SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Id-Direttiva 2008/48/KE. — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kreditu lill-konsumaturi — Artikolu 2(2)(j) — Ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs — Ħlas differit mingħajr spejjeż — Artikolu 3(f) — Intermedjarju tal-kreditu — aġenziji tal-ġbir li jaġixxu għan-nom ta’ dawk li jsellfu”

Fil-Kawża C‑127/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Verein für Konsumenteninformation

kontra,

INKO, Inkasso GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali, E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Verein für Konsumenteninformation, minn S. Langer, avukat,

għal INKO, Inkasso GmbH, minn C. Rabl, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn J. Kemper u D. Kuon, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u D. Kriaučiūnas, kif ukoll minn J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u G. Goddin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(j) u tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66 u r-rettifiki – ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46 u ĠU 2015, L 36, p. 15).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Verein für Konsumenteninformation (assoċjazzjoni għall-informazzjoni tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”) u INKO, Inkasso GmbH (iktar ’il quddiem “Inko”) dwar prattika ta’ din tal-aħħar li tikkonsisti fil-konklużjoni mal-konsumaturi ftehim dwar skeda ġdida għall-ħlas tad-djun li jirrigwardaw l-għoti ta’ ħlas differit, mingħajr ma tiġi kkomunikata lilhom l-informazzjoni prekuntrattwali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 24 tad-Direttiva 2008/48 tgħid:

“Il-konsumatur jeħtieġ li jiġi infurmat b’mod komprensiv qabel jikkonkludi l-ftehim ta’ kreditu irrispettivament minn jekk intermedjarju ta’ kreditu jkunx involut jew le fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali għandhom japplikaw ukoll għal intermedjarji ta’ kreditu. Madankollu, fejn fornituri ta’ merkanzija u servizzi jaġixxu bħala intermedjarji ta’ kreditu f’kapaċità anċillari, mhux xieraq li jitgħabbew bl-obbligu legali li jagħtu informazzjoni prekuntrattwali skond din id-direttiva. Il-fornituri ta’ merkanzija u servizzi jistgħu, pereżempju, jiġu kkunsidrati bħala li jaġixxu bħala intermedjarji ta’ kreditu f’kapaċità anċillari jekk l-attività tagħhom bħala intermedjarji ta’ kreditu ma tikkostitwixxix l-għan prinċipali tal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom. F’dawn il-każijiet, xorta għandu jinkiseb livell suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur peress li l-kreditur huwa responsabbli biex jiżgura li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni prekuntrattwali sħiħa, jew mingħand l-intermedjarju, jekk jaqblu hekk il-kreditur u l-intemedjarju, jew b’xi mod ieħor xieraq.”

4

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1.   Din id-direttiva għandha tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

[…]

(f)

ftehim ta’ kreditu fejn il-kreditu jingħata mingħajr interessi u mingħajr kwalunkwe drittijiet oħra u ftehim ta’ kreditu li taħt it-termini tagħhom il-kreditu għandu jintradd lura fi żmien tliet xhur u jkunu pagabbli biss imposti insinifikanti;

[…]

(j)

ftehim ta’ kreditu li jirrigwardaw il-ħlas differit, mingħajr ħlas, ta’ dejn eżistenti;

[…]

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li għandhom japplikaw biss l-Artikoli 1 sa 4, l-Artikoli 6, 7 u 9, l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 10(2) punt (a) sa (i), u l-punti (l) u (r), l-Artikolu 10(4), l-Artikoli 11, 13 u 16 u 18 sa 32 għal ftehim ta’ kreditu li jipprevedu arranġamenti li għandhom jiġu miftehma mill-kreditur u l-konsumatur fir-rigward ta’ ħlas differit jew metodi ta’ radd lura, fejn il-konsumatur ikun diġà naqas fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu inizjali u fejn:

(a)

tali arranġamenti jkollhom il-probabbiltà li jevitaw il-possibbiltà ta’ proċedimenti legali rigward nuqqas minn obbligu bħal dan; u

(b)

il-konsumatur ma jkunx b’hekk soġġett għal termini inqas favorevoli minn dawk stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu inizjali.

