KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-13 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑226/15 P

Apple and Pear Australia Ltd

Star Fruits Diffusion

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni — Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO (li kienet UASI) — Kawża għal vjolazzjoni fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji preċedenti quddiem qorti tat-trade marks Komunitarji — Relazzjoni bejn proċedimenti legali — Res judicata — Kooperazzjoni leali”

I – Introduzzjoni

1.

Apple and Pear Australia Limited (APAL) u Star Fruits Diffusion (iktar ’il quddiem “l-appellanti”) huma l-koproprjetarji ta’ tliet trade marks Komunitarji għat-tuffieħ Pink Lady. L-appellanti bdew żewġ settijiet ta’ proċedimenti sabiex jiġi prekluż l-użu tas-sinjal verbali “English Pink” minn Carolus BVBA (iktar ’il quddiem “Carolus”). Qabel kollox għamlu oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “English Pink” bħala trade mark Komunitarja ppreżentata minn Carolus lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem l-“UASI”, li sadanittant sar L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea; iktar 'il quddiem: EUIPO). Sussegwentement, fetħu kawża kontra Carolus għall-vjolazzjoni tat-trade mark Komunitarja verbali tagħhom “Pink Lady” f’qorti tat-trade marks Komunitarja. Dawk il-proċedimenti rispettivi taw lok għal żewġ deċiżjonijiet differenti fuq il-kwistjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti “Pink Lady” u s-sinjal verbali “English Pink”.

2.

Dan l-appell iqajjem, fost affarijiet oħra, kwistjoni waħda importanti ta’ prinċipju: sa fejn huwa marbut l-EUIPO, meta jiddeċiedi fi proċedimenti fuq l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, b’sentenza finali mogħtija minn qorti tat-trade marks Komunitarja wara kawża għall-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata preċedentement?

II – Il-kuntest ġuridiku

3.

Skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprovdi li “[s]kond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati”.

4.

Il-premessi 16 u 17 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ( 2 ) jistabbilixxu dan li ġej:

“(16)

Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-Uffiċċju u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen. Hemm id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.

(17)

Deċiżjonijiet kontradittorji għandom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali paralleli. Għal dan il-għan, meta l-azzjonijiet jinġiebu fl-istess Stat Membru, il-metodi ta’ kif għandu jinkiseb dan l-objettiv għandhom jinstabu ir-regoli proċedurali nazzjonali, li mhumiex preġudikati minn dan ir-Regolament, waqt li, meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu xierqa dispożizzjonijiet msejsa fuq ir-regoli ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati tar-Regolament (KE) Nru 44/200[1].”

5.

Skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament Nru 207/2009 “[a]pplikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata minn qorti fi Stat Membru u tkun saret res judicata”.

6.

Bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 207/2009 “[s]akemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trade marks Komunitarji u l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali”.

7.

L-Artikolu 96 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jistabbilixxi li:

“Il-qrati tat-trade mark Komunitarja għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

(a)

kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji;

[…]

d)

kull kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja skont l-Artikolu 100”.

8.

L-Artikolu 100 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jistabbilixxi li:

“[…]

2.   Il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tiċħad kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju li tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.

[…]

7.   Il-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qiegħda tisma l-kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tissospendi l-proċedimenti meta jsir rikors mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn u tista’ titlob lill-konvenut sabiex jippreżenta applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lill-Uffiċċju fi żmien stabbilit minnha. Jekk l-applikazzjoni ma tiġix preżentata fiż-żmien stipulat, il-proċedimenti għandhom jitkomplew; il-kontrotalba għandha titqies li ġiet irtirata. L-Artikolu 104(3) għandu japplika f’dan il-każ.”

9.

L-Artikolu 104 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jistabbilixxi li:

“(1)   Qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qiegħda tisma’ kawża msemmija fl-Artikolu 96, ħlief għal kawża għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta' vjolazzjoni għandha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddha u wara li tisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn, tissospendi il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trade mark Komunitarja tkun diġà’ qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti tat-trade marks Komunitarji oħra fuq bażi ta' kontrotalba jew jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun diġà ġiet ippreżentata l-Uffiċċju.

(2)   L-Uffiċċju, meta jkun qiegħed jisma’ applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu, sakemm ma jkunx hemm Raġunijiet speċjali sabiex jitkompla s-smiegħ, minn jeddu wara li jisma’ lill-partijiet jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u wara li jisma’ lill-partijiet l-oħrajn, iwaqqaf il-proċedimenti jekk il-validità ta’ trade mark Komunitarja tkun diġà qiegħda tiġi kontestata quddiem qorti ta’ trade marks Komunitarji oħra fuq bażi ta’ kontrotalba. Madanakollu, jekk issir talba minn waħda mill-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-qorti tat-trade marks Komunitarji, il-qorti tista’, wara li tisma’ lill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti, tissospendi il-proċedimenti. F’dan il-każ l-Uffiċċju għandu jkompli l-proċedimenti li jkunu pendenti quddiemu.”

10.

