SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Marzu 2017 ( *1 ) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati — Possibbiltà għall-Istati Membri li jirriżervaw għal kategoriji speċifiċi ta’ avukati l-preparazzjoni ta’ atti awtentiċi li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrikjedi li l-awtentiċità tal-firma ta’ talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tkun iċċertifikata minn nutar”

Fil-Kawża C‑342/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Leopoldine Gertraud Piringer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Leopoldine Gertraud Piringer, minn S. Piringer, W. L. Weh u S. Harg, avukati,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard u M. Aufner kif ukoll minn C. Pesendorfer, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u M. D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn D. Kuon u J. Mentgen, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u V. Ester Casas, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u J. Treijs-Gigulis, bħala aġenti,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistit minn F. Moyse, avukat,

għall-Gvern Pollakk, minn M. B. Majczyna kif ukoll minn D. Lutostańska u A. Siwek, bħala aġenti,

għall-Gvern Sloven, minn B. Jovin Hrastnik, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52), kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Leopoldine Gertraud Piringer, ċittadina Awstrijak, u l-Bezirksgericht Freistadt (qorti distrettwali ta’ Feistadt, l-Awstrija) dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tirreġistra bejgħ ippjanat ta’ proprjetà immobbli fir-reġistru tal-artijiet Awstrijak.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-tieni premessa tad-Direttiva 77/249 hija fformulata kif ġej:

“[...] din id-Direttiva tittratta biss miżuri biex jiffaċilitaw it-twettiq effettiv ta’ l-attivitajiet ta’ l-avukati permezz tal-provvediment ta’ servizzi; billi miżuri iktar iddettaljati jkunu neċessarji biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment”.

4

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha, għall-attivitajiet ta’ l-avukati mwettqa permezz tal-provvediment tas-servizzi.

Minkejja kollox f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jirriservaw għal kategoriji preskritti ta’ avukati il-preparazzjoni ta’ dokumenti formali [atti awtentiċi] għall-otteniment tat-titolu biex jiġu amministrati fondi ta’ persuni mejta, u l-abbozzar ta’ dokumenti formali li joħolqu jew jittrasferixxu interessi fl-art [drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli].

2.   ‘Avukat’ ifisser kull persuna intitolata li twettaq l-attivitajiet professjonali tagħha taħt waħda mit-titoli li ġejjin:

[...] l-Irlanda:

Barrister Solicitor

[...]

ir-Renju Unit:

Advocate Barrister Solicitor

[...]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.   L-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru li jospita taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-avukati stabbiliti f’dak l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ xi kondizzjonijiet li jeħtieġu residenza, jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali, f’dak l-Istat.

[...]

4.   Avukat li jwettaq attivitajiet ta’ xort’ oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jibqa’ soġġett għall-kondizzjonijiet u r-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru li minnu jiġi mingħajr preġudizzju għal rispett għar-regoli, ikun x’ikun il-fonti tagħhom, li jirregolaw il-professjoni fl-Istat Membru li jospita, speċjalment dawk li jikkonċernaw l-inkompatibilità ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ avukat ma’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħrajn f’dak l-Istat [...]. Ir-regoli ta’ l-aħħar huma applikabbli biss jekk huma kapaċi li jiġu osservati minn avukat li mhuwiex stabbilit fl-Istat Membru li jospita u sakemm l-osservanza tagħhom hija oġġettivament ġustifikata sabiex jiġi assigurat, f’dak l-Istat, l-eżerċizzju kif suppost ta’ l-attivitajiet ta’ avukat, il-permanenza [id-dinjità] tal-professjoni u r-rispett għar-regoli li jikkonċernaw l-inkompatibilità.”

6

Il-premessa 10 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), tgħid li:

“[...] għandu jsir provvediment, bħal ma hemm fid-Direttiva 77/249/KEE, għall-għazla li jkunu esklużi mill-attivitajiet ta’ avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom fir-Renju Unit u l-Irlanda l-preparazzjoni ta’ ċerti dokumenti formali [atti] fl-isferi tat-trasferiment tal-propjetà u l-provi tal-ġenwinità ta’ testmenti; [...] din id-Direttiva bl-ebda mod ma taffettwa d-dispożizzjonijiet li taħthom, f’kull Stat Membru, ċerti attivitajiet huma rriservati għal professjonijiet minbarra l-professjoni legali [ta’ avukat]; [...]”

