SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2017 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Koordinazzjoni tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur uniku — Prova — Multi — Ġurisdizzjoni sħiħa — Terminu raġonevoli — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑625/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2013,

Villeroy & Boch AG, stabbilita f’Mettlach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u T. Kreifels, avukati, assistiti minn S. Thomas, professur,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari, F. Castillo de la Torre u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger, E. Levits, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Villeroy & Boch AG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Settembru 2013, Villeroy & Boch Austria et vs Il‑Kummissjoni (T‑373/10, T‑374/10, T‑382/10 u T‑402/10, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, ”EU:T:2013:455), peress li, permezz ta’ din is-sentenza, din ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din kienet tikkonċernaha.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

Il-Linji gwida tal-2006

3

Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jindikaw fil-punt 2 tagħhom li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-multi, “il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-tul u l-gravità tal-ksur” u li “l-multa imposta ma għandhiex taqbeż il-limiti indikati fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Il-punt 37 tal-Linji gwida tal-2006 jistabbilixxi:

“Għalkemm dawn il-Linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5

Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jagħmlu parti mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti li ġejjin, jiġifieri viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u l-aċċessorji tagħhom kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ’il quddiem it-“tliet sottogruppi ta’ prodotti”).

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej.

7

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li pparteċipaw fih 17-il kumpannija, seħħ matul perijodi differenti bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u ħa l-forma ta’ sett ta’ ftehimiet antikompetittivi jew prattiki miftiehma fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak.

8

Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija produtturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq, u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-produtturi jistabbilixxu l-lista ta’ prezzijiet tagħhom, li ġeneralment jibqgħu fis-seħħ għal sena u kienu jservu bħala l-bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti.

9

Villeroy & Boch kif ukoll ir-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza, Villeroy & Boch Austria GmbH (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Awstrija”), Villeroy & Boch SAS (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Franza”) u Villeroy & Boch Belgium SA (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Belġju”), joperaw fis-settur tat-tagħmir sanitarji għall-kmamar tal-banju. Villeroy & Boch iżżomm il-kapital kollu ta’ Villeroy & Boch Awstrija, ta’ Villeroy & Boch Franza, ta’ Villeroy & Boch Belġju, ta’ Ucosan BV u tas-sussidjarji tagħha kif ukoll ta’ Villeroy & Boch SARL (iktar ’il quddiem “Villeroy & Boch Lussemburgu”).

10

Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li tipproduċi viti u fittings, u Hüppe GmbH, li tipproduċi diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tal-multi li setgħu jiġu imposti fuqhom. Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali mill-multi favur Masco, konformement mal-punt 8(a) u mal-punt 15 ta’ dan l-avviż.

11

Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż fl-istabbilimenti ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju.

12

Fil-15 u fid-19 ta’ Novembru 2004, Grohe Beteiligungs GmbH u s-sussidjarji tagħha kif ukoll American Standard Inc. (iktar ’il quddiem “Ideal Standard”) rispettivament talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom.

13

Peress li, fil-perijodu bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, hija indirizzat talbiet għal informazzjoni lil diversi minn dawn il-kumpanniji u assoċjazzjonijiet li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, inklużi r-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2007, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lilhom.

14

Fis-17 u fid-19 ta’ Jannar 2006, Roca SARL kif ukoll Hansa Metallwerke AG u s-sussidjarji tagħha rispettivament talbu wkoll sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fl-20 ta’ Jannar 2006, Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG Armaturenfabrik ressqet talba simili.

15

Wara seduta li saret mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, dwar ittra ta’ spjegazzjoni tal-fatti tad-9 ta’ Lulju 2009, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal ċerti provi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali u t-talbiet għall-informazzjoni supplimentari li ġew indirizzati sussegwentement, b’mod partikolari, lil dawn ir-rikorrenti, fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija kkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 8 ta’ din is-sentenza kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u li għandhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u jestendi għat-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak. F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari enfasizzat il-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell repetut li kien ikkonfermat li kien l-istess f’sitt Stati Membri koperti mill-investigazzjoni tagħha. Hija nnotat ukoll l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jikkonċernaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoni”, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali professjonali li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti”, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed mit-tliet sottogruppi ta’ prodotti. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi Stati Membri differenti u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ diversi prodotti.

16

Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni bħala membri tal-assoċjazzjonijiet li ġejjin, jiġifieri l-IndustrieForum Sanitär, li mis-sena 2001 issostitwixxiet il-Freundeskreis der deutschen Sanitärindustrie, l-Arbeitskreis Baden und Duschen, li mis-sena 2003 issostitwixxiet l-Arbeitskreis Duschabtrennungen u l-Fachverband Sanitär-Keramische Industrie (iktar ’il quddiem il-“FSKI”) fil-Ġermanja, l-Arbeitskreis Sanitärindustrie (iktar ’il quddiem l-“ASI”) fl-Awstrija, il-Vitreous China-group (iktar ’il quddiem il-“VCG”) fil-Belġju, is-Sanitair Fabrikanten Platform fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Association française des industries de céramique sanitaire (AFICS) fi Franza. Fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonstatat, fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-impriżi li pparteċipaw ma setgħux jiġu imposti multa fir-rigward ta’ dan minħabba l-preskrizzjoni.

17

Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni elenkat l-impriżi ssanzjonati għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE mill-1 ta’ Jannar 1994, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija għal perijodi differenti bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004. Fir-rigward tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni ssanzjonat, fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, lil Villeroy & Boch għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur uniku mit-28 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004 u lis-sussidjarji tagħha Villeroy & Boch Belġju, Villeroy & Boch Franza u Villeroy & Boch Awstrija għall-perijodi mit-12 ta’ Ottubru 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004 l-iktar tard.

18

Fl-Artikolu 2(8) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multi, l-ewwel nett, fuq Villeroy & Boch, ta’ EUR 54436347, it-tieni nett fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Awstrija in solidum, ta’ EUR 6083604, it-tielet nett fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Belġju in solidum, ta’ EUR 2942608, u r-raba’ nett, fuq Villeroy & Boch u fuq Villeroy & Boch Franza in solidum, ta’ EUR 8068441. L-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kien għalhekk jammonta għal EUR 71531000.

19

Sabiex tikkalkola dawn il-multi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida tal-2006.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, l-appellanti ppreżentat rikors fil-Kawża T‑374/10 intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, intiż sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqha.

21

Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni bi żball kienet ikklassifikat il-ksur ikkonstatat bħala ksur uniku, kumpless u kontinwu, u li, sussidjarjament, billi għamlet hekk, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni b’mod partikolari billi ma indikatx b’mod preċiż biżżejjed is-swieq inkwistjoni.

22

Villeroy & Boch sostniet ukoll li hija ma wettqet l-ebda ksur fis-swieq ġeografiċi tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija. B’mod partikolari, fir-rigward tal-allegat ksur imwettaq fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Awstrija, Villeroy & Boch sostniet li r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħha f’dawk is-swieq ma setax jiġi attribwit lilha.

23

Fl-aħħar nett, Villeroy & Boch ikkontestat in-natura in solidum tal-multi imposti fuqha u sostniet, sussidjarjament, li l-ammont tal-multi għandu jitnaqqas b’mod partikolari fejn il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat bejgħ mhux relatat mal-ksur, fejn dan l-ammont huwa sproporzjonat, bi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, u fid-dawl tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

24

Sussidjarjament, l-appellanti ppreżentat talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti.

25

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 395 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li Villeroy & Boch kienet ipparteċipat fil-ksur uniku inkwistjoni qabel it-12 ta’ Ottubru 1994. L-annullament parzjali, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 1(7) tad-deċiżjoni kontenzjuża, madankollu ma ħalla l-ebda konsegwenza fuq l-ammont tal-multi imposti fuq Villeroy & Boch fl-Artikolu 2(8) ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tagħha għal ksur mit-12 ta’ Ottubru 1994, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mit-tabella D tad-deċiżjoni kontenzjuża.

26

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

27

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hija, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża hekk kif jirriżulta mis-sentenza appellata, sa fejn din tikkonċernaha;

iktar sussidjarjament, tnaqqas debitament l-ammont tal-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża;

iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

29

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħdax-il aggravju.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

30

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, għad-detriment tagħha, fir-rigward tal-fatti li seħħew ġewwa Franza.

31

Il-Qorti Ġenerali, permezz tal-istess awla u tal-istess Imħallef Relatur, fl-istess ġurnata u fir-rigward tal-istess domandi u tal-istess deċiżjoni, evalwat żewġ provi, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet li saru fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza minn Ideal Standard u d-dikjarazzjonijiet ta’ Roca, b’mod dijametrikament oppost mis-sentenza appellata u mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 118 sa 120), bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-preżunzjoni tal-innoċenza, għad-detriment tal-appellanti.

32

Fil-fatt, fil-punti 287 sa 290 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Istandard u dawk ta’ Roca kienu ppermettew li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch Franza fi tliet laqgħat tal-AFICS organizzati matul is-sena 2004, li matulhom seħħew diskussjonijiet illegali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet essenzjalment fakkret li t-testimonjanza ta’ impriża li talbet għall-klemenza, skont il-prinċipju testis unus, testis nullus, ma tistax isservi ta’ prova sakemm tali testimonjanza ma tkunx sostnuta wkoll minn dik ta’ parteċipanti oħrajn fl-akkordju. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, dan ikun il-każ fil-kawża preżenti, peress li t-testimonjanza pprovduta fil-kuntest tat-talba għal klemenza ta’ Ideal Standard kienet ġiet ikkonfermata mid-dikjarazzjoni ta’ Roca.