L-Artikolu 109 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jistabbilixxi li:

“(1)   Meta kawżi ta’ vjolazzjoni li jinvolvu l-istess kawża li u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, li waħda minnhom ikollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark Komunitarja waqt li l-oħra jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali:

(a)

il-qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel għandha minn jeddha tirrinunċja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti fejn it-trade marks in kwistjoni huma identiċi u validi fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi. Il-qorti li jkollha tirrinunċja l-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tissospendi l-proċedimenti jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra tkun ikkontestata;

(b)

il-qorti ħlief għal dik li jkollha ġurisdizzjoni l-ewwel tista’ tissospendi il-proċedimenti jekk it-trade marks konċernati huma identiċi u validi għal prodotti jew servizzi simili u jekk it-trade marks konċernati huma simili u validi għal prodotti jew servizzi simili jew identiċi.

(2)   Il-qorti li tkun qiegħda tisma’ kawża ta’ vjolazzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark Komunitarja għandha tiċħad il-kawża jekk deċiżjoni finali fuq il-merti tkun ingħatat fuq l-istess kawża u bejn l-istess partijiet fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali identika u valida għal prodotti u servizzi identiċi.

(3)   Il-qorti li tkun qiegħda tisma’ kawża ta’ vjolazzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali għandha tiċħad il-kawża jekk deċiżjoni finali fuq il-merti tkun ingħatat fuq l-istess kawża u bejn l-istess partijiet fuq il-bażi ta’ trade mark Komunitarja identika u valida għal prodotti u servizzi identiċi”.

III – Il-fatti u l-proċeduri

11.

L-appellanti huma l-koproprjetarji ta’ tliet trade marks Komunitarji għat-tuffieħ Pink Lady. Waħda minnhom hija sinjal verbali u t-tnejn l-oħrajn huma sinjali figurattivi. Carolus hija impriża Belġjana li tixtieq tirreġistra s-sinjal verbali “English Pink” bħala trade mark Komunitarja għat-tipi ta’ tuffieħ tagħha stess. Mill-2009, “English Pink” kellha l-istatus ta’ trade mark tal-Benelux, li proprjetarja tagħha kienet Carolus.

12.

Fit-13 ta’ Ottubru 2009, Carolus ressqet talba għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “English Pink” bħala trade mark Komunitarja mal-EUIPO. Wara din it-talba, l-appellanti bdew żewġ tipi differenti ta’ proċedimenti kontra Carolus sabiex jipproteġu t-trade marks Komunitarji eżistenti tagħhom.

13.

L-ewwel nett, fl-20 ta’ April 2010, l-appellanti ppreżentaw oppożizzjoni mal-EUIPO għar-reġistrazzjoni ta’ “English Pink” fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

14.

It-tieni nett, fit-8 ta’ April 2010, l-appellanti fetħu kawża għall-vjolazzjoni kontra Carolus quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell), adita fil-kapaċità tagħha ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji. L-appellanti jsostnu li l-użu tas-sinjal verbali “English Pink” kien illegali għaliex ħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark Komunitarja verbali preċedenti “Pink Lady”. Għalhekk talbu d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Benelux “English Pink” miżmuma minn Carolus.

15.

Dawn iż-żewġ proċedimenti eventwalment irriżultaw f’żewġ deċiżjonijiet differenti meħuda mill-EUIPO u mit-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja verbali “Pink Lady” u s-sinjal verbali “English Pink”.

16.

Minn naħa, fis-27 ta’ Mejju 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO ċaħdet l-oppożizzjoni ppreżentata mill-appellanti. Hija ddeċidiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal verbali “English Pink” u t-trade mark Komunitarja verbali “Pink Lady”.

17.

Min-naħa l-oħra, it-Tribunal de commerce de Bruxelles (qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) iddeċidiet fit-28 ta’ Ġunju 2012 li l-użu tas-sinjal verbali “English Pink” ħoloq il-probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark Komunitarja verbali preċedenti “Pink Lady”. B’riżultat ta’ dan hija ddikjarat invalida t-trade mark tal-Benelux “English Pink”, ordnat lil Carolus biex minnufih tieqaf milli tuża s-sinjal “English Pink” ġewwa l-Unjoni Ewropea u tat danni lill-appellanti fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 5000 li titħallas minn Carolus.

18.

Matul is-sajf tal-2012, l-appellant bagħtu diversi ittri lill-EUIPO fejn innotifikawh bid-deċiżjoni li tat it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell).

19.

Fid-29 ta’ Mejju 2013, b’deċiżjoni fl-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad it-talbiet li għamlu l-appellanti, mingħajr ma sar l-ebda referiment għas-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell).

20.

Sussegwentement, l-appellanti fetħu kawża għall-annullament fil-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO. It-talba prinċipali tagħhom kienet li l-Qorti Ġenerali għandha tibdel id-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi kkonfermata l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni ta’ “English Pink” bħala trade mark Komunitarja. Sussidjarjament, talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

IV – Is-sentenza kkontestata tal-Qorti Ġenerali u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

B’sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015 ( 3 ), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

22.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari li s-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) ma setgħetx titqies res judicata fir-rigward tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Bord tal-Appell tal-UASI. Hija qieset li s-suġġett u l-kawża li tqajmu fil-proċedimenti quddiem l-UASI u quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) ma kinux identiċi. Bħala tali, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut bis-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell).

