SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23 – Artikolu 1(1)(b) – Artikolu 2(1)(d) – Trasferiment ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘ħaddiem’ u ta’ ‘trasferiment ta’ negozju’”
Fil-Kawża C-416/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura
Luís Manuel Piscarreta Ricardo
vs
Portimão Urbis SA, fi stralċ,
Município de Portimão,
Emarp – Empresa Municipal de Águas e Resíduos de Portimão SA
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal L. M. Piscarreta Ricardo, minn M. Ramirez Fernandes, avukat, |
|
– |
għal Emarp – Empresa Municipal de Águas e Resíduos de Portimão SA, minn R. Rosa, avukat, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn S. Feio, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u M. Kellerbauer, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) u tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Luís Manuel Piscarreta Ricardo, minn naħa, u l-impriża muniċipali Portimão Urbis SA, fi stralċ (iktar ’il quddiem “Portimão Urbis”), il-Município de Portimão (muniċipalità ta’ Portimão, il-Portugall) u l-impriża muniċipali Emarp – Empresa Municipal de Águas e Resíduos de Portimão SA (iktar ’il quddiem “Emarp”), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità tat-tkeċċija ta’ L. M. Piscarreta Ricardo. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Id-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88). (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/187”). |
|
4 |
Il-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2001/23 jgħidu:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
|
|
6 |
L-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“impjegat [il-ħaddiem]” bħala “kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg.” |
|
7 |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi: “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg. Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ mpjieg biss minħabba: […]
[…]” |
|
8 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva: “1. It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ewwel subparagrafu ma japplikax għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ mpjegati li mhumiex koperti mil-liġijiet jew mill-prattika ta’ l-Istati Membri għar-rigward ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija. 2. Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.” |
|
10 |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, hija, essenzjalment, identika għal dik tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187. |
Id-dritt Portugiż
|
11 |
L-Artikolu 285 tal-Código do Trabalho (kodiċi tax-xogħol) jipprevedi: “1. Fil-każ ta’ trasferiment, taħt kwalunkwe titolu, tal-proprjetà ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju li jikkostitwixxi entità ekonomika, għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir trasferiment id-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-kuntest tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema kkonċernati, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-ħlas tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt industrijali. 2. Il-persuna li twettaq trasferiment hija responsabbli in solidum għall-obbligi dovuti fid-data tat-trasferiment, matul is-sena ta’ wara din. 3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw ukoll għat-trasferiment, għaċ-ċessjoni jew għat-twettiq mill-ġdid tal-ġestjoni diretta tal-attività tal-impriża, tan-negozju jew tal-entità ekonomika, u, fil-każ ta’ ċessjoni jew twettiq mill-ġdid tal-ġestjoni diretta tal-attività, hija responsabbli in solidum il-persuna li kienet tmexxi l-operat preċedentement. 4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti ma humiex applikabbli fil-każ tal-ħaddiem li, qabel it-trasferiment, ġie ttrasferit mill-persuna li twettaq trasferiment għal negozju ieħor jew għal entità ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 194, filwaqt li jibqa’ impjegat magħha, bl-eċċezzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuna li lilha jsir trasferiment fil-qasam ta’ ħlas tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tad-dritt industrijali. 5. Hija kkunsidrata bħala entità ekonomika l-mezzi organizzati kollha bl-għan li titwettaq attività ekonomika, prinċipali jew aċċessorja. 6. Il-ksur tar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1 iktar ’il fuq u fl-ewwel parti tal-paragrafu 3 jikkostitwixxi ksur gravi ħafna.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 295 tal-kodiċi tax-xogħol, dwar l-effetti tat-tnaqqis jew tas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol: “1. Matul it-tnaqqis jew is-sospensjoni [tal-kuntratt ta’ xogħol], id-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji tal-partijiet li ma humiex obbligati li effettivament jaħdmu għandhom jinżammu. 2. It-tul tat-tnaqqis jew tas-sospensjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità. 3. It-tnaqqis jew is-sospensjoni ma għandhiex taffettwa t-tul tal-kuntratt u ma timpedixxix lill-partijiet milli jirrexxindu l-kuntratt skont ir-regoli ġenerali. 4. Meta l-perijodu ta’ tnaqqis jew ta’ sospensjoni tal-kuntratt jispiċċa, id-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji tal-partijiet li jirriżultaw minn xogħol effettiv għandhom jiġu stabbiliti mill-ġdid. 5. Il-fatt li l-persuna li timpjega timpedixxi lill-ħaddiem milli jerġa’ jibda jaħdem fi tmiem l-perijodu ta’ tnaqqis jew ta’ sospensjoni jikkostitwixxi ksur serju.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 317(4) tal-kodiċi tax-xogħol: “Il-leave jwassal għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, bl-effetti previsti fl-Artikolu 295.” |