33

Issa, skont l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali hija manifestament kuntrarja għal dik magħmula għall-istess provi fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T-381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 118 sa 120), li tikkonċerna wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża.

34

Bl-istess mod, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali evalwat il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni magħmula minn Duravit AG b’mod kontradittorju f’din l-aħħar sentenza u fis-sentenza appellata, bi ksur għalhekk tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-provi kif ukoll tal-prinċipju in dubio pro reo. Fil-fatt, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 115116), il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li din id-dikjarazzjoni ma setatx tintuża kontra l-appellanti f’din il-kawża peress li ma kinitx ġiet ikkomunikata lilhom matul il-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qablet li tikkunsidra din l-istess dikjarazzjoni. Għalhekk, fil-punt 293 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża “ma tibbażax” fuq din id-dikjarazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija kkonfermat dik ta’ Ideal Standard fir-rigward tad-diskussjonijiet illegali li kienu “probabbilment” seħħew fil-25 ta’ Frar 2004.

35

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi kkunsidratha responsabbli minħabba fid-dikjarazzjoni magħmula minn Duravit, minkejja li kienet taf li din ma setatx tintuża kontriha u li l-Kummissjoni stess ma kinitx żammitha fid-deċiżjoni kontenzjuża, emendat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u kisret l-Artikolu 263 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

36

Ladarba l-ebda prova oħra ma ġiet invokata fir-rigward tal-ksur li allegatament jista’ jiġi attribwit lill-appellanti fi Franza, il-kundanna ta’ din tkun ibbażata fuq żbalji ta’ liġi bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-fatti mwettqa fi Franza.

37

Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Bi tweġiba għall-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-valur probatorju ta’ dokument ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑182/99 P, EU:C:2003:526, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), li ma ġietx invokata f’din il-kawża.

39

Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew biżżejjed tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 287 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-Kummissjoni bbażat fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard u ta’ Roca sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch Franza fil-laqgħat tal-AFICS fl-2004. Fil-punt 289 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dikjarazzjoni ta’ benefiċjarju ta’ tnaqqis totali jew parzjali tal-multi li hija kkontestata minn parti għandha tiġi kkorroborata, xejn ma jipprekludi li tali korroborazzjoni tista’ tirriżulta minn testimonjanza ta’ impriża oħra li ħadet sehem fl-akkordju, meta din tal-aħħar tassew ukoll kienet ibbenefikat minn tnaqqis mill-multi. Wara li eżaminat il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni magħmula minn Roca, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 290 tal-istess sentenza, ikkonkludiet li għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ Ideal Standard, kif ikkorroborata minn dik ta’ Roca, tistabbilixxi biżżejjed għall-finijiet tal-liġi iż-żamma tad-diskussjonijiet illegali inkwistjoni.

41

Issa, l-appellanti ssostni li din il-motivazzjoni hija kontradittorja għal dik magħmula fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457).

42

Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali sabiex tagħti motivazzjoni għas-sentenzi tagħha bħala prinċipju ma jistax jiġi estiż sabiex jiġi impost fuqha obbligu li tiġġustifika s-soluzzjoni adottata f’kawża waħda fid-dawl ta’ dik li nstabet f’oħra li tressqet quddiemha, anki jekk kienet tikkonċerna l-istess deċiżjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq motivazzjoni kontradittorja bejn is-sentenza appellata u s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457).

44

Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma setatx tqisha responsabbli minħabba fid-dikjarazzjoni magħmula minn Duravit, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, ir-referenza għal din id-dikjarazzjoni, fil-punt 293 tas-sentenza appellata għandha biss l-għan li tirrispondi għall-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza billi tinvoka din id-dikjarazzjoni u li tqiegħed fid-dubju l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard u ta’ Roca. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx id-dikjarazzjoni ta’ Duravit bħala prova inkriminanti kontra l-appellanti, hekk kif huwa kkonfermat mill-punt 295 ta’ din is-sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Ideal Standard u ta’ Roca kienu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

46

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn, fil-punt 233 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-motiv tagħha tal-assenza ta’ ksur fl-Italja abbażi tal-premessa falza li hija ma kkontestatx il-fatt li kienet taf bl-implementazzjoni ta’ prattiki antikompetittivi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

47

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser ir-regoli tal-loġika u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni materjali u tal-imputazzjoni tal-ksur allegatament imwettaq fl-Italja. Fil-fatt, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali attribwixxiet dan il-ksur imwettaq minn terz lill-appellanti abbażi tal-allegat għarfien tagħha ta’ dan il-ksur, u dan minkejja li l-appellanti ma teżerċitax attività fl-Italja u ma pparteċipatx fil-laqgħat tal-assoċjazzjoni professjonali f’dan l-Istat Membru. Issa fl-istess ħin, l-ilmenti ewlenin invokati kontra l-allegati awturi prinċipali tal-istess ksur kienu parzjalment jew totalment imwarrba fi tliet sentenzi oħra dwar id-deċiżjoni kontenzjuża mogħtija fl-istess jum mill-istess awla tal-Qorti Ġenerali li kienet komposta mill-istess Imħallfin.

48

Għalhekk, fil-punti 335 et seq. tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li Duravit, Duravit SA u Duravit BeLux SPRL/BVBA ma setgħux jiġu akkużati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur imwettaq fl-Italja jew għall-għarfien tagħhom ta’ dan, anki jekk dawn kienu preżenti fis-suq Taljan permezz ta’ impriża konġunta.

49

L-istess konklużjoni tista’ tinsilet minn sentenza oħra mogħtija fl-istess jum, mill-istess awla u bl-istess Imħallef Relatur, fuq l-istess kwistjonijiet fl-Italja, jiġifieri s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449, punti 70 et seq.). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet fil-fatt indikat li l-impriżi tal-grupp Ideal Standard, minkejja l-parteċipazzjoni stabbilita tagħhom fil-laqgħat tal-assoċjazzjoni professjonali fl-Italja, li matulhom seħħew diskussjonijiet kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-perijodu minn Marzu 1993 sa Marzu 2000.

50

Motivazzjoni identika wasslet ukoll lill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 222223), b’differenza għal dak deċiż fis-sentenza appellata, sabiex tannulla parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-ksur li bih ġiet akkużata fl-Italja.

51

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 233 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mal-punti 66 et seq. ta’ din is-sentenza, ma tistax tintlaqa’ fuq il-mertu.

52

Il-Kummissjoni titlob li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat li mill-qari tal-punt 59 tar-rikors għal annullament invokat mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 233 tas-sentenza appellata, jirriżulta li din kienet effettivament ikkontestat biss li kellha għarfien tal-prattiki antikompetittivi fl-Italja, mingħajr ma ressqet l-ebda argument insostenn ta’ din l-allegazzjoni u mingħajr ma bbażat ruħha fuq provi ċirkustanzjali. Barra minn hekk, dan il-punt 59 jirreferi għall-ewwel aggravju u mhux għat-tielet parti tat-tielet aggravju, b’tali mod li ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti Ġenerali li ma weġbitx għal dan fl-analiżi ta’ din l-aħħar parti fil-punti 231 sa 234 tas-sentenza appellata.

54

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata.

55

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar mill-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan generali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġiri illegali previsti jew implementati minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dawn l-aġiri kollha, u għalhekk għall-ksur kollu fl-intier tiegħu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġiri antikompetittivi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu filwaqt li jkollha għarfien tal-aġiri l-oħra kollha li jikkostitwixxu ksur ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dawn l-aġiri u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut magħhom. F’tali każ, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, sabiex aġiri differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan uniku jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk kienx hemm elementi li jikkaratterizzaw l-aġiri differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li aġiri materjalment implementati minn impriżi parteċipanti oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u li konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247248).

59

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 101(1) TFUE jikkonċerna biss jew dawk l-impriżi attivi fis-suq affettwat bir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, jew dawk attivi fis-swieq upstream jew downstream jew dawk qrib tal-imsemmi suq, jew inkella l-impriżi li jillimitaw l-awtonomija tal-aġir tagħhom f’suq partikolari minħabba ftehim jew prattika miftiehma. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 101(1) TFUE jirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet u għall-prattiki miftiehma kollha li, fir-rapporti kemm orizzontali, kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717 punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħat, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra li l-appellanti kienet ipparteċipat fi ksur uniku li jkopri b’mod partikolari t-territorju Taljan peress li kellha l-għarfien li kien hemm prattiki antikompetittivi f’dan it-territorju, b’dawn il-prattiki jkunu jagħmlu parti mill-pjan globali deskritt fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, u dan minkejja li l-appellanti ma implementatx hija stess dawn il-prattiki.

61

Fir-rigward tal-argument dwar il-soluzzjoni adottata fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449), tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457) u tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477), għandu jitfakkar, kif intqal fil-punt 42 ta’ din is-sentenza li l-obbligu għall-Qorti Ġenerali li tagħti motivazzjoni għas-sentenzi tagħha ma jistax, bħala prinċipju, jiġi estiż b’tali mod li jimponi li s-soluzzjoni f’kawża tiġi ġġustifikata bi tqabbil ma’ dik użata f’kawża oħra li kienet adita biha, anki jekk din tirrigwarda l-istess deċiżjoni.

