SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tal-14 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Regolament (UE) Nru 492/2011 — Artikolu 7(2) — Għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla — Kundizzjoni għall-istudenti li ma humiex residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li dawn ikunu wlied ħaddiema li kienu ġew impjegati jew li kienu eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’dan l-Istat Membru matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni — Għan intiż sabiex iżid il-proprzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla — Natura xierqa — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-238/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal administratif (qorti amministrattiva il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

Maria do Céu Bragança Linares Verruga,

Jacinto Manuel Sousa Verruga,

André Angelo Linares Verruga

vs

Ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Maria do Céu Bragança Linares Verruga et, minn G. Thomas u L. Urbany, avukati,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn P. Kinsch, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff u C. Thorning, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn I. Jansen, C. Anker u M. Schei, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof, M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Maria do Céu Bragança Linares Verruga kif ukoll Jacinto Manuel Sousa Verruga u André Angelo Linares Verruga kontra l-ministre de l’Enseignement supérieur et de la Recherche (ministru għall-edukazzjoni ogħla u għar-riċerka, il-Lussemburgu) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li A. Linares Verruga jibbenifika minn għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”) kien tħassar b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2011 bir-Regolament Nru 492/2011.

4

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ dan l-aħħar regolament, ir-riferimenti li jsiru għar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jinftiehmu bħala li jsiru għar-Regolament Nru 492/2011.

5

L-Artikolu 7 ta’ dan l-aħħar regolament jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68.

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiem nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

[…]”

6

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, “[i]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk”.

7

L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat.Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Id-dritt Lussemburgiż

8

L-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla hija rregolata mil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2000, p. 1106, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla”), li ġiet emendata diversi drabi.

9

Din l-għajnuna finanzjarja tingħata taħt forma ta’ borża ta’ studju u ta’ self u tista’ tintalab indipendentement mill-Istat li fih l-applikant beħsiebu jsegwi l-edukazzjoni ogħla tiegħu.

10

Wara emendi introdotti permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-liġi tas‑26 ta’ Lulju 2010 (Mémorial A 2010, p. 2040), L-Artikolu 2 tal-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla tiddefinixxi l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna bil-kliem li ġejjin:

“Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, l-istudenti ammessi biex isegwu l-edukazzjoni ogħla u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

ikunu ċittadini Lussemburgiżi jew membru tal-familja ta’ ċittadin Lussemburgiż u jkollu d-domiċilju tiegħu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew

b)

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-Istati l-oħra li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146),] u tal-Konfederazzjoni Svizzera u jkunu residenti, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-immigrazzjoni, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bħala ħaddiem impjegat, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu, bħala persuna li żżomm dan l-istatus jew bħala membru tal-familja ta’ waħda mill-kategoriji ta’ persuni elenkati hawn fuq, jew li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti […]

[…]”

11

Il-leġiżlazzjoni applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta wara l-emenda tal-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla permezz tal-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 (Mémorial A 2013, p. 3214) (iktar ’il quddiem il-“liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000”).

12

L-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif imdaħħal mill-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013, jipprovdi:

“Student li ma joqgħodx fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jista’ jibbenefika wkoll mill-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla, bil-kundizzjoni li jkun wild ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu, u li dan il-ħaddiem kien impjegat jew kien eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu matul perijodu kontinwu għal mill-inqas ħames snin mill-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent. L-impjieg fil-Lussemburgu għandu jkun mill-inqas nofs il-perijodu normali tax-xogħol applikabbli fl-impriża bis-saħħa tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv tax-xogħol, jekk ikun il-każ, fis-seħħ. Il-ħaddiem li jaħdem għal rasu għandu jkun affiljat b’mod obbligatorju u kontinwu fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bis-saħħa tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali matul il-ħames snin ta’ qabel ma ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla.”