23.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għaliex ma ta l-ebda każ tas-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) u ma evalwax l-impatt potenzjali ta’ din is-sentenza fuq l-eżitu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tibdel id-deċiżjoni tal-EUIPO. Qalet li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina liema deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kien meħtieġ jieħu fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti. Għalhekk ma setgħetx tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

24.

F’dan l-appell, l-appellanti qed jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali bi tliet aggravji prinċipali.

25.

L-ewwel aggravju fih seba’ motivi. Fil-qosor dawn jistgħu jiġu deskritti kif ġej: l-appellanti jissottomettu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sentenza finali tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) ma kinitx fiha nnifisha biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat liema deċiżjoni kellu jieħu l-Bord tal-Appell. Għall-appellanti, għalkemm ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ma kien fih l-ebda dispożizzjoni espliċita f’dak is-sens, is-sentenza tal-qorti tat-trade marks Komunitarji kienet vinkolanti fuq l-EUIPO għaliex kienet deċiżjoni ġudizzjarja. Huma jsostnu wkoll li ż-żewġ proċedimenti legali, jiġifieri l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI u l-kawża għall-vjolazzjoni quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) kienu identiċi billi kellhom l-istess kawża, l-istess suġġett u l-istess partijiet. L-appellanti jsostnu li l-legalità tad-deċiżjoni tal-EUIPO ma kellhiex tiġi evalwata biss fir-rigward tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja iżda l-ewwel u qabel kollox fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-awtorità tar-res judicata.

26.

Bħala t-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-konklużjoni li l-EUIPO ma kinitx marbuta bis-sentenza finali ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji tikser l-aspettattivi leġittimi tagħhom u tfisser ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ċerezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba.

27.

Fit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 65(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja meta rrifjutat li tibdel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

V – Kunsiderazzjonijiet

28.

Għalkemm ippreżentati bħala aggravji separati, l-ewwel u t-tieni aggravji huma relatati mill-qrib. It-tnejn jikkontestaw, minn angoli differenti, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) ma kellhiex l-awtorità ta’ res judicata u għalhekk vinkolanti fuq il-Bord tal-Appell tal-EUIPO. Għaldaqstant se nindirizza l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell flimkien (taqsima A), qabel ma ngħaddi għat-tielet aggravju (taqsima B).

A – L-ewwel u t-tielet aggravji

29.

L-awtorità ta’ res judicata hija prinċipju organizzattivi meħtieġ ta’ kwalunkwe ordinament ġuridiku koerenti. Qorti (u, f’xi ċirkustanzi, awtorità amministrattiva) adita b’tilwima li diġà ngħatat deċiżjoni finali dwarha għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni. Madankollu, sabiex ikun hemm ostakolu proċedurali bħal dan, għandu jkun hemm identità bejn l-ewwel u t-tieni tilwima. Għandu jkun hemm identità ta’ proċedimenti fiż-żewġ kawżi. F’dan il-każ partikolari, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jista’ jiġi attivat biss jekk kien hemm identità ta’ proċedura bejn il-kawża ta’ vjolazzjoni quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) u l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata quddiem l-EUIPO.

30.

Għaldaqstant, il-kwistjoni prinċipali fl-appell preżenti hija d-definizzjoni tal-identità tal-proċedimenti skont ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

1. Identità tal-proċedimenti u awtorità ta’ res judicata

31.

Ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għandu l-għan li jipprevjeni li jittieħdu deċiżjonijiet inkonsistenti mill-qrati tat-trade marks Komuntarji, mill-awtoritajiet nazzjonali, jew mill-EUIPO, sabiex b’hekk jiġi żgurat li n-natura unitarja tat-trade mark Komunitarja ma tiġix ippreġudikata ( 4 ). Dan l-għan huwa rifless f’numru ta’ dispożizzjonijiet proċedurali speċifiċi fir-Regolament, li jridu li jiġu evitati deċiżjonijiet potenzjalment irrikonċiljabbli.

32.

Il-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata huwa rifless fl-Artikolu 56(3) u l-Artikolu 100(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw il-kriterji għall-identità tal-proċedimenti u l-konsegwenzi marbutin ma’ determinazzjoni bħal din.

33.

L-Artikolu 56(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jistabbilixxi li talba lill-UASI għar-revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tkun inammissibbli jekk talba dwar l-istess suġġett u kawża, u li tinvolvi l-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata minn qorti fi Stat Membru.

34.

Bl-istess mod, l-Artikolu 100 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għandu l-għan li jevita sitwazzjonijiet fejn kemm l-UASI kif ukoll qorti tat-trade marks Komunitarji jintalbu jevalwaw il-validità tal-istess trade mark Komunitarja. B’mod partikolari, l-Artikolu 100(2) jirrikjedi li qorti tat-trade marks Komunitarji tiċħad kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk deċiżjoni meħuda mill-UASI li tinvolvi l-istess suġġett u l-istess kawża u li tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.

35.

Huwa ċar li l-ebda waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet ma hija applikabbli fil-każ preżenti. Madankollu, huma jipprovdu definizzjoni prattika ta’ x’jikkostitwixxi identità ta’ proċedimenti skont ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. L-identità li tagħti lok għall-awtorità ta’ res judicata tikkonsisti minn tliet elementi: l-istess suġġett, l-istess kawża, u l-istess partijiet ( 5 ).

