SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Appell — Direttiva 2010/30/UE — Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija — Regolament ta’ Delega (UE) Nru 665/2013 — Tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners — Effiċjenza enerġetika — Metodu ta’ kejl — Limiti tal-kompetenza ddelegata — Żnaturament tal-provi — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża C-44/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-25 ta’ Jannar 2016,

Dyson Ltd, stabbilita f’Malmesbury (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn E. Batchelor u M. Healy, solicitors, kif ukoll minn F. Carlin, barrister, u A. Patsa, advocate,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann kif ukoll minn E. White, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Dyson Ltd titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”, EU:T:2015:836), li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013, tat-3 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2013 L 192, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2010/30/UE

2

Il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30/UE ta-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 2010, dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010 L 153, p. 1), jiddikjaraw:

“(5)

Il-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija tal-prodotti marbutin mal-enerġija għandu jinfluwenza l-għażla tal-utenti finali favur dawk il-prodotti li jikkonsmaw jew indirettament iwasslu għal konsum inqas tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali matul l-użu, u b’hekk iwassal lill-produtturi biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali mill-prodotti li jimmanifatturaw. Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll indirettament l-użu effiċjenti ta’ dawn il-prodotti sabiex jikkontribwixxi għall-mira tal-UE ta’ 20 % effiċjenza tal-enerġija. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-ħidma tal-forzi tas-suq waħidha tonqos milli tippromwovi l-użu razzjonali tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra għal dawn il-prodotti.

[…]

(8)

L-informazzjoni tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq u huwa għalhekk neċessarju li tiġi introdotta tikketta uniformi għall-prodotti kollha tal-istess tip, sabiex ix-xerrejja potenzjali jiġu pprovduti b’informazzjoni supplimentari standard dwar l-ispejjeż ta’ dawk il-prodotti f’termini ta’ enerġija u l-konsum ta’ riżorsi essenzjali oħra u sabiex jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li utenti aħħarin potenzjali li ma jarawx il-prodott għall-wiri, u għalhekk li ma jkollhomx l-opportunità jaraw it-tikketta, ikunu wkoll fornuti b’din l-informazzjoni. Sabiex tkun effiċjenti u ta’ suċċess, it-tikketta għandha tkun tingħaraf faċilment mill-utent aħħari, sempliċi u fil-qosor. Għal dan il-għan il-format eżistenti tat-tikketta għandu jinżamm bħala l-bażi biex l-utenti aħħarin jiġu informati dwar l-effiċjenza tal-prodotti. Il-konsum tal-enerġija mill-prodotti u informazzjoni oħra dwarhom għandhom jitkejlu skont standards u metodi armonizzati.”

3

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali l-oħra waqt l-użu.”

4

Skont l-Artikolu 5(a) u (b) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-fornituri li jqiegħdu fis-suq jew għat-tħaddim prodotti koperti minn att delegat jipprovdu tikketta u skeda skont din id-Direttiva u l-att delegat” u li dawn il-fornituri “jipproduċu dokumentazzjoni teknika li tkun biżżejjed sabiex tippermetti li tiġi vvalutata l-preċiżjoni tal-informazzjoni li jkun hemm fit-tikketta u l-iskeda.”

5

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “Atti delegati” jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu.

Fejn prodott jissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, hu għandu jiġi kopert minn att delegat skont il-paragrafu 4.

Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta.

[…]

4.   L-atti delegati għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

[…]

i)

il-livell ta’ preċiżjoni fl-istqarrijiet fuq it-tikketta u l-iskedi;

j)

id-data għall-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-att delegat, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku.”

6

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-eżerċizzju tad-delega”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-setgħat sabiex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin li jibda fid-19 ta’ Ġunju 2010. […]”

Ir-regolament kontenzjuż

7

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-regolament kontenzjuż “jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar u l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għal vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi”.

