SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 1, 2 u 6 – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Pensjoni tal-irtirar ta’ impriża – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4(1) u (2) – Modalitajiet għall-kalkolu tad-drittijiet kweżiti għall-pensjoni – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Trattament differenti tal-ħaddiema part-time”

Fil-Kawża C-354/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Verden (tribunal industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Ute Kleinsteuber

vs

Mars GmbH

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal U. Kleinsteuber, minn T. Ameis, avukat,

għal Mars GmbH, minn W. Ahrens, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Lippstreu u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero kif ukoll minn C. Hödlmayr, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) u (2) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278) kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23) u tal-Artikoli 1 u 2 kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

It-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ute Kleinsteuber u Mars GmbH fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża miksuba bħala ħaddiema part-time li telqet mill-impriża qabel ma seħħ l-avenniment li jagħti dritt għall-għoti tal-benefiċċju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-klawżola 4(1) sa (4) tal-Ftehim Qafas hija fformulata kif ġej:

“Il-Klawżola 4: Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika.

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b’kont meħud tal-leġislazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.

4.

Meta oġġettivament ġustifikat l-Istati Membri jistgħu wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, meta approprjat, jikkondizzjonaw l-aċċess għal impjiegi partikolari bi kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz, ħin maħdum jew rati ta’ qligħ. Il-kwalifiki li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċess ta’ ħaddiema part-time għal kondizzjonijiet ta’ l-impjieg partikolari għandhom jiġu ezaminati perjodikament b’kont meħud tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni espress fil-Klawżola 4.1”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni, jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […].”

6

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

[…]”

7

L-Artikolu 4, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Paga ugwali”, tat-Titolu II tad-Direttiva 2006/54, jipprevedi:

“Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni

Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

8

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung (Betriebsrentengesetz) (liġi dwar it-titjib tal-iskemi ta’ pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar” hija fformulata kif ġej:

“Artikolu 2 - Ammont tad-dritt kweżit

Meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni minħabba li tkun intlaħqet l-età tal-irtirar, invalidità jew mewt, ħaddiem li jkun irtira qabel iż-żmien u li jkun intitolat għad-drittijiet taħt l-Artikolu 1b) ta’ din il-liġi u l-aventi kawża tiegħu jgawdu minn dritt li huwa mill-inqas ekwivalenti għall-parti mill-benefiċċju li minnu huma kienu jibbenefikaw fl-assenza ta’ rtirar qabel iż-żmien, li jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul tal-perijodu inkluż bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja; minflok l-età normali tal-irtirar, tittieħed inkunsiderazzjoni data preċedenti meta din tkun prevista mill-iskema ta’ irtirar bħala l-età massima, u, l-iktar tard, id-data li fiha l-ħaddiem jikseb l-età ta’ 65 sena, fil-każ li dan jitlaq mill-impriża u jitlob fl-istess ħin pensjoni tax-xjuħija skont l-assigurazzjoni legali obbligatorja għall-affiljati fit-tul […]”

9

L-Artikolu 4(1) tal-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (liġi dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien determinat) huwa fformulat kif ġej:

“1. Ħaddiem part-time ma għandux jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem full-time komparabbli għar-raġuni biss li jaħdem part-time, sakemm ma jkunux jeżistu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament differenti. Il-ħaddiem part-time għandu jirċievi remunerazzjoni jew benefiċċju ieħor bi ħlas diviżibbli li l-portata tiegħu għandha għall-inqas tkun tikkorrispondi għall-proporzjon tas-sigħat tax-xogħol tiegħu meta mqabbel ma’ dak ta’ ħaddiem full-time komparabbli. […]”

10

It-Taqsima 3.4 tal-iskema ta’ pensjoni ta’ Mars li tinsab fil-ftehim kollettiv tas-6 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ pensjoni”) tipprevedi:

