SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Konvenzjoni ta’ Ruma — Liġi applikabbli — Amalgamazzjoni transkonfinali — Direttiva 78/855/KEE — Direttiva 2005/56/KE — Amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist — Protezzjoni tal-kredituri — Trasferiment tal-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li tiġi akkwistata lill-kumpannija li takkwista”

Fil-Kawża C-483/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

KA Finanz AG

vs

Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader, M. Berger, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal KA Finanz AG, minn S. Albiez u C. Klausegger, avukati,

għal Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group, minn P. Konwitschka, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, H. Støvlbæk u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE, tad-9 ta’ Ottubru 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42), kif emendata bid-Direttiva 2009/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 259, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 78/855”), kif ukoll tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KA Finanz AG (iktar ’il quddiem “KA Finanz”), stabbilita fl-Awstrija, aventi kawża ta’ Kommunalkredit International Bank LTD (iktar ’il quddiem “Kommunalkredit”), stabbilita f’Ċipru, u Sparkassen Versicherung AG Vienna Insurance Group (iktar ’il quddiem “Sparkassen Versicherung”), stabbilita fl-Awstrija, dwar talba ta’ Sparkassen Versicherung intiża sabiex KA Finanz tħallasha l-interessi relatati ma’ xi self subordinat li hija kienet iffirmat ma’ Kommunalkredit qabel ma saret amalgamazzjoni tagħha permezz ta’ akkwist minn KA Finanz.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

3

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“1.   Ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti.

2.   Huma m’għandhomx japplikaw għal:

[...]

e)

kwistjonijiet regolati bil-liġi tal-kumpanniji u korpi oħra maqgħuda [ġuridiċi] jew mhux maqgħuda [mhux ġuridiċi] bħalma huma l-ħolqien, b’reġistrazzjoni jew mod ieħor, il-kapaċità legali, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u korpi oħra maqgħuda [ġuridiċi] jew mhux maqgħuda [mhux ġuridiċi] u r-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u membri bħala tali għall-obbligi tal-kumpannija jew tal-korp;

[...]”

4

L-Artikolu 3(1) ta’ din il-Konvenzjoni jipprevedi dan li ġej:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. [...]”

5

Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija konvenzjoni:

“1.   Il-liġi applikabbli għal kuntratt bis-saħħa ta’ l-Artikoli 3 sa 6 u 12 ta’ din il-Konvenzjoni għandha tirregola b’mod partikolari:

a)

l-interpretazzjoni [tiegħu];

b)

l-eżekuzzjoni [tal-obbligi li huwa jġib miegħu];

ċ)

fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti bil-liġi tal-proċedura tagħha, l-effetti ta’ ksur ta’ kuntratt, inkluża stima tal-ħsarat safejn din hija regolati minn regoli tal-liġi;

d)

id-diversi modi kif jispiċċaw l-obbligi, u l-preskrizzjoni u termini perentorji;

[...]

2.   Fir-rigward ta’ [kif] għandha ssir l-eżekuzzjoni u l-miżuri li jkollhom jittieħdu f’każ ta’ eżekuzzjoni difettuża għandha titqies il-liġi tal-pajjiż li fih issir l-eżekuzzjoni.”

6

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ġiet issostitwita bir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Ruma I”). Skont l-Artikolu 28 tiegħu, dan ir-regolament japplika għall-kuntratti konklużi sa mis-17 ta’ Diċembru 2009.

Id-Direttiva 78/855

7

It-tielet u s-sitt premessa tad-Direttiva 78/855 jistabbilixxu:

“[...] l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri u terzi persuni tirrikjedi li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandom x’jaqsmu ma’ għaqdiet [amalgamazzjonijiet] ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata jkunu koordinati u [...] għandha ssir dispożizzjoni għal għaqdiet fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri kollha;

[...]

[...] kredituri, flimkien ma’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet, u persuni li għandhom pretensjonijiet [detenturi ta’ titoli oħra] fuq il-kumpanniji li qed jiġu inkorporati [amalgamati] għandhom ikunu protetti sabiex l-għaqda [l-amalgamazzjoni] ma’ teffettwax l-interessi tagħhom b’mod negattiv.”

8

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva huwa redatt fil-kliem li ġej:

“1.   Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sistema adegwata ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati li l-pretensjonijiet tagħhom kienu saru qabel il-publikazzjoni ta’ l-abbozz tat-termini ta’ l-għaqda u li ma’ kienux jagħlqu fil-ħin ta’ dik il-pubblikazzjoni.