7

L-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-qasam ta’ attività”, jipprevedi li:

“L-Istati Membri li jawtorizzaw fit-territorju tagħhom kategorija preskritta ta’ avukati sabiex iħejju atti sabiex jiksbu titolu biex jamministraw bini [beni] ta’ persuni mejta u sabiex joħolqu jew jitrasferixxu interessi fl-art [drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli] li, fi Stati Membri oħra, huma rriservati għal professjonijiet barra dawk ta’ avukat jistgħu jeskludu minn dawn l-attivitajiet avukati li jipprattikaw taħt titolu professjonali ta’ pajjiżhom mogħtija f’wieħed mill-Istati Membri ta’ l-aħħar.”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikolu 31 tal-Allgemeines Grundbuchsgesetz (liġi federali dwar ir-reġistru tal-artijiet), tat-2 ta’ Frar 1955, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. I, 87/2015) (iktar ’il quddiem il-“GBG”), jiddisponi li:

“1.   Inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tista’ ssir [...] biss fuq il-bażi ta’ atti awtentiċi jew atti privati li fihom il-firma tal-partijiet tkun ġiet awtentikata minn qorti jew nutar u, meta jkunu kkonċernati persuni fiżiċi, l-awtentikazzjoni għandha tispeċifika wkoll id-data tat-twelid.

[...]

3.   L-awtentikazzjoni tal-atti barranin hija rregolata minn konvenzjonijiet internazzjonali. L-atti awtentikati mill-awtorità ta’ rappreżentazzjoni Awstrijaka fejn ġew stabbiliti jew awtentikati jew mill-awtorità ta’ rappreżentazzjoni nazzjonali tal-Istat fejn ġew stabbiliti jew awtentikati ma jeħtiġux awtentikazzjoni addizzjonali.

[...]”

9

L-Artikolu 53 tal-GBG jipprevedi li:

“1.   Il-proprjetarju għandu d-dritt jitlob li bejgħ jew ipoteka ppjanati jiddaħħlu fir-reġistru, sabiex id-drittijiet li għandhom jiġu inklużi wara dan il-bejgħ jew din l-ipoteka jingħataw preċedenza sa minn din it-talba.

[...]

3.   Madankollu, talbiet bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq għandhom jintlaqgħu biss jekk, fir-rigward tal-inklużjonijiet li jkunu jinsabu fir-reġistru tal-artijiet, id-dritt għall-inklużjoni jkun jista’ jiġi inkluż b’mod validu jew id-dritt eżistenti jkun jista’ jitħassar b’mod validu u jekk il-firma tat-talba tkun ġiet awtentikata minn qorti jew nutar. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(3) sa (5) huma applikabbli.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

L. G. Piringer hija proprjetarja ta’ nofs proprjetà immobbli li tinsab fl-Awstrija.

11

Fil-25 ta’ Frar 2009, hija ffirmat, fir-Repubblika Ċeka talba għall-inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet Awstrijak ta’ bejgħ ippjanat tas-sehem tagħha f’din il-proprjetà immobbli sabiex dan jingħata preċedenza. Il-firma tal-applikanta li tidher f’din it-talba ġiet awtentikata minn avukat Ċek li, f’konformità mad-dritt Ċek, inkluda għal dan il-għan dikjarazzjoni li tispeċifika b’mod partikolari d-data tat-twelid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll id-dokumenti ppreżentati minnha sabiex tipprova l-identità tagħha. L-avukat firmatarju jikkonferma wkoll li L. G. Piringer iffirmat l-imsemmija talba personalment quddiemu, f’kopja waħda.

12

Fil-15 ta’ Lulju 2014, L. G. Piringer ressqet din it-talba għal inklużjoni quddiem il-Bezirksgericht Freistadt (qorti distrettwali ta’ Feistadt, l-Awstrija), qorti li għandha żżomm ir-reġistru tal-artijiet. B’mod partikolari, hija annettiet mat-talba tagħha l-konvenzjoni bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ir-rikonoxximent tal-atti pubbliċi u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ġuridika, konkluża fl-10 ta’ Novembru 1961 (BGB1. Nru 309/1962), li għadha applikabbli fir-rapporti bilaterali mar-Repubblika Ċeka [BGBl III Nru 123/1997 (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni Awstrijaka-Ċeka”)].