13

Sussegwentement, il-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 kienet tħassret permezz tal-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla (Mémorial A 2014, p. 2188), li ma kinitx fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, il-kundizzjoni tax-xogħol tal-ġenitur tal-istudent mhux residenti matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja kienet ġiet abbandunata għal kundizzjoni ta’ xogħol tal-ġenitur tal-istudent mhux residenti matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin matul perijodu ta’ referenza ta’ seba’ snin ta’ qabel id-data tat-talba għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

A. Linares Verruga, student fl-università ta’ Liège (il-Belġju), joqgħod mal-ġenituri tiegħu, M. Bragança Linares Verruga u J.M. Sousa Verruga, f’Longwy (Franza). M. Bragança Linares Verruga ilha taħdem fil-Lussemburgu bħala persuna impjegata mill-15 ta’ Mejju 2004, b’interruzjoni waħda għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2011 sal‑15 ta’ Jannar 2012. J.M. Sousa Verruga ħadem f’dan l-Istat Membru bħala persuna impjegata bejn l-1 ta’ April 2004 u t‑30 ta’ Settembru 2011 kif ukoll bejn l-4 ta’ Diċembru 2013 u s‑6 ta’ Jannar 2014. Peress li fl-1 ta’ Frar 2014 huwa fetaħ impriża fil-Lussemburgu huwa ħadem għal rasu minn din id-data.

15

A. Linares Verruga talab, bħala student, l-għoti, għas-semestru tax-xitwa tas-sena universitarja 2013/2014, ta’ għajnuna finanzjarja mill-Istat Lussemburgiż għall-edukazzjoni ogħla, fir-rigward tal-preparazzjoni għal diploma.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013, il-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka rrifjuta li jaċċetta din it-talba għall-għajnuna finanzjarja billi bbaża ruħu fuq l-inosservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000.

17

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu ppreżentaw rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2014, il-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka ċaħad dan ir-rikors.

18

A. Linares Verruga talab ukoll lill-Istat Lussemburgiż l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għas-semestru tas-sajf tas-sena universitarja 2013/2014. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2014, il-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka rrifjuta li jaċċetta din it-talba għal għajnuna finanzjarja għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fid-deċiżjoni tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2013.

19

Għaldaqstant, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu, fil‑15 ta’ April 2014, adixxew it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) b’rikors għar-riforma jew l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka tat-28 ta’ Novembru 2013, dik tal-14 ta’ Jannar 2014 u dik tal‑24 ta’ Marzu 2014.

20

Quddiem din il-qorti, A. Linares Verruga u l-ġenituri tiegħu sostnew, prinċipalment, li l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li għaliha għandu dritt kull ħaddiem. Sussidjarjament, huma jsostnu li din l-għajnuna tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, b’tali mod li l-għoti tagħha huwa suġġett għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iddikjarata f’din id-dispożizzjoni.

21

Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-imsemmija għajnuna ma tikkostitwix benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 u jikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1612/68 għall-kawża prinċipali. Dan il-gvern isostni wkoll li l-kwalità ta’ ħaddiem ta’ wieħed mill-ġenituri ta’ student mhux residenti fil-Lussemburgu ma hijiex suffiċjenti waħedha sabiex tagħti lok għad-dritt ta’ dan tal-aħħar għall-għajnuna mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla. Skont l-imsemmi gvern, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), ippermettiet lill-leġiżlatur nazzjonali li jissuġġetta l-għoti ta’ tali għajnuna għall-osservanza tal-kundizzjoni li biha ħaddiem transkonfinali ijkun ħadem fl-Istat Membru kkonċernat għal perijodu ta’ żmien sinjifikattiv. Issa, fil-kawża prinċipali, il-konjuġi Verruga ma jissodisfawx din il-kundizzjoni.

22

It-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) ma aċċettax, fl-ewwel lok, l-argument ta’ A. Linares Verruga u tal-ġenituri tiegħu li biha l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004. F’dan ir-rigward, huwa josserva li dan ir-regolament jirrigwarda l-benefiċċji relatati mal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom u li benefiċċju ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ħlief jekk ikopri riskju soċjali. Issa, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) tqis li l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla ma għandhiex bħala għan li tkopri tali riskju.

23

Skont din il-qorti, l-imsemmija għajnuna finanzjarja ma tistax titqies bħala korrispettiv għat-tneħħija tal-allowances tal-familja għal studenti li għandhom iktar minn 18-il sena. Permezz tan-nomina tal-istudenti bħala benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, il-leġiżlatur Lussemburgiż xtaq jiddedika l-kunċett tal-“awtonomija tal-istudent”, jiġifieri d-dritt ta’ dan tal-aħħar li jkun jista’ jsewgi l-edukazzjoni ogħla tal-għażla tiegħu, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u mill-volontà tal-ġenituri tiegħu, bl-intenzjoni b’mod partikolari li jinkoraġixxi ż-żieda tal-proporzjon tal-persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fil-populazzjoni residenti fil-Lussemburgu. It-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla hija suġġetta biss għal kundizzjonijiet akkademiċi u li tingħata fil-forma ta’ borża ta’ studju jew self fejn l-ammonti jvarjaw biss skont is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali personali tal-istudent kif ukoll l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li jridu jitħallsu minnu.

