KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

Kawża C‑195/16

Staatsanwaltschaft Offenburg

vs

I

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa tal-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasportazzjoni – Liċenzja tas-sewqan – Rikonoxximent reċiproku – Kamp ta’ applikazzjoni – Ċertifikat temporanju maħruġ minn Stat Membru ieħor li jattesta d-dritt ta’ sewqan fit-territorju tiegħu – Proċeduri kriminali għal nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan – Distinzjoni bejn id-dritt ta’ sewqan u l-liċenzja tas-sewqan – Natura tas-sanzjonijiet – Amministrattivi jew kriminali”

I. Introduzzjoni

1.

I (iktar ’il quddiem “il-persuna mixlija”) għaddiet mit-testijiet tas-sewqan tagħha fi Franza. Sakemm inħarġet il-liċenzja tas-sewqan finali tagħha, inħarġilha ċertifikat temporanju bħala prova tal-kisba tad-dritt ta’ sewqan. Xahar wara, ġiet interċettata waqt li kienet qiegħda ssuq f’Kehl, il-Ġermanja. Iċ-ċertifikat temporanju Franċiż li ppreżentat ma ġiex aċċettat bħala dokument irrikonoxxut skont il-liġi Ġermaniża. Hija ġiet akkużata bir-reat kriminali ta’ sewqan mingħajr dritt ta’ sewqan.

2.

F’dan il-kuntest fattwali, il-qorti kriminali nazzjonali tal-ewwel istanza, l-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja), għamlet żewġ settijiet ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja: l-ewwel nett, kemm skont id-dritt primarju kif ukoll skont id-dritt sekondarju tal-Unjoni, liema tipi ta’ dokumenti huma obbligati jirrikonoxxu l-Istati Membri bħala prova tal-eżistenza tad-dritt ta’ sewqan? Huma biss il-liċenzji tas-sewqan standardizzati u finali li għandhom jiġu aċċettati? Jew jistgħu jiġu rrikonoxxuti wkoll ċertifikati temporanji maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor? It-tieni nett, liema tip ta’ sanzjoni jista’ jimponi Stat Membru fuq persuni li, għalkemm ikunu kisbu dritt ta’ sewqan, għadhom ma jistgħux jagħtu prova ta’ dan b’liċenzja tas-sewqan maħruġa fil-forma finali u standardizzata, kif previst fil-liġi sekondarja tal-UE rilevanti?

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-UE

1.  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”)

3.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprovdi li: “Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

4.

Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

5.

L-Artikolu 45(1) TFUE jinqara kif ġej: “Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni”.

6.

L-Artikolu 49 TFUE jiddikjara li r-restrizzjonijiet għal-“libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti”.

7.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE jipprovdi li: “Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

2.  Id-Direttiva 2006/126

8.

Il-premessa 2 tad-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan ( 2 ) (“id-Direttiva”) tipprovdi li: “Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. […] Minkejja l-progress milħuq permezz ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan, għadhom jippersistu differenzi sinifikattivi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regoli dwar il-perjodiċità tat-tiġdid ta’ liċenzji u dwar subkategoriji ta’ vetturi, li jeħtieġu li jiġu armonizzati aktar bis-sħiħ, sabiex jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-politika tal-Komunità”.

9.

Il-premessa 3 tipprovdi: “Il-possibbiltà li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-perjodu tal-validità prevista fid-Direttiva 91/439/KEE twassal għall-ko-eżistenza ta’ regoli differenti fl-Istati Membri differenti u għal aktar minn 110 mudelli differenti ta’ liċenzji tas-sewqan validi fl-Istati Membri. Dan joħloq problemi ta’ transparenza għaċ-ċittadini, għall-forzi tal-pulizija u għall-amministrazzjonijiet responsabbli mill-amministrazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan u jwassal għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti li xi kultant imorru lura diversi għexieren ta’ snin”.

10.

Skont il-premessa 5, “[d]in id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika drittijiet eżistenti ta’ sewqan mogħtija jew akkwistati qabel id-data ta’ applikazzjoni”.

11.

Il-premessa 8 tipprovdi kif ġej: “Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-istandards għat-testijiet tas-sewqan u għall-ħruġ tal-liċenzji. […]”

12.

L-Artikolu 1(1) jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”

13.

Skont l-Artikolu 2(1), “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”.

14.

Skont l-Artikolu 3(3), “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa 19 ta’ Januar 2033, il-liċenzji tas-sewqan kollha maħruġa jew li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha ta’ din id-Direttiva”.

15.

L-Artikolu 4(1) jipprovdi li: “Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. […]”.

16.

L-Artikolu 5(1) jipprovdi: “Fil-liċenzji tas-sewqan għandhom jiġu dikjarati l-kondizzjonijiet li taħthom is-sewwieq ikun awtorizzat li jsuq”.

17.

L-Artikolu 7(1) jipprovdi li “Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

(a)

li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

[…]”

B. Id-dritt Ġermaniż

1.  Il-Fahrerlaubnis-Verordnung (regolament dwar l-awtorizzazzjoni għas-sewqan)

18.

L-Artikolu 4 tal-Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr ( 3 ) (regolament dwar l-awtorizzazzjoni tal-persuni għas-sewqan fit-triq, iktar ’il quddiem il-FeV”) jistabbilixxi regoli dwar ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u identifikazzjoni għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur:

“(1)   Persuna li ssuq vettura bil-mutur fi triq pubblika għandu jkollha d-dritt ta’ sewqan. […]

(2)   Id-dritt ta’ sewqan għandu jiġi attestat b’ċertifikat uffiċjali validu (liċenzja tas-sewqan). Persuna li ssuq vettura bil-mutur għandu jkollha fil-pussess tagħha l-liċenzja tas-sewqan tagħha u, fuq talba, għandha tippreżentaha lill-awtoritajiet kompetenti. Is-sewwieq għandu jkollu fil-pussess tiegħu liċenzja tas-sewqan internazzjonali jew liċenzja nazzjonali tas-sewqan barranija flimkien ma’ traduzzjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) u, fuq talba, għandu jippreżentahom lill-awtoritajiet kompetenti.

(3)   B’deroga mill-ewwel sentenza tas-subparagrafu (2), id-dritt ta’ sewqan jista’ wkoll jiġi attestat permezz ta’ ċertifikat għajr liċenzja tas-sewqan sa fejn dan ikun espressament ipprovdut jew awtorizzat. It-tieni sentenza tas-subparagrafu (2) għandha tapplika mutatis mutandis għal ċertifikat fis-sens tal-ewwel sentenza.”

19.

L-Artikolu 22 huwa intitolat “Proċedura għand l-awtorità kompetenti u ċ-ċentru tat-test tekniku”. Dan jipprovdi li:

“…

(3)   Jekk ir-rekwiżiti kollha għall-għoti tad-dritt ta’ sewqan ikunu ġew issodisfatti, l-awtorità tal-liċenzja tas-sewqan għandha toħroġ liċenzja tas-sewqan.

(4)   […] Meta t-test jintemm b’suċċess, l-espert jew l-eżaminatur, jew inkella l-awtorità tal-liċenzja tas-sewqan, għandha toħroġ il-liċenzja tas-sewqan wara li tinkludi d-data tal-ħruġ. Il-liċenzja tas-sewqan tista’ tinħareġ biss jekk l-identità tal-kandidat tkun stabbilita inekwivokament. Meta l-espert jew l-eżaminatur ikun ħareġ il-liċenzja tas-sewqan, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità tal-liċenzja tas-sewqan debitament u jikkonferma d-data tal-ħruġ. Huwa għandu jibgħat ukoll iċ-ċertifikat tat-taħriġ lill-awtorità tal-liċenzja tas-sewqan. Id-dritt ta’ sewqan jingħata permezz tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan jew, fin-nuqqas tal-liċenzja tas-sewqan, alternattivament permezz ta’ ċertifikat ta’ test temporanju validu biss fit-territorju Ġermaniż bħala prova tad-dritt ta’ sewqan skont l-Anness 8a.”

