SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
27 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 15 — Trasferiment tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor — Kamp ta’ applikazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Qorti f’pożizzjoni aħjar — L-aħjar interess tal-minuri”
Fil-Kawża C‑428/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura
Child and Family Agency
vs
J. D.,
fil-preżenza ta’:
R. P. D.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Child and Family Agency, minn L. Jonker, solicitor, T. O’Leary, SC, u D. Leahy, barrister, |
— |
għal D., minn I. Robertson, solicitor, u M. de Blacam, SC, kif ukoll minn G. Lee, BL, |
— |
għall-wild R. P. D., minn G. Irwin, solicitor, u G. Durcan, SC, kif ukoll minn S. Fennell, BL, u N. McDonnell, BL, |
— |
għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, BL, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, u rettifika ĠU 2013, L 82, p. 63). |
2 |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn iċ-Child and Family Agency (aġenzija għat-tfal u l-familja, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”) u J. D., rigward il-futur tat-tieni wild ta’ din tal-aħħar, il-minuri ta’ età żgħira R. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 5, 12, 13, u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:
[...]
[...]
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar: [...]
2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:
[...]
[...]” |
5 |
Il-punt 7 tal-Artikolu 2 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ dan: “il-kliem “responsabbilità ta’ l-ġenituri” għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma mogħtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”. |
6 |
Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament intitolat “Il-Ġurisdizzjoni” jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 2, intitolata “Ir-Responsabbiltà ta’ l-ġenituri”, li tipprovdi, fl-Artikoli 8 sa 15, sett ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri f’dan il-qasam. |
7 |
L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi b’mod partikolari fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess”. |
8 |
Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post [f’pożizzjoni] aħjar sabiex jinstema’ l-każ”: “B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza [il-mertu] ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’pożizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:
2. Il-Paragrafu 1 għandu japplika:
Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet. 3. Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru:
4 Il-qrati tal-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skont il-paragrafu 1. Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 sa 14. 5. Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skont il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni. Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 14. 6. Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
J. D. hija ċittadina tar-Renju Unit. |
10 |
Matul is-sena 2010, l-ewwel wild tagħha tqiegħed f’istitut fir-Renju Unit wara li ġie kkonstatat, minn naħa, li J. D. kienet issofri minn mard tal-personalità kklassifikat bħala “aġir asoċjali”, u min-naħa l-oħra, li kienet abbużat fiżikament dan il-wild. |
11 |
Meta kienet għadha tirrisjedi f’dan l-Istat Membru, J. D. kienet suġġetta, fis-27 ta’ Awwissu 2014, għal eżami prenatali mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri tal-post ta’ residenza tagħha qabel it-twelid tat-tieni wild tagħha, R., u dan minħabba l-passat mediku u familjari tagħha. Minn dan l-eżami rriżulta, b’mod partikolari, li J. D. kienet uriet imħabba lejn l-ewwel wild tagħha, kienet qed tistenna t-twelid tat-tieni wild R. b’mod pożittiv, u li kienet għamlet l-arranġamenti minn qabel għal dan it-twelid u li hija kienet, b’mod partikolari, uriet il-volontà li tikkoopera mal-ħaddiema soċjali f’dan ir-rigward. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti dehrilhom li R. kellu jitqiegħed ma’ familja tar-rispett, sakemm tinbeda proċedura ta’ adozzjoni minn terza persuna. |
12 |
Għaldaqstant, J. D. itterminat il-kirja tagħha u biegħet ħwejjiġha fir-Renju Unit, qabel ma marret toqgħod l-Irlanda, fid-29 ta’ Settembru 2014. R. twieled f’dan it-tieni Stat Membru fil-25 ta’ Ottubru 2014. It-tnejn li huma ilhom jirrisjedu hemmhekk minn dakinhar. |
13 |
Ftit wara t-twelid ta’ R., l-aġenzija talbet lid-District Court (qorti tad-distrett, l-Irlanda), li kellha ġurisdizzjoni, tordna li dan il-wild ikun is-suġġett ta’ ordni għall-ħarsien. Din it-talba ġiet madankollu miċħuda minħabba li l-provi bbażati fuq għajdut provenjenti mir-Renju Unit li fuqhom ibbażat ruħha l-aġenzija kienu inammissibbli. |
14 |
Adita b’appell mill-aġenzija, is-Circuit Court (qorti taċ-ċirkwit, l-Irlanda), li kellha ġurisdizzjoni, ordnat it-tqegħid għall-ħarsien provviżorju ta’ R. ma’ familja tar-rispett. Minn dakinhar lil hawn, din il-miżura ġiet imġedda regolarment. J. D. madankollu ngħatat id-dritt ta’ aċċess regolari għal binha, li għamlet użu minnu. |
15 |