13

Din il-qorti rrifjutat l-imsemmija talba, b’sentenza tat-18 ta’ Lulju 2014, minħabba li l-firma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx ġiet awtentikata minn qorti jew nutar, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 53(3) tal-GBG. Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, l-awtentikazzjoni tal-firma minn avukat Ċek ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni Awstrijaka-Ċeka. Fi kwalunkwe każ, hija sostniet li l-formola ta’ awtentikazzjoni ppreżentata minn L. G. Piringer ma kinitx tinkludi siġill uffiċjali, kif meħtieġ mill-Artikoli 21 u 22 tal-imsemmija konvenzjoni.

14

Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Novembru 2015, il-Landesgericht Linz (qorti reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija), ikkonfermat din is-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Lulju 2014 billi qieset b’mod partikolari li, anki jekk id-dikjarazzjoni li tiċċertifika l-awtentiċità tal-firma kienet tikkostitwixxi att awtentiku fis-sens tad-dritt Ċek, ir-rikonoxximent tagħha fl-Awstrija kien jaqa’ taħt l-Artikolu 21(2) tal-konvenzjoni Awstrijaka-Ċeka. Issa, billi din id-dispożizzjoni tillimita r-rikonoxximent reċiproku għad-dikjarazzjoni li tiċċertifika l-awtentiċità ta’ firma ta’ att privat li tkun saret fuq dan l-att minn “qorti, awtorità amministrattiva jew nutar Awstrijak”, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għad-dikjarazzjonijiet magħmula minn avukati Ċeki mhux biss tkun tikkontradixxi l-kliem ta’ dan l-artikolu, iżda tmur ukoll kontra r-rieda stess tal-partijiet kontraenti.

15

Adita b’appell ippreżentat minn L. G. Piringer, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) tqis, essenzjalment, li l-konvenzjoni Awstrijaka-Ċeka ma hijiex applikabbli f’dan il-każ u tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni notarili stipulat fl-Artikolu 53(3) tal-GBG.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-[Direttiva 77/249] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jeskludi, mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati, l-awtentifikazzjoni tal-firem fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli u jista’ jirriżerva l-eżerċizzju ta’ din l-attività għan-nutara?

2)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat tar-reġistru (l-Awstrija) li tirriżerva għan-nutara l-awtentifikazzjoni tal-firem fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli, bil-konsegwenza li d-dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-firma hija awtentika, magħmula minn avukat stabbilit fir-Repubblika Ċeka fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu ma hijiex irrikonoxxuta fl-Istat tar-reġistru, meta, fid-dritt Ċek, din id-dikjarazzjoni għandha l-istess valur legali bħal awtentifikazzjoni mill-awtoritajiet,

b’mod partikolari għaliex:

a)

il-kwistjoni tar-rikonoxximent, fl-Istat tar-reġistru, ta’ dikjarazzjoni, magħmula fir-Repubblika Ċeka minn avukat stabbilit hemmhekk, li tiċċertifika li l-firma hija awtentika fuq talba ta’ inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, tikkonċerna l-provvista, minn avukat, ta’ servizz li ma jistax jiġi pprovdut mill-avukati stabbiliti fit-territorju tal-Istat tar-reġistru u r-rifjut li tiġi rrikonoxxuta tali dikjarazzjoni ma jaqax, għaldaqstant, taħt il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet

jew

b)

l-esklużività mogħtija lin-nutara għal din l-attività hija ġġustifikata bl-għan li tiġi ggarantita l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti (tad-dokumenti marbuta ma’ tranżazzjonijiet legali) u għaldaqstant b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u hija barra minn hekk meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan fl-Istat tar-reġistru?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

17

Skont l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fil-21 ta’ Settembru 2016.

18

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2016, L. G. Piringer talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Hija kkontestat, essenzjalment, ċerti affermazzjonijiet li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u sostniet li varji argumenti, ippreżentati bħala essenzjali fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma kinux indirizzati mill-partijiet interessati.

19

F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE jirriżulta li l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jipproponi pubblikament, bl-iktar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li jeħtieġu l-intervent tiegħu, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja la ma hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-imsemmija konklużjonijiet, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li jiġi eżaminati fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

22

Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula u li dawn l-elementi tqajmu matul il-proċedura u kienu indirizzati mill-partijiet.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta f’dan l-Istat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat qabelxejn jekk id-Direttiva 77/249 tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 77/249, li għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati (sentenza tad-19 ta’ Jannar 1988, Gullung, 292/86, EU:C:1988:15, punt 15), tapplika, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tagħha, għall-attivitajiet ta’ avukat imwettqa permezz tal-provvista ta’ servizzi.

