OPINJONI 1/15 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
26 ta’ Lulju 2017
Werrej
I. It-talba għal opinjoni |
|
II. Il-kuntest ġuridiku |
|
A. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago |
|
B. Il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja |
|
C. Il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka |
|
D. Id-Direttiva 95/46/KE |
|
E. Id-Direttiva 2004/82/KE |
|
III. Il-fatti li wasslu għall-ftehim maħsub |
|
IV. L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub |
|
V. Il-ftehim maħsub |
|
VI. Evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu |
|
A. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub |
|
B. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea |
|
VII. Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja |
|
A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni |
|
B. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub |
|
C. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta |
|
VIII. Teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni |
|
B. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub |
|
1. Fuq l-għan u l-kontenut tal-ftehim maħsub |
|
2. Fuq il-bażi legali adatta fid-dawl tat-Trattat FUE |
|
3. Fuq il-kompatibbiltà tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 87(2)(a) TFUE |
|
C. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta |
|
1. Fuq id-drittijiet fundamentali kkonċernati u l-indħil f’dawn id-drittijiet |
|
2. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta mill-ftehim maħsub |
|
a) Fuq il-bażi għall-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub |
|
b) Fuq l-għan ta’ interess ġenerali u r-rispett tal-essenza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni |
|
c) Fuq l-idoneità tal-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika |
|
d) Fuq in-natura neċessarja tal-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub |
|
1) Fuq id-data PNR prevista mill-ftehim maħsub |
|
i) Fuq in-natura suffiċjentement preċiża tal-ftehim maħsub fir-rigward tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita |
|
ii) Fuq id-data sensittiva |
|
2) Fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR |
|
3) Fuq l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data PNR |
|
i) Prevenzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja |
|
ii) Għanijiet oħra |
|
4) Fuq l-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub |
|
5) Fuq il-passiġġieri tal-ajru kkonċernati |
|
6) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR |
|
i) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR qabel il-wasla tal-passiġġieri tal-ajru, waqt is-soġġorn tagħhom fil-Kanada u mal-ħruġ tagħhom |
|
ii) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada |
|
7) Fuq l-iżvelar tad-data PNR |
|
i) Komunikazzjoni tad-data PNR lil awtoritajiet pubbliċi |
|
ii) Żvelar tad-data PNR lil individwi |
|
3. Fuq id-drittijiet individwali tal-passiġġieri tal-ajru |
|
a) Fuq id-dritt għal informazzjoni, għal aċċess u għal rettifika |
|
b) Fuq id-dritt għal rimedju |
|
4. Fuq is-sorveljanza tal-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data PNR |
|
IX. Risposta għat-talba għal opinjoni |
“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE - Abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea - Trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lejn il-Kanada - Bażijiet legali adatti - L-Artikolu 16(2), il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE - Kompatibbiltà mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-proċedura għal opinjoni 1/15,
li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fit-30 ta’ Jannar 2015 mill-Parlament Ewropew,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, M. Berger, A. Prechal u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits, D. Šváby, E. Jarašiūnas u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Parlament Ewropew, minn F. Drexler, A. Caiola u D. Moore, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u E. Petranova, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent, |
– |
għall-Irlanda, minn E. Creedon, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL, u minn C. Doyle, BL, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u M. Sampol Pucurull, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Brodie u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn D. Beard, QC, u S. Ford, barrister, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M.‑M. Joséphidès, S. Boelaert u E. Sitbon, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Van Nuffel, D. Nardi, D. Maidani u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti, |
– |
għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), minn A. Buchta, G. Zanfir u R. Robert, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,
tagħti l-preżenti
Opinjoni
I. It-talba għal opinjoni
1 |
It-talba għal opinjoni mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Parlament Ewropew hija fformulata b’dan il-mod: “Il-ftehim maħsub [bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea fuq it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri] huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (Artikolu 16 TFUE) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [Artikoli 7, 8 u 52(1)] sa fejn huwa kkonċernat id-dritt tal-persuni fiżiċi għall-protezzjoni tad-data personali? [Il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1)] u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE jikkostitwixxu l-bażi legali adegwata għall-att tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub jew dan l-att għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE?” |
2 |
Fost dokumenti oħrajn, il-Parlament ippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala annessi mat-talba għal opinjoni tiegħu:
|
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, Nru 102, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), ġiet irratifikata mill-Kanada kif ukoll mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, iżda din tal-aħħar ma hijiex hija nnifisha parti fil-konvenzjoni msemmija. |
4 |
L-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li: “Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Stat kontraenti dwar id-dħul jew il-ħruġ mit-territorju tiegħu tal-passiġġieri, ekwipaġġi jew merkanzija tal-ajruplani, bħar-regolamenti relattivi għad-dħul, għal-leave, għall-immigrazzjoni, għall-passaporti, għad-dwana u għas-saħħa, għandhom jiġu osservati mad-dħul, mal-ħruġ jew ġewwa t-territorju ta’ dan l-Istat, mill-imsemmija passiġġieri jew ekwipaġġi, jew f’isimhom, u għall-merkanzija.” |
5 |
Il-Konvenzjoni ta’ Chicago stabbilixxiet l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (OIAĊ), li, skont l-Artikolu 44 ta’ din l-istess konvenzjoni, għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniċi tan-navigazzjoni tal-ajru internazzjonali. |
B. Il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
6 |
L-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2010, C 83, p. 295, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 21”) jipprovdi: “Suġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu jeħtieġu li jiġu adottati unanimament. […]” |
7 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi protokoll huwa fformulat kif ġej: “Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk.” |
C. Il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka
8 |
It-tielet sal-ħames paragrafi tal-preambolu tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka (ĠU 2010, C 83, p. 299, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 22”)], jipprovdu li l-partijiet kontraenti: “[huma konxji] mill-fatt li l-kontinwazzjoni taħt it-Trattati tas-sistema legali li oriġinat fid-deċiżjoni ta’ Edinburgu ser tillimita b’mod sinifikattiv il-parteċipazzjoni tad-Danimarka f’oqsma importanti ta’ koperazzjoni ta’ l-Unjoni, u li jkun fl-aħjar interess ta’ l-Unjoni li tiġi assigurata l-integrità ta’ l-acquis fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, [huma xewqana] għaldaqstant li jistabbilixxu qafas legali li joffri lid-Danimarka l-possibbiltà li tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżuri proposti msejsa fuq it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u jilqgħu l-intenzjoni tad-Danimarka li tagħmel użu minn din il-possibiltà meta jkun possibbli skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, [filwaqt li jinnutaw] li d-Danimarka mhix ser iżomm lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni ta’ bejniethom fir-rigward ta’ miżuri li ma jorbtux lid-Danimarka”. |
9 |
L-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll jipprovdi: “Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.” |
10 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi protokoll huwa mfassal b’dan il-mod: “Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m’għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B’mod partikolari, atti ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li huma emendati għandhom ikomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.” |
11 |
L-Artikolu 2a tal-istess protokoll jipprovdi: “L-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw [l-ipproċessar tad-]data ta’ tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Trattat.” |
D. Id-Direttiva 95/46/KE
12 |
L-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), huwa mfassal b’dan il-mod: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li t-trasferiment lil pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment jista’ jsir biss jekk, bla ħsara għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, il-pajjiż terz jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni. 2. Jekk il-livell ta’ protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan-natura tad-data, l-għan u t-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ l-ipproċessar, il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis-seħħ fil-pajjiż terz in kwistjoni u r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il-pajjiż. [...] 6. Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n-negozjati msemmija fil-paragrafu 5, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta’ l-individwu. [...]” |
E. Id-Direttiva 2004/82/KE
13 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74), jipprovdi: “1. Stati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jistabilixxu obbligi għal trasporatturi sabiex jittrasmettu fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni fi fruntieri esterni, sa l-aħħar taċ-check in, informazzjoni li tikkonċerna passiġġieri li jittrasportaw lil fruntiera awtorizzata bħala punt ta’ qsim, li minnha dawn il-persuni jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru. 2. L-informazzjoni msemmija fuq għandha tinkludi:
|
III. Il-fatti li wasslu għall-ftehim maħsub
14 |
Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/230/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta’ data tal-API/PNR (ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 344), li permezz tagħha dan approva l-ftehim imsemmi (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2006”). Konformement mal-preambolu tiegħu, dan il-ftehim ġie konkluż fid-dawl tar-“rekwiżit impost mill-Gvern tal-Kanada fuq it-trasportaturi bl-ajru li jġorru persuni lejn il-Kanada li jipprovdu data dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u Rekord ta’ l-Ismijiet tal-Passiġġieri (minn hawn ’il quddiem ‘API/PNR’) lill-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti, saħansitra li tinġabar u tinżamm fis-sistemi awtomatizzati ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi u fis-sistemi ta’ kontroll tat-tluq (DCS)”. |
15 |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-ftehim tal-2006, dan kellu l-“għan [...] li jiġi żgurat li l-fornitura tad-data ta’ l-API/PNR ta’ persuni fuq vjaġġi pertinenti issir bir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-privatezza”. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan il-ftehim, il-“[p]artijiet [kienu qablu] li d-data ta’ l-API/PNR ta’ persuni fuq vjaġġi pertinenti jiġu proċessati skond il-modalitajiet deskritti fl-Impenji assunti mill-awtorità kompetenti li tingħata d-data ta’ l-API/PNR”. L-awtorità kompetenti għall-Kanada kienet, konformement mal-Anness I tal-imsemmi ftehim, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (CBSA). |
16 |
Abbażi ta’ dawn l-impenji, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, fis-6 ta’ Settembru 2005, id-Deċiżjoni 2006/253/KE dwar il-ħarsien xieraq tad-data personali miżmuma fir-Rekord ta’ Isem il-Passiġġier (PNR) tal-passiġġieri tal-ajru li tiġi trasferita lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntieri tal-Kanada (ĠU 2006, L 118M, p. 515). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi li, “[g]ħall-finijiet ta’ l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [95/46], [is-CBSA] hija kkunsidrata li tagħti livell ta’ ħarsien xieraq għal data tal-PNR trasferita mill-Komunità dwar titjiriet lejn il-Kanada, skond l-[impenji tas-CBSA fir-rigward tal-programm PNR tagħha] elenkati fl-Anness” tad-deċiżjoni msemmija. Skont l-Artikolu 7 tagħha, din l-istess deċiżjoni kienet tipprovdi li din “[kienet] tiskadi fi żmien tliet snin u 6 xhur wara d-data tan-notifika tagħha, sakemm ma tiġix estiża skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva [95/46]”. Tali estensjoni ma saritx. |
17 |
Peress li l-perjodu ta’ validità tal-ftehim tal-2006 kien, konformement mal-Artikolu 5(1) u (2) tiegħu, marbut ma’ dak tad-Deċiżjoni 2006/253, dan il-ftehim skada f’Settembru 2009. |
18 |
Fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada (ĠU 2011, C 81 E, p. 70). Fil-punt 7 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament talab “li jkun hemm approċċ koerenti dwar l-użu tad-data tal-PNR għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà, filwaqt li tiġi stabbilita sensiela waħda ta’ prinċipji li sservi bħala bażi għall-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi” u stieden “lill-Kummissjoni biex […] tippreżenta proposta għal mudell uniku bħal dan u abbozz ta’ mandat għan-negozjati mal-pajjiżi terzi”, filwaqt li stabbilixxa, fil-punt 9 tar-riżoluzzjoni msemmija, ir-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu ssodisfatti f’dak li jikkonċerna l-użu tad-data tal-passiġġieri tal-ajru fil-pajjiżi terzi. |
19 |
Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni kif ukoll direttivi ta’ negozjati, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex, f’isem l-Unjoni, tiftaħ in-negozjati mal-Kanada bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar it-trasferiment u l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“data PNR”), intiż għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta’ forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali u għall-ġlieda kontrihom. |
20 |
Il-ftehim maħsub, li rriżulta min-negozjati mal-Kanada, ġie inizjalat fis-6 ta’ Mejju 2013. Fit-18 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri [COM(2013) 528 final, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub”] kif ukoll proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri [COM(2013) 529 final]. |
21 |
L-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub kien fiha s-siltiet segwenti: “Il-leġiżlazzjoni Kanadiża tagħti s-setgħa [lis-CBSA] li titlob lil kull trasportatur bl-ajru li jopera fuq titjiriet għall-passiġġieri li jtiru lejn jew mill-Kanada, biex jipprovdilha aċċess elettroniku għad-dejta [PNR] qabel il-wasla tal-passiġġieri fil-Kanada jew it-tluq tagħhom minnha. It-talbiet tal-awtoritajiet Kanadiżi huma bbażati fuq it-Taqsima 107.1 tal-Att dwar id-Dwana, ir-Regolamenti (Dwana) dwar l-Informazzjoni ta’ Passiġġieri, il-paragrafu 148(1)(d) tal-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-Ħarsien tar-Refuġjati u r-Regolament 269 tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni u l-Ħarsien tar-Refuġjati. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tikseb id-dejta tal-PNR b’mod elettroniku qabel il-wasla tat-titjira u għalhekk tenfasizza b’mod sinifikanti l-abbiltà tas-[CBSA] li jwettaq bil-quddiem valutazzjonijiet effiċjenti u effettivi tar-riskju ppreżentat mill-passiġġieri u li jiffaċilita l-ivvjaġġar b’bona fide, u b’hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Kanada. L-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-Kanada fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra, tara t-trasferiment tad-dejta tal-PNR lill-Kanada bħala trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja. Dan se jinkiseb permezz tal-qsim ta’ informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR mill-Kanada mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Europol u l-Eurojust fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom. [...] It-trasportaturi bl-ajru għandhom l-obbligu li jagħtu l-aċċess [lis-CBSA] għal ċerta dejta tal-PNR, kemm-il darba din tkun tinġabar u tkun tinsab fis-sistemi awtomatizzati ta’ riżervazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq tat-trasportaturi bl-ajru. Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jippermettux li t-trasportaturi Ewropej jew li trasportaturi oħra li joperaw fuq titjiriet mill-[Unjoni], jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma jippreżentaw salvagwardji xierqa. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni li tipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment mill-Unjoni Ewropea tad-dejta tal-PNR lejn il-Kanada bħala rikonoxximent tan-neċessità u tal-importanza tal-użu tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li tiġi ggarantita ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata b’mod omoġenju madwar l-Unjoni Ewropea kollha sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u r-rispett tad-drittijiet tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll is-sigurtà fiżika tagħhom. [...]” |
22 |
Fit-30 ta’ Settembru 2013, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ta l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-proposti ta’ deċiżjoni. It-test sħiħ ta’ din l-opinjoni, li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 51, p. 12), huwa disponibbli fis-sit Internet tal-KEPD. |
23 |
Fil-5 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri. Fl-istess jum, din l-istituzzjoni ddeċidiet li titlob l-approvazzjoni tal-Parlament għall-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha relatata mal-konklużjoni tal-ftehim maħsub. |
24 |
Il-ftehim maħsub ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014. |
25 |
B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill talab l-approvazzjoni tal-Parlament għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill relatata mal-konklużjoni tal-ftehim maħsub. |
26 |
Fil-25 ta’ Novembru 2014, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni dwar it-tiftix ta’ opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) (ĠU 2016, C 289, p. 2). |
IV. L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub
27 |
L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub jipprevedi bħala bażijiet legali ta’ din id-deċiżjoni l-punt d tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE. |
28 |
Il-premessi 5 u 6 ta’ dan l-abbozz ta’ deċiżjoni huma fformulati kif ġej:
|
29 |
L-Artikolu 1 tal-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni jipprovdi: “Il-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.” |
V. Il-ftehim maħsub
30 |