8

L-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Responsabbiltajiet tal-fornituri u skeda taż-żmien”, jipprovdi:

“1.   Il-fornituri għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Settembru 2014:

a)

kull vacuum cleaner ikun fornut b’tikketta stampata fil-format u bil-kontenut kif stipulat fl-Anness II;

b)

tkun disponibbli skeda tal-prodott, kif stabbilit fl-Anness III;

c)

id-dokumentazzjoni teknika, kif stipulata fl-Anness IV, tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq talba tagħhom;

d)

jekk tkun qed tingħata informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz, kull reklamar għal mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner għandu jindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

e)

kwalunkwe materjal tekniku ta’ promozzjoni dwar mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner li tiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi tindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dak il-mudell.

2.   Il-format tat-tikketta stipulata fl-Anness II se japplika skont l-iskeda li ġejja:

a)

għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Settembru 2014 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 1 tal-Anness II;

b)

għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Settembru 2017 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 2 tal-Anness II.”

9

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Metodi ta’ kejl”, jippreċiża li “[l]-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb permezz ta’ metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VI”.

10

L-Artikolu 7 tar-regolament kontenzjuż, intitolat “Reviżjoni”, jiddikjara:

“Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fl-Anness VII, jekk il-vacuum cleaners ta’ daqs sħiħ li jaħdmu bil-batteriji għandhomx ikunu inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni u jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta’ kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.”

11

L-Anness I ta’ dan ir-regolament jindika li vacuum cleaner għandu jiġi kklassifikat skont l-effiċjenza enerġetika tiegħu, iddeterminata skont il-konsum annwali tiegħu ta’ elettriku, il-prestazzjoni ta’ tindif tiegħu, iddeterminata skont ir-rata ta’ trab miġbur, u ta’ emissjoni mill-ġdid tat-trab.

12

Il-punt 1 tal-Anness VI tar-regolament kontenzjuż jippreċiża:

“Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom jitwettqu permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl u kalkolu l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi armonizzati stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbilit b’dan l-Anness.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2013, Dyson ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

14

Insostenn tar-rikors tagħha, Dyson qajmet tliet motivi bbażati, fir-rigward tal-ewwel motiv, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fir-rigward tat-tieni motiv, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament kontenzjuż u, fir-rigward tat-tielet motiv, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

15

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Dyson titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla r-regolament kontenzjuż, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

17

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil Dyson għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

18

Insostenn tal-appell tagħha, Dyson tqajjem sitt aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkwalifikat mill-ġdid b’mod inkorrett l-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-portata tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Ir-raba’ aggravju tagħha huwa bbażat fuq l-iżnaturament u fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti provi. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt u l-aħħar aggravju tagħha, Dyson tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

Fuq ir-raba’ aggravju u r-raba’ parti tal-ħames aggravju

Argumenti tal-partijiet

19

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, żnaturat u, min-naħa l-oħra, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi intiżi li juru n-natura riproduċibbli ta’ metodu ta’ kejl tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners b’kontenituri mimlija.

20

Sabiex jiġi pprovat li l-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners tista’ tiġi mkejla permezz ta’ metodu ieħor minbarra dak meħud inkunsiderazzjoni mir-regolament kontenzjuż, li jibbaża ruħu fuq testijiet imwettqa b’kontenituri vojta, Dyson tindika li hija kienet sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, numru ta’ punti intiżi li jipprovaw, fost oħrajn, ir-riproduċibbiltà ta’ metodu ta’ kejl tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners permezz ta’ testijiet b’kontenituri mimlija, jiġifieri l-metodu meħud inkunsiderazzjoni mit-taqsima 5.9 tar-Regola Armonizzata EN 60312-1:(2013) adottata mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) (iktar ’il quddiem il-“metodu Cenelec”).

21

Fl-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, Dyson tqis li l-Qorti Ġenerali, billi qieset, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li hija kienet identifikat test wieħed biss f’laboratorju li jippermetti li jikkonferma r-riproduċibbiltà tal-imsemmi metodu, żnaturat il-prova li hija kienet ipproduċiet u li kienet tistabbilixxi li l-metodu ta’ kejl bil-kontenitur mimli kien ġie ttestjat f’numru ta’ laboratorji u kien riproduċibbli.

