SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Responsabbiltà ambjentali — Direttiva 2004/35/KE — Artikolu 17 — Applikabbiltà ratione temporis — Operazzjoni ta’ impjant idroelettriku li beda jopera qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva — Punt 1(b) tal-Artikolu 2 — Kunċett ta’ ‘danni ambjentali’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull dannu kopert minn awtorizzazzjoni — Artikolu 12(1) — Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tad-dritt ambjentali — Locus standi — Direttiva 2000/60/KE — Artikolu 4(7) — Effett dirett”

Fil-Kawża C-529/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura mressqa minn

Gert Folk,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Gert Folk, minn G. Folk, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White, E. Manhaeve u A. C. Becker, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357), kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009 L 140, p. 114) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/35”), u tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżami tar-rikors ippreżentat minn Gert Folk kontra d-deċiżjoni tal-Unabhängiger Verwaltungssenat für die Steiermark (kamra amministrattiva indipendenti ta’ Styria, l-Awstrija) li tiċħad ilment fil-qasam ambjentali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/35

3

Il-premessi 24, 25 u 30 tad-Direttiva 2004/35 huma fformulati kif ġej:

“(24)

Huwa neċessarju li mezzi effettivi ta’ l-implimentazzjoni u infurzar jkunu disponibbli, filwaqt li jkun assigurat li l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi relevanti u partijiet oħra li għandhom interess ikunu adekwatament protetti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu inkarigati minn kompiti speċifiċi li jirrikjedu diskrezzjoni amministrattiva xierqa, jiġifieri l-inkarigu biex issir stima ta’ l-importanza tad-danni u d-deċiżjoni liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu.

(25)

Persuni milquta negativament jew dawk li x’aktarx ikunu milquta negativament mid-danni ambjentali għandhom ikunu intitolati li jitolbu lil l-awtorità kompetenti tieħu passi. Il-protezzjoni ta’ l-ambjent huwa, madankollu, interess mifrux u għalhekk l-individwu mhux dejjem jaġixxi dwaru jew ma jkunx f’pożizzjoni li jista’ jaġixxi. L-organizzazzjonijiet li mhumiex tal-gvern li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità biex jikkontribwixxu kif suppost għal l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva.

[…]

(30)

Danni kkawżati qabel ma jispiċċa t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux kopert mid- dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

4

Skont il-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, l-espressjoni “danni ambjentali” tfisser, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “[d]anni lil l-ilma, li huma kull dannu li jolqot b’mod negattivi u sinifikattiv l-istatus ekoloġiku, kimiku u/jew kwantitattiv u/jew il-potenzal ekoloġiku, kif mfisser fid-Direttiva 2000/60/KE, ta’ l-ilma ikkonċernati, bl-eċċezjoni ta’ l-effetti negattivi meta l-Artikolu 4(7) ta’ dik id-Direttiva jgħodd”.

5

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Talba għal l-azzjoni”, jipprovdi:

“1.   Persuna fiżika jew ġuridika:

(a)

li huma milquta jew x’aktarx ikunu milquta mid-danni ambjentali jew

(b)

li għandhom interess biżżejjed fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent li għandhom x’jaqsmu ma danni jew, inkella,

(ċ)

li jallegaw it-tfixkil ta’ dritt, meta l-liġI tal-proċedura amministrattiva ta’ l-Istati Membri titlob dan bħala prekondizzjoni,

għandhom ikunu intitolati li jagħtu lil l-awtorità kompetenti kull osservazzjoni li għandha x’taqsam ma każijiet ta’ danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni li huma jafu bihom u ukoll ikunu intitolati li jitolbu lil l-awtorità kompetenti tieħu passi skond din id-Direttiva.

Dak li jikkostitwixxi ‘interess suffiċjenti’ u ‘tfixkil ta’ dritt’ għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri.

