SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
tal‑21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) – Artikolu 6(1) – Dikjarazzjoni ta’ nullità – Limitazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta”
Fil-Kawżi magħquda C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Granada (qorti tal-kummerċ Nru 1 ta’ Granada, Spanja) (C‑154/15), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2015, kif ukoll mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) (C‑307/15 u C‑308/15), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Ġunju 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2015, fil-proċeduri
Francisco Gutiérrez Naranjo
vs
Cajasur Banco SAU (C‑154/15),
Ana María Palacios Martínez
vs
Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA) (C‑307/15),
Banco Popular Español SA
vs
Emilio Irles López,
Teresa Torres Andreu (C‑308/15),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta u M. Ilešič, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal F. Gutiérrez Naranjo, minn A. Navarro Vidal, A. Martínez Muriel, D. Pineda Cuadrado u L. Pineda Salido, avukati, |
– |
għal A. M. Palacios Martínez, minn F. J. Zambudio Nicolas, avukat u R. López Coloma, prokuratur, |
– |
għal Banco Popular Español SA, minn C. Fernández Vicién, I. Moreno-Tapia Rivas u J. Capell, avukati, |
– |
għal Cajasur Banco SAU, minn J. Remón Peñalver u D. Sarmiento Ramirez-Escudero, avukati, |
– |
għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA), minn J. Rodríguez Cárcamo u A. Rodríguez Conde, avukati, |
– |
għal E. Irles López u T. Torres Andreu, minn Y. Sánchez Orts, prokuratur u F. García Cerrillo, avukat, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u M. Sampol Pucurull, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková kif ukoll minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn S. Ford, barrister, kif ukoll minn K. Smith u B. Kennelly, QC, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov, N. Ruiz García u J. Baquero Cruz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn persuni li ssottoskrivew self ipotekarju ma’ stabbilimenti ta’ kreditu, dwar id-dritt għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ klawżoli kuntrattwali li l-karattru inġust tagħhom ġie kkonstatat fil-qrati. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tipprevedi: “[...] tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti […]” |
4 |
It-tnax-il premessa ta’ din id-direttiva tispeċifika: “[...] l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;” |
5 |
Skont l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13: “[…] l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”. |
6 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13: “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.” |
7 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva: “Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.” |
8 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu. 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.” |
9 |
L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi: “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. [...]” |
10 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
11 |
Konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id-dritt Spanjol
Il-leġiżlazzjoni
12 |
Skont l-Artikolu 1303 tal-Código Civil (kodiċi ċivili): “Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-affarijiet li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-frott minn dawn l-affarijiet u l-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli li ġejjin.” |
13 |
L-Artikolu 82(1) tat-texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios u otras leyes complementarias (test ta’ riformulazzjoni tal-liġi ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra kumplimentari), approvat bir-Real Decreto Legislativo 1/2007 (Digriet Irjali leġiżlattiv Nru 1/2007), tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat‑30 ta’ Novembru 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LGDCU”), jipprovdi: “Għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.” |
14 |
L-Artikolu 83 tal-LGDCU jipprevedi: “Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso jure u huma kkunsidrati mhux miktuba. Għal dan l-għan, wara li tisma’ lill-partijiet, il-qorti tikkonstata n-nullità tal‑klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
15 |
L-Artikolu 5(5) tal-Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación (Liġi 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali), tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal‑14 ta’ April 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LCGC”) jipprovdi: “It-tfassil tal-klawżoli ġenerali għandu jissodisfa l-kriterji ta’ trasparenza, ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ sempliċità.” |
16 |
L-Artikolu 7 tal-LCGC jipprevedi: “Il-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin jitqiesu li ma humiex fil-kuntratt:
|
17 |
Skont l-Artikolu 8 tal-LCGC: “1. Huma ipso jure nulli l-kundizzjonijiet ġenerali li, bi ħsara għall-aderent, imorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi jew ta’ kull regola oħra imperattiva jew projbittiva, ħlief jekk dawn ma jippenalizzawx b’mod differenti l-ksur tagħhom. 2. B’mod partikolari, huma nulli l-kundizzjonijiet ġenerali inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur [...].” |
Il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja)
