SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE — Benefiċċji tax-xjuħija — Differenza fit-trattament marbuta mal-età — Uffiċjali ta’ Stat Membru ta’ età ta’ inqas minn 45 sena u li jitilqu minn dan l-Istat Membru biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C-515/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Tserepa-Lacombe u D. Martin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ Ċipru, irrappreżentata minn N. Ioannou u D. Kalli, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.-C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħassritx, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004, il-kriterju marbut mal-età li jinsab fl-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (Ι)/1997 dwar l-irtirar, li jiddiswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor jew fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jew ta organizzazzjoni internazzjonali oħra u li għandha l-effett li tistabbilixxi trattament differenti bejn il-ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew f’organizzazzjoni internazzjonali oħra, minn naħa, u l-uffiċjali li eżerċitaw l-attività tagħhom f’Ċipru, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 4(3) TUE.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 24(1) tal-Liġi 97 (I)/1997:

“Meta uffiċjal jitlaq l-impjieg tiegħu biex jeżerċita funzjoni pubblika li ma hijiex kompatibbli mal-funzjoni jew mal-post li kien jokkupa qabel, dan għandu f’kull każ jirċievi għas-servizz tiegħu:

(a)

pensjoni skont l-Artikolu 8 (koeffiċjent ta’ pensjoni u somma f’daqqa) mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni li tikkonċerna l-ħames snin ta’ servizz, u

(b)

pensjoni supplimentari ta’ ammont li l-kunsill ministerjali jqis bħala ekwa u raġjonevoli.”

3

L-Artikolu 25(1) ta’ din il-liġi jgħid kif ġej:

“Meta uffiċjal li jokkupa post li jagħti dritt għal pensjoni jkun awtorizzat jitlaq minnu fid-dawl tan-nomina imminenti tiegħu f’organu, il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru għandu jħallas lill-organu, fil-mument meta l-uffiċjal jitlaq is-servizz pubbliku, somma f’daqqa ugwali għal parti minn tnax mir-remunerazzjoni mensili tiegħu li tagħti dritt għal pensjoni fil-jum tat-tluq tiegħu għal kull xahar ta’ servizz imwettaq u somma ugwali għall-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-uffiċjal għat-trasferiment tal-pensjoni lill-armla u lit-tfal tiegħu, flimkien mal-interessi kkalkolati skont rata ffissata mill-Ministru tal-Finanzi. F’tali każ, is-servizz tiegħu fis-servizz pubbliku għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-organiżmu għall-kalkolu tat-tul tas-servizz li jagħtih dritt għal benefiċċji u għall-kalkolu tal-benefiċċji għat-tluq li jkollu d-dritt li jirċievi mingħand l-organu abbażi tas-sistema ta’ benefiċċji għat-tluq fis-seħħ fl-organu u simili għas-sistema tal-irtirar tal-gvern.”

4

L-Artikolu 27(1) tal-liġi 97 (I)/1997 jipprovdi:

“a)

Meta uffiċjal li jkollu mill-inqas 45 sena, li jokkupa post li jagħti dritt għall-pensjoni u li jkun wettaq ħames snin jew iktar ta’ servizz […], jippreżenta talba għal-tluq antiċipat mis-servizz tiegħu, li tiġi aċċettata mill-organu kompetenti, dan għandu jirċievi minnufih is-somma f’daqqa li jkollu dritt għaliha għas-servizz tiegħu, filwaqt li l-irtirar tiegħu jiġi kkonsolidat u wara likwidat meta dan jilħaq l-età ta’ 55 sena […]. Il-pensjoni u s-somma f’daqqa jiġu kkalkolati konformement mal-Artikolu 8 (koeffiċjent ta’ pensjoni u somma f’daqqa) abbażi tar-remunerazzjoni tiegħu li tagħti dritt għal pensjoni fil-jum tat-tluq antiċipat tiegħu. Il-pensjoni, li titħallas mill-mument meta l-persuna interessata tkun laħqet l-eta ta’ 55 sena, tiżdied bil-perċentwali li biha l-pensjonijiet ikunu eventwalment għolew bejn id-data tat-tluq tiegħu u d-data tal-ħlas tal-pensjoni […]

b)

Meta uffiċjal, li jokkupa post li jagħti dritt għal pensjoni u ma jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, iżda jkun wettaq mill-inqas tliet snin ta’ servizz li jagħtu dritt għal pensjoni, jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu bl-awtorizzazzjoni tal-organu kompetenti, dan għandu jirċievi immedjatament wara r-riżenja tiegħu somma f’daqqa ugwali għal parti minn tnax tar-remunerazzjoni mensili tiegħu li tagħti dritt għal pensjoni għal kull xahar ta’ servizz imwettaq.”