22

Fit-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, Dyson issostni li l-Qorti Ġenerali la ttrattat u lanqas ħadet inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minnha u li juru r-riproduċibbiltà tal-metodu Cenelec. Fir-raba’ parti tal-ħames aggravju tagħha, Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx ir-raġuni għalfejn il-provi li hija kienet ipproduċiet sabiex turi r-riproduċibbiltà tal-metodu Cenelec ma kinux ġew aċċettati.

23

Il-Kummissjoni tqis, qabel kollox, li Dyson mingħajr dubju għamlet riferiment quddiem il-Qorti Ġenerali għal testijiet imwettqa f’numru ta’ laboratorji iżda li hija ma sostnietx li kienu jagħmlu parti minn programm ta’ testijiet komparattivi bbażati fuq l-istess mudell ta’ vacuum cleaner (testijiet interlaboratorji/ċirkolari). Il-Kummissjoni tenfasizza li seta kien li l-Qorti Ġenerali ma użatx it-terminoloġija teknika preċiża iżda li, b’danakollu, ma żnaturatx il-provi li kellha quddiemha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali setgħet ikkonkludiet li kien hemm dubji fir-rigward tar-riproduċibbiltà tal-metodu ta’ kalkolu b’kontenitur mimli fid-dawl tal-fatt li ma kien twettaq ebda test ċirkolari biex tiġi vvalidata r-riproduċibbiltà tal-imsemmi metodu.

24

Il-Kummissjoni tosserva, sussegwentement, li l-allegazzjoni ta’ “nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni” tal-provi li jirrigwardaw biss l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali u għaldaqstant ma tikkostitwixxix, taħt riżerva ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell. Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex obbligu li teżamina kull prova sottomessa lilha. Issa, mill-punti 49 sa 53 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali bbilanċjat il-provi prodotti mill-partijiet.

25

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li hija ma għandhiex obbligu tuża r-regoli elaborati mis-Cenelec.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja li Dyson kienet sostniet numru ta’ argumenti intiżi li juru l-affidabbiltà tal-preċiżjoni tat-test ta’ prestazzjoni enerġetika mwettaq b’kontenitur mimli, xorta jibqa’ l-fatt li kien hemm dubji fir-rigward tar-riproduċibbiltà tal-imsemmi test.

27

Fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, fil-fatt, id-determinazzjoni tar-riproduċibbiltà tat-testijiet fil-prattika teħtieġ li jitwettqu testijiet imsejħa “ċirkolari’ bejn laboratorji, fejn dawn it-testijiet ikunu intiżi li jiżguraw ir-regolarità tar-riżultati miksuba permezz tat-twettiq ta’ testijiet ripetuti f’diversi laboratorji permezz ta’ kampjun uniku.

28

Fil-punt 51 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali finalment ikkonstatat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet identifikat test wieħed biss fil-laboratorju li, fil-fehma tagħha, kien jippermetti li tikkonferma r-riproduċibbiltà tiegħu, b’tali mod li r-riproduċibbiltà tat-test imwettaq b’kontenitur mimli ma kienx ġie suffiċjentement stabbilit biex jiġi kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

29

Fl-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, Dyson tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-pożizzjoni li hija kienet iddefendiet quddiemha, li skontha l-metodu Cenelec kien ġie ssuġġettat għal numru ta’ testijiet fil-laboratorju li jikkonfermaw ir-riproduċibbiltà tiegħu, kif ukoll ix-xhieda tal-Kap tas-Servizzi ta’ Informazzjoni dwar il-Kompetituri (Head of Competitor Intelligence), ipprovda insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

30

Għandu jitfakkar li, f’każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti biex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola ġenerali, biex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset in sostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu legalment, u ladarba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi mressqa quddiemha. Għalhekk din l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali għaldaqstant testendi, b’mod partikolari, għall-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-atti tal-proċess, għall-iżnaturament tal-provi, għall-klassifikazzjoni legali tagħhom, u għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi ġewx osservati (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 39, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 39).