2.   Għal dak il-għan, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom tal-anqas jipprevedu li dawn il-kredituri għandhom ikunu intitolati jiksbu salvagwardji adegwati meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji li qegħdin jingħaqdu tagħmel din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri m’għandhomx diġà dawn is-salvagwardji.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni prevista fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jkunu awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati bil-kondizzjoni li jkunu jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba fl-għaqda qed jiġu mhedda l-pretensjonijiet tagħhom u li ma nkisbu ebda salvagwardji adegwati mill-kumpanija.

3.   Din il-protezzjoni tista’ tkun differenti għall-kredituri tal-kumpannija li qed takkwista u għal dawk tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata.”

9

Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva:

“Bla ħsara għar-regoli dwar l-eżerċizzju kollettiv tad-drittijiet tagħhom, l-Artikolu 13 għandu japplika għad-detenturi ta’ obbligazzjonijiet tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati, ħlief fejn l-għaqda kienet approvata minn laqgħa tad-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet, jekk laqgħa bħal din hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew tad-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet individwalment.”

10

L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“Id-detenturi ta’ titoli, għajr ishma, li għandhom magħhom drittijiet speċjali, għandhom jkunu mogħtija drittijiet fil-kumpannija li qed takkwista ta’ l-anqas ekwivalenti għal-dawk li kellhom fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata, sakemm il-bidla ta’ dawk id-drittijiet ġiet approvata permezz ta’ laqgħa tad-detenturi ta’ dawk it-titoli, jekk laqgħa bħal din ikun hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ dawk it-titoli individwalment, jew sakemm id-detenturi jkollhom il-jedd għax-xiri mill-ġdid tat-titoli tagħhom mill-kumpannija li qed takkwista.”

11

Id-Direttiva 78/855 tħassret mid-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU L 110, p. 1). Skont l-Artikolu 33 tagħha, id-Direttiva 2011/35 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

Id-Direttiva 2005/56

12

Mill-premessa 1 tad-Direttiva 2005/56 jirriżulta li din għandha l-għan li tiffaċilita t-twettiq ta’ amalgamazzjonijiet transkonfinali bejn tipi differenti ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata rregolati mil-liġijiet ta’ Stati Membri diversi.

13

Skont il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva, “[s]abiex jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta’ mergers [amalgamazzjonijiet] transkonfinali, irid ikun stabbilit li, sakemm din id-Direttiva ma tgħidx mod ieħor, kull kumpannija li tieħu sehem f’merger transkonfinali, u kull terza parti kkonċernata, tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fil-każ ta’ merger nazzjonali [...]”.

14

L-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

2.

‘merger’ [‘amalgamazzjoni’] tfisser operazzjoni li biha:

(a)

kumpannija waħda jew iktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jitrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra eżistenti – il-kumpannija li qed takkwista – bħala skambju għall-ħruġ lill-membri tagħhom ta’ titoli u ishma li jirrappreżentaw il-kapital ta’ dik il-kumpannija l-oħra u, jekk ikun il-każ, ħlas fi flus li ma jkunx iktar minn 10 % tal-valur nominali, jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, tal-valur kontabbli ta’ dawk it-titoli u l-ishma; jew

[...]”

15

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/56, intitolat “Kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-mergers transkonfinali”, jipprovdi:

“1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva,

[...]

(b)

kumpannija li tieħu sehem f’merger transkonfinali għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet tal-liġi nazzjonali li tkun taqgħa taħtha. [...]

2.   Id-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom b’mod partikulari jinkludu dawk li jikkonċernaw il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-merger u, filwaqt li jittieħed kont tan-natura transkonfinali tal-merger, tal-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jingħaqdu, tad-detenturi ta’ obbligazzjonijiet u tad-detenturi ta’ titoli jew ishma, kif ukoll ta’ impjegati fir-rigward ta’ drittijiet għajr dawk irregolati mill-Artikolu 16. [...]”

16

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konsegwenzi tal-merger transkonfinali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Merger transkonfinali li jitwettaq kif stipulat fil-punti (a) u (ċ) ta’ l-Artikolu 2(2) għandu jkollu l-konsegwenzi li ġejjin mid-data msemmija fl-Artikolu 12:

(a)

l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandu jkun trasferit lill-kumpannija li qed takkwista;

[...]

(ċ)

il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma għandhiex tibqa teżisti.”

