SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Direttiva 2011/92/UE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali’ — Nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Awtorizzazzjoni definittiva — Regolarizzazzjoni leġiżlattiva a posteriori tan-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Prinċipju ta’ koperazzjoni — Artikolu 4 TUE”

Fil-Kawża C‑348/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Stadt Wiener Neustadt

vs

Niederösterreichische Landesregierung,

fil-preżenza ta’:

.A.S.A. Abfall Service AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stadt Wiener Neustadt, minn E. Allinger, avukat,

għal A.S.A. Abfall Service, minn H. Kraemmer, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 85/337”), tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stadt Wiener Neustadt (Il-belt ta’ Wiener Neustadt, L-Awstrija) u Niederösterreichische Landesregierung (Gvern tal-Land tan-Niederösterreichische), dwar il-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkunsidrat li l-operat minn A.S.A. Abfall Service ta’ impjant ta’ trattament ta’ karburant alternattiv għandu jitqies bħala awtorizzat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/92, jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

4

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, li l-kontenut tiegħu ġie essenzjalment riprodott fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2011/92, jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

‘kunsens għal żvilupp’ tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

[...]”

5

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, li l-kontenut tiegħu ġie essenzjalment riprodott fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2011/92, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.

6

Skont l-Artikolu 2 (1) tad-Direttiva 85/337:

“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.”

Id-dritt Awstrijakk

7

L-Artikolu 3(6) tal-Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz (UVP-G 2000) [Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-2000 (UVP‑G 2000), BGBl. 697/1993], fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”), kien jipprovdi li:

“Awtorizzazzjonijiet għal proġetti suġġetti għal evalwazzjoni kif ipprovdut fil-paragrafi (1), (2) jew (4) ma għandhomx jinħarġu qabel il-konklużjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew ta’ evalwazzjoni każ b’każ, u notifiki maħruġa skont dispożizzjonijiet amministrattivi ma għandhom ebda effett legali qabel il-konklużjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Awtorizzazzjonijiet maħruġa bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu annullati f’terminu ta’ tliet snin mill-awtorità kompetenti konformement mal-Artikolu 39(3)”.

8

Il-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP-G 2000 jistabbilixxi li:

“Is-segwenti dispożizzjonijiet japplikaw sa mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet emendati jew miżjuda bil-liġi federali ppubblikata fil-BGBl. I Nru 87/2009 kif ukoll għat-tranżizzjoni lejn is-sitwazzjoni legali l-ġdida:

[...]

4.

Il-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tkunx għadha esposta għar-riskju ta’ annullament derivanti mill-Artikolu 3(6), fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi federali ppubblikata fil-BGBl. I Nru 87/2009 huma kkunsidrati bħala awtorizzati skont il-liġi.”

9

Mid-deċiżjoni tar-rinvinju jirriżulta li l-verżjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP-G 2000, kif imsemmi fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, tirriżulta mill-Bundesgesetz, mit dem das Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 geändert wird (UVP‑G‑Novelle 2009) [liġi federali li temenda l-liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-2000 (UVP‑G-Novelle 2009), BGBl. I, 87/2009], li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Awwissu 2009.

Il-fatt tal-kawża priniċpali u domanda preliminari

10

A.S.A. Abfall Service topera, fit-territorju tal-belt ta’ Wiener Neustadt, impjant għat-trattament ta’ karburant alternattiv, li essenzjalment jipproċessa skart plastiku billi jirriduċih f’biċċiet żgħar sakemm jinkiseb karburant li huwa intiż prinċipalment għall-industrija tas-siment. F’dan l-impjant jitwettaq trattament fiżiku tal-iskart mhux perikoluż.

11

Matul is-snin 1986 u 1993, is-sindku ta’ din il-belt ħareġ awtorizzazzjonijiet għall-operat li jippremettu kapaċità ta’ trattament ta’ 9990 tunellata fis-sena.

12

B’deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2002, il-kap tal-Gvern tan-Niederösterreichische awtorizza ż-żieda tal-kapaċità massima ta’ trattament għal 34000 tunellata fis-sena, u dan abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart. Din iż-żieda tal-kapaċità kellha timmaterjalizza ruħha permezz tal-estensjoni tal-linja ta’ trattament eżistenti kif ukoll permezz tal-bini tat-tieni linja ta’ trattament.