20.

L-Artikolu 29 jirrigwarda r-rikonoxximent tad-dritt ta’ sewqan lill-barranin taħt ċerti kundizzjonijiet. Dan jipprovdi:

“(1)   Persuna li għandha dritt ta’ sewqan barrani tista’, sal-limitu ta’ tali dritt, issuq vettura bil-mutur fit-territorju Ġermaniż jekk ma jkollhiex ir-residenza normali tagħha fil-Ġermanja skont l-Artikolu 7. […]

(2)   Id-dritt ta’ sewqan għandu jiġi attestat permezz ta’ liċenzja tas-sewqan nazzjonali valida jew ta’ liċenzja tas-sewqan internazzjonali […] Liċenzji nazzjonali tas-sewqan barranin imfassla b’lingwa oħra għajr il-Ġermaniż li ma jkunux inħarġu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea […] jeħtieġu traduzzjoni.

(3)   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu (1) ma japplikax għal persuni li għandhom dritt ta’ sewqan barrani,

1.

li fil-pussess tagħhom għandhom biss liċenzja tat-taħriġ tas-sewqan jew kwalunkwe liċenzja tas-sewqan provviżorja;

[…]”

21.

L-Artikolu 75(4) jipprovdi li n-nuqqas ta’ sewwieq li jkun fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan (u li ma jkunx jista’ jippreżentaha matul spezzjoni fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti) jikkostitwixxi reat amministrattiv (“Ordnungswidrigkeit”).

2.  L-iStraßenverkehrsgesetz (liġi dwar it-traffiku fit-toroq)

22.

L-Artikolu 21 tal-iStraßenverkehrsgesetz ( 4 ) (“StVG”) jistabbilixxi s-sanzjonijiet li ġejjin:

“(1)   Persuna li ssuq vettura bil-mutur mingħajr id-dritt ta’ sewqan għal dan il-għan […] tista’ tiġi kkundannata għal priġunerija ta’ mhux iktar minn sena jew għal multa.

(2)   Persuna li b’negliġenza twettaq att imsemmi fis-subparagrafu (1) […] tista’ tiġi kkundannata għal priġunerija ta’ mhux iktar minn sitt xhur jew għal multa sa 180 darba r-rata ta’ kuljum […]”

III. Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi preliminari

23.

Fis-17 ta’ April 2015, il-persuna mixlija għaddiet mit-testijiet tal-liċenzja tas-sewqan tagħha fi Franza, fejn hija wkoll residenti. Hija għalhekk ikkwalifikat għall-għoti ta’ liċenzja tas-sewqan ta’ vetturi li jaqgħu taħt il-kategorija B. Fi Franza, il-liċenzja tas-sewqan finali ma tinħariġx immedjatament. Il-ħruġ ta’din il-liċenzja jista’jdum diversi ġimgħat jew xhur ( 5 ). Malli għaddiet mit-testijiet tagħha, inħarġilha ċertifikat temporanju (Certificat d’Examen du Permis de Conduire jew “CEPC”) ( 6 ).

24.

Madwar xahar wara, fil-15 ta’ Mejju 2015, il-persuna mixlija kienet interċettata waqt li kienet qiegħda ssuq f’Kehl. Hija ma setgħetx tippreżenta liċenzja tas-sewqan Ġermaniża valida. Madankollu, hija ppreżentat iċ-ċertifikat temporanju tagħha, is-CEPC, flimkien ma’ mezz ta’ identifikazzjoni uffiċjali.

25.

Quddiem l-uffiċċju tal-prosekutur f’Offenburg, il-persuna kkonċernata ġiet mixlija bir-reat kriminali ta’ sewqan mingħajr dritt ta’ sewqan, ksur tal-Artikolu 21 tal-StVG. Iċ-ċertifikat temporanju tagħha kien validu biss fit-territorju Franċiż. Dan ma ġiex irrikonoxxut bħala awtorizzazzjoni valida għas-sewqan fil-Ġermanja skont id-dritt Ġermaniż.

26.

L-uffiċċju tal-prosekutur ressaq talba għal kundanna kriminali kontra l-persuna mixlija quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, l-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl). Din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-kundanna kriminali potenzjali ma’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, il-persuna mixlija fil-fatt kellhiex awtorizzazzjoni li tintitolaha ssuq fil-Ġermanja. Jekk dik il-forma ta’ prova tad-dritt ta’ sewqan kellha tiġi rrikonoxxuta, u konsegwentement ma jkun sar ebda reat kriminali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-fatti tal-każ jistgħux madankollu jammontaw għal reat amministrattiv.

27.

Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Marzu 2016, l-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl) għalhekk għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tirrikonoxxix dritt ta’ sewqan (Fahrerlaubnis) miksub fi Stat Membru ieħor, partikolarment meta dan ikun inkiseb skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva?

(2)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tirrikonoxxix ċertifikat maħruġ minn Stat Membru ieħor lid-detentur ta’ dritt ta’ sewqan miksub f’dan l-Istat Membru l-ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan tal-aħħar jillimita ratione temporis il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat, li huwa validu biss fit-territorju tiegħu, u, barra minn hekk, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126?

(3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tqis bħala reat kriminali s-sewqan ta’ vettura mingħajr dritt ta’ sewqan, anki jekk is-sewwieq tal-vettura ikun kiseb dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor konformement mad-Direttiva 2006/126/KE, iżda ma jkunx jista’ jressaq prova ta’ dan permezz tal-produzzjoni ta’ dokument konformi mal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126?

(4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fejn l-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan jingħataw, bħala regola ġenerali, il-liċenzja tas-sewqan definittiva immedjatament wara li jkunu għaddew mit-testijiet prattiċi tas-sewqan, li tqis bħala reat minuri l-ksur amministrattiv ikkawżat mis-sewqan ta’ vettura f’ċirkustanzi fejn is-sewwieq, li jkun kiseb id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, isuq vettura mingħajr ma jkollu liċenzja tas-sewqan definittiva għall-finijiet ta’ prova tad-dritt ta’ sewqan tiegħu, peress li tali liċenzja tkun għadha ma nħarġitx minħabba l-partikolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan definittiva f’dan l-Istat Membru l-ieħor li fuqhom is-sewwieq ma jkollu ebda kontroll, iżda minflok ikollu ċertifikat amministrattiv li jattesta l-fatt li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-dritt ta’ sewqan?”

28.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Evalwazzjoni

29.

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Istati Membri humiex obbligati jaċċettaw biss liċenzja tas-sewqan standardizzata u finali maħruġa skont id-Direttiva 2006/126 bħala dokument validu li jistabbilixxi d-dritt ta’ sewqan jew jekk humiex obbligati jaċċettaw dokumenti oħra li wkoll juru li jeżisti dan id-dritt fi Stat Membru ieħor. Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda, hija tistaqsi liema tip ta’ sanzjonijiet, jekk applikabbli, jistgħu jiġu imposti fuq is-sewwieqa li jkunu kisbu d-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru, iżda għadhom ma jistgħux jipproduċu prova ta’ dan b’liċenzja tas-sewqan standardizzata u finali.