|
14 |
L-Artikolu 62 tal-Lei n.° 50/2012 aprova o regime jurídico da actividade empresarial local e das participações locais e revoga as Leis n.os 53-F/2006, de 29 de dezembro, e 55/2011, de 15 de novembro (Liġi Nru°50/2012 dwar ir-regolamentazzjoni tan-negozji lokali u tal-entitajiet lokali, li tħassar il-Liġijiet Nri 53-F/2006, tad-29 ta’ Diċembru, u 55/2001, tal-15 ta’ Novembru), tal-31 ta’ Awwissu 2012 (Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 169, tal-31 ta’ Awwissu 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“RJAEL”), dwar ix-xoljiment tal-impriżi lokali, jipprevedi: “1. Bla ħsara għall-Artikolu 35 tal-kodiċi dwar il-kumpanniji kummerċjali, l-impriżi lokali għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjoni ta’ xoljiment, fi żmien sitt xhur, jekk tkun teżisti waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […] 5. Bla ħsara għall-paragrafu li ġej, is-sistema tal-kuntratt ta’ xogħol tapplika għall-persuni li effettivament jeżerċitaw funzjonijiet fl-impriżi lokali li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, u li ma jaqgħux taħt strumenti tal-mobbiltà previsti mill-Liġi Nru l2-A/2008 tas-27 ta’ Frar 2008. 6. L-impriżi lokali fil-proċess ta’ stralċ jistgħu jittrasferixxu lill-entitajiet pubbliċi parteċipanti l-ħaddiema tagħhom taħt kuntratt ta’ xogħol, konformement mal-Artikolu 58 tal-Liġi Nru l2-A/2008 tas-27 ta’ Frar 2008, biss sa fejn dawn ikunu assenjati u jkunu meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li huma s-suġġett tal-integrazzjoni jew tal-internalizzazzjoni. […] 11. Il-paragrafi 6 sa 10 japplikaw biss għall-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat konkluż mill-inqas sena qabel id-data tad-deliberazzjoni li takkumpanja x-xoljiment tal-impriża lokali, u li għalihom, fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ rabta legali ta’ impjieg pubbliku għal żmien indeterminat, l-ebda kumpens ma jkun dovut għat-tmiem tal-post tax-xogħol preċedenti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
L. M. Piscaretta Ricardo kien irreklutat, f’Ottubru 1999, għal żmien indeterminat, mill-muniċipalità ta’ Portimão sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ “uffiċjal tat-turiżmu”. |
|
16 |
F’Ottubru 2008, L. M. Piscaretta Ricardo waqaf mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ma’ dan il-muniċipalità sabiex iwettaq dawn il-funzjonijiet, taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, fi ħdan l-impriża muniċipali Portimão Turis SA (iktar ’il quddiem “Portimão Turis”). |
|
17 |
Peress li ddeċieda, f’Marzu 2010, jgħaqqad diversi impriżi muniċipali, il-muniċipalità ta’ Portimão inkorpora lil Portimão Turis ma’ Portimão Urbis. Minn din id-data, L. M. Piscaretta Ricardo eżerċita l-funzjonijiet ta’ amministratur u sussegwentement ta’ direttur f’din l-aħħar impriża. |
|
18 |
F’Settembru 2011, L. M. Piscaretta Ricardo talab u ingħata leave mingħajr ħlas għal perijodu ta’ sentejn. F’Lulju 2013, fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, dan il-leave ġie mġedded għal perijodu ekwivalenti. |
|
19 |
F’Ottubru 2014, il-muniċipalità ta’ Portimão ddeċieda li jxolji lil Portimão Urbis, li huwa kien l-uniku azzjonist tagħha. Parti mill-attivitajiet ta’ din l-impriża ġiet ittrasferita mill-ġdid lill-muniċipalità ta’ Portimão, jiġifieri l-ġestjoni tas-sistema ta’ trasport, il-ġestjoni tal-apparat tal-iżvilupp ekonomiku, bħas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, iċ-ċentru tal-fieri u tal-wirjiet u l-pavaljun għal skopijiet varji, il-ġestjoni tal-bejgħ itineranti kif ukoll dik tas-swieq u l-fieri tradizzjonali. |
|
20 |
Il-parti l-oħra tal-attivitajiet ta’ Portimão Urbis ġiet esternalizzata lil Emarp, li l-muniċipalità ta’ Portimão kien ukoll l-uniku azzjonist tagħha, jiġifieri, minn naħa, il-ġestjoni tal-ispazju pubbliku, li tinkludi l-attività ta’ reklamar relatata magħha, l-okkupazzjoni tat-toroq pubbliċi u l-parkeġġ pubbliku urban fil-miftuħ u taħt l-art, u min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tal-apparat kollettiv u l-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-edukazzjoni, l-azzjoni soċjali, il-kultura u l-isport, jiġifieri t-tmexxija tat-teatru muniċipali ta’ Portimão, tar-razzett edukattiv, tad-dar Manuel Teixeira Gomes u taċ-ċentri komunitarji. |
|
21 |