27

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk l-awtentikazzjoni ta’ firma magħmula fuq talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix “attività ta’ avukat” u, it-tieni nett, jekk din l-awtentikazzjoni ġietx imwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

28

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 77/249 ma tiddefinixxix espressament dak li huwa kopert mill-kunċett ta’ “attività ta’ avukat” fis-sens tagħha. Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-attivitajiet relatati mar-rappreżentanza u mad-difiża ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem awtoritajiet pubbliċi, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet kollha l-oħra, skont b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tagħha (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 14), hija ma tippreċiżax il-portata ta’ dawn l-espressjonijiet.

29

Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-kunċett stess ta’ “avukat”, fis-sens tad-Direttiva 77/249, l-Artikolu 1(2) tagħha jipprevedi li dan it-terminu għandu jinftiehem fis-sens li jkopri “kull persuna intitolata li twettaq l-attivitajiet professjonali tagħha taħt waħda mit-titoli” applikabbli f’kull Stat Membru. Permezz ta’ din id-definizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu huma stess dan il-kunċett u rrefera għat-titoli użati f’kull Stat Membru sabiex jidentifika l-persuni intitolati li jwettqu l-imsemmija attività professjonali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, għal dak li jirrigwarda barra minn hekk id-definizzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jitwettqu mill-avukati, fl-assenza ta’ kwalsiasi preċiżjoni fid-Direttiva 77/249, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jżomm is-setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dan il-kunċett billi jħallilhom b’dan il-mod marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva f’dan ir-rigward.

31

Konsegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 77/249, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu b’mod partikolari l-Gvern Ċek u l-Gvern Spanjol, il-kunċett ta’ “attività ta’ avukat” fis-sens ta’ din id-direttiva jkopri mhux biss is-servizzi legali pprovduti tipikament mill-avukati, bħall-parir legali jew ir-rappreżentanza u d-difiża ta’ klijent fi proċeduri legali, iżda jista’ jkopri wkoll tipi oħra ta’ servizzi, bħall-awtentikazzjoni ta’ firem. Iċ-ċirkustanza li dawn is-servizzi tal-aħħar ma jiġux ipprovduti minn avukati fl-Istati Membri kollha hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

32

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ċerti Stati Membri, li fosthom hemm b’mod partikolari r-Repubblika Ċeka, ipprevedew effettivament il-possibbiltà għall-avukati stabbiliti fit-territorju nazzjonali li jipprovdu dawn it-tipi oħra ta’ servizzi.

33

It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ avukat li tikkonsisti fl-awtentikazzjoni ta’ firma hijiex suġġetta għas-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-Direttiva 77/249 għall-attivitajiet ta’ avukati hija, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, suġġetta wkoll għall-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet jitwettqu “permezz tal-provvediment tas-servizzi”.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, li, sabiex tiġi eżegwita l-provvista ta’ servizzi, il-fornitur tas-servizzi jista’ jmur fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit id-destinatarju tas-servizzi jew dan tal-aħħar jista’ jmur fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi. Filwaqt li l-ewwel wieħed minn dawn il-każijiet huwa msemmi espressament fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE, li jippermetti l-eżerċizzju, b’mod temporanju, tal-attività tal-fornitur ta’ servizzi fl-Istat Membru fejn ikun qed jingħata s-servizz, bl-istess kundizzjonijiet li huma imposti minn dan tal-aħħar fuq iċ-ċittadini tiegħu, it-tieni każ, li jilħaq l-għan li kull attività mħallsa jew le koperta mill-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni u tal-kapital tkun suġġetta għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa l-korollarju neċessarju tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 34).

35

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mogħti mill-Artikolu 56 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri, u għalhekk liċ-ċittadini tal-Unjoni, jinkludi l-libertà “passiva” li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi li jżuru Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn servizz, mingħajr ma jkunu ostakolati minn restrizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan jirriżulta li, sa fejn hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati, id-Direttiva 77/249 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika kemm fil-każ klassiku taċ-ċaqliq tal-avukat, fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn huwa stabbilit bl-għan li jipprovdi servizzi, kif ukoll fin-nuqqas ta’ ċaqliq tal-imsemmi professjonist, jiġifieri meta, bħal fil-kawża prinċipali, huwa d-destinatarju tas-servizz li jiċċaqlaq barra mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu sabiex imur fi Stat Membru ieħor bl-għan li jibbenefika mis-servizzi ta’ avukat stabbilit hemmhekk.