Id-dritt Awstrijak

17

L-Artikolu 226 tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Aktiengesetz), tal-31 ta’ Marzu 1965 (BGB1. 98/1965), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AktG”), intitolat “Protezzjoni tal-kredituri”, jirregola l-protezzjoni tal-kredituri fil-każ ta’ amalgamazzjoni. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kemm-il darba jippreżentaw ruħhom fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-amalgamazzjoni, il-kredituri tal-kumpanniji kkonċernati għandhom jiksbu l-garanziji, jekk ma jkunux jistgħu jitolbu l-ħlas favur tagħhom. Dan id-dritt ma jingħatax lill-kredituri madankollu ħlief jekk juru, b’mod kredibbli, li l-amalgamazzjoni tikkostitwixxi riskju għall-ħlas tad-dejn tagħhom. Il-kredituri għandhom jiġu informati dwar dan id-dritt fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni.

2.   Id-dritt li wieħed jeżiġi l-garanziji mhux disponibbli favur il-kredituri li, fil-proċedura ta’ insolvenza, jiddisponu minn dritt għal ħlas preferenzjali minn fond ikkostitwit skont id-dispożizzjonijiet legali għall-finijiet tal-protezzjoni tagħhom u mpoġġi taħt is-sorveljanza tal-awtorità kompetenti.

3.   Id-detenturi tal-obbligi u tat-titoli parteċipattivi għandhom jingħataw drittijiet ekwivalenti jew għandhom jitħallsu kumpens li jkun adegwat fid-dawl tat-tibdil fid-drittijiet jew tad-dritt innifsu.”

18

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 226(3) tal-AktG ġie introdott sabiex jittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Matul is-sena 2005, Sparkassen Versicherung issottoskriviet żewġ kuntratti ta’ self subordinat maħruġa minn Kommunalkredit. Il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ, identiċi għal kull wieħed minn dan is-self (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ta’ ħruġ”), jistabbilixxu l-istatus ta’ dawn tal-aħħar, jippreċiżaw il-kundizzjonijiet tas-subordinazzjoni tagħhom kif ukoll il-modalitajiet tal-ħlas tal-interessi, u jindikaw il-liġi applikabbli.

20

Skont l-Artikolu 2 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ:

“L-Istatus. Id-djun li jirriżultaw mit-titoli jikkostitwixxu djun mhux garantiti u subordonati fuq il-kumpannija li wettqet il-ħruġ, li jirrankjaw pari passu bejniethom u bħal kull dejn ieħor subordonat fuq il-kumpannija li wettqet il-ħruġ. Fil-każ ta’ xoljiment, ta’ stralċ jew ta’ falliment tal-imsemmija kumpannija li wettqet il-ħruġ, id-djun li jirriżultaw mit-titoli ma jistgħux jiġu rregolati ħlief wara li jkunu ġew onorati d-djun mhux subordonati; għalhekk l-ebda ammont ma jista’ jitħallas abbażi ta’ dawn it-titoli sakemm ma jkunux tħallsu għalkollox id-djun kollha mhux subordinati tal-kredituri tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ, jew sakemm ma jkunux ġew ikkostitwiti riżervi suffiċjenti għal dawn l-ammonti. Detentur ma jistax jissodisfa d-djun tiegħu li jirriżultaw mit-titoli, bi djun tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ. Fl-ebda mument fil-ġejjieni ma jista’ jkun hemm u ma hija ser tiġi pprovduta garanzija konvenzjonali minn din il-kumpannija jew minn terza persuna sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-detenturi riżultanti mit-titoli. L-ebda ftehim fil-ġejjieni ma jista’ jillimita n-natura subordinata kif deskritta f’dan l-artikolu, u lanqas javvanza d-data tal-iskadenza tat-titoli jew iqassar it-terminu ta’ preavviż applikabbli.”

21

L-Artikolu 4(1)(b) tal-kundizzjonijiet ta’ ħruġ huwa fformulat kif ġej:

“Ħlas tal-interessi. Il-valur nominali ma jistax jiġi rrimborsat u l-interessi ma jistgħux jitħallsu, ħlief jekk il-kapital tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma jinżilx, minħabba dan il-ħlas, taħt il-limiti stabbiliti mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-fondi proprji tal-banek, stabbiliti mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru.”

22

L-Artikolu 9 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ jistipula dan li ġej:

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Fil-każ ta’ xoljiment jew ta’ stralċ tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ (ħlief għall-finijiet jew bħala konsegwenza ta’ amalgamazzjoni, ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ tisħiħ waqt li tkun għadha fi stat ‘ta’ solvenza’, f’liema kuntest il-kumpannija li tissussisti essenzjalment tieħu taħt idejha l-assi u l-obbligi tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ), kwalunkwe detentur jista’ jiddikjara t-titolu tiegħu dovut u jitlob ir-rimbors immedjat tiegħu sal-limitu tal-ammont tar-rimbors antiċipat [...] kif ukoll tal-interessi li (jistgħu) jkunu mmaturaw sad-data tar-rimbors.”

