SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Appell — Talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-Awtoritajiet tas-Sorveljanza Estonjani u Finlandiżi — Deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) — Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza — Regolament (UE) Nru 1093/2010 — Artikoli 17 u 60 — Bord tal-Appell — Terminu tar-rikors — Żball skużabbli”

Fil-Kawża C-577/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-9 ta’ Novembru 2015

SV Capital OÜ, stabbilita f’Tallinn (l-Estonja), irrappreżentata minn M. Greinoman, vandeadvokaat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), irrappreżentata minn J. Overett Somnier u Z. Giotaki, bħala aġenti, assistiti minn F. Tuytschaever, advocaat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, SV Capital OÜ titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2015, SV Capital vs EBA (T-660/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”, EU:T:2015:608), peress li permezz tagħha:

il-Qorti Ġenerali ċaħdet, bħala inammissibbli, ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni C 2013 002 tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tal-21 ta’ Frar 2014, li tiċħad it-talba tagħha sabiex tinfetaħ investigazzjoni kontra l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju Estonjan u Finlandiż, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014”), minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, u

għalkemm il-Qorti Ġenerali ddikjarat parzjalment inammissibbli ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014-C1-02 tal-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza tal-14 ta’ Lulju 2014, li tiċħad l-appell mid-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014”), hija annullat din id-deċiżjoni tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2006/48/KE

2

Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 239M, 10.9.2010, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2010/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 329, 14.12.2010, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/48”), fl-Artikolu 11 tagħha tipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni lill-istituzzjoni ta’ kreditu biss meta jkun hemm mill-anqas żewġ persuni li effettivament jmexxu n-negozju ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Huma m’għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk dawn il-persuni ma jkunux ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed jew ma jkollhomx esperjenza suffiċjenti biex iwettqu dawk id-doveri.

[…]

2.   Kull Stat Membru għandu jeżiġi li:

a)

kull istituzzjoni ta’ kreditu li tkun persuna legali u li, permezz tal-liġi nazzjonali tagħha, ikollha uffiċċju rreġistrat għandu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru fejn ikollha l-uffiċċju rreġistrat; u

b)

kull istituzzjoni ta’ kreditu oħra għandha jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu u li fih attwalment twettaq in-negozju tagħha.”

3

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/48 jiddisponi:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandhom jeżiġu li kull istituzzjoni ta’ kreditu jkollha arranġamenti ta’ tmexxija b’saħħithom, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà definiti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi sabiex ikunu identifikati, amministrati, sorveljati u rrapurtati r-riskji li hija esposta [għalihom] jew li tista’ tkun esposta għalihom, mekkaniżmi interni adegwati ta’ kontroll, fosthom proċeduri tajba ta’ amministrazzjoni u kontabbiltà, u politika u prattiċi tar-rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ u jippromwovu mmaniġġar tajjeb u effikaċi tar-riskji.

2.   L-arranġamenti, proċessi u mekkaniżmi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom ikunu sħaħ u proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu. Għandhom jitqiesu l-kriterji tekniċi stabbiliti fl-Anness V”.

4

L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Is-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu, inkluża dik ta’ l-attivitajiet imwettqa minnha skond l-Artikoli 23 u 24, għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri ta’ l-oriġini, bla ħsara għal dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jagħtu r-responsabbiltà lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf is-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata skond din id-Direttiva.”

[…]”

5

Skont l-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva:

“L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkolloboraw mill-qrib sabiex issir is-superviżjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw, partikolarment permezz ta’ fergħa, fi Stat Membru wieħed jew aktar apparti minn dak li fih is-sede prinċipali tagħhom tkun tinstab. Għandhom ifornu lil xulxin bl-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-amministrazzjoni u l-propjetà ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li aktarx li tiffaċilita s-superviżjoni tagħhom u l-eżaminar tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħhom, u l-informazzjoni kollha li tiffaċilita l-monitoraġġ ta’ dawk l-istituzzjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-likwidità, is-solvenza, il-garanziji ta’ depożitu, il-limitar ta’ skoperturi kbar, il-proċeduri amministrattivi u tal-kontabilità u l-mekkaniżmi tal-kontroll intern.”