36.

Din il-kunċett tal-identità ta’ proċedimenti ma hijiex limitata għar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Tinsab ukoll f’oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament dwar id-Disinji Komunitarji ( 6 ), jew, iktar importanti, ir-Regolament Nru 44/2001 ( 7 ).

37.

Dwar il-konsegwenzi ġejjin mill-identità tal-proċedimenti taħt ir- Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, l-effett tal-awtorità ta’ res judicata huwa marbut mal-ewwel deċiżjoni finali maħruġa jew fil-forma ta’ sentenza mogħtija minn qorti jew fil-forma ta’ deċiżjoni amministrattiva meħuda mill-EUIPO. Għaldaqstant, talbiet sussegwenti li jinvolvu l-istess partijiet, suġġetti u kawżi għandhom jew jitqiesu inammissibbli jew jiġu miċħudin.

38.

Madankollu, għandi nżid ngħid li r-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ma jirregolax biss sitwazzjonijiet fejn it-tliet elementi kollha ta’ identità huma preżenti (l-istess suġġett, l-istess kawża, u l-istess partijiet) sabiex b’hekk tiġi attivata l-awtorità ta’ res judicata. Ir-Regolament fih ukoll diversi dispożizzjonijiet oħrajn li għandhom l-għan li jipprevjenu li jittieħdu deċiżjonijiet kontradittorji fis-sistema tat-trade mark tal-Komunità anki meta, strettament, ma jkunux preżenti t-tliet elementi kollha tal-identità tal-proċedimenti.

39.

L-ewwel nett, l-Artikolu 104 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, bl-isem “Regoli speċifiċi dwar kawżi relatati” jobbliga lill-qrati tat-trade marks Komunitarji u lill-EUIPO, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali sabiex titkompla s-seduta, li jissospendu l-proċedimenti tagħhom fejn tkun tpoġġiet fid-dubju diġà l-validità tat-trade mark Komunitarja quddiem qorti tat-trade marks Komunitarji oħra minħabba kontrotalba jew quddiem l-Uffiċċju permezz ta’ applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

40.

Jidher li jsegwi kemm mit-titolu kif ukoll mill-kontenut tal-Artikolu 104 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja li dan jirregola sitwazzjonijiet fejn ma hemmx identità ta’ proċedimenti fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda espliċitament “kawżi relatati” u mhux azzjonijiet identiċi. Dak il-kliem jindika li l-azzjonijiet inkwistjoni huma differenti anki għalkemm il-validità ta’ trade mark Komunitarja hija s-suġġett taż-żewġ tipi ta’ proċedimenti.

41.

It-tieni nett, l-Artikolu 109 tar-Regolament jirregola azzjonijiet relatati fil-forma ta’ azzjonijiet ċivili simultanji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali. Jgħid li meta jsiru kawżi għall-vjolazzjoni li jinvolvu l-istess kawża u l-istess partijiet fil-qrati ta’ Membri Stati differenti, waħda adita abbażi tat-trade mark Komunitarja u l-oħra adita abbażi ta’ trade mark nazzjonali, il-qorti li ma tkunx dik adita l-ewwel għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni jew tista’ tissospendi l-proċedimenti tagħha skont is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, jekk sentenza finali fuq il-mertu tkun ingħatat fuq l-istess tilwima u bejn l-istess partijiet, il-qorti li tisma’ kawża għall-vjolazzjoni fuq il-bażi tat-trade mark nazzjonali jew Komunitarja għandha tiċħad il-kawża.

42.

Skont l-Artikolu 109 parti insodisfatta b’hekk ma titħalliex tiftaħ kawża t-tieni darba fuq l-istess kwistjoni kontra l-istess parti avversa, anki jekk is-suġġett ma jkunx l-istess billi, formalment, l-azzjoni l-ġdida hija bbażata fuq it-trade mark Komunitarja minflok it-trade mark nazzjonali, jew viċi versa.

43.

Iż-żewġ artikoli appena ċċitati jissuġġerixxu li, lil hinn mill-identità (sħiħa) tal-proċedimenti, fejn l-istess suġġett, l-istess kawża, u l-istess partijiet huma preżenti, ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jkopri wkoll sitwazzjonijiet fejn hemm sovrappożizzjoni fil-mertu bejn tilwim parallel jew suċċessiv dwar it-trade marks Komunitarji. Għalhekk, ir-Regolament jirrikonoxxi l-interkonnessjoni tal-effetti legali ta’ trade marks Komunitarji minn naħa, u ta’ trade marks nazzjonali min-naħa l-oħra.

44.

Dawn il-prinċipji wkoll ma humiex uniċi għar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, iżda huma preżenti anki f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Mekkaniżmi għas-sospensjoni tal-proċedimenti jew anki r-rinunzja tal-ġurisdizzjoni jeżistu wkoll taħt ir-Regolament Nru 44/2001 ( 8 ), li għalih jirreferu espliċitament il-premessi 16 u 17 flimkien mal-Artikolu 94 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Għalhekk ir-Regolament ta’ qabel jista’ jipprovdi l-eqreb analoġija possibbli għar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja dwar l-awtorità ta’ res judicata u proċeduri relatati.

