SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Aġenti kummerċjali indipendenti — Direttiva 86/653/KEE — Artikolu 17(2) — Indennizz tal-klijentela — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dħul ta’ klijenti ġodda — Kunċett ta’ ‘klijenti ġodda’ — Klijenti tal-prinċipal li jixtru għall-ewwel darba l-merkanzija li t-tmexxija tagħha ġiet fdata lill-aġenti kummerċjali”

Fil-Kawża C‑315/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Marchon Germany GmbH

vs

Yvonne Karaszkiewicz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Marchon Germany GmbH, minn C. Stempfle, C. Nitsche, A. Zafar u A. Herbertz,avukati,

għal Karaszkiewicz, minn G. Heinicke, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler kif ukoll minn J. Kemper u J. Mentgen, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.‑P. Wojcik u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Marchon Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Marchon”) u Y. Karaszkiewicz dwar l-indennizz tal-klijentela mitlub minn din tal-aħħar mingħand Marchon wara x-xoljiment tal-kuntratt tagħha ta’ aġent kummerċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 89/665 jipprevedu dan li ġej:

“Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti.

Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw kunflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdu li:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, aġent kummerċjali għandu jfittex li jħares l-interessi tal-prinċipal tiegħu u jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.

2.   “B’mod partikolari, aġent kummerċjali għandu:

a)

jagħmel sforzi approprjati biex jinnegozja u, meta approprjat, jikkonkludi l-operazzjonijiet li jkun istruwit jieħu ħsieb;

[...]”

6

L-Artikolu 17(1) u (2) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt tal-aġenzija, indennizzat skont il-paragrafu 2 jew ikkunpensat għad-danni skont il-paragrafu 3.

a)

L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u

il-ħlas ta’ din l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. [...]

b)

L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perjodu inkwistjoni;

[...]”

Id-dritt Ġermaniż

7

Skont l-Artikolu 89b(1) u (2) tal-kodiċi tal-kummerċ (Handelsgesetzbuch):

“Wara tmiem il-kuntratt, l-aġent kummerċjali jista’ jeżiġi mingħand il-prinċipal kumpens xieraq meta, u sa fejn,

1.

il-prinċipal jikseb, anki wara tmiem il-kuntratt, benefiċċji sostanzjali mir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu ma’ klijenti ġodda avviċinati mill-aġent kummerċjali,

2.

il-ħlas ta’ din l-indennizz għandu jkun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti.

Jekk l-aġent kummerċjali jkun espanda l-volum tan-negozju tiegħu ma’ klijent eżistenti b’mod tant sinjifikanti li, f’termini kummerċjali, huwa ekwivalenti għall-akkwist ta’ klijent ġdid, hu jitqies daqs li kieku ġab klijent ġdid.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ grossista fis-settur tal-frejms tan-nuċċalijiet, Marchon tikkummerċjalizza gamma ta’ frejms ta’ mudelli, ditti u kollezzjonijiet differenti tramite klijentela stabbilita ta’ ottiċi.

9

Bil-għan li tiżgura d-distribuzzjoni tal-frejms tagħha, Marchon tagħmel użu mis-servizzi ta’ diversi aġenti kummerċjali. Għalhekk hija tafda lil kull wieħed minnhom bil-kompitu li jinnegozja l-bejgħ mhux tal-frejms kollha tal-gamma tagħha, iżda biss ta’ dawk li jappartjenu lil ditta partikolari waħda jew iktar. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-istess settur ġeografiku, kull aġent kummerċjali huwa f’kompetizzjoni ma’ dawk li Marchon fdatilhom il-bejgħ tal-frejms tad-ditti l-oħrajn tagħha.

10

Y. Karaszkiewicz, li eżerċitat il-funzjonijiet ta’ aġent kummerċjali ta’ Marchon bejn ix-xahar ta’ Settembru 2008 u x-xhur ta’ Ġunju 2009, kienet inkarigata minn din tal-aħħar bil-bejgħ tal-frejms tad-ditti C.K. u F. Għal dan l-għan, Marchon kienet ipprovditilha lista’ ta’ ottiċi li magħhom hija diġà kellha relazzjonijiet kummerċjali marbuta ma’ ditti oħra ta’ frejms. Y. Karaszkiewicz kienet tinnegozja l-bejgħ ta’ frejms li ġew fdati lilha essenzjalment ma’ dawn l-ottiċi.

