SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Għażla tal-liġi applikabbli — Regolamenti (KE) Nru 864/2007 u (KE) Nru 593/2008 — Direttiva 2009/103/KE — Inċident ikkawżat minn trakter u karru agganċjat miegħu, b’kull waħda mill-vetturi assigurata minn assiguraturi differenti — Inċident li seħħ fi Stat Membru differenti minn dak li fih ġew konklużi kuntratti ta’ assigurazzjoni — Azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi — Liġi applikabbli — Kunċetti ta’ ‘obbligu kuntrattwali’ u ta’ ‘obbligu mhux kuntrattwali’”

Fil-Kawżi magħquda C‑359/14 u C‑475/14,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa, rispettivament, mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali tal-belt ta’ Vilnius, il-Litwanja) u mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Ottubru 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Ottubru 2014, fil-proċeduri

ERGO Insurance” SE, irrappreżentata minn “ERGO Insurance” SE Lietuvos filialas,

vs

If P&C Insurance” AS, irrappreżentata minn “IF P&C Insurance” AS filialas (C‑359/14),

u

Gjensidige Baltic” AAS, irrappreżentata minn “Gjensidige Baltic” AAS Lietuvos filialas,

vs

PZU Lietuva” UAB DK (C‑475/14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), S. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “ERGO Insurance” SE, irrappreżentata minn “ERGO Insurance” SE Lietuvos filialas, minn M. Navickas, avukat,

għal “Gjensidige Baltic” AAS, irrappreżentata minn “Gjensidige Baltic” AAS Lietuvos filialas, minn A. Rjabovs,

għal “If P&C Insurance” AS, irrappreżentata minn “If P&C Insurance” AS filialas, minn A. Kunčiuvienė,

għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u G. Taluntytė kif ukoll minn D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11), kif ukoll tar-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) u (KE) Nru 864/2007, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, “ERGO Insurance” SE u “If P&C Insurance” AS, u “Gjensidige Baltic” AAS (iktar ’il quddiem “Gjensidige Baltic”) u “PZU Lietuva” UAB DK (iktar ’il quddiem “PZU Lietuva”), kumpanniji tal-assigurazzjoni, fir-rigward tal-liġi applikabbli għal azzjonijiet ta’ rkupru eżerċitati bejn dawn il-partijiet, insegwitu għal inċidenti tat-traffiku li seħħew fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Ruma I

3

Skont il-premessa 7 tar-Regolament Ruma I:

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan hekk kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali.

M’għandux japplika, partikolarment, għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi.”

5

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”, jipprevedi:

“1.   Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

(a)

kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-bejjiegħ ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(b)

kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(ċ)

kuntratt relatat ma’ dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma’ kiri ta’ proprjetà immobbli għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà;

(d)

minkejja l-punt (c), il-kiri ta’ proprjetà immobbli konkluż għall-użu privat temporanju għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur konsekuttivi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-proprjetarju jkollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-kerrej ikun persuna fiżika u jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-istess pajjiż;

(e)

kuntratt ta’ konċessjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-konċessjonarju jkollu r-residenza abitwali tiegħu;

(f)

kuntratt tad-distribuzzjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih id-distributur ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

(g)

kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’irkant għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ l-irkant, jekk tali post ikun jista’ jiġi determinat;

(h)

kuntratt konkluż fi ħdan sistema multilaterali li tgħaqqad flimkien jew tiffaċilita l-għaqda ta’ bosta interessi multipli ta’ xiri u bejgħ minn partijiet terzi fi strumenti finanzjarji, kif definit fl-Artikolu 4(1), punt (17) tad-Direttiva 2004/39/KE, skond regoli non diskriminatorji u regolat minn liġi waħda, għandu jkun regolat minn dik il-liġi.

2.   Fejn il-kuntratt ma jkunx kopert mill-paragrafu 1 jew fejn l-elementi tal-kuntratt ikunu koperti minn aktar minn wieħed mill-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-parti li tkun meħtieġa twettaq il-prestazzjoni li tkun karatteristika tal-kuntratt ikollha r-residenza abitwali tagħha.