[…]”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(b)

“kreditur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħti jew twiegħed li tagħti kreditu matul l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tagħha;

(ċ)

“ftehim ta’ kreditu” tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs;

[…]

(f)

“intermedjarju ta’ kreditu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx qed taġixxi bħala kreditur u li matul il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha għal onorarju, li jista’ jkun pekunarja jew fi kwalunkwe forma miftehma oħra ta’ konsiderazzjoni finanzjarja:

(i)

tippreżenta jew toffri ftehim ta’ kreditu lill-konsumaturi,

(ii)

tassisti lill-konsumaturi billi tagħmel ħidma ta’ tħejjija fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu minbarra dawk imsemmijin f’(i) jew

(iii)

tikkonkludi ftehim ta’ kreditu mal-konsumaturi f’isem il-kreditur:

(g)

“l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

(h)

“ammont totali pagabbli mill-konsumatur” tfisser is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur;

(i)

“rata ta’ imposta perċentwali fis-sena” tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2);

[…]”

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. […]”

7

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħtiġiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali għal ċerti ftehim ta’ kreditu fil-forma ta’ faċilità ta’ overdraft u għal ċerti ftehim ta’ kreditu speċifiċi” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe ftehim ta’ kreditu jew offerta li jikkonċernaw ftehim ta’ kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), (5) jew (6), il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludiex ftehim ta’ kreditu.”

[…]”

8

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni pre-kontrattwali”:

“L-Artikoli 5 u 6 m’għandhomx japplikaw għal fornituri ta’ merkanzija jew servizzi li jkunu qed jaġixxu ta’ intermedjarji ta’ kreditu f’kapaċità anċillari. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-kreditur li jiżgura li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni prekuntrattwali msemmija f’dawk l-artikoli.”

9

Skont l-Artikolu 21 tal-istess direttiva, intitolat “Ċerti obbligi ta’ intermedjarji ta’ kreditu vis-à-vis il-konsumaturi”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

intermedjarju ta’ kreditu jindika f’riklamar u dokumentazzjoni maħsuba għall-konsumaturi sa fejn jaslu l-poteri tiegħu, b’mod partikolari jekk jaħdimx esklussivament ma’ kreditur wieħed jew aktar jew bħala sensar indipendenti;

(b)

jekk ikun hemm drittijiet pagabbli mill-konsumatur lill-intermedjarju tal-kreditu għas-servizzi tiegħu dawn jiġu mgħarrfa lill-konsumatur, u miftiehma bejn il-konsumatur u l-intermedjarju ta’ kreditu fuq il-karta jew mezz durabbli ieħor qabel il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu;

(ċ)

jekk ikun hemm drittijiet pagabbli mill-konsumatur lill-intermedjarju tal-kreditu għas-servizzi tiegħu dawn jiġu komunikati lill-kreditur mill-intermedjarju tal-kreditu, għall-fini tal-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta.”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 6 tal-Verbraucherkreditgesetz (Liġi dwar il-kreditu lill-konsumatur), tal-20 ta’ Mejju 2010 (BGBl. I, 28/2010, iktar ’il quddiem il-“VKrG”) huwa redatt kif ġej:

“1.   Qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur, għandu, abbażi tal-klawżoli u l-kundizzjonijiet ta’ kreditu proposti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdi fiż-żmien utli lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. Din informazzjoni għandha tiġi pprovduta fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor u l-informazzjoni kollha għandu jkolli l-indikazzjonijiet li ġejjin:

1)

it-tip ta’ kreditu;

[…]

3)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

(4)

it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

[…]

7)

ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, permezz ta’ eżempju rappreżentattiv li jsemmi l-ipoteżijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata; konformement mal-Artikolu 27; […]

[…]

8.   L-obbligi ta’ informazzjoni previsti fil-punti 1 sa 7 japplikaw ukoll għall-intermedjajrju tal-kreditu, sakemm dan ma jkunx fornitur ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jipparteċipaw b’mod li huwa biss suġġett għall-għoti ta’ krediti.”

11

L-Artikolu 25 tal-VKrG jipprevedi:

“1.   id-dispożizzjonijiet tat-taqsima 2 […] huma applikabbli għall-kuntratti li n-negozjant ikun ta lil konsumatur, b’remunerazzjoni, ħlas differit jew faċilità oħra ta’ ħlas. […]

2.   […] il-prezz f’kontanti kif ukoll il-prodott jew is-servizz għandhom ukoll jissemmew fl-informazzjoni prekuntrattwali (Artikolu 6(1)) […]”

12

Skont l-Artikolu 1000(1) tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi ċivili):

“Bla ħsara għal xi dispożizzjoni legali differenti, rata ta’ 4 % fis-sena għandha tapplika għall-interessi stipulati mingħajr ma jiġi speċifikat l-ammont jew l-interessi li jirriżultaw mil-liġi.”