[…]”

Ir-Regolament Nru 1093/2010

6

Il-premessa 58 tar-Regolament Nru 1093/2010, kif emendat bid-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014 (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru°1093/2010”), tgħid:

“Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-partijiet affettwati mid-deċiżjonijiet adottati mill-[EBA] jkunu jistgħu jirrikorru għar-rimedji meħtieġa. Sabiex jitħarsu b’mod effikaċi id-drittijiet tal-partijiet, u għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, fejn l-[EBA] jkollha setgħat li tieħu d-deċiżjonijiet, il-partijiet għandhom jingħataw id-dritt li jappellaw quddiem Bord tal-Appell. Għal raġunijiet ta’ effikaċja u konsistenza, il-Bord tal-Appell għandu jkun entità konġunta tal-[Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza] indipendenti mill-istrutturi amministrattivi u regolatorji tagħhom. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu soġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

7

L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“L-[EBA] għandha taġixxi fil-qafas tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/19/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożitu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6 Vol. 2 p. 252)], id-Direttiva 2002/87/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti ta’ l-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6 Vol. 4 p 340)], ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2006, dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1)], ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment [u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1)], id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-sorveljanza prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment [li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/CE (ĠU 2013, L 176, p. 338)], u, sal-punt li dawk l-atti japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fil-qafas tal-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/65/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6 Vol. 4, p. 321)], id-Direttiva 2005/60/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15)], id-Direttiva 2007/64/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1),] u d-Direttiva 2009/110/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7),] inklużi d-direttivi, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti lill-[EBA]. L-[EBA] għandha taġixxi wkoll b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 [tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63)].”

8

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprovdi:

“1.   Fejn awtorità kompetenti ma tkunx applikat l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikoli 10 sa 15, b’mod partikolari billi tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dawk l-atti, l-[EBA] għandha taġixxi skont is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, jew fuq inizjattiva tagħha stess, u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-[EBA] tista’ tinvestiga l-ksur jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni allegati tal-liġi tal-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 35, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha li l-[EBA] tikkunsidra bħala neċessarja għall-investigazzjoni tagħha inkluż dwar kif l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) huma applikati skont il-liġi tal-Unjoni.

3.   L-Awtorità [EBA] tista’, mhux aktar tard minn xahrejn mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, tindirizza rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti konċernata li tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni, tinforma lill-[EBA] bil-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.   Fejn l-awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-liġi tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tkun irċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-[EBA], il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ġiet infurmata mill-[EBA] jew fuq inizjattiva tagħha stess, toħroġ opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità kompetenti tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjoni tal-[EBA].

Il-Kummissjoni għandha toħroġ din l-opinjoni formali mhux iżjed tard minn tliet xhur wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perijodu b’xahar.

L-[EBA] u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

5.   L-awtorità kompetenti, fi żmien għaxart ijiem minn meta tirċievi l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4, għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-[EBA] dwar il-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tikkonforma ma’ dik l-opinjoni formali.

6.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 fil-perijodu ta’ żmien speċifikat fiha, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja f’ħin opportun tali nuqqas ta’ konformità sabiex iżżomm jew treġġa’ lura l-kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-operat sewwa u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-[EBA] tista’, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) japplikaw direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tkun teħtieġ l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni fosthom il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.

Id-deċiżjoni tal-[EBA] għandha tkun f’konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.   Id-deċiżjonijiet adottati taħt il-paragrafu 6 għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti fuq l-istess kwistjoni.

Meta tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 4 jew deċiżjoni skont il-paragrafu 6, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont il-każ.

8.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-[EBA] għandha tistipula liema awtoritajiet kompetenti u istituzzjonijiet finanzjarji ma jkunux ikkonformaw mal-opinjonijiet formali jew mad-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 4 u 6 ta’ dan l-Artikolu.”

9

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament huwa relatat mal-azzjoni meħuda mill-[EBA] f’każ ta’ emerġenza.

10

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

11

L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1093/2010 jipprevedi:

“1.   Qabel tieħu d-deċiżjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, l-[EBA] għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju msemmi bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, filwaqt li tistabbilixxi limitu taż-żmien li fih id-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Dan japplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(3).

2.   Id-deċiżjonijiet tal-[EBA] għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati

3.   Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-[EBA] għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament

4.   Fejn l-[EBA] tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew (4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa

5.   Id-deċiżjonijiet li l-tieħu skont l-Artikoli 17, 18 jew 19 għandhom isiru pubbliċi u hija għandha tiddikjara l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-istituzzjoni finanzjarja konċernata u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom jew tistax tipperikola b’mod serju l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha tal-Unjoni.”