3.   Meta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

4.   Meta l-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta.”

6

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kuntratti ta’ assigurazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.

Dan l-Artikolu għandu japplika għal kuntratti msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament minn jekk ir-riskju kopert ikunx jinsab fi Stat Membru jew le, u għall-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni l-oħrajn kollha li jkopru riskji li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Dan m’għandux japplika għal kuntratti ta’ riassigurazzjoni.

2.

Kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri riskju kbir kif definit fl-Artikolu 5(d) ta’ l-Ewwel Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14), kif emendat bid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2005 (ĠU L 323, p. 1)], għandu jiġi regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Sa fejn il-liġi applikabbli ma tkunx intgħażlet mill-partijiet, il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn l-assiguratur ikollu r-residenza abitwali tiegħu. Meta miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ikun jidher ċar li l-kuntratt ikun manifestament aktar marbut ma’ pajjiż ieħor, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż.

[…]

6.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-pajjiż li jkun jinsab fih ir-riskju għandu jiġi determinat skond l-Artikolu 2(d) tat-Tieni Direttiva 88/357/KEE tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’assigurazzjoni diretta ta’ xort oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198) kif emendat bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (ĠU L 149, p. 14)], u, fil-każ ta’ l-assigurazzjoni tal-ħajja, il-pajjiż li fih ikun jinsab ir-riskju għandu jkun il-pajjiż ta’ l-impenn fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva 2002/83/KE.”

7

Skont l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess ir-regolament, intitolat “Surroga ġuridika”:

“Fejn persuna (‘il-kreditur’) ikollha dritt kuntrattwali kontra oħra (‘id-debitur’) u persuna terza jkollha l-obbligu li tissodisfa lill-kreditur, jew fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta’ dak l-obbligu, il-liġi li tirregola l-obbligu tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk u sa liema punt il-persuna terza jkollha l-jedd li teżerċita kontra d-debitur d-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom.”

8

L-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Pluralità ta’ debituri”, jiddisponi:

“Jekk kreditur ikollu pretensjoni kontra diversi debituri li jkunu marbuta mill-istess pretensjoni, u wieħed mid-debituri diġà ssodisfa l-pretensjonifis-sħiħ jew parzjalment, il-liġi li tirregola l-obbligazzjoni tad-debitur lejn il-kreditur għandha tirregola ukoll id-dritt tad-debitur li jitlob adempiment mid-debituri l-oħra. Id-debituri l-oħra jistgħu jeċċepixxu d-difiżi li kellhom kontra l-kreditur sal-limitu permess mil-liġi li tirregola l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn il-kreditur.”

9

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi Komunitarja”, jipprevedi:

“Bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 7, dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari, jistipulaw regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma’ obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

Ir-Regolament Ruma II

10

Il-premessa 7 tar-Regolament Ruma II tistabbilixxi:

11

Fi kliem l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regola ġenerali”:

“1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.   Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

12

L-Artikolu 15 tar-Regolament Ruma II, intitolat “L-ambitu tal-liġi applikabbli”, jipprevedi:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

a)

il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;

b)

ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà, kwalunkwe limitazzjoni tar-responsabbiltà u kwalunkwe diviżjoni tar-responsabbiltà;

[…]”

13

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament intitolat “Azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli”, jiddisponi:

“Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.”

14

L-Artikolu 19 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Surroga”, huwa fformulat kif ġej:

“Fejn persuna (‘il-kreditur’) ikollha talba mhux kuntrattwali kontra oħra (‘id-debitur’), u persuna terza jkollha dmir li tissodisfa lill-kreditur, jew tkun fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta’ dak id-dmir, il-liġi li tirregola d-dmir tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk, u sa liema punt, il-persuna terza tkun intitolata teżerċita kontra d-debitur id-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom.”

