SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza – Direttiva 72/166/KEE – Artikolu 3(1) – It-Tieni Direttiva 84/5/KEE – Artikolu 2(1) – Kuntratt tal-assigurazzjoni konkluż fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet foloz dwar il-proprjetà tal-vettura u l-identità tas-sewwieq abitwali tagħha – Il-persuna assigurata – Nuqqas ta’ interess ekonomiku għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt – Nullità assoluta tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni – Effetti fil-konfront ta’ terzi li jkunu sfaw vittmi”

Fil-Kawża C‑287/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Fidelidade-Companhia de Seguros SA

vs

Caisse Suisse de Compensation,

Fundo de Garantia Automóvel,

Sandra Cristina Crystello Pinto Moreira Pereira,

Sandra Manuela Teixeira Gomes Seemann,

Catarina Ferreira Seemann,

José Batista Pereira,

Teresa Rosa Teixeira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u C.G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Rebelo, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u K.-Ph. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10; iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”), tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3; iktar ’il quddiem: it-“Tieni Direttiva”), kif ukoll tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Fidelidade-Companhia de Seguros SA u l-Caisse Suisse de Compensation, u l-Fundo de Garantia Automóvel (fondi ta’ garanzija fuq il-karozzi), u Sandra Cristina Crystello Pinto Moreira Pereira, u Sandra Manuela Teixeira Gomes Seemann, u Catarina Ferreira Seemann, u José Batista Pereira u Teresa Rosa Teixeira dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lok għan-nullità assoluta tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, konkluż fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet foloz dwar l-identità tal-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur u ta’ dik tas-sewwieq abitwali tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”

4

Is-sitt u s-seba’ premessi tat-Tieni direttiva jistabbilixxu:

“Billi huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall-korp li jiggarantixxi li l-vittma ma tibqax mingħajr kumpens meta l-vettura li kkaġunat l-inċident tkun mingħajr assigurazzjoni jew ma tkunx identifikata; billi huwa importanti, mingħajr ma jiġu emendati d-dispożizzjonijiet applikati mill-Istati Membri fir-rigward tan-natura sussidjarja jew non-sussidjarja tal-kumpens imħallas minn

dak il-korp u tar-regoli applikabbli fir-rigward ta’ subrogazzjoni, li jiġi previst li l-vittma ta’ dan l-inċident għandha tkun tista’ tapplika direttament lil dak il-korp bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt; billi, madanakollu, Stati Membri għandhom jingħataw il-possibiltà li japplikaw ċerti esklużjonijiet limitati fir-rigward ta’ ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp u li jipprovdu li kumpens għal ħsara lil propjetà kkaġunata minn vettura mhux identifikata jista’ jkun limitat jew eskluż bl-iskop tal-perikolu ta’ frodi;

Billi huwa fl-interess ta’ vittmi li l-effetti ta’ ċerti klawsoli ta’ esklużjoni jkunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-persuna reponsabbli għall-inċident; billi, madanakollu, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew akkwistati b’vjolenza, Stati Membri jistgħu jispeċifikaw li kumpens għandu jitħallas mill-korp imsemmi hawn fuq”.

5

L-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp li jkollu bħala għan li jikkumpensa, minn tal-inqas fil-limiti tal-obbligu tal-assigurazzjoni, id-danni materjali jew personali kkawżati minn vettura mhux identifikata jew mhux assigurata. Din id-dispożizzjoni tistipula fit-tielet subparagrafu tagħha:

“[…] [L-Is]tati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta’ persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment meta il-korp jista’ jipprova li kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata.”

6

L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva huwa redatt kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawżola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva], li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan;

jew

persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata,

jew

persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha

għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) ta[l-ewwel direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

[…]”.

7

Ir-raba’ premessa tat-Tielet Direttiva tistipula:

“Billi l-vittmi ta’ l-aċċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-aċċidenti”.

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) ta[t‑Tieni Direttiva], l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva] għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.”

