SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Appell — Proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka — Awditi li jikkonstataw irregolaritajiet fl-implementazzjoni ta’ ċerti proġetti — Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jissospendu l-pagament tal-ammonti li għandhom jitħallsu fil-kuntest ta’ ċerti proġetti — Rikors għad-danni — Ċaħda — Motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑224/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015.

Rose Vision SL, stabbilita fi Pozuelo de Alarcón (Spanja), irrappreżentata minn J. J. Marín López, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský, M. Safjan u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Rose Vision SL titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Marzu 2015, Rose Vision u Seseña vs Il‑Kummissjoni (T-45/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:138), sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament u għal kumpens.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Rose Vision, kumpannija kummerċjali fi stralċ, ikkonkludiet mal-Kummissjoni Ewropea, li aġixxiet f’isem l-Unjoni Ewropea, ħames ftehimiet ta’ għoti finanzjarju (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet”) fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) fejn fosthom kien inkluż il-ftehim Nru 246910, dwar il-proġett “FutureNEM”.

3

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet ġenerali “FP7”, applikabbli għal dawn il-ftehimiet (iktar ’il quddiem “il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli”), il-Kummissjoni b’mod partikolari fdat lid-dipartimenti interni ta awditu tagħha l-missjoni li jwettqu awditu finanzjarju, b’mod partikolari, rigward il-ġestjoni, mill-appellanti, tal-proġett “FutureNEM”.

4

L-abbozz tar-rapport ta’ awditu stabbilit mid-dipartimenti interni ta’ awditu tal-Kummissjoni, identifikat bir-referenza 11‑INFS‑025, ġie trażmess lill-appellanti fit-2 ta’ Frar 2012.

5

F’dan l-abbozz ta’ rapport ta’ awditu, kien jidher li l-kontabbiltà tal-appellanti ma kinitx tirrifletti l-ispejjeż eliġibbli, il-fatturi u l-interessi, u li għalhekk kellu jiġi konkluż li hija kienet mexxiet finanzjarjament dan il-proġett b’mod li ma kienx aċċettabbli, u mingħajr osservanza tal-obbligi previsti mill-ftehim dwar il-proġett “FutureNEM”.

6

Wara żewġ laqgħat informali, l-appellanti ressqet osservazzjonijiet dwar dan l-abbozz u ttrażmettiet lill-Kummissjoni dokumentazzjoni addizzjonali fit-30 ta’ Marzu 2012, jiġifieri l-jum meta skada t-terminu li kien ingħata lilha biex tagħmel hekk.

7

Fil-21 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-appellanti, li biha hija kkomunikatilha d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-pagamenti li kienu jikkorrispondu mat-tieni perijodu tal-proġett “FutureNEM”, konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli.

8

Fil-31 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li la d-dokumentazzjoni addizzjonali u lanqas l-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat rigward l-abbozz tar-rapport ta’ awditu inkwistjoni ma kienu jippermettu li jitqajjem dubju dwar il-konklużjonijiet ta’ dan tal-aħħar, li skont dawn ċerti spejjeż ma kinux eliġibbli, peress li ma kinux reali, ekonomiċi u neċessarji. Minbarra dan, il-Kummissjoni tat lill-appellanti l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet ġodda, ħaġa li din tal-aħħar għamlet fit-30 ta’ Awwissu 2012.

9

Fid-9 ta’ Ottubru 2012, id-dipartimenti interni ta’ awditu tal-Kummissjoni ffinalizzaw ir-rapport ta’ awditu bir-referenza 11‑INFS‑025, fejn fih ikkonkludew li ċerti spejjeż tal-persunal ma kinux eliġibbli, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi punti tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli.

10

Matul ix-xhur suċċessivi, seħħet korrispondenza kunsiderevoli rigward il-konsegwenzi ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’dak li jikkonċerna kemm il-proġett “FutureNEM” kif ukoll proġetti oħrajn, li l-appellanti kienet ipparteċipat fihom. B’mod partikolari, l-appellanti rċeviet nota ta’ debitu fir-rigward tal-ammont li kellu jiġi rrimborsat fil-kuntest tal-proġett “FutureNEM”.

11

Il-ftehimiet kollha jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li kienet tipprovdi li l-Qorti Ġenerali jew, f’każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedu kull tilwima bejn il-partijiet, dwar il-validità, l-eżekuzzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kuntratti kif ukoll dwar il-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu obbligi pekunjarji.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2013, Rose Vision u l-amministratur tagħha ppreżentaw rikors li kellu bħala suġġett, b’mod partikolari, il-kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, għal ammont ta’ EUR 5854264.

Fuq l-ammissibbiltà

13

Billi l-Kummissjoni sostniet, bħala punt preliminari, l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ Rose Vision u tal-amministratur tagħha minħabba n-nuqqas ta’ suġġett tiegħu, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat is-suġġett tat-tilwima, billi kkunsidrat li kien abbażi tar-rapport ta’ awditu bir-referenza 11‑INFS‑025 u tal-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2012, fejn ġie deċiż li jiġu sospiżi l-pagamenti relatati mal-proġett “FutureNEM” abbażi ta’ dan ir-rapport, li kellhom jiġu eżaminati l-konklużjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

14

Bis-suġġett tal-tilwima għalhekk iddefinit, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi ta’ inammissibbiltà oħra mqajma mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-punti tal-konklużjonijiet differenti u ċaħdithom.