Barra minn hekk, l-aġenzija talbet lill-High Court (qorti superjuri, l-Irlanda) li l-kawża fuq il-mertu tintbagħat lill-High Court of Justice (England & Wales) [qorti superjuri tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit], u dan skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Din it-talba kienet sostnuta mill-kuratur ad litem ta’ R. |
16 |
Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, il-High Court (qorti superjuri) awtorizzat lill-aġenzija titlob lil din il-qorti teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-kawża inkwistjoni. |
17 |
J. D. talbet li tkun awtorizzata tappella minn din is-sentenza direttament quddiem is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), li laqgħet it-talba tagħha wara li nstemgħu l-partijiet. |
18 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-Supreme Court (qorti suprema) tistaqsi, qabelxejn, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistax jiġi applikat f’rikors li s-suġġett tiegħu huwa proċedura ta’ tqegħid għall-ħarsien magħmula abbażi tad-dritt pubbliku, bħal dik li ġiet sottomessa lilha, minkejja l-fatt li ebda proċedura ma hija pendenti fir-Renju Unit u li dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru tkun timplika għalhekk, sussegwentement, li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri tal-imsemmi Stat Membru jaċċettaw li jisimgħu l-każ ta’ R., billi jibdew tali proċedura abbażi tad-dritt intern tagħhom. |
19 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett tal-“aħjar interessi għall-minuri” stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tal-opinjoni li dan l-Artikolu ma jeżiġix li l-qorti li normalment ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, twettaq, meta tikkontempla li tittrasferixxi din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li jidhrilha li tkun f’pożizzjoni aħjar li tismagħha, twettaq eżami komplet tal-aħjar interess tal-minuri. Hija tqis li l-qorti li normalment ikollha ġurisdizzjoni għandha pjuttost tagħmel evalwazzjoni sommarja ta’ din il-kwistjoni, fid-dawl tal-prinċipju li huwa fl-aħjar interess tal-minuri li evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ssir mill-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan, filwaqt li l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor ikollha l-kompitu li tagħmel analiżi iktar approfondita. |
20 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni sommarja. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li J. D. telqet mir-Renju Unit u stabbilixxiet ruħha fl-Irlanda legalment qabel it-twelid ta’ R., filwaqt li madankollu tistaqsi jekk huwiex possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tluq tagħha kien motivat mill-biża’ li dan il-wild jittieħed mingħandha mis-servizzi għall-protezzjoni tal-minuri tal-ewwel minn dawn iż-żewġ Stati Membri. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tibbenefika mill-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
23 |
Fl-14 ta’ Awwissu 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-imħallef relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba, wara li qieset li ċ-ċirkustanzi esposti insostenn tagħha ma kinux jistabbilixxu l-urġenza meħtieġa sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura. |
24 |
Madankollu, hija ddeċidiet li tagħti prijorità lil din il-kawża, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Fuq it-talbiet ta ’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
25 |
Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fis-16 ta’ Ġunju 2016, l-aġenzija u l-Irlanda, permezz ta’ atti ppreżentati rispettivament fil-5 u 19 ta’ Awwissu 2016, talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, billi invokaw in-neċessità li jikkjarifikaw il-preżentazzjoni tal-kuntest proċedurali tal-kawża prinċipali, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
26 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed. |
27 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, madankollu tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, peress li fil-proċess hemm il-provi neċessarji sabiex tiddeċiedi u peress li l-persuni kkonċernati setgħu jieħdu pożizzjoni dwar dan is-suġġett kemm bil-miktub kif ukoll oralment. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri bbażat fuq id-dritt pubbliku ppreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed, bħal dak fil-kawża prinċipali, f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tibda proċeduri separati minn dawk ippreżentati fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fir-rigward ta’ ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti. |
29 |
Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li tistabbilixxi sett ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni f’kawżi dwar responsabbiltà tal-ġenituri, minn naħa, u li dan l-artikolu jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni speċifika u derogatorja għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li tindika l-qrati tal-post ta’ residenza abitwali tal-wild bħala l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ dawn il-kawżi, stabbilita fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra. |
