SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Direttiva 2009/22/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Effett erga omnes ta’ klawżoli inġusti li jinsabu f’reġistru pubbliku — Sanzjoni pekunjarja imposta fuq bejjiegħ jew fornitur li jkun uża klawżola ekwivalenti għal dik inkluża fl-imsemmi reġistru — Bejjiegħ jew fornitur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali””

Fil-Kawża C-119/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Biuro podróży “Partner” sp. z o.o. sp.k. w Dąbrowie Górniczej

vs

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Biuro podróży “Partner” sp. z o.o. sp. komandytowa w Dąbrowie Górniczej, minn I. Bryła-Rokicka, konsulent legali,

għall-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów, minn D. Sprzączkowska, konsulent legali,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Nowak kif ukoll minn M. Kamejsza, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u A. Szmytkowska kif ukoll minn D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30), kif ukoll tal-Artikolu 267 TFUE

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Biuro podróży “Partner” sp. z o.o. sp.k. w Dąbrowie Górniczej (iktar ’il-quddiem “Biuro Partner”) u l-Prezes Urząd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, Il-Polonja) dwar l-użu minn Biuro Partner ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali illegali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“3. L-Anness [ta’ din id-direttiva] għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

4

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3.   Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

6

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

7

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13 u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), emendat id-Direttiva 93/13 sabiex tobbliga lill-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi f’ċerti oqsma.

8

L-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13, inkluż f’din tal-aħħar permezz tad-Direttiva 2011/83, b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2014, jiddisponi:

“1.   Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti, b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet:

[…]

ikun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt li għandhom jitqiesu bħala inġusti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi u l-kummerċjanti, fost affarijiet oħra fuq sit elettroniku apposta.

[…]”

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/22 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ġej:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1.”

10

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Azzjonijiet għal inġunzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 li jfittxu:

a)

li jwaqqfu jew jimpedixxu kwalunkwe ksur, bil-ħeffa kollha meħtieġa, fejn xieraq permezz ta’ proċedura sommarja;

b)

fejn ikun il-każ, li jiksbu miżuri bħalma huma l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, fit-tali forma li tinftiehem li hi adegwata u/jew il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva bil-għan li jiġu eleminati l-effetti kontinwi tal-ksur;

[…]”

11

Id-Direttiva 93/13 hija msemmija fil-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/22, intitolat “Lista tad-Direttivi koperti mill-Artikolu 1”.

Id-dritt Pollakk

Il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi

12

Skont l-Artikolu 24 tal-Ustawa o ochronie konkurencji i konsumentów (liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi), tas-16 ta’ Frar 2007 (Dz. U. Nru 50, pożizzjoni 331), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi”):

“1.   L-użu ta’ prattiki li jippreġudikaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi huwa pprojbit.

2.   Prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi tfisser kull aġir illegali ta’ bejjiegħ jew fornitur li jhedded dawn l-interessi, b’mod partikolari:

1)

l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li huma inklużi fir-reġistru tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, imsemmi fl-Artikolu 479 45 tal-Ustawa – Kodeks postępowania cywilnego [(liġi li tistabbilixxi l-kodiċi ta’ proċedura ċivili)] tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U., Nru 43, pożizzjoni 296, kif emendata);

[…]”

13

L-Artikolu 106 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jipprevedi:

“1.   Il-president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jimponi fuq il-bejjiegħ jew il-fornitur multa li l-ammont tagħha ma għandux jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena tal-impożizzjoni tal-multa, meta dak il-bejjiegħ jew il-fornitur, anki jekk biss b’mod involontarju:

[…]

4)

għamel użu minn prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 24.