30.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet id-domandi tagħha fir-rigward ta’ żewġ settijiet ta’ regoli tal-Unjoni: id-Direttiva, iżda wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju: id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-libertà tal-moviment, in-nondiskriminazzjoni, u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju li ż-żewġ settijiet ta’ regoli huma rilevanti fil-każ preżenti. Madankollu, għal finijiet ta’ ċarezza, ser neżaminahom separatament, fi stadji suċċessivi.

31.

Dawn il-konklużjonijiet għalhekk huma strutturati kif ġej. Bħala kumment preliminari, nibda billi nagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti fundamentali tal-kawża preżenti: id-dritt ta’ sewqan, minn naħa, u l-liċenzja tas-sewqan, min-naħa l-oħra (A). Sussegwentement ser nevalwa d-dmirijiet tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-Direttiva (B) qabel ma nevalwa l-obbligi ġenerali li jirriżultaw mit-Trattati meta jiġu imposti sanzjonijiet f’oqsma koperti mid-dritt primarju tal-Unjoni (C).

A. Nota terminoloġika: “dritt ta’ sewqan” u “liċenzja tas-sewqan”

32.

Hemm distinzjoni netta li tapplika kemm għad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għal numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali: l-eżistenza ta’ dritt li titwettaq ċerta attività, bħad-“dritt ta’ sewqan”, hija differenti mill-kapaċità tad-detentur tad-dritt li jattesta dan il-fatt billi jippreżenta d-dokument xieraq (ċertifikat, liċenzja, jew awtorizzazzjoni), bħal “liċenzja tas-sewqan”. Dritt jidħol fis-seħħ ladarba l-kundizzjonijiet neċessarji kollha preskritti mil-liġi jkunu ssodisfatti. Jekk ikunu ssodisfatti, u sabiex jiġi attestat dan il-fatt, jinħareġ ċertifikat f’dan is-sens ( 7 ).

33.

Fuq livell tad-dritt tal-Unjoni, din id-distinzjoni fil-kuntest tal-liċenzji tas-sewqan hija preżenti kemm fid-Direttiva nnifisha kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċedi din id-direttiva.

34.

Kif issuġġerit mit-titolu tagħha stess, id-Direttiva tikkonċerna prinċipalment l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni taċ-ċertifikat, jiġifieri, tal-liċenzja tas-sewqan. Madankollu, hija tirreferi wkoll għad-dritt ta’ sewqan billi tistabbilixxi numru ta’ rekwiżiti sostantivi minimi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkiseb dan id-dritt. B’mod partikolari, minbarra r-rekwiżiti relatati mal-età, id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi għat-testijiet tas-sewqan u għall-għoti tal-liċenzja flimkien ma’ standards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan, skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, flimkien mal-Annessi II u III ( 8 ).

35.

Sussegwentement, Skanavi ( 9 ) hija kawża li tippreċedi d-Direttiva 2006/126. Għalkemm f’kuntest fattwali kemxejn differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment iddikjarat li: “il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan minn Stat Membru bi skambju għal liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor ma jikkostitwixxix il-bażi tad-dritt ta’ sewqan ta’ vettura bil-mutur fit-territorju tal-Istat ospitanti, li huwa mogħti direttament mid-dritt Komunitarju, iżda evidenza tal-eżistenza ta’ tali dritt” ( 10 ).

36.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod ċar li l-liċenzja tas-sewqan hija sempliċement evidenza ta’ dritt ta’ sewqan eżistenti. Dan id-dritt ifisser li l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu lil persuna ssuq vettura skont id-Direttiva ġew issodisfatti. Min-naħa tagħha, il-“liċenzja tas-sewqan” hija d-dokument finali li jattesta dan id-dritt, maħruġa f’forma standardizzata kif mitlub mid-Direttiva. Kif intqal mill-Qorti tal-Ġustizzja, “il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-prova li l-pussessur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa, fil-jum meta nħarġitlu, l-imsemmija kundizzjonijiet” ( 11 ). Għalhekk, id-dritt ta’ sewqan jirriżulta minn fatt legali, jiġifieri s-sodisfazzjon effettiv tal-kundizzjonijiet fiżiċi, mentali u intellettwali kollha meħtieġa sabiex jinkiseb. Kuntrarjament, id-dokument li huwa l-liċenzja tas-sewqan huwa tip ta’ attestazzjoni uffiċjali tal-eżistenza tad-dritt.

37.

Fl-aħħar nett, u dejjem fuq livell tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jiġi nnotat li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll li teżisti distinzjoni simili f’oqsma oħra. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet differenzazzjoni bejn id-dritt ta’ residenza, li huwa miksub bis-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, u l-permess tar-residenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod partikolari li “[i]n-natura dikjaratorja tal-permessi ta’ residenza timplika li dawn il-permessi jattestaw biss dritt eżistenti diġà” ( 12 ). Il-ħruġ ta’ “permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor” ( 13 ). Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ukoll li, kemm għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżżewġin lil ċittadin ta’ Stat Membru, id-dritt ta’ residenza tagħhom huwa dderivat direttament mid-dritt tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk permess ta’ residenza nħariġx mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ( 14 ).

38.

Bl-istess mod, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni jagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti ma huwiex probabbli li jiġi pperċepit bħala sorprendenti fuq livell nazzjonali. Pjuttost bil-kuntrarju, fil-fatt. Jidher li d-differenzazzjoni bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dritt bħala fatt legali, minn naħa, u l-ħruġ konsegwenti jew parallel ta’ ċertifikat dikjaratorju li jafferma dan il-fatt, min-naħa l-oħra, hija komuni f’numru ta’ ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

39.

Fil-kuntest speċifiku tal-liċenzja tas-sewqan, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li d-distinzjoni bejn id-dritt ta’ sewqan u l-liċenzja tas-sewqan teżisti kemm taħt id-dritt Ġermaniż kif ukoll taħt id-dritt Franċiż. Din id-differenzazzjoni hija sussegwentement ittrasferita fil-kuntest tas-sanzjonijiet, fejn tikkostitwixxi l-bażi għad-differenzazzjoni bejn sanzjonijiet kriminali u amministrattivi. Fiż-żewġ ordinamenti ġuridiċi, is-sewqan mingħajr dritt ta’ sewqan huwa punibbli bħala reat kriminali. Is-sewqan mingħajr il-liċenzja tas-sewqan, iżda bid-dritt ta’sewqan, huwa punibbli bħala reat amministrattiv.

40.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-qorti tar-rinviju: b’mod ġenerali, ma għandhomx jiġu konfużi l-kunċetti ta’ dritt ta’ sewqan u ta’ liċenzja tas-sewqan. Naturalment, dawn huma intrinsikament konnessi. Il-ħruġ tal-liċenzja jiddependi fuq l-eżistenza tad-dritt. Madankollu, sa ċertu punt, it-tnejn huma indipendenti minn xulxin, kif muri minn fenomenu li jista’ jiġi deskritt bħala diżlivell jew diskrepanza temporali bejn id-dritt u d-dokument uffiċjali.

41.

Bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, persuna jista’ jkollha d-dritt ta’ sewqan mingħajr ma tkun għadha rċeviet il-liċenzja tas-sewqan adatta. Alternattivament, persuna jista’ jkollha d-dritt ta’ sewqan mingħajr ma jkollha liċenzja tas-sewqan fil-forma li issa hija meħtieġa mid-Direttiva. Dan ikun il-każ b’mod partikolari għal dawk id-detenturi li għad għandhom liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

42.

Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jipprevedi l-possibbiltà li persuna jkollha liċenzja tas-sewqan mingħajr ma jkollha iktar id-dritt ta’ sewqan. Apparti każijiet ta’ frodi, sitwazzjoni bħal din tista’ sseħħ ukoll meta d-dritt ta’ sewqan individwali jkun ġie sospiż jew irtirat, iżda l-persuna kkonċernata tkun għadha fil-pussess tal-liċenzja tagħha.

43.

Dan kollu ma huwiex sempliċi dibattitu teoretiku. Għandu konsegwenzi prattiċi tanġibbli. B’mod partikolari, dan iwassal għall-konklużjoni li: id-dħul fis-seħħ tad-dritt ta’ sewqan huwa fatt legali awtonomu li jipproduċi effetti ġuridiċi proprji, indipendentement minn jekk hemmx ċertifikat li jattesta dan il-fatt bil-forma xierqa u standardizzata meħtieġa għal liċenzja tas-sewqan. Din il-konstatazzjoni hija rilevanti ħafna għal sanzjonijiet potenzjali. Madankollu, qabel nindirizza din il-kwistjoni, għandhom l-ewwel jiġu eżaminati l-obbligi tal-Istati Membri marbuta mar-rikonoxximent reċiproku li jirriżulta mid-Direttiva.

B. Id-dmirijiet tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2006/126

44.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel u tat-tieni domanda, li jistgħu jiġu indirizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2006/126 tobbligax lill-Istati Membri jaċċettaw ċertifikat temporanju maħruġ minn Stat Membru ieħor bħala prova valida tad-dritt ta’ sewqan.

45.

Ir-risposta konċiża tiegħi għal din id-domanda hija “le”. Huwa minnu li d-Direttiva fiha numru ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkiseb id-dritt ta’ sewqan. Madankollu, l-uniku dmir li jirriżulta b’mod ċar mid-Direttiva huwa r-rikonoxximent reċiproku tad-dokument standardizzat imsejjaħ “liċenzja tas-sewqan”, li effettivament huwa suġġett għall-armonizzazzjoni mid-Direttiva.

46.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klawżola ta’ rikonoxximent reċiproku “tipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi obbligu ċar u preċiż li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex ikun hemm konformità magħha” ( 15 ).

47.

Għalhekk, hemm dmir ta’ rikonoxximent reċiproku fformulat f’termini imperattivi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar dak li għandu preċiżament jinftiehem b’“liċenzji tas-sewqan” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-qorti tar-rinviju, hemm dubju dwar jekk il-kunċett “liċenzji tas-sewqan” għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorizzazzjoni għas-sewqan għandha tiġi rrikonoxxuta taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva biss jekk tkun inħarġet liċenzja uffiċjali tas-sewqan fil-forma ta’ dokument li juri awtorizzazzjoni għas-sewqan, jew jekk l-obbligu tar-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan ikoprix id-dritt ta’ sewqan, indipendentement mill-eżistenza ta’ liċenzja uffiċjali tas-sewqan. Il-qorti tar-rinviju tqis li tali ambigwità tirriżulta prinċipalment min-nuqqas tad-Direttiva li tipprovdi rikonoxximent ġenerali tal-awtorizzazzjonijiet għas-sewqan fl-Istati Membri kollha, minħabba n-nuqqas ta’ dritt armonizzat tal-Unjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għas-sewqan.

48.

Skont l-argumenti mressqa mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja, u mill-Kummissjoni, l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku skont id-Direttiva japplika biss għal-liċenzji tas-sewqan, jiġifieri, ċertifikati standardizzati li jattestaw l-eżistenza tad-dritt ta’ sewqan.

49.

Jiena naqbel. Fil-fehma tiegħi, l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jikkonċerna biss il-liċenzja tas-sewqan standardizzata bħala d-dokument uffiċjali awtorevoli li juri d-dritt ta’ sewqan. La t-test, la l-kuntest u lanqas l-għanijiet tad-Direttiva ma jistgħu jiġu estiżi sal-punt li jimplikaw id-dmir tal-Istati Membri li jirrikonoxxu awtomatikament it-tipi ta’ dokumentazzjoni li ma humiex previsti b’mod espliċitu mid-Direttiva.

50.

L-ewwel nett, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jipprovdi espressament ir-rikonoxximent reċiproku tal-“liċenzji tas-sewqan” maħruġa mill-Istati Membri. B’kunsiderazzjoni għad-distinzjoni bejn id-dritt u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu magħmula fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa pjuttost ċar li “liċenzja” tirreferi għal dokument fiżiku, l-attestazzjoni uffiċjali li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jingħata dritt ta’ sewqan. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-espressjonijiet użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tad-Direttiva, fosthom: bil-Ġermaniż, Führerscheine; bil-Franċiż, permis de conduire; biċ-Ċek, ridičské průkazy; bl-Ispanjol, permisos de conducción; bit-Taljan, patenti di guida. Dawn l-espressjonijiet kollha jirreferu b’mod ċar għad-dokument attwali.

51.

It-tieni nett, qari sistematiku tad-Direttiva jwassal għall-istess riżultat. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiffokaw fuq il-format tal-liċenzja nnifisha. Id-Direttiva tinkludi rekwiżiti preċiżi relatati mal-apparenza, mal-kontenut u mal-karatteristiċi fiżiċi u siguri ta’ dokument li għandu jagħti prova, b’mod standardizzat u uniformi, tal-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan.

52.

Fir-rigward tal-format, il-liċenzja tas-sewqan nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq il-mudell tal-Unjoni Ewropea kif stabbilit fl-Anness I u skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. Dan il-mudell jirrappreżenta d-dehra tal-liċenzja tas-sewqan fl-Unjoni u jispjega t-tip u l-ordni tal-informazzjoni li għandu jkun fiha. Bħala kontenut, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jeżiġi li l-liċenzji tas-sewqan jiddikjaraw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex sewwieq ikun awtorizzat isuq. Barra minn hekk, id-Direttiva teżiġi karatteristiċi ta’ sigurtà sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ falsifikazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) jipprovdi espressament, flimkien mal-Anness I, li l-materjal użat għal-liċenzja tas-sewqan għandu jkun protett kontra falsifikazzjonijiet.

53.

Barra minn hekk, ħarsa lejn l-istorja leġiżlattiva tikkonferma li l-għan tal-leġiżlatura tal-Unjoni (Komunitajru) f’dan il-qasam baqa’ l-istess. Il-predeċessur tad-Direttiva attwali ( 16 ) wkoll jidher li kellu l-għan li jarmonizza d-dokument innifsu ( 17 ).

54.

It-tielet u l-aħħar nett, l-għan ġenerali tad-Direttiva wkoll jappoġġja l-konklużjoni li l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku japplika biss għad-dokument uffiċjali, jiġifieri, il-liċenzja tas-sewqan innifisha.

55.

Il-premessa 2 tad-Direttiva tindika li din tal-aħħar issaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u hija intiża li tiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ persuni. Il-premessi 3 u 4, min-naħa tagħhom, jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu solvuti problemi ta’ trasparenza u li tiġi evitata l-falsifikazzjoni. Il-ħsieb wara li, fl-aħħar mill-aħħar ( 18 ) ikun hemm liċenzja standard tal-Unjoni, li hija valida fit-territorju kollu tal-Unjoni, huwa li din tissostitwixxi iktar minn 110 mudelli differenti ta’ liċenzji tas-sewqan. Peress li jkun diffiċli li tiġi evalwata l-validità tagħhom, din id-diversità tista’ twassal għall-possibbiltà ta’ frodi.