15

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Responsabbiltà multipla”:

“Jekk kreditur ikollu talba kontra diversi debituri li jkunu responsabbli għall-istess talba, u wieħed mid-debituri diga’ ssodisfa t-talba totalment jew parzjalment, il-kwistjoni tal-jedd ta’ dak id-debitur li jitlob kumpens mid-debituri l-oħra għandha tkun regolata mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali ta’ dak id-debitur lejn il-kreditur.”

16

L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”, jiddisponi:

“Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, relattivament għal materji partikolari, jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.”

Id-Direttiva 2009/103

17

Il-premessa 26 tad-Direttiva 2009/103 tistabbilixxi:

18

L-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jiddisponi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jkopri wkoll:

a)

skont il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew korriment ikkawżat fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

[…]”

19

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Premium wieħed”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-poloz kollha tal-assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili li toriġina mill-użu ta’ vetturi:

a)

jagħtu kopertura, abbażi ta’ premium wieħed u matul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, fit-territorju kollu tal-Komunità, inkluż għal kull perjodu meta l-vettura tibqa’ fl-Istati Membri l-oħra matul il-perijodu tal-kuntratt; u

b)

jiggarantixxu, fuq l-istess bażi tal-istess premium wieħed, f’kull Stat Membru, il-kopertura meħtieġa mil-liġi tiegħu jew il-kopertura meħtieġa mil-liġi tal-Istat Membru ta’ fejn il-vettura tkun normalment ibbażata, meta dik tal-aħħar tkun akbar.”

Id-dritt Litwan

20

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/103 ġew trasposti fid-dritt nazzjonali mil-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili li tikkonċerna l-użu ta’ vetturi (TPVCAPDĮ), tal-5 ta’ Marzu 2004 (Žin., 2004, Nru 46‑1498), kif emendata bil-Liġi Nru X‑1137, tas-17 ta’ Mejju 2007 (Žin., 2007, Nru 61‑2340, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja”).

21

L-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, intitolat “Portata territorjali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni”:

“Wara l-ħlas ta’ premium wieħed (globali), il-kuntratt ta’ assigurazzjoni [ta’ vettura normalment użata fit-territorju tal-Litwanja] jew il-kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-fruntiera jagħti, għat-tul kollu tal-kuntratt, inkluż kull perijodu meta l-vettura tkun użata fi Stati Membri oħra tal-Unjoni matul il-perijodu tal-kuntratt, f’kull wieħed mill-Istati, il-kopertura meħtieġa mil-liġi tagħha fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-użu tal-vetturi, jew il-kopertura li tirriżulta minn din il-liġi meta din tkun ikbar. […]”

22

Fi kliem l-Artikolu 11 tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, intitolat “Ammonti assigurati u primjum tal-assigurazzjoni”:

“[…]

3.   F’każ ta’ ħsara kkawżata fi Stat Membru ieħor, il-kumpens imħallas mill-assiguratur huwa suġġett għall-ammonti ta’ kopertura ffissati mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jew għall-ammonti ta’ kopertura indikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu meta dawn ikunu ikbar.”

[…]”

23

L-Artikolu 16(1) ta’ din il-liġi, intitolat “Prinċipji għall-ħlas ta’ kumpens” jipprevedi:

“L-assiguratur responsabbli jew il-Bureau jħallas kumpens jekk l-utent ta’ vettura jġorr responsabbiltà ċivili għal ħsara kkawżata lil terz. Il-kumpens għandu jitħallas b’konformità mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi tal-Istat Membru li fih l-inċident tat-traffiku jkun seħħ.

[…]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑359/14

24

Fl-1 ta’ Settembru 2011, fiż-żona ta’ Mannheim (il-Ġermanja), trakter b’karru agganċjat miegħu, inqaleb waqt li kien qiegħed idur nofs ċirku. Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet effettwati mill-pulizija li marru fuq il-post fejn seħħ l-inċident, ix-xufier tat-trakter kien iddikjarat responsabbli għall-inċident. Konsegwentement, l-assiguratur ta’ din il-vettura, is-sussidjarja ta’ “ERGO Insurance” SE, ħallas lill-vittmi ta’ dan l-inċident ammont ta’ LTL 7760.02 (madwar EUR 2255). Sussegwentement, dan l-assiguratur adixxa l-qorti tar-rinviju sabiex l-assiguratur tal-karru, jiġifieri s-sussidjarja ta’ “If P&C Insurance” AS, jiġi kkundannat iħallas nofs il-kumpens ta’ assigurazzjoni li huwa kellu jħallas, peress li dan kellu jassumi responsabbiltà konġunta għad-dannu li ġie kkawżat.