32

F’dan il-każ, mill-punt 38 tar-replika ta’ Dyson quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li hija sostniet li l-metodu Cenelec kien ġie ttestjat b’mod rigoruż, kemm mill-perspettiva tar-riproduċibbiltà tiegħu kif ukoll minn dik tar-repetibbiltà tiegħu. Fix-xhieda tiegħu, annessa mal-imsemmija replika u msemmija fil-punt 39 ta’ din tal-aħħar, il-Kap tas-Servizzi ta’ Informazzjoni dwar il-Kompetituri ta’ Dyson enfasizza wkoll li dan il-metodu kien suġġett għal numru ta’ testijiet li jinvolvu numru ta’ laboratorji u li jippermettu li tiġi kkonfermata r-riproduċibbiltà tiegħu.

33

Għalhekk il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-pożizzjoni difiża minn Dyson billi qieset, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li hija kienet identifikat biss test wieħed fil-laboratorju li jippermetti li tiġi kkonfermata r-riproduċibbiltà tal-metodu ta’ kalkolu b’kontenitur mimli. Fil-fatt, kif tosserva ġustament Dyson fl-appell tagħha, tali konstatazzjoni hija manifestament f’kontradizzjoni mas-sustanza tan-noti proċedurali li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll max-xhieda tal-Kap tas-Servizzi ta’ Informazzjoni dwar il-Kompetituri tagħha.

34

Madankollu jeħtieġ li jiġi osservat li, skont il-punt 50 tas-sentenza appellata, in-natura riproduċibbli ta’ metodu ta’ kejl teħtieġ mhux biss li jitwettqu numru ta’ testijiet fil-laboratorju, iżda wkoll li dawn it-testijiet ikunu “ċirkolari”, jiġifieri mwettqa permezz ta’ kampjun wieħed.

35

Għalhekk is-sempliċi ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-allegazzjonijiet ta’ Dyson fir-rigward tal-eżistenza ta’ numru ta’ testijiet fil-laboratorju ma tistax, waħedha, titqies li hija suffiċjenti sabiex tinvalida l-konklużjoni li l-metodu Cenelec ma kienx riproduċibbli.

36

Madankollu, fit-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, Dyson tilmenta għal darb’oħra li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti provi li jinsabu fin-noti proċedurali tagħha u li kienu wrew in-natura riproduċibbli tal-metodu Cenelec. Fir-raba’ parti tal-ħames aggravju tagħha, Dyson tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx ir-raġuni għalfejn dawn il-provi ġew esklużi. Jeħtieġ li dawn iż-żewġ aggravji jiġu eżaminati flimkien.

37

Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi l-għadd ta’ argumenti invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza, essenzjalment, jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29, u d-digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑593/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:804, punt 27).

38

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma timponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u individwali, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima, u li l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C-593/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:804, punt 28, u s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 71).

39

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-assenza ta’ riproduċibbiltà tal-metodu Cenelec ikkostitwixxa element determinanti fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li fi tmiemha hija ddeċidiet li l-approċċ tal-Kummissjoni, li kien jikkonsisti f’li tingħata preferenza lil metodu ta’ kejl tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners ibbażat fuq testijiet imwettqa b’kontenituri vojta, ma kienx manifestament mhux raġonevoli.

40

It-tieni nett, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kienu jissussistu dubji fir-rigward tar-riproduċibbiltà tal-metodu Cenelec u li, fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, hija enfasizzat li r-riproduċibbiltà ta’ metodu ta’ kejl kienet tirrikjedi, fil-fatt, it-twettiq ta’ testijiet ċirkolari bejn laboratorji, fejn dawn it-testijiet kienu intiżi li jiżguraw ir-regolarità tar-riżultati miksuba bit-twettiq ta’ testijiet ripetuti f’laboratorji differenti u permezz tal-istess kampjun.