56.

Dawn l-għanijiet kollha jwasslu għal konklużjoni waħda: l-għan tad-Direttiva huwa li tiġi introdotta liċenzja waħda tas-sewqan standardizzata li tippermetti rikonoxximent immedjat u faċli minn kwalunkwe awtorità kullimkien fl-Unjoni. Għalhekk, ikun manifestament kontra l-għan ġenerali tad-Direttiva jekk din tal-aħħar tiġi interpretata bħala li tobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu, għal darba oħra, kull tip ta’ dokument li jista’ jinħareġ minn Stat Membru ieħor sabiex tiġi attestata l-eżistenza tad-dritt ta’ sewqan.

57.

Fl-istess ħin, kif imsemmi preċedentement fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva tipprovdi wkoll diversi elementi ta’ armonizzazzjoni minima tad-dritt ta’ sewqan billi tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi u formali li taħthom tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan, bħall-età jew il-kapaċità għas-sewqan.

58.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn ir-rekwiżiti minimi ġew introdotti gradwalment bħala prekundizzjoni neċessarja għar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan. Dik il-konklużjoni tista’ diġà tiġi dedotta mis-sentenza Choquet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-1978, irrifjutat ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati Membri oħra sakemm ir-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji tas-sewqan ma kinux armonizzati suffiċjentement ( 19 ).

59.

Għalhekk, skont din il-loġika, l-leġiżlatur tal-Unjoni, f’emendi suċċessivi, stabbilixxa numru ta’ rekwiżiti minimi bħala prekundizzjoni għar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan. Madankollu, jien ma naħsibx li dawn l-elementi ta’ armonizzazzjoni minima u pjuttost anċillari ta’ wħud mill-elementi tad-dritt ta’ sewqan jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu armonizzazzjoni u jimplikaw id-dmir konsegwenti tar-rikonoxximent reċiproku tad-dritt ta’ sewqan innifsu. L-armonizzazzjoni ta’ numru ta’ prekundizzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-dokument finali ma jfissirx ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-prekundizzjonijiet. Għalkemm nirrikonoxxi faċilment li “armonizzazzjoni sigrieta” jew “armonizzazzjoni aċċidentali”, li ġeneralment ma tkunx intenzjonata, huma ċertament titoli attraenti għal artiklu akkademiku, ma naħsibx li dawn ikunu punt tajjeb ta’ tluq għall-interpretazzjoni tal-portata tal-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt sekondarju.

60.

Minn dak li ntqal isegwi li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu dokumenti li jattestaw il-kisba tad-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru għajr dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

C. Dmirijiet ġenerali tal-Istati Membri taħt it-Trattati

61.

Fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, issuġġerixxejt li fil-fehma tiegħi, id-Direttiva ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ sewqan miksub fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva sempliċement tobbliga lill-Istati Membri joħorġu u sussegwentement jirrikonoxxu wkoll attestazzjoni standardizzata pprovduta b’mod ċar fid-Direttiva, li hija l-liċenzja tas-sewqan uniformi.

62.

Madankollu, xorta huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni nofs tal-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti nazzjonali, li jistaqsi dwar l-obbligi tal-Istati Membri f’dan il-qasam taħt id-dritt primarju. In-natura ta’ dawn l-obbligi hija marbuta mat-tielet u mar-raba’ domanda magħmula mill-qorti nazzjonali. Dawn jikkonċernaw in-natura tas-sanzjonijiet, jekk applikabbli, li jistgħu jiġu imposti fuq il-persuna mixlija minn Stat Membru minħabba sewqan mingħajr liċenzja tas-sewqan adatta, iżda biss b’ċertifikat temporanju li juri l-akkwist tad-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor.

63.

Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina dawn id-domandi. Wara li nidentifika d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju rilevanti (1), ser neżamina l-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mas-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi imposti għal sewqan mingħajr liċenzja tas-sewqan (2).

1.  Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju: il-moviment liberu u n-nondiskriminazzjoni

64.

Id-Direttiva tipprevedi biss ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan. Hija ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar l-impożizzjoni possibbli ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan jew għal nuqqas ta’ produzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan uffiċjali jew ta’ tip ta’ dokument ieħor f’dan is-sens.

65.

Għalhekk, bħal f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huma fil-prinċipju l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sanzjonijiet ( 20 ).

66.

Madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri jibqgħu obbligati li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti l-oħra li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, speċjalment mid-dritt primarju. Fi kwistjonijiet li ma humiex koperti mid-dritt sekondarju, iżda li manifestament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt primarju u l-obbligi li jirriżultaw minnu jibqgħu applikabbli.

67.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li s-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi għal sewqan mingħajr liċenzja tas-sewqan irrikonoxxuti fil-Ġermanja, iżda biss b’ċertifikat temporanju maħruġ minn Stat Membru ieħor, jistgħu jiksru l-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni skont l-Artikolu 18 TFUE u l-libertajiet fundamentali skont l-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE.

68.

Preliminarjament, ninnota li s-sitwazzjoni preżenti taqa’ manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u dan għal żewġ raġunijiet differenti: l-ewwel nett, kif ikkonstatat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja fi Skanavi, id-dritt ta’ sewqan jirriżulta effettivament mid-dritt tal-Unjoni ( 21 ); it-tieni nett, fi kwalunkwe każ, huwa pjuttost ċar li l-persuna mixlija eżerċitat il-moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni.

69.

Fir-rigward tal-moviment liberu b’mod partikolari, ir-raġunijiet speċifiċi li għalihom il-persuna mixlija kienet il-Ġermanja ma ġewx speċifikati. Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina liema libertajiet ta’ moviment liberu kienu involuti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Bil-ħsieb li tingħata assistenza b’mod sħiħ lill-qorti tar-rinviju, tista’ tiġi pprovduta gwida ġenerali f’dan ir-rigward. Diversi għażliet huma konċepibbli.

70.

L-ewwel nett, il-persuna mixlija setgħet saqet lejn il-Ġermanja għal finijiet ta’ attività ekonomika speċifika, bħal tiftix ta’ impjieg, jew l-istabbiliment tagħha hemmhekk, jew sabiex tirċievi jew tipprovdi servizzi. F’dan ir-rigward, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tal-mezzi individwali ta’ trasport, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċertifikat temporanju maħruġ minn Stat Membru ieħor jista’ jaffettwa t-twettiq effettiv ta’ ċertu numru ta’ attivitajiet professjonali ta’ persuni impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ( 22 ). Għalhekk, ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut ċertifikat temporanju jkun jista’ jostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-libertà ta’ stabbiliment.

71.

It-tieni nett, il-persuna mixlija setgħet saqet lejn il-Ġermanja sempliċement minħabba attivitajiet ta’ rekreazzjoni. F’din is-sitwazzjoni, huwa probabbli li rċeviet servizzi bħala turista. Għalkemm forsi mhux għan prinċipali tat-Trattati, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi wkoll il-libertà tad-destinatarji tas-servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu servizz hemmhekk ( 23 ). Għalhekk, il-projbizzjoni domestika ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati tas-sewqan temporanji barranin tista’ titqies ukoll bħala restrizzjoni tal-libertà li persuna tirċievi servizzi.

72.