25

Skont il-qorti tar-rinviju, hemm dubji dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kawża bejn iż-żewġ assiguraturi.

26

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali tal-belt ta’ Vilnius) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Għandu l-Artikolu 4(4) [tar-Regolament Ruma I], li jipprovdi li, ‘[m]eta l-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta’, jiġi interpretat fis-sens li hija l-liġi Ġermaniża li tapplika f’sitwazzjonijiet bħala dik inkwistjoni f’dan il-każ?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda hawn fuq, għandha r-regola stabbilita fil-Artikolu 4 [tar-Regolament Ruma II], tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, il-liġi applikabbli għat-tilwima bejn l-assiguratur tat-traktor u l-assiguratur tat-trejler [karru] tiġi ddeterminata skont il-liġi tal-pajjiż li fih iseħħ id-dannu kkawżat mill-inċident taċ-ċirkulazzjoni?”

Il-Kawża C‑475/14

27

Fil-21 ta’ Jannar 2011 seħħ inċident tat-traffiku fil-Ġermanja, li b’kawża tiegħu, trakter b’karru agganċjat miegħu, ikkawża dannu fuq proprjetà ta’ persuni oħra. It-trakter kien kopert minn assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili mis-sussidjarja Litwana ta’ Gjensidige Baltic. Il-karru kien kopert minn assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili konkluża ma’ PZU Lietuva.

28 Il-qraba tal-vittmi ta’ dan l-inċident ressqu talba għall-kumpens u Gjensidige Baltic ħallset kumpens ta’ assigurazzjoni ta’ ammont ta’ LTL 4331.05 (madwar EUR 1254). Gjensidige Baltic tqis li, peress li dawn il-kumpensi jkopru d-dannu kollu sostnut minn dawn il-vittmi, hija setgħat tressaq azzjoni ta’ rkupru kontra PZU Lietuva għar-rimbors ta’ nofs dan l-ammont, jiġifieri LTL 2165.53 (madwar EUR 629).

29 Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Jannar 2013, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali tal-belt ta’ Vilnius) laqgħet it-talba ta’ Gjensidige Baltic. Hija kkundannat lil PZU Lietuva sabiex tirrimborsa lil din tal-aħħar il-kumpensi ta’ assigurazzjoni mħallsa fl-ammont ta’ LTL 2165.53, ammont miżjud bl-interessi bir-rata annwali ta’ 6 %. Din il-qorti indikat li, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, kien id-dritt Ġermaniż li għandu japplika għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta mid-delitt jew kważi delitt. Skont id-dritt Ġermaniż, hemm lok li jkun hemm qsim tar-responsabbiltà minħabba fid-danni li jirriżultaw minn inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura b’karru agganċjat miegħu. Meta dan id-dannu huwa kkumpensat minn wieħed minn dawn l-assiguraturi, dan ikollu d-dritt li jirkupra nofs l-ammont minn assiguratur ieħor.

30 Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Novembru 2013, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) annullat is-sentenza tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali tal-belt ta’ Vilnius) u ċaħdet l-azzjoni ta’ rkupru ta’ Gjensidige Baltic. Il-qorti tal-appell ikkonstatat li, f’dan il-każ, il-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà ċivili li jirriżultaw mill-użu tal-vettura għandhom jiġu deċiżi fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vettura u li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma II ma japplikawx. Fil-fatt, meta kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja kien ġie konkluż fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma setgħatx tiġi koperta mir-responsabbiltà ċivili delittwali. Peress li l-obbligu ta’ PZU Lietuva tnissel mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja, din il-qorti kkonkludiet għall-applikabbiltà tad-dritt Litwan.