37

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva 77/249 huma ssodisfatti f’dan il-każ, għandu jitqies li din tista’ tiġi applikata f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

38

Fid-dawl ta’ din id-determinazzjoni, għandu jiġi osservat li d-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tirrigwarda preċiżament l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249. Din id-dispożizzjoni tawtorizza deroga għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati billi tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw għal “kategoriji preskritti ta’ avukati” il-possibbiltà li jippreparaw atti awtentiċi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli.

39

B’mod partikolari, permezz tad-domanda tagħha, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk tali deroga tippermettix li tiġi ġġustifikata riżerva favur in-nutara Awstrijaċi, li tirrigwarda l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li tippermetti l-esklużjoni tal-avukati mill-eżerċizzju ta’ tali attività.

40

Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 ma tkoprix, b’mod ġenerali, il-kategoriji varji ta’ professjonijiet legali, b’tali mod li l-Istati Membri għandhom id-dritt, billi jinvokaw din id-dispożizzjoni, jillimitaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ preparazzjoni ta’ atti awtentiċi li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli għal ċerti kategoriji ta’ professjonijiet legali, bħan-nutara, u b’hekk jipprojbixxu lill-avukati barranin milli jeżerċitaw l-attivitajiet inkwistjoni fit-territorju tal-imsemmija Stati Membri.

41

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi deroga li għandha portata iktar limitata u li tkopri preċiżament ċerti kategoriji speċifiċi ta’ avukati, li barra minn hekk huma identifikati espressament mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva stess.

42

F’dan ir-rigward, hekk kif isostnu korrettament il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż, l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 77/249 tippermetti li wieħed jifhem l-oriġini u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, li ddaħħlet għall-benefiċċju tar-Renju Unit u tal-Irlanda, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni legali partikolari ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, li fihom jeżistu kategoriji differenti ta’ avukati, jiġifieri l-barristers u s-solicitors.

43

B’mod partikolari, id-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 kienet intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dawn il-pajjiżi tal-Common Law, billi tipprevedi l-kompetenza esklużiva tas-solicitors għall-preparazzjoni ta’ ċerti atti ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt ta’ proprjetà immobbli, filwaqt li fl-Istati Membri l-oħra, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-preparazzjoni ta’ dawn l-atti kienet irriżervata għan-nutara jew għall-qrati. Barra minn hekk, ma ġiex ikkontestat li tali attivitajiet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/249.

44

Għaldaqstant, l-imsemmija deroga għandha l-għan, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tevita li l-avukati ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet ikkonċernati fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-premessa 10 tad-Direttiva 98/5, li tgħid li għandu jsir provvediment, bħalma hemm fid-Direttiva 77/249, għall-possibbiltà li tiġi eskluża mill-attivitajiet ta’ avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom fir-Renju Unit u fl-Irlanda l-preparazzjoni ta’ ċerti atti fil-qasam tal-proprjetà immobbli u tas-suċċessjoni.

45

Bl-istess mod, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/5 jistabbilixxi li: “[l]-Istati Membri li jawtorizzaw fit-territorju tagħhom kategorija preskritta ta’ avukati sabiex iħejju atti sabiex jiksbu titolu biex jamministraw bini [beni] ta’ persuni mejta u sabiex joħolqu jew jitrasferixxu interessi fl-art [drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli] li, fi Stati Membri oħra, huma rriservati għal professjonijiet barra dawk ta’ avukat jistgħu jeskludu minn dawn l-attivitajiet avukati li jipprattikaw taħt titolu professjonali ta’ pajjiżhom mogħtija f’wieħed mill-Istati Membri ta’ l-aħħar.”

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-deroga stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 tkopri biss kategoriji speċifiċi ta’ avukati, awtorizzati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom taħt wieħed mit-titoli identifikati speċifikament mid-Direttiva stess, u ma tkoprix professjonijiet li ma humiex dik ta’ avukat, għandu jiġi konkluż li l-imsemmija dispożizzjoni ma tapplikax għaċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali.