41

Issa, fin-noti proċedurali tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Dyson ipprovat turi li, minkejja li ma huwiex ibbażat fuq testijiet imsejħa “ċirkolari”, il-metodu Cenelec kien riproduċibbli. F’dan ir-rigward, fil-punti 7, 8 u 39 tar-replika tagħha, Dyson sostniet li s-Cenelec għandu bħala mandat li jħares li r-regoli kollha ppubblikati jkunu koerenti, ċari u preċiżi u li jieħdu inkunsiderazzjoni l-qagħda tat-teknika. Hija ppreżentat ukoll l-opinjoni mmotivata ta’ laboratorju Ewropew akkreditat ta’ testijiet ta’ vacuum cleaners li skontha dan il-metodu jwassal għal riżultati riproduċibbli kif ukoll xhieda konverġenti tal-Kap tas-Servizzi ta’ Informazzjoni dwar il-Kompetituri, li kien involut fil-proċess ta’ elaborazzjoni tal-imsemmi metodu.

42

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tqis bħala paċifiku, kif għamlet fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li “xi dubji fir-rigward tar-riproduċibbiltà tal-imsemmi test jibqgħu jissussistu” fir-rigward tal-metodu Cenelec, mingħajr ma tispjega r-raġuni għalfejn il-kontestazzjoni ta’ affermazzjoni bħal din minn Dyson, permezz tal-elementi mfakkra fil-punt preċedenti, kellha tiġi miċħuda. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tafferma li r-riproduċibbiltà ta’ metodu ta’ kejl kien jeħtieġ it-twettiq ta’ testijiet imsejħa “ċirkolari”, mingħajr ma tispjega f’xiex l-argumenti f’sens kuntrarju żviluppati minn Dyson fin-noti proċedurali tagħha ma kinux tali li jinvalidaw affermazzjoni bħal din. Filwaqt li huwa minnu li l-Kummissjoni kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali n-natura riproduċibbli tal-metodu Cenelec, għandu jiġi kkonstatat li Dyson argumentat fis-sens kuntrarju fin-noti proċedurali tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn kienet din tal-aħħar li kellha l-obbligu tagħti deċiżjoni f’dan ir-rigward. Billi naqset milli twieġeb l-argumenti hekk invokati minn Dyson, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kellha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

43

Għalhekk, ir-raba’ aggravju ta’ Dyson u r-raba’ parti tal-ħames aggravju tagħha għandhom jiġu ddikjarati fondati.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

44

Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 36, 37 u 43 tas-sentenza appellata, qieset li l-ewwel motiv imqajjem quddiemha kien jirrigwarda żball manifest ta’ evalwazzjoni, filwaqt li fil-fatt kien jirrigwarda ksur mill-Kummissjoni tal-limiti tal-kompetenza tagħha. Din il-kumpannija tispeċifika li, permezz ta’ dan il-motiv, hija kienet sostniet li l-Kummissjoni kienet eċċediet il-limiti tas-setgħa ddelegata lilha mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30. Skont Dyson, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx biddlet l-elementi essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni billi għażlet metodu ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners permezz ta’ kontenituri vojta.

45

Il-Kummissjoni tosserva li Dyson tikkritika biss it-tweġiba mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha għal annullament u mhux ir-raġunament li ta lok għaċ-ċaħda tat-tieni parti ta’ dan il-motiv.

46

Skont il-Kummissjoni l-ewwel aggravju għandu barra minn hekk jitqies bħala infondat. Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, Dyson ma qegħditx inkwistjoni l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, iżda l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-metodu ta’ kejl. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-ewwel motiv ta’ Dyson quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirrikjedi l-evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura teknika kumplessi ħafna biex jiġi ddeterminat il-metodu ta’ kejl, liema fatt kien jiġġustifika li l-istħarriġ ġudizzjarju jillimita ruħu għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkwalifikat mill-ġdid b’mod inkorrett l-ewwel motiv tar-rikors tagħha għal annullament li permezz tiegħu hija kkritikat, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ma osservatx l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30, li jimponi li l-metodu ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners jagħti kont tal-prestazzjoni tagħhom matul l-użu tagħhom, sabiex jipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni eżatta, jħajjar lill-produtturi jtejbu l-effikaċja enerġetika tal-prodotti tagħhom u jilħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-konsum ta’ enerġija, filwaqt li tali rekwiżit jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, element essenzjali ta’ din id-direttiva.