5

L-Artikolu 26A tal-Liġi (li temenda) 31 (I)/2012 dwar l-irtirar, jipprevedi li l-uffiċjali li jokkupaw post li jagħti dritt għal pensjoni fis-servizz pubbliku u jitilqu minnu biex jeżerċitaw funzjoni f’post bħala titolari f’istituzzjoni tal-Unjoni għandhom id-dritt li l-Gvern Ċiprijott iħallas lill-Unjoni l-ammont li jirrappreżenta l-valur f’kapital tal-benefiċċji li dawn ikunu kisbu b’applikazzjoni tas-sistema ta’ rtirar tal-uffiċjali, aġġornata sad-data tat-trasferiment effettiv. L-Artikolu 26B ta’ din il-liġi jipprevedi dritt analogu fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni mis-sistema ta’ rtirar tal-Unjoni lejn is-sistema ta’ rtirar tas-servizz pubbliku nazzjonali, meta uffiċjal tal-Unjoni li jkun kiseb drittijiet għall-pensjoni jinħatar f’pożizzjoni tas-servizz pubbliku li tagħti dritt għal pensjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jemendaw lil dawk tal-Liġi 97 (I)/1997, daħlu fis-seħħ b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004.

6

Il-Liġi 113 (I)/2011 dwar il-benefiċċji tal-irtirar tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku f’sens wiesgħa, inklużi tal-kollettivitajiet lokali (dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali) tipprovdi li l-uffiċjali l-ġodda, jiġifieri dawk maħtura wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jiġifieri l-1 ta’ Ottubru 2011, huma suġġetti għal sistema ta’ rtirar oħra, li ma tapplikax differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Wara li intimat lir-Repubblika ta’ Ċipru biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni bagħtitilha, fis-26 ta’ Marzu 2012, opinjoni motivata li tilmenta li din ma ħassritx, mill-1 ta’ Mejju 2004, xi dispożizzjonijiet marbuta mal-età, previsti mil-leġiżlazzjoni Ċiprijotta relattiva għall-irtirar, u li b’hekk naqset mill-obbligi tagħha abbażi tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni talbet lil dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

8

Fir-risposta tagħha tat-28 ta’ Mejju 2012 għall-opinjoni motivata msemmija, ir-Repubblika ta’ Ċipru osservat li, peress li kienet saret emenda leġiżlattiva biex tingħata l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti d-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjali li jitilqu dan l-Istat Membru biex jidħlu fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, kien ġie rrimedjat kull eventwali ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

9

Billi kkunsidrat li din ir-risposta ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq l-ammissibbiltà

10

Ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni li r-rikors huwa inammissibbli għaliex, bl-introduzzjoni, għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors, tal-argumenti relattivi għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali maħtura fi Stat Membru ieħor fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali differenti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dan iwessa’ s-suġġett tat-tilwima kif iddelimitata mill-proċedura prekontenzjuża.

11

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Ċipru tqis li l-ilmenti relattivi għall-ħaddiema migranti b’mod ġenerali huma inammissibbli, minħabba li dawn ma humiex suffiċjentement preċiżi u li l-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll l-opinjoni motivata jikkonċernaw biss lill-uffiċjali tal-Unjoni bħala uffiċjali migranti.

12

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa minnu li s-suġġett tar-rikors ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 258 TFUE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi, madankollu dan ir-rekwiżit ma jistax jasal biex jimponi koinċidenza perfetta tal-formulazzjoni tagħhom, peress li l-għan tal-kawża ma ġiex estiż jew emendat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, EU:C:2005:462, punt 28; Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, EU:C:2007:248, punt 18, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-576/10, EU:C:2013:510, punt 34).