45.

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi li, “1. Meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti mill-ewwel qorti li tkun invokata l-ewwel għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti tagħha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata. 2. [Meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata tiġi stabbilita, kwalunkwe qorti minbarra l-qorti invokata l-ewwel għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

46.

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, “1. Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti quddiem qrati fi Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti minbarra dik invokata l-ewwel tista’ taġġorna l-proċedimenti tagħha. […] 3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ sentenzi rrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati” ( 9 ).

47.

Skont l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, hemm distribuzzjoni ċara ta’ kompetenzi bejn il-qrati. L-ewwel nett, fejn hemm l-identità tal-proċeduri, kull qorti li ma tkunx il-qorti l-ewwel adita għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur il-qorti li tkun ġiet adita l-ewwel. It-tieni nett, f’tip oħra ta’ kawżi li ma humiex identiċi imma konnessi mill-qrib, il-qrati għandhom id-diskrezzjoni biex jiddeċiedu jekk jissospendux il-proċeduri tagħhom filwaqt li l-proċeduri quddiem il-qorti adita l-ewwel ikomplu.

48.

Sabiex nirrikapitula, jistgħu jiġu ddifferenzjati taħt ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja żewġ sitwazzjonijiet, skont il-grad ta’ interrelazzjoni tal-proċeduri. L-ewwel nett, hemm sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 56(3) u l-Artikolu 100 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (u b’analoġija anki fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001). Dawn jirrigwardaw drabi meta hemm identità tal-proċeduri, jiġifieri, meta hemm preżenti tliet elementi ta’ identità: l-istess suġġett, l-istess kawża, u l-istess partijiet. Jekk dawn l-elementi huma preżenti fl-istess ħin, tiġi attivata l-awtorità ta’ res judicata. Dan iwassal għall-konsegwenza li kull korp ġudizzjarju jew amministrattiv, bħall-EUIPO, ħlief għall-korp l-ewwel adit ikun obbligat li jirrinunzja l-ġurisdizzjoni jew jissospendi l-proċeduri tiegħu.

49.

It-tieni nett, anki fl-assenza ta’ identità sħiħa ta’ proċeduri, hemm kategorija inqas stretta ta’ azzjonijiet relatati jew konnessi, bħal dawk is-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 104, l-Artikolu 109(1)(b) u l-Artikolu 109(2) u (3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (u wkoll, b’analoġija, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001). Fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu f’din il-kategorija inqas stretta, l-awtorità li tiddeċiedi għandha d-diskrezzjoni li tissospendi l-proċeduri pendenti u tistenna d-deċiżjoni tal-awtorità l-ewwel adita.

2. Identità tal-proċedimenti fil-każ preżenti

50.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, issa se nagħmel evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni.

51.

Din il-kawża tirrigwarda sitwazzjoni proċedurali speċifika, li ma hija koperta bl-ebda dispożizzjoni tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jiġifieri l-interrelazzjoni bejn kawża għal vjolazzjoni f’qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward ta’ trade mark Komunitarja preċedenti u trade mark nazzjonali fuq naħa, u proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI li jinvokaw l-istess trade mark Komunitarja preċedenti u l-istess sinjal bħala t-trade mark nazzjonali li fir-rigward tagħha tintalab ir-reġistrazzjoni fil-livell Komunitarju, min-naħa l-oħra.

52.

Anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika li tirregola din is-sitwazzjoni fir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja nnifsu, l-awtorità tar-res judicata teħtieġ li jkun hemm identità ta’ proċedimenti bejn azzjoni ta’ vjolazzjoni u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

53.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawn. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li ż-żewġ tipi ta’ kawżi ma kinux identiċi u li, għaldaqstant, l-EUIPOI ma kienx marbut bid-deċiżjoni tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell).

54.

Fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li, “is-suġġetti – jiġifieri t-talbiet – rispettivi tal-każijiet eżaminati mill-imsemmija qorti u mill-UASI min-naħa l-oħra ma humiex identiċi. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża ta’ vjolazzjoni quddiem il-qorti Belġjana kien id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Benelux ENGLISH PINK u l-projbizzjoni milli jsir użu minn din it-trade mark fit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li s-suġġett tal-proċedimenti quddiem l-UASI kien l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja English pink”.

55.

Barra minn hekk, fil-punt 66, il-Qorti Ġenerali kompliet tgħid li l-“kawżali – jiġifieri l-bażijiet tat-talbiet – ta’ dawn iż-żewġ każijiet huma wkoll differenti. Minn naħa, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-qorti kummerċjali ta’ Brussell, il-bażi tat-talba tar-rikorrenti sabiex tingħata l-ordni intiża li tfixkel il-vjolazzjoni tat-trade marks [...] kienet l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, il-bażi tat-talba sabiex it-trade mark Benelux English Pink tiġi ddikjarata invalida kienet l-Artikolu 2.3 u l-Artikolu 2.28(3)(b) tal-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali [...] . L-imsemmija qorti qieset li kien hemm azzjoni ta’ vjolazzjoni tat-trade marks Komunitarji ċċitati iktar 'il fuq. Hija għaldaqstant iddeċidiet li t-trade mark Benelux English Pink tiġi ddikjarata invalida u pprojbiet l-użu ta’ dan is-sinjal fit-territorju kollu tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI, ir-rikorrenti opponew ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida u bbażaw ruħhom, għal din ir-raġuni, fuq dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 5 tal-imsemmija regolament”.