13

L-Artikolu 1333 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“(1)   Id-danni li d-debitur ikun suġġett għalihom fil-konfront tal-kreditur tiegħu bħala riżultat ta’ dewmien fil-ħlas ta’ pretensjoni monetarja għandhom jiġu kkumpensati minn interessi statutorji[…]. (Artikolu 1000(1)).

(2)   Minbarra l-interessi statutorji, il-kreditur jista’ jfittex ukoll ir-rimbors ta’ danni oħra kkawżati lilu min-nuqqas tad-debitur, b’mod partikolari l-ispejjeż meħtieġa ta’ infurzar jew irkupru extraġudizzjarju, bil-kundizzjoni li dan ikun raġonevolment proporzjonat għat-talba mfittxija.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

L-Assoċjazzjoni hija intitolata, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, li titlob azzjonijiet kollettivi għall-waqfien sabiex tipproteġi l-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

15

Inko topera aġenzija għall-irkupru ta’ djun. Fil-kuntest tal-attività tagħha, hija tibgħat lid-debituri, għan-nom tal-kredituri, ittri ta’ intimazzjoni li fihom hija ssemmi l-ammont tad-dejn mhux imħallas, li jinkludi l-interessi akkumulati, u l-ispejjeż tagħha ta’ rkupru. Hija tistieden lid-debituri li jew iħallsu d-dejn tagħhom f’terminu ta’ tlett ijiem, jew li jimlew formola redatta minn qabel li tirrigwarda l-aċċettazzjoni ta’ skeda tal-ħlas lura tad-dejn tagħhom u li jintbagħat lura lilha. Billi fformalizzaw il-ftehim tagħhom, id-debituri rrikonoxxew l-eżistenza tad-dejn, “inklużi l-interessi u l-ispejjeż tal-file li għandhom jiġu kkalkolati sad-data ta’ maturità”. huma jimpenjaw ruħhom li jħallsu d-dejn tagħhom, permezz ta’ pagamenti mensili ta’ ammont determinat, konformement mal-imsemmi pjan, billi l-pagamenti mwettqa jiġu kkreditati minn qabel fl-ispejjeż ta’ Inko, għalhekk fuq il-kapital u fuq l-interessi.

16

L-Assoċjazzjoni adixxiet il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’talba intiża sabiex Inko tiġi pprojbita li tikkonkludi mal-konsumaturi ftehim ta’ ħlas lura ta’ djun fir-rigward tal-għoti ta’ ħlas differit mingħajr ma tiġi kkomunikata informazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 6 tal-VKrG.

17

Permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2013 din il-qorti laqgħet it-talba tal-Assoċjazzjoni.

18

Wara li ġiet adita b’appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) parzjalment irriformatha permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Lulju 2014.

19

Kemm l-Assoċjazzjoni kif ukoll Inko ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Din tal-aħħar tosserva li aġenzija ta’ rkupru ta’ djun bħalma hija Inko, taġixxi b’mod kummerċjali u tħallas l-attività tagħha bil-fatturazzjoni ta’ diversi spejjeż. Hija tipproponi lid-debituri, f’isem il-kredituri, li jikkonkludu ftehimiet li jirrigwardaw il-ħlas differit jew ta’ ħlas bin-nifs tal-ħlasijiet lura.

21

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għan tal-kumpannija ta’ Inko jikkonsisti, l-ewwel nett, fl-irkupru ta’ djun. F’dan il-kuntest,il-qorti tar-rinviju riedet tkun taf jekk aġenzija ta’ rkupru bħal Inko, li l-attività tagħha bħala intermedjarja ta’ kreditu għandha biss natura sekondarja meta mqabbla mal-attivitajiet l-oħra kummerċjali li hija teżerċita b’mod prinċipali, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija “intermedjarju tal-kreditu”, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48.

22

Fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji, previsti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, ta’ ħlas ta’ dejn tardiv, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-debitur għandu mhux biss iħallas l-interessi statutorji b’rata ta’ 4 %, iżda wkoll li jikkumpensa d-danni l-oħra subiti mill-kreditur, inklużi dawk relatati mal-ispejjeż ta’ rkupru tad-dejn, sakemm dawn tal-aħħar ikunu proporzjonati.