12

Skont l-Artikolu 58(1) ta’ dan ir-regolament, il-Bord tal-Appell huwa korp komuni tal-Awtoritajiet Ewropej tas-Sorveljanza [EBA].

13

L-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi awtoritajiet kompetenti, tista’ tappella kontra deċiżjoni tal-[EBA] msemmija fl-Artikoli 17, 18 u 19 jew kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-[EBA] skont l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

2.   L-appell, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-[EBA], fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, jew, fin-nuqqas ta’ notifika, mill-jum li fih l-[EBA] tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha.

Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell fi żmien xahrejn minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat.

3.   Appell li jiġi ppreżentat skont il-paragrafu 1 m’għandux ikollu effett suspensiv.

Madankollu, il-Bord tal-Appell jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

4.   Jekk l-appell ikun wieħed ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk dan ikollux bażi legali tajba. Huwa għandu jistieden lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ appell sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar in-notifiki tiegħu stess jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti ta’ appell, fi ħdan il-limiti taż-żmien speċifikati. Il-partijiet fil-proċedimenti ta’ appell għandhom ikunu intitolati jagħmlu rappreżentazzjonijiet orali.

5.   Il-Bord tal-Appell jista’ jikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-entità kompetenti tal-[EBA] jew jirreferi l-każ lill-entità kompetenti tal-[EBA]. Dak il-korp għandu jintrabat bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u dak il-korp għandu jadotta deċiżjoni emendata fir-rigward tal-każ ikkonċernat.

6.   Il-Bord tal-Appell għandu jadotta r-regoli proċedurali tiegħu u jagħmilhom pubbliċi.

7.   Id-deċiżjonijiet meħudin mill-Bord tal-Appell għandhom ikunu motivati u għandhom isiru pubbliċi mill-[EBA].”

14

L-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1093/2010 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Jistgħu jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 TFUE, li jikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkun hemm ebda dritt tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, mill-[EBA].

2.   L-Istati Membri u l-Istituzzjoniji tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjonijiet tal-[EBA], f’konformità mal-Artikolu 263 TFUE.

3.   Fil-każ li l-[EBA] jkollha obbligu li taġixxi u tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-proċedimenti għan-nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 265 TFUE.

4.   L-[EBA] għandha tkun meħtieġa tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

15

Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet fil-qosor il-kuntest fattwali li wassal għat-tilwima quddiemha, kif ġej:

“1

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti [SV Capital] ressqet quddiem l-[EBA] talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 […] kontra l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju Finlandiża u Estonjana (iktar ’il quddiem l-“ilment”).

2

Insostenn tal-ilment, ir-rikorrenti invokat ksur tal-Artikoli 40 u 42 tad-Direttiva 2006/48 […] inkwantu l-awtoritajiet ta’ sorveljanza inkwistjoni ma neħħewx mill-kariga żewġ diretturi tal-fergħa ta’ bank Finlandiż, stabbilita fl-Estonja, li ma ssodisfawx ir-rekwiżiti ‘ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed jew […] esperjenza suffiċjenti’ sabiex imexxu n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti sostniet li d-diretturi inkwistjoni kienu għamlu dikjarazzjonijiet foloz fil-kuntest ta’ proċedura ċivili mibdija fl-Estonja kontra din il-fergħa.

[…]

4

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2013, l-EBA ċaħdet l-ilment bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ kompetenza, u rrinvijatu quddiem l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju Finlandiża u Estonjana […]

5

Permezz ta’ att tal-14 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”), skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 1093/2010, mill-[imsemmija] ittra tal-25 ta’ Jannar 2013.

6.

Permezz tad-Deċiżjoni 2013-008, tal-24 ta’ Ġunju 2013, il-Bord tal-Appell, minn naħa, iddikjara l-ilment ammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/48, moqri fid-dawl tal-Linji gwida, tat-22 ta’ Novembru 2012 tal-EBA, dwar il-valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-korp maniġerjali u tat-titolari ta’ funzjonijiet ewlenin u, min-naħa l-oħra, irrinvija l-kawża quddiem l-organu kompetenti tal-EBA sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu, skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1093/2010.

7

Permezz tad-Deċiżjoni DC 2013 03 tal-15 ta’ Ottubru 2013, l-EBA ħadet nota tal-ammissibbiltà tal-ilment, skont il-punti 2.5 u 2.6 tar-regoli interni tagħha għat-trattament tal-investigazzjonijiet dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea […], bla ħsara għall-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1093/2010.