– Is-sentenza Nru 241/2013 tad‑9 ta’ Mejju 2013
18 |
Adita b’azzjoni kollettiva ta’ inibizzjoni ppreżentata minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi kontra diversi stabbilimenti ta’ kreditu, fis-sentenza Nru 241/2013, tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), wara li kkonstatat il-karattru inġust tal-klawżoli li jipprevedu rata minima li l-varjazzjoni tar-rata ta’ interessi ma tistax tkun inqas minnha (iktar ’il quddiem il-klawżoli “ta’ rata minima”), inklużi fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi ma’ konsumaturi, iddikjarat in-nullità ta’ dawn il-klawżoli. |
19 |
Din il-qorti qieset li l-imsemmija klawżoli, li kienu jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratti inkwistjoni, kienu grammatikalment jinftiehmu għall-konsumaturi u kienu għalhekk jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Konsegwentement, għall-imsemmija qorti, ma kienx hemm lok li jitqiesu li għandhom karattru inġust, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309). |
20 |
Madankollu, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-prinċipji affermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180), l-imsemmija qorti kkonstatat li r-rekwiżit ta’ trasparenza, previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandu jinftiehem li jinkludi l-osservanza mhux biss ta’ aspett formali iżda wkoll ta’ aspett materjali, li għandu l-istess portata bħar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, u marbut mal-fatt li għandha tiġi pprovduta biżżejjed informazzjoni lill-konsumaturi, matul il-konklużjoni tal-kuntratt, fir-rigward tal-konsegwenzi legali u ekonomiċi li jirriżultaw għalihom mill-applikazzjoni tal-klawżoli relatati, b’mod partikolari, mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt. |
21 |
Issa, skont it-Tribunal Supremo (qorti suprema), fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013, ir-rekwiżit ta’ trasparenza materjali ma kienx issodisfatt, sa fejn l-istabbilimenti bankarji kkonċernati ma kinux ipprovdew tali informazzjoni lill-konsumaturi matul il-konklużjoni tal-kuntratti li jinkludu klawżoli “ta’ rata minima”. Għaldaqstant, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) wettqet l-analiżi tal-karattru eventwalment inġust ta’ dawn il-klawżoli, fid-dawl tal-kriterji ġenerali ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza elenkati fl-Artikolu 3(1), fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, u ddikjarat in-nullità tal-imsemmija klawżoli abbażi tan-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom minħabba li ma ingħatatx biżżejjed informazzjoni lil min jissellef dwar il-konsegwenzi konkreti tal-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. |
22 |
It-Tribunal Supremo (qorti suprema) madankollu qieset li l-kuntratti ta’ self ipotekarju kkonċernati setgħu jkomplu jeżistu u, barra minn hekk, illimitat ir-retroattività tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima”. |
23 |
Fil-fatt, f’ dan ir-rigward, wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja applikata għad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli inġusti, il-klawżoli kkonċernati kellhom jitqiesu li ma għandhom ebda effett, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) irrilevat li, minkejja r-regola ġenerali tal-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità, dan l-effett ma setax jinjora l-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
24 |
It-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li l-klawżoli “ta’ rata minima” kienu leċiti bħala tali, li kienu jissodisfaw raġunijiet oġġettivi, li la kienu mhux tas-soltu u lanqas estravaganti, li l-użu tagħhom kien ittollerat għal żmien twil fis-suq tal-krediti għall-immobbli, li n-nullità tagħhom kienet ibbażata fuq nuqqas ta’ trasparenza minħabba informazzjoni suffiċjenti lil min jissellef, li l-istabbilimenti bankarji kienu osservaw ir-rekwiżiti regolatorji ta’ informazzjoni, li l-iffissar ta’ rata minima ta’ interessi kien jissodisfa l-bżonn ta’ effiċjenza minima ta’ dan is-self ipotekarju li kien jippermetti lill-istabbilimenti bankarji li jkopru l-ispiża għall-produzzjoni u sabiex ikompli jagħtu dan il-finanzjament, li l-klawżoli “ta’ rata minima” kienu kkalkolati b’mod li ma jwasslux għal tibdil sinjifikattiv fl-ammonti li għandhom jitħallsu inizjalment, ammonti li l-fornituri kienu jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jiddeċiedu l-azzjonijiet ekonomiċi tagħhom, li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet tawtorizza s-sostituzzjoni tal-kreditur u li r-retroattività tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli inkwistjoni twassal għal problemi ekonomiċi kbar. |
25 |
Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, illimitat l-effetti tas-sentenza tagħha mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, billi ddeċidiet li l-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima” ikkonċernati la jaffettwaw is-sitwazzjonijiet definittivament deċiżi b’deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata u lanqas il-ħlasijiet li saru qabel id‑9 ta’ Mejju 2013, b’mod illi huma biss l-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ dawn il-klawżoli wara din id-data li setgħu jitħallsu lura. |
– Is-sentenza Nru 139/2015 tal‑25 ta’ Marzu 2015
26 |
