SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Frar 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali — Direttiva 2011/7/UE — Tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi privati u awtoritajiet pubbliċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-irkupru immedjat tal-ammont prinċipali ta’ dejn għar-rinunzja tal-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”

Fil-Kawża C‑555/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no6 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru°6 ta’ Murcia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

IOS Finance EFC SA

vs

Servicio Murciano de Salud,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IOS Finance EFC SA, minn J. Tornos Mas, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u D. Loma-Osorio Lerena, kif ukoll minn E. Sanfrutos Cano, A. C. Becker u M. Šimerdová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IOS Finance EFC SA (iktar ’il quddiem “IOS Finance”) u Servicio Murciano de Salud (dipartiment tas-saħħa tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, Spanja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallas lil IOS Finance, minbarra l-ammont prinċipali, l-interessi moratorji u l-ispejjeż ta’ rkupru mitluba minnha abbażi tal-fatturi mhux imħallsa fid-data ta’ skadenza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 12, 16 u 28 tad-Direttiva 2011/7 jgħidu:

“(1)

Għadd ta’ bidliet sostanzjali jridu jsiru fid-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali. [ĠU 2000, L 200, p. 35]. Huwa mixtieq, għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jitfasslu mill-ġdid.

[…]

(12)

Ħlas tard [ħlas tardiv] jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ mgħax jew l-ebda mgħax u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

[…]

(16)

Din id-Direttiva m’għandhiex tobbliga lil kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard [interessi moratorji]. […]

[…]

(28)

Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà tal-kuntratti għall-iżvantaġġ tal-kreditur. Bħala riżultat, meta kondizzjoni f’kuntratt jew prassi relatat mad-data jew il-perjodu għall-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunx ġustifikat fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet mogħtija lid-debitur, jew iservi prinċipalment għall-għan li jikseb liwidità addizzjonali għad-debitur għad-detriment tal-kreditur, jista’ jitqies li jikkostitwixxi abbuż ta’ dan it-tip. Għal dak il-għan […] kwalunkwe kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li tiddevja għall-aħħar mill-prassi kummerċjali tajba u hija kuntrarja għall-bona fide u n-negozjar ġust għandha titqies inġusta għall-kreditur. B’mod partikulari, jekk id-dritt li jintalab imgħax jiġi kompletament eskluż, din għandha dejjem tiġi kkunsidrata bħala inġusta għall-aħħar, waqt li jekk id-dritt għal kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jiġi eskluż, din għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-mod kif il-kuntratti jiġu konklużi jew li jirregolaw il-validità ta’ kondizzjonijiet kuntrattwali li huma inġusti għad-debitur.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard [ħlas tardiv] fi transazzjonijiet kummerċjali […]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard [interessi moratorji statutorji], meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; u

b)

il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.”

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jaqra kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard [interessi moratorji] isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard [interessi moratorji] jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

a)

kull devjazzjoni kbira minn prassi kummerċjali tajba, li tmur kontra l-bona fide u n-negozjar ġust;

b)

in-natura tal-prodott jew tas-servizz; u

c)

jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5), il-punt (a) tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(6) jew mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi mgħax għal ħlas tard għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

[…]”

Id-dritt Spanjol

8

Mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur Spanjol stabbilixxa, sa mis-sena 2012, “mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament għall-ħlas ta’ fornituri”, għal perijodu limitat, sabiex jiġġieled kontra l-ħlasijiet tardivi akkumulati, minħabba l-kriżi ekonomika, mill-komunitajiet awtonomi u mill-entitajiet lokali lill-fornituri tagħhom (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament”). Essenzjalment, skont ir-regoli li jirregolaw il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu, il-fornituri li jidħlu għal dan il-mekkaniżmu jaċċettaw, inkambju għall-ħlas immedjat tad-dejn prinċipali, li jirrinunzjaw għall-ammonti addizzjonali dovuti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ ħlas mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati, inkluż b’mod partikolari l-interessi moratorji u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.

9

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tar-Real Decreto-ley 8/2013, de medidas urgentes contra la morosidad de las administraciones públicas y de apoyo a entidades locales con problemas financieros (Digriet-Liġi Irjali 8/2013 dwar miżuri urġenti kontra l-ħlas tardiv mill-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi u għall-appoġġ lil awtoritajiet lokali bi problemi finanzjarji), tat-28 ta’ Ġunju 2013 (BOE Nru 155, tad-29 ta’ Ġunju 2013, p. 48782) intitolat “Effetti ta’ ħlas tad-djun pendenti” jipprovdi:

“Ħlas lill-fornitur iwassal għal riżoluzzjoni tad-dejn dovut lill-fornitur mingħand il-Komunità Awtonoma jew l-awtorità lokali, skont il-każ, fir-rigward tas-somma prinċipali, l-interessi, spejjeż legali u spejjeż addizzjonali oħra.”