24

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti ta’ A. Linares Verruga u tal-ġenituri tiegħu bbażati fuq l-inkompatibbiltà tal-liġi emendata tat‑22 ta’ Ġunju 2000 mar-Regolament Nru 1612/68, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-‑Lussemburgu) tikkunsidra li, sakemm il-finanzjament tal-edukazzjoni mgħoti minn Stat Membru lil ulied il-ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

25

Barra minn hekk, din il-qorti tosserva, li, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C-20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 2(b) tal-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba nazzjonalità bejn il-persuni residenti fil-Lussemburgu u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied il-ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività hemmhekk.

26

Skont it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), għalkemm, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kien possibbli għall-leġiżlatur Lussemburgiż li jeżiġi, għall-iskopijiet tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, li l-ħaddiem transkonfinali, ġenitur tal-istudent, ikun ħadem fil-Lussemburgu matul perijodu minimu determinat, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma ddeċidietx li tali rekwiżit għandu jikkostitwixxi kundizzjoni esklużiva u li perijodu ta’ xogħol ta’ ħames snin f’dan l-Istat Membru għandu jkun l-uniku kriterju ammissibbli. Għall-kuntrarju, fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura esklużiva wisq ta’ regola li tiffavorixxi kriterju wieħed biss għall-evalwazzjoni tal-grad ta’ konnessjoni tal-ħaddiem transkonfinali mas-soċjetà Lussemburgiża kif ukoll ir-relevanza u l-ġustifikazzjoni tal-kriterji li jippermettu li jidentifikaw probabbilità raġonevoli tar-ritorn tal-istudent fil-Lussemburgu wara li jispiċċa l-istudji tiegħu.

27

Sussegwentement, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), tirrileva li l-għoti tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla ġiet irrifjutata lil A. Linares Verruga minħabba interruzzjoni ta’ xahrejn u nofs fl-eżerċizzju minn ommu ta’ attività ta’ ħaddiema impjegata fil-Lussemburgu, minkejja l-fatt li din tal-aħħar eżerċitat tali attività matul perijodu globali ta’ kważi tmien snin, għalkemm tali rifjut ma kienx ikun, taħt l-istess kundizzjonijiet, mogħti lil ħaddiem residenti fl-imsemmi Stat Membru.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), tistaqsi jekk il-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 għandhiex natura eċċessiva. Hija tosserva li diskriminazzjoni indiretta hija pprojbita fil-prinċipju, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata, jiġifieri li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiskeb dan il-għan. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-Gvern Lussemburgiż iressaq bħala ġustifikazzjoni n-neċessità li jiżgura li teżisti rabta bejn il-ħaddiem transkonfinali u s-soċjetà Lussemburgiża li tippermetti li wieħed jassumi li, wara li jkun ibbenefika mill-għajnuna mill-Istat sabiex jiffinanzja l-istudji tiegħu, l-istudent, wild ta’ tali ħaddiem, jirritorna fil-Lussemburgu sabiex iqiegħed it-tagħrif li huwa kiseb għas-servizz tal-iżvilupp tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru.

