SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 13(2) — Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni — Kunċett ta’ spiża li tista’ tirriżulta minnhom”

Fil-Kawża C‑316/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta’:

Timothy Martin Hemming, li jaġixxi taħt l-isem kummerċjali “Simply Pleasure Ltd”,

James Alan Poulton,

Harmony Ltd,

Gatisle Ltd, li taġixxi taħt l-isem kummerċjali “Janus”,

Winart Publications Ltd,

Darker Enterprises Ltd,

Swish Publications Ltd

vs

Westminster City Council,

fil-preżenza ta’:

The Architects’ Registration Board,

The Solicitors’ Regulation Authority,

The Bar Standards Board,

The Care Quality Commission,

The Farriers’ Registration Council,

The Law Society,

The Bar Council,

The Local Government Association,

Her Majesty’s Treasury,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Švaby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. M. Hemming, li jaġixxi taħt l-isem kummerċjali “Simply Pleasure Ltd”, J. A. Poulton, Harmony Ltd, Gatisle Ltd, li taġixxi taħt l-isem kummerċjali “Janus”, Winart Publications Ltd, Darker Enterprises Ltd u Swish Publications Ltd, et, minn T. Johnston u M. Hutchings, barristers, P. Kolvin, QC, V. Wakefield, barrister, A. Milner u S. Dillon, solicitors,

għall-Westminster City Council, minn H. Davies, bħala aġent, assistita minn D. Matthias, QC, N. Lieven, QC, J. Lean u C. Streeten, barristers,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, B. Koopman u M. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘dwar is-servizzi’”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Timothy Martin Hemming, li jaġixxi taħt l-isem kummerċjali “Simply Pleasure Ltd”, James Alan Poulton, Harmony Ltd, Gatisle Ltd, li taġixxi taħt l-isem kummerċjali “Janus”, Winart Publications Ltd, Darker Enterprises Ltd u Swish Publications Ltd (iktar ’il quddiem “T. M. Hemming et”) u l-Westminster City Council (kunsill muniċipali tal-belt ta’ Westminster, ir-Renju Unit) dwar tariffa li għandha titħallas mal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 39, 42, 43 u 49 tad-Direttiva “dwar is-servizzi” huma redatti kif ġej:

“(39)

Il-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ għandu jkopri, fost oħrajn, il-proċeduri amministrattivi għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet, liċenzji, approvazzjonijiet jew konċessjonijiet, u kif ukoll l-obbligu, sabiex jkun eliġibbli biex jeżerċita l-attività, biex jkun irreġistrat bħala membru ta’ professjoni jew imdaħħal f’reġistru, lista jew database, biex jkunu uffiċjalment maħtura f’korp jew jikseb kard ta’ sħubija ta’ professjoni partikolari. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata mhux biss b’deċiżjoni formali iżda wkoll b’deċiżjoni impliċita li tirriżulta, per eżempju, minn silenzju ta’ awtorità kompetenti jew mill-fatt li l-parti interessata trid tistenna l-konferma ta’ l-irċevuta ta’ dikjarazzjoni sabiex tibda l-attività in kwistjoni jew biex din ta’ l-aħħar issir legali.

[…]

(42)

Ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri amministrattivi ma għandhomx jimmiraw biex jarmonizzaw il-proċeduri amministrattivi iżda sabiex ineħħu l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li huma tassew ta’ piż, proċeduri u formalitajiet li jxekklu l-libertà ta’ l-istabbiliment u l-ħolqien ta’ impriżi ġodda ta’ servizzi li jirriżultaw minn dan.

(43)