13

Din l-awtorizzazzjoni ngħatat mingħajr l-issuġġettar tal-proġett ta’ estensjoni għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kif previst mill-UVP-G 2000.

14

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2014, l-Umweltanwalt (medjatur għall-ambjent) tan-Niederösterreichische talab lill-Gvern ta’ din l-istess Land jiddetermina jekk dan l-impjant kellux jiġi ssuġġettat għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, skont il-UVP-G 2000.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-Gvern ta’ din il-Land wieġeb fin-negattiv għal din il-mistoqsija, billi qies li dan l-impjant kellu jitqies bħala awtorizzat skont il-punt 4 tal-Artikolu 46(20).

16

Il-belt ta’ Wiener Neustadt ressqet talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, L-Awstrija).

17

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

18

Fil-fatt, il-Bundesverwaltungsgericht qieset li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-estensjoni tal-kapaċità ta’ trattament, kif awtorizzata bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2002, kellhiex preliminarjament tiġi ssuġġettata għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-UVP-G 2000, peress li l-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP‑G 2000 kien jippermetti li jitqies li tali awtorizzazzjoni kienet ngħata legalment għall-operat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma kinitx tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

19

Il-belt ta’ Wiener Neustadt ippreżentat rikors għal reviżjoni ta’ dik is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, L-Awstrija). Fih sostniet li l-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP-G 2000 jikser id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija tqis li fil-kawża prinċipali ma kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom proġett jista’ jiġi eskluż b’leġiżlazzjoni nazzjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 jew minn dak tad-Direttiva 2011/92.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-Direttiva […] 2011/92 […], b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tagħha jew id-Direttiva […] 85/337[…], jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-proġetti suġġetti għal obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, iżda li ma kellhomx awtorizzazzjoni skont […] il-[…] UVP-G 2000[…], iżda unikament awtorizzazzjonijiet mogħtija abbażi ta’ liġijiet settorjali differenti [bħall-Abfallwirtschaftsgesetz (liġi dwar il-ġestjoni tal-iskart)], li, fid-19 ta’ Awwissu 2009 […], minħabba skadenza tal-perijodu ta’ tliet snin previst fid-dritt nazzjonali (Artikolu 6(3) tal-UVP-G 2000) ma setgħux iktar jiġu ddikjarati nulli, huma kkunsidrati bħala awtorizzati skont il-UVP-G 2000 jew tali regola hija konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-proġett ta’ żieda tal-kapaċità ta’ trattament tal-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’kont meħud tad-data li fiha dan kien ġie awtorizzat abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart, jiġifieri l-10 ta’ Diċembru 2002, seta’ jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u, abbażi ta’ dan, li jiġi ssuġġettat għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Għall-kuntrarju, dan ma kienx jgħodd għall-awtorizzazzjonijiet tal-operat mogħtija matul is-snin 1986 u 1993, jiġfieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija fl-Unjoni.

22

Jeħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali proġett kellux jiġi ssuġġettat għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, u, fejn xieraq, jekk, kif isostni l-operatur, l-awtorizzazzjoni settorjali mogħtija bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2002 skont il-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart, ippermettietx, fil-prattika, li jiġu osservati r-rekwiżiti ambjentali previsti minn din id-direttiva.

23

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fid-dawl tad-data tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li jsir riferiment għad-Direttiva 2011/92.

24

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar kull dispożizzjoni leġiżlattiva bħall-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP‑G 2000, li permezz tagħha għandu jitqies bħala legalment awtorizzat kull proġett li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, li fir-rigward tagħha jkun skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament.

25

B’mod iktar ġenerali, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf ukoll, fit-tieni lok, jekk tali dispożizzjoni leġiżlattiva tistax tiġi ġġustifikata fid-dritt tal-Unjoni mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi.