48

Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-ewwel aggravju, fil-verità, huwa intiż biss sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni li wasslet lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza, u mhux ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassal għaċ-ċaħda tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li permezz tagħha Dyson ilmentat li r-regolament kontenzjuż ma kienx impona l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-boroż u l-filtri, inkwantu riżorsi essenzjali kkonsmati matul l-użu tal-vacuum cleaners.

49

Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kien jirriżulta b’mod ċar min-noti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza quddiemha li din tal-aħħar, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ma kinitx invokat bħala tali l-inkompetenza tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, iżda kienet ikkontestat pjuttost essenzjalment l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. Fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għaldaqstant kien meħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ewwel motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

50

Issa, mir-rikors ta’ Dyson quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta mingħajr dubju li l-ewwel motiv tagħha għal annullament kien ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti biex tadotta r-regolament kontenzjuż. B’mod iktar partikolari, Dyson essenzjalment ikkritikatha bi ksur, billi adottat dan ir-regolament, ta’ element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni billi qieset bħala metodu ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners metodu bbażat fuq testijiet b’kontenituri vojta, filwaqt li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30 kien irrikjeda li l-imsemmi metodu jirrifletti kundizzjonijiet normali ta’ użu.

51

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma weġbitx il-motiv ibbażat fuq il-ksur mir-regolament kontenzjuż ta’ element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni, iżda motiv ieħor, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li Dyson ma kinitx qajmet.

52

Ma jistax jiġi sostnut li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat impliċitament il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, hekk kif kienet ġiet ifformulata minn Dyson. Fil-fatt, il-wisa’ tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-att ta’ awtorizzazzjoni hija kwistjoni ta’ liġi distinta minn dik relatata mal-osservanza tal-limiti tal-mandat mogħti permezz tal-att ta’ awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, il-verifika tal-osservanza ta’ dawn iż-żewġ rekwiżiti tissodisfa standards differenti.

53

B’hekk, filwaqt li, kif tosserva ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom, setgħa diskrezzjonali kbira meta jintalbu, b’mod partikolari, jwettqu riflessjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi ddeterminat jekk dawn l-awtoritajiet jaġixxux effettivament fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom u, b’mod iktar partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, tkun sitwazzjoni ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, sabiex jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet tal-Unjoni jmorrux lil hinn mill-mandat li ngħata lilhom mill-att ta’ awtorizzazzjoni, fejn, b’mod partikolari, tali setgħa ddelegata għandha tosserva, fi kwalunkwe ipoteżi, l-elementi essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni u għandha tidħol fil-qafas regolatorju hekk kif iddefinit mill-att leġiżlattiv bażiku (ara, f’dan is-sens, i-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Mill-punti preċedenti jirriżulta li billi naqset milli tiddeċiedi dwar wieħed mill-motivi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

55

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jindikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Pensa Pharma vs EUIPO, C‑442/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:720, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, billi qieset metodu ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika bbażat fuq testijiet imwettqa b’kontenitur vojt, il-Kummissjoni osservatx il-limiti tal-kompetenza ddelegata tagħha, f’liema każ, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors għall-annullament ta’ Dyson għandu jiġi ddikjarat infondat. Fir-rigward ta’ raġuni legali, huwa possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrimedja l-ommissjoni tal-Qorti Ġenerali.

57

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-legalità tar-regolament kontenzjuż għandu għalhekk jiġi evalwat skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fit-3 ta’ Mejju 2013.

58

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-possibbiltà li jiġu ddelegati s-setgħat prevista fl-Artikolu 290 TFUE hija intiża sabiex tippermetti lil-leġiżlatur jikkonċentra fuq l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll fuq l-elementi mhux essenzjali li dwarhom iqis li huwa opportun li jilleġiżla filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li “jikkompleta” ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv adottat jew ulterjorment li “jbiddel” tali elementi fil-qafas ta’ delega mogħtija lilha (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 54).