62

Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali setgħat ipproċediet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tikkonċerna l-parteċipazzjoni fil-ksur li bih ġew akkużati ċerti membri oħra tal-ftehim ikkonċernat, f’ċerti swieq ġeografiċi u matul perijodi speċifiċi, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni magħmula fis-sentenza appellata dwar l-eżistenza ta’ pjan globali li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u s-sitt Stati Membri kkonċernati minħabba l-għan identiku tal-aġiri inkwistjoni li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Skont il-każ, tali annullamenti parzjali jistgħu biss iwasslu għal tnaqqis tal-multa imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati, sakemm is-swieq ġeografiċi inkwistjoni ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq dawn.

63

Għalhekk, huwa żbaljat li l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fuq il-bażi li ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq l-assenza ta’ ksur fl-Italja meta hija kkunsidrat li l-parteċipazzjoni f’dan il-ksur ta’ ċerti impriżi fis-suq Taljan ma kienx, b’mod sħiħ jew parzjalment, stabbilit matul il-perijodi kollha magħżula mill-Kummissjoni.

64

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija infondata.

65

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

66

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ppermettiet b’mod illegali l-interess leġittimu tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur preskritt fil-Pajjiżi l-Baxxi, bi ksur tas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 263 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, din il-kawża ma tikkonċernax sitwazzjoni li fiha hemm tali interess.

67

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li hemm kontradizzjoni ċara bejn il-punt 2 tad-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza appellata. Fil-fatt, filwaqt li l-Kummissjoni kienet inizjalment sostniet li kien hemm ksur kontinwu għal perijodu ta’ iktar minn ħames snin fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 321 tas-sentenza appellata, fl-aħħar nett ikkunsidrat li l-appellanti setgħet tiġi biss ssanzjonata għall-ksur imwettaq f’dan l-Istat Membru għall-perijodi, min-naħa, mis-26 ta’ Novembru 1996 sal-1 ta’ Diċembru 1997 u min-naħa l-oħra, mill-20 ta’ Jannar sal-1 ta’ Diċembru 1999. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tagħha stess, il-Qorti Ġenerali kellha, hekk kif għamlet fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward, sa fejn din tindika li l-appellanti pparteċipat f’akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-settur tat-tagħmir għall-kmamar tal-banju għal perijodu itwal mill-perijodi msemmija iktar ’il fuq. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, dak li jikkostitwixxi żball ta’ liġi li għandu, konsegwentement, iwassal għallinqas għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata.

68

Il-Kummissjoni titlob li t-tielet aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tielet aggravju, huwa xieraq, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE, li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Dan il-kriterju ma jkunx issodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l‑argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħmel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI, C‑286/04 P, EU:C:2005:422, punti 4950, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 4950).

70

Issa, l-appellanti ma tindikax ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-Qorti Ġenerali naqset mis-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 263 TFUE meta kkunsidrat li fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kellha interess leġittimu fil-konstatazzjoni tal-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

71

Għaldaqstant, dan l–argument huwa inammissibbli.

72

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-appellanti bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa li tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha msemmija mill-partijiet fit-tilwima peress illi l-motivazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għaliex hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddisponi minn elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 42, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2014Armando Álvarez vs Il‑Kummissjoni, C‑36/12 P, EU:C:2014:349, punt 31).

73

Issa, wara li fakkret li, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mal-ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’, fejn għandha interess leġittimu, tikkonstata t-twettiq ta’ ksur li ma jistax jagħti lok għall-kundanna għall-ħlas ta’ multa minħabba l-preskrizzjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 304 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tali interess f’dan il-każ. Fil-fatt, sabiex issaħħaħ il-konstatazzjoni tagħha li ksur uniku kien ġie mwettaq, il-Kummissjoni kellha, skont il-Qorti Ġenerali, interess leġittimu sabiex tikkonstata l-prattiki illegali kollha li fihom impriżi bħall-appellanti, li hija kkunsidrat bħala parti mill-“grupp ċentrali ta’ impriżi” li implementaw il-ksur li bih qed tiġi akkużata, kienu pparteċipaw fih, inkluż għal perijodi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala preskritti.

74

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, li ma kinitx marbuta li twieġeb għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, immotivat is-sentenza appellata suffiċjentement skont il-liġi.

75

Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tielet aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

76

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju bbażat fuq kontradizzjoni bejn il-motivi u l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li ma tirriflettix il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 321 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li dawn ma jikkontradixxux il-konklużjoni, fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, li l-appellanti pparteċipat, mit-12 ta’ Ottubru 1994 fi ksur uniku fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-aġiri illegali inkwistjoni kienu bdew f’din id-data f’dan l-aħħar Stat Membru. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, jekk il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża T‑374/10, dan ma huwiex minħabba li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja, iżda huwa preċiżament għaliex il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi li l-appellanti kienet ipparteċipat fi ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi fit-28 ta’ Settembru 1994 hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-qari flimkien tal-punti 321 u 395 tas-sentenza appellata.

77

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju huwa infondat.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

79

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, maqsum f’erba’ partijiet, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li l-allegazzjonijiet li hija għamlet fil-kuntest tal-proċedura dwar il-fatti mwettqa fil-Belġju ġew irrapportati b’mod żbaljat, li wassal għal żball ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata li tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-motivi mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 243 et seq. ta’ din is-sentenza, kienu fil-fatt ibbażati fuq is-suppożizzjoni żbaljata li Z. kien għadu parti mill-persunal ta’ Villeroy & Boch Belġju wara l-1 ta’ Jannar 2003. Fil-fatt, hekk kif l-appellanti kienet spjegat fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u hekk kif hija stess kienet ikkonstatat, minn din id-data, Z. ma kellu l-ebda rabta organizzattiva jew li tirriżulta minn kuntratt ta’ xogħol ma’ Villeroy & Boch Belġju, li konsegwentement jeskludi kull imputazzjoni tal-fatti lill-appellanti.

80

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE meta kkunsidrat li Villeroy & Boch Belġju kienet ipparteċipat fi ksur fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika fil-Belġju meta hija ma kinitx iktar attiva f’dan is-suq mill-aħħar tas-sena 2002. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma indikatx permezz ta’ liema “aġiri” din il-kumpannija setgħet, wara l-irtirar tagħha mis-suq, tikkoordina mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni f’dan is-suq. Fid-dawl tal-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449, punti 79 et seq.), kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 222 et seq.), ma huwiex possibbli li jiġi attribwit lil Villeroy & Boch Belġju, jew indirettament lill-appellanti, ir-responsabbiltà ta’ fatti ta’ terzi, li kienu twettqu qabel id-data ta’ dan l-irtirar mis-suq. Hekk kif kienet indikat il-Qorti Ġenerali f’dawn is-sentenzi, tali lment kien jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi l-oħra li jikkostitwixxu l-ksur uniku, speċifikament il-konsistenza tal-“iskop” jew tal-“effett” tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq Belġjan, kundizzjoni li, madankollu, ma kinitx issodisfatta f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni kontradittorja tal-fatti fis-sentenza appellata u fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449), tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tal-appellanti.

81

Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-prova tal-eżistenza ta’ prattiċi miftiehma fil-laqgħat tat-28 u tad-29 ta’ April 2003 fil-Belġju, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 271 tas-sentenza appellata, li l-produzzjoni tal-prova tkun limitata għall-osservazzjoni li l-assenza ta’ ffissar ta’ perċentwali wieħed ta’ bonus mogħti lill-grossisti “ma jeskludix li l-kompetizzjoni kienet imxekkla bħala riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni”. Madankollu, anki jekk jiġi kkunsidrat li din il-fehma tal-Qorti Ġenerali hija fondata, loġikament dan ma jwassalx għall-prova tal-ksur. Ikun hemm jew ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, jew ksur tal-prinċipju in dubio pro reo stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

82

Fir-raba’ lok, is-sentenza appellata hija, fil-punti 272 u 274, ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn hija tikkonstata ksur uniku, kumpless u kontinwu fir-rigward tal-ksur kollu li qed tiġi akkużata bih fis-suq Belġjan tal-oġġetti taċ-ċeramika għall-kmamar tal-banju.

83

Il-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-laqgħa tal-VCG, fil-fatt ma jippermettux li jiġi konkluż li l-perijodu kollu tal-ksur misjub għandu jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi ksur uniku. Għall-kuntrarju, wara l-laqgħa tal-VCG tat-28 u tad-29 ta’ April 2003, kienet osservata interruzzjoni manifesta li tipprekludi li jiġu amalgamati, fil-livell ġuridiku, il-laqgħat preċedenti u sussegwenti sabiex jiġi fformat ksur uniku u kontinwu.

84

Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-allegazzjoni tal-appellanti li Z. ma kellu l-ebda rabta ma’ Villeroy & Boch Belġju mill-1 ta’ Jannar 2003, għandu jingħad li matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienet sempliċement indikat, sabiex tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Belġju minn dik id-data, li Villeroy & Boch Lussemburgu “fl-aħħar tal-2002 kienet ħadet f’idejha l-impriża taċ-ċeramika tal-kumpannija Belġjana”. Għalhekk, kien biss matul il-proċedura orali quddiem il-Qorti Ġenerali li l-appellanti, għall-ewwel darba, espressament sostniet li ma setatx tinżamm responsabbli għall-aġir antikompetittiv fis-suq Belġjan tal-oġġetti taċ-ċeramika mill-1 ta’ Jannar 2003 sa fejn il-persuna involuta fil-laqgħat tal-akkordju, jiġifieri Z., minn dik id-data, ma kienx iktar impjegat minn Villeroy & Boch Belġju, iżda minn Villeroy & Boch Lussemburgu.