Fis-sentenza Nru 139/2015 tagħha, tal‑25 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015”), it-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkonfermat il-limitazzjoni tal-effetti retroattivi tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola “ta’ rata minima” fil-kuntest ta’ rikors individwali ta’ konsumatur li kien qiegħed jitlob il-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ tali klawżola. B’hekk, din il-qorti estendiet is-soluzzjoni li kienet ingħatat fis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 għall-azzjonijiet kollettivi ta’ inibizzjoni b’mod li ġiet tinkludi l-azzjonijiet individwali ta’ inibizzjoni u għall-kumpens. Għaldaqstant, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, l-obbligu ta’ ħlas lura kien limitat biss għall-ammonti mħallsa indebitament wara li ngħatat is-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013. |
Il-fatti fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑154/15
27 |
Francisco Gutiérrez Naranjo għamel kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ Cajasur Banco SAU li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. |
28 |
Billi bbaża ruħu fuq id-Direttiva 93/13 kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema), F. Gutiérrez Naranjo adixxa l-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Granada (qorti tal-kummerċ Nru 1 ta’ Granada, Spanja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din il-kawżola “ta’ rata minima” u għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ din il-klawżola. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba l-karattru inġust tagħha huma limitati għall-perijodu biss wara din id-dikjarazzjoni huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. |
30 |
Konsegwentement, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Granada (qorti tal-kummerċ Nru 1 ta’ Granada) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-Kawża C‑307/15
31 |
Fit‑28 ta’ Lulju 2006, Ana María Palacios Martínez ikkonkludiet ma’ Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA) kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. |
32 |
Fis-6 ta’ Marzu 2014, A. M. Palacios Martínez ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (qorti tal-kummerċ ta’ Alicante, Spanja) intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità, minħabba l-karattru inġust ta’ din il-klawżola “ta’ rata minima”, kif ukoll għall-ħlas lura ta’ ammonti rċevuti indebitament mill-istabbiliment bankarju. |
33 |
Fl-ewwel istanza, din il-qorti qieset, billi għamlet riferiment għas-soluzzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, li r-rikors ma kienx għad għandu skop, bla ħsara għall-ħlas lura lir-rikorrenti tal-ammonti li l-istabbiliment bankarju seta’ ġabar skont l-imsemmija klawżola mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza. |
34 |
Adita b’appell, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tas-soluzzjoni mogħtija fl-ewwel istanza mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. |
35 |
Skont din il-qorti, in-nuqqas ta’ retroattività tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta tista’ tkun f’kontradizzjoni kemm mal-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-projbizzjoni li l-effetti ta’ klawżola inġusta jiġu mmoderati fil-qrati. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta jkunu jistgħu jiġu limitati ratione temporis kinux issodisfatti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013. |
36 |
Konsegwentement, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-Kawża C‑308/15
37 |
Fl-1 ta’ Ġunju 2001, Emilio Irles López u Teresa Torres Andreu kkonkludew mal-bank Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “BPE”) kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. Permezz ta’ atti li jemendaw l-att oriġinali, tat‑2 ta’ Mejju 2007 u tal‑14 ta’ Ġunju 2007, il-partijiet ftiehmu dwar żewġ żidied fil-kapital u kull wieħed kien jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. |
38 |
Peress li qiesu li l-modi kif kienu taw il-kunsens tagħhom għall-klawżoli “ta’ rata minima” kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta’ trasparenza, il-persuni li jissellfu adixxew lill-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Alicante (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Alicante, Spanja) b’rikors intiż għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ dawn il-klawżoli u għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi tagħhom. |
39 |
Ir-rikors intlaqa’ fl-ewwel istanza mill-imsemmija qorti, li konsegwentement ikkundannat lil BPE jħallas lura lill-persuni li jissellfu l-ammonti mħallsa indebitament skont dawn il-klawżoli b’effett mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self u l-atti li jemendawh. |
40 |
BPE appella quddiem l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante), billi bbaża ruħu fuq is-sentenzi tad‑9 ta’ Mejju 2013 u tal‑25 ta’ Marzu 2015. |
41 |
Il-qorti tar-rinviju tesprimi, minn naħa, xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-limitazzjoni tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13. Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti, il-fatt li t-Tribunal Supremo (qorti suprema), permezz tas-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2015, estendiet għall-azzjonijiet individwali s-soluzzjoni li kienet ingħatat fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013 fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, jista’ jkollu l-effett li jirrestrinġi d-dritt tal-persuni li jissellfu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ konkret ma jittiħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-punt ta’ tluq tal-obbligu ta’ ħlas lura li jaqa’ fuq l-istabbiliment bankarju li bbenefika mill-effetti ta’ klawżola inġusta. |