“Id-‘dħul’ ta’ persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha huwa ekwivalenti għar-remunerazzjoni annwali totali li din il-persuna tirċievi għas-servizzi li hija tipprovdi lill-impriża. […] Meta persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha tkun, matul is-snin ta’ servizz tagħha li jagħtu lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar, ħadmet part-time, b’mod kontinwu jew temporanju, id-‘dħul’ tagħha skont l-ewwel sentenza jiġi ddeterminat fuq il-bażi tas-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa miftiehma b’kuntratt. Dan id-‘dħul’ jitqassam fuq sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa ekwivalenti għar-rata ta’ attività medja tul is-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ir-rata ta’ attività hija r-relazzjoni bejn is-sigħat ta’ xogħol normali fil-ġimgħa miftiehma u s-sigħat ta’ xogħol normali fil-ġimgħa skont il-manwal ta’ Mars, relazzjoni li ma tistax madankollu teċċedi l-100 %”.

11

It-Taqsima 3.5 tal-iskema ta’ pensjoni tipprevedi:

“Is-‘salarju li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni’ ta’ persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha huwa ekwivalenti għall-ammont medju massimu tad-dħul li din il-persuna tkun irċeviet matul tlieta mill-aħħar ħames snin sħaħ ta’ attività tagħha li jagħtu lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar […]”

12

Skont it-Taqsima 4.1 tal-iskema ta’ pensjoni:

“Fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti minn din l-iskema ta’ pensjoni, persuna li tista’ tinvoka d-drittijiet għall-pensjoni tagħha tikseb, meta tirtira, kemm jekk dan iseħħ fl-età ‘normali’ jew sussegwentement, għal kull sena sħiħa ta’ servizz li tagħti lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar, pensjoni tal-irtirar annwali ekwivalenti

A)

għal 0.6 % tal-parti tas-salarju tagħha li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar li tkun inqas mill-ammont medju tal-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja għas-snin li fuqhom ikun ibbażat il-kalkolu tas-salarju li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar, u

B)

għal 2.0 % tal-parti tas-salarju tagħha li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar li tkun għola minn dan l-ammont medju.

[…] is-snin ta’ servizz li jagħtu lok għal dritt għall-pensjoni tal-irtirar huma madankollu limitati għat-total ta’ 35 il-sena sħiħa”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

U. Kleinsteuber, li twieldet fit-3 ta’ April 1965, kienet impjegata ma’ Mars u mal-predeċessur tagħha bejn l-1 ta’ Ottubru 1990 u l-31 ta’ Mejju 2014, u dan f’diversi pożizzjonijiet. Din ħadmet kemm full-time kif ukoll part-time b’sigħat imnaqqsa ta’ bejn 50 % u 75 % tal-attività ta’ ħaddiem full-time. U. Kleinsteuber tibbenefika, fil-konfront ta’ Mars u wara li tagħlaq il-55 sena, minn dritt għall-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża.

14

Skont l-iskema ta’ pensjoni, fil-każ ta’ ħaddiem li ma huwiex impjegat full-time, qabelxejn, għandu jitwettaq kalkolu tas-salarju annwali rilevanti tal-ħaddiem full-time li jkun intitolat għall-pensjoni tal-irtirar. Sussegwentement, dan is-salarju jiġi mnaqqas skont ir-rata ta’ attività medja matul il-perijodu tal-impjieg kollu. Fl-aħħar nett, id-diversi rati relatati mal-elementi li jikkostitwixxu s-salarju jiġu applikati għall-ammont li jirriżulta. L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża huwa fil-fatt ikkalkolat abbażi ta’ formula msejħa “iddifferenzjata”.