86

Issa, l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li t-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti invokat waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali kien manifestament inammissibbli, peress li kien jikkonċerna motiv ġdid ibbażat fuq fatt li l-appellanti kienet l-ewwel waħda informata dwaru u li ma kienx żvelat matul il-proċedura.

87

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx espliċitament fuq l-ammissibbiltà jew fuq il-mertu ta’ dan l-argument. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi mitlub mill-Qorti Ġenerali, li kull darba li parti tinvoka, matul il-proċedura, motiv ġdid li manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ikollha jew tispjega fis-sentenza tagħha r-raġunijiet li għalihom dan il-motiv huwa inammissibbli jew teżaminah fuq il-mertu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, C‑271/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:175, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ddikjarat, fil-punt 248 tas-sentenza appellata, mingħajr ma kkunsidrat l-allegazzjoni tardiva tal-appellanti li Z. ma kienx iktar, mill-1 ta’ Jannar 2003, impjegat minn Villeroy & Boch Belġju u mingħajr ma spjegat għaliex din it-talba kienet manifestament inammissibbli, li l-parteċipazzjoni ta’ Z. fil-laqgħat tal-akkordju “jistabbilixxi li Villeroy & Boch Belġju kompliet tipparteċipa attivament fil-ksur fl-interess tagħha stess kif ukoll dak tal-impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li kienet tappartjeni għaliha”.

89

Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju huwa infondat.

90

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti ma tqiegħedx fid-dubju l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-laqgħat tal-VCG qabel u wara l-1 ta’ Jannar 2003 kellhom karattru illegali, iżda temmen li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija kienet ipparteċipat fil-ksur meta Villeroy & Boch Belġju ma kinitx iktar attiva fis-suq Belġjan tal-oġġetti taċ-ċeramika mill-aħħar tas-sena 2002.

91

Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat fil-punt 242 tas-sentenza appellata li impriża tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari, mingħajr ma dan ma jippresupponi neċessarjament li din tkun hija stess attiva fl-imsemmi suq rilevanti.

92

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali weriet li Villeroy & Boch Belġju kienet ipparteċipat attivament fil-ksur li bih ġiet akkużata. Għalhekk, fil-punti 244 u 248 tas-sentenza appellata, hija enfasizzat li l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Z. f’isem Villeroy & Boch Belġju fil-laqgħat tal-VCG, li l-appellanti ma tikkontestax in-natura illegali tagħhom, qabel u wara l-1 ta’ Jannar 2003, jiġifieri, anki wara li l-kumpannija kienet waqqfet kull attività fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika, stabbilixxiet il-parteċipazzjoni attiva ta’ din tal-aħħar fil-ksur. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, l-aġiri varji li bihom ġew akkużati l-parteċipanti għal dan il-ksur, inkluż Villeroy & Boch Belġju, ġew msemmija fid-dettall fil-punti 255 sa 277 tas-sentenza appellata.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li Villeroy & Boch Belġju kienet waqqfet l-attività kollha fil-qasam tal-oġġetti taċ-ċeramika minn tmiem is-sena 2002.

94

Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju fid-dawl tas-soluzzjoni adottata fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449, punt 84), u tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457, punti 220 et seq.).

95

Minn dan isegwi li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hija infondata.

96

Fl-aħħar nett, fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, għandu jingħad li, permezz ta’ dawn, l-appellanti essenzjalment tfittex, moħbi wara l-allegazzjonijiet ta’ żball ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi relatati mal-laqgħat illegali differenti, li jaqa’ taħt il-ġurisprudenza esklużiva tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

98

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 101 TFUE inkwantu tikkonferma l-eżistenza ta’ ksur imwettaq matul is-snin 2002 sa 2004 fil-Ġermanja.

99

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-provi tal-prattiki antikompetittivi li jaffettwaw id-diviżorji tad-doċċa matul l-2002, l-appellanti tikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 116 u 117 tas-sentenza appellata, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi peress li jinjora l-allegazzjonijiet li jinsabu fil-punt 135 tar-rikors tagħha għall-annullament u fil-punt 49 tar-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar, barra minn hekk, wettqet żball ta’ liġi, meta kklassifikat bħala skambju illeċitu ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn kompetituri, diskussjoni dwar id-data li fiha kellhom jintbagħtu l-listi l-ġodda tal-prezzijiet annwali.

100

Fir-rigward tal-prova ta’ aġiri antikompetittivi fil-qasam tal-oġġetti taċ-ċeramika matul is-sena 2002, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, ma setatx tikkunsidra li hija ma kinitx waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki illegali għas-sena 2002 fuq il-bażi li l-effetti antikompetittivi tad-diskussjonijiet illegali li saru matul is-sena 2001 kienu implementati matul is-sena 2002 u li hija ma kinitx tbiegħdet pubblikament minn dawn id-diskussjonijiet u lanqas minn dawk li saru matul is-sena 2003, u dan minkejja li, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, ma kien hemm ebda prova diretta taż-żamma tal-laqgħat illegali matul is-sena 2002.

101

Għal dak li jikkonċerna l-aġiri kkontestati fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika għas-sena 2003, l-appellanti ssostni li l-punt 144 tas-sentenza appellata tiżnatura dawn l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-provi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-FSKI tas-17 ta’ Jannar 2003 kif ukoll tal-4 u tal-5 ta’ Lulju 2003, bi ksur għalhekk tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali indikat li ma kienx ikkontestat mill-appellanti, li skont il-minuti ta’ din il-laqgħa, “il-produtturi ta’ oġġetti taċ-ċeramika ftehmu sabiex iż-żieda fl-ispejjeż ta’ pedaġġ ma jibqax biss sostnut mill-produtturi tal-oġġetti taċ-ċeramika, iżda sabiex dawn jiġu mgħoddija lill-klijenti tagħhom”, u li l-appellanti ma kkontestatx “il-kredibbiltà” ta’ dawn il-minuti, li kien ikun żbaljat u jmur kontra l-argumenti invokati b’mod ċar mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

102

Barra minn hekk, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma indikatx kif l-iskambji li seħħew f’dawn il-laqgħat wasslu għal tnaqqis effettiv tas-sigrieti tal-kompetizzjoni minħabba fl-eliminazzjoni ta’ inċertezzi rilevanti fir-rigward tal-kompetizzjoni, jew liema aspetti tal-informazzjoni skambjata tikkostitwixxi tali sigrieti. Issa, peress li, hekk kif l-appellanti indikat quddiem il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, l-informazzjoni skambjata kienet magħrufa mill-pubbliku, dawn l-iskambji ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala akkordju illegali pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE.

103

Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ ksur relatat mad-diviżorji tad-doċċa u mal-oġġetti taċ-ċeramika mwettqa fis-sena 2004 ma kienx stabbilit. Fil-fatt, sabiex jintwera li l-appellanti pparteċipat f’dan il-ksur, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 121 u 148 tas-sentenza appellata, ibbażat esklużivament fuq il-fatt li l-membri tal-IndustrieForum Sanitär u tal-Freundeskreis der deutschen Sanitärindustrie, waqt laqgħa organizzata fl-20 ta’ Lulju 2004, “kienu skambjaw informazzjoni kummerċjali dettaljata, minn kumpannija għal kumpannija, fuq l-evoluzzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fil-Ġermanja u tal-esportazzjonijiet tagħhom fir-rigward dak li jikkonċerna l-previżjonijiet tagħhom għat-tkabbir” u b’mod partikolari dwar il-fatt li l-appellanti indikat li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien żdied bi 5.5 %, li l-esportazzjonijiet kienu qed jiżdiedu u li t-tbassir tagħha kien 5 % iżjed mid-dħul mill-bejgħ tagħha fil-Ġermanja.

104

Issa, minn naħa, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li d-diskussjonijiet miżmuma f’din il-laqgħa tal-20 ta’ Lulju 2004 setgħu jnaqqsu s-sigrieti tal-kompetizzjoni protetti skont l-Artikolu 101 TFUE.

105

Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli, skont l-appellanti, li l-komunikazzjoni tad-dħul mill-bejgħ totali rreġistrat matul is-sena preċedenti ta’ impriża jew ta’ grupp lill-kompetituri jew lit-terzi mhux kompetituri, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar iż-żieda fl-esportazzjonijiet jew ukoll il-komunikazzjoni ta’ tbassir f’termini ta’ żieda fid-dħul mill-bejgħ jew l-istatistika dwar l-evoluzzjoni ta’ dan, jistgħu jiġu deskritti bħala ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, din id-data kummerċjali waħedha ma tippermettix li tinġibed xi konklużjoni dwar il-prattiki tal-impriża kkonċernata fis-suq, dwar il-profitabbiltà tal-operazzjonijiet li twettaq jew l-istrateġija proposta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp tad-dħul mill-bejgħ. Għalhekk, l-ebda operatur fis-suq ma jista’, fuq il-bażi tal-informazzjoni skambjata, jantiċipa bl-iktar ċertezza l-aġiri kummerċjali futuri tal-kompetituri tiegħu fis-suq. Barra minn hekk, xi wħud minn din id-data tkun ippubblikata b’mod regolari u mill-iktar fis, prattikament mill-impriżi kollha, peress li tali pubblikazzjoni, f’ħafna każijiet, hija obbligatorja skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt kummerċjali, tad-dritt li jikkonċerna s-swieq kapitali u tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ konċentrazzjoni.