Għal dan l-iskop, l-interess ta’ kull organizazzjoni mhux tal-gvern li tippromwovi l-protezzjoni ta’ l-ambjent u li tilħaq kull kondizzjoni skond il-liġI nazzjonali għandha titqies suffiċjenti għal l-iskop ta’ (b). L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu mfixxkla għal l-iskop ta’ (c).

2.   It-talba għal azzjoni għandha jkollha magħha l-informazzjoni relevanti u data li jappoġġa l-osservazzjonijiet mogħtija f’dak li għandu x’jaqsam mad-danni ambjentali msemmija.

3.   Meta t-talba għal azzjoni u l-osservazzjonijiet li jakkompanjawha juru b’mod plawsibbli li d-danni ambjentali jeżistu, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra kull osservazzjoni u talba għal azzjoni imsemmija. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-awtorità kompetenti għandha tagħti lil l-operatur relevanti opportunità li juri l-opinjonijiet tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mat-talba għal azzjoni u l-osservazzjonijiet li jakkompanjawha.

4.   L-awtorità kompetenti għandha, kemm jista’ jkun malajar u f’kull każ skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġI nazzjonali, tinforma l-persuni msemmija fil-paragrafu1, li taw osservazzjonijiet lil l-awtorità, dwar id-deċiżjoni tagħha jekk taċċetax jew tirrifjutax it-talba għal azzjoni u għandha tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1 u 4 f’każijiet ta’ periklu iminenti ta’ danni.”

6

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Proċeduri ta’ reviżjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuni imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom ikollhom aċċess għal qorti jew entità pubblika indipendenti u imparzjali oħra li għandha l-kompetenza tagħmel reviżjoni tal-legalità fil-proċedura u fis-sustanza tad-deċiżjoni, azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni ta’ l-awtorità kompetenti skond din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni tal-liġI nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja u dawk li jitolbu li l-proċeduri amministrattivi għandhom ikunu użati qabel ma jkun hemm rikors għall-proċeduri ġudizzjarji.”

7

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jipprevedi:

“Din id- Direttiva m’ għandhiex tapplika għal:

danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħ qabel id-data msemmija fl-Artikolu 19(1),

danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident, seħħ wara d-data msemmija fl-Artikolu 19(1) meta tkun ir-riżultat ta’ attività speċifika li seħħet u spiċċat qabel l-imsemmija data,

danni, jekk iktar minn 30 sena għaddew mill-emmissjoni, każ jew inċident, li jirriżultaw fid-danni, li ġraw.”

8

Skont l-Artikolu 19(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva sat-30 ta’ April 2007. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan mill-ewwel.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun jinsab fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhomikollhom l-imsemmija referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.”

Id-Direttiva 2000/60

9

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:

nuqqas li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stat ekoloġiku tajjeb jew, fejn relevanti, potenzjal ekoloġiku tajjeb jew għal prevenzjoni minn deterjorament fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ huwa r-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew alterazzjonijiet sal-livell ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, jew

nuqqas ta’ prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni minn stat għoli għal stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ huwa r-riżultat ta’ attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman

u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:

(a)

il-passi kollha prattikabbli huma meħuda biex jitnaqqsu l-impatti kuntrarji fuq l-istat tal-korp ta’ l-ilma;

(b)

ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma speċifikament stabbiliti u spjegati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma meħtieġ skond l-Artikolu 13 u l-għanijiet huma riveduti kull sitt snin;

(ċ)

ir-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet huma ta’ interess pubbliku suprem u/jew il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjeta mill-kisba ta’ l-għanijiet stabbilti f’paragrafu 1 huma anqas importanti mill-benefiċċji ta’ modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet għas-saħħa tal-bniedem, għal manteniment tas-sigurtà tal-bniedem jew għal żvilupp sostenibbli, u

(d)

l-għanijiet ta’ benefiċċju moqdija minn dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet tal-korp ta’ l-ilma ma’ jistgħux, għar-raġunijiet ta’ fattibilità teknika jew spejjeż disproporzjonati, jkunu miksuba b’modi oħra, li huma għażla aħjar ta’ l-ambjent.”