29

Skont it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu), il-Gvern Lussemburgiż jaf bin-natutra eċċessiva u diskriminatorja tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 2a tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000, peress li l-liġi tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla ssostiwixxiet il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol kontinwu ta’ ħames snin bil-kundizzjoni ta’ perijodu totali ta’ xogħol ta’ ħames snin fuq perijodu ta’ referenza ta’ seba’ snin, bil-għan li tippermetti li jitqiesu l-interruzzjonijiet ta’ xogħol, b’mod partikolari, il-perijodi ta’ qgħad. Madankollu, din il-qorti tqis, li, minkejja din il-bidla fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija għajnuna, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 mar-Regolament Nru 1612/68 hija xorta waħda kapaċi li tinfluwenza d-deċiżjoni rigward l-eżitu tad-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Edukazzjoni ogħla u għar-Riċerka fil-kawża prinċipali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kundizzjoni imposta fuq l-istudenti li ma jirrisjedux fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-Artikolu 2a tal-[liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000], bl-esklużjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kriterju ta’ rabta, jiġifieri li wieħed ikun wild ta’ ħaddiema li kienu impjegati jew li eżerċitaw l-attività tagħhom fil-Lussemburgu għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, hija ġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja invokati mill-Istat Lussemburgiż, u xierqa, rispettivament ipproporzjonata meta mqabbla mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li dan l-Istat ifittex li jinkoraġġixxi ż-żieda fil-proporzjon tal-persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, filwaqt li jfittex li jiggarantixxi li dawn il-persuni, wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata għall-finanzjament tal-istudju tagħhom, li jkunu saru skont il-każ barra mill-pajjiż, jirritornaw lejn il-Lussemburgu sabiex iqiegħdu l-għarfien li jkunu akkwistaw għas-servizz tal-iżvilupp ekonomiku ta’ dan l-Istat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 492/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġizlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-‑kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti għall-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-ġenituri ta’ dan tal-aħħar ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja, iżda ma tipprevedix tali kundizzjoni fir-rigward ta’ studenti residenti fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bil-għan li tinkoraġġixxi ż-żieda fil-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla.

Osservazzjonijiet preliminari

32

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, li dakinhar kienet tirriżulta mill-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

33

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għal kundizzjoni ta’ residenza tal-istudent u għalhekk stabbilixxiet differenza fit-trattament bejn il-persuni residenti fil-Lussemburgu u dawk li, mingħajr ma jkunu residenti f’dan l-Istat Membru, huma wlied ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li kundizzjoni ta’ residenza hija imposta fuq studenti, ulied ħaddiema transkonfinali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità, li hija bħala prinċipju pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 46).

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista mill-liġi dwar l-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ġenerali rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni intiż sabiex jippromwovi t-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla u li jżid b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ dawk li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punti 53, 56 u 68).

36

Min-naħa l-oħra, fl-analiżi tagħha tan-neċessità tal-kundizzjoni ta’ residenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din tal-aħħar eċċediet dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan intiż sabiex iżid il-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, sal-punt fejn hija ostakolat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ konnessjoni tal-applikant għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni mas-soċjetà jew mas-suq tax-‑xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħalma huwa l-fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg permanenti f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 83).

37

Wara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-liġi tad-19 ta’ Lulju 2013 emendat il-liġi dwar l-għajnuna finanzjara mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla b’mod li testendi l-benefiċċju ta’ din l-għajnuna lill-istudent li ma huwiex residenti fil-Lussemburgu bil-kundizzjoni li jkun wild ħaddiem impjegat jew jaħdem għal rasu, ċittadin Lussemburgiż jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea impjegat jew li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu u li dan il-ħaddiem kien impjegat jew eżerċita l-attività tiegħu fil-Lussemburgu għall-perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin fil-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla mill-istudent.

38

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-emenda tikkostitwixxix diskriminazzjoni possibbli u, f’dak il-każ, jekk hijiex oġġettivament iġġustifikata.

Fuq l-eżistenza ta ’ diskriminazzjoni

39

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li l-kontenut huwa fformulat fl-istess kliem bħal dak tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fuq it-territorju ta’ Stati Membri oħrajn, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg bi ħlas tagħhom fl-Istat Membru tal-aħħar, huma residenti fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 50, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 37).

40

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex titkompla l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali għall-ħaddiem migrant, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 34, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 38), fejn il-wild ta’ ħaddiem migrant jista’ juża din id-dispożizzjoni huwa nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 26; tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 48, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 40).

41

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40).

42

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla kemm għal kundizzjoni ta’ residenza tal-istudent fuq it-territorju Lussemburgiż kif ukoll, għall-istudenti mhux residenti fuq dan it-territorju, għall-kundizzjoni li wlied ħaddiema li ħadmu jew eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Lussemburgu matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin mill-mument tat-talba għall-għajnuna finanzjarja. Anki jekk hija tapplika bla distinzjoni għal ċittadini Lussemburgiżi u għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, kundizzjoni bħal din ta’ perijodu ta’ xogħol minimu u kontinwu ma hijiex prevista għall-istudenti li huma residenti fuq it-territorju Lussemburgiż.