106

Il-Kummissjoni titlob li l-ħames aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107

Fir-rigward tal-ġurisprudenza indikata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha huwa inammissibbli sa fejn dawn ifittxu li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi li jikkonċernaw il-ksur imwettaq fil-Ġermanja fis-snin 2002 sa 2004.

108

Għall-kumplament, għandu jiġi enfasizzat, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-aġiri li jirrigwardaw id-diviżorji tad-doċċa matul is-sena 2002, minn naħa, li huwa żbaljat li l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tirrispondi għall-allegazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-punt 135 tar-rikors tagħha għall-annullament u fil-punt 49 tar-replika tagħha, peress li, hekk kif osservat il-Kummissjoni, dawn l-allegazzjonijiet jikkonċernaw il-ksur imwettaq fl-Awstrija u mhux fil-Ġermanja.

109

Min-naħa l-oħra, l-argument tal-appellanti, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat bħala skambju illegali diskussjoni bejn il-kompetituri dwar id-data li fiha ntbagħtu l-listi l-ġodda tal-prezzijiet annwali, tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punti 116 u 117 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li dan l-iskambju ta’ informazzjoni kien jistabbilixxi li l-appellanti u l-kompetituri tagħha ma kinux waqfu, bejn is-sena 2001 u s-sena 2003, milli jikkomunikaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li dan l-iskambju jikser, waħdu, l-Artikolu 101 TFUE.

110

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti tal-appellanti dwar l-aġiri mwettqa fil-qasam tal-artikoli taċ-ċeramika matul is-sena 2002, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, li minkejja l-assenza ta’ provi diretti tal-parteċipazzjoni tal-appellanti f’laqgħat illegali matul din is-sena, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li hija ma kinitx waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkontestat matul dik is-sena. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkonstatat, minn naħa, li l-effetti antikompetittivi tad-diskussjonijiet illegali li seħħew matul is-sena 2001 dwar żidiet fil-prezzijiet għas-sena 2002, laqgħat li fihom l-appellanti pparteċipat, kienu implementati matul din l-aħħar sena u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti kienet ipparteċipat f’diskussjonijiet illegali fuq iż-żidiet fil-prezzijiet matul is-snin 2001 u 2003 u hija ma kinitx tbiegħdet pubblikament minnhom.

111

Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tirriżulta, fil-parti ’l kbira tal-każijiet, minn numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, jistgħu jikkostitwixxu prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, il-fatt li ma ġietx prodotta l-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’dan il-ksur matul perijodu speċifiku ma jipprekludix li din il-parteċipazzjoni tkun ikkonstatata, ukoll matul dan il-perijodu, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti, peress li l-assenza ta’ tbegħid pubbliku ta’ din il-kumpannija setgħat tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, huwa mingħajr ma jitwettaq żball ta’ liġi jew ta’ motivazzjoni li din tal-aħħar iddeċidiet li l-appellanti setgħat tiġi kkunsidrata bħala li baqgħet tipparteċipa fl-akkordju matul is-sena 2002.

113

Fir-rigward, fit-tielet lok, is-sena 2003, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li ċ-ċirkustanza li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, l-appellanti kellha, fil-punt 115 tar-rikors tagħha għal annullament, tikkontesta l-interpretazzjoni tar-rapport tal-laqgħa tal-FSKI tal-4 u tal-5 ta’ Lulju 2003 li saret mill-Kummissjoni, ma kienx tali li minnu nniffsu jikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

114

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 145 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri kien probabbli li jikser l-Artikolu 101 TFUE u spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-FSKI tal-4 u tal-5 ta’ Lulju 2003 kellhom għan antikompetittiv. F’dan ir-rigward, huwa mingħajr ma jitwettaq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-diskussjonijiet li matulhom l-produtturi tal-oġġetti taċ-ċeramika qablu li ż-żieda fl-ispejjeż tal-pedaġġ tiġi mgħoddija lill-klijenti tneħħi l-grad ta’ inċertezza bejn il-kompetituri u hija ekwivalenti għal koordinazzjoni fuq il-prezzijiet, b’tali mod li tikkostitwixxi prattika antikompetittiva, u dan anki jekk dan l-effett kien prevedibbli minn terzi jew mill-pubbliku.

115

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tas-sena 2004, minn naħa, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li din tal-aħħar issostni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 123 u 149 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punti 121 u 148 ta’ din is-sentenza kienu antikompetittivi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li dawn l-iskambji kienu insostenn tal-koordinazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet deċiża matul is-sena 2003 għas-sena 2004 u kienu ta’ natura li jippermettu lill-appellanti u lill-kompetituri tagħha jantiċipaw b’ċertezza ikbar l-aġir kummerċjali futur tagħhom fis-suq. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata.

116

Għal dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, il-fondatezza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-appellanti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 123 u 149 tas-sentenza appellata, li l-iskambji msemmija fil-punti 121 u 148 ta’ din is-sentenza huma antikompetittivi għaliex dawn isostnu l-koordinazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet deċiża matul is-sena 2003 għas-sena 2004, bl-eżistenza ta’ tali koordinazzjoni ma tkun ikkontestata lanqas mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Peress li tali element huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur, l-argumenti tal-appellanti li dawn l-iskambji, bħala tali, ma jikkostitwixxux ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni huma ineffettivi.

117

Għalhekk, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

118

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti, fir-rigward tal-ksur allegatament imwettaq fl-Awstrija matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Ottubru 1994 u d-9 ta’ Novembru 2004, issostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati u għandhom jiġu annullati.

119

Fir-rigward, b’mod partikolari tas-sena 1994, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 175 u 176 tas-sentenza appellata, tat interpretazzjoni wiesgħa lill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, sabiex hekk bidlet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, il-Kummissjoni ma identifikatx, fil-premessi 299 sa 301 ta’ din id-deċiżjoni, li matul il-laqgħat tal-ASI li seħħew matul is-sena 1994, ma qamitx biss il-kwistjoni dwar id-diviżorji tad-doċċa u l-viti u l-fittings, iżda wkoll dwar oġġetti taċ-ċeramika għall-kmamar tal-banju.

120

Dwar is-snin 1995 sa 1997, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 185, 190 u 196 tas-sentenza appellata, kienet osservat li Villeroy & Boch Awstrija pparteċipat f’diskussjonijiet illegali fil-laqgħat li saru fis-16 ta’ Novembru 1995, fit-23 ta’ April 1996 u fil-15 ta’ Ottubru 1997.

121

Madankollu, fir-rigward tal-laqgħa li saret fis-16 ta’ Novembru 1995, l-appellanti essenzjalment issostni li din it-talba hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, u dan jekk biss minħabba li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti kollha tagħha. L-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 189 et seq. tas-sentenza appellata, dwar il-laqgħa tat-23 ta’ April 1996, li jindikaw li ma huwiex ta’ rilevanza li d-diskussjoni inkwistjoni kienet ġiet organizzata fuq talba tal-bejjiegħa bl-ingrossa, hija wkoll ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi, peress li teżisti spjegazzjoni alternattiva għal kollox leġittima dwar il-prattiki kkontestati, li l-grossisti fil-qasam tal-oġġetti għall-kmamar tal-banju speċifikament jeħtieġu l-introduzzjoni ta’ listi annwali tal-prezzijiet sa ċertu data sabiex wara jkunu jistgħu jippubblikaw il-katalogi tagħhom. Fir-rigward tal-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, barra minn hekk marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tal-legalità previst mill-Artikolu 263 TFUE peress li bbażat fuq raġunijiet li ma kinux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

122

Għas-sena 1998, l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 197 et seq. tas-sentenza appellata, dwar l-allegata parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch Awstrija għal ksur tad-dritt tal-akkordji, huma wkoll ivvizzjati bi żball ta’ liġi peress li kontradittorji. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet osservat, fil-punti 197 sa 202 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch Awstrija f’diskussjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni matul is-sena 1998. B’mod partikolari, ix-xhieda ta’ Masco ma ppermettietx li tali parteċipazzjoni tiġi pprovata. Huwa illoġiku li l-Qorti Ġenerali sussegwentement tibbaża fuq l-istess xhieda ta’ Masco, fil-punt 203 ta’ din l-istess sentenza, sabiex tipprova li Villeroy & Boch ma tbiegħditx mill-prattiki illegali matul is-sena 1998. Il-Qorti Ġenerali għalhekk kisret ukoll il-prinċipji legali stabbiliti mill-ġurisprudenza, li sensiela ta’ indizji ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din il-laqgħa hija kontra n-natura tad-dritt tal-kompetizzjoni peress li ma turix in-natura sistematika tal-laqgħat kif ukoll il-kontenut antikompetittiv tagħhom u li dan huwa ssostanzjat mid-dikjarazzjoni ta’ impriża b’valur probatorju sostanzjali. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma hija ssodisfatta f’din il-kawża.

123

Fir-rigward tas-sena 1999, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, li l-provi prodotti mill-Kummissjoni, jiġifieri l-minuti bil-miktub tal-laqgħa tal-ASI tas-6 ta’ Settembru 1999 li kienu redatti minn Ideal Standard, jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch f’diskussjonijiet illegali, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, ix-xhieda ta’ impriża li tkun talbet għal tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur meta l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra.