31

L-appell ta’ kassazzjoni minn Gjensidige Baltic quddiem il-qorti tar-rinviju kien intiż għall-ksib tal-annullament ta’ din is-sentenza u għall-konferma tas-sentenza tat-2 ta’ Jannar 2013 tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti distrettwali tal-belt ta’ Vilnius).

32

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni essenzjalment tirrigwarda l-kwalifika tar-relazzjoni ġuridika bejn l-assiguraturi rispettivi tat-trakter u tal-karru u fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal din ir-relazzjoni. Din il-kwalifika hija determinanti għal din il-kawża, peress li l-ordinamenti ġuridiċi Litwani u Ġermaniżi jistabbilixxu prinċipji differenti ta’ qsim ta’ responsabbiltà bejn l-assiguratur tat-trakter u l-assiguratur tal-karru meta d-dannu huwa kkawżat minn vetturi agganċjati flimkien.

33

Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, hekk kif issostni Gjensidige Baltic, l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103 jistabbilixxix regola ta’ kunflitti tal-liġijiet li skont din tkun il-liġi tal-post tal-inċident li tkun applikabbli għal kawża bejn l-assiguraturi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 14(b) tad-[Direttiva 2009/103] jistabbilixxi regola ta’ kunflitti tal-liġijiet, li tapplika, ratione personae, mhux biss fir-rigward tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku, iżda wkoll sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ bejn l-assiguraturi tal-vetturi li jkunu kkawżaw id-dannu u din ir-regola ta’ kunflitti tikkostitwixxi regola speċjali fir-rigward tar-regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet stabbiliti fir-Regolament [Ruma I u Ruma II?]

2)

F’każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk ir-relazzjoni eżistenti f’din il-kawża bejn l-assiguraturi tistax tiġi kklassifikata bħala ‘obbligazzjoni kuntrattwali’ fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I. Jekk ir-relazzjoni bejn assiguraturi taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘obbligazzjoni kuntrattwali’, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk din ir-relazzjoni legali hijiex ikkunsidrata bħala li taqa’ taħt kuntratti ta’ assigurazzjoni (relazzjonijiet legali) u jekk il-liġi applikabbli għandhiex tiġi ddeterminata skont regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I.

3)

F’każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, hemm lok li jiġi ċċarat jekk, f’każ ta’ kawża għall-irkupru, ir-relazzjoni bejn l-assiguraturi ta’ assjem ta’ vetturi magħquda taqax taħt il-kunċett ta’ ‘obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali’ fis-sens tar-Regolament Ruma II u jekk din ir-relazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala relazzjoni legali dderivata, li tirriżulta mill-inċident tat-traffiku (fatt dannuż) għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II. F’każ bħal dak ineżami fil-kawża odjerna, l-assiguraturi tal-assjem tal-vetturi magħquda għandhom jiġu kkunsidrati bħala debituri responsabbli abbażi tal-istess obbligazzjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Ruma II u l-liġi applikabbli għar-relazzjoni eżistenti bejniethom għandha tiġi ddeterminata skont din ir-regola?”

35

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 2014, il-Kawżi C‑359/14 u C‑475/14 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

36

Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu kif għandhom jiġu interpretati r-Regolamenti Ruma I u Ruma II kif ukoll id-Direttiva 2009/103 sabiex jiġu ddeterminati l-liġi jew il-liġijiet applikabbli fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur ta’ trakter, li indennizza l-vittma ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ dik il-vettura, fir-rigward tal-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident.

37

Għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1 tagħhom, ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II armonizzaw ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet applikabbli, f’materji ċivili u kummerċjali, rispettivament għall-obbligi kuntrattwali u għall-obbligi mhux kuntrattwali. Il-liġi applikabbli għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ obbligi għandha tiġi ddeterminata permezz tad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn wieħed miż-żewġ regolamenti, mingħajr preġudizzju, madankollu, għar-regoli msemmija fl-Artikoli 23 u 25 tar-Regolament Ruma I kif ukoll 27 u 28 tar-Regolament Ruma II.