Il-ftehim maħsub huwa mfassal b’dan il-mod: “Il-Kanada u L-Unjoni Ewropea il-‘Partijiet’ Waqt li jfittxu li jipprevjenu, jiġġieldu kontra, jrażżnu u jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta mat-terroriżmu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni bil-għan li jippromwovu s-sigurtà u l-istat tad-dritt; Waqt li jirrikonoxxu l-importanza li jipprevjenu, jiġġieldu kontra, jrażżnu u jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta mat-terroriżmu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta; Waqt li jfittxu li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea; Waqt li jirrikonoxxu li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kriminalità relatata u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa strument importanti ferm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; Waqt li jirrikonoxxu li, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika u għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, għandhom jiġu stipulati regoli li jirregolaw it-trasferiment tad-dejta tal-PNR mit-trasportatur tal-ajru lejn il-Kanada; Waqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni u l-privatezza tad-dejta, li huma riflessi fil-liġi rispettiva tagħhom; Konxji mill-impenji tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u familjari, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni ta’ dejta personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Dejta Personali[, iffirmata fi Strasbourg fit-28 ta’ Jannar 1981] u l-Protokoll addizzjonali tagħha 181[, iffirmat fi Strasbourg fit-8 ta’ Novembru 2001]; Waqt li jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta Kanadiża dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet u l-leġiżlazzjoni Kanadiża dwar il-privatezza; Waqt li jinnutaw l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux imwaqqfa milli jikkonformaw mal-liġi Kanadiża dwar it-trasferiment tad-dejta tal-PNR li tkun ġejja mill-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada f’konformità ma’ dan il-Ftehim; Waqt li jirrikonoxxu s-suċċess li kellu r-rieżami konġunt fl-2008, tal-Ftehim tal-2006 bejn il-Partijiet dwar it-trasferiment tal-PNR; Waqt li jirrikonoxxu li dan il-Ftehim mhuwiex maħsub biex japplika għal Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri li tinġabar u tiġi trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada għall-finijiet tal-kontroll fuq il-fruntieri; Waqt li jirrikonoxxu wkoll li dan il-Ftehim ma jipprevjenix lill-Kanada milli, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fejn ikun meħtieġ, tkompli tipproċessa l-informazzjoni mit-trasportaturi tal-ajru sabiex timmitiga kwalunkwe theddida serja u immedjata għat-trasport bl-ajru jew għas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li tirrispetta l-limitazzjonijiet stretti stipulati fil-liġi Kanadiża u fi kwalunkwe każ, mingħajr ma tmur lil hinn mil-limitazzjonijiet previsti f’dan il-Ftehim; Waqt li jinnutaw l-interess tal-Partijiet, kif ukoll tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fl-iskambju tal-informazzjoni dwar il-metodu ta’ trażmissjoni tal-PNR kif ukoll dwar id-divulgazzjoni [l-iżvelar] tal-PNR ’il barra mill-Kanada, kif spjegat fl-artikoli rilevanti ta’ dan il-Ftehim, u waqt li jinnutaw ukoll l-interess tal-Unjoni Ewropea fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u ta’ rieżami spjegat f’dan il-Ftehim; Waqt li jinnutaw li l-Partijiet jistgħu jeżaminaw in-neċessità u l-fattibbiltà ta’ Ftehim simili għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR fis-settur tat-trasport marittimu; Waqt li jinnutaw li l-Kanada timpenja ruħha biex l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta tal-PNR bl-iskop li jiġu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment reati terroristiċi u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali f’konformità stretta mas-salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali, kif stabbilit f’dan il-Ftehim; Waqt li jagħmlu enfasi fuq l-importanza tal-kondiviżjoni tal-PNR u ta’ informazzjoni analitika rilevanti u xierqa li jkun fiha dejta tal-PNR, miksuba mill-Kanada skont dan il-Ftehim mal-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u mal-Europol u l-Eurojust, biex tittrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja; Waqt li jaffermaw li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix preċedent għal kwalunkwe arranġament futur bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Parti oħra, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta tal-PNR jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta; Waqt li jikkunsidraw l-impenn reċiproku tal-Partijiet fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp ulterjuri tal-istandards internazzjonali għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR; Ftiehmu kif ġej: Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1 L-Għan tal-Ftehim F’dan il-Ftehim, il-Partijiet jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u għall-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jippreskrivu l-mezzi li bihom tiġi protetta d-dejta. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
Artikolu 3 Użu ta’ data tal-PNR 1. Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta tal-PNR li tkun irċeviet skont dan il-Ftehim, strettament bl-iskop li jkunu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali. 2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu ‘reati terroristiċi’ jinkludi:
3. Kriminalità transnazzjonali serja tfisser kwalunkwe reat punibbli fil-Kanada bi privazzjoni massima ta’ libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew b’piena aktar ħarxa u hekk kif definiti mil-liġi Kanadiża, jekk l-att kriminali inkwistjoni jkun ta’ natura transnazzjonali. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, att kriminali jitqies ta’ natura transnazzjonali jekk jitwettaq:
4. F’każijiet eċċezzjonali, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tista’ tipproċessa d-dejta tal-PNR meta dan ikun neċessarju, biex tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe individwu, bħal f’każ ta’:
5. Il-Kanada tista’ wkoll tipproċessa d-dejta tal-PNR fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex:
Artikolu 4 Għoti żgurat ta’ dejta tal-PNR 1. L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux impediti milli jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti, f’konformità ma’ dan il-Ftehim. 2. Il-Kanada ma għandhiex tesiġi li trasportatur tal-ajru jipprovdi elementi tad-dejta tal-PNR li ma jkunux diġà nġabru jew nżammu mit-trasportatur tal-ajru għall-prenotazzjoni. 3. F’konformità ma’ dan il-Ftehim, il-Kanada għandha tħassar kwalunkwe dejta trasferita lilha minn trasportatur tal-ajru hekk kif tirċeviha, jekk dak l-element tad-dejta li tkun irċeviet mhuwiex elenkat fl-Anness. 4. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jitrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti permezz ta’ aġenti awtorizzati, li jaġixxu f’isem it-trasportatur tal-ajru jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih. Artikolu 5 Adegwatezza Suġġett għall-konformità ma’ dan il-Ftehim, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titqies li, fis-sens tal-liġi tal-Unjoni Ewropea rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta, tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni meta tipproċessa u tuża d-dejta tal-PNR. Trasportatur tal-ajru li jipprovdi lill-Kanada b’dejta tal-PNR taħt dan il-Ftehim jitqies konformi mar-rekwiżiti legali tal-Unjoni Ewropea għat-trasferiment tad-dejta mill-Unjoni Ewropea lill-Kanada. Artikolu 6 Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja 1. Hekk kif ikun prattikabbli, il-Kanada għandha tikkondividi informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, mal-Europol u mal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew mal-pulizija jew ma’ xi awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru. Il-Kanada għandha tiżgura li din l-informazzjoni tkun kondiviża f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat. 2. Il-Kanada għandha tikkondividi, fuq talba min-naħa tal-Europol jew tal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom jew min-naħa tal-pulizija jew ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, id-dejta tal-PNR jew informazzjoni analitika li jkun fiha dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, f’każijiet speċifiċi biex ikunu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment, fl-Unjoni Ewropea, reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali. Il-Kanada għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni, f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat. Is-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR Artikolu 7 In-nondiskriminazzjoni Il-Kanada għandha tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali. Artikolu 8 L-użu ta’ dejta sensittiva 1. Jekk id-dejta tal-PNR li tinġabar dwar xi passiġġier, ikun fiha dejta sensittiva, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tostor id-dejta sensittiva permezz ta’ sistemi awtomatizzati. Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tipproċessax ulterjorment dejta ta’ dan it-tip, apparti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5. 2. Il-Kanada tipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea b’lista ta’ kodiċijiet u termini li jidentifikaw id-dejta sensittiva li l-Kanada tintalab tostor. Il-Kanada tipprovdi din il-lista fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. 3. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kanada tista’ tipproċessa d-dejta sensittiva fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn tali pproċessar huwa indispensabbli minħabba li l-ħajja ta’ individwu tkun fil-periklu jew minħabba li jkun hemm riskju ta’ korriment gravi. 4. Il-Kanada tiżgura li l-ipproċessar tad-dejta sensittiva skont il-paragrafu 3 isir biss skont miżuri proċedurali stretti, li jinkludu dawn li ġejjin:
5. Il-Kanada tħassar id-dejta sensittiva sa mhux aktar tard minn 15-il jum mid-data li fiha tkun irċevietha, sakemm ma żżommhiex f’konformità mal-Artikolu 16(5). 6. Jekk, f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta sensittiva li tikkonċerna individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-ipproċessar malajr kemm jista’ jkun. Il-Kanada għandha toħroġ din in-notifika f’konformità ma’ ftehimiet u arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi, jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 9 Is-sigurtà u l-integrità tad-dejta 1. Il-Kanada għandha timplimenta miżuri regolatorji, proċedurali jew tekniċi biex tipproteġi d-dejta tal-PNR minn aċċess, ipproċessar jew telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat. 2. Il-Kanada għandha tiżgura li jsiru verifiki tal-konformità u tiggarantixxi l-protezzjoni, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-dejta. Il-Kanada:
3. Jekk id-dejta tal-PNR ta’ individwu tiġi aċċessata jew divulgata mingħajr awtorizzazzjoni, il-Kanada għandha tieħu miżuri biex tinnotifika lill-individwu kkonċernat dwar dan, tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara, u tieħu azzjoni ta’ rimedju. 4. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma minnufih lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe inċidenti sinifikanti li jkunu jinvolvu l-aċċess, l-ipproċessar jew it-telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat tad-dejta tal-PNR. 5. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta, b’mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew għat-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni jew l-aċċess mhux awtorizzat jew għal kwalunkwe forma illegali ta’ pproċessar, ikun suġġett għal miżuri korrettivi effettivi u dissważivi li jistgħu jinkludu sanzjonijiet. Artikolu 10 Sorveljanza 1. Is-salvagwardji fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR taħt dan il-Ftehim se jkunu suġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti, jew minn awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija (‘l-awtorità ta’ sorveljanza’. Il-Kanada għandha tiżgura li d l-awtorità ta’ sorveljanza jkollha setgħat effettivi biex tinvestiga l-konformità mar-regoli relatati mal-ġbir, l-użu, id-divulgazzjoni, iż-żamma, jew it-tħassir tad-dejta tal-PNR. L-awtorità ta’ sorveljanza tista’ twettaq rieżamijiet u investigazzjonijiet ta’ konformità, tkun tista’ tirrapporta s-sejbiet tagħha u tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità ta’ sorveljanza għandha s-setgħa li, meta jkun xieraq, tirreferi ksur tal-liġi marbuta ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew għal azzjoni dixxiplinarja. 2. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità ta’ sorveljanza tiżgura li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq. Artikolu 11 Trasparenza 1. Il-Kanada għandha tiżgura li fuq il-websajt tagħha, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti jkollha disponibbli:
2. Il-Partijiet għandhom jaħdmu ma’ partijiet interessati, bħall-industrija tal-ivvjaġġar bl-ajru, biex jippromwovu t-trasparenza, preferibbilment fil-mument tal-ibbukkjar, billi jipprovdu lill-passiġġieri bl-informazzjoni li ġejja:
Artikolu 12 L-aċċess għall-individwi 1. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu jkollu aċċess għad-dejta tal-PNR tiegħu. 2. Il-Kanada għandha tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti:
3. Il-Kanada tista’ tiddivulga kwalunkwe informazzjoni, sakemm tkun konformi ma’ rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli, inklużi kwalunkwe limitazzjoni neċessarja biex ikunu prevenuti, skoperti, investigati jew proċessati kriminalment reati terroristiċi, jew għall-protezzjoni tal-pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, fir-rispett dovut tal-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat. Artikolu 13 Il-korrezzjoni jew l-annotazzjoni għall-individwi 1. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu jkun jista’ jitlob li ssir korrezzjoni tad-dejta tal-PNR tiegħu. 2. Il-Kanada għandha tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tikkunsidra t-talbiet kollha għal korrezzjoni li jsirulha bil-miktub u:
Artikolu 14 Ir-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji 1. Il-Kanada għandha tiżgura li awtorità pubblika indipendenti jew awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija, tirċievi, tinvestiga u tirrispondi għall-ilmenti mressqa mill-individwi fir-rigward tat-talba tagħhom għal aċċess, korrezzjoni jew annotazzjoni tad-dejta tal-PNR tagħhom. Il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità rilevanti tinnotifika lir-rikorrent tal-ilment dwar il-mezzi biex jikseb rimedju ġudizzjarju, hekk kif previst fil-paragrafu 2. 2. Il-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe individwu li jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu nkisru b’deċiżjoni jew azzjoni marbuta mad-dejta tal-PNR tiegħu jista’ jitlob rimedju ġudizzjarju [effettiv] f’konformità mal-liġi Kanadiża permezz ta’ rieżami ġudizzjarju, jew kwalunkwe rimedju ieħor li jista’ jinkludi kumpens. Artikolu 15 Deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ipproċessar awtomatizzat Il-Kanada ma għandhiex tieħu deċiżjonijiet li jkunu jolqtu passiġġier b’mod sinifikattivament negattiv abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR. Artikolu 16 Iż-żamma tad-dejta tal-PNR 1. Il-Kanada ma għandhiex iżżomm dejta tal-PNR għal aktar minn ħames snin mid-data li fiha tirċievi d-dejta tal-PNR. 2. Il-Kanada għandha tirrestrinġi l-aċċess għal għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward. 3. Il-Kanada għandha tagħmel anonima d-dejta tal-PNR billi tostor l-ismijiet tal-passiġġieri kollha 30 jum wara li tirċeviha. Sentejn wara li tirċievi d-dejta tal-PNR, il-Kanada għandha tagħmilha aktar anonima billi taħbi dan li ġej:
4. Il-Kanada tista’ tiżvela d-dejta tal-PNR biss jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3, kif ġej:
5. Minkejja l-paragrafu 1:
6. Il-Kanada għandha teqred id-dejta tal-PNR hekk kif jintemm il-perjodu ta’ żamma tad-dejta tal-PNR. Artikolu 17 Ir-reġistrazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR Il-Kanada għandha tirreġistra l-ipproċessar kollu tad-dejta tal-PNR. Il-Kanada għandha tuża reġistru jew dokument biss biex:
Artikolu 18 Id-divulgazzjoni fil-Kanada 1. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tiddivulgax dejta tal-PNR lil awtoritajiet governattivi oħra fil-Kanada sakemm ma jkunux sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f’dan l-Artikolu. Artikolu 19 Id-divulgazzjoni barra mill-Kanada 1. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tiddivulgax id-dejta tal-PNR lill-awtoritajiet governattivi f’pajjiżi oħra li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunux sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. Jekk, f’konformità mal-paragrafu 1, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tiddivulga d-dejta tal-PNR ta’ individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bid-divulgazzjoni malajr kemm jista’ jkun. Il-Kanada għandha toħroġ din in-notifika f’konformità ma’ ftehimiet jew arranġamenti dwarl-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat. 3. Meta tiġi trasferita informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, għandhom jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f’dan l-Artikolu. Artikolu 20 Il-metodu tat-trasferiment Il-Partijiet għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti biss fuq il-bażi tal-metodu ‘push’ u f’konformità mal-proċeduri segwenti li għandhom jiġu osservati mit-trasportaturi tal-ajru:
Artikolu 21 Il-frekwenza tat-trasferimenti 1. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titlob lit-trasportatur tal-ajru biex jittrasferixxi d-dejta tal-PNR:
2. Il-Kanada għandha tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lit-trasportaturi tal-ajru bil-ħinijiet speċifiċi għat-trasferimenti. 3. F’każijiet speċifiċi, fejn ikun hemm indikazzjoni li jkun meħtieġ aċċess addizzjonali għal reazzjoni kontra xi theddida speċifika relatata mal-kamp ta’ applikazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 3, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tista’ titlob lit-trasportatur tal-ajru jipprovdi d-dejta tal-PNR qabel, bejn jew wara t-trasferimenti skedati. Fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, il-Kanada għandha taġixxi b’mod ġudizzjuż u proporzjonat u tuża l-metodu ta’ trasferiment deskritt fl-Artikolu 20. Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u finali Artikolu 22 Id-dejta tal-PNR riċevuta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim Il-Kanada għandha tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun qed iżżomm fiż-żmien meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Artikolu 23 Reċiproċità 1. Jekk l-Unjoni Ewropea tadotta reġim tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR għall-Unjoni Ewropea, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw jekk il-Ftehim għandux jiġi emendat biex jiżguraw li jkun hemm reċiproċità sħiħa. 2. L-awtoritajiet tal-Kanada u tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkooperaw bejniethom biex ifittxu l-koerenza tar-reġimi tagħhom tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR b’tali mod li tissaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Kanada, tal-Unjoni Ewropea u ta’ bnadi oħra. Artikolu 24 Nonderogabbiltà Dan il-Ftehim m’għandux jiġi interpretat bħala li jidderoga minn kwalunkwe obbligu bejn il-Kanada u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi terzi biex issir u biex tiġi mwieġba talba għall-assistenza taħt strument ta’ assistenza reċiproka. [...] Artikolu 26 Konsultazzjoni, rieżami u emendi [...] 2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu rieżami konġunt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, minn hemm ’il quddiem b’intervalli regolari, u addizzjonalment jekk jintalab minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u jiġi deċiż konġuntement. [...] Artikolu 28 Tul ta’ żmien 1. Suġġett għall-paragrafu 2, dan il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ seba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. 2. Fi tmiem kull perjodu ta’ seba’ snin, dan il-Ftehim jiġġedded awtomatikament għal seba’ snin oħra, ħlief jekk xi Parti tavża lill-oħra li ma jkollhiex intenzjoni li ġġedded dan il-Ftehim. Il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub u b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ seba’ snin. 3. Il-Kanada għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim. [...] Anness L-elementi, imsemmijin fl-Artikolu 2(b), tad-dejta [PNR]