42 |
Konsegwentement, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra l-istess seba’ domandi preliminari bħal dawk magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑307/15 domanda tmienja, ifformulata kif ġej:
|
43 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑10 ta’ Lulju 2015, il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza. |
44 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑14 ta’ Awissu 2015, it-talbiet tal-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) intiżi sabiex il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 ikunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġew miċħuda. |
45 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kawża C‑154/15 ġiet magħquda mal-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑154/15 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15
46 |
Permezz taż-żewġ domandi fil-Kawża C‑154/15 kif ukoll permezz tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont din il-klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust. |
47 |
Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Spanjol, ta’ Cajasur Banco kif ukoll ta’ BPE, li l-kwistjoni tal-effetti tal-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, peress li, b’tali konstatazzjoni, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) żgurat livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ogħla minn dak iggarantit minn din id-direttiva. |
48 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta ċertament li, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), sabiex tiġġustifika stħarriġ tal-karattru inġust tal-klawżoli “ta’ rata minima” ikkonċernati, dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratti inkwistjoni, interpretat ir-rekwiżit ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva fis-sens li ma huwiex limitat għall-osservanza tat-trasparenza formali tal-klawżoli kuntrattwali, marbuta man-natura ċara u li tinftiehem tat-tfassil tagħhom, iżda li jestendi għall-osservanza tat-trasparenza materjali tagħhom, marbuta mal-fatt li l-konsumatur għandu jingħata informazzjoni suffiċjenti sa fejn jirrigwarda l-portata kemm ġuridika kif ukoll ekonomika tal-impenn kuntrattwali tiegħu. |
49 |
Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istħarriġ tat-trasparenza materjali tal-klawżoli dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt iseħħ skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi, bl-istess kliem bħal dawk fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li l-klawżoli kuntrattwali għandhom “jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”. |
50 |
Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180 punt 44). |
51 |
Konsegwentement, l-eżami tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, fil-każ li l-konsumatur ma kellux, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, l-informazzjoni meħtieġa fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’mod ġenerali, u tal-Artikolu 6(1) tagħha b’mod partikolari. |
52 |
Għaldaqstant, u sa fejn il-qrati tar-rinviju jirreferu għas-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 li tillimita l-effett restitutorju tal-konstatazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli “ta’ rata minima”, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza tali limitazzjoni minn qorti nazzjonali. |
53 |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur. |
54 |
Din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, in-natura ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 44). |
55 |
Barra minn hekk, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’bilanċ reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 63). |
56 |
Minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 78). |
57 |
Sabiex isir dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha purament u sempliċement ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipprovdix effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma tista’ tirrevedi l-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65). |
58 |
F’dan il-kuntest, minn naħa, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan. |
59 |
Fil-fatt, l-effikaċja sħiħa tal-protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva teħtieġ li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio l-karattru inġust ta’ klawżola għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi kollha ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li l-imsemmija klawżola tiġi annullata (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Jőrös, C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 42). |
60 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali ma tistax tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti, ħlief sabiex tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ tali klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola. |
62 |
Minn dan jirriżulta li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżulta li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju li jikkorrispondi ma’ dawn l-istess ammonti. |
63 |
Fil-fatt, l-assenza ta’ tali effett restitutorju tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, irid jagħti lill-konstatazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur. |