[…]”

Il-kodiċi ta’ proċedura ċivili

14

L-Artikoli 398 1, 398 3, 479 42, 479 43 u 479 45 tal-liġi tas-17 ta’ Novembru 1964 li tistabbilixxi l-kodiċi ta’ proċedura ċivili, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ proċedura ċivili”), jipprovdu:

“Artikolu 398 1

“1.   Appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy [(qorti suprema, il-Polonja)] jista’ jiġi ppreżentat kontra s-sentenza definittiva jew id-digriet ta’ ċaħda tat-talba jew ta’ konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni li jagħlaq il-proċedura, f’kawża li toriġina minn qorti tat-tieni istanza, minn parti, mill-Prokurator Generalny [(prosekutur pubbliku ġenerali)], mir-Rzecznik Praw Obywatelskich [(medjatur għad-drittijiet taċ-ċittadini)] jew mir-Rzecznik Praw Dziecka [(medjatur għad-drittijiet tat-tfal)], sakemm regola speċifika ma tipprovdix mod ieħor.

[…]

Artikolu 398 3

“1.   L-appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat minn parti fuq il-bażi tal-aggravji li ġejjin:

1)

ksur tad-dritt sostantiv minħabba interpretazzjoni żbaljata tiegħu jew applikazzjoni ħażina tiegħu.

2)

ksur tar-regoli proċedurali, jekk il-ksur seta’ jkollu effett sostanzjali fuq l-eżitu tal-kawża.

[…]

Artikolu 398 9

1.   Is-Sąd Najwyższy [(qorti suprema)] tikkunsidra li l-appell ta’ kassazzjoni huwa ammissibbli meta:

1)

il-kawża timplika kwistjoni legali essenzjali;

2)

huwa neċessarju li jiġu interpretati dispożizzjonijiet legali li jqajmu dubji serji jew li jwasslu għal diverġenzi fil-ġurisprudenza;

3)

il-proċeduri huma vvizzjati b’nullità jew

4)

l-appell ta’ kassazzjoni huwa manifestament fondat.

2.   Is-Sąd Najwyższy [(qorti suprema)] għandha tiddeċied, in camera dwar l-ammissibbiltà tal-appell ta’ kassazzjoni. Id-deċiżjoni tagħha ma tirrikjedix motivazzjoni bil-miktub.

[…]

Artikolu 479 42

1.   Jekk it-talba tintlaqa’, il-qorti tirriproduċi, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, il-kontenut tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u tipprojbixxi l-użu tagħhom.

[…]

Artikolu 479 43

Id-deċiżjoni definittiva tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ terzi mal-inklużjoni tal-klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 47945(2).

[…]

Artikolu 479 45

1.   Kopja tad-deċiżjoni definittiva li tilqa’ t-talba għandha tintbagħat mill-qorti lill-president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi.

2.   Il-president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi għandu, abbażi tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, iżomm ir-reġistru tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali.

3.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 2 huwa pubbliku.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Biuro Partner hija kumpannija Pollakka attiva fil-qasam tas-servizzi turistiċi.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011, il-president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi kkonstata li Biuro Partner kienet użat klawżoli meqjusa ekwivalenti għall-klawżoli meqjusa illegali waqt proċeduri li kienu jikkonċernaw bejjiegħa jew fornituri oħra u li huma inklużi fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali illegali. Skont il-president ta’ dan l-uffiċċju, dawn il-klawżoli użati minn Biuro Partner kienu jippreġudikaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u kienu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ multa ta’ PLN 27127 (madwar EUR 6400).

17

HK Zakład Usługowo Handlowy “Partner” sp. z o.o., li tagħha Biuro Partner hija s-suċċessur, ikkontestat l-ekwivalenza tal-klawżoli użati minn din il-kumpannija u ta’ dawk inklużi fl-imsemmi reġistru.

18

Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors ta’ Biuro Partner intiż kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, filwaqt li ddeċidiet, bħal dan tal-aħħar, li l-klawżoli mqabbla kienu ekwivalenti.

19

Biuro Partner appellat minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja).

20

Din il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-Direttivi 93/13 u 2009/22. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tagħmel referenza għas-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-effett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata l-illegalità ta’ klawżoli meqjusa inġusti, tista’ tiġi estiża għall-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew kuntratt li jinkludi l-istess klawżoli mal-istess bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkunu parti fil-proċedura mressqa kontra dan tal-aħħar. Id-dubji ta’ din il-qorti jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ jekk dan huwiex ukoll il-każ fir-rigward tal-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt, li jinkludi l-istess klawżoli, ma’ bejjiegħ jew fornitur differenti li ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kkonċernati.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 6(1) u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13[…] u tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22[…] l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali minn deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u li huma inklużi fir-reġistru ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali jista’ jitqies, fir-rigward ta’ professjonist [bejjiegħ jew fornitur] ieħor li ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni fir-reġistru ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, bħala aġir illegali li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li, fil-proċedura amministrattiva nazzjonali, jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa?