59

Għalhekk ir-regoli essenzjali fil-qasam ikkonċernat għandhom jiġu deċiżi fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu suġġetti għal delega (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 64, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 46).

60

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi għandha tirrifletti l-konsum enerġetiku matul l-użu tal-apparat, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan tal-aħħar.

61

F’dan ir-rigward, l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 65).

62

L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u timponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2010/30, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżit imfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxi element essenzjali ta’ din id-direttiva.

64

Fil-fatt, mill-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30 jirriżulta li “l-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija” tal-prodotti “tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq” u, għaldaqstant, fil-kapaċità li l-konsum jiġi dirett lejn apparat b’konsum “inqas tal-enerġija […] matul l-użu”. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li hija intiża li tarmonizza miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-informazzjoni tal-utenti finali fuq il-konsum ta’ enerġija “waqt l-użu”, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu prodotti “aktar effiċjenti”. L-informazzjoni għall-konsumatur li tirrigwarda l-effiċjenza enerġetika tal-apparati waqt l-użu tagħhom għalhekk tikkostitwixxi l-għan essenzjali tal-imsemmija direttiva u tirrifletti għażla politika li taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet speċifiċi tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

65

Għaldaqstant il-kwistjoni dwar jekk, bħal ma jidher li tindika l-formulazzjoni tiegħu, ir-regolament kontenzjuż għandux l-għan li jikkompleta, u mhux li jemenda, id-Direttiva 2010/30, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ setgħat iddelegati ma tawtorizza, fi kwalunkwe każ, lill-Kummissjoni tmur kontra element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni.

66

Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni tal-kliem “matul l-użu”, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, fis-sens li tirrigwarda ċirkustanzi reali ta’ użu, ma tikkostitwixxix interpretazzjoni “eċċessivament estensiva” tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, iżda s-sens innifsu ta’ din il-preċiżazzjoni.

67

Din il-konstatazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mis-sempliċi ċirkustanza li din il-preċiżazzjoni tista’ wkoll, konsegwentement, tkun intiża li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-enerġija kkonsmata mill-manifattura, id-distribuzzjoni u r-rimi tal-apparat inkwistjoni.

68

Fid-dawl tal-punti preċedenti, il-Kummissjoni għaldaqstant kellha l-obbligu, sabiex ma tmurx kontra element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar-regolament kontenzjuż, metodu ta’ kalkolu li jippermetti li titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’ċirkustanzi kemm jista’ jkun simili għall-kundizzjonijiet reali ta’ użu, li jirrikjedi li l-kontenitur tal-vacuum cleaner ikun mimli sa ċertu livell, madankollu fid-dawl tal-eżiġenzi marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi hekk kif jissemmew b’mod partikolari fil-premessa 5 u fl-Artikolu 5(b) ta’ din id-direttiva.

69

Issa, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat li t-testijiet b’kontenitur vojt jistgħu ma jirriflettux il-kundizzjonijiet normali ta’ użu tal-vacuum cleaners, sa fejn testijiet bħal dawn ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-akkumulazzjoni ta’ trab fil-kontenituri ta’ ċerti tipi ta’ vacuum cleaners, liema fatt ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata.

70

Huwa minnu li fil-punti 47 sa 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-konstatazzjoni bil-fatt li ebda metodu ta’ kejl ibbażat fuq testijiet permezz ta’ kontenituri mimlija ma huwa riproduċibbli. Il-Kummissjoni ssostni l-istess argument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, mill-punti 34 sa 43 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex waslet għal konklużjoni bħal din, il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti u marret kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, fejn għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tibbaża lilha nnifisha, sabiex twettaq sostituzzjoni ta’ motivi, fuq din l-evalwazzjoni fattwali, li ma ġietx stabbilita b’mod validu mill-Qorti Ġenerali.

71

Għaldaqstant l-ewwel aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

72

Dyson tqis li l-Qorti Ġenerali marret kontra r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, inerenti għall-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, billi qieset li r-regolament kontenzjuż seta’ jittratta vacuum cleaners li jużaw teknoloġiji differenti bl-istess mod minħabba li t-testijiet ipprattikati minn Dyson ma kinux jissodisfaw simultanjament il-kriterji ta’ affidabbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ riproduċibbiltà.

