SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Direttiva (UE) 2016/343 — Artikoli 3 u 6 — Applikazzjoni ratione temporis — Stħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni provviżorja ta’ akkużat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċedura, l-eżami tal-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li l-akkużat ikkometta reat — Kontradizzjoni mal-Artikolu 5(1)(c) u (4) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mill-ġurisprudenza nazzjonali lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu jekk japplikawx jew le l-imsemmija konvenzjoni”

Fil-Kawża C‑439/16 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

Emil Milev,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Milev, minnu nnifsu kif ukoll minn S. Barborski u B. Mutafchiev, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Soloveytchik u R. Troosters kif ukoll minn V. Bozhilova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra E. Milev dwar iż-żamma taħt detenzjoni provviżorja ta’ dan tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Il-KEDB

3

Taħt it-titolu “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[...]

(c)

l-arrest jew detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat;

[...]

4.   Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 6(1) tal-KEDB intitolat “Dritt għal smigħ xieraq” jipprovdi li:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 2016/343

5

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.”

6

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

7

Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ April 2018, u jinformaw b’dan immedjatament lill-Kummissjoni.

8

Bis-saħħa tal-Artikolu 15 tagħha, id-Direttiva 2016/343 daħlet fis-seħħ fil‑31 ta’ Marzu 2016, jiġifieri fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Id-dritt Bulgaru

9

In-Nakazatelno protsesualen kodeks (kodiċi tal-proċedura kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprovdi, fl-Artikolu 63, intitolat “Detenzjoni provviżorja”:

“(1)   Il-miżura ta’ ‘detenzjoni provviżorja’ hija adottata meta jeżisti suspett raġonevoli li l-akkużat ikkometta reat li huwa ssanzjonat b’‘sentenza ta’ priġunerija’ jew piena oħra iktar severa u li mill-evidenza fil-kawża jirriżulta li hemm perikolu reali li l-akkużat jaħrab jew jikkommetti reat

[...]”

10

L-Artikolu 64 tan-NPK, li jirrigwarda l-adozzjoni tal-miżura koerċittiva ta’ “detenzjoni provviżorja” matul il-fażi prekontentjuża, jipprovdi li:

“(1)   Matul il-fażi prekontenzjuża, il-miżura koerċittiva ta’ ‘detenzjoni provviżorja’ għandha tiġi adottata mill-qorti kompetenti tal-ewwel istanza fuq talba tal-prosekutur.

[...]

(4)   Il-qorti għandha tadotta l-miżura koerċittiva ta’ detenzjoni provviżorja meta l-kundizzjonjiet imsemmija fl-Artikolu 63(1) huma ssodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tadottax miżura koerċittiva jew li jadotta miżura inqas severa.

[...]”

11

Skont l-Artikolu 65 tan-NPK, intitolat “Stħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni provviżorja matul il-proċedura prekontenzjuża”:

“ (1)   Fi kwalunkwe mument tal-proċedura prekontenzjuża l-akkużat jew l-avukat tiegħu jista’ jitlob il-bidla tal-miżura koerċittiva ta’ ‘detenzjoni provviżorja’ adottata.

[...]

(4)   Il-qorti għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-legalità tad-detenzjoni u tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet innotifikat lill-partijiet matul is-seduta.

[...]”

12

L-Artikolu 256 tan-NPK, intitolat “Preparazzjoni għas-seduta”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Għall-finijiet tal-preparazzjoni għas-seduta, l-Imħallef Relatur għandu jagħti deċiżjoni dwar:

[...]

2.

Il-miżura koerċittiva, mingħajr ma jevalwa l-kwistjoni dwar jekk jeżistix suspett raġonevoli li ġie kommess reat;

[...]

(3)   Fil-każ ta’ talba relatata mal-miżura koerċittiva ta’ ‘detenzjoni provviżorja’, l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta rapport dwar il-kawża fis-seduta pubblika, fil-preżenza tal-prosekutur, tal-akkużat u tal-avukat tiegħu. Meta tadotta id-digriet, il-qorti għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għall-bidla jew għall-annullament tal-miżura koerċittiva humiex issodisfatti, mingħajr ma tevalwa jekk jeżistix suspett raġonevoli li ġie kommess reat.

[…].”

13

Skont l-Artikolu 270 tan-NPK, intitolat “Deċiżjonijiet dwar il-miżura koerċittiva u l-miżuri l-oħra ta’ stħarriġ ġudizzjarju matul il-proċedura kontenzjuża”:

“(1)   Il-kwistjoni tal-bidla tal-miżura koerċittiva tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe mument tal-proċedura kontenzjuża. Fil-każ li ċ-ċirkustanzi jinbidlu, tista’ tiġi ppreżentata talba oħra relatata mal-miżura koerċittiva quddiem il-qorti kompetenti.

(2)   Il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet f’seduta ppubblika mingħajr ma tevalwa jekk jeżistix suspett raġonevoli li l-akkużat wettaq reat.