2)

Fid-dawl tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 tat-[TFUE], qorti tat-tieni istanza li d-deċiżjoni tagħha, mogħtija fl-appell, tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni, kif inhu previst mil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Pollakk, hija qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati taħt id-dritt intern, jew hija s-Sąd Najwyższy (Qorti suprema), li għandha l-kompetenza sabiex tisma’ appell ta’ kassazzjoni?

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u li huma inklużi f’reġistru nazzjonali ta’ tali klawżoli meqjusa illegali, jitqies, fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli fl-imsemmi reġistru, bħala aġir illegali, li jista’ jiġi ssanzjonat bl-impożizzjoni ta’ multa.

23

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, esprimew id-dubji tagħhom dwar il-konformità ta’ sistema nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, b’mod iktar preċiż, mal-Artikolu 47 tagħha, sa fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur, konformement ma’ din is-sistema, ikun imċaħħad mill-possibbiltà li jressaq argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ natura inġusta ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni u jkun, għalhekk, imċaħħad mid-dritt għal smigħ tiegħu.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 19).

25

F’din il-kawża, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi t-traspożizzjoni tad-Direttivi 93/13 u 2009/22. Għalhekk, is-sanzjoni pekunjarja imposta fuq Biuro Partner fuq il-bażi ta’ din is-sistema tikkostitwixxi implementazzjoni ta’ dawn id-direttivi. Għaldaqstant, id-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom ikunu osservati.

26

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni, fid-Direttivi 93/13 u 2009/22, li tipprevedi espressament sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-bejjiegħ jew għall-fornitur, dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

27

Konsegwentement, l-interpretazzjoni tad-Direttivi 93/13 u 2009/22 fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kull persuna li d-drittijiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jistgħu jinkisru tgawdi minn rimedju ġudizzjarju effettiv. Issa, ma humiex ikkonċernati biss il-konsumaturi li jsostnu li huma leżi minn klawżola inġusta ta’ kuntratt li huma kkonkludew ma’ bejjiegħ jew fornitur, iżda wkoll bejjiegħ jew fornitur, bħal Biuro Partner, li jsostni li l-fatt li l-klawżola kuntrattwali kontenzjuża ma tistax tiġi kklassifikata bħala illegali u tiġi ssanzjonata permezz ta’ multa biss, minħabba l-fatt li klawżola ekwivalenti kienet ġiet inkluża fir-reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, mingħajr ma dan il-bejjiegħ jew fornitur kien parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ tali klawżola f’dan ir-reġistru.

28

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq il-premessa li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C-8/14, EU:C:2015:731, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fir-rigward ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C-8/14, EU:C:2015:731, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Barra minn hekk, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li jikkostitwixxu l-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi, sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C-482/13, C-484/13, C‑485/13 u C-487/13, EU:C:2015:21, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Dan l-għan li jikkonsisti fit-twaqqif tal-prattiki illegali huwa wkoll imfittex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/22, li tikkompleta, fil-qasam tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi proċedurali adegwati relattivi għall-azzjonijiet għal inġunzjoni, il-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita mid-Direttiva 93/13.

32

Huwa fil-kuntest imfakkar fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba twieġeb għall-ewwel domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, jirriżulta li l-mezzi użati mid-dritt Pollakk, b’mod partikolari ż-żamma ta’ reġistru nazzjonali ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, huma intiżi sabiex jissodisfaw aħjar l-obbligi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previsti mid-Direttivi 93/13 u 2009/22.

34

Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi dan ir-reġistru nazzjonali bħala intiż li jilħaq tliet għanijiet, sabiex tiżdied l-effettività tal-projbizzjoni ta’ użu ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti.