8

Permezz tad-Deċiżjoni […] tal-21 ta’ Frar 2014 […], l-EBA ċaħdet l-ilment bħala mhux suffiċjentement fondat sabiex tinfetaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1093/2010.

9

Permezz ta’ att tal-31 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-EBA [tal-21 ta’ Frar 2014] quddiem il-Bord tal-Appell.

10

Permezz tad-Deċiżjoni […] tal-14 ta’ Lulju 2014 il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell mid-deċiżjoni tal-EBA [tal-21 ta’ Frar 2014]. Essenzjalment, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell l-ewwel nett iddikjara l-appell mid-deċiżjoni tal-EBA [tal-21 ta’ Frar 2014] ammissibbli. Sussegwentement, huwa ċaħdu kollu kemm hu bħala infondat.

11

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-eżami tal-ammissibbiltà tal-appell, il-Bord tal-Appell qies li d-deċiżjoni tal-EBA [tal-21 ta’ Frar 2014] kienet tikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, att li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1093/2010, li jippermetti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tappella minn deċiżjoni tal-EBA meħuda fil-konfront tagħha.

12

Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-eżami tal-appell dwar il-mertu, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies li l-evalwazzjoni tal-EBA li tipprovdi li ż-żewġ diretturi mqiegħda inkwistjoni mir-rikorrenti fl-ilment ma kellhomx funzjonijiet ewlenin fi ħdan l-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, ma kinitx ivvizzjata bi żbalji u li l-allegazzjonijiet dwar it-tielet direttur ma kinux ġew stabbiliti Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell irrileva li, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma kinitx tagħmel parti mill-entitajiet li jistgħu jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni lill-EBA għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan il-każ ineżami kien jikkonċerna rifjut min-naħa ta’ din l-awtorità li tiftaħ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. Barra minn hekk, huwa kkonstata li, fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-eżistenza ta’ allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni u tar-Regoli Interni [għat-trattament tal-investigazzjonijiet dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni], ma kienx intwera li l-EBA kienet wettqet żball fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell irrileva li n-nuqqas min-naħa tal-EBA li tisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1093/2010, ma kienx jikkostitwixxi difett proċedurali tali li jirrendi invalida lill-imsemmija deċiżjoni. Fir-raba’ lok, ma ntweriex li l-proċedura prevista qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-EBA [tal-21 ta’ Frar 2014] ma ġietx segwita. Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata li ebda ksur mill-EBA tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma kien ġie stabbilit.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16

Permezz tar-rikors tagħha, SV Capital kienet talbet l-annullament, minn-naħa, tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014. SV Capital kienet talbet ukoll ir-rinviju tal-kawża lejn il-korp kompetenti tal-EBA għall-finijiet tal-eżami tal-ilment tagħha fuq il-mertu.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti kienet qajmet ħames motivi. L-EBA, sostnuta mill-Kummissjoni, kienet eċċepiet l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors fl-intier tiegħu, billi sostniet li r-rifjut tagħha li tiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha, abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1093/2010, ma kellu l-ebda effetti legali fil-konfront tar-rikorrenti.

18

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors, qabel kollox, sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma setgħetx tikkontesta din id-deċiżjoni tal-EBA, u għalhekk din il-parti tar-rikors tagħha kienet inammissibbli.

19

Konsegwentement, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, u għalhekk din il-parti tal-imsemmi rikors kienet ammissibbli.

20

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ SV Capital sa fejn kien intiż għar-rinviju tal-kawża lejn il-korp kompetenti tal-EBA għall-finijiet tal-eżami tal-ilment tagħha fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni ma kinitx tippermettilha li tindirizza ordnijiet lill-EBA. Għaldaqstant, hija ddikjarat dan il-kap tat-talbiet bħala inammissibbli.