23

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija kundizzjonijiet ta’ ħruġ jipprevedi dan li ġej:

“Liġi applikabbli. Il-forma u l-kontenut tat-titoli kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi kollha tad-detenturi u tal-kumpannija li wettqet il-ħruġ, huma suġġetti għal-liġi Ġermaniża.”

24

Peress li mill-aħħar tas-sena 2008 ma baqgħetx tissodisfa r-rekwiżiti minimi relatati mal-fondi proprji stabbiliti mil-Linji gwida tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, Kommunalkredit ma baqgħetx tħallas, lil Sparkassen Versicherung, l-interessi miftiehma fil-kundizzjonijiet ta’ ħruġ.

25

Kommunalkredit ġiet suġġetta għal amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist minn KA Finanz. Din l-amalgamazzjoni ġiet irreġistrata fir-reġistru Awstrijak tal-kummerċ u tal-kumpanniji fit-18 ta’ Settembru 2010 u, konsegwentement, daħlet fis-seħħ f’dik id-data.

26

Quddiem il-qrati Awstrijaċi, Sparkassen Versicherung talbet mingħand KA Finanz il-ħlas tal-interessi miftiehma għaż-żewġ kuntratti ta’ self subordinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għas-snin 2009 u 2010. Sussidjarjament, Sparkassen Versicherung talbet sabiex KA Finanz tagħtiha drittijiet ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 226(3) tal-AktG, u sabiex tagħmel tajjeb għad-dannu kollu li jirriżulta mir-rifjut tagħha li tirrikonoxxilha dawn id-drittijiet.

27

KA Finanz issostni, b’mod prinċipali, li l-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kellha l-effett li tittermina s-self subordinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sussidjarjament hija ssostni li l-obbligi li jirriżultaw minn dan is-self ma ġewx mgħoddija lilha, peress li dawn tilfu kull valur tagħhom minħabba l-għajbien totali tal-fondi proprji ta’ Kommunalkredit.

28

KA Finanz tqis li, peress li l-ħlas tal-interessi u tal-kapital kien jiddependi fuq id‑dispożizzjoni ta’ fondi proprji ta’ Kommunalkredit, dan is-self kellu n-natura ta’ fondi proprji u kien jikkostitwixxi titoli parteċipattivi, fis-sens tal-Artikolu 226(3) tal-AktG. Skont KA Finanz, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-telf sostnut minn Kommunalkredit, li l-eżistenza tagħha kienet mhedda u li fil-31 ta’ Diċembru 2008 kellha fondi proprji negattivi ta’ madwar biljun Euro, fid-data tal-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni t-titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu tilfu kull valur. Minn dan KA Finanz tikkonkludi li, fid-dawl ta’ tali telf, hija la kienet obbligata tagħti drittijiet ekwivalenti lid-detenturi ta’ dawn it-titoli u lanqas li tħallashom kumpens.

29

Fl-ewwel istanza, il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) ċaħdet it-talba ta’ KA Finanz intiża sabiex b’mod preliminari jiġi kkonstatat li t-titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu tterminaw bħala riżultat tal-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni u li l-impenji ta’ Kommunalkredit li jirriżultaw mis-self subordinat ma kinux ġew ittrasferiti fuqha.

30

Din il-qorti ddeċidiet li t-titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali la kienu titoli parteċipattivi u lanqas titoli oħra li jistgħu jiġu assimilati ma’ xi azzjonijiet, peress li ma kellhomx in-natura ta’ kapital proprju u lanqas ma kienu jiddependu fuq il-profitti ta’ Kommunalkredit. Għalhekk, skont il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna), KA Finanz ma kellhiex id-dritt li tittermina dawn it-titoli fil-kuntest tal-amalgamazzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti qieset li s-self subordinat kien ġie ttrasferit lil KA Finanz fil-kuntest tat-trażmissjoni universali tal-patrimonju ta’ Kommunalkredit.

31

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) tat deċiżjoni dwar it-tilwima miġjuba quddiemha mingħajr ma ddeċidiet dwar il-kwistjoni li jiġi stabbilit liema kienet il-liġi applikabbli għaliha.

32

L-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) ikkonfermat, fl-appell, id-deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna), wara li fakkret li l-effetti legali ta’ amalgamazzjoni kienu jagħmlu parti mill-istatus personali u li l-protezzjoni tal-kredituri kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-liġi li tirregola dan l-istatus, f’dan il-każ il-liġi Awstrijaka tal-kumpanniji.