|
VI. Evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu
A. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub
31 |
Skont il-Parlament, għalkemm il-ftehim maħsub ifittex, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi l-metodi li permezz tagħhom id-data PNR għandha tkun protetta, madankollu, l-għan aħħari tiegħu huwa l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ din in-natura tipprekludi t-trasferiment tad-data PNR lejn pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data personali. B’hekk, il-ftehim maħsub huwa intiż biex joħloq forma ta’ “deċiżjoni ta’ adegwatezza”, fis-sens tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, biex joffri bażi legali għat-trasferiment tad-data PNR mill-Unjoni lejn il-Kanada. Dan l-approċċ huwa identiku għal dak adottat qabel fil-ftehim tal-2006 u fid-Deċiżjoni 2006/253, fejn din tal-aħħar ittieħdet abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46. |
32 |
B’hekk, l-għażla tal-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE bħala bażijiet legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija żbaljata. Din id-deċiżjoni għandha minflok tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16 TFUE, peress li dan l-artikolu japplika għall-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk imsemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relattiv għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, liema ħaġa hija kkonfermata mid-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernamentali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 345). |
33 |
Il-kontenut tal-ftehim maħsub jikkonferma, skont il-Parlament, l-evalwazzjoni tiegħu li tgħid li l-komponent prinċipali ta’ dan il-ftehim jirrigwarda l-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, il-maġġoranza l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub, b’mod partikolari l-artikoli prinċipali tiegħu li huma l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5, li jikkostitwixxu l-bażi legali tat-trasferiment legali tad-data PNR mill-Unjoni lejn il-Kanada, jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, dan il-ftehim jipprevedi mhux it-trasferiment tad-data PNR mill-awtoritajiet Ewropej lill-awtoritajiet Kanadiżi, iżda t-trasferiment ta’ din id-data minn individwi, jiġifieri l-kumpanniji tal-ajru, lil dawn l-awtoritajiet. B’hekk, huwa diffiċli li jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu proprjament taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja u dik tal-pulizija. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-ftehim maħsub, intitolat “Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja”, għandu biss natura anċillari meta mqabbel mal-Artikoli 4 u 5 tiegħu, peress li ma jistax japplika mingħajr ma dawn l-aħħar artikoli jkunu ġew huma stess applikati qabel. Fil-fatt, il-Kanada ma tkunx tista’ tikkomunika l-informazzjoni inkwistjoni mingħajr ma tkun irċeviet minn qabel id-data PNR min-naħa tat-trasportaturi tal-ajru, li, min-naħa tagħhom, jistgħu biss jittrażmettu d-data PNR lill-Kanada abbażi ta’ “deċiżjoni ta’ adegwatezza”. Barra minn hekk, dan l-istess Artikolu 6 ma jirregolax l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati u jirreferi biss għall-ftehimiet internazzjonali l-oħra f’dan il-qasam. |
34 |
Jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-ftehim maħsub ifittex għanijiet indissoċjabbli minn xulxin, b’hekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun tista’ tiġi bbażata fuq l-Artikolu 16, fuq il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Fir-rigward ta’ eventwali applikabbiltà tal-Protokolli Nri 21 u 22, il-Parlament ifakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 49), li tgħid li ma għandhiex impatt fuq il-legalità tal-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni l-konsegwenza li dan jista’ jkollu fir-rigward tal-applikazzjoni jew le ta’ wieħed mill-protokolli annessi mat-Trattati. |
B. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
35 |
Fid-dawl tad-dubji serji espressi mill-KEPD b’mod partikolari fl-opinjoni tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2013, u tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), il-Parlament iqis li hemm inċertezza legali fir-rigward tal-kwistjoni jekk ftehim maħsub huwiex kompatibbli mal-Artikolu 16 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 7, mal-Artikolu 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
36 |
Skont il-Parlament, it-trasferiment tad-data PNR mill-Unjoni lejn il-Kanada għall-finijiet ta’ aċċess eventwali għal din id-data mill-awtoritajiet Kanadiżi, kif previst mill-ftehim maħsub, jidħol fil-kuntest tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fil-fatt, din id-data, ikkunsidrata b’mod sħiħ, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna fir-rigward tal-ħajja privata tal-persuni li d-data PNR tagħhom tiġi pproċessata, bħall-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tagħhom, il-vjaġġi u l-attivitajiet tagħhom. B’hekk dan il-ftehim jinvolvi indħil ta’ firxa wiesgħa u ta’ serjetà partikolari fid-drittijiet fundamentali żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
37 |
Filwaqt li jfakkar ir-rekwiżiti li jinsabu, minn naħa, fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 8(2) tagħha, il-Parlament iqis għandu jiġi mistoqsi jekk il-ftehim maħsub jikkostitwixxix “liġi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u jekk jistax iservi bħala bażi għal limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet żgurati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Issa, filwaqt li t-terminu “liġi” jikkoinċidi mal-kunċett ta’ “att leġiżlattiv” previst mit-Trattat FUE, ftehim internazzjonali ma jikkostitwixxix tali att leġiżlattiv, b’mod li tqum il-kwistjoni jekk ikunx iktar adattat li jiġi adottat att intern, ibbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE, pjuttost milli jiġi konkluż ftehim internazzjonali, abbażi tal-Artikolu 218 TFUE, bħall-ftehim maħsub. |
38 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Parlament jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 47 u 48) u jqis li, f’dan il-każ, is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tinsab ridotta u li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-prinċipju għandu jkun strett peress li, b’mod partikolari, hemm inkwistjoni indħil fi drittijiet fundamentali. |
39 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont is-sentenza tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0701JUD005824300, §§ 62 u 63), u minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja skont is-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-ftehim maħsub għandu jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effettiv din id-data kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data. |
40 |
Fl-ewwel lok, il-Parlament jistaqsi, b’mod ġenerali, dwar in-natura neċessarja, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tal-implementazzjoni ta’ “sistema PNR”. Fil-fatt, sa issa, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma pprovawx, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija effettivament neċessarja. |
41 |
Fit-tieni lok, il-Parlament isostni li l-ftehim maħsub jikkonċerna b’mod globali lill-passiġġieri tal-ajru kollha, mingħajr ma dawn ikunu jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal proċeduri kriminali u mingħajr ma hija meħtieġa relazzjoni bejn id-data PNR tagħhom u t-theddida għas-sigurtà pubblika. Ma’ dan in-nuqqas ġenerali ta’ limiti jiżdied il-fatt li l-kriterji u l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-ftehim huma vagi u ma jippermettux limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data PNR mill-awtoritajiet Kanadiżi għall-minimu neċessarju. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ftehim imsemmi ma jissuġġettax l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet Kanadiżi għal verifika minn qabel imwettqa jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, intiża sabiex dan l-aċċess kif ukoll l-użu tad-data msemmija jkunu limitati għall-minimu neċessarju għall-finijiet tal-kisba tal-għan imfittex, u jsir wara talba mmotivata indirizzata lil din il-qorti jew entità, ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. |
42 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tul tal-konservazzjoni tad-data PNR, iffissat għal ħames snin mill-Artikolu 16 tal-ftehim maħsub, dan japplika mingħajr ebda distinzjoni għall-passiġġieri tal-ajru kollha. Barra minn hekk, il-Kunsill ma pprovda ebda ġustifikazzjoni, ibbażata fuq kriterji oġġettivi, f’dak li jikkonċerna l-għażla ta’ tali tul ta’ żmien. Jekk jitqies li t-tul ta’ tliet snin u nofs previst mill-ftehim tal-2006 kien ammissibbli, tqum il-kwistjoni għal liema raġuni dan it-tul ta’ żmien kellu jiżdied għal ħames snin. |
43 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Parlament isostni li l-ftehim maħsub ma jiżgurax li l-miżuri li jkollhom jadottaw l-awtoritajiet Kanadiżi ser ikunu xierqa u jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 8 tal-Karta u tal-Artikolu 16 TFUE. |
VII. Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Osservazzjonijiet bil-miktub relattivi għal din it-talba għal opinjoni ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Bulgaru u dak Estonjan, mill-Irlanda, mill-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ Franza u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. |
45 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet għal risposta bil-miktub lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, skont l-Artikolu 196(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, stiednet ukoll lill-KEPD biex jirrispondihom. Dan ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni
46 |
Il-Gvern Franċiż u l-Kunsill għandhom dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda ta’ din it-talba għal opinjoni. Fil-fatt, minn naħa, meta jressaq din id-domanda, il-Parlament la jpoġġi indiskussjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi l-ftehim maħsub u lanqas it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, l-użu, anki żbaljat, tal-Artikoli 82 u 87 TFUE ma għandu ebda impatt fuq il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill relattiva għall-konklużjoni tal-ftehim maħsub, peress li kemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 16 TFUE kif ukoll dik tal-Artikoli 82 u 87 TFUE jeħtieġu li tingħata deċiżjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. B’hekk, fiż-żewġ każijiet, japplika l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, b’mod li hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament. |
B. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub
47 |
Il-Gvern Bulgaru u dak Estonjan, l-Irlanda, il-Gvern ta’ Franza u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-għan prinċipali tal-ftehim maħsub huwa li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza pubblika, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ewwel sat-tielet u l-ħames paragrafi tal-preambolu tiegħu kif ukoll mill-Artikoli 1 u 3 tiegħu. Kieku l-protezzjoni tad-data personali kellha wkoll titqies li tikkostitwixxi għan ta’ dan il-ftehim, dan ikun anċillari fil-konfront tal-għan prinċipali. |
48 |
Il-Kunsill u Il-Kummissjoni jżidu li, għalkemm huwa minnu li t-trasferiment tad-data PNR lejn pajjiżi terzi għandu jirrispetta l-Karta, madankollu, l-istipulazzjonijiet tal-ftehim maħsub dwar il-protezzjoni ta’ din id-data jikkostitwixxu biss l-istrument li permezz tiegħu dan il-ftehim isegwi l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. B’hekk, il-fatt li l-ftehim imsemmi jiffissa, permezz ta’ numru sinjifikattiv ta’ stipulazzjonijiet, il-metodi u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tad-data PNR biex jiġu osservati d-drittijiet fundamentali u b’hekk joħloq forma ta’ “deċiżjoni ta’ adegwatezza” ma jneħħix il-fatt li l-għan prinċipali ta’ dan l-istess ftehim jibqa’ s-sigurtà u s-sikurezza pubblika. L-Artikolu 16 TFUE jkun jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa ta’ att biss meta l-għan prinċipali tiegħu jkun il-protezzjoni tad-data personali. Bil-kontra, atti intiżi għar-realizzazzjoni ta’ linji ta’ politika settorjali li jeżiġu ċertu pproċessar tad-data personali għandhom ikunu bbażati fuq il-bażi legali li tikkorrispondi għall-politika kkonċernata u għandhom josservaw kemm l-Artikolu 8 tal-Karta u l-atti tal-Unjoni adottati abbażi tal-Artikolu 16 TFUE. |
49 |
Fir-rigward ta’ kumulu eventwali tal-Artikolu 16, tal-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, bħala bażijiet legali materjali tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, il-Gvern Franċiż isostni, sussidjarjament, li tali kumulu huwa possibbli peress li dawn il-bażijiet legali huma kompatibbli bejniethom sa fejn kollha jipprevedu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ċertament, bħala prinċipju, fid-dawl tal-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit kif ukoll id-Danimarka ma jipparteċipawx, abbażi tal-Protokolli Nri 21 u 22, fl-adozzjoni tal-atti li jidħlu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, att ma jistax ikun ibbażat fl-istess ħin fuq dispożizzjonijiet li jidħlu taħt dan it-Titolu u fuq dispożizzjonijiet li ma jidħlux taħtu. Madankollu, f’każ ta’ adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 16 TFUE, ta’ regoli li jikkonċernaw l-ipproċessar, mill-Istati Membri, ta’ data personali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, l-Irlanda u r-Renju Unit kif ukoll id-Danimarka ma jipparteċipawx fl-adozzjoni tagħhom, peress li dawn l-Istati Membri ma humiex, konformement mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 u mal-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, marbuta minn tali regoli. |
50 |
Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, il-kumulu tal-Artikolu 16 TFUE, minn naħa, u tal-Artikoli 82 u 87 TFUE, min-naħa l-oħra, ma huwiex legalment ammissibbli, fid-dawl tar-regoli speċifiċi li jirregolaw il-metodi ta’ votazzjoni fi ħdan il-Kunsill li jirriżultaw mill-Protokolli Nri 21 u 22 fir-rigward tal-parteċipazzjoni, rispettivament, tal-Irlanda u tar-Renju Unit kif ukoll tad-Danimarka. |
C. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta
51 |
L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonkludu, essenzjalment, favur il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta. |
52 |
F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-Gvern Estonjan u dak Franċiż jingħaqdu mal-pożizzjoni adottata mill-Parlament li tgħid li l-ftehim maħsub jinvolvi tali indħil peress li, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, jobbliga lill-Unjoni biex ma tipprekludix it-trasferimenti tad-data PNR lill-awtorità Kanadiża kompetenti, u peress li, fl-Artikolu 3 tiegħu, jipprevedi l-ipproċessar ta’ din id-data mill-awtorità msemmija. Madankollu, il-Gvern Franċiż iqis li tali ndħil ma għandux jiġi kkwalifikat bħala partikolarment serju, fid-dawl tal-fatt li l-firxa tiegħu hija inqas vasta minn dik li kienet tirriżulta mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). Barra minn hekk, id-data PNR ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru. |
53 |
L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-ftehim maħsub isegwi għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. |
54 |
F’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu mal-Parlament u josservaw, b’mod partikolari, filwaqt li jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54) kif ukoll għall-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 95/46, li l-ftehim maħsub għandu jipprovdi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-indħil inkwistjoni u garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effettiv id-data personali kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data u kull użu tagħha ta’ natura illegali. |
55 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura neċessarja tat-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tammetti li ma hemmx statistika preċiża li tippermetti li tkun magħrufa l-kontribuzzjoni ta’ din id-data għall-prevenzjoni u l-iskoperta tal-kriminalità u t-terroriżmu, kif ukoll għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fil-qasam. Madankollu, in-natura indispensabbli tal-użu tad-data PNR hija kkonfermata minn informazzjoni li toriġina minn pajjiżi terzi u minn Stati Membri li diġà jużaw din id-data għal finijiet ta’ repressjoni. B’mod partikolari, dwar dan is-suġġett, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-2 ta’ Frar 2011, dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u delitti serji [COM(2011) 32 final], tipprovdi li l-esperjenza miksuba f’ċerti pajjiżi turi li l-użu tad-data PNR wassal b’mod partikolari għal progress sinjifikattiv fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu li ppermettiet li jinftiehmu aħjar il-kompożizzjoni u l-funzjonament tan-netwerks terroristiċi u tan-netwerks kriminali oħra. |
56 |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Kanadiżi ppreżentaw informazzjoni li turi li d-data PNR ikkontribwixxiet b’mod deċiżiv għall-identifikazzjoni ta’ persuni suspetti potenzjali ta’ atti ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità serja. B’hekk, filwaqt li 28 miljun passiġġier tal-ajru taru bejn l-Unjoni u l-Kanada matul il-perijodu minn April 2014 sa’ Marzu 2015, din id-data ppermettiet li jiġu interpellati 178 persuna kif ukoll li jsir qbid ta’ drogi f’71 każ u ta’ materjal ta’ natura pedopornografika f’żewġ każijiet. Id-data msemmija għamlet ukoll possibbli l-bidu jew it-tkomplija ta’ investigazzjonijiet b’rabta mat-terroriżmu f’169 każ. Finalment, mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Settembru 2010, dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi [COM(2010) 492 final, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni COM(2010) 492”], jirriżulta li l-Unjoni għandha l-obbligu “lejha nnifisha u lejn il-pajjiżi terzi li tikkoopera magħhom fil-ġlieda kontra [t-theddid terroristiku u l-forom serji ta’ kriminalità internazzjonali]”. |
57 |
Il-Gvern Estonjan, l-Irlanda, il-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ Franza u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni huma, essenzjalment, tal-fehma li l-ftehim maħsub josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u li dan il-każ huwa differenti minn dak inkwistjoni fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). Il-mekkaniżmu previst minn dan il-ftehim iktar jixbah lil dak tal-kontroll sistematiku mwettaq mal-fruntieri esterni kif ukoll mal-kontrolli ta’ sigurtà mwettqa fl-ajruporti milli għall-konservazzjoni tad-data bħal dik stabbilita mid-Direttiva 2006/24. Barra minn hekk, il-ftehim imsemmi, li n-natura u l-effetti tiegħu huma ħafna iktar limitati minn dawk ta’ din id-direttiva, fih, diversament minn din, regoli stretti fir-rigward tal-kundizzjonijiet u limiti tal-aċċess għad-data u tal-użu ta’ din tal-aħħar, kif ukoll regoli relattivi għas-sigurtà tal-imsemmija data. Finalment, dan l-istess ftehim jipprevedi sorveljanza minn awtorità indipendenti tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati fir-rigward tat-trasferiment u tal-ipproċessar tad-data tagħhom, dritt ta’ aċċess u ta’ rettifika, kif ukoll rimedji amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni jiġu osservati. |