15

Għalhekk issir distinzjoni bejn id-dħul magħmul li jkun iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u dak li jeċċedi dan il-limitu. Il-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet huwa, fid-dritt Ġermaniż tal-assigurazzjoni soċjali, l-ammont sa fejn is-salarju ta’ persuna li tibbenefika mill-kopertura legali jintuża għall-assigurazzjoni soċjali. L-elementi kostituttivi tas-salarju ’il fuq mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ġew evalwati, waqt il-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ U. Kleinsteuber, għal 2 % filwaqt li l-elementi kostituttivi tas-salarju ’l isfel minn dan il-limitu ġew evalwati għal 0.6 %.

16

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-każ ta’ rtirar qabel iż-żmien ta’ impjegat, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar, għandu jitwettaq kalkolu pro rata temporis. L-ewwel nett, għandu jiġi kkalkolat id-“dritt massimu fittizju”, jiġifieri d-dritt għall-pensjoni li kien igawdi minnu l-ħaddiem li kieku ma kienx telaq mill-impjieg tiegħu qabel iż-żmien, iżda kien baqa’ impjegat sakemm ikun laħaq l-età tal-irtirar miftiehem. Sussegwentement, il-“kwozjent miksub” jiġi kkalkolat billi tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn l-anzjanità effettiva u l-perijodu li l-ħaddiem kien baqagħlu jaħdem sa’ ma jilħaq l-età tal-irtirar li kieku ma kienx irtira qabel iż-żmien. Id-dritt massimu fittizju jiġi mbagħad immultiplikat bil-kwozjent miksub sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża jew id-dritt għalih.

17

L-iskema ta’ pensjoni ta’ Mars tipprevedi, barra minn hekk, limitu għas-snin ta’ anzjanità li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u li huwa stabbilit għal 35 sena.

18

U. Kleinsteuber tikkontesta quddiem l-Arbeitsgericht Verden (tribunal industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja) il-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża tagħha mwettaq minn Mars u tqis li hija intitolata għal pensjoni tal-irtirar ogħla minn dik ikkalkolata minn din tal-aħħar. Il-Bundesarbeitsgericht (tribunal industrijali federali, il-Ġermanja) diġà indikat dwar dan is-suġġett li l-leġiżlazzjoni inkluża fl-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar hija xierqa u meħtieġa għall-ilħuq ta’ għan leġittimu.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Verden (tribunal industrijali ta’ Verden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

a)

Id-dritt tal-Unjoni applikabbli, partikolarment il-Klawżola 4(1) u (2) tal-ftehim qafas […] u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet legali jew użanzi nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, jagħmlu distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu (“formula ddifferenzjata għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar”), b’mod li ma jieħdux inkunsiderazzjoni d-dħul minn impieg part-time billi jikkalkolaw l-ewwel id-dħul minn impieg full-time korrispondenti, jiddeterminaw il-proporzjon[ijiet] ’il fuq u ’l isfel mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u sussegwentement japplikaw dan il-proporzjon fuq id-dħul imnaqqas tal-impieg part-time?

Jekk id-domanda 1.a) titlob risposta negattiva:

b)

Id-dritt tal-Unjoni applikabbli, partikolarment il-Klawżola 4(1) u (2) tal-ftehim qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 […], moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet legali jew użanzi nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, jagħmlu distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu (“formula ddifferenzjata għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar”), u, fil-każ ta’ persuna impjegata li ħadmet parzjalment full-time u parzjalment part-time, ma jiħdux inkunsiderazzjoni perijodi speċifiċi (pereżempju snin kalendarji differenti), iżda jikkalkolaw rata ta’ attività uniformi għaż-żmien kollu tar-relazzjoni tal-impieg u japplikaw il-formula ddifferenzjata għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar biss fir-rigward tar-remunerazzjoni medja li tirriżulta?

2.