33

L-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) qieset li l-Artikolu 226(3) tal-AktG, li fuqu KA Finanz tibbaża ruħha sabiex tallega li l-amalgamazzjoni kellha l-effett li tittermina t-titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx applikabbli għalihom. Jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni biss id-detenturi ta’ obbligi li l-karatteristiċi tagħhom jippermettu li dawn id-detenturi jiġu assimilati ma’ membru jew li jirrenduhom jixbhu lil fondi proprji, kif ukoll id-detenturi ta’ titoli parteċipattivi li jagħtu drittijiet li tipikament jagħmlu parti mid-drittijiet finanzjarji u patrimonjali tal-azzjonisti, u b’mod partikolari dak li wieħed jipparteċipa fil-profitti u/jew f’dak li jibqa’ wara stralċ.

34

Issa, l-imsemmija qorti ddeċidiet li f’dan il-każ dan ma kienx il-każ, hekk kif seta’ jiġi dedott mill-kundizzjonijiet ta’ ħruġ. Din żiedet li dawn il-kundizzjonijiet ma jipprevedux li s-self inkwistjoni ma huwiex definittivament dovut fil-każ fejn il-kapital proprju jkun taħt il-livell minimu ta’ prudenza, iżda sempliċement li dawn ma jkunux dovuti sakemm dawn ir-rekwiżiti minimi ma jkunux issodisfatti.

35

KA Finanz adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) b’appell għal reviżjoni dwar, hekk kif tippreċiża din il-qorti, il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 226(3) tal-AktG huwiex applikabbli għas-self subordinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Sabiex tkun tista’ tasal għal soluzzjoni għall-kawża prinċipali, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tistaqsi dwar il-liġi applikabbli għal din it-tilwima. F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża li meta saret is-sottoskrizzjoni tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ġie miftiehem li l-liġi applikabbli tkun dik Ġermaniża, li l-kumpannija li wettqet il-ħruġ ta’ dan is-self, f’dan il-każ Kommunalkredit, kellha s-sede tagħha f’Ċipru, u li l-kumpannija li akkwistat lil Kommunalkredit, jiġifieri KA Finanz, kif ukoll dik li ssottoskriviet l-imsemmi self, f’dan il-każ Sparkassen Versicherung, għandhom is-sede tagħhom fl-Awstrija.

37

L-imsemmija qorti tenfasizza li r-Regolament Ruma I ma huwiex applikabbli għas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dan ġie konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009.

38

Barra minn hekk, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) tistaqsi, minn naħa, jekk it-titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux titoli fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 u, min-naħa l-oħra, jekk ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri, previsti f’dan l-artikolu, jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 226(3) tal-AktG, li skontha kumpannija li toħroġ titoli, għajr azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali tista’, b’mod unilaterali, ittemm ir-relazzjoni ġuridika li tgħaqqadha mad-detenturi ta’ dawn it-titoli u tħallas lil dawn id-detenturi.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li

a)

operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni bħal inkorporazzjonijiet [amalgamazzjonijiet] u diviżjonijiet u

b)

ir-regola ta’ protezzjoni tal-kredituri fil-kuntest ta’ tali operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 15 [tad-Direttiva 78/855],

jaqgħu taħt il-klawżola ta’ esklużjoni tad-‘dritt tal-kumpanniji’ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni?

2)

Ir-risposta hija l-istess fil-każ li jiġi applikat l-Artikolu 15 tad-Direttiva [2011/35]?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domandi: l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Ruma I], imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tal-imsemmi regolament – dispożizzjoni li ġiet wara l-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma – twassal għall-istess riżultat jew għandha tiġi interpretata b’mod differenti? Jekk iva, b’liema mod?

4)

Id-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE jew il-moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti skont l-Artikolu 63 TFUE, jipprovdi indikazzjonijiet rigward ir-regoli ta’ kunflitt li għandhom jiġu applikati għall-inkorporazzjonijiet, u b’mod partikolari rigward il-punt dwar jekk il-liġi applikabbli hijiex il-liġi nazzjonali tal-Istat tal-kumpannija li qed tiġi inkorporata jew il-liġi nazzjonali tal-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni?

5)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda: Mid-dritt derivat tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttiva 2005/56 [...], mid-Direttiva 2011/35 jew mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1982, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50], jirriżultaw prinċipji rigward ir-regoli ta’ kunflitt li għandhom jiġu applikati, u b’mod partikolari rigward il-punt dwar jekk il-liġi applikabbli hijiex il-liġi nazzjonali tal-Istat tal-kumpannija inkorporata jew il-liġi nazzjonali tal-kumpannija li qed twettaq l-inkorporazzjoni, jew jekk humiex ir-regoli nazzjonali dwar kunflitt li għandhom jiddeċiedu ma’ liema regoli sostantivi nazzjonali s-sitwazzjoni inkwistjoni hija marbuta?