Id-dritt Awstrijak

10

Il-Bundes-Umwelthaftungsgesetz (Liġi Federali dwar ir-responsabbiltà ambjentali, iktar ’il quddiem il-“B‑UHG”), adottata sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2004/35, tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw għall-finijiet ta’ din il-liġi:

(1)

Danni ambjentali huma:

(a)

kull dannu sinjifikattiv lill-ilma, jiġifieri, kull dannu li jolqot b’mod negattiv u sinjifikattiv l-istatus ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku, kif imfisser fil-Wasserrechtsgesetz 1959 [(il-Liġi dwar materji li jirrigwardaw l-ilma tal-1959, iktar ’il quddiem il-‘WRG’)], tal-ilmijiet ikkonċernati […] u li ma huwiex kopert b’permess mogħti taħt il-[WRG] […]

[…]”

11

L-Artikolu 11 tal-B-UHG, intitolat “Rikors għal danni ambjentali”, huwa fformulat hekk:

“(1)   Persuni fiżiċi jew ġuridiċi li d-drittijiet tagħhom jistgħu jinkisru b’dannu ambjentali li jkun seħħ jistgħu, permezz ta’ lment bil-miktub, jitolbu lill-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett li huma responsabbli għaż-żona fejn seħħ l-allegat dannu ambjentali sabiex jieħdu azzjoni skont l-Artikoli 6 u 7(2) […].

(2)   Għall-iskopijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(1), ‘drittijiet’ jinkludu

[…]

2.

fir-rigward tal-ilma: drittijiet eżistenti fis-sens tal-Artikolu 12(2) tal-[WRG] u

[…]”

12

L-Artikolu 18 tal-B-UHG, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji”, jipprovdi:

“Din il-liġi federali ma hijiex applikabbli

1.

għad-danni kkawżati minn emissjoni, minn avveniment jew minn inċident li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi federali,

2.

għad-danni kkawżati minn emissjoni, minn avveniment jew minn inċident li seħħew wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi federali meta jirriżultaw minn attività li fir-rigward tagħha ma jkun hemm ebda dubju li ntemmet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi federali,

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Wasserkraftanlagen Mürzzuschlag GmbH topera impjant idroelettriku fuq ix-xmara Mürz, fl-Awstrija, li l-arranġament tiegħu jinkludi żona ta’ passaġġ ta’ 1455 metru. G. Folk, min-naħa tiegħu, għandu awtorizzazzjoni sabiex jistad fuq din ix-xmara, fuq parti mill-mixja tal-ilma ta’ madwar 12-il km li tinsab ’l isfel mid-diga.

14

L-operazzjoni ta’ dan l-impjant idroelettriku kienet ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-Landeshauptmann von Steiermark (Gvernatur ta’ Styria, l-Awstrija) tal-20 ta’ Awwissu 1998. Dan l-impjant beda jopera matul is-sena 2002, jiġifieri f’data qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/35.

15

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-operazzjoni tal-imsemmi impjant idroelettriku tikkawża ħsara gravi għall-ambjent li tikkomprometti r-riproduzzjoni naturali tal-ħut u li tikkawża, għal dan il-ħut, mortalità ikbar matul partijiet twal tax-xmara Mürz. Fil-fatt, minħabba varjazzjonijiet qosra iżda sinjifikattivi fil-livell tal-ilma, żoni li normalment ikunu taħt l-ilma jinxfu malajr ħafna, b’tali mod li l-ħut li jkun għadu kemm faqqas u l-ħut żgħir jispiċċaw maqbuda f’żoni tal-ilma sseparati mill-massa tal-ilma kurrenti, mingħajr ma jkunu jistgħu jaslu fiha. Dawn il-varjazzjonijiet repetittivi jaffettwaw, skont l-istess rikorrent, parti relattivament twila tax-xmara u huma dovuti, minn naħa, għall-assenza ta’ kanal li jipprovdi mogħdija li tevita l-impjant u, min-naħa l-oħra, għall-mod ta’ operazzjoni tal-impjant.