Id-dritt tal-Unjoni applikabbli, partikolarment il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li s-sinjifikat konkret tagħha jinsab speċifikat fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fid-Direttiva 2000/78 […], partikolarment fl-Artikoli 1, 2 u 6 ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet legali jew użanzi nazzjonali li jipprevedu pensjoni tal-irtirar ta’ impriża li l-ammont tagħha jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul taż-żmien bejn id-dħul [fis-servizz] fl-impriża u l-età normali tal-irtirar stabbilita mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja […], u għalhekk b’limitu ta’ snin [ta’ servizz] li jistgħu jingħaddu, bil-konsegwenza li l-persuni impjegati li jkunu kisbu l-anzjanità tagħhom meta kienu iżgħar jirċievu pensjoni tal-irtirar ta’ impriża iktar baxxa minn dik li jirċievu l-kollegi tagħhom li jkunu kisbu l-anzjanità tagħhom meta kienu ikbar fl-età, minkejja li l-perijodu ta’ servizz mal-impriża taż-żewġ gruppi ta’ impjegati jkun l-istess?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Kummenti preliminari

20

Mill-formulazzjoni tal-partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78.

21

Madankollu minn qari tar-raġunijiet esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din fil-fatt tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġizlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax twassal għal diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni impjegati li jaħdmu part-time, fis-sens tal-Ftehim Qafas. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun intitolata wkoll tinvoka l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, sa fejn, skont din il-qorti, l-attivitajiet part-time huma iktar imwettqa min-nisa.

22

Għall-kuntrarju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta l-ebda element li jippermetti li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas, kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54.

Fuq il-parti (a) tal-ewwel domanda

24

Permezz tal-parti (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, tagħmel distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu, b’mod li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul minn impjieg part-time billi tikkalkola l-ewwel id-dħul minn impjieg full-time korrispondenti, billi tiddetermina l-proporzjonijiet rispettivament ’il fuq u ’l isfel mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u sussegwentement billi tapplika dan il-proporzjon fuq id-dħul imnaqqas tal-impjieg part-time.

25

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas tistabbilixxi projbizzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time komparabbli għar-raġuni biss li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

26

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża li jikkonsisti fit-twettiq ta’ distinzjoni bejn is-salarji li huma iktar baxxi mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u dawk li jeċċedu dan il-limitu (iktar ’il quddiem il-“formula ddifferenzjata”) japplika kemm għall-impjegati full-time kif ukoll għall-impjegati part-time.

27

U. Kleinsteuber issostni madankollu li dan il-metodu ta’ kalkolu jwassal sabiex ir-rata iktar għolja ta’ 2 % tiġi applikata għal proporzjon żgħir wisq tad-dħul annwali li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni. Filwaqt li, skont l-iskema ta’ pensjoni tagħha, Mars ikkalkolat, fuq il-bażi ta’ attività full-time, ir-remunerazzjoni annwali li tagħti lok għal dritt għall-pensjoni applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel ma naqqsitha fuq il-bażi tar-rata ta’ attività part-time tagħha, qassmet l-ammont hekk miksub f’kategorija iktar baxxa mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u f’kategorija ogħla minn dan il-limitu u applikat għalihom id-diversi perċentwali, U. Kleinsteuber tqis li għall-persuni impjegati part-time l-kalkolu għandu jsir billi jiġi kkalkolat id-dħul fittizju ta’ persuna impjegata full-time bl-applikazzjoni għaliha tal-formula ddifferenzjata. Huwa biss sussegwentement li għandu jitwettaq tnaqqis fuq il-bażi tar-rata ta’ attività part-time.

28

Madankollu, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-metodu ta’ kalkolu applikat minn Mars iwassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema part-time.

29

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjoni bejn il-perijodu ta’ xogħol effettivament imwettaq mill-ħaddiem tul il-karriera tiegħu u l-perijodu ta’ xogħol ta’ ħaddiem li tul il-karriera kollha tiegħu ħadem fuq bażi full-time jikkostitwixxi applikazzjoni stretta tal-prinċipju pro rata temporis. F’dan il-każ, Mars għalhekk ikkalkolat u applikat rata ta’ 71.5 %.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol effettivament imwettqa minn ħaddiem tul il-karriera tiegħu huwa kriterju oġġettiv u mingħajr ebda diskriminazzjoni, li jippermetti tnaqqis proporzjonat tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punt 91).

