756), sabiex tikkonkludi li l-iskop tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni manifestament ma kienx kopert mill-Artikolu 122(2) TFUE.

65

Fl-ewwel lok, il-fatt li l-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità jiġi inkluż fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma huwiex, f’ħafna aspetti, paragunabbli mal-MES. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-proċedura ta’ dikjarazzjoni tal-istat ta’ neċessità tinbeda mill-Istati Membri u mhux mill-Unjoni. Fil-fatt, il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni tindika li hija l-Unjoni li għandha tapprova, fi spirtu ta’ solidarjetà, tali dikjarazzjoni. Fit-tielet lok, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-adozzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità hija intiża mhux biss għad-dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni, iżda wkoll għad-djun ikkuntrattati mill-imsemmi Stat lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, pubbliċi jew privati. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ dan il-prinċipju tkopri biss id-dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni setgħet tagħti risposta parzjali għall-proposta ta’ IĊE inkwistjoni bil-limitazzjoni tas-suġġett tagħha għal dan id-dejn biss, li jaqa’ manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122(2) TFUE.

66

Skont il-Kummissjoni, sa fejn jinkludi argumenti ġodda, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud, bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att legali tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-338/01, EU:C:2004:253, punt 54; tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-130/10, EU:C:2012:472, punt 42, u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-81/13, EU:C:2014:2449, punt 35).

68

Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li l-fergħat tiegħu għandhom jiġi eżaminati flimkien, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi, fil-punti 40 sa 43 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li l-Artikolu 122(1) TFUE ma kienx jikkostitwixxi bażi legali adatta għall-adozzjoni ta’ miżura bħal dik prevista mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill jista’, fuq proposta tal-Kummissjoni, jiddeċiedi jadotta miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija.

69

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, kif irrilevat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756), li l-Artikolu 122(1) TFUE ma kienx jikkostitwixxi bażi legali adatta għal eventwali assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri li kienu għaddejjin jew kienu jirriskjaw li jgħaddu minn problemi ta’ finanzjament serji.

70

Għalkemm l-appellant isostni li l-MES, li kien is-suġġett tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, jiddistingwi ruħu taħt diversi aspetti mill-miżura prevista mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, jibqa’ l-fatt li mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Artikolu 122(1) TFUE ma jkoprix miżuri li għandhom essenzjalment bħala għan li jnaqqsu l-gravità tad-diffikultajiet ta’ finanzjament ta’ Stat Membru.

71

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 42 u 43 tas-sentenza appellata li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li għandu, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE, jipprevali mal-adozzjoni tal-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ miżura jew ta’ prinċipju li jippermetti, essenzjalment, lil Stat Membru jiddeċiedi unilateralment li ma jħallasx lura d-dejn tiegħu totalment jew parzjalment.

72

Sa fejn l-appellant jikkontesta, iktar speċifikament, il-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni tawtorizza lil Stat Membru li għandu diffikultajiet serji ta’ finanzjament “jiddeċiedi unilateralment” li ma jħallasx lura d-dejn tiegħu totalment jew parzjalment, għandu jiġi rrilevat li huwa biss fil-kuntest ta’ dan l-appell li l-appellant indika li l-possibbiltà għal tali Stat Membru li jinvoka l-istat ta’ neċessità tista’ tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet li jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni. Issa, kif ġi enfasizzat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, tali indikazzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-fondatezza tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tas-sentenza appellata.

73

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 40 sa 43 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 122(1) TFUE ma kienx jikkostitwixxi bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ miżura bħal dik prevista mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni.

74

Fit-tieni lok, sa fejn l-appellant jilmenta, permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, meta kkunsidrat, fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 122(2) TFUE ma kienx jikkostitwixxi bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ tali miżura, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill jista’, fuq proposta tal-Kummissjoni, jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, assistenza finanzjarja tal-Unjoni lil Stat Membru li jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded b’diffikultajiet serji kkawżati minn diżastri naturali jew ċirkustanzi eċċezzjonali li fuqhom ma jkollux kontroll.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 65, 104 u 131 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756), li l-Artikolu 122(2) TFUE jagħti lill-Unjoni s-setgħa li tagħti assistenza finanzjarja lil Stat Membru li jsib ruħu fis-sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq, iżda li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika l-introduzzjoni leġiżlattiva ta’ mekkaniżmu ta’ nuqqas ta’ rimbors tad-dejn ibbażat fuq il-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura ġenerali u permanenti inerenti għal tali mekkaniżmu.