56.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qalet ġustament li ma kienx hemm identità tas-suġġett jew tal-kawża.

57.

L-ewwel nett, fir-rigward tas-suġġett ( 10 ) jingħad li kawżi għal vjolazzjoni u proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandhom għanijiet kemxejn differenti. Fuq naħa, il-kawżi għal vjolazzjoni jistgħu jitressqu fil-qrati tat-trade marks Komunitarji mill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti kontra l-utent ta’ sinjal li joħloq riskju ta’ konfużjoni mat-trade mark Komunitarja sabiex tinkiseb projbizzjoni ta’ dan l-użu ta’ ħsara fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jirrigwardaw il-proċedura ta’ reġistrazzjoni quddiem l-EUIPO ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja. Dawk il-proċedimenti għandhom l-għan li jipprevjenu r-reġistrazzjoni, li hija att amministrattiv. Għalhekk, anki għalkemm iż-żewġ gruppi ta’ kawżi bla dubju jikkondividu diversi karatteristiċi, ma humiex identiċi ( 11 ).

58.

Dan jidher ukoll fil-kawża tal-lum fir-rigward tat-talbiet li saru: l-għan speċifiku skont it-talba magħmula mill-appellanti quddiem it-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) kien id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ żewġ trade marks tal-Benelux. Madankollu, l-għan tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-EUIPO kien li tiġi prekluża r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida.

59.

It-tieni nett, dwar il-kawża, il-qrati tat-trade marks Komunitarji u l-EUIPO japplikaw regoli differenti. Fil-kawża tal-lum, filwaqt li tal-ewwel applikaw ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja kif ukoll il-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Benelux sabiex tiġi ddikjarata invalida t-trade marka tal-Benelux “English Pink”, tal-aħħar applika biss ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ( 12 ).

60.

Barra minn hekk, l-EUIPO u t-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) ma applikawx l-istess dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja nnifsu. It-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) applikat l-Artikolu 98 u l-Artikolu 102 tar-Regolament filwaqt li l-EUIPO applika l-Artikoli 8(1)(b) u (5), l-Artikolu 41 u l-Artikolu 42.

61.

Fl-aħħar nett, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni hija element kemm ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni kif ukoll proċedimenti ta’ vjolazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-evalwazzjoni tkun differenti skont it-tip ta’ proċedimenti. L-evalwazzjoni bilfors trid tkun retrospettiva u iktar konkreta f’azzjonijiet għall-projbizzjoni tal-użu ta’ sinjal fejn “din l-evalwazzjoni għandha tiġi limitata għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw dan l-użu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk użu ieħor ta’ dan l-istess sinjal f’ċirkustanzi differenti jistax ukoll joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni” ( 13 ). Bil-maqlub, l-evalwazzjoni bilfors tkun prospettiva u iktar ġenerali fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, “billi jistgħu jvarjaw fiż-żmien u jiddependi fuq dawk ix-xewqat tal-proprjetarji tal-marki f’oppożizzjoni, mhux xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari fattwali fl-analiżi prospettiva tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawk il-marki” ( 14 ).

62.

Għalhekk, fl-assenza ta’ identità ta’ kawżi u ta’ suġġetti, l-awtorità ta’ res judicata ma tistax tiġi applikata f’din il-kawża.

63.

Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-EUIPO ma kienx marbut bis-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles.

3. Lil hinn mill-identità formali: kooperazzjoni sinċiera u leali fi ħdan is-sistema tat-trade mark Komunitarja.

64.

L-evalwazzjoni tal-identità tal-proċedimenti li hija l-unika attivazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, hija minnha nnifisha formali u ristretta fil-portata tagħha. Dan huwa loġiku: billi l-prinċipju jirrigwarda ċ-ċarezza u l-prevedibbiltà, l-interpretazzjoni tiegħu għandu jkun prevedibbli u pjuttost ristrett, u jiffoka strettament fuq l-evalwazzjoni tal-preżenza tat-tliet elementi kostituttivi kollha tiegħu. Iżda, kif inhu diġà apparenti mill-analiżi li saret iktar ’il fuq, id-dmir kemm tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll Ewropej li joperaw fi ħdan is-sistema tat-trade marks Komunitarja ma huwiex limitat sabiex jiġu evitati formalment deċiżjonijiet kontradittorji. Kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament, kif ukoll fuq il-livell tad-dritt primarju mill-Artikolu 4(3) TUE, l-istess awtoritajiet huma obbligati li jieħdu ħsieb li jipprevjenu li jingħataw deċiżjonijiet li, għalkemm mhux identiċi fil-forma, huwa diffiċli li jiġu rrikonċiljati fil-mertu. .

65.