16

L-ilment fir-rigward ta’ dan id-dannu ambjentali ppreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq l-Artikolu 11 tal-B-UHG, ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2012 tal-kamra amministrattiva indipendenti ta’ Styria.

17

Dik il-qorti qieset, essenzjalment, li l-operazzjoni tal-impjant idroelettriku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvernatur ta’ Styria, bid-data tal-20 ta’ Awwissu 1998, li kienet konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li kienet tinkludi kundizzjonijiet dwar il-kwantità ta’ ilma residwu. Id-dannu allegat minn G. Folk huwa għalhekk kopert minn din id-deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 4(1)(a) tal-B-UHG. Għaldaqstant, dan id-dannu ma jistax jiġi kklassifikat bħala dannu ambjentali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18

G. Folk ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-kamra amministrattiva indipendenti ta’ Styria, tal-15 ta’ Mejju 2012, quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), fejn sostna li l-B-UHG tmur kontra d-Direttiva 2004/35 sa fejn l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex kull awtorizzazzjoni li tkun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma twassal sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ dannu ambjentali.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-[Direttiva 2004/35] tapplika wkoll għal danni li għalkemm ikunu seħħew wara d-data prevista fl-Artikolu 19(1) tad-[Direttiva 2004/35] jkunu madankollu ġew ikkawżati mill-użu ta’ installazzjoni (impjant idroelettriku) li ġiet awtorizzata u bdiet topera qabel din id-data u li huma koperti minn awtorizzazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?

2)

Id-[Direttiva 2004/35], b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 13 tagħha, tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil persuna li għandha permess għas-sajd milli tibda proċeduri ta’ reviżjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tad-[Direttiva 2004/35] dwar dannu ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva?

3)

Id-[Direttiva 2004/35], b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(b) tagħha, tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ dannu li għandu effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew fuq il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati, teskludi l-klassifikazzjoni ta’ ‘dannu ambjentali’ jekk dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv lid-domanda 3:

Fil-każijiet fejn il-kriterji tal-Artikolu 4(7) tad-[Direttiva 2000/60] (jew tat-traspożizzjoni nazzjonali tagħha) ma jkunux ġew ivverifikati fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni maħruġa taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix dannu ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-[Direttiva 2004/35], għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(7) tad-[Direttiva 2000/60] huwa direttament applikabbli u li hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Qabel tingħata risposta għat-tieni domanda, li l-eżami tagħha jeħtieġ li d-Direttiva 2004/35 tkun applikabbli u li jkun hemm dannu ambjentali kopert minnha, għandha tingħata risposta għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ domandi.

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika ratione temporis għad-danni ambjentali li jimmaterjalizzaw wara t-30 ta’ April 2007 iżda li jkunu ġew ikkawżati mill-operazzjoni ta’ installazzjoni awtorizzata konformement mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li bdiet topera qabel din id-data.

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-ewwel u mit-tieni inċiżi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35, moqrija flimkien mal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva tapplika għad-danni kkawżati minn emissjoni, minn avveniment jew minn inċident li seħħew fit-30 ta’ April 2007 jew wara din id-data meta dawn id-danni jirriżultaw jew minn attivitajiet eżerċitati f’din id-data jew warajha, jew minn attivitajiet eżerċitati qabel din id-data iżda li ma jkunux intemmu qabel din id-data (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C-534/13, EU:C:2015:140, punt 44).