Id-dritt Portugiż

9

L-Ewwel Direttiva ġiet applikata fid-dritt Portugiż permezz tad-Decreto-Lei no 522/85 – Seguro Obrigatório de Responsabilidade Civil Automóvel (Digriet-Liġi Nru 522/85 fuq l-assigurazzjoni obligatorja għar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi), tal-31 ta’ Diċembru 1985. Dan id-Digriet-Liġi, kif emendat bid-Decreto-Lei no 72-A/2003 – Lei do Seguro Obrigatório (Digriet-Liġi Nru 72-A/2003, liġi fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja), tal-14 ta’ April 2003, fis-seħħ fid-data tal-fatti fl-oriġini tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 522/85”) jipprevedi fl-Artikolu 1(1) tiegħu, l-obbligu li wieħed jassigura vettura tal-art bil-mutur fil-kliem li ġejjin:

“Kull persuna li tista’ tkun responsabbli ċivilment tal-kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li jirriżultaw mid-danni tanġibbli jew materjali kkawżati lil terzi minn vettura tal-art bil-mutur, l-irmonk jew semi-irmonk tagħha, għandu, sabiex dawn il-vetturi jkunu jistgħu jiċċirkulaw, ikun kopert minn assigurazzjoni li tiggarantixxi l-imsemmija resposabbiltà skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet-Liġi.”

10

L-Artikolu 2 tad-Digriet-Liġi Nru 522/85, dwar is-suġġetti tal-obbligu tal-assigurazzjoni, huwa redatt kif ġej:

“1   – L-obbligu tal-assigurazzjoni jibbaża fuq il-proprjetarju tal-vettura, ħlief fil-każ tal-użufrutt, tal-bejgħ bir-riżerva tal-proprjetarju u tas-sistema ta’ leasing, li fihom l-imsemmi obbligu jibbaża, rispettivament, fuq l-użufruttwarju, ix-xerrej jew il-kerrej.

Għalkemm kull persuna oħra tikkonkludi, fir-rigward tal-vettura, kuntratt ta’ assigurazzjoni li jissoddisfa d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet-Liġi, l-obbligu tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 huwa sodisfatt matul it-tul tal-imsemmi kuntratt.

[…]”.

11

L-Artikolu 14 tal-istess Digriet-Liġi, dwar l-infurzabbiltà tal-eċċezzjonijiet lill-vittmi, jipprovdi:

“Lil hinn mill-esklużjonijiet jew mill-possibbiltajiet ta’ annullament stabbiliti minn dan id-Digriet-Liġi, il-persuna li qed tassigura tista’ biss tinvoka lill-vittmi x-xoljiment tal-kuntratt fil-kliem tal-Artikolu 13(1) jew ir-riżoluzzjoni jew l-annullament tiegħu fil-kliem tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, peress li huma preċedenti għad-data tal-inċident.”

12

Il-kodiċi tal-kummerċ Portuġiż jittratta l-assigurazzjoni fit-Titolu XV tiegħu. L-Artikoli 428 u 429 tiegħu huma fformulati kif ġej:

“L-Artikolu 428 Għall-kunsiderazzjoni ta’ min l-assigurazzjoni tista’ tiġi konkluża

L-assigurazzjoni tista’ tiġi konkluża għall-kunsiderazzjoni ta’ xi ħadd jew għall-kunsiderazzjoni tal-oħrjan.

1.   Jekk il-persuna li għaliha jew għan-nom tagħha l-assigurazzjoni hija konkluża ma għandhiex interess fil-ħaġa assigurata, l-assigurazzjoni hija nulla.

2.   Jekk ma huwiex iddikjarat fil-polza ta’ assigurazzjoni li l-assigurazzjoni hija konkluża għall-kunsiderazzjoni ta’ ħaddieħor, huwa kkunsidrat li hija konkluża għall-kunsiderazzjoni ta’ dak li jikkuntrattaha.

[…]

Artikolu 429 Nullità tal-assigurazzjoni minħabba ineżattezzi jew ommissjonijiet

Kull dikjarazzjoni mhux eżatta, kif ukoll kull ommissjoni volontarja tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi magħrufa tal-persuna assigurata jew ta’ dak li jikkonkludi l-assigurazzjoni u li seta’ jinfluwenza l-eżistenza jew il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li jwasslu għan-nullità tal-assigurazzjoni.