38

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, minn naħa, b’risposta għad-domanda magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema tal-Litwanja) fil-Kawża C‑475/14, li l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103 ma jistabbilixxix regola speċjali ta’ kunflitt ta’ liġijiet fir-rigward tar-regoli ta’ kunflitt stabbiliti fir-Regolamenti Ruma I u Ruma II f’dak li jikkonċerna l-azzjonijiet ta’ rkupru bejn assiguraturi u li ma jissodisfax għalhekk il-kundizzjonijiet imposti, rispettivament, fl-Artikoli 23 ta’ Ruma I u 27 tar-Regolament Ruma II.

39

Id-Direttiva 2009/103 timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżuri li jiggarantixxu li l-vittma ta’ inċident tat-traffiku u l-utent tal-vettura inkwistjoni f’dan l-inċident ikunu protetti. Skont il-premessa 12, din id-direttiva għandha bħala għan ġenerali li tiżgura l-protezzjoni tal-vittmi billi tiggarantilhom li jibbenefikaw minn kopertura tal-assigurazzjoni minima.

40

La mill-kliem u lanqas mill-għanijiet tad-Direttiva 2009/103 ma jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet.

41

B’mod partikolari, l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 26 ta’ din, sempliċement jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-poloz tal-assigurazzjoni tal-vetturi jkopru, fuq il-bażi ta’ primjum uniku, it-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea matul it-terminu tal-kuntratt, u sabiex abbażi ta’ dak il-primjum, f’kull Stat Membru, jiggarantixxi l-kopertura meħtieġa mil-liġijiet tiegħu jew il-kopertura meħtieġa bil-liġi ta’ Stat Membru li fih hija abitwalment stazzjonata l-vettura meta din il-kopertura hija ogħla.

42

Għalhekk din id-dispożizzjoni tikkonċerna esklużivament il-portata tat-territorju u l-livell ta’ kopertura li l-assiguratur huwa meħtieġ jipprovdi, sabiex jiżgura protezzjoni adegwata lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. Ebda regola ma tista’ tiġi dedotta li tgħid li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru speċifiku jirregola l-qsim tar-responsabbiltà bejn l-assiguraturi.

43

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, il-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” li jinsabu fihom għandhom jiġu interpretati indipendentement, b’referenza għall-iskema u l-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti (ara, b’analoġija, is-sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 27). Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 7 ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti, l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni reċiproka ta’ dawn ir-regolamenti, iżda wkoll tar-Regolament Brussell I, li b’mod partikolari jiddistingwi, fl-Artikolu 5 tiegħu, bejn il-qasam kuntrattwali u l-qasam delittwali jew kważi delittwali.

44

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-aħħar regolament li huwa biss obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra u li fuqha hija bbażata l-azzjoni tal-applikant li taqa’ taħt “il-qasam kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament (ara sentenza Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39). B’analoġija, u konformement mal-għan ta’ koerenza indikat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma I, jindika obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ oħra.

45

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell 1, jinkludi fih kull talba intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ rikorrent u li ma hijiex relatata mal-“qasam kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) (sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tar-Regolament Ruma II, li dan japplika għall-obbligi li jirriżultaw minn dannu, jiġifieri kwalunkwe dannu li jirriżulta minn delitt jew kważi delitt, minn arrikkiment indebitu, minn ġestjoni tan-negozju jew minn “culpa in contrahendo”.

46

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, “obbligu mhux kuntrattwali” għandu jinftiehem, fis-sens tar-Regolament Ruma II, bħala obbligu li japplika għal wieħed mill-avvenimenti elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u mfakkra fil-punt preċedenti.

47

F’dan il-każ, jirriżulta mid-digrieti tar-rinviju li l-obbligi kuntrattwali, fis-sens tar-Regolament Ruma I, jeżistu bejn l-assiguraturi u, rispettivament, l-utenti jew ix-xufiera tat-trakter u l-utenti tal-karru. Min-naħa l-oħra ma hemm l-ebda irbit kuntrattwali bejn iż-żewġ assiguraturi.