26

Fir-rigward tal-ewwel aspett tad-domanda preliminari, minn ġurispridenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 jissuġġetta l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-proġett għandu jiġi adottat fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku. Fit-tieni lok, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, inklużi dawk tal-provvista ta’ informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, EU:C:1999:418, punt 57, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C‑131/09, C-134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 37).

27

L-ewwel kundizzjoni timplika li l-att leġiżlattiv ikun jinkludi l-istess karatteristiċi bħall-awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. B’mod partikolari dan għandu jagħti d-dritt lill-iżviluppatur li jwettaq il-proġett u għandu jinkludi, skont awtorizzazzjoni, wara it-teħid inkunsiderazzjoni tagħha mil-leġiżlatur, l-elementi kollha rilevanti tal-proġett fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, EU:C:1999:418, punti 5859, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667, punti 3839). B’hekk, l-att leġiżlattiv għandu jikkonferma li l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 intlaħqu fir-rigward tal-proġett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Dan ma jkunx il-każ meta l-att ma jkunx jinkludi l-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, EU:C:1999:418, punt 62, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667, punt 40).

29

It-tieni kundizzjoni timplika li l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan essenzjali tagħha huwa li jiġi ggarantit li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs jew il-lok tagħhom, “qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni”, jiġu ssuġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-mument tal-adozzjoni tal-proġett, informazzjoni suffiċjenti. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur għandha tinkludi minn tal-inqas deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar is-sit, id-disinn u d-daqs tiegħu, deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-effetti negattivi sinjifikattivi u, jekk huwa possibbli, li jiġu kkumpensati, kif ukoll l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667, punt 43).

31

Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk humiex osservati l-kundizzjonijiet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattiti parlamentari (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C‑131/09, C-134/09 u C-135/09, EU:C:2011:667, punt 47), madankollu jidher li dispożizzjoni leġiżlattiva bħall-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP-G 2000 ma tosservax dawn ir-rekwiżiti.

32

Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tinkludix, għall-proġetti previsti minnha, l-istess karatteristiċi bħal dawk ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

33

Lanqas ma jidher li l-għanijiet ta’ din id-direttiva jistgħu jintlaħqu permezz tal-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP-G 2000, peress li l-leġiżlatur nazzjonali ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu, meta adotta din id-dispożizzjoni, informazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti li tista’ tikkonċerna u li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika għal proġetti li diġà twettqu.

34

Konsegwentement, dispożizzjoni leġiżlattiva, bħall-punt 4 tal-Artikolu 46(20), tal-UVP-G 2000, ma tidhirx li tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, b’tali mod li ma setgħetx ikollha l-effett li teskludi l-operazzjonijuet previsti minnha mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tad-dritt nazzjonali u tal-portata eżatta li għandha tingħata lid-dispożizzjoni inkwistjoni.

35

Fir-rigward tat-tieni aspett tad-domanda preliminari, marbut mal-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, permezz tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jsiru s-segwenti speċifikazzjonijiet.

36

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regoli nazzjonali li jippermettu, f’ċerti każijiet, għar-regolarizzazzjoni ta’ operazzjonijiet jew ta’ atti irregolari fid-dawl ta’ dan tal-aħħar. Tali possibbiltà hija madankollu ssubordinata għall-kundizzjoni li din ma tkunx toffri lill-persuna kkonċernata l-okkażjoni li tissorvola r-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li tevita li tapplikhom u għaldaqstant li din tibqa’ possibbiltà eċċezzjonali (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-215/06, EU:C:2008:380, punt 57).

37

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tagħti lil permess ta’ regularizzazzjoni, li jista’ jingħata anki mhux f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-istess effetti bħal dawk marbuta ma’ permess tal-ippjanar, tkun tikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, il-proġetti li għalihom hija rikjesta evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandhom, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, jiġu identifikati u sussegwentement suġġetti, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni u, konsegwentement, neċessarjament qabel ma jitwettqu, għal talba għal awtorizzazzjoni u għall-imsemmija evalwazzjoni (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-215/06, EU:C:2008:380, punt 61).

38

Dan jgħodd ukoll għal miżura leġiżlattiva, bħall-punt 4 tal-Artikolu 46(20), tal-UVP-G 2000, li tidher li tippermetti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma timponi evalwazzjoni ulterjuri, u f’nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali partikolari, li proġett li kellu jkun issuġġettat għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, jitqies bħala li kien ġie ssuġġettat għal tali evalwazzjoni.

