SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ April 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 2 u 273 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti, relatati mal-ommissjoni tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 50 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Identità tal-persuna mħarrka jew issanzjonata — Assenza”

Fil-Kawżi magħquda C‑217/15 u C‑350/15,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Santa Maria Capua Vetere (qorti ta’ Santa Maria Capua Vetere, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ April u 23 ta’ Ġunju 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Lulju 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

Massimo Orsi (C‑217/15),

Luciano Baldetti (C‑350/15),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Orsi, minn V. Di Vaio, avukat,

għal L. Baldetti, minn V. Di Vaio u V. D’Amore, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u F.-X Lewis kif ukoll minn E. De Moustier u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Tomat u M. Owsiany-Hornung kif ukoll minn H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-“KEDB”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri kriminali kontra, rispettivament, Massimo Orsi u Luciano Baldetti, għal reati li huma wettqu fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”:

“1.   Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.”

2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.   Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

Id-dritt tal-Unjoni

4

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1) jiddetermina t-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT.

5

Skont l-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

[…]”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 13(1) tad-decreto legislativo n. 471, Riforma delle sanzioni tributarie non penali in materia di imposte dirette, di imposta sul valore aggiunto e di riscossione dei tributi, a norma dell’articolo 3, comma 133, lettera q), della legge 23 dicembre 1996, n. 662 (Digriet Leġiżlattiv Nru 147, dwar ir-riforma tas-sanzjonijiet fiskali mhux kriminali fil-qasam tat-taxxi diretti, ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u ta’ ġbir ta’ taxxa skont l-Artikolu 3(133)(q) tal-Liġi Nru 662 tat-23 ta’ Diċembru 1996), tat-18 ta’ Diċembru 1997 (suppliment ordinarju fil-GURI Nru 5, tat-8 ta’ Jannar 1998) huwa fformulat kif ġej:

“Min jevadi, totalment jew parzjalment, fil-limiti ta’ żmien regolamentarji, il-pagamenti bħala akkont, perijodiċi, ta’ ammonti pendenti jew bilanċ tat-taxxa li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni, wara t-tnaqqis, f’dan il-każ, tal-ammonti tal-pagamenti perijodiċi jew akkont, anki jekk ma jkunux saru, għandu jkun suġġett għal sanzjoni amministrattiva ta’ ammont ekwivalenti għal 30 % ta’ kull ammont mhux imħallas, anki f’każ li, wara l-korrezzjoni tal-iżbalji materjali jew ta’ kalkolu misjuba matul il-verifika tad-dikjarazzjoni annwali, jirriżulta li l-ammont dovut huwa ogħla jew li t-tnaqqis applikabbli huwa iktar baxx […]”

7

L-Artikolu 10a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74, Nuova disciplina dei reati in materia di imposte sui redditi e sul valore aggiunto, a norma dell’articolo 9 della legge 25 giugno 1999, n. 205 (Digriet Leġiżlattiv Nru 74 dwar l-adozzjoni ta’ regolamenti ġodda għar-reati tat-taxxa fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-valur miżjud, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1999, Nru 205) tal-10 ta’ Marzu 2000 (GURI Nru 76, tal-31 ta’ Marzu 2000, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000”) jipprovdi:

“Il-persuna taxxabbli li sal-limitu ta’ żmien ipprovdut għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni annwali bħala aġent tal-kontribwent ma tipprovdix it-taxxa f’ras il-għajn li tirriżulta miċ-ċertifikat maħruġ lill-aġenti, għal ammont ikbar minn EUR 50000 għal kull perijodu tat-taxxa, għandha tiġi ssanzjonata b’sentenza ta’ priġunerija minn sitt xhur sa sentejn.”

8

L-Artikolu 10b ta’ dan id-digriet, intitolat “Evażjoni tal-ħlas tal-VAT”, jipprovdi:

“Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10a għandha tapplika fil-limiti previsti wkoll għal dawk li ma jħallsux it-taxxa fuq il-valur miżjud, li tirriżulta fid-dikjarazzjoni annwali, fil-limitu ta’ żmien regolatorju għall-ħlas bħala akkont li jikkorrispondi għall-perijodu taxxabbli suċċessiv”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Matul il-perijodi tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, M. Orsi kien ir-rappreżentant legali ta’ S.A. COM Servizi Ambiente e Commercio Srl u L. Baldetti dak ta’ Evoluzione Maglia Srl.

10

M. Orsi u L. Baldetti huma mħarrka quddiem it-Tribunale di Santa Maria Capua Vetere (qorti ta’ Santa Maria Capua Vetere, l-Italja), għar-reat previst u sanzjonat mill-Artikolu 10b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 10a ta’ dan tal-aħħar, għar-raġuni li huma naqsu, fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti legali ta’ dawn il-kumpanniji, milli jħallsu fit-termini preskritti mil-liġi, il-VAT dovuta abbażi tad-dikjarazzjoni annwali għall-perijodi ta’ taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-ammont tal-VAT mhux imħallas tela’, f’kull każ, għal iktar minn miljun euro.

11

Dawn il-proċeduri kriminali nfetħu wara li l’Agenzia delle Entrate (amministrazzjoni tat-taxxa) iddenunzjat dawn ir-reati lill-Procura della Repubblica (prosekutur tar-repubblika). Matul l-imsemmija proċeduri kriminali, ġie mwettaq l-iffriżar preventiv tal-assi kemm ta’ M. Orsi kif ukoll dawk ta’ L. Baldetti, iffriżar li kontra tiegħu kull wieħed ressaq talba għal eżami mill-ġdid.