48

Barra minn hekk, l-eżistenza u l-portata tal-obbligu ta’ kumpens lill-vittmi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiddependi, fuq kollox, fuq l-evalwazzjonijiet dwar l-inċidenti tat-traffiku li huma l-oriġini tad-dannu inkwistjoni. Dawn l-evalwazzjonijiet, ta’ natura delittwali, huma esterni għar-relazzjoni kuntrattwali li tgħaqqad l-assiguraturi u l-persuni assigurati minnhom rispettivament.

49

Fir-rigward tal-possibbiltà għall-assiguratur ta’ trakter, li jkun ikkumpensa vittma għad-dannu kollu li jkun sostna minħabba f’inċident li jinvolvi kemm dan it-trakter kif ukoll il-karru li kien hemm agganċjat miegħu, li jeżerċita azzjoni ta’ rkupru fil-konfront tal-assiguratur tal-karru, għandu jkun innotat dan li ġej.

50

L-ewwel nett, l-eżistenza stess ta’ dritt ta’ rikors tal-assiguratur ta’ trakter, li x-xufier tiegħu kkawża l-inċident, kontra l-assiguratur tal-karru agganċjat, ma jistax jiġi dedott mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni ladarba l-vittma hija kkumpensata, iżda tippresupponi r-rabta konkomitanti tar-responsabbiltà delittwali tal-utent ta’ dan il-karru fir-rigward ta’ din l-istess vittma.

51

Għalhekk, għandu jiġi nnotat li tali obbligu ta’ kumpens impost fuq l-utent tal-karru għandu jiġi kkunsidrat bħala “obbligu mhux kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li għandha tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal dan l-obbligu.

52

Konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, il-liġi applikabbli għal tali obbligu mhux kuntrattwali għandha tkun dak tal-pajjiż fejn seħħ id-dannu, jiġifieri, fil-kawżi prinċipali, dak fejn id-dannu li jirriżulta direttament mill-inċident ikun sostnut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lazar, C‑350/14, EU:C:2015:802, punt 24). Skont l-Artikolu 15(a) u (b) tar-Regolament Ruma II, din il-liġi tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-portata tar-responsabbiltà kif ukoll ir-raġunijiet għall-qsim ta’ din ir-responsabbiltà.

53

Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-liġi tal-post fejn seħħ id-dannu dirett, f’dan il-każ id-dritt Ġermaniż, li għandhom jiġu ddeterminati d-debituri tal-obbligu ta’ kumpens tal-vittma kif ukoll, skont il-każ, il-kontribuzzjonijiet rispettivi tal-utent tal-karru u tal-utent jew tax-xufier tat-trakter għad-dannu kkawżat lill-vittma.

54

It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-obbligu għal assiguratur li jikkumpensa d-dannu kkawżat lil vittma jirriżulta mhux minn dannu kkawżat lil din tal-aħħar, iżda mill-kuntratt li jorbtu mal-assigurat responsabbli. Tali kumpens għaldaqstant huwa bbażat fuq obbligu kuntrattwali u l-liġi applikabbli għal tali obbligu għandha tiġi ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I.

55

Fir-rigward tal-liġi applikabbli, għalhekk għandu jiġi mfittex, fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni tat-trakters, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u f’dak tal-karrijiet agganċjati, rispettivament, jekk l-assiguraturi ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ vetturi kellhomx effettivament, konformement ma’ dawn il-kuntratti, jikkumpensaw il-vittmi ta’ inċident ikkawżat minn dawn tal-aħħar.