31

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, jekk id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ U. Kleinsteuber ma jikkorrispondux għall-proporzjon pro rata temporis ta’ full-time imħallas aħjar, dan ma jirriżultax mill-fatt li U. Kleinesteuber ħadmet fuq bażi part-time, iżda mill-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju u tal-formula ddifferenzjata.

32

F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża tikkompleta, fuq bażi volontarja tal-persuna li timpjega, il-benefiċċji mħallsa mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja. Għalhekk, l-għan tal-iskema ta’ pensjoni ta’ Mars huwa li jiġi rifless fl-età tal-irtirar, jekk ikun possibbli b’mod sħiħ u proporzjonat, il-livell ta’ għajxien li kellha l-persuna impjegata tul is-snin tax-xogħol tagħha.

33

Il-formula ddifferenzjata hija intiża, min-naħa tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza ta’ ħtieġa ta’ kopertura għall-kategoriji ta’ remunerazzjoni iktar baxxi u ogħla mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, peress li dawn tal-aħħar ma jittiħdux inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja.

34

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, għall-impjegati li, minħabba x-xogħol part-time, irċevew dħul li jagħti lok għal dritt għall-pensjoni ġeneralment inqas mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, l-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja ma għandha l-ebda lakuna fil-benefiċċji mogħtija, peress li d-dħul kollu tagħhom huwa kopert mill-imsemmija assigurazzjoni.

35

Barra minn hekk, kif sostnew il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, il-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit minn U. Kleinsteuber, imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jista’ jwassal sabiex il-partijiet ta’ dħul li huma iktar ogħla mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jiġu mgħollija artifiċjalment. Bl-istess mod, fil-każ ta’ remunerazzjoni part-time ta’ livell iktar baxx minn dan il-limitu, il-metodu ssuġġerit mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jwassal għal applikazzjoni tar-rata ta’ 2 %, sa fejn il-formula ddifferenzjata tkun direttament applikata għar-remunerazzjoni annwali ta’ ħaddiem full-time korrispondenti, saħansitra qabel ma titnaqqas fuq il-baża tar-rata ta’ attività part-time tal-impjegat ikkonċernat. Issa, ma jeżisti ebda bżonn ta’ kopertura addizzjonali fil-każ ta’ remunerazzjoni ta’ livell iktar baxx minn dan il-limitu.

36

Kif irrilevat il-Kummissjoni, dan iwassal sabiex l-attività professjonali tal-persuna kkonċernata tiġi stmata b’mod eċċessiv, u jwassal għall-istabbiliment ta’ drittijiet ħafna iktar ogħla u mhux relatati mal-attività effettivament imwettqa minn U. Kleinsteuber.

37

Il-qorti tar-rinviju rrilevat, f’dan ir-rigward, li li kieku kellu jiġi applikat l-approċċ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Mars tkun obbligata tapplika għall-partijiet tas-salarju ta’ U. Kleinsteuber li jkunu iktar baxxi mill-imsemmi limitu, minbarra l-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, il-perċentwali iktar għolja ta’ 2 % prevista mill-iskema ta’ pensjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tħallas għalhekk pensjoni tal-irtirar ta’ impriża li tkun proporzjonalment ogħla anki għall-imsemmija partijiet tas-salarju.

38

Għandu jiġi kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li l-għan tal-formula ddifferenzjata, intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenza ta’ ħtieġa ta’ kopertura għall-partijiet ta’ remunerazzjoni iktar baxxi u ogħla mil-limitu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, li tiġġustifika differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq it-tip ta’ xogħol, fis-sens tal-Ftehim Qafas u, għaldaqstant, lanqas ma tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, fis-sens tad-Direttiva 2006/54.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, tagħmel distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu, b’mod li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul minn impjieg part-time billi tikkalkola l-ewwel id-dħul minn impjieg full-time korrispondenti, billi tiddetermina l-proporzjonijiet rispettivament ’il fuq u ’l isfel mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u sussegwentement billi tapplika dan il-proporzjon fuq id-dħul imnaqqas tal-impjieg part-time.