Paragrafu uniku. Jekk il-parti li għamlet id-dikjarazzjonijiet kienet in mala fede, il-persuna li qed tassigura tista’ tirrikjedi l-primjum.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Fl-20 ta’ Mejju 2004 seħħ inċident tat-triq li kien jimplika, minn naħa, vettura bil-mutur misjuqa minn Teixeira Pereira u li tappartjeni għal S.C. Crystello Pinto Moreira Pereira u, min-naħa l-oħra, mutur misjuq mill-proprjetarju tiegħu, Seemann. L-inċident ikkawża l-mewt tas-sewwieqa taż-żewġ vetturi.

14

Il-Caisse Suisse de Compensation ippreżentat, fil-11 ta’ Jannar 2010, rikors ġudizzjarju kontra l-Fundo de Garantia Automóvel (fondi ta’ garanzija għall-karozzi) u S.C. Crystello Pinto Moreira Pereira, li biha hija talbet ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 285980.54, imħallsa lill-membri tal-familja tal-persuna assigurata minnha, Seemann.

15

L-imsemmija konvenuti invokaw eċċezzjoni dwar in-nuqqas ta’ kwalità biex jiġu mfittxija bbażat fuq il-fatt li, fid-data tal-inċident, kien jeżisti kuntratt ta’ assigurazzjoni validu konkluż mal-kumpannija llum imsejħa Fidelidade-Companhia de Seguros, SA (iktar ’il quddiem il-“persuna li qed tassigura”) li kienet tkopri r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vettura bil-mutur. Imsejħa tintervjeni, din il-kumpannija sostniet li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza ma kienx validu minħabba li l-persuna assigurata kienet għamlet dikjarazzjoni falza, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, billi allegat li kienet il-proprjetarju tal-vettura u s-sewwieq tagħha abitwali.

16

Il-qorti adita fl-ewwel istanza ddeċidiet li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma kienx validu, peress li dan in-nuqqas ta’ validità kien infurzabbli għall-vittmi. Adit fl-appell, it-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto, il-Portugall) iddeċieda li dan il-kuntratt ma kienx validu, iżda li dan in-nuqqas ta’ validità ma kienx infurzabbli għall-vittmi. Il-persuna li qed tassigura ppreżentat appell għal reviżjoni kontra s-sentenza tat-Tribunal da Relação do Porto (qorti tal-appell ta’ Porto) quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema, il-Portugall) billi invokat in-nullità assoluta tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni u n-natura infurzabbli ta’ din in-nullità lill-vittma, Seemann u lill-Caisse Suisse de Compensation.

17

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-vettura, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu dubji fuq il-kwistjoni tal-infurzabbiltà għall-vittmi tan-nullità assoluta tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kif din hija intiża fl-Artikolu 428(1) tal-kodiċi kummerċjali Portugiż.

18

Fil-fatt, jeżisti fil-ġurisprudenza tas-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) xi diverġenzi fl-interpretazzjoni. Skont l-ewwel linja ta’ ħsieb ġie deċiż f’dan is-sens li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni qed jintlaqat bin-nullità assoluta meta l-persuna assigurata tiddikjara falzament li hija l-proprjetarja tal-vettura u s-sewwieq abitwali tagħha, bil-għan li tikseb mill-persuna li tassigura kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili jkun konkluż u/jew li jkun suġġett għall-kundizzjonijiet inqas onerużi għall-persuna assigurata. In-nullità assoluta tibbaża, b’mod partikolari, fuq l-assenza tal-kundizzjoni legali dwar l-“interess” tal-persuna assigurata, meħtieġa fl-Artikolu 428(1) tal-kodiċi tal-kummerċ Portugiż. Skont l-Artikolu 14 tad-Digriet-Liġi Nru 522/85, in-nullità assoluta hija, skont din il-ħsieb ta’ ġurisprudenza, infurzabbli għall-vittma. Dan l-approċċ jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-vittma tibqa’ dejjem protetta mill-intermedjarju tal-fondi ta’ garanzija tal-karozzi.