[...]

(4)   Id-digriet imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jista’ jiġi appellat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu Tnejn u Għoxrin.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Fil-proċeduri kriminali mibdija fl-2013, E. Milev ġie akkużat b’diversi reati, fosthom it-tmexxija ta’ grupp kriminali organizzat u armat, il-ħtif ta’ persuna, diversi istanzi ta’ serq b’użu ta’ armi u attentat ta’ qtil, li huma suġġetti għal pieni ta’ bejn tliet snin priġunerija u għomor ħabs mingħajr possibbiltà ta’ tnaqqis. Huwa ilu taħt detenzjoni provviżorja sa mill-24 ta’ Novembru 2013.

15

L-imsemmija proċeduri waslu fil-fażi kontenzjuża fit-8 ta’ Ġunju 2015. Sa minn dik id-data, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet għal ħmistax-il darba dwar talbiet ippreżentati minn E. Milev għal ħelsien mid-detenzjoni provviżorja.

16

Konformement għall-Artikolu 270(2) tan-NPK, din il-qorti ddeċidiet dwar dawn it-talbiet mingħajr ma evalwat jekk jeżistix suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta reat.

17

L-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) tqis li d-dritt nazzjonali li jirregola l-proċedura kriminali jmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-KEDB. Fil-fatt, filwaqt li dan id-dritt nazzjonali jipprekludi li, matul il-fażi kontenzjuża tal-kawża, il-qorti tagħti deċiżjoni, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja, dwar il-punt jekk jeżistix suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta ir-reati li huwa akkużat bihom, l-Artikolu 5(1)(c) u (4) tal‑KEDB ma jippermettix li akkużat jinżamm taħt detenzjoni ħlief “fuq suspett raġonevoli li [j]kun ikommett[a] reat”

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) indirizzat lill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, il-Bulgarija). F’opinjoni mogħtija fis-7 ta’ April 2016 f’seduta plenarja, l-Awla Kriminali ta’ din il-qorti kkonfermat l-eżistenza ta’ kunflitt bejn id-dritt tal-proċedura kriminali nazzjonali u l-KEDB, li ta lok għal diversi kundanni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem lir-Repubblika tal-Bulgarija, fejn l-ewwel waħda minn dawn il-kundanni tmur lura għas-sena 1999 (ara Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1999, Nikolova vs Il-Bulgarija [GC], CE:ECHR:1999:0325JUD003119596).

19

F’din l-opinjoni, il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) indikat ukoll, minn naħa, li s-soluzzjoni li tikkonsisti fl-għoti lil kulleġġ ġudikanti tal-ewwel istanza li ma huwiex dak li ddeċieda dwar it-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja jew lil qorti oħra, is-setgħa li jagħtu deċiżjoni dwar ir-raġunijiet għaż-żamma taħt detenzjoni provviżorja tkun iffaċċjata b’ostakoli kemm ta’ natura legali kif ukoll prattika. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-fatt li l-qorti responsabbli mill-kawża tiddeċiedi wkoll, matul il-fażi kontenzjuża tagħha, dwar l-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta r-reat li huwa akkużat bih, jista’ jmur kontra r-rekwiżit tal-imparzjalità tal-qrati stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni), qieset li d-dispożizzjonijiet tal-proċedura kriminali nazzjonali jirriskjaw, fi kwalunkwe każ, li jmorru kontra dawk tal-KEDB u filwaqt li enfasizzat in-neċessità ta’ intervent leġiżlattiv sabiex jintemm dan il-kunflitt imsemmi iktar ’il fuq, esponiet, fl-opinjoni tas-7 ta’ April 2016, li “[h]uwa evidenti li ma aħniex f’pożizzjoni li nipproponu xi soluzzjoni għall-problema. L-opinjoni tagħna hija b’mod ċar li kull kulleġġ ġudikanti għandu jevalwa jekk jagħtix il-prijorità lill-KEDB jew lil-liġi nazzjonali, u jekk jistax jiddeċiedi f’dan il-kuntest.” Din il-qorti indikat ukoll, fl-imsemmija opinjoni, li ġie deċiż li din l-opinjoni tiġi kkomunikata lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex jingħata bidu għal emenda tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni.