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Assoċjazzjoni ma stabbilietx li l-interessi u l-ispejjeż tad-debituri inadempjenti attribwiti minn Inko jeċċedu, fl-ammonti tagħhom, dawk dovuti lill-kredituri konformement mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, meta dawn tal-aħħar jagħtu ħlas differit lil dawn id-debituri.

24

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs ta’ debiti li jirrigwardaw l-għoti ta’ ħlas differit, konklużi minn Inko mal-konsumaturi, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kkonsentiti “mingħajr spejjeż” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48, u, minħabba dan il-fatt, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Aġenzija ta’ rkupru li, fil-kuntest tal-irkupru professjonali ta’ djun f’isem il-klijenti tagħha, tipproponi lid-debituri tagħhom il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs, billi tiffattura għall-attività tagħha spejjeż li fl-aħħar nett, id-debituri huma obbligati li jħallsuhom, taġixxi bħala “intermedjarju ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Ftehim ta’ ħlas bin-nifs konkluż bejn debitur u l-kreditur tiegħu permezz tal-intermedju ta’ aġenzija ta’ rkupru, jikkosititwixxi “ħlas differit, mingħajr ħlas [ta’ spejjeż]” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48/KE meta, permezz ta’ dan il-ftehim, id-debitur jimpenja ruħu unikament li jħallas id-dejn mhux irrimborsat kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż li għalihom huwa kien fi kwalunkwe każ obbligat li jħallas ukoll fl-assenza ta’ ftehim, abbażi tal-liġi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

26

Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ skedar mill-ġdid ta’ kreditu, li huwa konkluż, fi tmiem tal-inadempjenza tal-konsumatur, bejnu u bejn il-kreditur permezz tal-intermedju ta’ aġenzija ta’ rkupru huwa permess “mingħajr spejjeż”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, permezz ta’ dan il-ftehim, il-konsumatur jimpenja ruħu li jħallas lura l-ammont totali ta’ dan il-kreditu u li jħallas l-interessi u l-ispejjeż li kien obbligat li jħallas konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-assenza tal-imsmemi ftehim.

27

Preliminarjament, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/48, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, jipprevedi armonizzazzjoni sħiħa u obbligatorja f’numru ta’ oqsma ċentrali, li huwa meqjus bħala neċessarju sabiex jiżgura li l-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 21).

28

Din id-direttiva tapplika, konformement għall-Artikolu 2(1) tagħha għall-ftehim ta’ kreditu, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, skont il-paragrafu (2)(j),ta’ dan l-artikolu ta’ kuntratti ta’ kreditu marbuta mal-ħlas differit permess, mingħajr spejjeż, għar-regolament ta’ debitu eżistenti.

29

Fir-rigward, minn naħa, tal-kunċett ta’ “ftehim ta’ kreditu” kif huwa ddefinit fl-Artikolu 3(ċ) tal-imsemmija direttiva bħala li jfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija tal-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs.

30

Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “ftehim ta’ kreditu”, iddefinit mill-imsemmija dispożizzjoni, huwa partikolarment wiesa’ u jkopri ftehim, bħal dak fil-kawża prinċipali, li jipprevedi ħlas bin-nifs tal-ħlas lura ta’ debitu eżistenti.

31

F’dan ir-rigward, jirriżulta espressament mill-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2008/48 li din tapplika, bħala prinċipju għall-kuntratti li jipprevedu ftehim dwar ħlas differit jew modi ta’ ħlas lura bejn il-kreditur u l-konsumatur meta dan tal-aħħar ikun diġà qiegħed f’sitwazzjoni ta’ inadempjenza ta’ ħlas tal-ftehim ta’ kreditu inizjali.

32

Konsegwentement, dan il-ftehim, konkluż mal-konsumatur jew direttament mal-kreditur, jew permezz ta’ intermedjarju tal-kreditu li jaġixxi għan-nom tal-kreditur, għandu jiġi kkunsidrat bħala “ftehim ta’ kreditu”, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha.

33

Minkejja dan, min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat jekk tali kuntratt huwa permess “mingħajr spejjeż”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tal-istess direttiva, meta l-konsumatur jimpenja ruħu li jħallas lura l-ammont totali tal-kreditu kif ukoll li jħallas l-interessi u l-ispejjeż li kien obbligat iħallas, fl-assenza ta’ kuntratt, konfermement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

34

Jekk id-Direttiva 2008/48 ma tiddefinixxix speċifikament il-kunċett ta’ “spejjeż”, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur tfisser l-ispejjeż kollha li dan għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur (ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C-377/14, EU:C:2016:283, punt 84).