23

Issa, mill-elementi fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-impjant idroelettriku kien is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni u kien beda jopera qabel is-sena 2007. Huwa paċifiku wkoll li, wara t-30 ta’ April 2007, l-operazzjoni tiegħu kienet qiegħda tikkawża varjazzjonijiet kunsiderevoli fil-livell tal-ilma tax-xmara Mürz li kienu qegħdin jikkawżaw mortalità ikbar tal-ħut. Dawn il-varjazzjonijiet, ta’ natura repetittiva, għandhom jiġu kklassifikati bħala emissjoni, avveniment jew inċident li seħħew wara t-30 ta’ April 2007, data sa meta l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva 2004/35.

24

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li d-danni invokati bdew qabel id-data tat-30 ta’ April 2007 u jirriżultaw mill-operazzjoni ta’ impjant elettriku awtorizzat qabel din id-data ma huwiex rilevanti.

25

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija direttiva tapplika ratione temporis għad-danni ambjentali li mmaterjalizzaw wara t-30 ta’ April 2007 iżda li jkunu ġew ikkawżati mill-operazzjoni ta’ installazzjoni awtorizzata konformement mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li bdiet topera qabel din id-data.

Fuq it-tielet domanda

26

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/35, u b’mod partikolari l-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi li dannu li jolqot b’mod gravi u negattiv l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati jiġi kklassifikat bħala “dannu ambjentali” meta dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa skont dan id-dritt.

27

Il-qorti nazzjonali tqis li mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jirriżulta li d-danni li jirriżultaw minn attività awtorizzata konformement mal-WRG ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala danni ambjentali, fis-sens tal-imsemmija direttiva. Hija għandha dubju dwar il-konformità ta’ tali dispożizzjonijiet mal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60.

28

Issa, il-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35 ma jipprevedix, fir-rigward tad-danni koperti minn awtorizzazzjoni, eċċezzjoni ġenerali fis-sens li dawn id-danni ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “danni ambjentali”. Din id-dispożizzjoni tipprevedi biss deroga fir-rigward tal-impatti negattivi li għalihom japplika l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60.

29

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li l-Istati Membri ma jwettqux ksur tal-imsemmija direttiva meta l-fatt li ma jkunx ġie stabbilit mill-ġdid l-istat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art, l-istat ekoloġiku tajjeb jew, jekk ikun il-każ, il-potenzjal ekoloġiku tajjeb jew li ma jkunx ġie evitat id-deterjorament tal-istat ta’ massa tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ ilma ta’ taħt l-art jirriżulta minn bidliet ġodda fil-karatteristiċi fiżiċi ta’ massa tal-ilma tal-wiċċ jew minn bidliet fil-livell tal-mases tal-ilma ta’ taħt l-art. Bl-istess mod, ebda ksur ma jista’ jiġi invokat fil-konfront tal-Istati Membri meta n-nuqqas li jiġi evitat id-deterjorament minn stat tajjeb ħafna għal stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jirriżulta minn attivitajiet ġodda ta’ żvilupp uman sostenibbli.

30

Sabiex tapplika din id-deroga huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tal-istess direttiva jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C-43/10, EU:C:2012:560, punt 67, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-346/14, EU:C:2016:322, punti 6566).

31

Huwa minnu li l-Istati Membri huma meħtieġa jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ natura li jikkawżaw deterjorament tal-istat tal-mases tal-ilma, sakemm ma jqisux li dawn il-proġetti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C-461/13, EU:C:2015:433, punt 50).

32

Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax biss il-proġetti suġġetti għal awtorizzazzjoni. Fil-fatt, hija tkopri kwalunkwe ipoteżi ta’ degradazzjoni tal-mases tal-ilma, kemm jekk dovuta għal installazzjoni u kemm jekk le, u tipprevedi l-każijiet li fihom, meta jkollhom quddiemhom tali degradazzjoni, l-Istati Membri jkunu xorta waħda meħlusa mill-obbligu li jaġixxu. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma għandhiex impatt fuq il-kunċett ta’ dannu ambjentali fih innifsu.