43

Tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, tista’ tkun ta’ ħsara għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn il-persuni mhux residenti huma normalment persuni li ma humiex ċittadini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 38, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44).

44

Għalhekk, din tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li ma hijiex ammissibbli ħlief bil-kundizzjoni li tkun oġġettivament iġġustifikata. Sabiex tkun iġġustifikata, hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan leġittimu, u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan il-għan.

Fuq l-eżistenza ta ’ għan leġittimu

45

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-għan imfittex mil-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 huwa identiku għall-għan soċjali li kien ġie invokat biex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411). Dan l-għan huwa intiż li jżid b’mod sinjifikattiv fil-Lussemburgu dik il-parti ta’ residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla.

46

Issa, fil-punti 53 u 56 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan soċjali invokat mill-Gvern Lussemburgiż sabiex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għall-għoti ta’ din is-sentenza u intiż sabiex jippromwovi t-tkomplija ta’ edukazzjoni ogħla huwa għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni. Fil-fatt azzjoni mnedija minn Stat Membru sabiex jiżgura li l-popolazzjoni residenti jkollha livell għoli ta’ taħriġ tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.

47

Li jibqa’ huwa li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol kontinwu ta’ ħames snin fil-mument tat-talba għall-borża ta’ studju hijiex xierqa u neċessarja sabiex jinkiseb l-imsemmi għan.

Fuq in-natura xierqa tal-kundizzjoni tal-perijodu tax-xogħol minimu u kontinwu

48

Skont il-Gvern Lusemburgiż, fuq liema opinjoni essenzjalment jaqblu l-Gvernijiet Daniż u Norveġiż, il-kundizzjoni ta’ perijodu tax-xogħol fil-Lussemburgu minimu u kontinwu ta’ ħames snin hija intiża sabiex jiżgura li l-għajnuna finanzjarja tingħata biss lill-istudenti li għandhom rabta ta’ konnessjoni mas-soċjetà Lussemburgiża tali li teżisti probabbiltà għolja ta’ installazzjoni fil-Lussemburgu u ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Lussemburgiż fi tmiem l-edukazzjoni ogħla. Dan il-għan jinkiseb jekk il-ġenitur, ħaddiem transkonfinali, għandu impjieg permanenti fil-Lussemburgu u diġà ħadem hemmhekk għal perijodu sinjifikattiv, għaliex dan jikkostitwixxi element rappreżentattiv tal-livell reali ta’ konnessjoni mas-soċjetà jew mas-suq tax-xogħol Lussemburgiż. Ċirkustanzi bħal dawn jippermettu li wieħed jassumi li l-eżempju tal-ġenituri x’aktarx ser jinfluwenza, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, l-għażla tal-karriera tal-istudent.

49

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali, il-fatt li għandu hom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, bħala prinċipju, joħloq rabta ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li hemmhekk jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla mal-ħaddiema nazzjonali fir-rigward ta’ vantaġġi soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 65, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63).

50

Ir-rabta tal-integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-ħaddiema migranti jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività ta’ impjieg li jeżerċitaw. Għalhekk, huma għandhom jibbenefikaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 66, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 63).

51

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali indirettament diskriminatorja u li tirrestrinġi l-għoti ta’ vantaġġi soċjali lill-ħaddiema transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fl-assenza ta’ rabta suffiċjenti mas-soċjetà li fiha jeżerċitaw attività mingħajr ma jirrisjedu hemmhekk tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-‑għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, EU:C:2007:437, punti 30 sa 35 u 37; tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 26; tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C‑287/05, EU:C:2007:494, punti 54 u 55, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 64).

52

Għalhekk, fil-punti 26 u 28 sa 30 tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven (C‑213/05, EU:C:2007:438), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tipprevedi li dawk li jistgħu jitolbu benefiċċju soċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huma biss dawk il-ħaddiema li, permezz tal-għażla tar-residenza tagħhom, stabbilixxew rabta effettiva mas-soċetà ta’ dan l-Istat Membru, kif ukoll, fir-rigward tal-ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività professjonali fl-imsemmi Stat Membru filwaqt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, dawk li jeżerċitaw attività professjonali li taqbeż il-limitu ta’ impjieg minuri, peress li kontribuzzjoni oġġettiva għas-suq tax-xogħol nazzjonali kienet meqjusa bħala li tikkostitwixxi wkoll element validu ta’ integrazzjoni mas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat.