39

Huwa veru li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna biss “proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tkunx għadha esposta għar-riskju ta’ annullament” minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet snin li huwa previst fl-Artikolu 3(6) tal-UVP-G 2000.

40

Madankollu, din iċ-ċirkustanza waħida ma tistax tbiddel il-konklużjoni preċedenti. Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, kemm-il darba, min-naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jkunux jistgħu jirrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività).

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-istabbiliment ta’ termini raġjonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-individwu kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li tali termini ma humiex ta’ natura li jirrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2010, Barth, C-542/08, EU:C:2010:193, punt 28, u tas-16 ta’ Jannar 2014, Pohl, C-429/12, EU:C:2014:12, punt 29).

42

Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni, li ma jipprovdi għal ebda regola marbuta mat-termini għall-preżenata ta’ rikors kontra l-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, ma jipprekludix, bħala prinċipju u dment li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-istabbiliment mill-Istat Membru kkonċernat ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet snin, bħal dak previst fl-Artikolu 3(6) tal-UVP-G 2000, li jsir riferiment għalih fil-punt 4 tal-Artikolu 46(20) tal-UVP‑G 2000.

43

Madankollu, ma tkunx kompatibbli ma’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali li minnha jirriżulta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tkunx għadha suxxettibbli għal rikors ġudizzjarju dirett, minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma purament u sempliċiment meqjusa bħala legalment awtorizzati fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

44

Kif tirrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 85/337 tipprekludi bħala tali dispożizzjoni ta’ din in-natura, minħabba li din tal-aħħar għandha l-effett legali li teżenta lill-awtoritajiet kompetenti mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li proġett fis-sens ta’ din id-direttiva twettaq mingħajr ma saret evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent u mill-obbligu li jiżguraw li tali evalwazzjoni titwettaq, meta x-xogħolijiet jew l-interventi fiżiċi marbuta ma’ dan il-proġett ikunu jirrikjedu awtorizzazzjoni ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 37).

45

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza ferm stabblita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu kumpens għal kull preġudizzju kkawżat mill-omissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 66).

46

Għal dan l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaddottaw kull miżura ġenerali jew partikolari bil-għan li jipprovdu kumpens għal tali omissjoni (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, EU:C:2004:12, punt 68).

47

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li, għalkemm il-kundizzjoniijet ta’ tali azzjoni għal kumpens, b’mod partikolari dawk marbuta mal-punt dwar jekk kull illegalità għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas kif ukoll dawk relatati mal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ rabta kawżali, jaqgħu, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt nazzjonali, u għalkemm tali azzjoni tista’, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun suġġetta għal ċertu terminu, mingħajr ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, xorta jibqa’ l-fatt li din l-azzjoni għandha tkun tista’, skont il-prinċipju ta’ effettività, tiġi eżerċitata f’kundizzjonijiet raġjonevoli.

48

Minn dak li ntqal jirriżulta li, jekk dispożizzjoni nazzjonali tipprekludi, wara l-iskadenza ta’ terminu partikolari, kull azzjoni għal kumpens għall-ksur tal-obbligi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, anki meta jkun għadu ma skadiex it-terminu għall-preżentata ta’ rikors li għalih id-dritt nazzjonali jissuġġetta l-azzjoni għal kumpens, din tkun, għal din l-istess raġuni, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

49

Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, proġett previst minn dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha proġett li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, li fir-rigward tagħha jkun skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, għandu jitqies bħala legalment awtorizzat. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali dispożizzjoni leġiżlattiva safejn din tipprovdi li għandu jitqies li twettqet evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent għali tali proġett.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, proġett previst minn dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha proġett li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, li fir-rigward tagħha jkun skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, għandu jitqies bħala legalment awtorizzat. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali dispożizzjoni leġiżlattiva safejn din tipprovdi li għandu jitqies li twettqet evalwazzjoni preliminari tal-effetti fuq l-ambjent għali tali proġett.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.