76

Fir-rigward, sussegwentement, tal-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet, skont l-appellant, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, fir-rigward tan-natura tal-assistenza finanzjarja msemmija fl-Artikolu 122(2) TFUE, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt tas-sentenza appellata, li mill-punt 118 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756) jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha unikament bħala suġġett assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni u mhux mill-Istati Membri.

77

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, ġustament, ikkunsidrat fil-punt 49 tas-sentenza appellata li l-adozzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità li huwa s-suġġett tal-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “assistenza mogħtija mill-Unjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni sa fejn tali prinċipju ma jikkonċernax biss id-dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni, iżda wkoll id-dejn ta’ persuni oħra pubbliċi u privati u għalhekk, b’mod partikolari, ta’ Stati Membri.

78

Sa fejn l-appellant jipprova jikkontesta, f’dan il-kuntest, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-adozzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, kif previst mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, ma tikkonċernax biss id-dejn ta’ Stat Membru lejn l-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li, qabel din il-proċedura ta’ appell, l-appellant qatt ma ddikjara li din il-proposta hija limitata biss għad-dejn tal-Istat Membru kkonċernat lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, l-argument tiegħu huwa kontradett minn dikjarazzjonijiet oħra mwettqa fl-appell, li l-imsemmija proposta hija intiża tippermetti, lil Stati Membri li jkunu jinsabu fi stat ta’ neċessità, is-sospensjoni jew l-annullament ta’ parti mid-dejn tagħhom, mhux biss lejn l-Unjoni, iżda wkoll lejn l-Istati Membri oħra. Konsegwentement, l-imsemmi argument ma jistax jirnexxi.

79

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni setgħet taċċetta parzjalment il-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, peress li tressaq għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

80

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, li miżura bħal dik prevista mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni manifestament ma tifformax parti mill-assistenza finanzjarja li l-Kunsill jista’ jadotta, fuq proposta tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 122(2) TFUE.

81

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 136(1) TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

82

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata, wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 136(1) TFUE. Kuntrarjament għal dak ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali, l-istabbiliment ta-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 136 TFUE li, b’mod partikolari, għandu bħala għan li jikkontribwixxi għall-“funzjonament tajjeb ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.”

83

F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li d-dikjarazzjoni, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità għandha l-effett li tissostitwixxi r-rieda ħielsa tal-partijiet kontraenti b’mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn pubbliku, li l-imsemmija dispożizzjoni manifestament ma tippermettix, hija legalment żbaljata. Fil-fatt, l-adozzjoni tal-imsemmi prinċipju tippermetti lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet serji li jissospendi temporanjament il-ħlas tad-djun tiegħu kollha sabiex jiffoka l-politika ekonomika tiegħu fuq it-tkabbir, billi jinkoraġġixxi għalhekk l-investimenti ekonomiċi li jiffavorixxu t-tkabbir, li jikkontribwixxi mingħajr dubju għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja imsemmi fl-Artikolu 136(1) TFUE. L-appellant jagħmel riferiment, f’dan il-kuntest u bħala eżempju, għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2011, li minnha jirriżulta li d-deċiżjoni dwar l-annullament ta’ dejn pubbliku ta’ Stat Membru tista’ tkun ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni.

84

Barra minn hekk, l-Artikolu 136(1) TFUE espressament jawtorizza lill-Kunsill jieħu miżuri għall-istabbiliment tal-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomika. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija wkoll awtorizzata tipproponi lill-Kunsill l-approvazzjoni ta’ tali miżuri.

85

Minn dan isegwi li l-proposta ta’ IĊE inkwistjoni ma hijiex manifestament barra mis-setgħat tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni ta’ prinċipju ta’ stat ta’ neċessità ma kinitx manifestament inkluża fil-previżjonijiet tal-Artikolu 136(1) TFUE.