21

Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell, fid-dawl tal-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament Nru 1093/2010, biex jiddeċiedi fuq l-appell ippreżentat quddiemu mid-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 u hija ddeċidiet li ma kellux kompetenza.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-motivi mqajma mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors sa fejn huwa kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014, minħabba nuqqas ta’ kompetenza ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014 u ċaħdet il-kumplament tar-rikors li kellha quddiemha.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

SV Capital titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata, l-ewwel nett, sa fejn tiddikjara li r-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 huwa inammissibbli, it-tieni nett, sa fejn tiddikjara r-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014 parzjalment inammissibbli u, it-tielet nett, sa fejn tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż u lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

24

L-EBA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza kkontestata u tiċħad l-appell mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014 bħala li huwa inammissibbli, u

tiċħad l-appell sa fejn jirrigwarda il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza kkontestata;

sussidjarjament, tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata fir-rigward tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha;

tiċħad l-appell ippreżentat minn SV Capital mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014 bħala inammissibbli;

tiċħad l-appell sa fejn jirrigwarda l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza kkontestata bħala infondat, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-appell

26

Peress li s-sentenza kkontestata tirrigwarda, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014, hemm lok li aggravji tal-appell differenti jiġu eżaminati b’riferiment għar-rabta tagħhom ma’ waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

Fuq l-ewwel sat-tielet aggravji, dwar iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta ’ Lulju 2014, bħala infondati

L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, SV Capital issostni li, fil-kuntest tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kienet ippreċiżat li huwa kien jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2014 biss sa fejn din id-deċiżjoni ċaħdet ir-rikors tagħha fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, hija ma kkontestatx din id-deċiżjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors u tal-ispejjeż. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ex officio dwar il-kompetenza tal-Bord tal-Appell u, għaldaqstant, iddeċidiet ultra petita.

28

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, SV Capital tikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma interpretatx l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 1093/2010 fid-dawl tal-premessa 58 ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmi regolament u tal-Artikolu 1 tiegħu, il-Bord tal-Appell kellu s-setgħa jiddeċiedi fuq l-appell mid-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014.

29

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, SV Capital issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2014, meta ddeċidiet li l-argumenti mqajma matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħidu li l-Bord tal-Appell kellu kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors tagħha, kienu inammissibbli. Fil-fatt, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali stess jesprimu ruħhom dwar il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell u r-rikorrenti llimitat ruħha li twieġeb għall-mistoqsija magħmula.

30

L-EBA u l-Kummissjoni jitolbu li l-imsemmija aggravji jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Fir-rigward tal-ewwel aggravju tal-appell, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni hija marbuta tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtorità li l-att tagħha huwa kkontestat quddiemha, anki jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma għamlet talba f’dan is-sens, peress li n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li mhux biss jista’ jitqajjem ex officio, iżda għandu jitqajjem.

32

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtur tal-att għandha tiġi eżaminata mill-qorti ex officio, għalkemm ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbitha tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, EU:C:1982:322, punt 28, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Konsegwentement, dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

34

Fir-rigward tat-tieni aggravju tal-appell, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1093/2010, appell minn deċiżjoni tal-EBA jista’ jiġi ppreżentat minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, li huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni jew, anki jekk dawn ma humiex, huma direttament u individwalment ikkonċernati minnha.

35

Madankollu, sabiex tkun tista’ tiġi appellata quddiem il-Bord tal-Appell, deċiżjoni tal-EBA għandha tkun, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, jew tagħmel parti mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru°1093/2010, jew tkun ittieħdet skont l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.

36

Kif korrettament ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 67 sa 71 tas-sentenza kkontestata, f’dan il-każ l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija sodisfatta.

37

L-ewwel nett, id-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010. Fil-fatt, kif korrettament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, minkejja l-fatt li l-ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/48 kien ġie invokat insostenn tal-ilment tar-rikorrenti, l-EBA ma esprimietx ruħha, f’din id-deċiżjoni, dwar il-ksur jew l-assenza ta’ ksur ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-istituzzjoni ta’ kreditu msemmija.

38

It-tieni nett, huwa stabbilit li l-imsemmija deċiżjoni ma tagħmilx parti mid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, li permezz tagħhom l-EBA tista’ timponi lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi, rispettivament sabiex tkun rimedjata sitwazzjoni ta’ emerġenza jew għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jista’ jseħħ bejniethom f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

39

It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament, ebda ksur ta’ standards tekniċi regolatorji u standards tekniċi ta’ implementazzjoni stabbiliti skont l-Artikoli 10 sa 15 tal-imsemmi regolament ma ġie invokat insostenn tal-imsemmi lment tar-rikorrenti.

40

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma hijiex parti mill-entitajiet, espressament imsemmija mill-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament, li jistgħu jressqu talba quddiem l-EBA għall-ftuħ ta’ investigazzjoni għal ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma ddikjaratx li hija tagħmel parti mill-grupp tal-partijiet interessati għas-settur bankarju, stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1093/2010.