Konformement ma’ dawn id-deċiżjonijiet, parti mill-ħaddiema ta’ Portimão Urbis kienet is-suġġett ta’ “ftehim ta’ trasferiment ta’ interess pubbliku” u, għalhekk, ġew direttament impjegati mill-ġdid mill-muniċipalità ta’ Portimão. Fir-rigward tal-parti l-oħra tal-ħaddiema, din kienet is-suġġett ta’ “trasferiment ta’ pożizzjoni kuntrattwali” u ġew impjegati minn Emarp. |
|
22 |
Peress li, madankollu, L. M. Piscaretta Ricardo ma ttieħed inkunsiderazzjoni la mill-pjan ta’ internalizzazzjoni u lanqas mill-pjan ta’ esternalizzazzjoni, imsemmija fil-punt preċedenti, huwa ġie informat li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ġie tterminat wara t-trasferiment ta’ attività definittiva ta’ Portimão Urbis. |
|
23 |
L. M. Piscaretta Ricardo, għaldaqstant, ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex it-tkeċċija tiegħu tiġi ddikjarata illegali, billi jsostni li kien seħħ trasferiment ta’ negozju ta’ Portimão Urbis lill-muniċipalità ta’ Portimão u lil Emarp. |
|
24 |
Portimão Urbis, Emarp u l-muniċipalità ta’ Portimão jikkontestaw dan l-argument. Huma jsostnu li, peress li L. M. Piscaretta Ricardo kien jinsab f’pożizzjoni ta’ leave mingħajr ħlas, jiġifieri huwa ma kienx effettivament jeżerċita funzjonijiet, il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma seta’ jiġi ttrasferit la lil wieħed u lanqas lill-ieħor mill-persuni li lilhom sar trasferiment. Huma jsostnu wkoll li ma seħħ l-ebda trasferiment ta’ negozju, peress li Portimão Urbis kienet ġiet xolta skont liġi u għalhekk kienet waqfet twettaq l-attività tagħha. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li, fil-kawża prinċipali, jeżistu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li ħaddiem li ma jkunx effettivament jeżerċita funzjonijiet, pereżempju minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, jistax jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk id-drittijiet u l-obbligi ta’ Portimão Urbis, li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol eżistenti mar-rikorrent, għandhomx jew le jitqiesu bħala li ġew ittrasferiti lill-muniċipalità ta’ Portimão u lil Emarp, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa dubjuż jekk l-Artikolu 62(5)(6) u (11) tar-RJAEL jistax jitqies, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fih, bħala li huwa konformi mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2001/23. |
|
27 |
Konsegwentement, it-Tribunal Judicial da Comarca de Faro (qorti distrettwali ta’ Faro) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn impriża muniċipali, li l-uniku azzjonist tagħha huwa muniċipalità, li ġiet xolta b’deċiżjoni tal-organu eżekuttiv ta’ dan il-muniċipalità, u li l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti parzjalment lill-imsemmi muniċipalità, sabiex jiġu eżerċitati direttament minnu, u parzjalment lil impriża muniċipali oħra rrikostitwita għal dan il-għan, li dan l-istess muniċipalità huwa wkoll l-uniku azzjonist, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
|
29 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għall-impriżi pubbliċi u privati li jeżerċitaw attività ekonomika, kemm jekk dawn l-impriżi jaħdmu bi skop ta’ lukru kif ukoll jekk le. Għall-kuntrarju, skont din l-istess dispożizzjoni, riorganizzazzjoni amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi ma jikkostitwixxux trasferiment fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
30 |
F’dan il-każ, l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkonsistiet fit-trasferiment tal-attivitajiet ta’ impriża muniċipali, parzjalment, għal muniċipalità u, parzjalment, għal impriża oħra muniċipali. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-fatt li, fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni, il-persuna li wettqet it-trasferiment kienet impriża muniċipali u l-persuni li lilhom sar it-trasferiment kienu muniċipalità u impriża muniċipali oħra ma jipprekludix, waħdu, li d-Direttiva 2001/23 tkun tapplika għall-imsemmija operazzjoni. |
|
32 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet li l-fatt li l-persuna li twettaq trasferiment tkun persuna ġuridika tad-dritt pubbliku ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23, kemm jekk din il-persuna ġuridika tkun impriża pubblika responsabbli għal servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punti 25 u 26) kemm jekk tkun Komun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Sussegwentement, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li, sabiex din tkun tapplika, it-trasferiment għandu jirrigwarda entità li teżerċita attività ekonomika, kemm jekk tkun bi skop ta’ lukru kif ukoll jekk le. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” jinkludi kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari. Bħala prinċipju huma esklużi mill-kwalifika ta’ attività ekonomika, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika, peress li s-servizzi li huma żgurati fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk proposti minn operaturi bi skop ta’ lukru jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C-108/10, EU:C:2011:542, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