19

Skont it-tieni ħsieb, il-possibbiltà li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni obligatorju għar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi jkun konkluż minn terzi tikkostitwixxi deroga għall-imsemmija kundizzjoni legali dwar l-“interess” tal-persuna assigurata. Konsegwentement, il-kwistjoni għandha tiġi solvuta fid-dawl tas-sistema speċifika applikabbli għad-dikjarazzjonijiet foloz fil-kuntest tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, li huwa biss dak tan-nullità relattiva, mhux infurzabbli għall-vittma.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (qorti suprema) iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1) [tal-Ewwel Direttiva], l-Artikolu 2(1) [tat-Tieni Direttiva], u l-Artikolu 1 [tat-Tielet Direttiva] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lok għan-nullità assoluta tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, bħala konsegwenza ta’ dikjarazzjonijiet foloz dwar il-proprjetarju tal-vettura bil-mutur, kif ukoll dwar l-identità tas-sewwieq abitwali tagħha, inkwantu l-kuntratt kien konkluż minn persuna li ma jkollhiex interess ekonomiku fl-użu tal-vettura u jkun hemm intenzjoni frawdolenti mistura min-naħa tal-partijiet ikkonċernati (il-persuna assigurata, il-proprjetarju u s-sewwieq abitwali) li jiġu koperti għar-riskji marbuta mal-użu tal-vettura bil-mutur, permezz: (i) tal-konklużjoni ta’ kuntratt li l-persuna li qed tassigura ma kinitx tikkonkludi li kieku kellha tkun taf l-identità tal-persuna assigurata; (ii) tal-ħlas ta’ primjum inferjuri għal dak li jkun dovut minħabba l-età tas-sewwieq abitwali?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tkun infurzabbli għall-terzi li jkunu sfaw vittmi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, in-nullità ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet foloz inizjali tal-persuna assigurata fir-rigward tal-identità tal-proprjetarju u tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, jew taċ-ċirkustanza li l-persuna li għaliha jew għan-nom tagħha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa konkluż ma kellhiex interess ekonomiku għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

22

Għandu jitfakkar li l-preambolu tal-Ewwel u tat-Tieni Direttivi juri li dawn jippruvaw, minn naħa, jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għal dawn il-finijiet, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, kif iċċarat u kkompletat mit-Tieni u t-Tielet Direttivi, jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom, tkun koperta minn assigurazzjoni u jippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 28).

24

Fir-rigward tad-drittijiet rikonoxxuti għat-terzi li jkunu sfaw vittmi, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprekludi li kumpannija ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza tista’ tinvoka dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali biex tirrifjuta li tikkumpensa lil dawn tal-aħħar għall-inċident ikkawżat mill-vettura assigurata (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva sempliċement ifakkar dan l-obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali jew il-klawżoli kuntrattwali ta’ polza ta’ assigurazzjoni msemmija f’dan l-artikolu li jeskludu mill-kopertura tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi d-dannu kkawżat lil terzi vittmi minħabba l-użu jew is-sewqan ta’ vettura assigurata minn persuni li ma humiex awtorizzati jsuqu din il-vettura, minn persuni li ma għandhomx liċenzja tas-sewqan jew minn persuni li ma jikkonfermawx mal-obbligi legali previsti fil-liġi dwar l-istat u s-sigurtà tal-imsemmija vettura (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Ċertament, permezz ta’ deroga minn dan l-obbligu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li ċerti vittmi jistgħu ma jiġux ikkumpensati mill-kumpannija assiguratriċi, fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess, jiġiferi l-persuni li minn jeddhom rikbu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta din il-kumpannija tista’ tipprova li huma kienu jafu li din il-vettura kienet ġiet misruqa. Madankollu, u kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tista’ biss issir f’dan il-każ partikolari (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 35).

27

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li l-kumpannija assiguratriċi kkonkludiet dan il-kuntratt fuq il-bażi ta’ ommissjonijiet jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tal-persuna assigurata ma hijiex tali li tippermettilha li tinvoka d-dispożizzjonijiet legali fuq in-nullità tal-kuntratt u li tipprekludi lill-terz li tkun sfat vittma biex teżenta l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva li jikkumpensa lil din tal-aħħar għal inċident ikkawżat mill-vettura assigurata.