35

Id-definizzjonijiet partikolarment wiesgħa tal-kunċett ta’ “ftehim ta’ kreditu”, fis-sens tal-Artikolu3(ċ) tad-Direttiva 2008/48, kif ukoll il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva, jilħqu l-għan mixtieq minn din id-direttiva, imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, billi huma jippermettu l-iżgurar ta’ protezzjoni estensiva għall-konsumaturi.

36

Ukoll, kull limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, skont l-Artikolu 2(2), tagħha, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan.

37

Konsegwentement, meta, permezz ta’ ftehim li jipprevedi kundizzjonijiet ta’ ħlas ġodda ta’ debitu eżistenti, il-konsumatur jimpenja ruħu mhux biss li jħallas lura l-ammont totali tal-kreditu iżda wkoll li jħallas l-interessi jew l-ispejjeż li ma jkunux ġew previsti mill-kuntratt inizjali skont liema l-kreditu li ma jkunx tħallas lura jkun ingħata, tali ftehim ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li kien permess “mingħajr spejjeż”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48.

38

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ftehimiet ta’ ħlas bin-nifs ta’ kreditu proposti minn Inko lill-konsumaturi, wara l-inadempjenzi, jipprevedu li dawn jimpenjaw rwieħhom li jħallsu d-debitu tagħhom fi ħlasijiet mensili, peress li l-ħlasijiet imwettqa jkunu ġew attribwiti l-ewwel bħala spejjeż ta’ Inko, imbagħad fuq il-kapital li jkun għadu dovut u fuq l-interessi.

39

Dan il-ftehim, li jipprevedi l-obbligu għal konsumatur li jħallas l-ispejjeż ta’ aġenzija ta’ rkupru tad-djun, f’dan il-każ, Inko, li ma kinux previsti mill-kuntratt inizjali ta’ kreditu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa marbut ma’ ħlas differit permess “mingħajr spejjeż”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48.

40

Inkunsiderazzjoni tal-għan, imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-ammonti akkumulati tal-interessi previsti minn dan il-ftehim, anki jekk dawn l-ammonti ma jaqbżux dak li huwa eżiġibbli fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli wara tardività fil-ħlas.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li ftehim ta’ ħlas bin-nifs ta’ kreditu, li jiġi konkluż, wara l-inadempjenza tal-konsumatur, bejnu u bejn il-kreditur permezz tal-intermedju ta’ aġenzija ta’ rkupru ma huwiex permess “mingħajr ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta permezz ta’ dan il-ftehim, il-konsumatur jimpenja ruħu li jħallas lura l-ammont totali ta’ dan il-kreditu u li jħallas l-interessi jew l-ispejjeż li ma jkunux ġew previsti mill-kuntratt inizjali skont liema l-imsemmi kreditu ġie miftiehem.

Fuq l-ewwel domanda

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata wara t-tieni waħda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(f) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li aġenzija ta’ rkupru li tikkonkludi, għan-nom tal-kreditur, ftehim ta’ ħlas bin-nifs ta’ kreditu mhux imħallas iżda li taġixxi biss bħala intermedjarju tal-kreditu f’kapaċità anċillari għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “intermedjarju tal-kreditu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(f) u tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur, skont l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-imsemmi Artikolu 3(f) “intermedjarju tal-kreditu” hija persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx qed taġixxi bħala kreditur u li matul il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha għal onorarju, li jista’ jkun pekunarju jew fi kwalunkwe forma miftehma oħra ta’ kunsiderazzjoni finanzjarja, li jkollha l-għan ta’ ftehim, li tippreżenta jew toffri ftehim ta’ kreditu lill-konsumaturi, tassisti lill-konsumaturi billi tagħmel ħidma ta’ tħejjija fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, jew li tikkonkludi ftehim ta’ kreditu mal-konsumaturi f’isem il-kreditur.