30 |
Fid-dawl tal-istruttura tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 u l-post li jokkupa fiha l-Artikolu 15, hemm lok li jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan l-artikolu huwa l-istess bħal dak tas-sett ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmija taqsima, u b’mod partikolari tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44). |
31 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ċertament jirriżulta li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni japplikaw għal “kwistjonijiet ċivili” relatati mal-għoti, mal-eżerċizzju, mad-delegazzjoni u mar-revoka totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kif hija ddefinita din tal-aħħar fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. |
32 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, diversi drabi, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, fis-sens li huma applikabbli f’kawżi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li għandhom bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri, inkluż fil-każ fejn dawn huma meqjusa, skont id-dritt intern ta’ Stat Membru, bħala li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 34 u 50 sa 51; tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 24 u 27 sa 29, kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punti 60 u 61). |
33 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru°2201/2003 huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. |
34 |
Fir-rigward, sussegwentement, tad-domanda dwar jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru°2201/2003 jistax jiġi applikat fil-każ fejn id-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tibda proċeduri separati minn dawk ippreżentati fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fir-rigward ta’ ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti, għandu jiġi rrilevat li mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li tali dikjarazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-qorti inkwistjoni tkun adita b’talba ppreżentata jew mill-partijiet fil-kawża jew mill-qorti kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru. |
35 |
Min-naħa l-oħra, la minn dan l-artikolu u lanqas minn ebda artikolu ieħor tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jirriżulta li tali talba, ippreżentata mill-partijiet fil-kawża jew mill-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni, tkun suġġetta għal kundizzjoni proċedurali li tiżdied ma’ dik evokata fil-punt preċedenti. |
36 |
Madankollu, sa fejn regola proċedurali nazzjonali li tipprovdi li d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru tressaq azzjoni separata minn dik imressqa fl-ewwel Stat Membru, hija intiża li tiġi implementa biss wara d-deċiżjoni li biha l-qorti ta’ dan l-ewwel Stat Membru li normalment għandha l-ġurisdizzjoni tkun talbet ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u wara d-deċiżjoni li biha din il-qorti l-oħra tkun inkarigat ruħha bil-ġurisdizzjoni abbażi tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, din ir-regola ma tistax titqies li tostakola l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
37 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jipprekludix li t-tressiq ta’ azzjoni separata mill-awtorità tal-Istat Membru l-ieħor iwassal, fejn xieraq, il-qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi fattwali differenti minn dawk li setgħu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti li inizjalment kellha ġurisdizzjoni. Għall-kuntrarju, tali ipoteżi hija inerenti għall-mekkaniżmu stabbilit minn dan l-artikolu ta’ rinviju lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar. |
38 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bħal dak fil-kawża prinċipali, meta d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tressaq azzjoni separata minn dik ippreżentata fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti. |
Fuq it-tielet, ir-raba ’ u s-sitt domandi
39 |
Permezz tat-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tinterpreta u tartikola l-kunċetti tal-qorti “f’posizzjoni aħjar” u “fl-aħjar interessi għall-minuri” imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. |
40 |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li l-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża jistgħu jitolbu r-rinviju ta’ din il-kawża jew ta’ parti speċifika ta’ din tal-aħħar lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, jekk hija tqis li din il-qorti tkun f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tagħha, meta dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri. |
41 |
Peress li l-kunċetti ta’ “f’posizzjoni aħjar” u “fl-aħjar interessi għall-minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huma ddefiniti minn ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 2201/2003, hemm lok li jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti mill-imsemmi regolament. |
42 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma mfassla fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri. |
43 |