F’dan il-każ, l-attivitajiet varji mwettqa minn Portimão Urbis u li ser jitwettqu mill-muniċipalità ta’ Portimão kif ukoll minn Emarp, kif deskritti fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, ma jidhrux li jwettqu prerogattivi ta’ setgħa pubblika, b’tali mod li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala attivitajiet ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23. |
|
36 |
Barra minn hekk, skont it-termini tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, dawn tal-aħħar għandhom japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi evalwata abbażi biss ta’ interpretazzjoni testwali. Minħabba differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kunċett ta’ trasferiment legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni biżżejjed flessibbli ta’ dan il-kunċett sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, li jipproteġi lill-impjegati f’każ li tinbidel il-persuna li timpjega tal-impriża (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-trasferiment jirriżulta minn deċiżjonijiet unilaterali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mhux minn qbil tal-intenzjonijiet ma jeskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C-151/09, EU:C:2010:452, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-fatt li trasferiment, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mix-xoljiment ta’ impriża muniċipali abbażi ta’ deċiżjoni tal-organu eżekuttiv tal-muniċipalità kkonċernat ma jidhirx li jostakola, fih innifsu, l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23, peress li tali operazzjoni tippreżupponi bdil tal-persuna li timpjega tal-impriża. |
|
40 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, sabiex din tkun tapplika, it-trasferiment għandu jirrigwarda lil entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet lura mill-persuna li timpjega l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et.C-458/12, EU:C:2014:124, punt 30). |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħalma huma l-bini jew proprjetà, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid lura jew le tal-parti l-kbira tal-impjegati mill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn tal-aħħar. Huwa paċifiku li dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux, għalhekk, jiġu evalwati b’mod iżolat (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punt 32). |
|
42 |
Minn dan jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lil dawn il-kriterji differenti tvarja neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża, fin-negozju jew f’parti min-negozju inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios, C-509/14, EU:C:2015:781, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li s-sempliċi teħid lura, minn entità ekonomika, tal-attività ekonomika ta’ entità oħra ma twassalx għall-konklużjoni taż-żamma tal-identità ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-identità ta’ tali entità ma tistax tiġi ridotta għall-attività li hija twettaq. Din tirriżulta minn pluralità inseparabbli ta’ elementi bħall-persunal li jikkomponiha, il-persunal ta’ sorveljanza tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi ta’ operat tagħha jew anki, fejn xieraq, ir-riżorsi operazzjonali disponibbli għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C-463/09, EU:C:2011:24, punt 41). |
|
44 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li hija ż-żamma mhux tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l-identità tal-entità ttrasferita. Iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn ikunu integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C-466/07, EU:C:2009:85, punti 46 sa 48, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et., C-160/14, EU:C:2015:565, punti 33 u 34). Minn dan jirriżulta li l-fatt li entità ekonomika tiġi xolta u l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti lil żewġ entitajiet oħra ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23. |
|
45 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-identità tal-entità ttrasferita ġietx miżmuma. |
|
46 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn impriża muniċipali, li l-uniku azzjonist tagħha huwa muniċipalità, ġiet xolta b’deċiżjoni tal-organu eżekuttiv ta’ dan il-muniċipalità, u li l-attivitajiet tagħha jiġu ttrasferiti parzjalment lill-imsemmi muniċipalità, sabiex jiġu eżerċitati direttament minnu, u parzjalment lil impriża muniċipali oħra rrikostitwita għal dan il-għan, li dan l-istess muniċipalità huwa wkoll l-uniku azzjonist, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, sakemm l-identità tal-impriża inkwistjoni tinżamm wara t-trasferiment, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi. |
Fuq it-tieni domanda
|
47 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha, taqax taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23 u jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt għandhomx jitqiesu li ġew ittrasferiti lill-persuna li lilha jsir trasferiment, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