21

Skont l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata), l-awtorità tal-opinjoni tas-7 ta’ April 2016 għandha tkun bħal dik ta’ sentenza interpretattiva u l-motivi inklużi fiha huma, għaldaqstant, vinkolanti għall-qrati ġurisdizzjonali nazzjonali kollha. Hija għandha dubji, madankollu, dwar il-konformità ta’ dawn il-motivi mal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343. Konxja tal-fatt li t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għadu ma skadiex, hija tfakkar, madankollu, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-korpi nazzjonali kompetenti kollha, inklużi l-qrati, għandhom jastjenu milli jieħdu miżuri tali li jikkompromettu b’mod serju l-kisba tar-riżultat previst mill-imsemmija direttiva.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali – b’mod partikolari opinjoni li għandha saħħa vinkolanti mogħtija mill-Varhoven [kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni)] (li ngħatat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2016/343, iżda qabel ma jkun skada t-terminu tat-traspożizzjoni tagħha) li konformement magħha l-Varhoven [kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni)], wara li kkonstatat kunflitt bejn l-Artikolu 5(4) moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali [Artikolu 270(2) tan-NPK] dwar it-teħid inkunsiderazzjoni jew le ta’ raġunijiet plawżibbli li wieħed jassumi l-kummissjoni ta’ reat (fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ estensjoni ta’ miżura koerċittiva ta’ “detenzjoni provviżorja” matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura kriminali), essenzjalment tat lill-qrati l-libertà li jiddeċiedu jekk hemmx lok li tiġi osservata l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – hija konformi mal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343, tad-9 ta’ Marzu 2016 (dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali)?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

23

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti tirrileva li E. Milev jinsab taħt detenzjoni provviżorja sa mill-24 ta’ Novembru 2013. Barra minn hekk hija tqis li fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preliminari, jekk il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt detenzjoni ta’ E. Milev kellha tikkonstata l-assenza ta’ suspett raġonevoli li kkommetta r-reati li huwa akkużat bihom, dan ikollu jingħata immedjatament il-libertà.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

26

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju marbut mal-urġenza, jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha taħt detenzjoni tiddependi fuq l-eżitu tal-vertenza fil-kawża prinċipali (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ ineżami, mill-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punti 17 sa 20 tas-sentenza preżenti jirriżulta li E. Milev jinsab taħt detenzjoni provviżorja u li l-eżitu tal-vertenza fil-proċeduri prinċipali jista’ jwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi li ttemm din id-detenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-17 ta’ Awwissu 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-opinjoni mogħtija fis-7 ta’ April 2016 mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) fil-bidu tal-perijodu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva li tagħti lill-qrati nazzjonali li għandhom kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċeduri kriminali, iż-żamma ta’ akkużat taħt detenzjoni provviżorja għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk jeżistix suspett raġonevoli li huwa kkommetta r-reat li huwa akkużat bih.

29

Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 15 tagħha, id-Direttiva 2016/343 daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2016 u li, skont l-Artikolu 14(1) tagħha, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jiskadi fl-1 ta’ April 2018.

30

Peress li dan it-terminu huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jagħti lill-Istati Membri ż-żmien neċessarju sabiex jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni, dawn l-Istati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ttrasponewx l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku tagħhom qabel ma dan it-terminu jkun skada (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 43, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden, C‑138/08, EU:C:2009:627, punt 25).

31

Xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jastjenu milli, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, jieħdu dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu b’mod serju r-riżultat previst minn din id-direttiva (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 32). F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, adottati wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkonċernata, jipprovdux jew le għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 121).

32

Minn dan isegwi li, mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-qrati nazzjonali għandhom jastjenu, sa fejn ikun possibbli, milli jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod li jirriskja li jikkomprometti b’mod serju, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, li jintlaħaq l-għan mixtieq minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 122 kif ukoll 123).

33

Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-opinjoni mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni), fis-7 ta’ April 2016, tistax tikkostitwixxi miżura ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tirriskja li tikkomprometti b’mod serju li jintlaħaq l-għan mixtieq mid-Direttiva 2016/343.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din l-opinjoni, li l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra mizuri ta’ żamma taħt detenzjoni provviżorja, ma humiex mitlubin jadottaw, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċeduri kriminali, deċiżjoni partikolari. Bil-kontra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija opinjoni tħalli lil dawn il-qrati l-libertà li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jew dawk tad-dritt tal-proċedura kriminali nazzjonali.

35

Minn dan isegwi li l-opinjoni tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni), tas-7 ta’ April 2016, ma hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/343, li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa minnha.

36

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-opinjoni mogħtija fis-7 ta’ April 2016 mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) fil-bidu tal-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/343 u li tagħti lill-qrati nazzjonali li għandhom kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċeduri kriminali, iż-żamma ta’ akkużat taħt detenzjoni provviżorja għandhiex tkun suġġetta anki għal stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk jeżistix suspett raġonevoli li huwa kkommetta r-reat li huwa akkużat bih, ma hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttva, l-għanijiet mixtieqa minnha.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-opinjoni mogħtija fis-7 ta’ April 2016 mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, il-Bulgarija) fil-bidu tal-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/343, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, u li tagħti lill-qrati nazzjonali li għandhom kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk, matul il-fażi kontenzjuża tal-proċeduri kriminali, iż-żamma ta’ akkużat taħt detenzjoni provviżorja għandhiex tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju anki dwar jekk jeżistix suspett raġonevoli li huwa kkommetta r-reat li huwa akkużat bih, ma hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-għanijiet mixtieqa minnha.

 

Firem.


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.