Fuq il-parti (b) tal-ewwel domanda

41

Permezz tal-parti (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ impjegat li ħadem parzjalment full-time u parzjalment part-time, tiddetermina rata ta’ attività uniformi għaż-żmien kollu tar-relazzjoni tal-impjieg.

42

Skont il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ħaddiema part-time humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time komparabbli, minħabba l-fatt tal-istabbiliment ta’ rata ta’ attività uniformi għas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu.

43

Issa, l-istabbiliment ta’ rata part-time dehret li tikkostitwixxi metodu li jippermetti li jiġi evalwat ix-xogħol kollu mwettaq mill-ħaddiem part-time. Għall-kalkolu li jirrigwarda l-ħaddiema part-time, ma jistax jiġi preżunt, għall-kuntrarju, li dawn ikunu ħadmu full-time matul il-perijodu kollu.

44

Mars issostni li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ attività uniformi għas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu tirrifletti sempliċement id-diversi ħinijiet tax-xogħol matul l-attività, iżda mhux ir-remunerazzjonijiet differenti rċevuti matul dan il-perijodu. Fil-fatt, skont din il-kumpannija, l-iskema ta’ pensjoni tinkludi impenn li tingħata pensjoni tal-irtirar marbuta mal-aħħar remunerazzjoni u r-remunerazzjoni rċevuta matul ir-relazzjoni tal-impjieg hija irrilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar.

45

F’dan ir-rigward, l-ebda element mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi stabbilit li metodu ta’ kalkolu ieħor, bħal dak li jikkonsisti f’li l-ħin tax-xogħol imwettaq ma’ Mars jinqasam f’perijodi, ikun jippermetti kalkolu iktar xieraq u iktar ekwu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ pro rata temporis.

46

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien iddettaljat tal-proċess, li għandha tivverifika li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, li għandha tivverifika li l-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiksirx dan il-prinċipju, li l-osservanza tiegħu hija, fil-kawża prinċipali, imposta bil-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-parti (b) tal-ewwel domanda, għandha tkun li l-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ impjegat li ħadem parzjalment full-time u parzjalment part-time, tiddetermina rata ta’ attività uniformi għaż-żmien kollu tar-relazzjoni tal-impjieg, sa fejn dan il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ma jiksirx ir-regola tal-pro rata temporis. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

Fuq it-tieni domanda

48

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi, jekk l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul taż-żmien inkluż bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar stabbilita mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, u għalhekk b’limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu.

49

Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna, minħabba l-età tagħha, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tkun tinvolvi żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa.

50

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament direttament jew indirettament ibbażata fuq l-età, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-konsegwenza tal-metodu ta’ kalkolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija li l-persuni impjegati li kisbu l-anzjanità tagħhom meta kienu iżgħar jirċievu pensjoni tal-irtirar ta’ impriża iktar baxxa minn dik li jirċievu l-kollaboraturi li kisbu l-anzjanità tagħhom meta kienu ikbar, minkejja li l-anzjanità hija l-istess.

51

Kif irrileva l-Gvern Ġermaniż, la l-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas il-limitu previst mill-iskema ta’ pensjoni ma jirreferu direttament għall-kriterju tal-età. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika bl-istess mod għall-ħaddiema ta’ kull età.

52

Din il-leġiżlazzjoni ma hijiex għalhekk direttament ibbażata fuq il-kriterju tal-età, iżda fuq dak tal-anzjanità fl-impriża.