6)

L-Artikolu 15 [tad-Direttiva 78/855] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ inkorporazzjoni transkonfinali, il-persuna li toħroġ l-azzjonijiet [twettaq il-ħruġ] tista’, fil-konfront tad-detenturi ta’ titoli, għajr azzjonijiet li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali, b’mod partikolari fil-każ ta’ self subordinat, ittemm ir-relazzjoni ġuridika u tħallas lid-detenturi?

7)

Ir-risposta hija l-istess fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/35?”

Fuq id-domandi preliminari

40

Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(a) tal-Ewwel Protokoll, tad-19 ta’ Diċembru 1988, dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1989 L 48, p. 1), il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni dwar id-domandi li jirrigwardaw din il-konvenzjoni fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema).

41

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Verder LabTec, C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li billi d-Direttiva 2011/35 daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Lulju 2011, jiġifieri wara d-data li fiha seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, it-tieni domanda, il-ħames domanda, sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll is-seba’ domanda huma inammissibbli.

43

It-tieni nett, ir-Regolament Ruma I, li l-Artikolu 28 tiegħu jipprevedi li dan huwa applikabbli għall-kuntratti konklużi sa mis-17 ta’ Diċembru 2009, hekk kif dan indikatu anki l-qorti tar-rinviju, kien għadu ma daħalx fis-seħħ meta l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew konklużi, jiġifieri matul is-sena 2005. Għaldaqstant, it-tielet domanda hija inammissibbli.

44

It-tielet nett, huwa paċifiku li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-effetti, fuq self subordinat, ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist li seħħet bejn żewġ kumpanniji. Konsegwentement, l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fir-rigward ta’ diviżjonijiet ta’ kumpanniji. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 82/891 tikkonċerna d-diviżjonijiet tal-kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, il-ħames domanda wkoll hija inammissibbli, sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva.

45

Minn dan jirriżulta li huma ammissibbli biss l-ewwel domanda, sa fejn din ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(e) tal‑Konvenzjoni ta’ Ruma fir-rigward tad-diviżjonijiet tal-kumpanniji, ir-raba’ domanda, il-ħames domanda, sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/56, kif ukoll is-sitt domanda.

46

F’dak li jikkonċerna l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għamlet dawn id-domandi sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar x’għandu jsir, wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist ta’ Kommunalkredit minn KA Finanz, mill-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mill-perspettiva tagħha, jinvolvi minn qabel il-ħtieġa li tiġi solvuta l-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal dawn il-kuntratti wara din l-amalgamazzjoni.

47

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi, sa fejn dawn huma ammissibbli, essenzjalment jirrigwardaw il-punt tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, wara amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist transkonfinali, minn naħa, għall-interpretazzjoni, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi kif ukoll għall-modi ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ self, bħall-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż mill-kumpannija li ġiet akkwistata, u, min-naħa l-oħra, għat-talba, bħal dik li ġiet ifformulata b’mod sussidjarju minn Sparkassen Versicherung, li permezz tagħha kreditur għandu l-intenzjoni jinvoka l-protezzjoni tal-kredituri prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855.

48

Fir-rigward tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet lill-kumpannija li toħroġ titoli, għajr azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali.

49

Sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-liġi applikabbli, wara amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist transkonfinali, għall-interpretazzjoni, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi kif ukoll għall-modi ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ self, bħall-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż mill-kumpannija li tiġi akkwistata, fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat jekk u sa fejn il-Konvenzjoni ta’ Ruma hija applikabbli għal dan il-kuntratt.

50

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, skont l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni huma applikabbli, fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt ta’ liġijiet, għall-obbligi kuntrattwali.

51

Madankollu, b’deroga minn din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni materjali, l-Artikolu 1(2)(e) tal-imsemmija konvenzjoni jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar il-kwistjonijiet irregolati bil-liġi tal-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi bħalma huma l-ħolqien, il-kapaċità legali, l-organizzazzjoni interna u x-xoljiment tal-kumpanniji, assoċjazzjonijiet u persuni ġuridiċi u r-responsabbiltà personali tal-membri u tal-korpi għall-obbligi tal-kumpannija, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika.