86

Barra minn hekk, skont l-appellant, mekkaniżmu ta’ stabbiltà u ta’ assistenza finanzjarja kif awtorizzat mill-Artikolu 136(3) TFUE jista’ jinkludi, fuq ftehim tal-Istati Membri u meta wieħed minnhom isib ruħu fi stat ta’ neċessità, is-sospensjoni tal-ħlas tad-dejn tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 352 TFUE jawtorizza lill-Kummissjoni tipproponi miżura, bħal dik imsemmija mill-proposta ta’ IĊE, neċessarja għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet tat-Trattati, bħall-istabbiltà taż-żona Euro.

87

Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u, fir-rigward tal-kumplament, bħala infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(1) TFUE, il-Kunsill jista’, sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja, u skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, jadotta miżuri li jikkonċernaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex, minn naħa, skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, isaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom, u min-naħa l-oħra, skont il-punt (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, jistabbilixxi fir-rigward tagħhom, l-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomika, waqt li jiżgura li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk adottati għall-Unjoni kollha, u li jinżammu taħt sorveljanza.

89

Il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, bħal dik prevista mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, manifestament ma tifformax parti mill-miżuri deskritti fil-punt preċedenti.

90

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li xejn ma jippermetti li jiġi konkluż, u li l-appellant b’ebda mod ma pprova, li l-adozzjoni tal-miżura msemmija mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni għandha l-iskop li ssaħħaħ il-koordinazzjoni tad-dixxiplina baġitarja jew tifforma parti mill-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomika li l-Kunsill jista’ jelabora għall-finijiet tal-funzjonament tajjeb tal-unjoni ekonomika u monetarja.

91

Huwa wkoll ġustament li, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fakkret li mill-punti 51 u 64 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756) jirriżulta li r-rwol tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ekonomika huwa limitat għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li l-adozzjoni ta’ miżura bħal dik prevista mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni, minflok ma taqa’ taħt il-kunċett ta’ “orjentazzjoni tal-politika ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 136(1)(b) TFUE, fir-realtà għandha l-effett li tissostitwixxi r-rieda ħielsa tal-partijiet kontraenti b’mekkaniżmu leġiżlattiv ta’ abbandun unilaterali tad-dejn pubbliku, li din id-dispożizzjoni manifestament ma tippermettix.

92

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali setgħet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, ġustament, tikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-proposta li jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, kif maħsub mill-appellant, kienet manifestament barra mill-iskop tal-previżjonijiet tal-Artikolu 136(1) TFUE.

93

Sa fejn l-appellant jissuġġerixxi, madankollu, fil-kuntest tat-tielet aggravju, li l-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità previst mill-proposta ta’ IĊE inkwistjoni jista’ jiġi adottat fid-dritt tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 136(3) TFUE, jekk ikun il-każ flimkien mal-Artikolu 352 TFUE, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument tressaq biss fl-istadju ta’ dan l-appell u ma jistax, għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, ikun is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt internazzjonali

– L-argumenti tal-partijiet

95

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball fl-interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt internazzjonali peress li, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, qieset li l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ dritt internazzjonali, bħal, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ stat ta’ neċessità, ma kinitx biżżejjed, fi kwalunkwe każ, sabiex tkun ta’ bażi għal inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-fondatezza tal-argumenti dwar l-eżistenza tal-imsemmi prinċipju fid-dritt internazzjonali.

96

Skont il-Kummissjoni, sakemm l-appell ma jinkludi ebda argument li jista’ jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li t-Trattati, u mhux regola ta’ dritt internazzjonali, għandhom jipprevedu l-attribuzzjoni tal-kompetenza neċessarja lill-Kummissjoni, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97

Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri attribwixxew lilha fit-Trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu.

98

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huwa speċifikat fl-Artikolu 13(2) TUE, li kull waħda minnhom għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom.

99

Konsegwentement, huwa biss jekk kompetenza hija mogħtija fit-Trattati għal dan il-għan li l-Kummissjoni tista’ tipproponi l-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni.

100

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza biss ta’ prinċipju ta’ dritt internazzjonali, anki jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, bħal dak tal-istat ta’ neċessità invokat mill-appellant, ma jkunx biżżejjed, fi kwalunkwe każ, sabiex iservi ta’ bażi għal inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx il-fondatezza tal-argumenti dwar l-eżistenza tal-imsemmi prinċipju fid-dritt internazzjonali.

102

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

103

Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellant ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

104

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

105

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellant tilef l-aggravji tiegħu u l-Kummissjoni talbet li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Alexios Anagnostakis huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.