47

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta f’dan l-Istat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

Fuq it-tieni domanda

48

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta fl-imsemmi Stat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat skont id-dritt nazzjonali tiegħu, stabbilit fi Stat Membru ieħor.

49

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 56 TFUE jirrikjedi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi legalment servizzi simili (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux, C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 35).

50

F’dan il-każ, l-Artikolu 53(3) tal-GBG jagħti lin-nutara u lill-qrati biss il-kompetenza għall-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal sabiex tiġi eskluża, b’mod nondiskriminatorju, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta fl-Awstrija l-awtentikazzjoni ta’ tali firma mwettqa kemm minn avukat stabbilit f’dan l-Istat kif ukoll mill-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra.

51

Issa, sa fejn hija ma tippermettix li tiġi rrikonoxxuta l-awtentikazzjoni ta’ firma mwettqa minn avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Ċeka, fejn, skont id-dritt nazzjonali, huwa jipprovdi legalment servizzi simili, tali riżerva ta’ kompetenza hija ta’ natura li tipprekludi tali professjonist milli joffri dan it-tip ta’ servizz lil klijenti li jkollhom l-intenzjoni li jibbenefikaw minnu fl-Awstrija. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, tali riżerva ta’ kompetenza tillimita wkoll il-libertà ta’ ċittadin Awstrijak, bħala destinatarju ta’ tali servizz, li jmur fir-Repubblika Ċeka sabiex hemmhekk jibbenefika minn servizz li ma jistax jintuża fl-Awstrija għall-finijiet tal-inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet.

52

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

53

It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni tista’ madankollu tiġi ammessa bħala miżura derogatorja, għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika u ta' saħħa pubblika, espressament previsti fl-Artikoli 51 u 52 TFUE u applikabbli wkoll fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikata, meta hija applikata b'mod nondiskriminatorju, minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), bil-kundizzjoni li tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan li hija tipprova tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq tali għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa, C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑53/08, EU:C:2011:338, punti 91 u 92), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-attività ta’ awtentikazzjoni fdata lin-nutara ma tinvolvix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehimiet għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni taħt piena ta’ nullità ma jistax iqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

55

Konsegwentement, l-eċċezzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE ma tistax tiġi invokata fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża li, barra minn hekk, tikkonċerna biss l-awtentikazzjoni tal-firma tal-persuna li tagħmel it-talba u mhux tal-kontenut tal-att li fuqu hija saret.

56

Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanza, imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li r-riżerva ta’ kompetenza favur in-nutara prevista fl-Artikolu 53(3) tal-GBG tikkostitwixxi miżura nondiskriminatorja, għandu jiġi vverifikat li din tistax tiġi ġġustifikata, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

57

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Awstrijaċi jsostnu li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistru tal-artijiet kif ukoll sabiex jiġu ggarantiti l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi.

58

Issa, minn naħa, kif jenfasizzaw b’mod partikolari l-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż, għandu jiġi osservat li r-reġistru tal-artijiet għandu, partikolarment f’ċerti Stati Membri li għandhom notarjat taħt id-dritt ċivili, importanza deċiżiva b’mod partikolari fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli. B’mod partikolari, kull inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, bħar-reġistru tal-artijiet Awstrijak, tipproduċi effetti kostituttivi, fis-sens li d-dritt tal-persuna li tkun talbet din l-inklużjoni jinħoloq biss permezz ta’ din tal-aħħar. Iż-żamma tar-reġistru tal-artijiet tikkostitwixxi għalhekk element essenzjali tal-amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja fis-sens li din hija intiża li tiżgura applikazzjoni tajba tal-liġi u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, li jaqgħu taħt il-missjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Istat.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponi li tiġi vverifikata, permezz ta’ professjonisti ġuramentati, bħan-nutara, l-eżattezza tal-inklużjonijiet f’reġistru tal-artijiet jikkontribwixxu għall-garanzija taċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli kif ukoll tal-funzjonament tajjeb tar-reġistru tal-artijiet u huma marbuta, b’mod iktar ġenerali, mal-protezzjoni tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede, C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 36).