11

Wara t-tmiem tal-kuntratt tagħha, Y. Karaszkiewicz talbet mingħand Marchon indennizz tal-klijentela abbażi tal-Artikolu 89b tal-kodiċi kummerċjali. F’dan ir-rigward, hija sostniet b’mod partikolari li l-ottiċi li kienu xtraw għall-ewwel darba, tramite l-intervent tagħha, frejms tad-ditti C. K. jew F. kellhom jitqiesu li huma klijenti ġodda, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li dawn kienu diġà inklużi fil-lista ta’ klijenti li din il-kumpannija kienet ipprovditilha.

12

Il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ Munich I, il-Ġermanja) laqgħet it-talba ta’ Y. Karaszkiewicz filwaqt li llimitat madankollu, abbażi tal-ekwità, l-ammont tal-indennizz mogħtija għal nofs dak li ntalab mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, dik il-qorti kkunsidrat li x-xogħol ta’ negozju mwettaq minn din tal-aħħar ġie ffaċilitat mill-fatt li l-klijenti l-ġodda li hija tippretendi li kisbet għal Marchon kienu diġà jafu lil din il-kumpannija.

13

Marchon appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ München). Peress li din tal-aħħar ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni, din il-kumpannija ppreżentat rikors ta’ “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja).

14

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-eżitu tar-rikors jiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, u b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk aġent kummerċjali għandux jitqies li kiseb klijenti ġodda, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

15

Skont dik il-qorti, il-kunċett ta’ “klijent ġodda” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jista’ jiġi llimitat għall-persuni li, qabel l-intervent tal-aġent kummerċjali, ma jkollhom l-ebda relazzjoni kummerċjali mal-prinċipali. Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-istess dispożizzjoni għandhiex interpretazzjoni iktar wiesgħa meta, fid-dawl tal-istruttura tad-distribuzzjoni tal-prinċipali, l-aġent kummerċjali jkun żgura d-distribuzzjoni ta’ parti biss mill-merkanzija ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, fid-dawl tal-ispirtu u tal-finalità tad-Direttiva 86/653, u b’mod partikolari tal-għan ta’ protezzjoni tal-aġent kummerċjali fir-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipali, jistgħu jitqiesu li huma klijenti ġodda fis-sens tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-Direttiva, il-persuni sa dakinhar ma kienu xtraw l-ebda merkanzija li l-promozzjoni tagħha kienet ġiet fdata lill-aġent kummerċjali, minkejja t-tranżazzjonijiet li saru bejn dawn il-persuni u dan il-prinċipali fir-rigward ta’ merkanzija differenti.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva [...] 86/653/KEE [...]għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-‘klijenti ġodda’ jistgħu jkunu wkoll klijenti introdotti mill-aġent kummerċjali li diġà jwettqu tranżazzjonijiet mal-prinċipal fir-rigward ta’ prodotti mill-firxa ta’ prodotti ddistribwiti minn dan tal-aħħar iżda mhux f’dak li jikkonċerna l-prodotti li fir-rigward tagħhom il-prinċipal ikun inkariga esklużivament lill-aġent kummerċjali?”

Fuq it-talba intiża għall ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

17

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2004, Marchon talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mil-ġdid tal-proċedura orali.

18

Din il-kumpannija ssostni, essenzjalment, li ċerti kunċetti użati mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, jiġifieri dawk ta’ “prodott”, ta’ “kategorija ġdida ta’ prodotti” u ta’ “ditta”, ma ġewx diskussi mill-partijiet.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

20

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fir-rigward ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fir-rigward ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha.

21

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunċetti ta’ “prodott”, ta’ “kategorija ġdida ta’ prodotti” u ta’ “ditta”, użati mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-partijiet kellhom l-okkażjoni sħiħa, fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u waqt is-seduta, li jiddiskutu dawn il-kunċetti.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tinlaqa’ t-talba ta’ Marchon intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq id-domanda preliminari

23

Qabel ma ssir l-analiżi tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 86/653 tarmonizza d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi tal-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ aġenzija u b’mod partikolari, fl-Artikoli 13 sa 20 tagħha, dawk li jirregolaw il-konklużjoni u t-tmiem ta’ tali kuntratt.

24

Fir-rigward tat-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni tal-aġent kummerċjali billi jippermettilhom li jagħżlu bejn żewġ possibbiltajiet, jew indennizz iddeterminat skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri s-sistema tal-indennizz tal-klijentela, jew kumpens għad-danni skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri s-sistema tal-kumpens għad-danni (sentenza Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 24).

25

Huwa stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet is-sistema tal-indennizz tal-klijentela.