53

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta madankollu li l-effett sekondarju li jipproduċi l-istabbiliment ta’ limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu kien jidher dejjem meta l-età ta’ dħul fis-servizz tal-persuna impjegata li rtirat qabel iż-żmien ikun inqas mid-differenza bejn l-età massima għall-irtirar u l-limitu tas-snin ta’ servizz. Għalhekk, fil-każ fejn l-età massima għall-irtirar tkun ta’ 65 sena u fejn is-snin ta’ servizz li jistgħu jingħaddu jkunu limitati għal 35, l-impjegati li jirtiraw qabel iż-żmien u li bdew jaħdmu qabel l-età ta’ 30 sena jkunu żvantaġġati f’termini ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ta’ impriża.

54

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li tali differenza fit-trattament tirriżulta mill-interazzjoni bejn l-istabbiliment ta’ limitu għas-snin ta’ servizz li jistgħu jingħaddu u fatturi oħra, bħall-metodu ta’ tnaqqis pro rata temporis previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar.

55

L-eżistenza ta’ żvantaġġ għal grupp ta’ età partikolari tirriżulta għalhekk mill-applikazzjoni flimkien ta’ dispożizzjonijiet u mill-allineament ta’ parametri partikolari.

56

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li “b’mod astratt, jista’ jingħad li l-effett sfavorevoli tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ħafna iktar sinjifikattiv fejn il-persuna impjegata kienet żagħżugħa meta bdiet ir-relazzjoni tal-impjieg, fejn il-perijodi ta’ servizz kienu qosra u fejn l-istabbiliment ta’ limitu tas-snin ta’ servizz li jistgħu jingħaddu kien iffissat baxx”. Il-Gvern Ġermaniż jikkonstata, min-naħa tiegħu, li tipikament l-effett tal-metodu ta’ kalkolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li, “f’ċerti sitwazzjonijiet”, joħloq nuqqas indirett ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema li jkunu iżgħar peress li huwa fil-każ tagħhom biss, waqt il-kalkolu tad-dritt massimu fittizju, li jintlaħaq il-limitu tas-snin tal-karriera u jidħol għalhekk fil-kalkolu.

57

Għall-kuntrarju, Mars tirrileva, minn naħa, li t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn, għall-kalkolu tad-drittijiet tagħha, il-karriera ta’ U. Kleinsteuber ma tnaqqsitx.

58

Min-naħa l-oħra, Mars issostni li t-tnaqqis pro rata temporis previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar mhux dejjem tkun ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema iżgħar u li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma hijiex ibbażata fuq l-età, iżda fuq l-anzjanità.

59

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tat-tilwima quddiemha, li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax, b’mod konkret u lil hinn minn ċirkustanzi inċerti, twassal għal differenza fit-trattament indirettament ibbażata mhux fuq l-anzjanità, iżda fuq l-età.

60

Hija għandha tivverifika wkoll li l-problema mqajma ma hijiex waħda ipotetika, iżda hija relatata mal-fatti diskussi mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Tali kwistjoni ma tistax, fil-fatt, tiġi kkunsidrata b’mod astratt u ipotetiku iżda għanda tkun is-suġġett, skont il-każ, ta’ analiżi każ b’każ.

61

Għandu, fil-fatt, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, B., C-394/13, EU:C:2014:2199, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun preżenti fl-iżvolġiment tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tirrispetta l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux dik li tesprimi opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, EU:C:2003:333, punt 32, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 42).

62

Fil-każ li din il-qorti tikkonstata, fit-tmiem ta’ din l-evalwazzjoni, l-eżistenza ta’ tali differenza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, din id-differenza fit-trattament ma għandhiex titqies bħala diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva, sa fejn hija ġġustifikata minn għan leġittimu u fejn il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan huma xierqa u meħtieġa.