58 |
Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li jgħid li l-ftehim maħsub ma jissuġġettax it-trasferiment tad-data PNR għall-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà pubblika, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jargumentaw, essenzjalment, li l-użu ta’ tali data huwa intiż sabiex jippermetti li jiġu identifikati persuni li sa dak il-punt ma jkunux magħrufa mis-servizzi kompetenti bħala li jippreżentaw riskju potenzjali għas-sigurtà, peress li l-persuni magħrufa f’dan ir-rigward jistgħu jiġu identifikati fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura minn qabel dwar il-passiġġieri tal-ajru. B’hekk, kieku kienet awtorizzata biss it-trażmissjoni tad-data PNR li tikkonċerna lill-persuni diġà mmarkati bħala li jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà, l-għan ta’ prevenzjoni ma jkunx jista’ jintlaħaq. |
59 |
Fir-rigward tal-limiti dwar l-użu tad-data PNR, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-referenza għal-liġi Kanadiża li tinsab fl-Artikolu 3(3) tal-ftehim maħsub ma tippermettix li jiġi konkluż li dan il-ftehim huwa vag wisq. F’dan ir-rigward, dawn l-istituzzjonijiet josservaw li huwa diffiċli ħafna li, fi ftehim internazzjonali, jiġu inseriti biss kunċetti previsti mid-dritt tal-Unjoni. F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3(5)(b) ta’ dan il-ftehim, l-imsemmija istituzzjonijiet josservaw li din id-dispożizzjoni tirrifletti l-obbligu impost mill-Kostituzzjoni Kanadiża fuq l-awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi kollha li jikkonformaw ruħhom ma’ deċiżjoni maħruġa mill-awtorità ġudizzjarja u li għandha setgħa vinkolanti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-aċċess għad-data PNR għandu jiġi eżaminat mill-awtorità ġudizzjarja fid-dawl tal-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità u li dan għandu jiġi mmotivat fid-deċiżjoni ġudizzjarja. Finalment, fil-prattika, l-awtoritajiet Kanadiżi qatt ma implementaw din id-dispożizzjoni mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-2006. |
60 |
Fir-rigward tal-limiti dwar l-awtoritajiet u l-persuni li għandhom aċċess għad-data PNR, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-assenza ta’ identifikazzjoni tal-awtorità Kanadiża kompetenti fil-ftehim previst hija kwistjoni ta’ natura proċedurali li ma taffettwax l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minn dan il-ftehim. F’kull każ, f’Ġunju 2014, il-Kanada informat lill-Unjoni li l-awtorità kompetenti Kanadiża, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-ftehim imsemmi, hija s-CBSA. Peress li, konformement mal-Artikolu 16(2) tal-ftehim maħsub, il-Kanada għandha tirrestrinġi l-aċċess għad-data PNR għal “għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward”, minn dan jirriżulta li huma biss l-aġenti tas-CBSA li huma awtorizzati li jirċievu u jipproċessaw din id-data. Finalment, garanziji addizzjonali huma inklużi fl-Artikolu 9(2)(a) u (b) kif ukoll fl-Artikolu 9(4) u (5) ta’ dan il-ftehim. |
61 |
F’dak li jikkonċerna l-fatt li l-ftehim maħsub ma jissuġġettax l-aċċess għad-data PNR għal kontroll bil-quddiem minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva indipendenti, l-Irlanda tqis li tali kontroll ma huwiex indispensabbli fid-dawl tal-garanziji li jinsabu diġà fl-Artikoli 11 sa 14, 16, 18 u 20 ta’ dan il-ftehim. Il-Gvernijiet tal-Estonja u tar-Renju Unit iqisu li ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati bil-quddiem il-kriterji li jikkorrispondu għad-data PNR li għandha tiġi pproċessata, b’tali mod li ma tistax tiġi meħtieġa b’mod sistematiku l-kisba ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem. Għalhekk, tali awtorizzazzjoni tista’ biss tkun ġenerali u, għaldaqstant, ma tagħti ebda valur miżjud. |
62 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-komunikazzjoni tad-data PNR lil awtoritajiet oħra, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikoli 1, 3, 18 u 19 tal-ftehim maħsub jiddefinixxu b’mod strett l-għanijiet għalfejn tista’ tiġi pproċessata din id-data kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-tixrid tagħha. F’kull każ, hekk kif tenfasizza din l-istituzzjoni, kull komunikazzjoni tad-data PNR għandha, konformement mal-Artikolu 17 tal-imsemmi ftehim, tiġi rreġistrata u dokumentata, u għandha tkun is-suġġett ta’ kontroll a posteriori mill-awtorità indipendenti. |
63 |
Fir-rigward tat-tul ta’ konservazzjoni tad-data PNR, il-Gvernijiet tal-Estonja u ta’ Franza, l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju fil-kuntest globali tal-ftehim maħsub. Fid-dawl tan-natura kumplessa u diffiċli tal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw fatti ta’ terroriżmu u ta’ kriminalità transnazzjonali serja, jista’ jkun li jgħaddi xi perijodu bejn il-vjaġġ imwettaq minn passiġġier ikkonċernat minn tali fatti u l-mument meta l-awtoritajiet repressivi jkollhom bżonn jaċċedu għad-data PNR, sabiex jiskopru, ifittxu jew jipproċedu kontra tali reati. L-għeluq ta’ proċeduri kriminali jista’, jekk ikun il-każ, iseħħ iktar minn ħames snin wara t-trażmissjoni tad-data PNR. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 ta’ dan il-ftehim li jimponu metodi stretti fir-rigward tal-iżvelar tad-data PNR, bil-għan li tiġi protetta iktar id-data personali, kif ukoll dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tal-ftehim imsemmi, li jipprevedu sistema speċjali għad-data sensittiva. |
64 |
Il-Kunsill u Il-Kummissjoni jżidu li t-tul tal-konservazzjoni tad-data PNR għandu, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46, jiġi ddeterminat skont in-natura neċessarja ta’ din id-data fir-rigward tat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-ġbir tagħha, b’tali mod li l-proporzjonalità ta’ tul ta’ konservazzjoni partikolari ma tistax tiġi stabbilita b’mod astratt. Dawn l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li t-tul ta’ konservazzjoni ta’ ħames snin previst mill-ftehim maħsub tqies mill-partijiet f’dan il-ftehim li huwa strettament neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnu. Dawn iżidu li, min-naħa l-oħra, terminu ta’ tliet snin u nofs, bħal dak li kien previst fil-ftehim tal-2006, kien, skont il-Kanada, ta’ natura li jipprekludi li d-data PNR tintuża b’mod effettiv għall-iskoperta tas-sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju għoli ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità organizzata, fid-dawl tal-fatt li l-investigazzjonijiet jeħtieġu ż-żmien. Barra minn hekk, il-ftehim maħsub jipprovdi, fl-Artikolu 16(3) tiegħu, depersonalizzazzjoni inizjali tad-data PNR 30 ġurnata wara li tiġi rċevuta u depersonalizzazzjoni addizzjonali wara sentejn. |
65 |
Fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data minn awtorità indipendenti, kif rikjest mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u mill-Artikolu 16(2) TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-fatt li l-ftehim previst ma jidentifikax l-awtorità Kanadiża kompetenti ma jpoġġix indiskussjoni l-adegwatezza tal-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Kanada. Dawn l-istituzzjonijiet iżidu li l-identità tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 10 u 14 ta’ dan il-ftehim ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni. |
66 |
Fir-rigward tal-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 30), li tgħid li awtorità ta’ superviżjoni għandha tgawdi minn indipendenza li tippermettilha teżerċita l-missjonijiet tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal influwenza esterna, il-Kummissjoni tosserva li l-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata huwa awtorità indipendenti kemm fuq livell istituzzjonali kif ukoll fuq livell funzjonali. Il-Kummissjoni żżid li, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni Kanadiża ma tistabbilixxix dritt ta’ aċċess għall-barranin li ma jgħixux fil-Kanada, kellu jiġi previst, fl-Artikoli 10 u 14 tal-ftehim maħsub, l-istabbiliment ta’ “awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi” sabiex jiġi żgurat li l-persuni potenzjalment ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, inkluż fost dawn id-dritt ta’ aċċess. |
VIII. Teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
67 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, konformement mal-Artikoli 217 u 218 TFUE, jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5, u tal-11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary, C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163, punt 29; opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 180]. Id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għalhekk għandhom ikunu kompletament kompatibbli mat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom. |
A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni
68 |
Skont l-Artikolu 218(11) TFUE, Stat Membru, il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. |
69 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tfittex li tevita l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata eventwalment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, li dan il-ftehim huwa, jew minħabba l-kontenut tiegħu, jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tistax ma toħloqx, mhux biss fuq il-livell intern tal-Unjoni iżda wkoll fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ tikkawża preġudizzju lill-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż lill-Istati terzi [opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 145 u 146 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
70 |
Għandu għalhekk ikun possibbli li jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(1) TFUE l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jqajmu dubji dwar il-validità sostantiva jew proċedurali tal-ftehim fid-dawl tat-Trattati. F’dan ir-rigward, sentenza dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattati tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mhux biss minn dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll minn dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv [ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 300(6) KE, l-opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi skont il-GATS), tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ kwistjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim internazzjonali mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TFUE u, konsegwentement, mal-garanziji rrikonoxxuti mill-Karta, peress li din tal-aħħar għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. |
71 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali adatta għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali peress li l-Unjoni, li għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, għandha torbot l-atti li hija tadotta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jagħtuha s-setgħa li tadotta tali atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 47). |
72 |
Għaldaqstant, l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jinvalida l-att ta’ konklużjoni nnifsu u, għalhekk, jivvizzja l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-ftehim li din tal-aħħar tkun iffirmat. |
73 |
L-argument tal-Gvern Franċiż u tal-Kunsill, fis-sens li l-għażla eventwalment żbaljata tal-bażi legali, f’dan il-każ, ma għandhiex effett fuq il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi l-ftehim maħsub, fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan ir-rigward, jew fuq il-proċedura għall-adozzjoni li għandha tiġi segwita, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà tat-tieni kwistjoni mqajma permezz ta’ din it-talba għal opinjoni. |
74 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-funzjoni, mfakkra fil-punt 69 ta’ din l-opinjoni, tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, li tikkonsisti fil-prevenzjoni, permezz ta’ riferiment minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ eventwali komplikazzjonijiet, fuq il-livell tal-Unjoni u fuq livell internazzjonali, li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att li jikkonkludi ftehim internazzjonali, is-sempliċi riskju ta’ tali dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa suffiċjenti sabiex jiġi ammess ir-riferiment lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar x’effetti prattiċi jkollha, f’każ partikolari, l-għażla żbaljata tal-bażi jew tal-bażijiet legali fuq il-validità ta’ att li jikkonkludi ftehim internazzjonali, bħad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, hija marbuta b’mod inseparabbli mal-eżami tal-mertu tal-kwistjoni dwar il-bażi legali adatta u għalhekk ma tistax tiġi evalwata fil-kuntest tal-ammissibbiltà ta’ talba għal opinjoni. |
75 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal opinjoni hija ammissibbli kollha kemm hi. |
B. Fuq il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub
76 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż dak adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 29, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att ifittex li jilħaq żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala l-għan jew il-komponent prinċipali filwaqt li l-ieħor huwa biss għan jew komponent anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk, għall-kuntrarju, jiġi stabbilit li l-att ifittex li jilħaq diversi għanijiet simultanjament jew għandu diversi komponenti li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed huwa anċillari għal ieħor, b’mod li huma applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, tali miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Madankollu, l-użu ta’ bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażijiet ikunu inkompatibbli (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑155/07, EU:C:2008:605, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi ddeterminata l-bażi legali adatta għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub. |
1. Fuq l-għan u l-kontenut tal-ftehim maħsub
80 |
Kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim maħsub, il-partijiet kontraenti għandhom l-intenzjoni li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ dan il-ftehim. Għal dan il-għan, l-Artikolu 1 tal-imsemmi ftehim, intitolat “L-Għan tal-Ftehim”, jipprovdi li “il-Partijiet jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u għall-użu tad-[data PNR] biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jippreskrivu l-mezzi li bihom tiġi protetta d-dejta”. |
81 |
F’dak li jirrigwarda l-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà tas-sikurezza tal-pubbliku, previst f’dan l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim maħsub jispeċifika, b’mod partikolari, li l-partijiet ifittxu li jipprevjenu, jiġġieldu kontra, jrażżnu u jeliminaw it-terroriżmu, ir-reati marbuta mat-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità transnazzjonali serja. F’din il-perspettiva, dan il-preambolu jenfasizza, fit-tieni u fir-raba’ paragrafi tiegħu, l-importanza, minn naħa, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-reati marbuta mat-terroriżmu u l-forom l-oħra ta’ kriminalità transnazzjonali serja u, min-naħa l-oħra, tal-użu tad-data PNR u tal-qsim tal-informazzjoni għall-finijiet ta’ din il-ġlieda. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-ħames paragrafu tal-imsemmi preambolu jirrileva li għandhom jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw it-trasferiment ta’ data PNR mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada sabiex tiġi ssalvagwardata s-sigurtà pubblika u għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Fl-aħħar nett, is-sittax-il paragrafu tal-istess preambolu jenfasizza l-importanza tal-qsim tad-data PNR u tal-informazzjoni analitika adatta u rilevanti li jkun fiha data PNR miksuba mill-Kanada mal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, mal-Europol u mal-Eurojust, sabiex titrawwem il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja internazzjonali. |
82 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika permezz ta’ trasferiment ta’ data PNR lejn il-Kanada u tal-użu tagħha fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, inkluż permezz tal-qsim ta’ din id-data mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll mal-Europol u mal-Eurojust. |
83 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni għan previst fl-Artikolu 1 tal-ftehim maħsub, jiġifieri l-preskrizzjoni tal-mezzi ta’ protezzjoni tad-data PNR, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni, is-sitt u s-seba’ paragrafi tal-preambolu ta’ dan il-ftehim jenfasizzaw in-neċessità li jiġu rrispettati, konformement mal-impenji tal-Unjoni skont l-Artikolu 6 TUE, id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, rispettivament, filwaqt li jfakkru li l-partijiet kontraenti jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata. |
84 |
Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-ftehim maħsub jirriżulta li r-regoli li l-awtorità Kanadiża kompetenti għandha tosserva fl-ipproċessar tad-data PNR jitqiesu li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, b’mod li dan il-ftehim ifittex li jilħaq ukoll l-għan li jiġi ggarantit tali livell ta’ protezzjoni tal-imsemmija data. |
85 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 1 tal-ftehim maħsub jipprevedi espressament iż-żewġ għanijiet li dan il-ftehim ifittex li jilħaq. |
86 |
F’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-ftehim maħsub, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tiegħu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” (Artikoli 1 sa 6), tinkludi l-Artikolu 5 tiegħu, li jipprovdi li l-awtorità Kanadiża kompetenti, sakemm tikkonforma ruħha mal-imsemmi ftehim, titqies li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, meta tipproċessa u tuża d-data PNR, u li kull trasportatur tal-ajru li jipprovdi tali data lill-Kanada, b’eżekuzzjoni tal-istess ftehim, jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tat-trasferiment ta’ din id-data mill-Unjoni lill-Kanada. Din l-ewwel parti tinkludi wkoll l-Artikolu 4 tal-ftehim maħsub, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux impediti milli jittrasferixxu data PNR lill-awtorità Kanadiża kompetenti, liema awtorità, skont l-Artikolu 2(d) ta’ dan il-ftehim, hija inkarigata li tirċievi u li tipproċessa din id-data. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-imsemmi ftehim, li jistabbilixxi l-għanijiet li jiġġustifikaw l-ipproċessar tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan l-ipproċessar huwa awtorizzat biss għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja, filwaqt li, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, jipprevedi eċċezzjonijiet limitati ferm għal din ir-regola. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6 tal-istess ftehim, id-data PNR u l-informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha tali data għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija tal-Istati Membri, lill-Europol u lill-Eurojust jew għandha tiġi reża disponibbli lilhom, konformement mal-ftehimiet u mal-arranġamenti dwar l-infurzar tal-liġi jew l-iskambju ta’ informazzjoni. |