Waħda mid-diffikultajiet fundamentali ffaċċjati, b’mod partikolari mill-SMEs, biex ikollhom aċċess għall-attivitajiet ta’ servizz u jeżerċitawhom, hija l-kumplessità, it-tul u l-inċertezza legali tal-proċeduri amministrattivi. Għal din ir-raġuni, fuq l-eżempju ta’ ċerti prassi ta’ inizjattiva ta’ amministrazzjoni tajba u moderna li ttieħdet fuq livell Komunitarju u nazzjonali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji ta’ simplifikazzjoniamministrattiva fost oħrajn permezz tal-limitazzjoni ta’ l-obbligu għall-awtorizzazzjoni minn qabel għal każijiet li fihom din hi essenzjali u l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ l-awtorizzazzjoni miftiehem [taċita] mill-awtoritajiet kompetenti wara li jkun skada ċertu perjodu ta’ żmien. Azzjoni ta’ modernizzazzjoni bħal din, filwaqt li żżomm ir-rekwiżiti dwar it-trasparenza u l-aġġornament ta’ l-informazzjoni relatata ma’ l-operaturi, għandha l-ħsieb li telimina d-dewmien, l-ispejjeż u l-effetti diswassivi li jinqalgħu, per eżempju minn proċeduri mhux meħtieġa, jew eċċessivament kumplessi u ta’ piż, id-duplikazzjoni tal-proċeduri, il-burokrazija involuta fil-preżentazzjoni tad-dokumenti, l-użu arbitrarju ta’ setgħat mill-awtoritajiet kompetenti, perjodi ta’ indeterminazzjoni jew twal b’mod eċċessiv qabel ma tingħata risposta, il-perjodu tal-ħin limitat tal-validità ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u l-miżati u l-penali disproporzjonati. Tali prassi għandhom effett sinjifikattiv partikolarment disswassiv fuq il-fornituri li jixtiequ jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra u għandhom bżonn modernizzazzjoni kkordinata fi ħdan is-suq intern imkabbar ta’ ħamsa u għoxrin Stat Membru.

[…]

(49)

Il-miżata li tista’ tiġi ċċarġjata mill-punti ta’ kuntatt waħdieni għandha tkun proporzjonata ma’ l-ispejjeż tal-proċeduri u l-formalitajiet li għandhom x’jaqsmu magħhom. Dan ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jafdaw lill-punti ta’ kuntatt waħdieni bil-ġbir ta’ miżati amminstrattivi oħra bħal miżata tal-korpi ta’ superviżjoni.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

5

L-Artikolu 4(6) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“[i]skema ta’ awtorizzazzjoni” bħala “kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”.

6

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni” jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

7

L-Artikolu 10 tad-Direttiva “dwar is-servizzi”, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.

[…]”

8

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perjodu ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur m’għandhiex tkun għal perjodu limitat, ħlief fejn:

(a)

l-awtorizzazzjoni tiġġedded awtomatikament jew hi soġġetta biss għat-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti;

(b)

in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli hu limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

jew

(ċ)

perjodu limitat ta’ awtorizzazzjoni jista’ jkun ġustifikat minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku.

[…]

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-abiltà ta’ l-Istati Membri biex jirrevokaw l-awtorizzazzjonijiet, meta l-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma jibqgħux jiġu sodisfatti.”

9

Fil-paragrafu 2 tiegħu, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi:

“Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni m’għandhomx ikunu dissważivi u m’għandhomx jikkomplikaw mingħajr bżonn jew idewwmu il-provvista tas-servizz. Huma għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u kwalunkwe spiża li l-applikanti jeħlu mill-applikazzjoni tagħhom għandha tkun raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni konċernati u m’għandhiex taqbeż n-nefqa tal-proċeduri.”

10

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Ħtiġijiet ipprojbiti”, jipprevedi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

[…]

6)

l-involviment dirett jew indirett ta’ l-operaturi li jikkompetu, inkluż fi ħdan korpi konsultattivi, fl-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet jew fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet oħrajn ta’ l-awtoritajiet kompetenti, ħlief għall-korpi u assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet oħrajn li jaġixxu bħall-awtorità kompetenti; din il-projbizzjoni ma għandhiex tikkonċerna l-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet, bħal kmamar tal-kummerċ jew imsieħba soċjali, dwar kwistjonijiet għajr applikazzjonijiet individwali għal awtorizzazzjoni, jew konsultazzjoni tal-pubbliku in ġenerali;

7)

obbligu li persuna tipprovdi jew tieħu sehem f’garanzija finanzjarja jew li tieħu assigurazzjoni minn fornitur jew korp stabbilit fit-territorju tagħhom. Dan ma għandux jaffettwa l-possibbiltà għall-Istati Membri li jitolbu garanziji ta’ assigurazzjoni jew finanzjarji fihom infushom, lanqas ma għandu jaffettwa r-rekwiżiti relatati mal-parteċipazzjoni f’fond ta’ kumpens kollettiv, bħal per eżempju għal membri ta’ korpi jew organizzazzjonijiet professjonali;

[…]”