56

It-tielet nett, u fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-assiguratur ta’ trakter li jkun ikkumpensa vittma għandu, skont il-każ, rikors ta’ surroga fil-konfront tal-assiguratur tal-karru, għandu jkun ikkunsidrat li l-Artikolu 19 tar-Regolament Ruma II jiddistingwi bejn l-kwistjonijiet suġġetti għas-sistema delittwali u dawk suġġetti għas-sistema kuntrattwali. Din id-dispożizzjoni tapplika b’mod partikolari għas-sitwazzjoni li fiha terz, jiġifieri l-assiguratur, ikun ikkumpensa lill-vittma ta’ inċident, kreditur ta’ obbligu delittwali ta’ danni dovuti mix-xufier jew mill-utent ta’ karozza, u dan sabiex jinħeles mill-obbligu li jissodisfa dan l-obbligu.

57

Speċifikament, l-Artikolu 19 tar-Regolament Ruma II jipprevedi li, f’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ surroga eventwali tad-drittijiet tal-vittma hija rregolata mil-liġi applikabbli għall-obbligu tat-terz, jiġifieri l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili, li jikkumpensa din il-vittma.

58

Għalhekk, l-obbligu tal-assiguratur li jkopri r-responsabbiltà ċivili tal-assigurat fir-rigward tal-vittma, li jirriżulta mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż mal-assigurat, u l-kundizzjonijiet li taħthom l-assiguratur jista’ jeżerċita d-drittijiet li għandha l-vittma tal-inċident kontra l-persuni responsabbli mill-inċident, jiddependu mid-dritt nazzjonali li jirregola dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, iddeterminat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I.

59

Min-naħa l-oħra, il-liġi applikabbli għad-determinazzjoni tal-persuni li jistgħu jinżammu responsabbli kif ukoll il-qsim eventwali ta’ responsabbiltà bejn dawn u l-assiguraturi rispettivi tagħhom jibqgħu suġġetti, konformement ma’ dan l-Artikolu 19, għall-Artikoli 4 et seq tar-Regolament Ruma II.

60

Għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ li, skont il-liġi applikabbli taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar tar-Regolament Ruma II, il-vittma ta’ inċident tat-traffiku kkawżat minn trakter b’karru agganċjat miegħu għandu dritt fil-konfront kemm tal-utent tal-karru kif ukoll fir-rigward tal-assiguratur ta’ dan tal-aħħar, l-assiguratur tat-trakter, wara li jkun ikkumpensa lill-vittma, għandu dritt ta’ rikors fil-konfront tal-assiguratur tal-karru sa fejn il-liġi applikabbli, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I, għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprevedi għal surroga tal-assiguratur fid-drittijiet tal-vittma.

61

Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, l-ewwel nett, kif id-danni li għandhom jitħallsu lill-vittmi għandhom jinqasmu bejn, minn naħa, ix-xufier u l-utent tat-trakter u, min-naħa l-oħra, l-utent tal-karru, konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli skont ir-Regolament Ruma II.

62

It-tieni nett, għandha tiġi ddeterminata, konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I, il-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi bejn l-assiguraturi rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assigurati rispettivi tagħhom, sabiex isir magħruf jekk u sa liema punt dawn l-assiguraturi jistgħu, permezz ta’ surroga, jeżerċitaw id-drittijiet tal-vittma kontra l-assiguratur tal-karru.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda regola speċjali ta’ kunflitt intiża sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli għall-azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64

Ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għal azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur ta’ trakter, li kkumpensa l-vittmi ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ dik il-vettura, fir-rigward tal-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident hija ddeterminata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Ruma I jekk ir-regoli tar-responsabbiltà delittwali applikabbli għal dan l-inċident taħt l-Artikoli 4 et seq. tar-Regolament Ruma II jipprevedu qsim tal-obbligu tal-kumpens għad-dannu.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda regola speċjali ta’ kunflitt intiża sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli għall-azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

Ir-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), u (KE) Nru 864/2007, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għal azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur ta’ trakter, li kkumpensa l-vittmi ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ dik il-vettura, fir-rigward tal-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident hija ddeterminata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 593/2008 jekk ir-regoli tar-responsabbiltà delittwali applikabbli għal dan l-inċident taħt l-Artikoli 4 et seq tar-Regolament Nru 864/2007 jipprevedu qsim tal-obbligu tal-kumpens għad-dannu.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Litwan.