41

Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li tgħid li r-rikorrenti ma tagħmilx parti mill-entitajiet espressament imsemmija fl-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament, kuntrarjament għal dak li jidher li tallega r-rikorrenti, ma ġiet modifikata bl-ebda mod mill-fatt li l-EBA tista’ tibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess.

42

Konsegwentement, peress li l-kunsiderazzjonijiet inklużi fis-sentenza kkontestata ma huma vvizzjati b’ebda żball ta’ liġi, it-tieni aggravju tal-appell għandu wkoll jiġi miċħud.

43

Fir-rigward tat-tielet aggravju invokat, għandu jitfakkar li, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ressqet argumenti quddiemha li jmorru lil hinn mis-suġġett tal-mistoqsija magħmula lilha.

44

Fil-fatt, ir-rikorrenti sostniet li, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura amministrattiva tkompliet sal-14 ta’ Lulju 2014 u li l-preżentata ta’ dan ir-rikors għall-annullament kellha titqies bħala każ fortuwitu, fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors għall-annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kien tressaq fit-terminu stabbilit.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija llimitat ruħha tippreżenta osservazzjonijiet bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali ma hijiex ikkonfermata fil-fatt. Effettivament, kif korrettament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, fir-realtà t-tweġiba tar-rikorrenti kienet tikkonsisti f’żewġ motivi ġodda.

46

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet li dan l-argument kien inammissibbli.

47

Għaldaqstant, it-tielet aggravju tal-appell għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ sas-sitt aggravji dwar iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta ’ Frar 2014, bħala inammissibbli

L-argumenti tal-partijiet

48

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, SV Capital issostni li, peress li l-proċedura amministrattiva quddiem il-Bord tal-Appell tkompliet sal-14 ta’ Lulju 2014 f’isem l-EBA u l-awtoritajiet Ewropej ta’ sorveljanza, ir-rikors tagħha, sa fejn kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014, kien ġie ppreżentat fit-terminu msemmi fl-Artikolu 263 TFUE. In-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord tal-Appell jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar iżda ma jistax jaffettwa t-terminu previst mill-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, dak imsemmi fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti Ġenerali mid-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014, b’mod parallel u fl-istess ħin mal-preżentata ta’ rikors quddiem il-Bord tal-Appell, huwa nieqes minn kull bażi legali. Fil-fatt fl-assenza ta’ att amministrattiv definittiv, skont l-Artikolu 263 TFUE, tali rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien ikun inammissibbli.

49

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, SV Capital issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-preżentata ta’ rikors fit-terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2014 ġiet imċaħħda minħabba żball skużabbli. Il-fatt li l-Bord tal-Appell iddikjara r-rikors tagħha ammissibbli u wettaq eżami tiegħu fuq il-mertu setgħa jwassal għal “konfużjoni ammissibbli”. Għalkemm il-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti jagħti deċiżjoni fuq ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014, dan tal-aħħar qatt ma qajjem l-argument li kienet il-Qorti Ġenerali u mhux il-Bord tal-Appell li kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors. Peress li l-Bord tal-Appell ta deċiżjoni għar-rikors li kellu quddiemu, huwa ta x’jifhem li kien il-korp ta’ appell kompetenti. Għaldaqstant, il-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 għandu jitqies bħala riżultat ta’ żball skużabbli.

50

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, SV Capital issostni li, billi ddeċidiet fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata li r-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014 kien, fi kwalunkwe każ, inammissibbli minħabba att li jista’ jiġi kkontestat, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1093/2010. Fil-fatt, l-appell ippreżentat mid-deċiżjoni msemmija kien ammissibbli peress li d-deċiżjoni kienet indirizzata lir-rikorrenti u li hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata minnha.

51

L-EBA u l-Kummissjoni jitolbu li l-imsemmija aggravji jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Fir-rigward tar-raba’ aggravju li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 36 et seq tas-sentenza kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ ordni pubbliku u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk ġiex osservat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C-573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Kif jirriżulta mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi għall-annullament għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrenti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrenti tkun saret taf bih. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-EBA ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-21 ta’ Frar 2014. Konsegwentement, bl-applikazzjoni tar-regoli għall-kalkolu tat-termini, previsti fl-Artikoli 58 u 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jikkorrispondu għall-Artikoli 49 u 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-data tal-preżentata tar-rikors ta’ SV Capital quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri fit-12 ta’ Settembru 2014, din tal-aħħar ma setgħetx tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni tal-EBA, kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tas-sentenza kkontestata.