87 |
Fit-tieni parti tagħha, intitolata “Is-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR” (Artikoli 7 sa 21), il-ftehim maħsub jistabbilixxi regoli u prinċipji li jirregolaw u jillimitaw l-użu tad-data PNR fil-Kanada mill-awtorità Kanadiża kompetenti kif ukoll l-iżvelar tagħha lil awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dan il-pajjiż terz u lil awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi oħra. Għaldaqstant, il-ftehim maħsub jinkludi, fl-Artikolu 7 tiegħu, klawżola ta’ nondiskriminazzjoni u, fl-Artikolu 8 tiegħu, regola speċifika għad-data sensittiva flimkien ma’ kundizzjonijiet limitattivi fir-rigward tal-użu ta’ din id-data. Din it-tieni parti tipprevedi wkoll regoli, li jinsabu fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan il-ftehim, rispettivament, u li jirrigwardaw, minn naħa, is-sigurtà u l-integrità tad-data PNR u, min-naħa l-oħra, is-sorveljanza tal-osservanza tal-garanziji li jinsabu fl-imsemmi ftehim. F’dak li jirrigwarda l-Artikoli 11 sa 14 tal-istess ftehim, dawn jipprevedu regola ta’ trasparenza u jistabbilixxu d-drittijiet tal-persuni li d-data PNR tagħhom hija kkonċernata, bħad-dritt ta’ aċċess għad-data, id-dritt li jitolbu l-korrezzjoni tagħha u d-dritt għal rimedju. |
88 |
Fit-tieni parti wkoll, il-ftehim maħsub jeżiġi, fl-Artikolu 15 tiegħu, li l-Kanada ma tiħux deċiżjonijiet li jipproduċu effetti sinjifikattivi negattivi abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR u jipprevedi, fl-Artikolu 16 tiegħu, regoli relatati, b’mod partikolari, mat-tul taż-żamma ta’ din id-data kif ukoll mas-satra u mal-kxif tagħhom. Barra minn hekk, din it-tieni parti tistabbilixxi, fl-Artikoli 18 u 19 tagħha, regoli dwar l-iżvelar tal-imsemmija data mill-awtorità Kanadiża kompetenti u tipprevedi, fl-Artikoli 20 u 21 tagħha, regoli li jirregolaw il-metodu u l-frekwenza tat-trasferimenti tal-istess data. |
89 |
Mid-diversi konstatazzjonijiet dwar il-kontenut tal-ftehim maħsub jirriżulta li dan tal-aħħar jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ sistema komposta minn serje ta’ regoli intiżi li jipproteġu d-data personali u li, kif jiddikjara l-ħmistax-il paragrafu ta’ dan il-ftehim, il-Kanada timpenja ruħha li tosserva fl-ipproċessar tad-data PNR. |
90 |
Fid-dawl kemm tal-għanijiet tiegħu kif ukoll tal-kontenut tiegħu, il-ftehim maħsub għalhekk għandu żewġ komponenti, wieħed li jirrigwarda n-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika u l-ieħor li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data PNR. |
91 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar liema wieħed minn dawn iż-żewġ komponenti huwa predominanti, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li t-trasferiment tad-data PNR mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada u l-użu tagħha mill-awtorità kompetenti Kanadiża huma ġġustifikati biss, bħala tali, mill-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika f’dan il-pajjiż u fi ħdan l-Unjoni. |
92 |
Madankollu, il-kontenut tal-ftehim maħsub huwa kkostitwit, f’parti kbira tiegħu, minn regoli dettaljati li jiżguraw li t-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada bil-għan li tintuża għal finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika jitwettaq taħt kundizzjonijiet konformi mal-protezzjoni tad-data personali. |
93 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-trasferiment ta’ data personali, bħad-data PNR, mill-Unjoni lejn pajjiż terz tista’ sseħħ b’mod leġittimu biss jekk, f’dan il-pajjiż, ikunu jeżistu regoli li jiżguraw livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali li jkun essenzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 68 u 74). |
94 |
Minn dan jirriżulta li ż-żewġ komponenti tal-ftehim maħsub huma marbuta b’mod inseparabbli. Għalhekk it-tnejn li huma għandhom jitqiesu li huma ta’ natura essenzjali. |
2. Fuq il-bażi legali adatta fid-dawl tat-Trattat FUE
95 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija marbuta, fl-ewwel lok, direttament mal-għan li jfittex li jilħaq l-Artikolu 16(2) TFUE. |
96 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, bla ħsara għall-Artikolu 39 TUE, bażi legali adatta meta l-protezzjoni tad-data personali tkun waħda mill-għanijiet jew komponenti essenzjali tar-regoli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, inklużi dawk li jidħlu fil-qafas tal-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija, kif jikkonfermaw l-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 u l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, kif ukoll id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din l-opinjoni. |
97 |
Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16 TFUE. |
98 |
Fit-tieni lok, din id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata wkoll fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għall-finijiet tal-Artikolu 87(1) TFUE, li skontu l-Unjoni “għandha tistabbilixxi kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri”, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu miżuri dwar “il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti”. |
99 |
Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-informazzjoni rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, fl-oqsma tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward, jistgħu jinkludu data personali u, min-naħa l-oħra, li t-termini “ipproċessar” u “skambju” ta’ tali data jkopru kemm it-trasferiment tagħha lejn awtoritajiet tal-Istati Membri li jkunu kompetenti f’dan il-qasam kif ukoll l-użu tagħha minn dawn l-awtoritajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, miżuri dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn awtoritajiet kompetenti fl-oqsma tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward u dwar l-ipproċessar ta’ din id-data mill-istess awtoritajiet jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija prevista fl-Artikolu 87(2)(a) TFUE u jistgħu jkunu bbażati fuq din id-dispożizzjoni. |
100 |
F’dan il-każ, il-ftehim maħsub jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli li jirregolaw kemm it-trasferiment tad-data PNR lejn l-awtorità Kanadiża kompetenti kif ukoll l-użu ta’ din id-data minn din l-awtorità. Skont l-Artikolu 2(d), moqri flimkien tal-Artikolu 3(1), ta’ dan il-ftehim, l-imsemmija awtorità hija kompetenti sabiex tipproċessa d-data PNR għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmi ftehim jipprovdi li l-Kanada għandha taqsam, minn naħa, hekk kif ikun prattikabbli, informazzjoni analitika rilevanti u adatta li jkun fiha data PNR mal-Europol u mal-Eurojust kif ukoll mal-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu jipprovdi li, fuq talba ta’ dawn l-aġenziji u awtoritajiet, il-Kanada għandha taqsam, f’każijiet partikolari, id-data PNR jew informazzjoni analitika li jkun fiha din id-data, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reat terroristiku jew ta’ att ta’ kriminalità transnazzjonali serja, fi ħdan l-Unjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 105 u 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess ftehim għalhekk jirrigwarda l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 87(2)(a) u huwa marbut ukoll, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 80 ta’ din l-opinjoni, mal-għan tal-Artikolu 87(1) TFUE. |
101 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-data PNR tinġabar inizjalment minn trasportaturi tal-ajru għal finijiet kummerċjali u mhux minn awtorità kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward ma jistax, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, jipprekludi l-Artikolu 87(2)(a) TFUE milli jikkostitwixxi wkoll bażi legali adatta għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub. |
102 |
Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma tistax tkun ibbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Parlament u għall-Kunsill li jadottaw miżuri li “jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet”. |
103 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub ma tfittex li tiffaċilita tali kooperazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-awtorità Kanadiża kompetenti, din tal-aħħar la tikkostitwixxi awtorità ġudizzjarja u lanqas awtorità ekwivalenti. |
104 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ din l-opinjoni, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 16(2) kif ukoll fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, sakemm tali kombinazzjoni ta’ bażijiet legali ma tkunx eskluża konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 78 ta’ din l-opinjoni. |
3. Fuq il-kompatibbiltà tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 87(2)(a) TFUE
105 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 TFUE, huma l-bażijiet legali sostantivi tad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li jiddeterminaw it-tip ta’ proċedura applikabbli skont l-Artikolu 218(6) TFUE (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 58). |
106 |
Iż-żewġ bażijiet legali sostantivi applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, jipprevedu l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li timplika l-vot bil-maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament. Għaldaqstant, l-użu konġunt ta’ waħda u tal-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jinvolvix, bħala prinċipju, proċeduri ta’ adozzjoni differenti. |
107 |
Madankollu, il-Kunsill isostni essenzjalment li, minħabba d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Protokolli Nru 21 u Nru 22, ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill ivarjaw skont jekk deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tkunx ibbażata fuq l-Artikolu 16(2) jew fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
108 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ma humiex ta’ natura li jkollhom kwalunkwe effett, ikun xi jkun, fuq il-kwistjoni tal-bażi legali adatta għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 73). |
109 |
Madankollu, sa fejn differenza fir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill tista’ twassal għall-inkompatibbiltà tal-bażijiet legali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 58, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 47 u 48), għandu jiġi vverifikat l-effett tal-imsemmija protokolli fuq ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt, bħala bażi għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub, tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
110 |
F’dak li jirrigwarda l-Protokoll Nru 21, mill-premessa 5 tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub jirriżulta li l-Irlanda u r-Renju Unit innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll ma huma ser ikollhom ebda effett fuq ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt, bħala bażi għall-imsemmija deċiżjoni, tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
111 |
F’dak li jirrigwarda l-Protokoll Nru 22, dan tal-aħħar ifittex li jistabbilixxi, kif jirriżulta mit-tielet sal-ħames paragrafi tal-preambolu tiegħu u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, qafas legali li jippermetti lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja permezz tal-adozzjoni, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ miżuri li ma jorbtux lil dan l-Istat Membru, filwaqt li joffru lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżuri f’dan il-qasam u li jintrabat bihom taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmi protokoll. |
112 |
Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 22 jistabbilixxi li r-Renju tad-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka ma huwiex marbut b’tali miżuri. Konformement mal-Artikolu 2a tal-imsemmi protokoll, dan l-Artikolu 2 għandu “japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16 [TFUE] li jikkonċernaw [l-ipproċessar tad-]data ta’ tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Trattat”, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
113 |
F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 16 kif ukoll fuq l-Artikolu 87 TFUE u, għalhekk, taqa’ taħt il-Kapitolu 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE sa fejn għandha tkun ibbażata fuq l-imsemmi Artikolu 87 TFUE, ir-Renju tad-Danimarka la ser ikun marbut, skont l-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22, bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lanqas, għaldaqstant, bil-ftehim maħsub. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll, ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
114 |
Kuntrarjament għal dak li jidher li jissuġġerixxi l-Kunsill, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bil-fatt li l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22 jillimita ruħu li jirreferi għall-Artikolu 2 mingħajr madankollu ma jeskludi espliċitament il-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka fl-adozzjoni ta’ regoli li huma bbażata fuq l-Artikolu 16 TFUE u li huma previsti fih. |
115 |
F’dan ir-rigward, minn qari sistematiku ta’ dan il-protokoll jirriżulta li l-Artikolu 2 tiegħu ma jistax jinqara u jiġi applikat indipendentement mill-Artikolu 1 tal-imsemmi protokoll. Fil-fatt, ir-regola, prevista fl-imsemmi Artikolu 2, li skontha r-Renju tad-Danimarka ma huwiex marbut bil-miżuri, bid-dispożizzjonijiet u bid-deċiżjonijiet previsti fih, hija marbuta intrinsikament mar-regola, prevista fl-imsemmi Artikolu 1, li skontha dan l-Istat Membru ma jipparteċipax fl-adozzjoni tal-miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, b’mod li dawn iż-żewġ regoli ma jistgħux jinftiehmu mingħajr xulxin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment tal-Artikolu 2a għall-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 22 għandu neċessarjament jiġi interpretat bħala li jirreferi wkoll għall-Artikolu 1 tiegħu. |
116 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, imur kontra l-għan tal-Protokoll Nru 22, imfakkar fil-punt 111 ta’ din l-opinjoni li r-Renju tad-Danimarka jitħalla jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li l-bażi legali tiegħu huwa kemm l-Artikolu 16 TFUE kif ukoll waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, mingħajr ma jkun marbut b’dan l-att. |
117 |
Għalhekk, f’dan il-każ, il-Protokoll Nru 22 ma jistax iwassal għal regoli tal-vot differenti fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
118 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda ta’ din it-talba għal opinjoni għandha tkun li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub għandha tkun ibbażata konġuntament fuq l-Artikolu 16(2) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
C. Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta
119 |
Sa fejn il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta tirreferi għall-Artikolu 16 TFUE u għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet ifformulati mill-Parlament fit-talba tiegħu għal opinjoni, din l-istituzzjoni għandha titqies li qiegħda titlob l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub, b’mod partikolari, mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. |
120 |
Sa fejn l-evalwazzjonijiet segwenti jirrigwardaw il-kompatibbiltà tal-ftehim maħsub mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, irrikonoxxut kemm mill-Artikolu 16(1) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 8 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħmel riferiment biss għat-tieni dispożizzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li kemm waħda kif ukoll l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li kull persona għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha, huwa biss l-Artikolu 8 tal-Karta li jistabbilixxi b’mod iktar speċifiku, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kundizzjonijiet li taħthom tali data tista’ tiġi pproċessata. |
1. Fuq id-drittijiet fundamentali kkonċernati u l-indħil f’dawn id-drittijiet
121 |
Skont il-lista li tinsab fl-anness tal-ftehim maħsub, id-data PNR prevista minn dan il-ftehim tinkludi, b’mod partikolari, minbarra l-isem tal-passiġġier jew tal-passiġġieri tal-ajru, informazzjoni neċessarja għall-prenotazzjoni, bħad-dati previst tal-vjaġġ u l-itinerarju tal-vjaġġ, informazzjoni dwar il-biljetti, il-gruppi ta’ persuni rreġistrati taħt l-istess numru ta’ prenotazzjoni, id-dettalji tal-passiġġier jew tal-passiġġieri, informazzjoni dwar il-mezzi ta’ ħlas jew il-ħruġ tal-fattura, informazzjoni dwar il-bagalji u rimarki ġenerali dwar il-passiġġieri. |
122 |
Għaldaqstant, peress li d-data PNR tinkludi informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati, jiġifieri l-passiġġieri tal-ajru li jtiru bejn l-Unjoni u l-Kanada, id-diversi forom ta’ pproċessar li, skont il-ftehim maħsub, din id-data tista’ tiġi suġġetta għalihom, jiġifieri t-trasferiment tagħha mill-Unjoni lejn il-Kanada, l-aċċess għaliha bil-għan li tintuża jew inkella li tinżamm, jaffettwaw id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Fil-fatt, dan id-dritt jikkonċerna kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew li tista’ tiġi identifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52; tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 42, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 26). |
123 |
Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 8 tal-Karta minħabba l-fatt li jikkostitwixxi pproċessar tad-data personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u, konsegwentement, għandu neċessarjament jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data previsti fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 49; tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 52, u tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 29). |
124 |
Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni ta’ data personali lil terz, bħalma hija awtorità pubblika, tikkostitwixxi indħil fid-dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta, ikun xi jkun l-użu sussegwenti tal-informazzjoni kkomunikata. Dan japplika wkoll għaż-żamma tad-data personali kif ukoll għall-aċċess għall-imsemmija data bil-għan li tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, ftit jimporta jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew li l-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 74 u 75; tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 33 sa 35, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 87). |
125 |
Għaldaqstant, kemm it-trasferiment tad-data PNR mill-Unjoni lejn l-awtorità Kanadiża kompetenti kif ukoll il-qafas ta’ regoli nnegozjat mill-Unjoni fir-rigward taż-żamma ta’ din id-data, tal-użu tagħha u tal-eventwali trasferimenti sussegwenti tagħha lil awtoritajiet Kanadiżi oħra, lill-Europol, lill-Eurojust, lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija tal-Istati Membri jew lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi oħra, li jippermettu, b’mod partikolari, l-Artikoli 3, 4, 6, 8, 12, 15, 16, 18 u 19 tal-ftehim maħsub, jikkostitwixxu indħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. |
126 |
Dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu wkoll indħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li jikkostitwixxu pproċessar tad-data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 25, u tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 36). |
127 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ftehim maħsub jippermetti t-trasferiment sistematiku u kontinwu tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha li jtiru bejn l-Unjoni u l-Kanada. |