33

Tali konstatazzjonijiet japplikaw b’mod iktar partikolari fil-kawża prinċipali fejn l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni tal-installazzjoni inkwistjoni ngħatat qabel id-Direttiva 2000/60 u fejn, għalhekk, l-għoti tagħha ma kienx suġġett, dak iż-żmien, għall-osservanza tal-erba’ kriterji kumulattivi previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-varjazzjonijiet fil-livell tal-ilma, li allegatament huma l-kawża ta’ mortalità ikbar tal-ħut, jirriżultaw mill-operazzjoni normali tal-installazzjoni awtorizzata.

34

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li d-Direttiva 2004/35, u b’mod partikolari l-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali u awtomatiku, li dannu li jolqot b’mod gravi u negattiv l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati jiġi kklassifikat bħala “dannu ambjentali”, minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa skont dan id-dritt.

Fuq ir-raba’ domanda

35

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li awtorizzazzjoni tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60, l-imsemmija qorti għandhiex tivverifika hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta proġett ikun jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-ilma, dan il-proġett ikun jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-346/14, EU:C:2016:322, punt 65).

37

Sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett ġiex awtorizzat mingħajr ma twettaq ksur tad-Direttiva 2000/60, qorti tista’ tistħarreġ l-osservanza, mill-awtorità li tat l-awtorizzazzjoni, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva billi tivverifika jekk, l-ewwel nett, ittieħdux il-miżuri prattiċi kollha sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv ta’ dawn l-attivitajiet fuq l-istat tal-massa tal-ilma kkonċernata, jekk, it-tieni nett, ir-raġunijiet li wasslu għall-imsemmija attivitajiet kinux ġew indikati u mmotivati b’mod espliċitu, jekk, it-tielet nett, l-istess attivitajiet jaqdux interess pubbliku superjuri u/jew jekk il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjetà li huma marbuta mat-twettiq tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva humiex inferjuri għall-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem, għaż-żamma tas-sigurtà għall-persuni jew għall-iżvilupp sostenibbli li jirriżultaw mit-twettiq tagħhom u jekk, ir-raba’ nett, l-għanijiet benefiċjali segwiti jistgħux, minħabba raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika jew spejjeż sproporzjonati, jintlaħqu permezz ta’ mezzi li jikkostitwixxu għażla ambjentali kunsiderevolment aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 67).

38

Madankollu, jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-awtorità nazzjonali kompetenti tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma eżaminat l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teżamina hija stess l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu u tista’ sempliċement tikkonstata l-illegalità tal-att ikkontestat.

39

Fil-fatt, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jawtorizzaw proġett li għandhom l-obbligu li jikkontrollaw li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60 qabel ma jagħtu tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għal eventwali stħarriġ ġudizzjarju. Għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jobbliga lill-qrati nazzjonali jieħdu post l-awtorità kompetenti billi jeżaminaw huma stess l-imsemmija kundizzjonijiet meta din l-awtorità tkun tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma tkun wettqet l-imsemmi eżami.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li, fil-każ li awtorizzazzjoni tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35.

Fuq it-tieni domanda

41

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd iressqu proċedura ta’ rikors dwar dannu ambjentali, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

42

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 11(1) tal-B-UHG jipprovdi li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li d-drittijiet tagħhom jistgħu jkunu leżi minħabba dannu ambjentali jistgħu jitolbu lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex jittieħdu miżuri ta’ natura li jwaqqfu dan id-dannu ambjentali. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-B-UHG jispeċifika, fir-rigward tal-ilmijiet, li jisgħu jiġu invokati “id-drittijiet eżistenti fis-sens talArtikolu 12(2) tal-[WRG]”, mingħajr ma jsemmi d-drittijiet ta’ sajd. Il-qorti tar-rinviju tispjega li interpretazzjoni letterali ta’ dawn l-artikoli tipprekludi li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd jippreżentaw rikors fil-qasam tal-ambjent għal danni li jolqtu d-drittijiet ta’ sajd tagħhom.