53

Fil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-kundizzjoni tar-residenza minn qabel tal-istudent fil-Lussemburgu kienet meqjusa bħala l-unika kundizzjoni ta’ natura li tistabbilixxi rabta ta’ konnessjoni ma’ dan l-Istat Membru.

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali kundizzjoni ta’ residenza kienet xierqa sabiex tikseb l-għan intiż sabiex jippromwovi t-tkomplija tal-edukazzjoni ogħla u li żżid, b’mod sinjifikattiv, il-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla residenti fil-Lussemburgu, iżda hija kienet ta’ natura esklużiva wisq (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 76). Fil-fatt, l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna jiġu lura sabiex jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jqiegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, tista’ tiġi stabbilita minn elementi oħra għajr tali kundizzjoni (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 77).

55

Fost dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-impjieg tal-ġenituri tal-istudent ikkonċernat, għal perijodu sinjifikattiv fl-Istat Membru li qiegħed jagħti l-għajnuna mitluba, jista’ jkun xieraq sabiex juri l-livell reali tar-rabta mas-soċjetà jew is-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C 20/12, EU:C:2013:411, punt 78).

56

Fil-kawża prinċipali, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, (C 20/12, EU:C:2013:411), l-ewwel nett, il-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja ma humiex il-ħaddiema stess, iżda wliedhom mhux residenti fil-Lussemburgu, li jfittxu li jistudjaw bla distinzjoni fil-Lussemburgu jew fi Stat Membru ieħor li jkun, u, it-tieni nett, ir-rabta mas-soċjetà Lussemburgiża tista’ tidher, f’dan ir-rigward, inqas b’saħħitha fir-rigward tal-ulied tal-ħaddiema transkonfinali iktar milli tal-ħaddiema migranti residenti fil-Lussemburgu.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher leġittimu li l-Istat li jagħti l-għajnuna jfittex li jiżgura li l-ħaddiem transkonfinali effettivament għandu rabta ta’ integrazzjoni mas-soċjetà Lussemburgiża billi jeżiġi rabta suffiċjenti sabiex jiġġieled kontra r-riskju li jidher bħala “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, invokat mill-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li l-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol minimu fil-Lussemburgu ta’ ġenitur ħaddiem transkonfinali, meħtieġ mill-liġi emendata tat-22 ta’ Ġunju 2000 sabiex ulied il-ħaddiema transkonfinali jkunu jistgħu jitolbu l-benefiċċju ta’ għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla, hija ta’ natura li tistabbilixxi tali rabta ta’ dawn il-ħaddiema mas-soċjetà Lussemburgiża, kif ukoll probabbiltà raġonevoli li l-istudent jiġi lura l-Lussemburgu wara li dan ikun lesta l-istudji tiegħu.

Fuq in-natura neċessarja tal-kundizzjoni tal-perijodu ta ’ xogħol minimu u kontinwu

59

Għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjoni dwar il-perijodu minimu u kontinwu ta’ xogħol fil-mument tat-talba tal-għajnuna finanzjarja ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

60

Fil-punt 76 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, billi impona kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ta preferenza lil element li ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tal-livell reali ta’ rabta tal-persuna kkonċernata ma dan l-Istat Membru.

61

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li rabta suffiċjenti tal-istudent mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li tippermetti li tiġi konkluża probabbiltà raġonevoli li huwa jiġi lura sabiex jistabbilixxi ruħu f’dan l-Istat Membru u jqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ dan, tista’ tirriżulta wkoll mill-fatt li dan l-istudent jirrisjedi waħdu jew mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru konfinanti mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u li l-ġenituri tiegħu ilhom, għal perijodu kunsiderevoli, jaħdmu fil-Lussemburgu u jgħixu fil-prossimità ta’ dan l-aħħar Stat Membru (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 78).

62

Fir-rigward tal-possibbiltajiet li l-leġiżlatur Lussemburgiż għandu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sa fejn l-għajnuna hija komposta minn, pereżempju, self, sistema ta’ finanzjament li tissuġġetta l-għoti ta’ dan is-self, jekk mhux saħansitra l-kumplament tiegħu, jew in-nuqqas ta’ rimbors tiegħu, għall-kundizzjoni li l-istudent li jibbenefika minnu jiġi lura l-Lussemburgu wara li jkun spiċċa l-istudji tiegħu barra mill-pajjiż, sabiex jaħdem u jirrisjedi hemmhekk, tista’ tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, mingħajr ma ssir ħsara lill-ulied ta’ ħaddiema transkonfinali (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 79).