124

Fir-rigward tas-sena 2000, il-Qorti Ġenerali kienet stmat, billi bbażat fuq ir-rapport tal-laqgħa tal-ASI tat-12 u tat-13 ta’ Ottubru 2000, fil-punt 214 tas-sentenza appellata, li, minkejja l-assenza ta’ provi diretti tal-parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch Awstrija fl-aġiri antikompetittivi matul din is-sena, “għandu jiġi rrilevat li l-effetti tad-diskussjonijiet illegali, li nżammu fl-1999, kienu implementi matul is-sena 2000”. Issa dan-ir-rapport, li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali tagħti interpretazzjoni żbaljata tiegħu, ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti f’dan ir-rigward.

125

Fir-rigward tas-sena 2001, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 214 sa 218 tas-sentenza appellata, li kien hemm parteċipazzjoni minn Villeroy & Boch Awstrija f’diskussjonijiet illegali għar-raġuni waħdanija li l-allegati diskussjonijiet illegali matul is-sena 2000 kienu komplew jipproduċu l-effetti tagħhom. Sabiex timmotiva l-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali rreferiet ruħha għall-premessi 652 sa 658 tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma spjegat kif l-osservazzjonijiet li tirreferi għalihom huma konvinċenti.

126

Għal dak li jikkonċerna s-snin 2002 u 2003, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-allegazzjonijiet tal-appellanti.

127

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sena 2004, l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, huma kontradittorji u vvizzjati bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali f’dan il-punt kienet ikkunsidrat li Villeroy & Boch Awstrija, li ma pparteċipatx fil-laqgħa tal-ASI tat-22 ta’ Jannar 2004, ġiet informata permezz tar-rapport ta’ din il-laqgħa, bid-deċiżjonijiet tal-kompetituri tagħha f’din il-laqgħa, meta, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li l-minuti tal-laqgħat tal-ASI kellhom bħala prinċipju jintbagħtu lill-membri kollha ta’ din l-assoċjazzjoni ma tistabbilixxix, waħedha, li Villeroy & Boch Awstrija effettivament saret taf b’dan.

128

Il-Kummissjoni titlob li s-sitt aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka diversi żbalji fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ksur allegatament imwettaq mill-Awstrija bejn it-12 ta’ Ottubru 1994 u d-9 ta’ Novembru 2004.

130

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argumenti tal-appellanti relatati mas-sena 1994, huwa ċar li f’dan il-każ l-appellanti sempliċement tirriproduċi l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-argumenti dwar il-laqgħa tat-23 ta’ April 1996. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

131

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argumenti tal-appellanti dwar il-laqgħat li saru fis-16 ta’ Novembru 1995 u fil-15 ta’ Ottubru 1997, essenzjalment ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 180 sa 185 u 192 sa 196 tas-sentenza appellata, eżaminat u ċaħdet l-argumenti tal-appellanti dwar il-ksur imwettqa mill-Awstrija fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat differenti. Għal kull wieħed minnhom, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-provi rilevanti u għad-deċiżjoni kontenzjuża qabel ma ċaħdet l-argument tal-appellanti bħala infondat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata.

132

Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti, li l-Qorti Ġenerali bbażat fuq raġunijiet li ma kinux inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq il-motivi msemmija fil-punti 295 u 307 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, l-appellanti ma invokatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, diskrepanza bejn din id-deċiżjoni u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fuq dan il-punt. Konsegwentement, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 54), ma tistax tinvoka tali argument fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

133

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-laqgħat tat-30 ta’ April u tat-18 ta’ Ġunju 1998, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li l-ebda prova prodotta mill-Kummissjoni ma tippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur. Madankollu, fil-punt 203 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod ċar li, fl-assenza ta’ tbegħid pubbliku mill-appellanti u tal-fatt li l-effetti antikompetittivi tal-ftehim tal-15 ta’ Ottubru 1997 komplew jimplementaw l-effetti tagħhom matul is-sena ta’ wara, il-Kummissjoni setgħat tikkunsidra li l-appellanti ma kinitx waqqfet milli tipparteċipa fil-ksur matul is-sena 1998. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali mhux biss osservat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li tippermetti lill-partijiet li jikkontestaw il-motivazzjoni tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell, iżda, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fil-produzzjoni tal-provi. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkontradixxiet jew kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta kkunsidrat li, minkejja li d-dikjarazzjoni ta’ Masco ma tippermettix waħedha li tiġi pprovata l-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-iskambju ta’ informazzjoni matul is-sena 1998, hija setgħet leġittimament tittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi oħrajn, fil-kuntest tas-sensiela ta’ indizji konkordanti deskritti fil-punt 203 tas-sentenza appellata sabiex turi li Villeroy & Boch Awstrija ma kinitx waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki illegali għas-sena 1998.

134

Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-laqgħat li seħħew matul is-sena 1999, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mingħajr l-ebda ambigwità mill-punt 206 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq rendikont bil-miktub tal-laqgħa tas-6 ta’ Settembru 1999, stabbilit minn rappreżentant ta’ Ideal Standard fl-istess jum tal-laqgħa li wasslet għall-ksur. Kuntrarjament għal dak li l-appellanti ssostni, din il-prova, li ma tmurx lura għad-data tat-tressiq minn din il-kumpannija tat-talba tagħha għal klemenza skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, iżda li hija kontemporanja għall-fatti, hekk kif il-Qorti Ġenerali esponiet fil-punt 207 tas-sentenza appellata, ma teħtieġ l-ebda prova oħra konkordanti. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

135

F’dak li jirrigwarda, il-ħames nett, il-laqgħa tal-ASI tat-12 u tat-13 ta’ Ottubru 2000, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-appellanti huma bbażati fuq qari żbaljat tal-punt 214 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq ir-rendikont ta’ din il-laqgħa sabiex tikkonstata li l-effetti tad-diskussjonijiet illegali li seħħew matul is-sena 1999 kienu implementati matul is-sena 2000. Barra minn hekk, dawn l-argumenti essenzjalment jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma’ din tipprova l-iżnaturament tagħhom. Għaldaqstant huma inammissibbli minħabba l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

136

Is-sitt nett, fir-rigward tas-sena 2001, l-argument tal-appellanti huwa wkoll ibbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għaldaqstant għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-punti 215 sa 218 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali ma aċċettatx il-parteċipazzjoni ta’ Villeroy & Boch Awstrija fid-diskussjonijiet illegali li qed isiru matul is-sena 2001 minħabba li dawk li seħħew matul is-sena 2000 komplew jipproduċu l-effetti tagħhom is-sena sussegwenti. Fil-fatt, fil-punti 215 sa 217 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija f’diversi laqgħat matul is-sena 2001 li fihom il-parteċipanti ftehmu fuq id-data li fiha l-listi ta’ prezzijiet kienu ser jintbagħtu lill-bejjiegħa bl-ingrossa u fuq id-data taż-żieda fil-prezzijiet, kif ukoll fuq il-konsistenza ta’ dawn il-laqgħat ma’ laqgħat oħra miżmuma matul is-snin 2000 u 2001, li din il-kumpannija ma pparteċipatx fihom, iżda li matulhom il-membri tal-ASI kienu ddiskutew żidiet fil-prezzijiet mill-1 ta’ Jannar 2002.

137

Fir-rigward, is-seba’ nett, tal-argumenti tal-appellanti bbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tas-snin 2002 u 2003, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għal kull waħda minn dawn il-laqgħat rilevanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 219 sa 226 tas-sentenza appellata, tirreferi għall-provi rilevanti u għad-deċiżjoni kontenzjuża qabel ma tiċħad l-argument tal-appellanti bħala infondati. Minħabba l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, hija ma kinitx obbligata li twieġeb l-allegazzjonijiet kollha tal-appellanti. Għaldaqstant, dawn l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda.

138

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti dwar il-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2004, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tfittex li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma’ din tipprova l-iżnaturament tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli minħabba l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

139

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq is-seba ’ u d-disa ’ aggravji

L-argumenti tal-partijiet

140

Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, invokat sussidjarjament, l-appellanti, fir-rigward tal-aġiri kkontestati li jikkonċernaw l-allegati ksur imwettqa fil-Belġju, fi Franza u fl-Awstrija, issostni li dawn ma jippermettux li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha għal dan il-ksur, peress li huma imputabbli għas-sussidjarji tagħha, u mhux għaliha personalment.

141

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-kunċett ta’ unità ekonomika, kif applikat mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, jinvolvi l-imputazzjoni ta’ aġiri lil kumpannija irrispettivament minn kull żball min naħa ta’ din tal-aħħar, bi ksur tal-garanziji offerti tal-Karta, b’mod partikolari tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju in dubio pro reo ggarantit mill-Artikolu 48(1) ta’ din tal-aħħar, tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u tal-Artikolu 101 TFUE, u dan speċjalment peress li preżunzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika fil-każ taż-żamma mill-kumpannija omm ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha hija fil-prattika inkonfutabbli. Jekk, skont l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat dan il-kunċett fil-ġurisprudenza tagħha preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Karta, din il-ġurisprudenza għandha tevolvi. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, minħabba li ma tweġibx għal dawn l-argumenti tal-appellanti u ma fiha ebda motivazzjoni fir-rigward tal-partijiet importanti tal-ksur ikkontestat.

142

Permezz tad-disa’ aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika l-fatt li s-sentenza appellata kkonfermat il-multa imposta fuqha bħala debitriċi in solidum tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

143

Fil-fatt, anki jekk kien ikun possibbli li tinvoka r-responsabbiltà tal-kumpannija omm fir-rigward tal-aġiri tal-kumpannija sussidjarja tagħha taħt il-kunċett ta’ unità ekonomika, ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi imposti fuq is-sussidjarji tal-appellanti ma għandux jintlaqa peress li, minn naħa, l-ebda att legali tal-Unjoni ma fih dispożizzjoni li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ multa in solidum u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ tali responsabbiltà in solidum iċċaħħad lill-appellanti mid-dritt għal multa imposta fuqha fuq bażi individwali skont il-ksur ikkontestat u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kellhom, fi kwalunkwe każ, jikkalkolaw is-sehem tal-ammont tal-multa dovuta minn kull kodebitur skont is-sehem fir-responsabbiltà ta’ kull parti.