10

Preċedentement għal dan id-Digriet-Liġi Irjali 8/2013, ir-Real Decreto-ley 4/2013, de medidas de apoyo al emprendedor y de estímulo del crecimiento y de la creación de empleo (Digriet-Liġi Irjali 4/2013 dwar miżuri li jappoġġjaw l-intraprenditorija, jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjieg), tat-22 ta’ Frar 2013 (BOE Nru 47, tat-23 ta’ Frar 2013, p. 15219) ittrasponiet id-Direttiva 2011/7 fid-dritt Spanjol.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Bejn is-sena 2008 u s-sena 2013, diversi kumpanniji pprovdew oġġetti u servizzi lil stabbilimenti mediċi marbuta mad-dipartiment tas-saħħa tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, li madankollu ma ħallsitx il-prezz.

12

Għalhekk, dawn assenjaw ċerti djun inkwistjoni lil IOS Finance li, f’Settembru 2013, talbet lil dan id-dipartiment tas-saħħa l-ħlas kemm tal-ammont prinċipali ta’ dawn id-djun kif ukoll tal-interessi moratorji u ta’ kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti.

13

Peress li l-imsemmi dipartiment tas-saħħa naqas milli jħallas dawn l-ammonti, IOS Finance daħlet għall-mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament, li permezz tiegħu hija rċeviet biss il-ħlas għall-ammont prinċipali tad-djun tagħha.

14

F’Mejju 2014, IOS Finance ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex l-istess dipartiment tas-saħħa jiġi kkundannat iħallasha l-ammonti mitluba bħala interessi moratorji u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.

15

Insostenn għar-rikors tagħha, IOS Finance ssostni, l-ewwel nett, li huwa impossibbli li ssir rinunzja għad-djun dovuti mill-awtoritajiet amministrattivi. Hija ssostni, it-tieni net, l-inkompatibbiltà tad-Digriet-Liġi Irjali 8/2013 mad-dritt tal-Unjoni u, it-tielet nett, l-effett dirett tad-Direttiva 2011/7, sa fejn din tipprovdi li l-klawżoli kuntrattwali jew il-prattiċi li jeskludu l-interessi għal ħlas tardiv u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru huma manifestament inġusti.

16

Id-dipartiment tas-saħħa tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia talab li r-rikors jiġi miċħud, minħabba li, minn naħa, id-dħul għall-mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament isir b’mod volontarju u, min-naħa l-oħra, li r-rinunzja għall-interessi imsemmija u għall-irkupru msemmi ma ssirx qabel ma jinħoloq id-dejn, iżda wara li dan jinħoloq u jibqa’ pendenti.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-adeżjoni għall-mekkaniżmu straordinarju ta’ finanzjament ma hijiex obbligatorja u li l-kredituri li jixtiequ jiksbu l-ħlas mhux biss tal-ammont prinċipali, iżda anki tal-interessi moratorji kif ukoll tal-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, dejjem jistgħu jagħżlu t-triq tal-azzjoni ġudizzjarja. Hija tistaqsi, madankollu, dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2011/7, jipprekludix li l-irkupru tal-ammont prinċipali ta’ dejn jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni ta’ rinunzja għall-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 6 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru°6 ta’ Murcia, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“Fid-dawl tal-Artikoli 4(1), 6 u 7(2) u (3) tad-[Direttiva 2011/7]:

1.

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-irkupru ta’ dejn prinċipali għall-kundizzjoni ta’ rinunzja għall-interessi moratorji?

2.

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-irkupru ta’ dejn prinċipali għall-kundizzjoni ta’ rinunzja għall-ispejjeż ta’ rkupru?

3.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, awtorità kontraenti debitriċi tista’ tinvoka l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet sabiex tiżvinkola ruħha mill-obbligu li hija għandha li tħallas l-interessi moratorji u l-ispejjeż ta’ rkupru?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

19

Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-Direttiva 2011/7, iżda taqa’ taħt id-Direttiva 2000/35, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tingħata fid-dawl ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

20

Madankollu, l-evalwazzjoni magħmula f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni tirriżulta mill-interpretazzjoni tagħha stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inklużi b’mod partikolari fid-Digriet-Liġi Irjali 4/2013 u li jittrasponi d-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

21

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u jekk l-interpretazzjoni mogħtija tagħhom mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta. Fil-fatt, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt intern (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et, C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Konsegwentement, sa fejn mill-interpretazzjoni li hija tagħti tad-dritt Spanjol, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li hija d-Direttiva 2011/7 li hija applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li r-risposta għad-domandi preliminari tingħata hekk kif magħmula minnha.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

23

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/7 u b’mod partikolari, l-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-kreditur jirrinunzja li jitlob l-interessi moratorji u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali ta’ djun eżiġibbli.