52

Mir-rapport li jikkonċerna l-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, ta’ Mario Giuliano, professur fl-università ta’ Milano, u Paul Lagarde, professur fl-università Paris I (ĠU 1980, C 282, p. 1), jirriżulta li d-domandi dwar il-liġi tal-kumpanniji, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi ma ġewx inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma minħabba x-xogħlijiet li kienu qed iseħħu dak iż-żmien fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-atti li jirregolaw ix-xoljiment tal-kumpanniji, bħall-amalgamazzjonijiet u l-ħolqien ta’ gruppi ta’ kumpanniji, huma fost dawk imsemmija mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma tapplikax għall-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji.

53

Madankollu, sa fejn mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu, qabel l-amalgamazzjoni ta’ Kommunalkredit ma’ KA Finanz, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u li l-partijiet kontraenti kienu għażlu, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-konvenzjoni, il-liġi Ġermaniża bħala liġi applikabbli għal dawn il-kuntratti, għandu jiġi determinat jekk din il-liġi tkomplix tirregola l-imsemmija kuntratti wara din l-amalgamazzjoni, u, għaldaqstant, skont l-Artikolu 10(1) tal-imsemmija konvenzjoni, l-interpretazzjoni tagħhom, l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jġibu magħhom kif ukoll il-modi ta’ terminazzjoni tagħhom.

54

Għal dan l-għan għandhom jiġu eżaminati, fit-tieni lok, it-testijiet adottati fil-qasam tal-amalgamazzjoni tal-kumpanniji mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li dwar dan il-qasam kien hemm żewġ leġiżlazzjonijiet, intiżi kemm sabiex jorganizzaw il-proċedura ta’ amalgamazzjoni u anki sabiex jirregolaw l-effetti ġuridiċi tal-amalgamazzjoni, jiġifieri, minn naħa, id-Direttiva 78/855, adottata bl-għan, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-amalgamazzjonijiet ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata u li tintroduċi fid-dritt tal-Istati Membri kollha l-istituzzjoni tal-amalgamazzjoni, u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2005/56, adottata bl-għan, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, li tiffaċilita t-twettiq ta’ amalgamazzjonijiet transkonfinali bejn kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata ta’ diversi tipi li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri differenti.

55

Issa, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna dak li għandu jiġri minn self subordinat wara amalgamazzjoni transkonfinali, għandu jiġi determinat, abbażi tad-Direttiva 2005/56, l-effett ta’ din l-amalgamazzjoni fuq self ta’ tali natura.

56

Mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 205/56 jirriżulta li amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist hija l-operazzjoni li permezz tagħha kumpannija waħda jew iktar jittrasferixxu, konsegwentement u fil-mument tax-xoljiment tagħhom mingħajr stralċ, l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra diġà eżistenzi, jiġifieri l-kumpannija li qed takkwista.

57

Fir-rigward tal-effett ta’ tali operazzjoni, mill-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-amalgamazzjoni transkonfinali twassal, sa mid-data li fiha din l-amalgamazzjoni tidħol fis-seħħ, it-trasferiment tal-attiv u tal-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata lill-kumpannija li qed takkwista.

58

Amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist għaldaqstant timplika li l-kumpannija li qed takkwista takkwista l-kumpannija li qed tiġi akkwistata kollha kemm hi, mingħajr terminazzjoni tal-obbligi li stralċ kien jikkawża, u twassal, mingħajr novazzjoni, għas-sostituzzjoni tal-kumpannija li qed takkwista minflok il-kumpannija li qed tiġi akkwistata bħala parti fil-kuntratti kollha konklużi minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-liġi li kienet applikabbli għal dawn il-kuntratti qabel l-amalgamazzjoni tibqa’ dik applikabbli wara din l-amalgamazzjoni.

59

Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli, wara amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist transkonfinali, għall-interpretazzjoni, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi kif ukoll għall-modi ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ self, bħall-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż mill-kumpannija li tiġi akkwistata, hija dik li kienet applikabbli għal dan il-kuntratt qabel din l-amalgamazzjoni.

60

F’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, li tinvoka Sparkasse Versicherung permezz tat-talba sussidjarja tagħha, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 3 u mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/56 jirriżulta li kumpannija li tipparteċipa f’amalgamazzjoni transkonfinali tibqa’ suġġetta, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-kredituri tagħha, għad-dispożizzjonijiet u għall-formalitajiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun applikabbli fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni nazzjonali.

61

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpannija li tiġi akkwistata, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha kienet taqa’ din il-kumpannija.