144

Il-Kummissjoni titlob li s-seba’ u d-disa’ aggravji jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

145

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li mhux qed tiġi kkontestata bid-dħul fis-seħħ tal-Karta, f’ċerti ċirkustanzi, persuna ġuridika li ma tkunx l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ madankollu tiġi ssanzjonata għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ persuna ġuridika oħra, peress li dawn il-persuni jkunu jagħmlu t-tnejn li huma parti mill-istess entità ekonomika u għalhekk jifformaw l-impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 45).

146

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun attribwit lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

147

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm tkun iżżomm, direttament jew indirettament, il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, tkun teżisti preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

148

F’tali sitwazzjoni, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipproduċi prova li l-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum, direttament jew indirettament, mill-kumpannija omm tagħha sabiex jitqies li l-imsemmija preżunzjoni hija ssodisfatta. Huwa mbagħad għal din tal-aħħar li tikkonfuta din il-preżunzjoni billi tressaq provi suffiċjenti rigward il-konnessjonijiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha u s-sussidjarja tagħha li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Fil-każ li l-kumpannija omm tonqos milli tirribatti din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li din il-kumpannija tal-aħħar u s-sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika waħda u li l-ewwel waħda hija responsabbli għat-tmexxija tat-tieni waħda, u għalhekk tikkundanna liż-żewġ kumpanniji in solidum sabiex iħallsu multa, mingħajr xi ħtieġa li jiġi stabbilit l-involviment personali tal-kumpannija omm fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punti 2729 sa 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

149

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li l-appellanti ssostni, il-ġurisprudenza preċedenti la tikser id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza ggarantita mill-Artikolu 48(1) tal-Karta u lanqas il-prinċipji ta’ in dubio pro reo u ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Fil-fatt, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha fil-każ ta’ detenzjoni tal-kapital kollu jew ta’ kważi l-kapital kollu ta’ din tal-aħħar ma jwassalx għal preżunzjoni ta’ ħtija ta’ kumpannija waħda jew tal-oħra, b’tali mod li din ma tikser la d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u lanqas il-prinċipju in dubio pro reo. Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jikkastigawhom, b’din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li hija mogħtija mill-qrati dwar dan, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:295, punt 39). Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja indikata fil-punti 145 sa 148 ta’ din is-sentenza ma tiksirx dan il-prinċipju.

150

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ tqassim tal-multi bejn il-kumpanniji kkonċernati, għandu jitfakkar li l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa, sa fejn huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso iure tal-kunċett ta’ impriża, jikkonċerna biss lill-impriża u mhux lill-kumpanniji li jikkomponuha (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 57).

151

Jekk jirriżulta mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-Kummissjoni tista’ tikkundanna għal ħlas ta’ multa in solidum lil diversi kumpanniji, sa fejn huma kienu jagħmlu parti mill-istess impriża, la t-test ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-għan ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li din is-setgħa ta’ sanzjoni tkopri, lil hinn mid-determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, li jiġi stabbilit is-sehem tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 58).

152

Bil-kontra, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum jibbaża fuq il-fatt li dan jikkostitwixxi strument ġuridiku supplimentari, li l-Kummissjoni għandha sabiex issaħħaħ l-effettività tal-azzjoni tagħha fil-qasam tal-irkupru tal-multi imposti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li dan il-mekkaniżmu jnaqqas, għall-Kummissjoni bħala kreditur tad-dejn li dawn il-multi jirrappreżentaw, ir-riskju ta’ insolvenza, li jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni, hekk kif il-Qorti Ġenerali barra minn hekk affermat, essenzjalment u ġustament, fil-punt 325 tas-sentenza appellata (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

153

Issa, fir-relazzjoni interna eżistenti bejn kodebituri in solidum, id-determinazzjoni tas-sehem tagħhom ma ssegwix għan doppju. Din hija, fil-fatt, kwistjoni kontenzjuża li tiġi ttrattata fi stadju ulterjuri, li bħala prinċipju ma tirrappreżentax iktar interess għall-Kummissjoni, sa fejn il-multa kollha tkun ġiet imħallsa lilha minn wieħed jew iktar minn dawn il-kodebituri. Għaldaqstant, ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni li tiddetermina tali ishma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 60 sa 64).

154

F’dan il-każ, l-appellanti ma tikkontestax li hija kellha fil-mument tal-ksur imputat lilha, 100 % tal-kapital tal-kumpanniji li fihom xi impjegati jkunu pparteċipaw fid-diskussjonijiet antikompetittivi inkwistjoni fil-Belġju, fi Franza u fl-Awstrija, u ma tippretendix li pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali provi ta’ natura tali li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni li hija teżerċita influwenza determinanti fuq dawn il-kumpanniji. Għaldaqstant, minħabba fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 145 sa 153 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet timputa fir-rigward tagħha l-aġiri antikompetittivi tas-sussidjarji tagħha fil-Belġju, fi Franza u fl-Awstrija u tikkundannaha flimkien ma’ dawn tal-aħħar għall-ħlas ta’ multi in solidum, mingħajr ma tiddetermina l-ishma tal-ammont tal-multi dovuti minn kull waħda minnhom.

155

Fl-aħħar nett, l-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata, għandhom jiġu miċħuda. Għalhekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-possibbiltà għall-Kummissjoni li timputa lill-appellanti l-aġiri tas-sussidjarji tagħha fi Franza u fl-Awstrija, għandu jiġi kkunsidrat li l-punti 155 sa 165 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-punt 284 ta’ din is-sentenza li tirreferi għall-punti 97 u 98 tagħha, huma mmotivati biżżejjed skont il-liġi. Fil-fatt, wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ unità ekonomika, il-Qorti Ġenerali nnotat li Villeroy & Boch iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħha u li hija ma fittxitx li tikkonfuta l-preżunzjoni li hija eżerċitat influwenza determinanti fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, u li hija wieġbet għall-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ in dubio pro reo u tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza. Fir-rigward tal-possibbiltà għall-Kummissjoni li timputa lill-appellanti l-aġiri ta’ Villeroy & Boch Belġju sa fejn din teżerċita influwenza determinanti fuqha, il-Qorti Ġenerali ma kinitx meħtieġa tieħu pożizzjoni dwar dan fis-sentenza appellata, peress li, kuntrarjament għal dak li ssostni, l-appellanti ma kinitx ikkontestat din il-possibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali.

156

Għalhekk, is-seba’ u d-disa’ aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-tmien aggravju

L-argumenti tal-partijiet

157

Permezz tat-tmien aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE peress li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet favur l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu f’din il-kawża.

158

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li l-kunċett legali ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu huwa, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE u mal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għalhekk ma jistax jiġi applikat. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa nieqes minn kull bażi legali fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti sa fejn il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argumenti tagħha fuq dan il-punt.

159

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li, peress li kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku f’din il-kawża, is-sentenza appellata kisret il-prinċipji ta’ smigħ xieraq. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti tista’ tiġi imputata bi ksur li hija ma pparteċipatx fih, iżda li jirriżulta minn ksur uniku li pparteċipat fih, l-appellanti ma tistax, sabiex tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur uniku, effettivament targumenta li ma ħaditx sehem f’dan l-ewwel ksur u li għalhekk hija qed tiġi mċaħħda minn raġuni ta’ difiża effettiva. Għalhekk, hija tkun tista’ biss tikkontesta l-għarfien tagħha tal-ksur inkwistjoni.

160

Fit-tielet lok, l-appellanti tqis, sussidjarjament, li l-kundizzjonijiet għall-għarfien ta’ ksur uniku ma kinux issodisfatti f’din il-kawża sa fejn il-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq rilevanti u fejn l-eżistenza ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn l-aġiri differenti kkontestati ma ġietx stabbilita.

161

Fir-raba’ lok, l-appellanti tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, minħabba l-eżistenza ta’ annullamenti parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri fis-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2013, Wabco Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑380/10, EU:T:2013:449), tas-16 ta’ Settembru 2013, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni (T‑379/10 u T‑381/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:457) kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477), u mill-fatt li ċerti impriżi ma setax ikollhom għarfien tal-ksur kollu, ma jistax ikun hemm ksur globali hekk kif iddefinit f’din id-deċiżjoni.

162

Il-Kummissjoni titlob li t-tmien aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

163

Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 55 sa 59 ta’ din is-sentenza, hemm lok, l-ewwel nett, li tiċħad l-argumenti tal-appellanti li l-kunċett legali ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu huwa inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE u mal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li jikser il-prinċipji ta’ smigħ xieraq, irrispettivament mill-ammissibbiltà ta’ dan l-aħħar argument.

164

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, billi fakkret din il-ġurisprudenza fil-punti 32 sa 34, 41, 42 u 46 sa 48 tas-sentenza appellata, immotivat biżżejjed din is-sentenza skont il-liġi.

165

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-kundizzjonijiet għall-għarfien ta’ ksur uniku ma kinux issodisfatti f’din il-kawża inkwantu l-Kummissjoni ma ddefinixxietx is-suq rilevanti, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata u kif ammess mill-appellanti, li l-fatt li s-swieq ġeografiċi tal-prodotti koperti mill-ksur huma distinti, fi kwalunkwe każ, ma jimpedixxix il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, dan l-argument fi kwalunkwe każ huwa ineffettiv.