24

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/7, l-għan tagħha hija l-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, billi dan jikkostitwixxi, skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, ksur tal-kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri, b’mod partikolari minħabba r-rata baxxa jew l-assenza ta’ interessi moratorji ffatturati.

25

Madankollu, sabiex jintlaħaq dan il-għan, id-Direttiva 2011/7 ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta tar-regoli kollha dwar il-ħlasijiet tardivi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (ara, b’analoġija mad-Direttiva 2000/35, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Nemec, C‑256/15, EU:C:2016:954, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fil-fatt, bħad-Direttiva 2000/35, id-Direttiva 2011/7 tindika biss ċerti regoli f’dan il-qasam, li fosthom hemm dawk relatati mal-interessi moratorji.

27

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, jiżguraw li, fit-tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, kreditur li wettaq l-obbligi tiegħu u li ma rċeviex l-ammont dovut fid-data tal-iskadenza, ikun intitolat jikseb l-interessi moratorji kif ukoll il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru li jkun sostna, ħlief jekk id-debitur ma huwiex responsabbli għad-dewmien.

28

Għal dan il-għan, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li klawżola kuntrattwali jew prassi relatata, b’mod partikolari, mar-rata ta’ interessi moratorji jew mal-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, ma tkunx applikabbli, jew tagħti lok għal kawża għall-kumpens għad-dannu meta din tkun manifestament inġusta fil-konfront tal-kreditur. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 7 jipprevedi li kull klawżola kuntrattwali jew prassi li teskludi l-ħlas ta’ dawn l-interessi jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għandha titqies, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, jew preżunta, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, bħala manifestament inġusta.

29

Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn jillimitaw ruħhom li jiżguraw li ċ-ċirkustanzi previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 jagħtu lill-kreditur id-dritt li jeżiġi l-interessi moratorji u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Kif jirriżulta mill-premessa 28 ta’ din id-direttiva, l-impossibbiltà li tali dritt jiġi eskluż permezz ta’ kuntratt hija intiża li twaqqaf l-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kreditur, li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ma jistax jirrinunzja għalih.

30

Fi kliem ieħor, l-għan tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2011/7 huwa li jiġi evitat li r-rinunzja mill-kreditur għall-interessi moratorji jew għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma sseħħx sa mill-konklużjoni tal-kuntratt, jiġifieri fil-mument tal-eżerċizzju tal-libertà kuntrattwali tal-kreditur u għalhekk li jiġi evitat ir-riskju possibbli ta’ abbuż ta’ din il-libertà mid-debitur għad-detriment tal-kreditur.

31

Min-naħa l-oħra, meta, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/7 huma ssodisfatti u l-interessi moratorji kif ukoll il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru huma eżiġibbli, il-kreditur, fid-dawl tal-libertà kuntrattwali tiegħu, għandu jibqa’ liberu li jirrinunzja għall-ammonti dovuti abbażi tal-imsemmija interessi u tal-kumpens, b’mod partikolari, inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali.

32

Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, li tispeċifika li din ma għandhiex tobbliga kreditur jitlob interessi moratorji.

33

Konsegwentement, kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, mid-Direttiva 2011/7 ma jirriżultax li din tipprekludi li l-kreditur liberament jirrinunzja għad-dritt li jitlob l-interessi moratorji kif ukoll il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.

34

B’dan premess, tali rinunzja hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun ġiet mogħtija b’kunsens effettivament liberu, b’tali mod li din ma tkunx tikkostitwixxi, min-naħa tagħha, abbuż tal-libertà kuntrattwali tal-kreditur attribwibbli lid-debitur.

35

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rinunzja twettqitx b’kunsens liberu, għandu jiġi żgurat li l-kreditur verament seta’ juża kull rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jitlob, li kieku xtaq, il-ħlas sħiħ tad-dejn tiegħu, li jinkludi l-interessi moratorji u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2011/7, u b’mod partikolari, l-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-kreditur jirrinunzja għall-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali ta’ djun eżiġibbli, sakemm tali rinunzja tkun saret b’kunsens liberu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq it-tielet domanda

37

B’dan premess, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, peress li din tal-aħħar saret biss fl-ipoteżi fejn tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domandi.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali, u b’mod partikolari, l-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-kreditur jirrinunzja għall-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali ta’ djun eżiġibbli, sakemm tali rinunzja tkun saret b’kunsens liberu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.