35

Fl-ewwel lok, l-imsemmi reġistru, li huwa pubbliku u li jista’, konsegwentement, jiġi kkonsultat minn kull konsumatur u minn kull bejjiegħ jew fornitur, għandu l-għan li jnaqqas il-faċilità ta’ tixrid u ta’ riproduzzjoni ta’ klawżoli meqjusa illegali minn bejjiegħa jew fornituri oħra għajr dawk li wasslu għall-inklużjoni ta’ tali klawżoli fir-reġistru kkonċernat. Konsegwentement, dan ir-reġistru jikkontribwixxi għat-trasparenza tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi adottata mid-dritt Pollakk u, għaldaqstant, għaċ-ċertezza legali riżultanti. Fl-aħħar nett, l-imsemmi reġistru jsaħħaħ il-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, billi jevita l-multiplikazzjoni ta’ proċeduri legali relatati ma’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali analogi, użati minn dawn il-bejjiegħa jew fornituri l-oħra.

36

Fir-rigward ta’ tali reġistru, l-ewwel nett, ma jistax jiġi kkonstestat li l-ħolqien tiegħu huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tagħha, jirriżulta li l-Istati Membru jistgħu jistabbilixxu listi ta’ klawżoli kuntrattwali meqjusa inġusti. Skont l-Artikolu 8a ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2011/83, applikabbli għall-kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014, l-Istati Membri huma obbligati jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ tali listi. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn il-listi jew reġistri stabbiliti minn korpi nazzjonali jissodisfaw, bħala prinċipju, l-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest tad-Direttiva 93/13.

37

It-tieni nett, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li mhux biss il-ħolqien ta’ reġistru, bħal dak stabbilit mill-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, iżda wkoll il-ġestjoni ta’ dan ir-reġistru għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva u, b’mod iktar ġenerali, mid-dritt tal-Unjoni.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi reġistru għandu jiġi ġġestit b’mod trasparenti mhux biss fl-interess tal-konsumaturi, iżda fl-interess tal-bejjiegħa jew tal-fornituri wkoll. Dan ir-rekwiżit jimplika, partikolarment, li dan jiġi sstrutturat b’mod ċar, indipendentement min-numru ta’ klawżoli inklużi.

39

Barra minn hekk, il-klawżoli inklużi fir-reġistru kkonċernat għandhom jissodisfaw il-kriterju ta’ attwalità, li jimplika li dan ir-reġistru għandu jkun aġġornat bir-reqqa u li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-klawżoli li ma għandhomx iktar ikunu inklużi għandom jitneħħew minnufih.

40

Minbarra dan, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-bejjiegħ jew il-fornitur li tiġi imposta fuqu multa minħabba l-użu ta’ klawżola meqjusa ekwivalenti għal klawżola inkluża fir-reġistru kkonċernat għandu, b’mod partikolari, ikollu possibbiltà ta’ rimedju kontra din is-sanzjoni. Dan id-dritt għal rimedju għandu jkun jista’ jkopri kemm l-evalwazzjoni tal-aġir ikkunsidrat illegali kif ukoll l-ammont tal-multa stabbilit mill-korp nazzjonali kompetenti, f’dan il-każ l-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi.

41

Fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni, mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dritt Pollakk, il-multa imposta fuq il-bejjiegħ jew il-fornitur hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-klawżola kontenzjuża użata minnu hija ekwivalenti għal klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u inkluża fir-reġistru miżmum mill-imsemmi uffiċċju. F’dan ir-rigward, is-sistema Pollakka tipprevedi li l-bejjiegħ jew il-fornitur għandu d-dritt jikkontesta din l-ekwivalenza quddiem qorti speċjalizzata, jiġifieri s-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, il-Polonja). Din il-qorti għandha l-funzjoni speċifika li tivverifika l-klawżoli ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali u, għaldaqstant, li tippreżerva l-uniformità tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

42

Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami mwettaq mill-qorti kompetenti ma huwiex limitat għal sempliċi paragun formali tal-klawżoli eżaminati ma’ dawk inklużi fir-reġistru kkonċernat. Għall-kuntrarju, dan l-eżami jikkonsisti f’evalwazzjoni tal-kontenut tal-klawżoli kontenzjużi, sabiex jiġi ddeterminat jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti speċifiċi għal kull każ, dawn il-klawżoli humiex materjalment identiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti tagħhom, għal dawk inklużi f’dan ir-reġistru.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, ma jistax jiġi sostnut li sistema nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikser id-drittijiet tad-difiża tal-bejjiegħ jew tal-fornitur jew il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

44

Fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta, stabbilit mill-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi, sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur.