43

Il-Gvern Awstrijak isostni li l-fatt li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd ma jissemmewx espliċitament fl-Artikolu 12(2) tal-WRG, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 11(1) tal-B-UHG, jaqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu taħt l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35.

44

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jiddetermina l-kategoriji ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi li għandhom il-kwalità sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fil-qasam ta’ danni ambjentali. Dawn it-tliet kategoriji huma kkostitwiti minn persuni milquta jew li jinsabu fir-riskju li jintlaqtu mid-dannu ambjentali, li jkollhom interess suffiċjenti sabiex jinvokawh fil-konfront tal-proċess deċiżjonali ambjentali dwar id-dannu jew li jinvokaw ksur ta’ dan id-dritt, meta l-kodiċi proċedurali amministrattiv ta’ Stat Membru jeżiġi tali kundizzjoni.

45

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/35 jelenka tliet kategoriji ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, meta meqjusa alternattivament u b’mod awtonomu, għandhom locus standi. Dan l-artikolu jistabbilixxi tliet kategoriji ta’ persuni li jistgħu jressqu l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva.

46

It-traspożizzjoni kompleta u korretta ta’ din id-direttiva teżiġi li dawn it-tliet kategoriji ta’ persuni għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fil-qasam ta’ danni ambjentali, li huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li l-awtorità kompetenti tieħu miżuri skont l-imsemmija direttiva u, għalhekk, li huma għandhom ikunu jistgħu jressqu proċedura ta’ rikors quddiem qorti jew quddiem kwalunkwe organu pubbliku kompetenti ieħor, konformement mal-Artikoli 12 u 13 tal-istess direttiva.

47

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi “interess [suffiċjenti]”, kunċett previst fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2004/35, jew “tfixkil ta’ dritt”, kunċett previst fl-Artikolu 12(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, huma ma għandhomx tali marġni fir-rigward tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni milquta jew li jinsabu fir-riskju li jintlaqtu mid-dannu ambjentali, kif jirriżulta mill-Artikolu 12(1)(a) tal-imsemmija direttiva.

48

Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35, jidher li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd jistgħu jappartjenu għat-tliet kategoriji ddefiniti fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. Issa, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn ma jistgħux, skont id-dritt nazzjonali, iressqu proċedura ta’ rikors, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, dwar dannu ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva. Għaldaqstant, billi teskludi mill-benefiċċju ta’ dritt għal azzjoni legali lid-detenturi kollha ta’ drittijiet ta’ sajd, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad mill-benefiċċju ta’ dan id-dritt għal azzjoni legali lil numru kbir ħafna ta’ individwi li jistgħu jappartjenu għal waħda mit-tliet kategoriji ddefiniti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/35.

49

Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ċċaħħad lid-detenturi kollha ta’ drittijiet ta’ sajd mid-dritt li jressqu proċedura ta’ rikors b’reazzjoni għal dannu ambjentali fil-forma ta’ żieda fil-mortalità tal-ħut, meta dawn huma milquta direttament minn dan id-dannu, ma tosservax il-portata tal-imsemmija Artikoli 12 u 13 u, għaldaqstant, hija inkompatibbli mal-imsemmija direttiva.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd iressqu proċedura ta’ rikors dwar dannu ambjentali, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija direttiva tapplika ratione temporis għad-danni ambjentali li mmaterjalizzaw wara t-30 ta’ April 2007 iżda li jkunu ġew ikkawżati mill-operazzjoni ta’ installazzjoni awtorizzata konformement mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li bdiet topera qabel din id-data.

 

2)

Id-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, u b’mod partikolari l-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali u awtomatiku, li dannu li jolqot b’mod gravi u negattiv l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati jiġi kklassifikat bħala “dannu ambjentali”, minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa skont dan id-dritt.

 

3)

Fil-każ li awtorizzazzjoni tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31.

 

4)

L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd iressqu proċedura ta’ rikors dwar dannu ambjentali, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.