Id-dritt tar-Renju Unit

11

Ir-Regola 4 tal-Provision of services Regulations 2009 (Regolament tal-2009 dwar il-provvista ta’ servizzi) li jimplementa d-Direttiva “dwar is-servizzi” jipprovdi:

“Il-frażi ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull arranġament li għandu l-effett li jobbliga l-fornitur jew id-destinatarju ta’ servizz jikseb l‑awtorizzazzjoni ta’ awtorità kompetenti jew li jinnotifika awtorità kompetenti sabiex ikollu aċċess għal attività ta’ servizz jew sabiex jeżerċitaha […]”

12

Skont ir-Regola 18(2) sa (4) tal-imsemmi regolament:

“(2)

Il-proċeduri u l-formalitajiet previsti minn awtorità kompetenti skont skema ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx

(a)

ikunu dissważivi, u

(b)

jikkomplikaw mingħajr bżonn jew idewmu l-provvista tas-servizz.

(3)

Il-proċeduri u formalitajiet previsti minn awtorità kompetenti skont skema ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu faċilment aċċessibbli.

(4)

Kwalunkwe spiża prevista minn awtorità kompetenti li tista’ tirriżulta minn skema ta’ applikazzjoni fuq l-applikanti għandha tkun raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri u formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni skont l-iskema u m’għandhiex taqbeż in-nefqa tal proċeduri u formalitajiet.”

13

Il-paragrafu 19 tal-Anness 3 tal-Local Government (Miscellaneous Provisions) Act 1982 [liġi tal-1982 dwar l-amministrazzjoni lokali (dispożizzjonijiet diversi)] jipprevedi li applikant għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja għandu jħallas tariffa raġonevoli, stabbilita mill-awtorità kompetenti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Il-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Westminster huwa l-awtorità tal-għoti tal-liċenzja għall-istabbilimenti tas-sess, inklużi s-“sex-shops”, f’Westminster. Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kollu, T. M. Hemming et kienu detenturi ta’ liċenzji għal sex-shops f’Westminster.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, waqt l-imsemmi perijodu u konformement mal-Anness 3, paragrafu 19 tal-Liġi tal-1982 dwar l-amministrazzjoni lokali (dispożizzjonijiet diversi), setgħet tiġi imposta tariffa sabiex tkopri mhux biss l-ispiża tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess, iżda wkoll dik tal-ispezzjoni tal-bini wara l-għoti tal-liċenzji bl-għan li tinżamm “l-ordni ssorveljata” sabiex jiġu identifikati u pproċessati l-persuni li joperaw stabbilimenti tas-sess mingħajr liċenzja.

16

Għaldaqstant, applikant għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess għal sena kwalunkwe kellu jħallas tariffa komposta minn żewġ partijiet: waħda konnessa mal-ipproċessar amministrattiv tal-applikazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli, u l-oħra, ħafna ikbar, konnessa mal-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u li tista’ tinġabar lura fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda. Per eżempju, għas-sena 2011/2012, l-ammont totali tat-tariffa kien ta’ 29102 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 37700) għal kull applikant, li minnhom GBP 2667 (madwar EUR 3455) kienu għall-ipproċessar amministrattiv tal-liċenzja u li ma humiex rimborsabbli, filwaqt li r-rimanenti GBP 26435 (madwar EUR 34245) kienu konnessi mal-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u kienu jistgħu jinġabru lura fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

17

Skont T. M. Hemming et, il-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Westminster ma kellux dritt jimponi l-ħlas ta’ din it-tieni parti tat-tariffa. Is-somom korrispondenti, minkejja li jistgħu jinġabru lura fil-każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda, allegatament kienu dovuti minħabba l-ispejjeż marbuta mal-implementazzjoni tas-sistema ta’ liċenzjar, mingħajr rabta mal-ispiża tal-ipproċessar amministrattiv tal-applikazzjonijiet, u kellhom jiġu sostnuti mill-baġit ġenerali tal-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Westminster jew kellhom jintalbu biss mingħand l-operaturi li l-applikazzjoni tagħhom intlaqgħet.