It-tielet nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-persuna mixlija hija ċittadina Franċiża, u għalhekk ċittadina tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni tagħha taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-dritt tal-Unjoni: hija eżerċitat il-libertà ta’ moviment fit-territorju tal-Unjoni, fi ħdan il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE.

73.

Fil-qosor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema libertà fundamentali hija inkwistjoni fil-każ preżenti. Madankollu, peress li l-persuna mixlija tidher li hija ċittadina tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, lanqas ma jkun hemm bżonn li jibdew isiru konnessjonijiet (kultant pjuttost dgħajfa) ma’ waħda mil-libertajiet speċifiċi. Li persuna tkun ċittadina li tiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Unjoni għandu jkun biżżejjed fih innifsu: wara kollox, il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea x’għandu jkopri jekk mhux id-dritt li persuna tivvjaġġa liberament fit-territorju tal-Unjoni? “Autoraedarius europeus sum” ( 24 ).

74.

Fi kwalunkwe każ, kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka l-Artikolu 18(1) TFUE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu wkoll, minbarra kwalunkwe waħda mil-libertajiet fundamentali, l-eżerċizzju tal-moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri kif ipprovdut fl-Artikolu 21 TFUE ( 25 ).

75.

Billi jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza”, l-Artikolu 18 TFUE jeżiġi li l-persuni f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali ( 26 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta minħabba ċ-ċittadinanza iżda wkoll kull forma indiretta oħra ta’ diskriminazzjoni li, skont il-kriterji l-oħra ta’ differenzazzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat ( 27 ). Sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja jekk tista’ intrinsikament taffettwa ċittadini ta’ Stati Membri oħra iktar minn ċittadini tal-Istat ospitanti ( 28 ).

2.  Il-kompatibbiltà tas-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi mad-dritt primarju tal-Unjoni

76.

Issa ser ngħaddi għad-domanda dwar kif għandhom jiġu applikati dawn il-proposti ġenerali għall-każ preżenti. B’mod partikolari, is-sanzjonijiet kriminali u/jew amministrattivi potenzjali, fil-każ li persuna ma tistax tattesta l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan billi tippreżenta liċenzja tas-sewqan standardizzata, huma kompatibbli mal-moviment liberu u mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni?

77.

Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw sanzjonijiet li jistgħu jkunu kemm kriminali kif ukoll amministrattivi. Dan sakemm ikunu nondiskriminatorji, proporzjonati u effettivi.

78.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sanzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Hija tagħmel distinzjoni, madankollu, bejn żewġ kategoriji ta’ persuni: dawk li kisbu d-dritt li jsuqu fi Stat Membru ieħor u dawk li għadhom ma kisbux dan id-dritt, jew dawk li tali dritt ittiħdilhom. Skont il-Kummissjoni, hija biss it-tieni kategorija li tista’ tinvolvi sanzjonijiet kriminali.

79.

Jiena naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni. Fil-każ preżenti, id-dritt ta’ sewqan miksub fi Stat Membru ieħor jipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi talli persuna ma kinitx f’pożizzjoni li tattesta l-eżistenza ta’ dan id-dritt bl-għajnuna tal-liċenzja standardizzata meħtieġa.

80.

Hemm żewġ modi li bihom tista’ tiġi indirizzata din il-kwistjoni: jew bħala restrizzjoni fuq kwalunkwe libertà fundamentali li tiġi identifikata mill-qorti nazzjonali, jew permezz tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni (indiretta) minħabba n-nazzjonalità, li tirriżulta miċ-ċittadinanza tal-Unjoni u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(1) TFUE. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ linji argumentattivi jwasslu għall-istess mistoqsija: min se jkun ittrattat bl-inqas mod favorevoli (diskriminatorju) u fir-rigward ta’ min?

81.

Hemm żewġ saffi ta’ paragun potenzjali f’din il-kawża. L-ewwel nett, is-suġġett speċifiku tas-sanzjoni. Għal liema nuqqas speċifiku qiegħda tiġi imposta s-sanzjoni? It-tieni nett, dawn id-dokumenti, jiġifieri ċertifikati tas-sewqan temporanji nazzjonali, huma effettivament paragunabbli għal dan il-għan?

82.

Kif spjegat sew il-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju tagħha, dak li huwa ssanzjonat kriminalment skont id-dritt Ġermaniż huwa n-nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan - jiġifieri, li persuna ma tkunx intitolata twettaq din l-attività. Għall-kuntrarju, is-sanzjoni amministrattiva hija għal sitwazzjonijiet li fihom sewwieq ma jkunx jista’ jipprovdi d-dokument meħtieġ fil-forma adatta fuq talba tal-awtorità kompetenti (normalment il-pulizija). Fi kliem ieħor, is-sanzjoni amministrattiva hija imposta għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jintwera d-dokument meħtieġ waqt l-ispezzjoni, filwaqt li l-persuna tkun effettivament fil-pussess tad-dritt korrispondenti.

83.

Essenzjalment, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza timplika li persuni barranin ma jiġux ittrattati b’mod inqas favorevoli miċ-ċittadini nazzjonali. Dan ifisser, mill-inqas, li s-sistema nazzjonali tiġi estiża għal sitwazzjonijiet paragunabbli li jimplikaw Stati Membri oħra, filwaqt li l-atti u d-deċiżjonijiet ta’ Stati Membri oħra jiġu ttrattati lealment u in bona fide.

84.

F’dan il-każ, skont il-fatti kif ikkonfermati mill-qorti nazzjonali, il-persuna mixlija kienet fil-pussess tad-dritt tas-sewqan, mogħti lilha fi Franza. Hija ma setgħetx tipproduċi fiżikament il-liċenzja tas-sewqan standardizzata meħtieġa sabiex jattesta dan. Apparti l-kwistjoni tal-prova u evidenza, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, jekk jitqies li ġie manifestament stabbilit li, fil-mument li ġiet interċettata, il-persuna mixlija kellha d-dritt ta’ sewqan, hija ma tistax tkun suġġetta għal piena kriminali bħallikieku ma kellhiex dan id-dritt.

85.

Fi kliem ieħor, id-domanda ewlenija hija dik dwar kif għandu jiġi ttrattat sewwieq bi “dritt Ġermaniż li jsuq”, iżda li ma kellux l-liċenzja adatta, f’sitwazzjoni simili? Il-qorti tar-rinviju ssostni li fil-Ġermanja, il-liċenzja tas-sewqan tinħareġ minnufih wara li s-sewwieq jgħaddi mit-testijiet kollha meħtieġa. Madankollu, il-qorti nazzjonali tirreferi wkoll għall-Artikolu 22(4) tal-FeV. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, b’mod eċċezzjonali, li ċertifikat tat-test temporanju validu biss fit-territorju tal-Ġermanja jista’ jingħata bħala prova aċċettabbli tad-dritt ta’ sewqan.

86.

Dan ifisser mhux biss li persuna li tkun għaddiet mit-testijiet tas-sewqan fil-Ġermanja u għalhekk kisbet id-dritt ta’ sewqan, u sussegwentement, qabel ma tkun inħarġet il-liċenzja tas-sewqan standardizzata finali, meta tiġi interċettata mill-pulizija, ma tiġix ikkundannata kriminalment, iżda lanqas ma tiġi kkundannata amministrattivament. Dan għaliex taħt id-dritt Ġermaniż, ċertifikat tat-test temporanju maħruġ mill-awtoritajiet Ġermaniżi huwa evidenza legali suffiċjenti tal-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan.

87.

Dan iwassalni għat-tieni punt: l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u l-paragunabbiltà ta’ċertifikati temporanji.

88.