13

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tippreċiża l-ilmenti inizjali tagħha fir-rikors tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li hija ma tibdilx is-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, EU:C:2007:248, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14

F’dan il-każ, il-Kummissjoni la estendiet u lanqas emendat is-suġġett tar-rikors kif kien limitat mill-proċedura prekontenzjuża.

15

Fil-fatt, minn naħa, hekk kif indikat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, ir-riferenza li saret għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali maħtura fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali differenti mill-Unjoni, li tinsab fi Stat Membru differenti mir-Repubblika ta’ Ċipru, ma kinitx intiża biex testendi s-suġġett tal-kawża, iżda biss biex turi l-applikabbiltà tal-Artikolu 45 TFUE għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li wettaq perijodi ta’ impjieg ma’ organizzazzjoni internazzjonali stabbilita fit-territorju ta’ tali Stat Membru, għall-finijiet tal-ħolqien ta’ dritt għal pensjoni tax-xjuħija.

16

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha kif ukoll fl-opinjoni motivata u fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni invokat nuqqas fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE minħabba ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema migranti, li jifformaw parti minnu l-uffiċjali msemmija.

17

Min-naħa l-oħra, għalkemm, ċertament, din l-ittra ta’ intimazzjoni, din l-opinjoni motivata u dan ir-rikors fihom żviluppi relattivi għas-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema migranti impjegati fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, kemm fil-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors tagħha, sostniet li l-leġiżlazzjoni Ċiprijotta kellha l-effett li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema migranti b’mod ġenerali, mingħajr ma limitat l-ilment tagħha biss għall-ħaddiema migranti li jitilqu minn Ċipru biex jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

19

Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi 97 (I)/1997, uffiċjal ta’ inqas minn 45 sena, li jirriżenja mill-impjieg tiegħu fis-servizz pubbliku Ċiprijott biex jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru differenti mir-Repubblika ta’ Ċipru jew funzjonijiet fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra, jirċievi biss somma f’daqqa u jitlef id-drittijiet futuri għall-irtirar tiegħu, filwaqt li uffiċjal li jibqa’ jeżerċita attività professjonali f’Ċipru jew li jitlaq l-impjieg tiegħu fis-servizz pubbliku ta’ dan l-Istat Membru biex jeżerċita ċerti funzjonijiet pubbliċi f’dan l-istess Stat Membru jew li jiġi impjegat minn organu tad-dritt pubbliku Ċiprijott iżomm dawn id-drittijiet, din id-dispożizzjoni tpoġġi fi żvantaġġ lill-ħaddiema migranti meta mqabbel ma’ dawk li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’Ċipru biss.

20

Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjoni msemmija tintroduċi differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema li ma użawx id-dritt għall-libertà ta’ moviment tagħhom u l-ħaddiema migranti, għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar, peress li t-telf tad-drittijiet għall-pensjoni jolqot biss lill-ħaddiema li eżerċitaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom.

21

Anki jekk tapplika b’mod indistint, tali dispożizzjoni tista’ tiddiswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex jeżerċitaw attività ekonomika fi Stat Membru ieħor fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni u tikkostitwixxi, għalhekk, ostaklu għall-moviment liberu ta’ dawn il-ħaddiema, ipprojbit mill-Artikolu 45 TFUE.

22

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 27(1) tal-Liġi 97 (I)/1997 iċaħħad lill-ħaddiem migrant mill-possibbiltà li jibbenefika mit-totalizzazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kollha u ma jiżgurax l-unità tal-karriera ta’ dan il-ħaddiem, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif jimponi l-Artikolu 48 TFUE.

23

Il-Kummissjoni tirrileva li l-adozzjoni tal-Liġi 113 (I)/2011 ma għandhiex impatt fuq il-fatt li l-imsemmi Artikolu 27(1) jibqa’ japplika għall-uffiċjali li daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Ottubru 2011, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

24

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni marbuta mal-età, stabbilita mill-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (I)/1997, tista’ tiddiswadi lill-uffiċjali Ċiprijotti milli jitilqu, qabel ma jkunu laħqu l-età ta’ 45 sena, is-servizz pubbliku nazzjonali sabiex jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, peress li, billi jaċċettaw impjieg ma’ tali istituzzjoni, huma jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw, taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, minn benefiċċju ta’ rtirar li huma kien ikollhom dritt għalih kieku ma kinux aċċettaw dan l-impjieg, liema ħaġa ma tistax tiġi aċċettata fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 4(3) TUE.