18

T. M. Hemming et rebħu quddiem il-qrati tar-Renju Unit li huma kienu adixxew b’rikors. Dawn qiesu li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi” tkopri l-ispejjeż imposti kemm fuq l-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom tintlaqa’ kif ukoll fuq dawk li l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda u jipprekludi li awtorità li tagħti liċenzja timponi b’mod indistint fuq l-applikanti li jiksbu liċenzja u fuq dawk li l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda sabiex iħallsu l-ispiża tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet kontra l-persuni li joperaw stabbilimenti tas-sess f’Westminster, mingħajr liċenzja.

19

Għaldaqstant, l-applikanti li ma jiksbux il-liċenzja jistgħu jintalbu biss l-ispejjeż tal-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom, inkluż l-eżami tal-kapaċità tagħhom li joperaw stabbiliment tas-sess, filwaqt li l-applikanti li jiksbuha jistgħu biss jiġu imposti fuqhom l-ispejjeż simili u, fil-każ li l-applikazzjoni tagħhom tiġġedded, dawk relatati mal-ispezzjoni tal-osservanza tal-obbligi marbuta mal-liċenzja tagħhom fil-passat.

20

Adita b’appell mis-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), Ir-Renju Unit], il-qorti tar-rinviju qieset li l-approċċ ikkontestat quddiemha allegatament għandu l-konsegwenza li l-awtorità inkarigata mill-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar ikollha ssostni l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din is-sistema favur l-operaturi li kisbu liċenzja, peress li din l-awtorità ma tkunx tista’ timponi fuq applikant sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmija sistema fuq l-operaturi ta’ stabbilimenti tas-sess li ma jkollhomx liċenzja, minkejja li din il-ġestjoni tiffavorixxi lill-operaturi ta’ tali stabbilimenti li huma detenturi ta’ liċenzja. Għal dan l-għan, l-imsemmija awtorità għandha tirrikorri għall-fondi ġenerali tagħha.

21

Din il-qorti tistaqsi dwar liema hija s-soluzzjoni għal organi regolatorji jew organizzazzjonijiet professjonali oħra li jirrikorru għal skemi simili, li jista’ jkun li ma jkollhomx fondi ġenerali u lanqas is-setgħa li jiġbru fondi b’mod jew b’ieħor.

22

Minkejja li l-qorti tar-rinviju hija konvinta li skema li skontha l-applikant għandu jħallas tariffa addizzjonali sabiex ikopri l-ispejjeż marbuta mal-funzjonament u mas-sorveljanza tas-sistema ta’ liċenzjar meta l-applikazzjoni tintlaqa’ hija konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi”, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-iskema applikata mill-kunsill muniċipali tal-belt ta’ Westminster miegħu.

23

Madankollu, din il-qorti tirrileva li hija ma għandha ebda element li jippermetti li wieħed iqis li r-rekwiżit li skontu applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-ħlas ta’ somma li tista’ tinġabar lura fil-każ li din tiġi miċħuda jkun jista’ jiddisswadi lil xi operaturi milli jippreżentaw applikazzjoni għal liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess.

24

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li wieħed ikollu jħallas somma bil-quddiem, sakemm tingħata deċiżjoni ta’ għoti jew ta’ rifjut ta’ liċenzja, effettivament jikkostitwixxix spiża għal applikant għal liċenzja.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Meta applikant għall-għoti jew tiġdid ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-sess ikollu jħallas tariffa maqsuma f’żewġ partijiet, waħda konnessa mal-amministrazzjoni tal-applikazzjoni u li ma hijiex rimborsabbli, l-oħra għall-ġestjoni tas-sistema ta’ liċenzjar u li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura] jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda:

1)

Ir-rekwiżit li titħallas tariffa, inkluża t-tieni parti li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura], ifisser, bħala kwistjoni ta’ dritt Ewropew u xejn iktar, li l-intimati sostnew spiża għall-applikazzjonijiet tagħhom li tmur kontra l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva [dwar is-servizzi] sa fejn din taqbeż l-ispiża sostnuta mill-Westminster City Council għall-ipproċessar tal-applikazzjoni?