128 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk ċerta data PNR, meħuda waħedha, ma tidhirx li tista’ tiżvela informazzjoni importanti dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, jibqa’ l-fatt li, meħuda kumplessivament, l-imsemmija data tista’, inter alia, tiżvela itinerarju ta’ vjaġġ sħiħ, drawwiet ta’ vvjaġġar, relazzjonijiet eżistenti bejn żewġ persuni jew iktar kif ukoll informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-passiġġieri tal-ajru, id-drawwiet tal-ikel tagħhom jew l-istat ta’ saħħa tagħhom, u tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni sensittiva dwar dawn il-passiġġieri, kif iddefinita fl-Artikolu 2(e) tal-ftehim maħsub. |
129 |
Il-karatteristiċi inerenti fir-regoli dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data PNR, previsti mill-ftehim maħsub, jikkonfermaw in-natura reali tal-indħil awtorizzat minn dan il-ftehim. |
130 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 21(1) tal-ftehim maħsub, l-imsemmija data għandha tiġi ttrasferita, qabel it-tluq skedat tal-passiġġier tal-ajru kkonċernat u sservi prinċipalment, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-osservazzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-KEPD kif ukoll mill-punt 2.1 tal-Komunikazzjoni COM(2010) 492, bħala “għodda ta’ intelligence”. |
131 |
Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-punt 2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni u kif ikkonfermaw b’mod partikolari l-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-KEPD fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-data PNR ittrasferita hija intiża, abbażi tal-ftehim maħsub, li tiġi analizzata b’mod sistematiku qabel il-wasla tal-ajruplan fil-Kanada b’mezzi awtomatizzati, ibbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel. L-imsemmija data tista’ wkoll tiġi vverifikata awtomatikament permezz ta’ kontrolli inkroċjati ma’ databases oħra. Issa, tali pproċessar jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru. |
132 |
Barra minn hekk, dawn l-analiżijiet jistgħu jagħtu lok għal verifiki addizzjonali fil-fruntieri fir-rigward tal-passiġġieri tal-ajru identifikati bħala li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika u, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ dawn il-verifiki, għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali li jkollhom effetti vinkolanti fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmija analiżijiet jitwettqu mingħajr ma jkunu jeżistu raġunijiet ibbażati fuq ċirkustanzi individwali li jippermettu li jitqies li l-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw risku għas-sigurtà pubblika. Fl-aħħar nett, peress li t-tul ta’ żamma tad-data PNR, skont l-Artikolu 16(1) tal-ftehim maħsub, jista’ jestendi sa ħames snin, dan il-ftehim jippermetti li informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri tal-ajru tkun disponibbli għal tul ta’ żmien partikolarment twil. |
2. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta mill-ftehim maħsub
133 |
L-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tal-Karta jagħti espliċitament lil kull persuna d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha. |
134 |
Dan id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jeżiġi, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-kontinwità tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali mogħti mid-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiż terz. Għalkemm il-mezzi intiżi li jiggarantixxu tali livell ta’ protezzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk implementati fi ħdan l-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-mezzi għandhom madankollu, fil-prattika, jirriżultaw li jkunu effettivi sabiex jiżguraw protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita fi ħdan l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 72 sa 74). |
135 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Karta, huwa neċessarju “li tiġi msaħħa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dawl ta’ l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi”. |
136 |
Madankollu, id-drittijiet irrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 80; tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 48, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 33). |
137 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta, id-data personali għandha, b’mod partikolari, tiġi pproċessata “għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”. |
138 |
Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tagħhom. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u tkun issodisfatta l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
139 |
Għandu jingħad ukoll li r-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81). |
140 |
F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq il-livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56; tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 51 u 52; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 96 u 103). |
141 |
Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet ittrasferita jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta b’mod effikaċi mir-riskju ta’ abbuż. B’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun inkwistjoni l-protezzjoni tal-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 54 u 55, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 109 u 117; ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:1204JUD003056204, § 103). |
a) Fuq il-bażi għall-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub
142 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk it-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha humiex ibbażati fuq il-“kunsens” tal-passiġġieri tal-ajru jew fuq “bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li tali pproċessar tad-data PNR ifittex li jilħaq għan differenti minn dak li għalih tinġabar din id-data mit-trasportaturi tal-ajru. |
143 |
Għaldaqstant, tali pproċessar ma jistax jitqies li huwa bbażat fuq il-kunsens mogħti mill-passiġġieri tal-ajru sabiex din id-data tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru għal finijiet ta’ prenotazzjoni, b’mod li jeħtieġ, bħala tali, jew kunsens speċifiku tal-passiġġieri tal-ajru jew bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi. |
144 |
Peress li ebda dispożizzjoni tal-ftehim maħsub ma jissuġġetta t-trasferiment lejn il-Kanada tad-data PNR u l-ipproċessar sussegwenti tagħha għall-kunsens tal-passiġġieri tal-ajru kkonċernati, għandu jiġi vverifikat jekk dan il-ftehim jikkostitwixxix bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta. |
145 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Parlament li l-ftehim maħsub ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, u, għaldaqstant, tal-Artikolu 52(1) tagħha, peress li ma jikkostitwixxix “att leġiżlattiv”, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jirnexxi. |
146 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 218(6) TFUE jirrifletti, fuq livell estern, it-tqassim tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet applikabbli fuq livell intern u jistabbilixxi simetrija bejn il-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri tal-Unjoni fuq livell intern u l-proċedura għall-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, bil-għan li jiġi ggarantit li, fir-rigward ta’ qasam partikolari, il-Parlament u l-Kunsill ikollhom l-istess setgħat, b’osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 56). Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali li jkopru oqsma li għalihom, fuq livell intern, tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, prevista fl-Artikolu 294 TFUE, teħtieġ, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, l-approvazzjoni tal-Parlament, b’mod li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 192 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali ftehim jista’ jitqies li huwa, fuq livell estern, l-ekwivalenti ta’ dak li huwa att leġiżlattiv fuq livell intern. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma ġie sostnut f’din il-proċedura li l-ftehim maħsub jista’ ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà meħtieġa sabiex l-indħil li jinvolvi jista’ jitqies li huwa stabbilit mil-liġi fis-sens tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
147 |
Minn dan jirriżulta li t-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada huwa bbażat fuq “bażi oħra” li hija “stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta. F’dak li jirrigwarda l-punt jekk din il-bażi hijiex leġittima, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, din il-kwistjoni tikkoinċidi, f’dan il-każ, mal-kwistjoni jekk l-għan li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq huwiex ta’ interess ġenerali, li ser tiġi eżaminata fil-punti 148 et seq ta’ din l-opinjoni. |
b) Fuq l-għan ta’ interess ġenerali u r-rispett tal-essenza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni
148 |
Kif ġie kkonstatat fil-punt 82 ta’ din l-opinjoni, il-ftehim maħsub ifittex, b’mod partikolari, li jiggarantixxi s-sigurtà pubblika permezz ta’ trasferiment ta’ data PNR lejn il-Kanada u tal-użu tagħha fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja. |
149 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 jipprevedi d-dritt ta’ kull persuna mhux biss għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 42 u 44, u tal-15 ta’ Frar 2016, J.N.N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 53). |
150 |
F’dak li jirrigwarda l-essenza tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, irrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta, anki jekk id-data PNR tista’, jekk ikun il-każ, tiżvela informazzjoni preċiża ħafna dwar il-ħajja privata ta’ persuna, in-natura ta’ din l-informazzjoni hija limitata għal ċerti aspetti ta’ din il-ħajja privata, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-vjaġġi bl-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni. F’dak li jirrigwarda l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, irrikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-Karta, il-ftehim maħsub, fl-Artikolu 3 tiegħu, jillimita l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data PNR u, fl-Artikolu 9 tiegħu, jipprevedi regoli intiżi li jiżguraw, b’mod partikolari, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità ta’ din id-data, kif ukoll li jipproteġuha mill-aċċess u mill-ipproċessar illegali. |
151 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub jista’ jkun iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni u ma huwiex ta’ natura li jippreġudika l-essenza tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
c) Fuq l-idoneità tal-ipproċessar tad-data PNR previst mill-ftehim maħsub fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika
152 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk it-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha f’dan il-pajjiż terz humiex idonei sabiex jiżguraw is-sigurtà pubblika, jirriżulta mill-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni COM(2010) 492 li l-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw il-passaġġieri tal-ajru permezz tal-analiżi ta’ din id-data qabel il-wasla tagħhom “[t]iffaċilita ġeneralment u [t]ħaffef l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u tal-kontroll tal-fruntiera”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, skont l-informazzjoni pprovduta mis-CBSA, l-ipproċessar tad-data PNR, fost riżultati oħra, kienet ippermettiet li jiġu arrestati 178 persuna fost it-28 miljun vjaġġatur li taru bejn l-Unjoni u l-Kanada bejn il-perijodu minn April 2014 sa’ Marzu 2015. |
153 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment tad-data PNR lejn il-Kanada u l-ipproċessar sussegwenti tagħha jistgħu jitqiesu li huma idonei sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika, li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq. |
d) Fuq in-natura neċessarja tal-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub
154 |
F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tal-indħil li jinvolvi l-ftehim maħsub, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 140 u 141 ta’ din l-opinjoni, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u, f’dan il-kuntest, jekk dan il-ftehim jipprevedix regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li jipprevedi. |
1) Fuq id-data PNR prevista mill-ftehim maħsub
i) Fuq in-natura suffiċjentement preċiża tal-ftehim maħsub fir-rigward tad-data PNR li għandha tiġi ttrasferita
155 |
F’dak li jirrigwarda d-data prevista mill-ftehim maħsub, dan il-ftehim għandu jiddefinixxi b’mod ċar u preċiż id-data PNR li t-trasportaturi tal-ajru huma mitluba jittrasferixxu lejn il-Kanada b’applikazzjoni tal-imsemmi ftehim. |
156 |
F’dan ir-rigward, għalkemm id-19-il intestatura tad-data PNR li jinsabu fl-anness tal-ftehim maħsub jikkorrispondu, skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, għall-Anness I tal-Linji gwida tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar id-data PNR, għandu madankollu jiġi enfasizzat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 217 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-intestatura 5, li tipprevedi l-“informazzjoni disponibbli dwar vjaġġaturi frekwenti u dwar il-benefiċċji (biljetti b’xejn, titjib fil-klassi tal-ivvjaġġar eċċ.)”, u l-intestatura 7, li tkopri “[l]-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)”, ma jiddefinixxux b’mod suffiċjentement ċar u preċiż id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita. |
157 |
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-intestatura 5, l-użu tat-terminu “eċċ.” ma jiddeterminax b’mod suffiċjenti l-portata tad-data li għandha tiġi ttrasferita. Barra minn hekk, it-termini ta’ din l-intestatura ma jippermettux li jsir magħruf jekk din tal-aħħar tikkonċernax informazzjoni biss dwar l-istatus tal-passiġġieri tal-ajru fi programmi ta’ lealtà jew jekk, għall-kuntrarju, tikkonċernax l-informazzjoni kollha dwar il-vjaġġi bl-ajru u dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ tali programmi. |
158 |
Bl-istess mod, bil-fatt li tuża t-termini “[l]-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti”, l-intestatura 7 ma tiddeterminax b’mod suffiċjenti l-portata tad-data li għandha tiġi ttrasferita. B’mod partikolari, hija ma tispeċifikax liema tip ta’ informazzjoni dwar kuntatti tkopri u lanqas jekk din l-informazzjoni dwar kuntatti tkoprix ukoll, kif jista’ jiġi dedott mit-tweġiba bil-miktub tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dik ta’ terzi li jkunu wettqu l-prenotazzjoni tat-titjira għall-passiġġier tal-ajru, dik ta’ terzi li permezz tagħhom passiġġier tal-ajru jkun jista’ jiġi kkuntattjat, jew dik ta’ terzi li għandhom jiġu informati fil-każ ta’ emerġenza. |
159 |
F’dak li jirrigwarda l-intestatura 8, din tirrigwarda “[l]-informazzjoni kollha disponibbli dwar ħlas/ħruġ ta’ kontijiet (mhux inklużi dettalji oħra ta’ tranżazzjonijiet marbuta ma’ karta tal-kreditu jew kont u mhux marbuta mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar)”. Huwa minnu li din l-intestatura tista’ tidher li hija partikolarment wiesgħa inkwantu tuża l-espressjoni “[l]-informazzjoni kollha disponibbli”. Madankollu, kif jirriżulta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija intestatura għandha titqies li tkopri biss l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ ħlas u dwar il-ħruġ tal-fattura għall-biljett tal-ajru, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni oħra li ma hijiex marbuta direttament mat-titjira. Interpretata f’dan is-sens, l-istess intestatura 8 tista’ għalhekk titqies li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. |
160 |
F’dak li jirrigwarda l-intestatura 17, din tirrigwarda r-“[r]imarki ġenerali inkluża Informazzjoni Supplimentari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u Informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR)”. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni, din l-intestatura tikkostitwixxi intestatura msejħa “test liberu” (free text), li hija intiża li tinkludi“l-informazzjoni supplimentari kollha”, b’żieda ma’ dik li barra minn hekk hija elenkata fl-anness tal-ftehim maħsub. Għaldaqstant, tali intestatura ma tagħti ebda indikazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, u tidher li tista’ saħansitra tinkludi informazzjoni li ma għandha ebda rabta mal-għan tat-trasferiment tad-data PNR. Barra minn hekk, peress li l-informazzjoni prevista fl-imsemmija intestatura hija pprovduta biss bħala eżempju, kif jidher mill-użu tat-terminu “inkluża”, l-istess intestatura ma tistabbilixxi ebda limitazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-informazzjoni li tista’ tkun inkluża fiha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intestatura 17 ma tistax titqies li hija limitata b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti. |
161 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-intestatura 18, din tirrigwarda “[k]walunkwe dejta dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni”. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, din l-informazzjoni tikkorrispondi għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/82, jiġifieri n-numru u t-tip tad-dokument tal-vjaġġ użat, in-nazzjonalità, l-isem sħiħ, id-data tat-twelid, il-punt tal-qsim tal-fruntiera użat għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri, il-kodiċi tat-trasport, is-sigħat tat-tluq u tal-wasla tal-mezz ta’ trasport, in-numru totali ta’ persuni ttrasportati u l-punt ta’ mbark inizjali. Sa fejn din l-intestatura tiġi interpretata fis-sens li tkopri biss l-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija tista’ titqies li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. |
162 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tal-ftehim maħsub, li jipprevedu l-obbligu tal-Kanada li tħassar kwalunkwe data PNR ittrasferita lilha jekk ma tinsabx fil-lista tal-anness ta’ dan il-ftehim, ma jippermettux li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ preċiżjoni li bih huma vvizzjati l-intestaturi 5, 7 u 17 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, sa fejn din il-lista ma tillimitax, bħala tali, b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti, id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ta’ natura li jirrimedjaw l-inċertezzi dwar id-data PNR li għandha tiġi ttrasferita. |
163 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dak li jirrigwarda d-data PNR li għandha tiġi ttrasferita lejn il-Kanada, l-intestaturi 5, 7 u 17 tal-anness tal-ftehim maħsub ma jillimitawx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż il-portata tal-indħil fid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
ii) Fuq id-data sensittiva
164 |
F’dak li jirrigwarda t-trasferiment tad-data sensittiva fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-ftehim maħsub, din id-dispożizzjoni tiddefinixxiha bħala l-informazzjoni kollha li tiżvela “l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f’xi trejdunjin”, jew li tirrigwarda “is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna”. Għalkemm ebda waħda mid-19-il intestatura li jinsabu fl-anness ta’ dan il-ftehim ma tirreferi espliċitament għal data ta’ din in-natura, din tal-aħħar madankollu tista’ taqa’ taħt l-intestatura 17, kif ikkonfermat, b’mod partikolari, il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikoli 8 u 16 tal-ftehim maħsub jipprevedu regoli speċifiċi dwar l-użu u ż-żamma tad-data sensittiva jimplika neċessarjament li l-partijiet fl-istess ftehim aċċettaw il-possibbiltà li tali data tista’ tiġi ttrasferita lejn il-Kanada. |