25

Finalment, il-Kummissjoni tosserva li l-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika ta’ Ċipru ma għandhiex relazzjoni diretta mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età inkwistjoni f’dan il-każ, li dan l-Istat Membru ma jressaq ebda prova li tibbaża l-allegazzjoni tiegħu u li, barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE.

26

Ir-Repubblika ta’ Ċipru ssostni li l-Artikolu 48 TFUE ma japplikax u li ma jistax iservi bħala bażi għar-rikors tal-Kummissjoni, minħabba li, essenzjalment, għalkemm dan l-Artikolu jikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri li jirregolaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kollha miksuba fi Stati Membri differenti, dan ma joħloqx, bħala tali, dritt għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi.

27

Skont dan l-Istat Membru, sa mill-adozzjoni tal-Liġi 31 (I)/2012, li daħlet fis-seħħ b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004, il-kundizzjoni marbuta mal-età, prevista fl-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (I)/1997, ma tapplikax iktar fil-każ ta’ tluq ta’ uffiċjal nazzjonali għall-finijiet li jokkupa post ta’ uffiċjal f’istituzzjoni tal-Unjoni, u bil-kontra.

28

Ir-Repubblika ta’ Ċipru tqis li mhux biss uffiċjal li jitlaq is-servizz pubbliku Ċiprijott biex jokkupa post fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma huwiex is-suġġett ta’ differenza fit-trattament, iżda li dan l-uffiċjal huwa, b’mod kuntrarju, is-suġġett ta’ trattament iktar favorevoli minn dak irriżervat għal uffiċjal li jitlaq is-servizz pubbliku Ċiprijott biex jeżerċita attività professjonali ma’ persuna li timpjega oħra f’Ċipru, peress li dan l-aħħar uffiċjal ma għandux il-possibbiltà li jittrasferixxi d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu.

29

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru josserva li l-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (I)/1997 tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema li wettqu l-karriera professjonali kollha tagħhom fit-territorju nazzjonali u għall-ħaddiema li għażlu li jaħdmu fi Stat Membru ieħor, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom.

30

Skont ir-Repubblika ta’ Ċipru, dan l-Artikolu jimplika t-telf ta’ benefiċċju mhux minħabba l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu, iżda minħabba d-deċiżjoni ta’ ħaddiem li jirriżenja mis-servizz pubbliku nazzjonali u li jitlaq is-sistema professjonali ta’ sigurtà soċjali korrispondenti.

31

Finalment, ir-Repubblika ta’ Ċipru tqis li varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jistgħu jpoġġu f’periklu l-bilanċ tas-sistema Ċiprijotta, b’tali mod li, anki jekk jitqies li l-imsemmi Artikolu jistabbilixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, tali ostaklu huwa ġġustifikat peress li huwa intiż biex jiżgura l-bilanċ tas-sistema professjonali tal-uffiċjali, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika ta’ Ċipru li jgħid li l-Artikolu 48 TFUE ma jistax iservi bħala bażi għar-rikors tal-Kummissjoni.

33

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, il-fatt li dan l-Artikolu jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom bħala skop l-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema, b’mod partikolari bl-implementazzjoni ta’ sistema li tippermetti li jiġi żgurat lill-ħaddiema t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kollha mwettqa fi Stati Membri differenti, ma jimplikax li l-invokazzjoni tal-Artikolu msemmi ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 48 TFUE, li l-għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ moviment liberu tal-ħaddiema migranti kemm jista’ jkun possibbli komplet (ara s-sentenza da Silva Martins, C-388/09, EU:C:2011:439, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), jimplika, b’mod partikolari, li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u lanqas isostnu tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba li dawn eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat (ara s-sentenzi Nemec, C-205/05, EU:C:2-006:705, punt 38, u Bouman, C-114/13, EU:C:2015:81, punt 39).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li talba għal totalizzazzjoni tista’ tiġi ssodisfatta direttament b’applikazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE, mingħajr ma għandu jsir użu minn regoli ta’ koordinazzjoni adottati mill-Kunsill, konformement ma’ dan l-aħħar Artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vougioukas, C-443/93, EU:C:1995:394, punt 36).