2)

Il-konklużjoni li tali rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat li jinvolvi spiża – jew, jekk għandu jitqies bħala tali, spiża li taqbeż l-ispiża sostnuta mill-Westminster City Council għall-ipproċessar tal-applikazzjoni – tiddependi fuq l-effett ta’ ċirkustanzi ulterjuri (u jekk iva, liema), per eżempju:

a)

provi li jistabbilixxu li l-ħlas tat-tieni parti li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura] kien jinvolvi jew x’aktarx jinvolvi lil applikant f’xi spejjeż jew telf,

b)

id-daqs tat-tieni parti li hija rimborsabbli [tista’ tinġabar lura] u t-tul ta’ żmien li tinżamm qabel ma jsir ir-rimbors, jew

c)

kull iffrankar fl-ispejjeż […] fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet (u għalhekk fl-ispiża mhux rimborsabbli tagħhom) li tirriżulta mir-rekwiżit tal-ħlas bil-quddiem taż-żewġ partijiet tat-tariffa li għandhom jitħallsu mill-applikanti kollha?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi” għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-ħlas, fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, ta’ tariffa li parti minnha tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata, anki jekk din il-parti tista’ tinġabar lura fil-każ li din l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

27

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Verband Sozialer Wettbewerb, C‑19/15, EU:C:2016:563, punt 23).

28

F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-punt ta’ jekk it-tariffa dovuta minn applikant tistax tinġabar lura fil-każ li l-applikazzjoni tiegħu għal liċenzja tiġi miċħuda ma għandu l-ebda effett fuq l-identifikazzjoni ta’ spiża fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi”. Fil-fatt, il-fatt li wieħed ikollu jħallas tariffa jikkostitwixxi obbligu finanzjarju, u għaldaqstant spiża, li l-applikant għandu jħallas sabiex l-applikazzjoni tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-fatt li l-ammont jista’ jinġabar lura sussegwentement fil-każ li din l-applikazzjoni tiġi miċħuda. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-għan tal-imsemmi artikolu, moqri fid-dawl tal-premessi 39, 42 u 43 ta’ din id-direttiva, huwa dak li jiġi evitat li ċerti aspetti tal-proċeduri u tal-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni jiskoraġġixxu l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi.

29

Sabiex ikunu jikkonformaw mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi”, l-ispejjeż imsemmija għandhom, skont din id-dispożizzjoni, ikunu raġonevoli u proporzjonati man-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ma għandhomx jaqbżu n-nefqa ta’ dawn il-proċeduri.

30

Peress li l-ammont ta’ tali spejjeż ma jistax, fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, fi kwalunkwe każ jaqbżu n-nefqa tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni fl-intier tagħha jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “nefqa tal-proċeduri”.

31

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tinterpreta dan il-kunċett fil-kuntest tad-Direttiva “dwar is-servizzi”, hija diġà ppreċiżat, f’kuntest ieħor, li, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ drittijiet ta’ natura remuneratorja, Stat membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-nefqiet, materjali u salarjali, li huma marbuta direttament mat-twettiq tal-operazzjonijiet li tagħhom huma jikkostitwixxu l-korrispettiv, iżda anki l-frazzjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-amministrazzjoni kompetenti li huma imputabbli għal dawn l-operazzjonijiet (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Fantask et, C‑188/95, EU:C:1997:580, punt 30).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, barra minn hekk, fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti b’mod espliċitu li, fil-kalkolu tal-ispejjeż amministrattivi, jittieħed kont ta’ dawk relatati mal-implementazzjoni, mal-ġestjoni u mal-kontroll ta’ sistema ta’ liċenzjar individwali, li l-ispejjeż mittieħda inkunsiderazzjoni ma jistgħux jinkludu l-ispejjeż marbuta mal-attività ġenerali ta’ sorveljanza tal-awtorità inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punti 3435).

33

Issa, din il-kunsiderazzjoni tapplika a fortiori fir-rigward tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi” li, minn naħa, jirrigwarda biss in-“nefqa tal-proċeduri” u, min-naħa l-oħra, ifittex l-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi. Fil-fatt, dan l-għan ma jistax jintlaħaq minn rekwiżit ta’ prefinanzjament tal-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar, li jinkludu b’mod partikolari n-nefqa marbuta mal-identifikazzjoni u mar-repressjoni tal-attivitajiet mhux awtorizzati, tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata.

34

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva “dwar is-servizzi” għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-ħlas, fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, ta’ tariffa li parti minnha tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata, anki jekk dik il-parti tista’ tinġabar lura fil-każ li dik l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-ħlas, fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti jew għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, ta’ tariffa li parti minnha tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni kkonċernata, anki jekk dik il-parti tista’ tinġabar lura fil-każ li dik l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.