63

Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, u li jiġi żgurat li ħaddiem transkonfinali jippreżenta rabtiet suffiċjenti mas-soċjetà Lussemburgiża, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), il-possibbiltà li jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna finanzjarja għall-kundizzjoni li l-ħaddiem transkonfinali, ġenitur tal-istudent mhux residenti fil-Lussemburgu, ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu speċifiku.

64

F’dan ir-rigward, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-leġiżlatur nazzjonali uża l-possibbiltà li ġiet offruta lilu mill-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), billi ispira ruħu b’analoġija mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jirreferi għall-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, ifformulati fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva. Issa, din id-dispożizzjoni tal-aħħar espressament tipprevedi l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti minn “[I]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti”.

65

Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-analoġija mal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 issuġġerita mill-Gvern Lussemburgiż, ma hijiex rilevanti sabiex tiġġustifika r-rekwiżit ta’ perijodu kontinwu ta’ xogħol ta’ ħames snin impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali.

66

Fil-fatt, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, li jipprevedi kundizzjoni ta’ perijodu minimu ta’ residenza kontinwu sabiex jiżgura l-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti għal persuni stabbiliti permanentement fl-Istat Membru ospitanti tinsab, kif enfasizzat ukoll espressament, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), f’kuntest ieħor minn dak ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema nazzjonali u ħaddiema migranti. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi espressament li l-possibbiltà miftuħa minn din id-dispożizzjoni li tirrifjuta li tagħti, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, għajnuna għall-istudju, inkluż għat-taħriġ professjonali, taħt forma ta’ boroż ta’ studju jew ta’ self, tapplika biss għal persuni li ma humiex ħaddiema impjegati, il‑persuni li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jżommu t-tali status u l-membri tal-familja tagħhom.

67

Għalhekk huwa biss sabiex jintwera b’liema mod id-dritt tal-Unjoni jippermetti, fil-kuntest taċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi, li jiġi evitat ir-riskju li jkun hemm “turiżmu ta’ boroż ta’ studju”, li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fil-punt 80 tas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411), għall-Artikolu 16(1) u għall-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

68

Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tal-għajnuna finanzjarja mill-Istat għall-edukazzjoni ogħla kienet irrifjutata lil A. Linares Verruga għalkemm il-ġenituri tiegħu ħadmu fil-Lussemburgu matul perijodu totali ta’ iktar minn ħames snin, b’xi interruzzjonijiet qosra biss matul il-ħames snin li ppreċedew it-talba għall-għajnuna finanzjarja.

69

Regola bħal dik prevista mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti lill-istudenti mhux residenti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla għall-kundizzjoni li jkollhom ġenitur li ħadem fil-Lussemburgu b’mod kontinwu matul perijodu minimu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja, mingħajr ma tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jagħtu din l-għajnuna meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-ġenituri ħadmu, minkejja xi interuzzjonijiet qosra, fil-Lussemburgu matul perijodu sinjifikattiv, f’dan il-każ għal kważi tmien snin, ta’ iktar minn ħames snin, matul il-perijodu li ppreċeda din it-talba, timponi restrizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan leġittimu intiż sabiex iżid in-numru ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla fi ħdan il-populazzjoni residenti, sakemm tali interruzzjonijiet ma humiex ta’ natura li jiksru r-rabta bejn l-applikant għall-għajnuna finanzjarja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti għall-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-ġenituri ta’ dawn tal-aħħar ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja, iżda ma tipprevedix tali kundizzjoni fir-rigward ta’ studenti residenti fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bl-għan li tinkoraġġixxi ż-żieda tal-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla lill-istudenti mhux residenti għall-kundizzjoni li tal-inqas wieħed mill-ġenituri ta’ dawn tal-aħħar ikun ħadem f’dan l-Istat Membru matul perijodu minimu u kontinwu ta’ ħames snin fil-mument li ssir it-talba għall-għajnuna finanzjarja, iżda ma tipprevedix tali kundizzjoni fir-rigward ta’ studenti residenti fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, bl-għan li tinkoraġġixxi ż-żieda tal-proporzjon tar-residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.