44

Konsegwentement, aġenzija ta’ rkupru, bħalma hija Inko, li taġixxi għan-nom tal-kreditur għall-konklużjoni ta’ ftehim għall-ħlas bin-nifs ta’ kreditu mhux imħallas, skont liema l-konsumaturi jimpenjaw ruħhom li jħallsu lura l-ammont totali tal-kreditu u li jħallsu l-interessi u l-ispejjeż, għandu jiġi kklassifikat bħala “intermedjarju tal-kreditu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

45

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk aġenzija ta’ rkupru bħalma hija Inko għandhiex l-obbligu, abbażi tal-attivitajiet tagħha bħala intermedjarju ta’ kreditu, li tikkomunika lill-konsumaturi l-informazzjoni prekuntrattwali msemmija fl-Artikolu 6 tal-VKrG li tittrasaponi fid-dritt Awstrijak l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali intermedjarju tal-kreditu huwa, fil-prinċipju, suġġett għall-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur previst fl-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva.

47

Madankollu, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48, il-fornituri ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li jaġixxu bħala intermedjarji ta’ kreditu f’kapaċità anċillari ma humiex suġġetti għal dan l-obbligu. F’dan ir-rigward, il-premessa 24 ta’ din id-direttiva tistabilixxi li dawn il-fornituri servizzi jistgħu, pereżempju, jiġu kkunsidrati bħala li jaġixxu bħala intermedjarji ta’ kreditu f’kapaċità anċillari jekk l-attività tagħhom ma hijiex il-fini prinċipali tal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom.

48

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari tal-għan prinċipali tal-attività tal-intermedjarju tal-kreditu kkunsidrat, jista’ jiġi kkunsidrat li dan ikun qed jaġixxi bħala intermedjarju tal-kreditu f’kapaċità anċillari, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

49

Fl-istess ħin, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjoni għall-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur, li tista’ tibbenefika lill-intermedjarju ta’ kreditu, ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-kunċett ta’ “intermedjarju tal-kreditu”, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48, iżda għandha biss bħala effett li teskludi li l-persuni li jaġixxu fil-kwalità ta’ intermedjarji biss f’kapaċità anċillari jkunu suġġetti għall-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali, previst fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha dwar ċerti obbligi ta’ intermedjarji ta’ kreditu fir-rigward tal-konsumaturi, jibqgħu applikabbli fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

50

Din l-eċċezzjoni ma għandhiex bħala effett li taffettwa l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur previst mid-Direttiva 2008/48.

51

F’dan ir-rigward, kif tirrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 30 tal-konklużjonijiet tagħha, l-obbligu stabbilit fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva, ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur mill-kreditur u, jekk ikun il-każ, mill-intermedjarju ta’ kreditu, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan, imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C-449/13, EU:C:2014:2464, punt 21, kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C-377/14, EU:C:2016:283, punt 61).

52

Madankollu, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 24 tagħha, l-eċċezzjoni, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48, fir-rigward tal-fornituri ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li jaġixxu bħala intermedjarji ta’ kreditu f’kapaċità anċillari, ma tikkawżax preġudizzju għall-obbligu tal-kreditur li jivviġila sabiex il-konsumatur jirċievi l-informazzjoni prekuntrattwali msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(f) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li aġenzija ta’ rkupru li tikkonkludi, għan-nom tal-kreditur, ftehim ta’ ħlas lura bin-nifs ta’ kreditu li ma tħallasx iżda li taġixxi bħala intermedjarju tal-kreditu biss f’kapaċità anċillari, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi kkunsidrata bħala “intermedjarju tal-kreditu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(f) u ma tiġix suġġetta għall-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur, skont l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu2(2)(j) tad-tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ ħlas bin-nifs ta’ kreditu, li jiġi konkluż, wara l-inadempjenza tal-konsumatur, bejnu u bejn il-kreditur permezz tal-intermedju ta’ aġenzija ta’ rkupru ma huwiex permess “mingħajr ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta permezz ta’ dan il-ftehim, il-konsumatur jimpenja ruħu li jħallas lura l-ammont totali ta’ dan il-kreditu u li jħallas l-interessi jew l-ispejjeż li ma jkunux ġew previsti mill-kuntratt inizjali skont liema l-imsemmi kreditu ġie miftiehem.

 

2)

L-Artikolu 3(f) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li aġenzija ta’ rkupru li tikkonkludi, għan-nom ta’ kreditur, ftehim ta’ ħlas bin-nifs ta’ kreditu mhux imħallas iżda li taġixxi bħala intermedjarju tal-kreditu biss f’kapaċità anċillari, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi kkunsidrata bħala “intermedjarju tal-kreditu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(f) u ma tkunx suġġetta għall-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-konsumatur, skont l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.