Jista’ jingħad ħafna f’dan ir-rigward f’din il-kawża. Għalkemm ma hemmx identità formali tal-proċedimenti, wieħed ma jistax jittraskura s-sovrappożizzjoni sostantiva kunsiderevoli li teżisti bejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO u s-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell). Ċertament jikkwalifikaw bħala azzjonijiet relatati u dan il-fatt kien apparentement magħruf miż-żewġ awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet involuti.

66.

L-ewwel nett, kif il-Qorti Ġenerali qalet fil-punti 30 sa 34 tas-sentenza tagħha, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien ġie debitament informat bid-deċiżjoni preċedenti tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell). Iżda, bi ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, huwa naqas milli jeħodha inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe mod fid-deċiżjoni sussegwenti tiegħu.

67.

Naqbel għal kollox ma’ din il-konklużjoni. Il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO huma meħtieġa li jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi u l-fatti kollha ġodda li jippreżentawlhom. Huma ma jagħmlux stħarriġ ġudizzjarju limitat tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza iżda, bis-saħħa tal-kontinwità funzjonali bejn l-ewwel u t-tieni istanzi tal-EUIPO, appelli de novo ( 15 ). Huma meħtieġa li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-partijiet introduċew jew fl-ewwel istanza jew fl-appell. Għaldaqstant, ir-Raba’ Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) fir-raġunament tiegħu.

68.

Dan bl-ebda mod ma jimmina l-awtonomija tal-EUIPO. Ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jibqa’ l-kejl deċiżiv meta wieħed jiġi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Iżda, deċiżjoni minn qorti tat-trade marks Komunitarji li tittratta fil-mertu l-istess kwistjoni, jiġifieri l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-istess żewġ sinjali, hija fatt rilevanti għall-finijiet tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Dan huwa iktar u iktar rilevanti peress li huwa possibbli li timmaġina li l-istess qorti tat-trade marks Komunitarji tista’, minħabba l-ġurisdizzjoni tagħha, tintalab tevalwa għat-tieni darba l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali verbali “English Pink” u “Pink Lady”, billi l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti seta’ wkoll jagħmel proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata iktar tard ( 16 ).

69.

Għandu jingħad b’mod ċar ukoll li l-obbligu “li jittieħed inkunsiderazzjoni” ma jammontax għal “ikun marbut” mis-sustanza u għalhekk ikun obbligat li jasal għall-istess konklużjoni fuq il-mertu. Il-konklużjoni skomda iżda loġika ta’ din id-differenzazzjoni hija li l-EUIPO jista’ potenzjalment jasal għal konklużjoni sostantiva differenti sa fejn għandha x’taqsam il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ sinjali fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja milli dik li qorti tat-trade marks Komunitarji tasal għaliha fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti.

70.

Din il-konklużjoni hija skomda għaliex ċertament ma hijiex deżiderabbli. Iżda, fil-qafas proċedurali kurrenti, hija possibbli. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, jekk ma hemmx identità meta jiġi deċiż il-mertu, allura, loġikament, ma jista’ jkun hemm l-ebda identità fil-livell tal-infurzar. F’termini konkreti, il-projbizzjoni tal-użu ta’ sinjal bħal trade mark nazzjonali ma tistax tipprekludi li l-istess sinjal jintuża bħala trade mark Komunitarja.

71.

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza finali tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) naturalment ma hijiex affettwata bit-tilwima preżenti. Iżda, fuq livell ġenerali, wieħed jista’ jżid jgħid li qorti tat-trade marks Komunitarji li ssib ruħha f’sitwazzjoni simili bħal dik tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) ikun aħjar li tissospendi l-proċedimenti tagħha u tistenna deċiżjoni fuq il-kwistjoni mill-EUIPO. Fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward fir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja nnifsu, qorti nazzjonali li taġixxi bħala qorti tat-trade marks Komunitarji tista’ tuża d-diskrezzjoni tagħha u ċertament tordna sospensjoni tal-proċedimenti skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, billi ssir referenza b’analoġija għall-Artikoli 100(7), 104 u 109(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Setgħet ordnat ukoll miżuri provviżorji u protettivi matul is-sospensjoni tal-proċedimenti skont l-Artikolu 104(3) u l-Artikolu 109(4) tar-Regolament.

72.

Bħala konklużjoni, din il-kawża ċertament ma hijiex eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni sinċiera u leali fi ħdan l-Unjoni inġenerali u speċifikament fi ħdan is-sistema tat-trade marks Komunitarji – sakemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni reċiproka mhux se jiġi ssostitwit bil-prinċipju ta’ indifferenza reċiproka. Iżda, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni proċedurali speċifika fir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja nnifsu, u fl-assenza ta’ identità tal-proċedimenti li jobbligaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-awtorità ta’ res judicata bejn iż-żewġ proċedimenti inkwistjoni, jiena tal-fehma li s-sistema kurrenti, jekk tittieħed bis-serjetà, tipprovdi diġà soluzzjoni għal dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet: kemm l-EUIPO kif ukoll il-qrati tat-trade marks Komunitarji, huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni proċedimenti relatati jew konnessi jew deċiżjonijiet li jingħataw mill-awtorità l-oħra u biex jirriflettu dan il-fatt fl-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet fil-mertu eventwali tagħhom.

B – It-tielet aggravju

73.