64 |
Ċertament, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumatur “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom” (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 57). |
65 |
Madankollu, il-qafas fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni u bih stess jimmina t-tisħiħ tal-effettività tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, bħalma huwa indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13. |
66 |
Konsegwentement, minkejja li huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom hija stabbilita l-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola f’kuntratt u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi jingħata dritt għall-ħlas lura ta’ benefiċċji miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta. |
67 |
F’dan il-każ, permezz tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, li jagħmlu riferiment għaliha l-qrati tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li l-konstatazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli “ta’ rata minima” ikkonċernati la kienu jaffettwaw is-sitwazzjonijiet definittivament deċiżi b’deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata u lanqas il-ħlasijiet li saru qabel id-data tal-għoti ta’ dik is-sentenza u li, konsegwentement, l-effetti li jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni, b’mod partikolari, id-dritt tal-konsumatur għall-ħlas lura, kienu limitati, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-ammonti mħallsa indebitament sa minn dik id-data. |
68 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, hija tat deċiżjoni fis-sens li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jagħtu, b’mod partikolari, l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, fid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37). Minn dan jirriżulta li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) kellha raġun tiddeċiedi, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, li din tal-aħħar ma kinitx taffettwa s-sitwazzjonijiet deċiżi definittivament b’deċiżjonijiet ġudizzjarji preċedenti li għandhom is-saħħa ta’ res judicata. |
69 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-iffissar ta’ terminu perentorju raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 41). |
70 |
Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni ta’ regola proċedurali, bħal terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli, u limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss, fid-dawl tal-ħtieġa fundamentali ta’ applikazzjoni uniformi u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiddeċiedi l-limitazzjonijiet ratione temporis li għandhom isiru għall-interpretazzjoni li hija tagħti għal tali regola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Barra et, 309/85, EU:C:1988:42, punt 13). |
71 |
Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-drittijiet nazzjonali, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jimminaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jieħdu minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 54 sa 61 ta’ din is-sentenza, li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta. |
72 |
Issa, il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima” li għamlet it-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, twassal biex iċċaħħad, b’mod ġenerali, lil kull konsumatur li kkonkluda, qabel din id-data, kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi tali klawżola mid-dritt li jikseb ħlas lura totali tal-ammonti li huwa ħallas indebitament lill-istabbiliment bankarju abbażi ta’ din il-klawżola fil-perijodu qabel id‑9 ta’ Mejju 2013. |
73 |
Minn dan jirriżulta li ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2013 dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tiżgura protezzjoni limitata biss għall-konsumaturi li jkunu ssottoskrivew kuntratt ta’ self ipotekarju bi klawżola “ta’ rata minima” qabel id-data tal-għoti tas-sentenza li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust. Tali protezzjoni tirriżulta, konsegwentement, inkompleta u insuffiċjenti u tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dawn it-tipi ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 60). |
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-qrati tar-rinviju huma marbuta għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma għandhom ma japplikawx, fuq awtorità tagħhom stess, il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis li għamlet it-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013, sa fejn dan ma jidhirx li huwa kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 29 sa 32, tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 33 u 34; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 36, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 67 sa 70). |
75 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust. |
Fuq id-domandi preliminari l-oħrajn
76 |
Fid-dawl tar-riposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑154/15 kif ukoll għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari l-oħrajn. |
Fuq l-ispejjeż
77 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tal-karattru inġust, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament dan il-karattru inġust. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.