60

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑53/08, EU:C:2011:338, punt 96), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, li l-fatt li l-attivitajiet nutarili jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġu ġġustifikati eventwali restrizzjonijiet għall-Artikolu 49 TFUE li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi tal-attività nutarili, bħall-istħarriġ li huma suġġetti għalih in-nutara permezz tal-proċeduri ta’ reklutaġġ applikati għalihom, il-limitazzjoni tan-numru tagħhom u l-kompetenzi territorjali tagħhom jew ukoll is-sistema ta’ remunerazzjoni tagħhom, ta’ indipendenza, ta’ inkompatibbiltà u ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, dejjem jekk dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet u huma neċessarji għal dan il-għan.

61

Issa, għandu jitqies, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-imsemmija sentenza, li tali kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal dak li jirrigwarda restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet invokati mill-Gvern Awstrijak jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li tiġi ġġustifikata leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63

Madankollu, għad irid jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 u 60 ta’ din is-sentenza.

64

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi waqt is-seduta f’din il-kawża, l-intervent tan-nutar huwa importanti u neċessarju sabiex issir l-inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet, sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ dan il-professjonist ma hijiex limitata għall-konferma tal-identità ta’ persuna li ffirmat dokument, iżda timplika wkoll li n-nutar isir jaf bil-kontenut tal-att inkwistjoni sabiex tiġi żgurata r-regolarità tat-tranżazzjoni prevista u tiġi vverifikata l-kapaċità tar-rikorrenti li twettaq atti ġuridiċi.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-attivitajiet marbuta mal-awtentikazzjoni tal-atti li jirrigwardaw il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jiġu rriżervati għal kategorija partikolari ta’ professjonisti, li fiha hemm il-fiduċja tal-pubbliku u li fuqha l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita stħarriġ partikolari, jikkostitwixxi miżura xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistru tal-artijiet kif ukoll tal-legalità u taċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi.

66

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-attività ta’ avukati li tikkonsisti f’li tiġi ċċertifikata l-awtentiċità tal-firem magħmula fuq atti ma hijiex komparabbli mal-attività ta’ awtentikazzjoni mwettqa min-nutara u li dispożizzjonijiet iktar stretti jirregolaw is-sistema ta’ awtentikazzjonijiet.

67

F’dan ir-rigward, waqt is-seduta f’din il-kawża, il-Gvern Ċek ippreċiża li, għalkemm huwa minnu li avukat Ċek huwa awtorizzat jiċċertifika l-awtentiċità ta’ firma f’ċirkustanzi preċiżi previsti minn leġiżlazzjoni speċifika, mill-ġurisprudenza tan-Nejvyšší soud (qorti suprema, ir-Repubblika Ċeka) jirriżulta b’mod ċar li l-awtentikazzjoni ta’ firma magħmula minn avukat Ċek ma tikkostitwixxix att awtentiku. Minħabba dan il-fatt, fil-każ ta’ tilwima bejn il-partijiet, din iċ-ċertifikazzjoni ma jkollhiex l-istess saħħa probatorja bħall-awtentikazzjoni mwettqa minn nutar.

68

Minn dan jirriżulta, skont l-imsemmi Stat Membru, li jekk tali firma għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Awstrija għall-finijiet ta’ inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet Awstrijak, din iċ-ċertifikazzjoni, sa fejn din tkun titqies bħala ekwivalenti għall-awtentikazzjoni mwettqa minn nutar, ikollha l-valur ta’ att awtentiku. Konsegwentement, hija jkollha fl-Awstrija saħħa differenti minn dik li jista’ jkollha fir-Repubblika Ċeka stess.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rinunzja b’mod ġenerali, minħabba raġunijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati, għal funzjonijiet ta’ stħarriġ mill-Istat u għal garanzija effettiva tal-istħarriġ tal-inklużjonijiet fir-reġistru tal-artijiet, twassal sabiex tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistru tal-artijiet kif ukoll il-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi.

70

Minn dan jirriżulta li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-Gvern Awstrijak.

71

Minn dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta fl-imsemmi Stat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat skont id-dritt nazzjonali tiegħu, stabbilit fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta f’dan l-Istat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

 

2)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għan-nutara l-awtentikazzjoni tal-firem magħmula fuq id-dokumenti meħtieġa għall-ħolqien jew għat-trasferiment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u li teskludi, minħabba dan il-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta fl-imsemmi Stat Membru tali awtentikazzjoni mwettqa minn avukat skont id-dritt nazzjonali tiegħu, stabbilit fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

( 1 ) Fil-punt 51, fil-kliem gwida u fid-dispożittiv 1 ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.