12

Qabel il-bidu tal-imsemmija proċeduri kriminali, l-ammonti tal-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ aċċertament definittiv min-naħa tal-amministrazzjoni tat-taxxa, li mhux biss illikwidat id-dejn fiskali, iżda imponiet ukoll sanzjoni fiskali pekunjarja fuq S.A. COM Servizi Ambiente e Commercio u fuq Evoluzione Maglia, li tirrappreżenta 30 % tal-ammont dovut fir-rigward tal-VAT. Wara tranżazzjoni li tinvolvi dawn il-miżuri ta’ aċċertament definittiv, dawn saru definittivi, mingħajr ma ġew ikkontestati.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Santa Maria Capua Vetere (qorti ta’ Santa Maria Capua Vetere, l-Italja) iddeċidiet li tissopendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fis-sens tal-Artikoli 4 [tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB] u 50 [tal-Karta], hija konformi mad-dritt [tal-Unjoni] d-dispożizzjoni tal-Artikolu 10b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/00 sa fejn tippermetti li ssir evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ persuna li, għall-istess fatt (ommissjoni tal-ħlas tal-VAT), kienet diġà suġġetta għal aċċertament definittiv min-naħa tal-Amministrazzjoni finanzjarja tal-Istat, bl-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta u l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jitwettqu prosekuzzjonijiet għal nuqqas ta’ ħlas ta’ VAT, wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fiskali definittiva għall-istess fatti.

15

Peress li l-qorti tar-rinviju tirreferi mhux biss għall-Artikolu 50 tal-Karta, iżda wkoll għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakekk ma jkunx hemm l-adeżjoni tal-Unjoni, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-eżami tad-domanda magħmula għandha titwettaq unikament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Kunsill tal-Ministri, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 22).

16

Fir-rigward tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li sanzjonijiet fiskali u proċeduri kriminali għandhom bħala għan reati fil-qasam tal-VAT u huma intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir eżatt ta’ din it-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu implementazzjoni tal-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-Artikolu 325 TFUE u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 24 sa 27, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 4952 u 53). Għalhekk, dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali li jirregolaw prosekuzzjonijiet li għandhom bħala suġġett reati fil-qasam tal-VAT, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta.

17

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tippresupponi fl-ewwel lok, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għandha tkun l-istess persuna li hija s-suġġett tas-sanzjonijiet jew tal-prosekuzzjonijiet ikkunsidrati.

18

Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ dan l-artikolu li skonthom “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”, jirriżulta li dan l-artikolu jipprojbixxi li tiġi mħarrka jew sanzjonata l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat.

19

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta hija kkorroborata mill-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20). Fir-rigward ta’ dan l-artikolu, dawn l-ispjegazzjonijiet jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif irrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta. Skont din il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi eskluż jekk ma tkunx l-istess persuna li tkun ġiet ssanzjonata iktar minn darba għall-istess aġir illegali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 338, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741, punt 127).

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-imsemmija ġurisprudenza wara d-dħul fis-seħħ tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34).

21

F’dan il-każ, minn informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, ikkonfermata kemm minn ċerti provi fil-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Gvern Taljan matul is-seduta quddiem din tal-aħħar, li s-sanzjonijiet fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew imposti fuq żewġ kumpanniji li għandhom personalità ġuridika, jiġifieri S.A. COM Servizi Ambiente e Commercio u Evoluzione Maglia, filwaqt li l-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kontra M. Orsi u L. Baldetti li huma persuni fiżiċi.

22

Għalhekk jidher, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonjiet tiegħu, li, fiż-żewġ proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sanzjoni fiskali pekunjarja u l-prosekuzzjonijiet kienu kontra żewġ persuni separati, jiġifieri, fil-Kawża C‑217/15, S.A. COM Servizi Ambiente e Commercio, li kienet is-suġġett ta’ sanzjoni fiskali, u M. Orsi, li kontrih inbdiet proċedura kriminali u, fil-Kawża C‑350/15, Evoluzione Maglia, li ġiet imposta fuqha sanzjoni fiskali, u L. Baldetti, li nbdiet proċedura kriminali kontrih, b’tali mod li l-kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li biha l-istess persuna għandha tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet fejn jidher li hemm xi nuqqas, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

23

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li biha M. Orsi u L. Baldetti huma suġġetti għal prosekuzzjonijiet għal fatti mwettqa bħala rappreżentanti legali ta’ kumpanniji li kienu s-suġġett ta’ sanzjonijiet fiskali pekunjarji ma tistax tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti.

24

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn l-Artikolu 50 ta’ din tal-aħħar jipprovdi għal dritt li jikkorrispondi ma’ dak previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, għandu jiġi żgurat li l-interpretazzjoni hawn fuq imsemmija tal-Artikolu 50 ta’ din tal-aħħar ma tiksirx il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-KEDB (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 77).

25

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li jiġu imposti sanzjonijiet kemm fiskali kif ukoll kriminali ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, meta s-sanzjonijiet inkwistjoni huma dwar persuni, fiżiċi u ġuridiċi, ġuridikament separati (Qorti EDB, 20 ta’ Mejju 2014, Pirttimäki vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2014:0520JUD00353211, § 51).

26

Il-kundizzjoni li biha l-istess persuna għandha tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet u prosekuzzjonijiet ikkunsidrati hija nieqsa fil-kuntest tal-proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta.

27

Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jitwettqu prosekuzzjonijiet għal nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fiskali definittiva għall-istess reati, meta din is-sanzjoni ġiet imposta fuq kumpannija li għandha personalità ġuridika filwaqt li l-imsemmija prosekuzzjonijiet huma mibdija kontra persuna fiżika.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jitwettqu prosekuzzjonijiet għal nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud, wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fiskali definittiva għall-istess reati, meta din is-sanzjoni ġiet imposta fuq kumpannija li għandha personalità ġuridika filwaqt li l-imsemmija prosekuzzjonijiet huma mibdija kontra persuna fiżika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.