45

Għalkemm, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-iffissar ta’ multa minħabba l-użu ta’ klawżola meqjusa inġusta huwa bla dubju mezz intiż għall-waqfien ta’ dan l-użu, dan il-mezz għandu madankollu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw lil kull bejjiegħ jew fornitur li jqis li l-multa imposta fuqu ma tissodisfax dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jkun jista’ jippreżenta rikors sabiex jikkontesta l-ammont ta’ din il-multa.

46

Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sistema nazzjonali Pollakka inkwistjoni tagħtix lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li ġiet imposta fuqu multa mill-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi d-dritt li jippreżenta rikors sabiex jikkontesta l-ammont ta’ din il-multa, billi jinvoka n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22 kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u li huma inklużi f’reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, jitqies, fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli fl-imsemmi reġistru, bħala aġir illegali, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan il-bejjiegħ jew fornitur igawdi minn dritt għal rimedju effettiv

kemm kontra d-deċiżjoni li tammetti l-ekwivalenza tal-klawżoli mqabbla li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti speċifiċi għal kull każ, dawn il-klawżoli humiex materjalment identiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti prodotti għad-detriment tal-konsumaturi,

kif ukoll kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi, skont il-każ, l-ammont tal-multa imposta.

Fuq it-tieni domanda

48

It-tieni domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

49

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija magħmula minħabba li, fuq livell nazzjonali, il-klassifikazzjoni tal-appell ta’ kassazzjoni bħala rimedju, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hija kontroversjali.

50

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li kull ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa kkunsidrat bħala motiv ta’ kassazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3983 (1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti tikkonkludi li hija ma tagħmilx parti mill-qrati imsemmija fit-tielet paragafu tal-Artikolu 267 TFUE peress li kontra d-deċiżjonijiet tagħha hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali,.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif imfakkar kemm mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni, f’kawżi kkaratterizzati minn sistemi ta’ rimedji ġudizzjarji nazzjonali komparabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”.

52

F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali tal-appell li jistgħu jiġu kkontestati mill-partijiet quddiem Qorti suprema ma humiex deċiżjonijiet ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Il-fatt li l-eżami fil-mertu ta’ dawn il-kontestazzjonijiet huwa suġġett għal dikjarazzjoni minn qabel ta’ ammissibbiltà minn qorti suprema ma għandux l-effett li jċaħħad lill-partijiet minn rimedju ġudizzjarju (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward ta’ sistema proċedurali li tillimita ruħha li timponi restrizzjonijiet, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tal-motivi li jistgħu jiġu invokati quddiem tali qorti, li għandhom jallegaw ksur tal-liġi (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, punt 77).

54

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza relatata ma’ sistemi ta’ rimedju ġudizzjarju fid-dritt nazzjonali komparabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti bħalma hija l-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha, mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, jistgħu jkunu suġġetti għal appell ta’ kassazzjoni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali, li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u li huma inklużi f’reġistru nazzjonali tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, jitqies, fir-rigward ta’ bejjiegħ jew fornitur li ma kienx parti fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli fl-imsemmi reġistru, bħala aġir illegali, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan il-bejjiegħ jew fornitur igawdi minn dritt għal rimedju effettiv, kemm kontra d-deċiżjoni li tammetti l-ekwivalenza tal-klawżoli mqabbla li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti speċifiċi għal kull każ, dawn il-klawżoli humiex materjalment identiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti prodotti għad-detriment tal-konsumaturi, kif ukoll kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi, skont il-każ, l-ammont tal-multa imposta.

 

2)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti bħalma hija l-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha, mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, jistgħu jkunu suġġetti għal appell ta’ kassazzjoni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.