Fuq il-mertu

15

F’dak li jikkonċerna l-ksur differenti tal-ftehimiet allegat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar fakkret, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet essenzjalment ġiet ikkritikata li kisret l-istipulazzjonijiet kuntrattwali tal-ftehim li jirrigwardaw il-proġett “FutureNEM” dwar, l-ewwel nett, il-proċedura ta’ awditu, it-tieni nett, is-sospensjoni tal-pagamenti u, it-tielet nett, il-kunfidenzjalità tal-awditi.

16

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument ibbażat fuq l-allegat ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali dwar is-sospensjoni tal-pagamenti, huwa enfasizzat, fil-punti 99 u 101 tas-sentenza appellata, li mill-eżami tal-konklużjonijiet tal-abbozz tar-rapport ta’ awditu bir-referenza 11‑INFS‑025 jirriżulta li dawn kienu suffiċjenti sabiex din is-sospensjoni tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, dawn il-konklużjonijiet kienu diġà wrew l-eżistenza ta’ ċerti spejjeż tal-persunal li ma kinux eliġibbli, kif ukoll in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti stipulazzjonijiet kuntrattwali, kif ġie kkonfermat fil-verżjoni definittiva ta’ dan ir-rapport ta’ awditu, li fir-rigward tiegħu l-appellanti ma kienet ippreżentat ebda element quddiem il-Qorti Ġenerali li seta’ jqajjem dubju dwar il-konklużjonijiet li kienu jinsabu fih.

17

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument bħala infondat. Billi ċaħdet ukoll l-argumenti l-oħra ppreżentati quddiemha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

18

Rose Vision titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, tannulla s-sentenza appellata.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Rose Vision għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

20

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

21

Hemm lok, f’dan il-każ, li l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni aggravju bbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

L-argumenti tal-partijiet

22

Permezz ta’ dan it-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li, billi kkunsidrat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-abbozz ta’ rapport ta’ awditu bir-referenza 11‑INFS‑025, tat-2 ta’ Frar 2012, kien diġà juri l-eżistenza ta’ ċerti spejjeż tal-persunal li ma kinux eliġibbli kif ukoll in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti stipulazzjonijiet kuntrattwali, li kien ġie kkonfermat fil-verżjoni definittiva ta’ dan ir-rapport ta’ awditu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li kien jikkonsisti f’nuqqas ta’ motivazzjoni.

23

Il‑Kummissjoni tirribatti li dan it-tieni aggravju għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat. Fil-fatt, is-sentenza appellata tippreżenta espliċitament l-argumenti taż-żewġ partijiet u turi b’mod evidenti r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha turi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il‑Kummissjoni, C-100/14P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:382, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima u l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2014, British Telecommunications vs Il‑Kummissjoni, C‑620/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2309, punt 56, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il‑Kummissjoni, C‑100/14P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:382, punt 75).

26

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li, bħala tali, jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Planet vs Il‑Kummissjoni, C‑314/11P, EU:C:2012:823, punt 63).

27

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ispejjeż tal-persunal, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-konklużjonijiet tal-abbozz tar-rapport ta’ awditu bir-referenza 11‑INFS‑025 diġà kienu juru l-eżistenza ta’ ċerti spejjeż tal-persunal li ma kinux eliġibbli.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti stipulazzjonijiet kuntrattwali rrilevati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, ebda preċiżazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-istipulazzjonijiet ma tidher fih.

29

Issa, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 101 tas-sentenza appellata li r-rikorrenti kkontestat ir-rapport ta’ awditu li fuqu kienet ibbażata s-sospensjoni tal-pagamenti fil-kuntest tal-proġett “FutureNEM”, billi invokat f’dan ir-rigward diversi żbalji u ineżattezzi. Barra minn hekk, mill-punt 32 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-rikorrenti sostniet, b’mod partikolari, li l-kontenut ta’ dan ir-rapport ta’ awditu kien imur kontra r-regoli li jikkonċernaw l-awditi u, b’mod partikolari, il-gwida finanzjarja.

30

Madankollu, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, f’dan il-każ, sabiex tiddikjara li r-rikorrenti ma kienet ipproduċiet ebda element li kien jippermetti li jitqajjem dubju dwar il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport ta’ awditu.

31

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma turix ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Planet, C‑314/11 P, EU:C:2012:823, punt 66), li bl-ebda mod ma indikat ir-raġunijiet li għalihom l-ilmenti tar-rikorrenti mressqa kontra l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu inkwistjoni ma kinux jippermettu li jitqajjem dubju dwar dawn tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivi tas-sentenza appellata ma jippermettux lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet ta’ din is-sentenza u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. B’mod partikolari, tali motivazzjoni, ifformulata b’mod apodittiku, tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tistħarreġ jekk ir-raġunament li huwa l-bażi tad-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ivvizzjat b’kontradizzjoni.

32

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

33

Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni aggravju u, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs Bial-Portela, C‑597/12 P, EU:C:2013:672, punt 30), tiddikjara dan l-appell bħala fondat.

34

Isegwi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lil Rose Vision.

35

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

36

Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Marzu 2015, Rose Vision u Seseña vs Il‑Kummissjoni (T‑45/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:138), hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Rose Vision SL.

 

2)

Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.