166

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 71 tas-sentenza appellata, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet f’dan il-każ tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ għan uniku intiż sabiex jistabbilixxi ksur uniku. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fil-punti 66, 69 u 71 tas-sentenza appellata, hija stabbilixxiet biżżejjed skont il-liġi, li l-aġiri differenti kkontestati jikkonċernaw l-istess għan, jiġifieri, għall-produtturi kollha ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, li jikkoordinaw l-aġiri tagħhom fir-rigward tal-grossisti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-kunċett ta’ għan komuni, hekk kif jirriżulta mill-punti 66, 69 u 71, ġie ddeterminat mhux permezz ta’ riferiment ġenerali għall-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati mill-ksur, iżda minn riferiment għal fatturi oġġettivi varji, bħar-rwol ċentrali tal-grossisti fis-sistema ta’ distribuzzjoni, il-karatteristiċi ta’ din is-sistema, l-eżistenza ta’ organi li jikkoordinaw u ta’ assoċjazzjonijiet li jipproduċu diversi prodotti, ix-xebh tal-implementazzjoni tal-arranġamenti ta’ kollużjoni u s-sovrappożizzjoni fattwali, ġeografiċi u fiż-żmien bejn il-prattiki kkonċernati.

167

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita rabta ta’ komplementarjetà bejn il-prattiki kkontestati, ksur uniku u kontinwu x’aktarx li jista’ jiġi imputat lil impriżi li ma humiex kompetituri u li ma jeħtiġux definizzjoni sistematika tas-swieq rilevanti, u peress li l-appellanti hija, minn naħa, responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur u, min-naħa l-oħra, responsabbli tal-parteċipazzjoni indiretta tagħha f’dan, sa fejn hija setgħat tkun konxja tal-aġiri kollha li jikkostitwixxu ksur li huma ppjanati jew implementati mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li setgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli u li kienu lesti li jieħdu r-riskju, ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti Ġenerali li qieset li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu f’dan il-każ.

168

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża mogħtija fil-kuntest ta’ kawżi oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ dan l-akkordju, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-provi fuq id-diversi swieq nazzjonali jirriżulta mill-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali. Sa fejn dan l-argument kien ifittex li tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif intqal fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna l-parteċipazzjoni fil-ksur ikkontestat ta’ xi wħud mill-impriżi kkonċernati fuq ċerti swieq ġeografiċi għal perijodi speċifiċi ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ pjan globali li jkopri t-tliet sottogruppi ta’ prodotti u lis-sitt Stati Membri kkonċernati u ta’ għan identiku ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

169

Konsegwentement, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

Fuq l-għaxar u l-ħdax-il aggravju

L-argumenti tal-partijiet

170

Permezz tal-għaxar aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali li ma eżerċitatx bis-sħiħ is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ mogħti lilha.

171

Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżerċitat biss stħarriġ tal-legalità fuq l-iffissar tal-ammont tal-multa, kuntrarjament għat-talbiet tal-appellanti.

172

L-appellanti tikkunsidra li għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex jiġi żgurat id-dritt għal smigħ xieraq, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom, f’kull kawża mressqa quddiemhom dwar l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ multa jew ta’ pagamenti ta’ penalità, jeżerċitaw b’mod effettiv is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ mogħti lilhom skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari f’kuntest fejn l-ebda liġi ma tipprevedi armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet u fejn il-Kummissjoni applikat tliet metodi differenti ta’ kalkolu tal-multi għas-snin 1998 sa 2006.

173

Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-appellanti tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx verifikazzjoni indipendenti tal-ammont inizjali tal-multa u li din kellha tkun mnaqqsa, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, minħabba fil-gravità tal-ksur li kien jikkonċerna biss numru limitat ta’ Stati Membri li fil-parti ’l kbira kienu Stati żgħar. F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li wieħed jifhem għalfejn il-Kummissjoni ssanzjonat l-aġiri kkontestati f’din il-kawża b’mod iktar sever minn akkordji tal-istess natura li jkopru t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas l-ammont tal-multa tal-appellanti għall-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli minħabba fit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, li b’kollox damet kważi sitt snin.

174

Permezz tal-ħdax-il aggravju, l-appellanti invoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali hija meħtieġa li tikkunsidra l-effetti tal-ksur inkwistjoni fis-suq, kif ukoll id-dħul mill-bejgħ miksub fis-swieq ikkonċernati, ħaġa li hija ma għamlitx.

175

Il-Qorti Ġenerali kellha wkoll tiżgura ruħha li l-ammont tal-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża kien għal kollox proporzjonat, li ma huwiex il-każ meta d-dħul mill-bejgħ kopert mill-ksur huwa ta’ EUR 115-il miljun u l-ammont totali tal-multi huwa ta’ EUR 71.5 miljuni.

176

Għaldaqstant, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrettifika dawn l-ommissjonijiet illegali tal-Qorti Ġenerali u sabiex tnaqqas hija stess l-ammont tal-multi imposti.

177

Il-Kummissjoni titlob li l-għaxar u l-ħdax-il aggravju jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

178

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, fir-rigward tal-argumenti invokati mill-appellanti kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li għandu jkollha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla din id-deċiżjoni u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

179

L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mis-setgħa ta’ stħarriġ li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ sħiħ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dak li jikkonċerna l-multa, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

181

Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex madankollu ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Hija l-appellanti li bħala prinċipju għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li għandha tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

182

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi invokati u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

183

Barra minn hekk, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali hija biss kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat, f’kull każ partikolari, il-gravità tal-aġiri illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, l-effett dissważiv tal-multi, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u l-kuntest tagħha, inkluż l-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li għandha kull impriża fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jieħdu minn dan, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li tali ksur jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 95, 99 u 100).

184

Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell hija ma tistax tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

185

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-għaxar u l-ħdax-il aggravju.

186

Madankollu, jirriżulta b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li, fl-ewwel lok, l-istħarriġ sħiħ jikkonċerna biss is-sanzjoni imposta u mhux id-deċiżjoni kontenzjuża kollha u, fit-tieni lok, la l-ġurisdizzjoni sħiħa u lanqas l-istħarriġ tal-legalità ma huma ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għalhekk huma ma jeħtiġux li l-Qorti Ġenerali twettaq ex officio eżami sħiħ u ġdid tal-fajl, irrispettivament mill-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti.

187

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet, mill-punt 335 tas-sentenza appellata, stħarriġ effettiv tal-ammont tal-multa, li ssodisfa l-argumenti varji tal-appellanti u li, fil-punti 397 sa 402 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet dwar it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, u għalhekk din ma llimitatx ruħha biss sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-ammont, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari rrilevat, fil-punt 384 ta’ din is-sentenza, li l-koeffiċjent ta’ 15 % għall-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali” kien minimu minħabba fin-natura partikolarment gravi tal-ksur inkwistjoni, u sussegwentement qieset, fil-punti 397 sa 401 ta’ din l-istess sentenza, li l-ebda prova prodotta mill-appellanti fl-ewwel istanza ma kienet tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

188

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eżami tal-gravità tal-ksur ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 381 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punt 23 tal-Linji gwida tal-2006, li jiddisponi li “l-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl-iskala” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 383 ta’ din is-sentenza, semmiet il-motivazzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-premessa 1211 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-koordinazzjoni orizzontali tal-prezzijiet kienet, minħabba n-natura tagħha stess, waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni u li l-ksur kien ksur uniku, kontinwu u kumpless li jkopri sitt Stati Membri u li jaffettwaw it-tliet sottogruppi ta’ prodotti, qabel ma tiġi kkonstatata, fil-punt 384 tas-sentenza appellata, in-natura partikolarment gravi tal-ksur inkwistjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 15 % u, fil-punt 385 ta’ din is-sentenza, il-parteċipazzjoni tal-appellanti “mal-grupp ċentrali ta’ impriżi” li implementaw dan il-ksur.

189

Peress li kkunsidrat il-parametri rilevanti kollha fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ikkontestat, peress li barra minn hekk ġiet ipprovata l-koordinazzjoni orizzontali tal-prezzijiet u l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur, u peress li wieġbet għall-argumenti tal-appellanti fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni kontenzjuża.

190

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, għandu jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli mill-Kummissjoni jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, tali ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il‑Kummissjoni, C‑608/13 P, EU:C:2016:414, punt 61, u tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 173 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, mill-argument tagħha dwar l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti tfittex biss li tikseb tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

191

Għaldaqstant, irrispettivament mill-merti tiegħu, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

192

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta bħala tali, l-appellanti ma tressaq ebda argument li juri li l-livell tas-sanzjoni imposta ma hijiex xierqa jew hija eċċessiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument li l-ammont tal-multa ta’ EUR 71.5 miljuni jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-akkordju li jilħaq l-ammont ta’ EUR 115-il miljun. Fil-fatt, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, l-ammont finali tal-multa imposta tnaqqset sabiex ma taqbiżx l-10 % mid-dħul mill-bejgħ totali tal-appellanti miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, dan il-limitu diġà jiggarantixxi li l-livell ta’ din il-multa ma jkunx sproporzjonat mad-daqs tal-impriża, kif iddeterminat mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 280 sa 282).

193

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għaxar u l-ħdax-il aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

194

Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

195

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Villeroy & Boch AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.