48 |
Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li skont l-Artikolu 2(1)(d) tal-imsemmija direttiva, l-“impjegat [ħaddiem]” huwa deskritt bħala “kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg.” |
|
49 |
Sussegwentement, kif jirriżulta mit-termini stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, il-protezzjoni li din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura tikkonċerna biss il-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol li tkun teżisti fid-data tat-trasferiment (digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C-386/09, EU:C:2010:526, punt 27). |
|
50 |
Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 77/187, li ġiet sussegwentement ikkodifikata mid-Direttiva 2001/23, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja speċifika, peress li l-benefiċċju ta’ din id-direttiva jista’ jiġi invokat biss mill-ħaddiema li l-kuntratt tagħhom jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tkun għadha fis-seħħ fid-data tat-trasferiment, l-eżistenza jew le ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol f’din id-data għandha tiġi evalwata skont id-dritt nazzjonali, sakemm, madankollu, jiġu osservati r-regoli obbligatorji tal-imsemmija Direttiva 77/187 dwar il-protezzjoni tal-impjegati kontra t-tkeċċija minħabba t-trasferiment (digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C-386/09, EU:C:2010:526, punt 28). |
|
51 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li filwaqt li, fid-data ta’ xoljiment ta’ Portimão Urbis, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien marbut magħha b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, f’din l-istess data, huwa ma kienx effettivament jeżerċita il-funzjonijiet tiegħu, minħabba l-fatt li huwa kien jibbenefika minn leave mingħajr ħlas u minħabba li dan il-leave kellu bħala effett, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwassal għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. |
|
52 |
Issa, il-qorti tar-rinviju speċifikat li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li, tul is-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, id-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji tal-partijiet li ma humiex obbligati li effettivament jaħdmu għandhom jinżammu. Għalhekk, jidher li l-imsemmija leġiżlazzjoni tipproteġi, bħala ħaddiem, lil persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
|
53 |
Konsegwentement, bla ħsara għal din il-verifika, jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi ta’ tali persuna, li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, għandhom jiġu ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment minħabba l-fatt tat-trasferiment ta’ impriża. |
|
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ma teżerċitax effettivament il-funzjonijiet tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “impjegat [ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn din tidher li tkun protetta bħala ħaddiem mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Bla ħsara għal din il-verifika, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha għandhom jitqiesu bħala ttrasferiti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
Fuq it-tielet domanda
|
55 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/23 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest tat-trasferiment ta’ impriża lokali, tissuġġetta ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema għal ċerti restrizzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol jew it-tul tiegħu. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentarju u fattwali li huwa l-kompitu tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Sommer Antriebs- und Funktechnik, C-369/14, EU:C:2015:491, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li t-trasferiment tal-ħaddiema ta’ impriża lokali huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-eżistenza minn qabel ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, konkluż mill-inqas sena qabel id-data tad-deliberazzjoni li takkumpanja x-xoljiment ta’ din l-impriża. |
|
58 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, fid-data ta’ waqfien tal-attività ta’ Portimão Urbis, L. M. Piscarreta Ricardo kellu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat konkluż diversi snin qabel din id-data. |
|
59 |
Issa, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li qorti nazzjonali tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, jekk hija tqis li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt hija meħtieġa sabiex hija tagħti s-sentenza tagħha. |
|
60 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li, f’dan il-kuntest, risposta għad-domanda magħmula hija meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha. B’mod partikolari, hija ma spjegatx għalfejn ir-restrizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif speċifikati fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ L. M. Piscarreta Ricardo. |
|
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.