36

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex ibbażat esklużivament, prinċipalment jew assolutament fuq l-Artikolu 48 TFUE, iżda fuq ksur tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 48 TFUE u 4(3) TUE.

37

Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ċiprijotta kkonċernata mir-rikors tal-Kummissjoni ma’ dawn it-tliet dispożizzjonijiet.

38

Għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, madankollu huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dritt ta’ stabbiliment (ara s-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C-212/06, EU:C:2008:178, punt 43).

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal-persuni huma intiżi biex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju tal-Unjoni, u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawk iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom b’mod partikolari d-dritt, li dawn jiksbu direttament mit-Trattat, li jħallu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jistabbilixxu ruħhom hemm bil-għan li jwettqu attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 9495, Ritter-Coulais,C-152/03, EU:C:2006:123, punt 33; Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C-212/06, EU:C:2008:178, punt 44; CasteelsC-379/09, EU:C:2011:131, punt 21, kif ukoll Las,C-202/11, EU:C:2013:239, punt 19).

40

Ċertament, għalkemm id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li ċaqliq fi Stat Membru ma jkunx ser ikollu impatt fil-qasam tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari fil-qasam tal-benefiċċji tal-mard u tal-pensjonijiet tax-xjuħija, sa fejn dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’ jkun, skont il-każ, iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż għall-persuna kkonċernata mill-aspett tal-protezzjoni soċjali, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li jekk l-applikazzjoni tagħha tkun inqas favorevoli, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni biss sakemm, b’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiżvantaġġax lill-ħaddiem ikkonċernat meta mqabbel ma’ dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tapplika u sakemm ma twassalx esklużivament u sempliċement għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali lil fondi li ma tibbenefikax minnhom (ara, s-sentenza Mulders, C-548/11, EU:C:2013:249, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-għan tal-Artikoli 45 u 42 TFUE ma jintlaħaqx jekk, b’riżultat tal-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu tagħhom, il-ħaddiema migranti jitilfu l-vantaġġi tas‑sigurtà soċjali li tassiguralhom biss il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C-212/06, EU:C:2008:178, punt 46; da Silva Martins, C-388/09, EU:C:2011:439, punt 74, kif ukoll Mulders,C-548/11, EU:C:2013:249, punt 46).

42

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE għandhom b’mod partikolari l-għan li jevitaw li ħaddiem li, bl-użu tad-dritt tal-moviment liberu tiegħu, ikun wettaq impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed jiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn dak li wettaq il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (ara s-sentenza da Silva Martins, C-388/09, EU:C:2011:439, punt 76).

43

F’dan il-każ, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi 97 (I)/1997, moqri flimkien mal-Artikoli 24 u 25 ta’ din il-liġi, uffiċjal li għandu inqas minn 45 sena, li jirriżenja mill-impjieg li jokkupa fis-servizz pubbliku Ċiprijott biex jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra, jirċievi immedjatament somma f’daqqa u jitlef id-dritt li l-irtirar tiegħu jiġi kkonsolidat, likwidat u mħallas meta jilħaq l-età ta’ ħamsa u ħamsin sena, filwaqt li uffiċjal li jibqa’ jeżerċita dan l-impjieg jew li jitlaq minnu biex jeżerċita funzjonijiet pubbliċi oħra f’Ċipru jirċievi immedjatament is-somma msemmija u jżomm dan id-dritt.

44

F’dan ir-rigward, anki jekk il-Liġi 113 (I)/2011 tipprevedi li l-“uffiċjali l-ġodda”, jiġifieri dawk maħtura wara l-1 ta’ Ottubru 2011, huma suġġetti għal sistema ta’ rtirar differenti li ma tinkludix iktar tali differenza fit-trattament, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma hija kontradetta mir-Repubblika ta’ Ċipru fuq dan il-punt, is-sistema preċedenti, jiġifieri dik stabbilita bil-Liġi 97 (I)/1997, tibqa’ tapplika għall-uffiċjali maħtura qabel din id-data, inklużi dawk li, fost dawn tal-aħħar, diġà rriżenjaw.