165 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kull miżura bbażata fuq il-premessa li karatteristika waħda jew iktar li tinsab fl-Artikolu 2(e) tal-ftehim maħsub tista’, fiha nfisha u indipendentement mill-aġir individwali tal-ivjaġġatur ikkonċernat, tkun rilevanti fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar tad-data PNR, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, tikser id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tagħha. Fid-dawl tar-riskju ta’ pproċessar ta’ data li jmur kontra l-Artikolu 21 tal-Karta, trasferiment ta’ data sensittiva lejn il-Kanada jeħtieġ ġustifikazzjoni preċiża u partikolarment solida, ibbażata fuq motivi differenti mill-protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. Issa, f’dan il-każ, tali ġustifikazzjoni hija nieqsa. |
166 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda l-ipproċessar ta’ data sensittiva fl-Artikolu 6(4), fl-Artikolu 7(6) u fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132). |
167 |
Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fiż-żewġ punti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprekludu kemm it-trasferiment tad-data sensittiva lejn il-Kanada kif ukoll il-qafas ta’ regoli nnegozjat mill-Unjoni ma’ dan l-Istat terz fir-rigward tal-użu u taż-żamma ta’ tali data mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz. |
2) Fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR
168 |
Kif jirriżulta mill-punti 130 sa 132 ta’ din l-opinjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 252 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-data PNR ittrasferita lejn il-Kanada hija prinċipalment intiża li suġġetta għal analiżijiet b’mezzi awtomatizzati, ibbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel u fuq kontrolli inkroċjati ma’ diversi databases. |
169 |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 130 u 131 ta’ din l-opinjoni, l-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw il-passiġġieri tal-ajru għas-sigurtà pubblika titwettaq permezz ta’ analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR qabel il-wasla ta’ dan il-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada. Sa fejn dawn l-analiżijiet jitwettqu abbażi ta’ data personali mhux ivverifikata u sa fejn ikunu bbażati fuq mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel, huma jkollhom neċessarjament ċertu marġni ta’ żball, kif ammettew b’mod partikolari l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni waqt is-seduta. |
170 |
Kif jirriżulta mill-punt 30 tal-opinjoni tal-KEPD dwar l-abbozz ta’ Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (ĠU 2008, C 110, p. 1), li għaliha rrefera l-KEPD fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-marġni ta’ żball jidher li huwa sinjifikattiv. |
171 |
Huwa minnu li, f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ pproċessar awtomatizzat tad-data PNR, l-Artikolu 15 tal-ftehim maħsub jipprovdi li l-Kanada ma għandhiex tieħu “deċiżjonijiet li jkunu jolqtu passiġġier b’mod sinifikattivament negattiv abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR”. Bl-istess mod, l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, li jillimita l-għanijiet ta’ kull ipproċessar ta’ din id-data mill-awtorità Kanadiża kompetenti, u l-Artikolu 7 tal-imsemmi ftehim, li jinkludi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni, japplikaw għal dan it-tip ta’ pproċessar. |
172 |
Madankollu, il-portata tal-indħil li jinvolvu l-analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR fid-drittijiet irrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tiddependi essenzjalment mill-mudelli u mill-kriterji stabbiliti minn qabel u mid-databases li fuqhom ikun ibbażat dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 169 u 170 ta’ din l-opinjoni, il-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom ikunu, minn naħa, speċifiċi u affidabbli, b’mod li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 256 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikunu jistgħu jwasslu għal riżultati li jimmiraw l-individwi li fuqhom jista’ jaqa’ suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità transnazzjonali serja u, min-naħa l-oħra, nondiskriminatorji. Bl-istess mod, għandu jiġi speċifikat li d-databases li magħhom isiru l-kontrolli inkroċjati tad-data PNR għandhom ikunu affidabbli, aġġornati u limitati għal databases użati mill-Kanada b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. |
173 |
Barra minn hekk, sa fejn l-analiżijiet awtomatizzati tad-data PNR jinvolvu neċessarjament ċertu marġni ta’ żball, kif ġie kkonstatat fil-punt 169 ta’ din l-opinjoni, kwalunkwe riżultat pożittiv miksub wara pproċessar awtomatizzat tal-imsemmija data għandu jkun suġġett, skont l-Artikolu 15 tal-ftehim maħsub, għal eżami mill-ġdid individwali b’mezzi mhux awtomatizzati qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali li tipproduċi effetti negattivi fil-konfront tal-passiġġieri tal-ajru kkonċernati. Għaldaqstant, skont l-imsemmi Artikolu 15, tali miżura ma tistax tkun ibbażata b’mod deċiżiv sempliċement fuq ir-riżultat ta’ trattament awtomatizzat tad-data PNR. |
174 |
Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ggarantit, fil-prattika, li l-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel, l-użu li jsir minnhom u d-databases użati ma jkunux ta’ natura diskriminatorja u jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, l-affidabbiltà u l-aġġornament ta’ dawn il-mudelli u ta’ dawn il-kriterji stabbiliti minn qabel kif ukoll tad-databases użati għandhom ikunu s-suġġett, fid-dawl tal-istatistika u tar-riżultati tar-riċerka internazzjonali, tal-eżami konġunt tal-implementazzjoni tal-ftehim maħsub, previst fl-Artikolu 26(2) tiegħu. |
3) Fuq l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data PNR
i) Prevenzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja
175 |
L-Artikolu 3(1) tal-ftehim maħsub jipprovdi li d-data PNR tista’ tiġi pproċessata mill-awtorità Kanadiża kompetenti biss għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta, ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew tal-kriminalità transnazzjonali serja. |
176 |
F’dak li jirrigwarda t-termini “reati terroristiċi”, l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi b’mod ċar u preċiż kemm l-attivitajiet koperti minn dawn it-termini kif ukoll il-persuni, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet li jistgħu jitqiesu li huma “entità terroristika”. |
177 |
Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda t-termini “[k]riminalità transnazzjonali serja”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-ftehim maħsub jiddefinixxi b’ċarezza u bi preċiżjoni l-grad ta’ serjetà tar-reati kkonċernati, billi jimponi li dawn tal-aħħar jkunu punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin jew b’piena iktar ħarxa. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda n-natura tal-imsemmija reati, din id-dispożizzjoni għandha wkoll titqies li hija suffiċjentement preċiża sa fejn tirreferi għar-reati ddefiniti mil-liġi Kanadiża. Fl-aħħar nett, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi b’mod ċar u preċiż id-diversi sitwazzjonijiet li fihom reat jitqies li huwa ta’ natura transnazzjonali. |
178 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-ftehim maħsub jinkludi regoli ċari, preċiżi u limitati għal dak li huwa strettament neċessarju. |
ii) Għanijiet oħra
179 |
L-Artikolu 3(4) tal-ftehim maħsub jippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, lill-awtorità Kanadiża kompetenti tipproċessa d-data PNR meta dan ikun neċessarju sabiex tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe persuna, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskju ta’ mewt jew ta’ korriment gravi jew ta’ riskju sinjifikattiv għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari kif meħtieġ mill-istandards irrikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5)(a) u (b) ta’ dan il-ftehim jawtorizza lill-Kanada tipproċessa d-data PNR “fuq bażi ta’ każ b’każ”, għall-finijiet li “tiżgura s-sorveljanza jew ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika” u li “tikkonforma mat-taħrikiet jew mal-mandati ta’ arrest maħruġa minn xi qorti jew mal-ordnijiet li tkun tat”, rispettivament. |
180 |
Peress li l-Artikolu 3(4) tal-ftehim maħsub jillimita għall-protezzjoni tal-interessi vitali tal-persuni l-każijiet li fihom l-awtorità Kanadiża kompetenti tista’, għal finijiet li ma humiex marbuta ma’ dawk li huma inerenti fil-ftehim maħsub u li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, tuża d-data PNR miġbura skont l-imsemmi ftehim, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi b’mod ċar u preċiż il-każijiet li fihom tali użu huwa ammissibbli. Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li l-awtorità Kanadiża kompetenti hija awtorizzata tagħmel dan biss fuq bażi eċċezzjonali, għandu jitqies li l-istess dispożizzjoni tinkludi regoli li huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju. |
181 |
Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-każijiet li fihom, skont l-Artikolu 3(5)(a) u (b) tal-ftehim maħsub, il-Kanada tista’ tipproċessa d-data PNR hija vaga u ġenerali wisq sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa. Ir-regoli stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għalhekk ma jidhrux li huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li l-imsemmi ftehim ifittex li jilħaq. |
4) Fuq l-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub
182 |
Skont l-Artikolu 2(d) tal-ftehim maħsub, l-awtorità Kanadiża kompetenti hija inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-data PNR skont dan il-ftehim. Skont l-Artikolu 5 tiegħu, din l-awtorità titqies li tiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni meta tipproċessa u tuża l-imsemmija data. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ħmistax-il paragrafu tal-preambolu tal-imsemmi ftehim, il-Kanada timpenja ruħha sabiex l-imsemmija awtorità tikkonforma ruħha mal-garanziji, stabbiliti fl-istess ftehim, dwar ir-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. |
183 |
Għalkemm l-identità tal-awtorità Kanadiża kompetenti ma hijiex indikata bħala tali fil-ftehim maħsub, l-Artikolu 30(2)(a) tiegħu jobbliga lill-Kanada tinnotifika din l-identità lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim. Għaldaqstant, dan tal-aħħar huwa suffiċjentement ċar u preċiż fir-rigward tal-identità tal-awtorità Kanadiża kompetenti. |
184 |
Barra minn hekk, għandu tabilħaqq jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi ftehim ma jispeċifikax l-identità tal-“awtoritajiet governattivi oħra fil-Kanada” li lilhom l-awtorità Kanadiża kompetenti hija awtorizzata, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, tiżvela d-data PNR. Madankollu, mill-Artikolu 18(1)(a), (c) u (e) tal-ftehim maħsub jirriżulta ċar li d-data PNR tista’ tiġi kkomunikata biss lil awtoritajiet “li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3”, meta l-komunikazzjoni tkun “neċessarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3” u bil-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet joffru “protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji deskritt f’dan il-Ftehim”. |
185 |
Sa fejn diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub, jiġifieri l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 8(3) sa (5), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 17 ta’ dan il-ftehim, jindikaw il-“Kanada” bħala l-entità responsabbli għall-ipproċessar tad-data PNR previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-imsemmi ftehim għandu jinftiehem li jindika jew l-awtorità Kanadiża kompetenti, jew l-awtoritajiet previsti fl-Artikolu 18 tiegħu. Interpretati f’dan is-sens, l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 6(1) u (2), l-Artikolu 8(3) sa (5), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 17 tal-ftehim maħsub jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. |
5) Fuq il-passiġġieri tal-ajru kkonċernati
186 |
Il-ftehim maħsub ikopri d-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha li jtiru bejn l-Unjoni u l-Kanada. It-trasferiment ta’ din id-data lejn il-Kanada sseħħ indipendentement minn kwalunkwe element oġġettiv li jippermetti li jitqies li l-passiġġieri jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika fil-Kanada. |
187 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punti 152 u 169 ta’ din l-opinjoni, id-data PNR hija intiża, b’mod partikolari, li tiġi suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat. Issa, kif sostnew diversi intervenjenti, dan l-ipproċessar ifittex li jidentifika r-riskju għas-sigurtà pubblika li jistgħu eventwalment jippreżentaw persuni li, f’dak l-istadju, ma jkunux magħrufa mid-dipartimenti kompetenti u li, minħabba f’dan ir-riskju, jistgħu jiġu suġġetti għal eżami bir-reqqa. F’dan ir-rigward, l-ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data, qabel il-wasla tal-passiġġieri fil-Kanada, jiffaċilita u jħaffef il-kontrolli ta’ sigurtà, b’mod partikolari fil-fruntieri. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni, jew ta’ ċerti żoni ta’ oriġini, tkun ta’ natura li timpedixxi li jintlaħaq l-għan tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, jiġifieri l-identifikazzjoni, permezz ta’ verifika ta’ din id-data, tal-persuni li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika fost il-passiġġieri tal-ajru kollha, u li tippermetti li tiġi evitata din il-verifika. |
188 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għalih irreferew b’mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-passiġġieri tal-ajru kollha għandhom, mad-dħul fit-territorju ta’ Stat kontraenti, ġewwa dan it-territorju u mal-ħruġ minnu, josservaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dan l-Istat kontraenti dwar id-dħul tal-passiġġieri tal-ajru fit-territorju tiegħu jew dwar il-ħruġ tagħhom minnu. Għalhekk, il-passiġġieri tal-ajru kollha li jkunu jixtiequ jidħlu fil-Kanada jew joħorġu minn dan il-pajjiż huma suġġetti, abbażi ta’ dan l-artikolu, għall-kontrolli fil-fruntieri u huma obbligati josservaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u għall-ħruġ stabbiliti mid-dritt Kanadiż fis-seħħ. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 152 u 187 ta’ din l-opinjoni, l-identifikazzjoni, permezz tad-data PNR, tal-passiġġieri li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà pubblika tifforma parti mill-kontrolli fil-fruntieri. Konsegwentement, peress li huma suġġetti għal dawn il-kontrolli, il-passiġġieri tal-ajru li jkunu jixtiequ jidħlu u jwettqu soġġorn fil-Kanada huma suġġetti, minħabba n-natura nfisha ta’ din il-miżura, għall-verifika tad-data PNR tagħhom. |
189 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-ftehim maħsub jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sa fejn jippermetti t-trasferiment tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha lejn il-Kanada. |
6) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR
190 |
Sabiex jiggarantixxi li ż-żamma tad-data PNR ittrasferita, l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub u l-użu tal-imsemmija data minnhom jiġu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, il-ftehim maħsub għandu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 141 ta’ din l-opinjoni, jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jindikaw f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet dawn l-awtoritajiet jistgħu jżommuha, ikollhom aċċess għaliha u jużawha. |
191 |
F’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-data personali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha, b’mod partikolari, dejjem tissodisfa kriterji oġġettivi li jistabbilixxu rabta bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 93, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 110). |
192 |
F’dak li jirrigwarda l-użu, minn awtorità, ta’ data personali miżmuma b’mod leġittimu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tillimita ruħha li teżiġi li l-aċċess għall-imsemmija data tissodisfa waħda mill-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 117 u 118 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
193 |
F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 171 ta’ din l-opinjoni, il-ftehim maħsub, fl-Artikolu 13 tiegħu, jillimita l-għanijiet tal-użu tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti, fl-Artikolu 7 tiegħu, jipprevedi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni u, fl-Artikolu 15 tiegħu, jinkludi dispożizzjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-Kanada bbażati fuq ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data. |
194 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tal-ftehim maħsub jipprovdi li d-data PNR tista’ tinżamm mill-Kanada għal tul ta’ ħames snin wara li tiġi rċevuta, u l-Artikolu 16(3) ta’ dan il-ftehim jispeċifika li parti minn din id-data għandha tinsatar 30 jum jew sentejn wara din id-data. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlux distinzjoni skont il-passiġġieri kkonċernati, huma għalhekk jippermettu ż-żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha. |
195 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 16(4) tal-imsemmi ftehim, id-data mistura tista’ tinkixef meta jkun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3 tal-istess ftehim, liema kxif iseħħ, skont il-każ, jew minn għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward, jew bil-permess minn qabel tal-kap tal-awtorità Kanadiża kompetenti jew ta’ uffiċjal anzjan li jkollu mandat speċifiku f’dan ir-rigward minn dan il-kap. |
i) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR qabel il-wasla tal-passiġġieri tal-ajru, waqt is-soġġorn tagħhom fil-Kanada u mal-ħruġ tagħhom
196 |
Il-ftehim maħsub għaldaqstant jippermetti, matul il-perijodu kollu ta’ żamma, l-użu tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha għall-finijiet previsti fl-Artikolu 3 tiegħu. |
197 |
Issa, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-data PNR u l-użu tagħha sal-ħruġ tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar jippermettu, b’mod partikolari, li jiġu ffaċilitati l-kontrolli ta’ sigurtà kif ukoll il-kontrolli fil-fruntieri. Iż-żamma u l-użu tagħha għal dan il-għan ma jippermettux, min-natura tagħhom stess, li jiġu limitati għal ċirku partikolari ta’ passiġġieri tal-ajru u lanqas li jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti. Għaldaqstant, u konformement mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 186 sa 188 ta’ din l-opinjoni, għandu jitqies li, sakemm il-passiġġieri tal-ajru jkunu jinsabu fil-Kanada jew ikunu ħerġin minn dan il-pajjiż terz, teżisti r-rabta neċessarja bejn din id-data u l-għan li dan il-ftehim ifittex li jilħaq, b’mod li dan tal-aħħar ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju minħabba s-sempliċi fatt li jippermetti ż-żamma u l-użu sistematiċi tad-data PNR ta’ dawn il-passiġġieri kollha. |
198 |
Bl-istess mod, l-użu sistematiku tad-data PNR bil-għan li jiġu vverifikati l-affidabbiltà u l-aġġornament tal-mudelli u tal-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat l-ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data, kif ġie indikat fil-punt 174 ta’ din l-opinjoni, jew li jiġu ddefiniti mudelli u kriterji ġodda għal dan l-ipproċessar, huwa marbut direttament mal-implementazzjoni tal-kontrolli msemmija fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni u għalhekk għandu jitqies ukoll li ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. |