63

F’dan ir-rigward, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq simultanjament għanijiet ta’ politika soċjali li jirrigwardaw il-mobbiltà u l-iskema tal-irtirar, u l-għan prinċipali tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża, li huwa li tiġi kkumpensata l-lealtà tal-persuni impjegati tal-impriża. Din il-leġiżlazzjoni tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-interess tal-impriża sabiex l-oneru li jirriżulta mill-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża minħabba drittijiet kweżiti jkun ċar u kalkolabbli.

64

F’dan ir-rigward, Mars sostniet li l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni u, b’mod partikolari, tal-iskema tal-irtirar professjonali inkwistjoni huwa li tinstab regola applikabbli ghall-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet kweżiti fil-każ ta’ irtirar qabel iż-żmien mir-relazzjoni tal-impjieg, li tosserva l-kunċett wiesa’ tas-sistema tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża li tirregola l-pjanijiet ta’ previdenza abitwali, u li tikkontribwixxi għalhekk għall-ġeneralizzazzjoni tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża, peress li dawn jingħataw fuq bażi volontarja mill-persuna li timpjega.

65

Għandu jiġi kkunsidrat li tali għanijiet, intiżi għall-istabbiliment ta’ bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni, fil-kuntest tat-tħassib fil-qasam tal-politika tal-impjieg u tal-protezzjoni soċjali, sabiex jiġi żgurat benefiċċju ta’ rtirar professjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għanijiet ta’ interess ġenerali.

66

Fir-rigward tan-natura xierqa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ dritt legalment miksub fil-każ ta’ rtirar qabel iż-żmien mir-relazzjoni ta’ impjieg ibbażat fuq it-tul pro rata temporis tal-anzjanità effettiva meta mqabbla mal-anzjanità possibbli sal-età normali tal-irtirar, u fuq l-istabbiliment ta’ limitu għas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu ma jidhirx irraġonevoli fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67

Dan japplika wkoll fir-rigward tan-natura meħtieġa tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li ma jistgħux jinħolqu inċentivi għaż-żamma fl-impriża sal-età legali tal-irtirar mingħajr l-għoti, lill-persuna impjegata li tagħmel din l-għażla, ta’ vantaġġ fil-konfront tal-persuna impjegata li tirtira mill-impriża qabel iż-żmien. Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta l-ebda element li jista’ jikkonfuta serjament il-ħtieġa ta’ tali leġiżlazzjoni u lanqas l-ebda regola ta’ kalkolu oħra, bħal dik issuġġerita minn U. Kleinsteuber, li tippermetti li l-għanijiet imsemmija jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi u, b’mod partikolari, dak li jikkonsisti fil-ġeneralizzazzjoni tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ impriża.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul taż-żmien bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar stabbilita mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, u għalhekk b’limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata, u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża, tagħmel distinzjoni bejn id-dħul mix-xogħol li huwa iktar baxx mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja u d-dħul mix-xogħol li jeċċedi dan il-limitu, b’mod li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul minn impjieg part-time billi tikkalkola l-ewwel id-dħul minn impjieg full-time korrispondenti, billi tiddetermina l-proporzjonijiet rispettivament ’il fuq u ’l isfel mil-limitu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u sussegwentement billi tapplika dan il-proporzjon fuq id-dħul imnaqqas tal-impjieg part-time.

 

2)

Il-klawżola 4(1) u (2) tal-imsemmi ftehim u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ impriża ta’ impjegat li ħadem parzjalment full-time u parzjalment part-time, tiddetermina rata ta’ attività uniformi għaż-żmien kollu tar-relazzjoni tal-impjieg, sa fejn dan il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ma jiksirx ir-regola tal-pro rata temporis. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

 

3)

L-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġizlazzjoni nazzjonali li tipprevedi pensjoni tal-irtirar ta’ impriża li l-ammont tagħha jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-anzjanità u t-tul taż-żmien bejn id-dħul fis-servizz fl-impriża u l-età normali tal-irtirar stabbilita mill-assigurazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar obbligatorja, u għalhekk b’limitu tas-snin tal-karriera li jistgħu jingħaddu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.