26

Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klijenti introdotti mill-aġent kummerċjali għall-merkanzija li huwa awtorizzat mill-prinċipal li jbigħ jistgħu jitqiesu li huma “klijenti ġodda”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan, anki f’każ li dawn il-klijenti jkollhom diġà relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-prinċipal fuq merkanzija oħra.

27

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal indennizz jekk u sa fejn ikun introduċa klijenti ġodda lill-prinċipal jew żviluppa b’mod kunsiderevoli t-tranżazzjonijiet mal-klijenti eżistenti, sa fejn il-prinċipal ikun għadu jgawdi minn vantaġġi sostanzjali li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet ma’ dawn il-klijenti. Il-ħlas ta’ dan l-indennizz għandu jkun ġust, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari tal-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet ma’ dawn il-klijenti.

28

Il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn dan jiddistingwi bejn klijenti ġodda u klijenti eżistenti, jista’, ċertament, jissuġġerixxi li għandhom jitqiesu li huma klijenti ġodda biss dawk li magħhom il-prinċipal ma jkollux relazzjoni kummerċjali qabel l-intervent tal-aġent kummerċjali u b’mod ġenerali. Madankollu, dan il-kliem ma jippermettix, waħdu, li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk in-natura “ġdida” jew “eżistenti” ta’ klijent għandhiex tiġi evalwata inkonnessjoni mal-gamma kollha tal-prinċipal jew b’mod partikolari, ma’ ċerta merkanzija.

29

Għaldaqstant jeħtieġ li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 jiġi interpretat b’kunsiderazzjoni tal-kuntest li tinsab fih din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 23, kif ukoll Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 42).

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li tinsab fih l-imsemmija dispożizzjoni, dan jikkostitwixxi waħda mill-miżuri li jarmonizzaw, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, ir-regoli applikabbli għall-kuntratt ta’ aġenzija. Dwar dan, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ tali kuntratt, l-aġent kummerċjali huwa dak li, bħala intermedjarju indipendenti, huwa inkarigat b’mod permanenti, kemm li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għall-prinċipal, kif ukoll li jinnegozja u li jikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom u fl-interess ta’ dan tal-aħħar.

31

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu jiżgura l-interessi tal-prinċipal, b’mod partikolari, billi jagħmel l-aħjar li jista’ fin-negozjati, u fejn xieraq, fil-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet li huwa inkarigat bihom minn dan tal-aħħar.

32

Kif enfasizza essenzjalment il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-għan tal-attività tal-aġent kummerċjali għaldaqstant jiddependi fuq it-termini tal-kuntratt li jorbtu mal-prinċipal, u b’mod partikolari fuq il-ftehim tal-partijiet dwar il-merkanzija li l-prinċipal jintendi li jbigħ jew jixtri tramite l-aġent kummerċjali.

33

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 86/653, jeħtieġ li jitfakkar li din tal-aħħar hija intiża, b’mod partikolari, li tipproteġi l-aġent kummerċjali fir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 19, u Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 23). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet lil-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva huwa, f’dan ir-rigward, ta’ importanza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 39). Għaldaqstant, jeħtieġ li t-termini tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jiġu interpretati f’sens li dan jikkontribwixxi għal dik il-protezzjoni tal-aġent kummerċjali u li għaldaqstant jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-merti ta’ dan tal-aħħar fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet li huwa inkarigat bihom. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ klijenti ġodda, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv.

34

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat, li huwa inkonnessjoni mal-merkanzija li l-aġent kummerċjali huwa inkarigat mill-prinċipal li jinnegozja u, fejn xieraq, li jikkonkludi x-xiri jew il-bejgħ tagħha, li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk klijent huwiex ġdid jew eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653.

35

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha, skont it-termini tal-kuntratt tiegħu ta’ aġenzija, l-aġent kummerċjali huwa inkarigat li jinnegozja l-bejgħ ta’ parti mill-gamma tal-merkanzija tal-prinċipal u mhux tal-merkanzija kollha, iċ-ċirkustanza li persuna jkollha diġà relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-prinċipal fuq merkanzija oħra ma teskludix li din tista’ titqies li hija klijent ġdid introdott minn dak l-aġent kummerċjali, meta dan tal-aħħar ikun wasal sabiex, bl-isforzi tiegħu, jistabbilixxi relazzjoni kummerċjali bejn dik il-persuna u l-imsemmi prinċipal għall-merkanzija li huwa inkarigat li jmexxi.