B’interpretazzjoni estrema, in-nondiskriminazzjoni u l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku previst mid-dritt primarju jistgħu fil-fatt jimplikaw li, peress li l-Ġermanja taċċetta ċertifikati tat-test temporanji Ġermaniżi, hija għandha taċċetta wkoll is-CEPC Franċiżi. Sa fejn il-Ġermanja taċċetta ċertifikati temporanji nazzjonali, hija għandha taċċetta wkoll dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

89.

Ma naħsibx li l-obbligi bbażati fuq id-dritt primarju jistgħu jiġu estiżi sa dak il-punt, għal tliet raġunijiet prinċipali.

90.

L-ewwel nett, id-Direttiva stabbilixxiet sistema armonizzata ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan. Minn perspettiva kostituzzjonali, fi ħdan din is-sistema, l-obbligi tad-dritt primarju jibqgħu rilevanti u applikabbli, kif propost fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, ma naħsibx li dawn jistgħu jiġu estiżi sal-punt li jintroduċu mill-ġdid b’mod effettiv obbligu komplet ta’ rikonoxximent ta’ kwalunkwe u ta’ kull dokument maħruġ mill-Istati Membri. B’mod parallel, lanqas ma nemmen li huwa meħtieġ li jiġu miċħuda ċerti għażliet leġiżlattivi mwettqa fil-livell tad-dritt sekondarju, fi kliem ieħor, riverżjoni għal Ewropa b’għexieren ta’ dokumenti tas-sewqan differenti, maħruġa minn kull wieħed mill-Istati Membri ( 29 ).

91.

It-tieni nett, ta’ min jinnota li fiż-żewġ sistemi, Franza kif ukoll il-Ġermanja, iċ-ċertifikati tas-sewqan temporanji jinħarġu mhux biss b’limitazzjonijiet temporali, iżda wkoll b’limitazzjonijiet territorjali ċari. Fil-fehma tiegħi, dawn jeskluduhom minn attestazzjonijiet paragunabbli tad-dritt ta’ sewqan jekk, għall-finijiet ta’ prova ta’ dan id-dritt, persuna li tkun ingħatat tali dokument tiddeċiedi li tinjora l-limiti imposti b’mod ċar fuq dawk iċ-ċertifikati u tipprova tużahom barra mill-“użu previst” tagħhom, kemm temporali kif ukoll ġeografiku.

92.

It-tielet nett, u forsi l-iktar importanti, huwa meħtieġ li wieħed jiftakar dak li qiegħed preċiżament jiġi ssanzjonat b’multa amministrattiva: nifhem li huwa n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dokumentazzjoni fil-forma korretta, fuq talba mill-awtorità kompetenti. F’dan ir-rigward, huwa inekwivoku li persuna li għandha biss ċertifikat temporanju maħruġ fi Stat Membru ieħor, li huwa espressament limitat temporalment u ġeografikament u għaldaqstant ma jkunx rikonoxxibbli għalkollox, ma tikkonformax ruħha ma’ dawn l-obbligi probatorji. Naturalment, il-persuna mixlija sempliċement ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi d-dokument adatt. Għaldaqstant, jista’ jkun suġġett għal piena amministrattiva.

93.

Fi kliem ieħor, l-Istati Membri huma ċertament liberi li jissanzjonaw nuqqas ta’ għoti ta’ dokumenti mitluba legalment matul spezzjoni. Dak li qiegħed jiġi ssanzjonat hemmhekk huwa madankollu n-nuqqas li persuna tkun fil-pussess tad-dokumentazzjoni adatta, jekk tkun obbligata tagħmel dan bil-liġi; mhux in-nuqqas tad-dritt li għalih tkun inħarġet il-liċenzja. Jekk tiġi imposta sanzjoni, dan isir minħabba li ma jkunux ġew osservati l-obbligi probatorji preskritti. Potenzjalment, dan isir ukoll għax-xogħol amministrattiv żejjed ta’ verifika, b’mezzi differenti, tal-eżistenza ta’ dritt jew intitolament li kellu jiġi stabbilit b’mod rapidu u uniformi mil-liċenzja standardizzata meħtieġa.

94.

Għal finijiet ta’ kompletezza, inżid li fil-fehma tiegħi, l-istess konklużjoni tirriżulta wkoll jekk il-motivazzjoni kellha tkun ibbażata biss fuq id-dispożizzjonijiet tal-moviment liberu tat-Trattat. Mill-ġdid, is-sentenza Skanavi ( 30 ) tipprovdi gwida utli. Il-kawża kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ sanzjonijiet kriminali imposti fuq ċittadina Griega. Hija bdiet tgħix il-Ġermanja għal finijiet imprenditorjali konformement mal-libertà ta’ stabbiliment. Bħala r-rikorrenti f’dik il-kawża, hija ġiet issanzjonata peress li naqset milli tibdel il-liċenzja tas-sewqan Griega tagħha ma’ waħda Ġermaniża.

95.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-libertà ta’ stabbiliment tipprekludi: “is-sewqan ta’ vettura bil-mutur minn persuna li setgħet kisbet liċenzja mill-Istat ospitanti bi skambju tal-liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor iżda li ma wettqitx dan l-iskambju fil-perijodu previst milli titqies li qiegħda ssuq mingħajr liċenzja u għalhekk milli tiġi kkundannata bi priġunerija jew b’multa” ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni billi qieset li l-obbligu ta’ skambju tal-liċenzji tas-sewqan kien “essenzjalment mod ta’ kif jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti amministrattivi” ( 32 ).

96.

Raġunament simili jkun rilevanti f’din il-kawża wkoll. Din tikkonċerna wkoll persuna li għadha ma rċevietx il-liċenzja tas-sewqan fil-format adatt iżda li kisbet id-dritt ta’ sewqan fil-pajjiż ta’ residenza tagħha. Obbligu nazzjonali li jeżiġi l-preżentazzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan standardizzata u finali, għall-kuntrarju ta’ ċertifikat temporanju, jista’ jitqies ukoll bħala rekwiżit amministrattiv. Il-kisba tal-liċenzja tas-sewqan f’format partikolari hija formalità intiża sabiex jiġi stabbilit b’mod awtorevoli d-dritt ta’ sewqan.

97.

L-analoġija Skanavi forsi tapplika saħansitra a fortiori għall-kawża preżenti. Dan minħabba li l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan ma jiddependix fuq il-persuna mixlija. Kif ġustament sostnut mill-qorti tar-rinviju, dan tal-aħħar ma kellu ebda kontroll fuq id-data tal-ħruġ tal-liċenzja tiegħu: dan ma kienx il-każ fi Skanavi.

98.

B’mod analogu, it-trattament ta’ persuna, li tkun kisbet id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor, iżda li ma tkunx għadha rċeviet il-liċenzja tas-sewqan tagħha, bħallikieku kienet persuna mingħajr liċenzja tas-sewqan, u li hija potenzjalment esposta għal sanzjoni kriminali (kemm jekk priġunerija kif ukoll jekk multa biss, iżda li tammonta għal kundanna inkluża fil-fedina penali tagħha) ikun sproporzjonat mal-gravità ta’ dan il-ksur fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw ( 33 ).

99.