45

Isegwi li l-leġiżlazzjoni Ċiprijotta inkwistjoni f’din il-kawża tista’ tfixkel jew trendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa tal-uffiċjali Ċiprijotti kkonċernati, tad-dritt għal moviment liberu tagħhom. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiddiswadi lil dawn milli jitilqu l-impjieg tagħhom fi ħdan is-servizz pubbliku tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra u tikkostitwixxi, għalhekk, ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema pprojbit, fil-prinċipju, mill-Artikolu 45 TFUE.

46

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika ta’ Ċipru li jgħid li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma tisfavorixxix lill-ħaddiema migranti minħabba li din tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha li jagħżlu li jitilqu s-servizz pubbliku Ċiprijott biex jaħdmu fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom jew fi Stat Membru ieħor, għandu jitfakkar li sabiex miżura tirrestrinġi l-moviment liberu, ma huwiex neċessarju li din tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u lanqas li jkollha bħala effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema nazzjonali kollha jew li tiffavorixxi biss lil ċittadini tal-Istati Membri l-oħra bl-esklużjoni tal-ħaddiema nazzjonali. Huwa biżżejjed li l-miżura vantaġġuża tkun ta’ benefiċċju għal ċerti kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru inkwistjoni (ara s-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C-212/06, EU:C:2008:178, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għalkemm huwa minnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tapplika kemm għall-uffiċjali Ċiprijotti li jagħżlu li jirriżenjaw biex jaħdmu fis-settur privat fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, kif ukoll għal dawk li jirriżenjaw u li jitilqu minn dan l-Istat Membru biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali oħra, xorta jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tista’ tirrestrinġi l-moviment liberu ta’ din l-aħħar kategorija ta’ uffiċjali billi jiġu preklużi jew billi jiġu disważi milli jitilqu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex jaċċettaw impjieg fi Stat Membru ieħor, fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali oħra. Tali leġiżlazzjoni tikkundizzjona direttament l-aċċess tal-uffiċjali Ċiprijotti għas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri differenti mir-Repubblika ta’ Ċipru, u b’hekk tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosman, C-415/93, EU:C:1995:463, punti 98 sa 100103).

48

Barra minn hekk, l-emendi magħmula għal-Liġi 97 (I)/1997 permezz tal-Liġi 31 (I)/2012 u li daħlu fis-seħħ b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004, li jipprevedu b’mod partikolari li l-uffiċjali li jokkupaw post li jagħti dritt għal pensjoni fis-servizz pubbliku Ċiprijott u jitilqu minnu biex jokkupaw post bħala titolari f’istituzzjoni tal-Unjoni għandhom id-dritt li l-Gvern Ċiprijott iħallas lill-Unjoni l-ammont li jirrappreżenta l-valur f’kapital tal-benefiċċji li dawn ikunu kisbu b’applikazzjoni tas-sistema ta’ rtirar tal-uffiċjali, ma jeliminawx kull forma ta’ ostaklu għall-moviment liberu tal-uffiċjali kkonċernati, peress li dawn ma japplikawx għas-sitwazzjoni ta’ dawk li, bħal dawn tal-aħħar, jagħżlu li ma jittrasferixxux id-drittijiet għall-pensjoni tagħhom. Fil-fatt, jekk dawn l-uffiċjali jirriżenjaw jew irriżenjaw mis-servizz pubbliku Ċiprijott qabel ma għalqu 45 sena, dawn jitilfu d-drittijiet għall-irtirar tagħhom.

49

F’dan ir-rigward, il-fatt invokat mir-Repubblika ta’ Ċipru, li jgħid li l-uffiċjali msemmija jistgħu, minbarra li jirċievu somma f’daqqa abbażi tal-Liġi 97 (I)/1997, jibbenefikaw minn pensjoni abbażi tal-Liġi 59 (I)/2010 dwar is-sigurtà soċjali, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-liġi, ma huwiex ta’ natura li jpoġġi indiskussjoni l-eżistenza tal-ostaklu identifikat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

50

Fil-fatt, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-Repubblika ta’ Ċipru, indikat li, diversament minn uffiċjal li jirriżenja wara li jagħlaq 45 sena u li għandu dritt għal pensjoni kemm abbażi tal-Liġi 97 (I)/1997 u tal-Liġi 59 (I)/2010, uffiċjal li jokkupa post li jagħti dritt għal pensjoni fis-servizz pubbliku Ċiprijott u li jiddeċiedi li jitlaq minnu, qabel ma jkun għalaq din l-età, biex jeżerċita funzjoni fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, mingħajr ma jittrasferixxi d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu, ma għandux dritt għal pensjoni abbażi tal-Liġi 97 (I)/1997.