199 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru fil-Kanada u indipendentement mir-riżultat tal-analiżi awtomatizzata tad-data PNR imwettqa qabel il-wasla tagħhom f’dan il-pajjiż terz, jistgħu jseħħu sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità Kanadiża kompetenti jkollha indikazzjonijiet, miġbura matul dan is-soġġorn, li l-użu ta’ din id-data tista’ tirriżulta li tkun neċessarja għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. |
200 |
Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-użu tad-data PNR fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-passiġġieri tal-ajru, wara verifika tad-data PNR tagħhom, ikunu ġew ammessi għad-dħul fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz, użu tal-imsemmija data waqt is-soġġorn tagħhom fil-Kanada għandu jkun ibbażat fuq ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw dan l-użu. Għalhekk l-imsemmi użu jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 141 u 192 ta’ din l-opinjoni, regoli li jipprevedu l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-istess użu sabiex, b’mod partikolari, din id-data tiġi protetta mir-riskju ta’ abbuż. Tali regoli għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-ftehim maħsub ikunu awtorizzati jużawha. |
201 |
F’dan ir-rigward, meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li d-data PNR ta’ passiġġier tal-ajru wieħed jew iktar tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-għan tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, l-użu ta’ din id-data ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
202 |
Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiż-żewġ punti preċedenti, huwa essenzjali li l-użu matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru tad-data PNR miżmuma għandu jkun suġġett, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata tal-awtoritajiet kompetenti, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
203 |
Sa fejn il-ftehim maħsub ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jinsabu fiż-żewġ punti preċedenti, dan il-ftehim ma jiżgurax li l-użu, mill-awtoritajiet Kanadiżi previsti mill-imsemmi ftehim, tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru matul is-soġġorn tagħhom fil-Kanada ser ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. |
ii) Fuq iż-żamma u l-użu tad-data PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada
204 |
Bħala regola ġenerali, il-passiġġieri tal-ajru li jkunu telqu mill-Kanada jkunu ġew suġġetti għal kontrolli mad-dħul u mal-ħruġ minn dan il-pajjiż. Bl-istess mod, id-data PNR tagħhom tkun ġiet ivverifikata qabel il-wasla tagħhom fil-Kanada u, jekk ikun il-każ, waqt is-soġġorn tagħhom u mal-ħruġ tagħhom minn dan il-pajjiż terz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li dawn il-passiġġieri, bħala prinċipju, ma jippreżentawx riskju relatat mat-terroriżmu jew mal-kriminalità transnazzjonali serja, sa fejn la dawn il-kontrolli u dawn il-verifiki u lanqas kwalunkwe ċirkustanza oħra ma jkunu żvelaw l-eżistenza ta’ elementi oġġettivi f’dan is-sens. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li l-passiġġieri tal-ajru kollha li jkunu vvjaġġaw lejn il-Kanada jippreżentaw, wara t-tluq tagħhom minn dan il-pajjiż, riskju ogħla minn persuni oħra li ma jkunux ivvjaġġaw lejn l-imsemmi pajjiż matul l-aħħar ħames snin u li fir-rigward tagħhom il-Kanada għalhekk ma jkollhiex data PNR. |
205 |
Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-passiġġieri tal-ajru li fir-rigward tagħhom ma jkunx ġie identifikat tali riskju mal-wasla tagħhom fil-Kanada u sat-tluq tagħhom minn dawn il-pajjiż terz, ma jidhirx, ladarba jkunu telqu, li teżisti rabta, imqar waħda indiretta, bejn id-data PNR tagħhom u l-għan li ftehim maħsub ifittex li jilħaq, li tiġġustifika ż-żamma ta’ din id-data. Il-kunsiderazzjonijiet imressqa, b’mod partikolari, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażati fuq it-tul ta’ ħajja medja tan-netwerks internazzjonali ta’ kriminalità serja u fuq it-tul u l-kumplessità tal-investigazzjonijet li jirrigwardaw dawn in-netwerks, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha wara t-tluq tagħhom mill-Kanada għall-finijiet ta’ eventwali aċċess għall-imsemmija data, indipendentement minn kwalunkwe rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119). |
206 |
Il-ħażna kontinwa tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru kollha wara t-tluq tagħhom mill-Kanada għalhekk ma tidhirx li hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. |
207 |
Madankollu, sa fejn jiġu identifikati, f’każijiet partikolari, elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li ċerti passiġġieri tal-ajru jistgħu, anki wara tluq tagħhom mill-Kanada, jistgħu jippreżentaw riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, ħażna tad-data PNR tagħhom tidher li hija ammissibbli lil hinn mis-soġġorn tagħhom fil-Kanada (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 108). |
208 |
F’dak li jirrigwarda l-użu tad-data PNR hekk maħżuna, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 201 u 202 ta’ din l-opinjoni, dan għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti previsti mil-ftehim maħsub jista’ jkollhom aċċess għal din id-data għall-finijiet tal-użu tagħha. Bl-istess mod, dan l-użu għandu, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħhom li tawtorizza l-użu tingħata fuq talba mmotivata ta’ dawn l-awtoritajiet, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. |
209 |
F’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żamma tad-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru msemmija fil-punt 207 ta’ din l-opinjoni, għandu jiġi rrilevat li t-tul ġenerali, previst fl-Artikolu 16(1) tal-ftehim maħsub, ġie estiż b’sena u nofs meta mqabbel ma’ dak li kien jinsab fil-ftehim tal-2006. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ammess, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet imressqa, b’mod partikolari, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li jissemmew fil-punt 205 ta’ din l-opinjoni, li t-tul ta’ ħames snin previst fil-punt 16(1) tal-imsemmi ftehim ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għal finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. |
210 |
Fl-aħħar nett, sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 9(2) tal-ftehim maħsub, li jipprovdi li l-Kanada għandha żżomm id-data PNR “f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess”, ifisser li din id-data għandha tinżamm fit-territorju tal-Kanada u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 16(6) ta’ dan il-ftehim, li skontu l-Kanada għandha teqred id-data PNR hekk kif jintemm il-perijodu ta’ żamma ta’ din id-data, għandu jinftiehem li jimponi qerda irreversibbli ta’ din id-data, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
211 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 204 sa 206 u 208 ta’ din l-opinjoni, dan il-ftehim ma jiggarantixxix li ż-żamma u l-użu tad-data PNR mill-awtoritajiet Kanadiżi wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Kanada huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju. |
7) Fuq l-iżvelar tad-data PNR
i) Komunikazzjoni tad-data PNR lil awtoritajiet pubbliċi
212 |
L-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim maħsub jippermettu l-komunikazzjoni tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti lil awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi u lil awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi oħra. Sa fejn, de facto, tali komunikazzjoni tagħti lil dawn l-awtoritajiet aċċess għal din id-data u l-possibbiltà li jużawha, din il-komunikazzjoni għandha tosserva l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-imsemmija data, kif imfakkra fil-punti 200 sa 202 u 208 ta’ din l-opinjoni. |
213 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-komunikazzjoni tad-data PNR lill-awtoritajiet pubbiċi ta’ pajjiżi terzi oħra, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 19(1)(e) tal-ftehim maħsub jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtorità Kanadiża kompetenti sabiex tevalwa l-livell ta’ protezzjoni ggarantit f’dawn il-pajjiżi. |
214 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiż terz jista’ jseħħ biss jekk dan il-pajjiż jiżgura livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali essenzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni. Dan ir-rekwiżit japplika, bl-istess mod, fil-każ tal-komunikazzjoni tad-data PNR mill-Kanada lejn pajjiżi terzi oħra, prevista fl-Artikolu 19 tal-ftehim maħsub, sabiex ma jkunx jista’ jiġri li l-livell ta’ protezzjoni previst minn dan il-ftehim ikun jista’ jiġi evitat permezz ta’ trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi oħra u sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-livell ta’ protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 72 u 73). F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali komunikazzjoni teħtieġ l-eżistenza jew ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat li jkun ekwivalenti għall-imsemmi ftehim, jew deċiżjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li tikkonstata li l-imsemmi pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u li tkopri l-awtoritajiet li lejhom ikun previst li jsir it-trasferiment tad-data PNR. |
215 |
Sa fejn l-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim maħsub ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fil-punti 212 sa 214 ta’ din l-opinjoni, dan il-ftehim ma jiggarantixxix li l-komunikazzjoni tad-data PNR mill-awtorità Kanadiża kompetenti lil awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi jew lil awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi oħra ser tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. |
ii) Żvelar tad-data PNR lil individwi
216 |
L-Artikolu 12(3) tal-ftehim maħsub jippermetti lill-Kanada “tiddivulga [tiżvela] kwalunkwe informazzjoni, sakemm tkun konformi ma’ rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli [...], fir-rispett dovut tal-interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat”. Issa, la n-natura tal-informazzjoni li tista’ tiġi żvelata, la l-benefiċjarji ta’ dan l-iżvelar u lanqas l-użu li ser isir minn din l-informazzjoni ma huma ddefiniti minn dan il-ftehim. |
217 |
Barra minn hekk, il-ftehim maħsub ma jiddefinixxix it-termini “rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli” u t-termini “interessi leġittimi tal-individwu kkonċernat” u la jeżiġi li l-iżvelar tad-data PNR lil individwu jkun marbut mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u lanqas li dan l-iżvelar ikun suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ entità amministrattiva indipendenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. |
3. Fuq id-drittijiet individwali tal-passiġġieri tal-ajru
218 |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tiggarantixxi li l-persuni li tkun inġabret id-data personali tagħhom għandhom id-dritt ta’ aċċess għal din id-data u d-dritt li jiksbu r-rettifika tagħha. |
219 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, irrikonoxxut minn dan l-artikolu, jimplika li l-persuna kkonċernata tista’ tiżgura ruħha li d-data personali tiġi pproċessata b’mod korrett u leġittimu. Sabiex tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji, din il-persuna għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-data dwarha li tkun suġġetta għall-ipproċessar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 49). |
220 |
Sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet, il-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu informati bit-trasferiment tad-data PNR tagħhom lejn il-Kanada u bl-użu ta’ din id-data malli din il-komunikazzjoni ma tkunx tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi previsti mill-ftehim maħsub. Fil-fatt, tali informazzjoni hija effettivament neċessarja sabiex tippermetti lill-passiġġieri tal-ajru jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jitolbu aċċess għad-data PNR li tikkonċernahom u, jekk ikun il-każ, li jitolbu r-rettifika tagħha kif ukoll id-dritt tagħhom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju effettiv quddiem qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
a) Fuq id-dritt għal informazzjoni, għal aċċess u għal rettifika
221 |
Għalkemm l-Artikoli 12 u 13 tal-ftehim maħsub jistabbilixxu, għall-benefiċċju tal-passiġġieri tal-ajru, dritt ta’ aċċess għad-data PNR tagħhom u dritt li jitolbu l-korrezzjoni tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li dawn il-passiġġieri jiġu informati bit-trasferiment tad-data PNR tagħhom lejn il-Kanada u bl-użu tagħha. |
222 |
F’dan ir-rigward, dan il-ftehim jillimita ruħu li jipprevedi, fl-Artikolu 11 tiegħu, regola ta’ trasparenza li tobbliga lill-awtorità Kanadiża kompetenti tagħmel disponibbli fuq is-sit internet tagħha ċerta informazzjoni ta’ natura ġenerali dwar it-trasferiment tad-data PNR u l-użu tagħha, u ma jistabbilixxi ebda regola li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati individwalment. |
223 |
Huwa minnu li din ir-regola ta’ trasparenza tippermetti b’mod suffiċjenti li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati kemm bit-trasferiment tad-data PNR tagħhom lejn il-Kanada kif ukoll bl-użu sistematika tagħha msemmi fil-punti 197 u 198 ta’ din l-opinjoni, għall-finijiet tal-kontrolli ta’ sigurtà u tal-kontrolli fil-fruntieri. Min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni ġenerali tal-passiġġieri tal-ajru, prevista fl-Artikolu 11 tal-ftehim maħsub, ma tagħtihomx il-possibbiltà li jkunu jafu jekk id-data tagħhom tkunx intużat, lil hinn minn dawn il-kontrolli, mill-awtorità Kanadiża kompetenti. Għaldaqstant, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 199 u 207 ta’ din l-opinjoni, li fihom ikun hemm elementi oġġettivi li jiġġustifikaw tali użu u li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ entità amministrattiva indipendenti, jirriżulta li huwa neċessarju li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati individwalment. Dan japplika wkoll fil-każijiet fejn id-data PNR tal-passiġġieri tal-ajru tiġi kkomunikata lil awtoritajiet pubbliċi oħra jew lil individwi. |
224 |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 ta’ din l-opinjoni, tali informazzjoni għandha tingħata biss malli din il-komunikazzjoni ma tkunx tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi previsti mill-ftehim maħsub. |
225 |
L-imsemmi ftehim għalhekk għandu jispeċifika li l-passiġġieri tal-ajru, li d-data PNR tagħhom tkun intużat u nżammet mill-awtorità Kanadiża kompetenti fil-każijiet imsemmija fil-punti 199 u 207 ta’ din l-opinjoni, kif ukoll dawk li d-data tagħhom tkun ġiet ikkomunikata lil awtoritajiet pubbliċi oħra jew lil individwi, għandhom jiġu informati, minn din l-awtorità, b’tali użu u b’tali komunikazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni. |
b) Fuq id-dritt għal rimedju
226 |
F’dak li jirrigwarda d-dritt tal-passiġġieri tal-ajru għal rimedju, l-Artikolu 14(2) tal-ftehim maħsub jipprovdi li l-Kanada għandha tiżgura li kwalunkwe persuna li tqis li d-drittijiet tagħha nkisru b’deċiżjoni jew b’azzjoni marbuta mad-data PNR tagħha jista’ jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv, konformement mad-dritt Kanadiż, jew kwalunkwe rimedju ieħor, li jista’ jinkludi kumpens. |
227 |
Sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għal “kwalunkwe individwu li jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu nkisru”, hija tkopri l-passiġġieri tal-ajru kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, mir-residenza tagħhom, mid-domiċilju tagħhom jew mill-preżenza tagħhom fil-Kanada. Barra minn hekk, kif osserva l-Kunsill, hija għandha tinftiehem fis-sens li l-passiġġieri tal-ajru għandhom rimedju ġudizzjarju quddiem qorti, kif jeżiġi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, il-fatt li l-Artikolu 14(2) tal-ftehim maħsub jipprovdi li r-“rimedju ġudizzjarju [effettiv]” jista’ jiġi ssupplimentat b’rikors għad-danni ma għandux l-effett li jċaħħad lill-passiġġieri tal-ajru minn tali rimedju effettiv, iżda huwa pjuttost ta’ natura, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 324 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jsaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati. |
4. Fuq is-sorveljanza tal-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data PNR
228 |
Skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 8(1) u (2) tagħha għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti. |
229 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanzija ta’ indipendenza ta’ tali awtorità ta’ superviżjoni, li l-istabbiliment tagħha huwa previst ukoll fl-Artikolu 16(2) TFUE, hija intiża li tiżgura l-effikaċja u l-affidabbiltà tas-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan. L-istabbiliment ta’ awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għalhekk jikkostitwixxi element essenzjali tal-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 25; tat-8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 48, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 41). |
230 |
F’dan il-każ, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-ftehim maħsub jistipula li l-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għall-finijiet tal-ipproċessar tad-data PNR ser ikunu suġġetti għal sorveljanza minn “awtorità pubblika indipendenti” jew minn “awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija”. Sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-imsemmija sorveljanza għandha tiġi eżerċitata minn awtorità indipendenti, hija tikkorrispondi għar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 8(3) tal-Karta. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni alternattiva tagħha tidher li tippermetti li l-imsemmija sorveljanza tista’ tiġi żgurata, parzjalment jew kompletament, minn awtorità li ma teżerċitax il-funzjoni tagħha b’indipendenza sħiħa, iżda li tkun suġġetta għal awtorità ta’ tutela, li mingħandha hija tista’ tirċievi istruzzjonijiet, u li għalhekk ma hijiex ħielsa minn kull influwenza esterna li tista’ tiggwida d-deċiżjonijiet tagħha. |
231 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 316 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 10 tal-ftehim maħsub ma jiggarantixxix b’mod suffiċjentement ċar u preċiż li l-sorveljanza tal-osservanza tar-regoli previsti minn dan il-ftehim, relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data PNR, ser titwettaq minn awtorità indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta. |
IX. Risposta għat-talba għal opinjoni
232 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li:
|
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tagħti l-opinjoni segwenti:
1) |
Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandha tkun ibbażata konġuntament fuq l-Artikolu 16(2) u fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
2) |
Il-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri huwa inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn ma jeskludix it-trasferiment ta’ data sensittiva mill-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada kif ukoll l-użu u ż-żamma ta’ din id-data. |
3) |
Sabiex ikun kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandu:
|
Lenaerts
Tizzano
Bay Larsen
von Danwitz
Da Cruz Vilaça
Berger
Prechal
Vilaras
Rosas
Levits
Šváby
Jarašiūnas
Lycourgos
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Lulju 2017.
Reġistratur
A. Calot Escobar
President
K. Lenaerts