73

Skont il-Kummissjoni Dyson ma tispjegax kif l-elaborazzjoni ta’ test b’kontenitur mimli kellha tkun iktar proporzjonata. Il-Kummissjoni ssostni li ma għandhiex obbligu li tipprova li ma seta’ jiġi żviluppat ebda metodu aħjar ta’ testijiet, iżda li għall-kuntrarju hija Dyson li għandha tipprova li kien jeżisti metodu ta’ ttestjar iktar xieraq, liema ħaġa ma għamlitx skont il-Qorti Ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, Dyson tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali marret kontra, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi qieset li r-regolament kontenzjuż seta’ jittratta vacuum cleaners li jużaw teknoloġiji differenti bl-istess mod, minħabba li l-metodi ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners, ibbażati fuq testijiet imwettqa permezz ta’ kontenituri mimlija, ma kinux riproduċibbli.

75

F’dan ir-rigward, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li hija kienet ikkonstatat preċedentement li “it-testijiet magħmula b’kontenitur parzjalment mimli, fihom infushom ma [kinux ġew] suġġetti għal testijiet ‘ċirkolari’ bejn laboratorji, b’mod li r-riproduċibbiltà tagħhom setgħet tiġi kkontestata”.

76

Fil-punt 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li “l-fatt li t-testijiet irrakkomandati mir-rikorrenti ma jissodisfawx, b’mod simultanju, il-kriterji ta’ affidabbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ riproduċibbiltà jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament uniformi ta’ vacuum cleaners li jużaw teknoloġiji differenti, jiġifieri tal-vacuum cleaners ‘bil-borża’ u tal-vacuum cleaners ‘mingħajr borża’”. Ebda ġustifikazzjoni oħra ma ngħatat mill-Qorti Ġenerali sabiex tivvalida l-identiċità ta’ trattament ikkontestat minn Dyson.

77

Għalhekk is-sempliċi ġustifikazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali għat-trattament identiku riżervat, mir-regolament kontenzjuż, għall-vacuum cleaners “bil-borża” u “mingħajr borża” tistrieħ fuq konstatazzjoni fattwali li ma ġietx validament stabbilita mill-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet esposti fil-punti 34 sa 43 ta’ din is-sentenza.

78

Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat.

Fuq it-tieni u t-tielet aggravji kif ukoll fuq l-ewwel tliet partijiet tal-ħames aggravju

79

Permezz tat-tieni u t-tielet aggravji tagħha, Dyson tilmenta rispettivament li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata, il-portata tas-setgħa ddelegata tal-Kummissjoni, u li marret kontra d-drittijiet tad-difiża tagħha, fid-dawl ta’ dak li huwa sostnut fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata. Permezz tal-ewwel tliet partijiet tal-ħames aggravju tagħha, Dyson tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 36, 37, 52 u 67 tas-sentenza appellata.

80

Madankollu peress li l-eżami tat-tieni u tat-tielet aggravji kif ukoll tal-ewwel tliet partijiet tal-ħames aggravju ma jistgħux iwasslu għal annullament usa’ tas-sentenza appellata minn dak li jirriżulta wara li ntlaqgħu l-ewwel, ir-raba’ u s-sitt aggravji, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati.

81

Fid-dawl tan-natura fondata tal-ewwel, ir-raba’ u s-sitt aggravji, kif ukoll tar-raba’ parti tal-ħames aggravju, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

82

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

83

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija ma tinsabx f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll tat-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza. Fil-fatt, l-eżami ta’ din il-parti u ta’ dan il-motiv jimplika evalwazzjonijiet fattwali li jirrigwardaw, b’mod prinċipali, il-kwistjoni tan-natura riproduċibbli jew le tal-metodu Cenelec, li ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni korretta mill-Qorti Ġenerali u li ma ġewx iddibattuti b’mod sħiħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

84

Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv u dwar it-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza, u l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13, EU:T:2015:836) hija annullata sa fejn ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.