51

B’hekk, il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta tista’ tiddiswadi lil din l-aħħar kategorija ta’ uffiċjali milli jitilqu minn Ċipru biex jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, billi jekk jaċċettaw impjieg ma’ tali istituzzjoni, huma jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw, taħt l-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, minn pensjoni tax-xjuħija li kien ikollhom dritt għaliha kieku ma aċċettawx dan l-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi My, C-293/03, EU:C:2004:821, punt 47; Rockler, C-137/04, EU:C:2006:106, punt 19, u Öberg, C-185/04, EU:C:2006:107, punt 16).

52

Issa, minbarra l-fatt li din tikkostitwixxi ostaklu pprojbit mill-Artikolu 45 TFUE, tali konsegwenza ma tistax tiġi awtorizzata fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-Unjoni, li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitawlha t-twettiq tal-missjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza My, C-293/03, EU:C:2004:821, punt 48).

53

Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Repubblika ta’ Ċipru, li jgħid li l-ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (I)/1997 huwa ġġustifikat mill-fatt li varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jistgħu jpoġġu f’periklu l-bilanċ tas-sistema u li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi biex jiżguraw dan il-bilanċ, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, għalkemm motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara s-sentenzi Verkooijen, C-35/98, EU:C:2000:294, punt 48; Kranemann, C-109/04, EU:C:2005:187, punt 34, u Thiele Meneses, C-220/12, EU:C:2013:683, punt 43), leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ madankollu tikkostitwixxi ostaklu ġġustifikat għal libertà fundamentali meta din tkun meħtieġa minn motivi ta’ natura ekonomika li jsegwu għan ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza Essent et, C-105/12 sa C-107/12, EU:C:2013:677, punt 52). B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li r-riskju li jiġi serjament imdgħajjef il-bilanċ finanzjarju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kohll, C-158/96, EU:C:1998:171, punt 41).

54

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, li għandhom jipprovaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb. Ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom b’hekk ikunu akkumpanjati minn provi xierqa jew minn evalwazzjoni tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll mill-elementi preċiżi li jibbażaw l-argumentazzjoni tagħha. Huwa meħtieġ li t-tali analiżi oġġettiva li tinkludi spjegazzjonijiet u figuri, tkun tista’ turi, bl-għajnuna ta’ informazzjoni affidabbli, konverġenti u ta’ natura probatorja, li effettivament jeżistu riskji għall-bilanċ tas-sistema tas-sigurtà soċjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-254/05, EU:C:2007:319, punt 36, kif ukoll Bressol et, C-73/08, EU:C:2010:181, punt 71).

55

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, tali prova ma tressqitx. Fil-fatt, il-Gvern Ċiprijott jillimita ruħu biex jalludi għal riskju ta’ żbilanċ fis-sistema tas-sigurtà soċjali u biex isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

56

Konsegwentement, l-ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema inkwistjoni f’din il-kawża ma huwiex iġġustifikat.

57

Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħassritx, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004, il-kriterju marbut mal-età li jinsab fl-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (Ι)/1997, li jiddiswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor jew fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni jew ta organizzazzjoni internazzjonali oħra u li għandha l-effett li tistabbilixxi trattament differenti bejn il-ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew f’organizzazzjoni internazzjonali oħra, minn naħa, u l-uffiċjali li eżerċitaw l-attività tagħhom f’Ċipru, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 4(3) TUE.

Fuq l-ispejjeż

59

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta’ Ċipru tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, l-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħassritx, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004, il-kriterju marbut mal-età li jinsab fl-Artikolu 27 tal-Liġi 97 (Ι)/1997 dwar l-irtirar, li jiddiswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor jew fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jew ta organizzazzjoni internazzjonali oħra u li għandha l-effett li tistabbilixxi trattament differenti bejn il-ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew f’organizzazzjoni internazzjonali oħra, minn naħa, u l-uffiċjali li eżerċitaw l-attività tagħhom f’Ċipru, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 4(3) TUE.

 

2)

Ir-Repubblika ta’ Ċipru hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Grieg.