28

Dan japplika wkoll fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-persuna assigurata ma hijiex is-sewwieq abitwali tal-vettura.

29

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċirkustanza li vettura tkun misjuqa minn persuna mhux indikata fil-polza ta’ assigurazzjoni ta’ din il-vettura, ma tistax, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti taċ-ċirkulazzjoni segwit mill-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi, li jippermettu li jiġi kkunsidrat li tali vettura ma hijiex assigurata fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 40).

30

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju staqsiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni jekk kumpannija ta’ assigurazzjoni hija fid-dritt li tinvoka, fil-każ ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni obbligatorju pendenti għar-responsabbiltà ċivili tal-karozzi u sabiex tevita l-obbligu tagħha li tikkumpensa lill-terzi li jkunu sfaw vittma ta’ inċident ikkawżat mill-vettura assigurata, dispożizzjoni legali, bħall-Artikolu 428(1) tal-kodiċi ta’ kummerċ Portugiż, li jipprevedi n-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-każ fejn il-persuna li għaliha jew f’ismha l-assigurazzjoni hija konkluża ma għandhiex interess ekonomiku fil-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

31

Għandu jiġi rrilevat li tali kwistjoni hija rrelatata mal-kundizzjonijiet legali ta’ validità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, li huma rregolati mhux mid-dritt tal-Unjoni, iżda minn dak tal-Istati Membri.

32

Madankollu, dawn tal-aħħar huma obbligati jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili applikabbli skont id-dritt nazzjonali tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tliet direttivi msemmija hawn fuq. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu lill-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi mill-effettività tagħhom (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punti 3031 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, id-dritt għal kumpens tal-vittmi ta’ inċident jista’ jkun affettwat mill-kundizzjonijiet ta’ validità tal-kuntratt tal-assigurazzjoni bħall-klawżoli ġenerali previsti fl-Artikolu 428(1) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 429 tal-kodiċi ta’ kummerċ Portugiż.

34

Għalhekk tali dispożizzjonijiet jistgħu jwasslu għall-assenza ta’ kumpens lil terzi li jkunu sfaw vittmi u, konsegwentement, li jippreġudikaw l-effettività tal-imsemmija direttivi.

35

Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-possibbiltà li jitħallas kumpens lill-vittma mill-fondi ta’ garanzija tal-karozza. Fil-fatt, l-intervent tal-organu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva ġie mfassal bħala miżura tal-aħħar rikors, previst biss fil-każ fejn id-danni ġew ikkawżati minn vettura li għaliha ma ġiex issodisfatt l-obbligu tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, jiġifieri vettura li għaliha ma jeżistix kuntratt ta’ assigurazzjoni. Tali restrizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li din id-dispożizzjoni, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, timponi fuq kull Stat Membru sabiex jiżgura li, suġġett għad-derogi previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu jikkonkludi, ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni, kuntratt sabiex jiggarantixxi, tal-inqas fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili tiegħu fir-rigward tal-imsemmija vettura (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punti 3031).

36

Issa, kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li vettura tkun misjuqa minn persuna mhux indikata fil-polza ta’ assigurazzjoni relatata ma’ din il-vettura ma tistax tippermetti li jiġi kkunsidrat li din ma hijiex assigurata fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tkun infurzabbli għall-terzi li jkunu sfaw vittmi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, in-nullità ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet foloz inizjali tal-persuna assigurata fir-rigward tal-identità tal-proprjetarju u tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, jew taċ-ċirkustanza li l-persuna li għaliha jew għan-nom tagħha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa konkluż ma kellhiex interess ekonomiku għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tal-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tkun infurzabbli għall-terzi li jkunu sfaw vittmi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, in-nullità ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet foloz inizjali tal-persuna assigurata fir-rigward tal-identità tal-proprjetarju u tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, jew taċ-ċirkustanza li l-persuna li għaliha jew għan-nom tagħha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa konkluż ma kellhiex interess ekonomiku għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Portugiż.