Fir-rigward tat-tielet aggravju tal-appell dwar il-ksur tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, inqis li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta rrifjutat li tiddeċiedi l-kawża nnifisha.

74.

Is-setgħa tal-Qorti Ġenerali li tibdel deċiżjonijiet ma għandhiex bħala effett li tagħtiha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell bir-raġunament tagħha u lanqas li twettaq evalwazzjoni ta’ affarijiet li l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni fuqhom ( 17 ). L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla ta’ deċiżjoni għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi ta’ kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ li jadotta.

75.

Fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ma ħax inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-Tribunal de commerce de Bruxelles (il-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell) li kienet tkun ta’ effett sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dik is-sentenza ma tistax tiġi ssostitwita b’dik tal-Qorti Ġenerali.

76.

Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-EUIPO f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istess japplika, a fortiori, għall Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u tagħti sentenza fuq il-merti tal-oppożizzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura lill-Bord tal-Appell.

77.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nissuġġerixxi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

VI – Spejjeż

78.

Peress li l-appellanti tilfu l-appell tagħhom, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk tal-EUIPO. Madankollu, wieħed ma jridx jinsa li din it-tilwima qamet parzjalment minħabba n-nuqqasijiet kunsiderevoli min-naħa tad-deċiżjoni tal-EUIPO. Għaldaqstant, jidhirli li huwa ekwu li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli ta’ Proċedura.

VII – Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

1)

tiċħad l-appell;

2)

tikkundanna lil -kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78/1).

( 3 ) Sentenza Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs L-UASI vs Carolus C. (English pink) (T‑378/13, EU:T:2015:186).

( 4 ) Ara l-premessa 16 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Fuq in-natura unitarja tas-sistema tat-trade mark Komunitarja inġenerali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón ippreżentati fil-kawża DHL Express (EU:C:2010:595, punti 18 sa 26).

( 5 ) Għandu jiġi indikat li t-terminoloġija użata għall-elementi individwali tal-awtorità ta’ res judicata hija kemmxejn differenti fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi u għalhekk tista’ tikkawża ċerta konfużjoni. B’mod partikolari, il-verżjoni Ingliża tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja tuża l-kliem “subject matter”, il-verżjoni Franċiża tuża “l’objet” sabiex tesprimi l-istess element. F’dawn il-konklużjonijiet, li huma redatti bl-Ingliż, qiegħed inżomm it-terminoloġija li daħlet il-verżjoni Ingliża tar-Regolament, minkejja l-fatt li t-tifsira naturali tal-kliem tista’ tkun kemmxejn differenti. Għall-finijiet ta’ din il-kawża nifhem li “kawża” qiegħda tirreferi għall-fatti u d-dispożizzjonijiet legali li wieħed jistrieħ fuqhom bħala l-bażi tat-talba, u s-“suġġett” bħala li jirreferi għat-tnejn, kemm l-oġġett tal-azzjoni fis-sens tar-riżultat li min qed jagħmel it-talba qed jimmira għalih kif ukoll l-ħaġa partikolari li hija s-suġġett tal-kawża.

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). Ara b’mod speċjali l-Artikolu 52(3) u 86(5).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Dan ir-regolament ġie kkodifikat bir-Regolament Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU L 351, p. 1). Ara, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1986, is-sentenzi Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punti 14 sa 17); Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punti 38 sa 45); Drouot assurances (C‑351/96, EU:C:1998:242, punt 19); Gantner Electronic (C‑111/01, EU:C:2003:257, punti 24 sa 32); Gasser (C‑116/02, EU:C:2003:657, punt 41); Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punti 34 sa 39). Ara, taħt ir-Regolament Nru 44/2001, is-sentenzi Nipponkoa Insurance Co. (Europe) (C‑452/12, EU:C:2013:858, punti 42 sa 44); Aannemingsbedrijf Aertssen ud Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punti 43 sa 46).

( 8 ) ARAB– Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Dan ir-Regolament ġie rriformulat mir-Regolament Nru 1215/2012, tat-12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU L 351/1).

( 9 ) Fir-regolament irriformulat, l-Artikoli 27 u 28 saru l-Artikoli 29 u 30. It-tibdil li ġie introdott ma għandu l-ebda impatt fuq l-analiżi preżenti.

( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( 11 ) Għal darba oħra, għal analoġija usa’ fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara s-sentenzi Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punti 15 sa 17); Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punti 41 sa 44); Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punti 35 sa 36). Ara wkoll, f’kuntest ieħor imma fejn jissemma tħassib simili, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 43) u Total vs Il-Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punti 39 sa 41).

( 12 ) Ara b’mod ġenerali d-digriet Emram vs EUIPO (C‑354/11 P, EU:C:2012:167, punti 92 et seq); is-sentenza f’Alcon vs EUIPO (C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65).

( 13 ) Sentenza O2 Holdings & O2 (UK) (C‑533/06, EU:C:2008:339, punt 67).

( 14 ) Sentenza T.I.M.E. ART v OHIM (C‑171/06 P, EU:C:2007:171, punt 59).

( 15 ) Sentenza EUIPO vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 57).

( 16 ) Sentenza Fédération Cynologique Internationale (C‑561/11, EU:C:2013:91).

( 17 ) Sentenza Edwin vs EUIPO (C–263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).