Ir-rekwiżit li r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri jikkostitwixxi, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, espressjoni tal-prinċipju gwida tal-leġiżlatur fit-tfassil ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u li għandu jistruttura l-implementazzjoni tiegħu fil-kawżi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jaqgħu taħtu, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 51; tal-1 ta’ Ottubru 2014, E., C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 45, u tat-12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48). |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ dan ir-regolament, li jiżgura l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punti 53 sa 55, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 60). |
45 |
Bil-għan li jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri matul l-implementazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikorra, kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-regolament, għall-kriterju tal-qrubija. |
46 |
Skont dan il-kriterju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija bħala regola ġenerali ddeterminata, konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, mal-post tar-residenza abitwali tal-minuri fil-mument tat-tressiq tal-kawża. |
47 |
Madankollu, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għajr dak tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni, sakemm, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, tali rinviju jissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi, minn naħa, u li l-qorti tintervjeni biss f’każijiet eċċezzjonali, min-naħa l-oħra. |
48 |
Għaldaqstant, ir-regola ta’ rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkostitwixxi regola speċjali u derogatorja fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, b’mod li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 38, u tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 41). |
49 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża partikolari għandha, sabiex tkun tista’ titlob ir-rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, tkun kapaċi tikkonfuta l-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
50 |
B’mod iktar partikolari, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rinviju ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, minn qorti ta’ Stat Membru għandu jitwettaq biss favur qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu “konnessjoni partikolari”. |
51 |
Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta f’każ partikolari, hemm lok li jsir riferiment għall-fatturi elenkati, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 15(3)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 2201/2003. Minn dan isegwi li huma immedjatament esklużi mill-mekkaniżmu tar-rinviju l-kawżi li fihom huma neqsin dawn l-elementi. |
52 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-fatturi kollha jikkonfermaw ‑ jekk mhux espressament, tal-inqas essenzjalment – qrubija bejn il-minuri kkonċernat fil-kawża u Stat Membru għajr dak tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. |
53 |
Fil-fatt, l-ewwel żewġ fatturi jirrigwardaw ir-residenza miksuba mill-wild ikkonċernat fl-Istat Membru l-ieħor inkwistjoni qabel jew wara t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni. It-tielet fattur jirrigwarda n-nazzjonalità ta’ dan il-wild. Ir-raba’ fattur jidentifika, fil-kawżi rilevanti, il-qrubija tal-imsemmi wild mal-Istat Membru l-ieħor inkwistjoni minħabba l-beni li huwa jkollu hemmhekk. Fl-aħħar nett, il-ħames fattur huwa bbażat fuq ir-rabta ta’ qrubija li għandu l-wild ma’ Stat Membru partikolari permezz tal-qraba tiegħu. |
54 |
Minħabba n-natura tal-imsemmija fatturi, għandu jitqies li, meta jiġi applikat l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għal każ partikolari, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni għandha tagħmel paragun bejn l-importanza u l-intensità tar-rabta ta’ qrubija “ġenerali” li tgħaqqadha mal-wild ikkonċernat, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, ma’ dawk tar-rabta ta’ qrubija “partikolari” ikkonfermati minn fattur wieħed jew iktar stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tar-regolament u li jeżistu, f’dan il-każ, bejn dan il-wild u ċerti Stati Membri oħra. |
55 |
Madankollu, l-eżistenza ta’ “konnessjoni partikolari” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, rilevanti fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, bejn il-wild u Stat Membru ieħor ma tippreġudikax neċessarjament, fiha nfisha, il-kwistjoni, barra minn hekk, dwar jekk qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor hijiex “f’ posizzjoni aħjar biex [tisma’] l-każ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, u lanqas, fl-affermattiv, dwar jekk ir-rinviju tal-kawża lil din il-qorti tal-aħħar taqdix l-aħjar interessi tal-minuri. |
56 |
Għalhekk, huwa l-kompitu ukoll tal-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni li tiddetermina, fit-tieni lok, jekk hemmx, fi ħdan l-Istat Membru l-ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari, qorti f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tal-kawża. |