Għal darba oħra, jista’ jsir xebh ikbar man-nuqqas ta’ konformità mal-formalitajiet ta’ stabbiliment tad-dritt ta’ residenza ta’ individwu, bħar-rekwiżit li ssir dikjarazzjoni formali ta’ residenza fi żmien tliet ijiem mid-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu sanzjoni li hija tant sproporzjonata mal-gravità tal-ksur li dan isir ostakolu għall-moviment liberu ( 34 ). Għalhekk, id-detenzjoni u d-deportazzjoni bbażati biss fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-persuna kkonċernata mal-formalitajiet legali li jikkonċernaw il-monitoraġġ tal-barranin jostakolaw in-natura stess tad-dritt ta’ residenza mogħti direttament mid-dritt tal-Unjoni u huma manifestament sproporzjonati mal-gravità tal-ksur ( 35 ). Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali huma intitolati jrendu n-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti suġġett għal sanzjonijiet paragunabbli ma’ dawk ta’ reati minuri mwettqa miċ-ċittadini tagħhom stess ( 36 ).

100.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jirrikorri għall-prosekuzzjoni bħala reat kriminali tas-sewqan ta’ vettura meta s-sewwieq ikun kiseb id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/126, iżda li, għal raġunijiet amministrattivi li ma jkollux kontroll fuqhom, ma jkunx jista’, meta ssir spezzjoni, jipprovdi dokument f’dan is-sens li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

V. Konklużjoni

101.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja):

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu dokumenti li jattestaw il-kisba tad-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru għajr dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jirrikorri għall-prosekuzzjoni bħala reat kriminali tas-sewqan ta’ vettura meta s-sewwieq ikun kiseb id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/126, iżda li, għal raġunijiet amministrattivi li ma jkollux kontroll fuqhom, ma jkunx jista’, meta ssir spezzjoni, jipprovdi dokument f’dan is-sens li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenziji tas-Sewqan (Tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006 L 403, p. 18).

( 3 ) BGBl. I S. 1980. Il-FeV ġiet emendata l-aħħar bl-Artikoli 1 u 2 tal-Elften Verordnung zur Änderung der Fahrerlaubnis-Verordnung und anderer straßenverkehrsrechtlicher Vorschriften6 vom 21.Dezember 2016 (il-ħdax-il regolament tal-21 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-regolament dwar id-dritt ta’ sewqan u dispożizzjonijiet oħra fil-qasam tat-traffiku stradali (BGBl. 2016 I p. 3083).

( 4 ) Fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-5 ta’ Marzu 2003 (BGB1. 2003 I, p. 310, rettifika p. 919), emendata l-aħħar bl-Artikolu 3 tal-Gesetz zur Stärkung der Bekämpfung der Schwarzarbeit und illegalen Beschäftigung vom 6. März 2017 (liġi tas-6 ta’ Marzu 2017 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg illegali) (BGBl. 2017 I p. 399).

( 5 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li l-awtoritajiet Franċiżi ħarġu l-liċenzja tas-sewqan finali lill-persuna mixlija fid-9 ta’ Lulju 2015.

( 6 ) Skont id-dritt Franċiż, is-CEPC hija mogħtija bħala awtorizzazzjoni temporanja għas-sewqan sakemm tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan finali (liċenzja fil-forma standardizzata skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126). Din għandha tiġi ppreżentata għal finijiet ta’ spezzjoni fit-territorju nazzjonali, flimkien ma’ karta tal-identità valida, minflok il-liċenzja tas-sewqan. Din hija valida sa erba’ xhur mill-jum tal-eżami (ara l-Artikolu 4 I 1° tal-Arrêté du 20 avril 2012 fixant les conditions d’établissement, de délivrance et de validité du permis de conduire (JORF tas-6 ta’ Mejju 2012, p. 8050) (digriet tal-20 ta’ April 2012 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-tfassil, tal-ħruġ u tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan)).

( 7 ) Naturalment, kategorija differenti li ma hijiex koperta fil-każ preżenti tinkludi dokumenti uffiċjali li jikkostitwixxu dritt. F’każijiet bħal dawn, id-dritt jeżisti biss meta u jekk jinħareġ id-dokument xieraq, tipikament fil-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva. Madankollu, dawn id-dokumenti kostituttivi huma differenti minn dawk li huma sempliċement dikjaratorji.

( 8 ) Id-Direttiva tipprovdi biss livell minimu ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tinħareġ liċenzja tas-sewqan - ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz (C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 53).

( 9 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70).

( 10 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 34).

( 11 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz (C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 42).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 54).

( 13 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C‑459/99, EU:C:2002:461, punt 74). Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 48). Għandu jiġi nnotat li dawn is-sentenzi jindirizzaw sitwazzjoni inversa għal dik tal-kawża prinċipali. Dawn jirrigwardaw il-konsegwenzi marbuta, skont id-dritt tal-Unjoni, mal-pussess ta’ permess meta l-kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt ta’ residenza ma jiġux issodisfatti.

( 14 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C‑459/99, EU:C:2002:461, punt 74).

( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Kapper (C‑476/01, EU:C:2004:261, punt 45); tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk (C‑329/06 u C‑343/06, EU:C:2008:366, punt 50); u tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz (C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 40).

( 16 ) Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, l-Anness I tad-Direttiva 91/439, dwar mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan.

( 18 ) Il-kelma “finalment” għandha tiġi enfasizzata hawnhekk. Id-Direttiva tipprovdi b’mod ċar l-eliminazzjoni gradwali tad-dokumenti nazzjonali preċedenti, b’perijodu tranżitorju twil li fih dawn id-dokumenti nazzjonali għandhom jiġu rrikonoxxuti bis-sħiħ taħt id-Direttiva (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 5 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva).

( 19 ) Sentenza tat-28 ta’ Novembru 1978, Choquet (16/78, EU:C:1978:210, punt 7).

( 20 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi and Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 36), u tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi (C‑230/97, EU:C:1998:521, punt 25).

( 21 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi and Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 34).

( 22 ) Ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 1978, Choquet (16/78, EU:C:1978:210, punt 4 in fine). Ara wkoll is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, paragrafi 36 u 39), u tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi (C‑230/97, EU:C:1998:521, punt 26).

( 23 ) Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi and Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 16), u tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 15).

( 24 ) Nirrikonoxxi bi gratitudni l-ispirazzjoni minn “civis europeus sum” tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu f’Konstantinidis (C‑168/91, EU:C:1992:504, punt 46).

( 25 ) Ara pereżempju s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 24); tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 31); u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, paragrafi 53 u 54).

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47, punt 10), u tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 29).

( 27 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C‑212/05, EU:C:2007:437, punt 29); tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40); tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C‑382/08, EU:C:2011:27, paragrafi 32 u 34); u tat-18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management (C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 64).

( 28 ) Ara s-sentenzi tat-30 Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, EU:C:2000:655, punt 40), u tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 41).

( 29 ) Ara, pereżempju, dwar il-konnessjoni bejn is-sistemi tad-dritt sekondarju armonizzat u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, is-sentenzi tal-5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punt 36), u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle (C‑323/93, EU:C:1994:368, punt 31). Għal approċċ kemxejn differenti, ara wkoll is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2002, Dreessen (C‑31/00, EU:C:2002:35, punt 27), u tat‑13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser (C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 43).

( 30 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70).

( 31 ) Sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 39).

( 32 ) Sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 35).

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 37).

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1980, Pieck (157/79, EU:C:1980:179, punt 19), u tat-12 ta’ Diċembru 1989, Messner (C‑265/88, EU:C:1989:632, punt 14).

( 35 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C‑459/99, EU:C:2002:461, punt 78), u tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punt 40).

( 36 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1980, Pieck (157/79, EU:C:1980:179, punt 19), u tat‑12 ta’ Diċembru 1989, Messner (C‑265/88, EU:C:1989:632, punt 14).