54

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li r-rikorrenti ma kinitx korretta tinvoka la każ ta’ forza maġġuri, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u lanqas l-eżistenza ta’ żball skużabbli.

55

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma vvizzjati minn ebda żball ta’ liġi.

56

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’ħafna okkażjonijiet li tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni fir-rigward tat-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C-73/10 P, EU:C:2010:684, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Kuntrarjament għal dak iddikjarat mir-rikorrenti, ma kienx hemm “tkomplija” tal-proċedura wara l-adozzjoni mill-EBA tad-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Frar 2014, u l-preżentata ta’ rikors quddiem il-Bord tal-Appell ma affettwa bl-ebda mod il-kalkolu tat-terminu tar-rikors fir-rigward ta’ deċiżjoni meħuda preċedentement mill-EBA, inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ kompetenza tagħha.

58

Għalhekk, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

59

Fir-rigward tal-ħames aggravju tal-appell, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żball skużabbli ta’ SV Capital, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli, li jippermetti li ssir deroga minnha, huwa intiż biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-individwu li għandu bona fide u li jkun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza (ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C-73/10 P, EU:C:2010:684, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, ma ngħatat ebda garanzija preċiża lir-rikorrenti rigward il-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jieħu konjizzjoni ta’ rikors li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-EBA li ser tiġi adottata sussegwentement.

61

B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrenti, ma jistax jiġi deskritt bħala aġir tali li jwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-individwu, la n-nuqqas tal-EBA li tqajjem oġġezzjoni dwar il-kompetenza tal-Bord tal-Appell biex jiddeċiedi dwar deċiżjoni tal-EBA, u lanqas il-konklużjoni żbaljata ta’ din tal-aħħar li hija kellha tali kompetenza.

62

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat l-assenza ta’ kull żball skużabbli li jippermetti deroga mill-obbligu ta’ osservanza tat-terminu mogħti għall-preżentata ta’ rikors.

63

Għalhekk, il-ħames aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

64

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1093/2010. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li huwa biss b’mod superfluwu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba nuqqas ta’ att li jista’ jiġi kkontestat.

65

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali diretti kontra motivi li saru biss għall-finijiet ta’ eżawriment ma jistgħux jimplikaw l-annullament ta’ din is-sentenza u b’hekk huma ineffettivi (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, EU:C:2010:481, punt 75, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C-96/09 P, EU:C:2011:189, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Konsegwentement, is-sitt aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fuq is-seba ’ sal-ħdax-il aggravju

L-argumenti tal-partijiet

67

SV Capital terġa’ tqajjem l-aggravji li ġejjin, li huma ssostanzjati bl-argumenti magħmula fil-kuntest tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar ma ddeċidietx fuq il-mertu tar-rikors tagħha:

id-deċiżjoni tal-EBA [tal-21 ta’ Frar 2014] hija vvizzjata bi żball ta’ fatt;

l-EBA ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dritt applikabbli u l-limiti ta’ din is-setgħa;

l-EBA kisret l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1093/2010 u l-Artikolu 16 tal-Kodiċi ta’ Kondotta Amministrattiva Tajba;

l-EBA kisret il-punti 3.3 sa 3.5 tar-Regoli Interni tagħha, u

meta l-EBA eżaminat l-ilment tar-rikorrenti u tat id-deċiżjoni tagħha, hija abbużat mill-poter tagħha u aġixxiet b’mod irraġonevoli.

68

L-EBA u l-Kummissjoni jsostnu li l-aggravji msemmija huma inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena tal-inammissibbiltà ta’ appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 29, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Frar 2015, Meister vs Il-Kummissjoni, C-327/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:99, punt 12). Issa, is-seba’ sal-ħdax-il aggravju tal-appell ma huma bl-ebda mod relatati mas-sentenza kkontestata, iżda jirreferu għad-deċiżjoni tal-EBA tal-21 ta’ Frar 2014. Għaldaqstant, għal din ir-raġuni biss, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

71

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138 ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jiddisponi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

72

Peress li SV Capital tilfet l-aggravji tagħha u l-EBA għamlet talba f’dan is-sens, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

73

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

74

Konsegwentement, il-Kummissjoni, intervenjenti fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

SV Capital OÜ hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.