57 |
Għal dan il-għan, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni trid tiddetermina jekk ir-rinviju tal-kawża lil din il-qorti huwiex tali li jipprovdi valur miżjud ġenwin u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-wild, meta mqabbel mal-possibbiltà li l-kawża tinżamm quddiemha. F’dan il-kuntest, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru l-ieħor, bħal dawk applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi neċessarji għat-trattament tal-kawża. Min-naħa l-oħra, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, skont tali evalwazzjoni, il-liġi sostantiva ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor li tista’ tkun applikabbli mill-qorti ta’ dan tal-aħħar, fil-każ fejn il-kawża tkun irrinvijata lilha. Fil-fatt, tali kunsiderazzjoni tmur kontra l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 45, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punti 70 u 71). |
58 |
Fit-tielet u fl-aħħar lok, ir-rekwiżit li r-rinviju għandu jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri jimplika li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li r-rinviju propost minn din tal-aħħar lil qorti ta’ Stat Membru ieħor probabbilment ma huwiex ser ikollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild ikkonċernat. |
59 |
Għal dan il-għan, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni trid tevalwa l-impatt negattiv probabbli li jista’ jkollu tali rinviju fuq ir-relazzjonijiet emozzjonali, familjari u soċjali tal-wild ikkonċernat fil-kawża jew fuq is-sitwazzjoni materjali ta’ dan tal-aħħar. |
60 |
F’dan il-kuntest, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ wkoll tiddeċiedi, abbażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li titlob ir-rinviju mhux tal-kawża kollha, iżda biss ta’ parti speċifika minnha, jekk iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzawha jiġġustifikaw dan. Possibbiltà bħal din tista’, b’mod partikolari, tiġi prevista meta r-rabta ta’ qrubija ma’ Stat Membru ieħor ma tirrigwardax direttament lill-wild bħala tali, iżda waħda mill-persuni inkarigati bir-responsabbiltà tal-ġenituri, għar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 15(3)(d) tar-Regolament Nru 2201/2003. |
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet, għar-raba’ u għas-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq it-tieni u l-ħames domandi
62 |
Permezz tat-tieni u tal-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiġi implementata din id-dispożizzjoni f’kawża ta’ responsabbiltà tal-ġenituri partikolari, l-impatt ta’ rinviju possibbli ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati jew ir-raġuni li għaliha l-omm tal-wild inkwistjoni għamlet użu minn dan id-dritt, qabel it-tressiq tal-kawża. |
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li r-regola prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija mfassla, bħar-regoli l-oħra ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri, u li l-kwistjoni dwar jekk, f’każ partikolari, ir-rinviju tal-kawża jaqdix dan l-interess superjuri timplika b’mod partikolari, kif ġie kkonstatat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li jiġi vverifikat li ma hemmx riskju li tali rinviju jkollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-minuri kkonċernat. |
64 |
Minn dan jirriżulta li r-riskju li rinviju possibbli tal-kawża jkollu impatt detrimentali fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-wild ikkonċernat huwa wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi implementat l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. |
65 |
Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet dwar persuni oħra li jistgħu jkunu kkonċernati mill-kawża ma għandhomx, fil-prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni, sakemm ma jkunux ukoll rilevanti sabiex jiġi evalwat l-imsemmi riskju għall-wild. |
66 |
Konsegwentement, l-impatt possibbli ta’ tali rinviju fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni l-oħra kkonċernati, inkluża l-omm tal-wild inkwistjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, sakemm ma tkunx tista’ taffettwa b’mod detrimentali s-sitwazzjoni ta’ dan il-wild. Dan japplika wkoll għar-raġuni li għaliha omm il-wild għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu, qabel ma tressqet il-kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni. |
67 |
Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’kawża partikolari ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru la għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ta’ rinviju possibbli ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati oħra għajr il-wild inkwistjoni u lanqas ir-raġuni li għaliha l-omm ta’ dan il-wild tkun għamlet użu minn dan id-dritt qabel it-tressiq tal-kawża, ħlief jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu tali li jistgħu jaffettwaw b’mod detrimentali s-sitwazzjoni tal-imsemmi wild. |
Fuq l-ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osserevazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.