36

Madankollu, Marchon issostni li, f’dan il-każ, il-klijenti li tipprevalixxi ruħha minnhom Y. Karaszkiewicz ma jistgħux jitqiesu li huma ġodda fis-sens tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 għall-merkanzija mmexxija mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, dawn il-klijenti kellhom diġà relazzjonijiet kummerċjali ma’ Marchon fuq frejms tan-nuċċalijiet simili għal dawk li l-aġent kummerċjali kien inkarigat li jinnegozja l-bejgħ tagħhom, bl-unika differenza li l-aħħar imsemmija frejms kienu ta’ ditti differenti.

37

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-klijenti introdotti minn aġent kummerċjali lill-prinċipal tiegħu kienu diġà jixtru mingħandu merkanzija paragunabbli, min-natura tagħhom, ma’ dawk li dan l-aġent kummerċjali nnegozja l-bejgħ tagħhom ma’ dawk il-klijenti ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-aħħar imsemmija merkanzija kienet diġà tidħol fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali li kienu jeżistu diġà mal-imsemmija klijenti.

38

F’tali ċirkustanzi, b’kunsiderazzjoni tal-attività tan-negozjant tal-bejgħ tal-aġent kummerċjali, kif deskritta fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-tmexxija tal-merkanzija inkwistjoni kinitx tirrikjedi, min-naħa tal-aġent kummerċjali kkonċernat, sforzi ta’ innegozzjar u strateġija ta’ bejgħ partikolari, maħsuba għall-istabbiliment ta’ relazzjoni kummerċjali speċifika, b’mod partikolari sa fejn din il-merkanzija taqa’ taħt parti differenti tal-gamma tal-prinċipal.

39

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-prinċipal jafda lil aġent kummerċjali bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ merkanzija ġdida ma’ klijenti li magħhom huwa għandu diġà ċerti relazzjonijiet kummerċjali jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni li din il-merkanzija taqa’ taħt parti mill-gamma differenti minn dik li dawk il-klijenti kienu jixtru sa dakinhar u li n-negozju tal-imsemmija merkanzija ma’ dawn il-klijenti jitlob minn dan l-aġent kummerċjali li huwa jistabbilixxi relazzjoni kummerċjali speċifika, fatt, madankollu, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

40

Dan l-analiżi huwa kkorroborat mill-fatt li d-distribuzzjoni tal-merkanzija titwettaq b’mod ġenerali f’kuntest differenti skont id-ditti li lilhom tkun tappartjeni l-merkanzija. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ditta ħafna drabi tikkostitwixxi, minbarra indikazzjoni tal-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi, strument ta’ strateġija kummerċjali uża, b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ reklamar jew sabiex tinkiseb reputazzjoni sabiex tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur (sentenza Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 39).

41

B’hekk, ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li fihom, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-offerta tal-merkanzija tal-prinċipal hija ssegregata skont id-ditti differenti, fejn kull wieħed mill-aġenti kummerċjali tiegħu jkun inkarigat li jinnegozja l-bejgħ ta’ ditta waħda biss jew ta’ ċerti ditti biss, jindikaw, fatt li għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li dawn tal-aħħar ikollhom jistabbilixxu, ma’ kull klijent, relazzjoni kummerċjali speċifika għad-ditti li jkun inkarigat biha.

42

Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument ta’ Marchon li jkun iktar faċli għall-aġent kummerċjali li jmexxi merkanzija ġdida ma’ persuni li diġà għandhom relazzjoni kummerċjali mal-prinċipal, din l-allegazzjoni, jekk tiġi preżunta bħala avverata, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-analiżi maħsub sabiex jiddetermina, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653, in-natura ġusta tal-indennizz tal-aġenti kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza Volvo Car Germany, C‑203/09, EU:C:2010:647, punt 44).

43

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-ewwel inċiż Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klijenti introdotti mill-aġent kummerċjali għall-merkanzija li huwa jkun inkarigat li jbigħ mill-prinċipal, għandhom jitqiesu li huma klijenti ġodda, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u dan, anki jekk dawn il-klijenti jkollhom diġà relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-prinċipal fuq merkanzija oħra, meta l-bejgħ, minn dan l-aġent, tal-ewwel imsemmija merkanzija jkun irrikjeda l-istabbiliment ta’ relazzjoni kummerċjali speċifika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel inċiż Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klijenti introdotti mill-aġent kummerċjali għall‑merkanzija li huwa jkun inkarigat li jbigħ mill-prinċipal, għandhom jitqiesu li huma klijenti ġodda, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u dan, anki jekk dawn il-klijenti jkollhom diġà relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-prinċipal fuq merkanzija oħra, meta l-bejgħ, minn dan l-aġent, tal-ewwel imsemmija merkanzija jkun irrikjeda l-istabbiliment ta’ relazzjoni kummerċjali speċifika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.