62

Sa fejn l-Istati Membri, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni nazzjonali, ikollhom jikkonformaw mal-Artikoli 13 sa 15 tad-Direttiva 78/855 f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-kredituri, dawn huma, għaldaqstant, obbligati josservaw dawn id-dispożizzjonijiet anki fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni transkonfinali.

63

Issa, filwaqt li l-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-Direttiva jikkonċernaw il-protezzjoni tal-kredituri mhux detenturi ta’ obbligi u detenturi ta’ obbligi rispettivament, l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-protezzjoni tad-detenturi tat-titoli, għajr l-azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali.

64

Għaldaqstant tqum il-kwistjoni ta’ kif għandha ssir distinzjoni bejn it-titoli msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 u t-titoli ta’ dejn l-oħra.

65

F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva, f’dan il-każ il-Proposta għal Tielet Direttiva tal-Kunsill intiża li tikkoordina l-garanziji li huma mitluba fl-Istati Membri mill-kumpanniji, fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, sabiex jiġu protetti l-interessi, kemm tal-membri kif ukoll tat-terzi, f’dak li jikkonċerna l-amalgamazzjonijiet tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (ĠU 1970, C 89, p. 20), kif ukoll il-proposta emendata għal Tielet Direttiva tal-Kunsill intiża li tikkoordina l-garanziji li huma mitluba fl-Istati Membri mill-kumpanniji, fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, sabiex jiġu protetti l-interessi, kemm tal-membri kif ukoll tat-terzi, f’dak li jikkonċerna l-amalgamazzjonijiet tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata [COM (72) 1668 finali], kif ukoll it-titoli, għajr l-azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, jirrigwardaw, fost titoli oħra, l-obbligi li jistgħu jiġu skambjati ma’ azzjonijiet, l-obbligi li magħhom huma marbuta drittijiet ta’ sottoskrizzjoni preferenzjali għall-kapital azzjonarju, l-obbligi li jipparteċipaw fil-profitti kif ukoll id-drittijiet ta’ sottoskrizzjoni.

66

Għaldaqstant, tali titoli huma dawk li jagħtu lid-detenturi tagħhom drittijiet usa’ minn sempliċi rimbors tad-dejn u tal-interessi miftiehma. Għaldaqstant l-istess jgħodd, b’mod partikolari, għat-titoli li jirrikonoxxu lid-detenturi tagħhom id-dritt li jiskambjawhom ma’ azzjonijiet jew id-dritt li jipparteċipaw fil-profitti tal-kumpannija li toħroġhom.

67

F’dan il-każ, mill-kundizzjonijiet ta’ ħruġ, bħal dawk li huma ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li t-titoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jagħtu lid-detenturi tagħhom drittijiet usa’ minn sempliċi rimbors tad-dejn u tal-interessi miftiehma. Għaldaqstant jidher li dawn it-titoli ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855, u din hija xi ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

68

Fl-ipoteżi li din il-qorti tasal għall-konklużjoni kuntrarja, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 jipprevedi li d-detenturi ta’ titoli, għajr azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu mogħtija drittijiet fil-kumpannija li qed takkwista tal-inqas ekwivalenti għal dawk li kellhom fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata, sakemm il-bidla ta’ dawk id-drittijiet ma tkunx ġiet approvata permezz ta’ laqgħa tad-detenturi ta’ dawk it-titoli, jekk laqgħa bħal din ikun hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġi nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ dawk it-titoli individwalment, jew sakemm dawk id-detenturi ma jkollhomx il-jedd għax-xiri mill-ġdid tat-titoli tagħhom mill-kumpannija li qed takkwista.

69

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 jirriżulta li dan għandu l-għan li jippreżerva l-interessi tad-detenturi ta’ titoli, għajr azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali.

70

Issa, sa fejn mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 226(3) tal-AktG ġie introdott bl-għan li jittrasponi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 u sa fejn l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tidher li tagħti lill-kumpannija li toħroġ tali titoli d-dritt li tittermina b’mod unilaterali r-relazzjoni ġuridika li tgħaqqadha mad-detenturi ta’ dawn it-titoli u li tħallas lil dawn id-detenturi, għandu jiġi rrilevat li tali dritt huwa estranju għall-formulazzjoni u għall-għan tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tagħti drittijiet lid-detenturi ta’ dawn l-istess titoli, iżda mhux lill-kumpannija li toħroġhom. Għaldaqstant, dispożizzjoni, bħall-Artikolu 226(3) tal-AktG, ma tistax tikkostitwixxi traspożizzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855.

71

Minn dan isegwi li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 78/855 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet lid-detenturi ta’ titoli, għajr azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali, iżda mhux lill-kumpannija li toħroġ tali titoli.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-liġi applikabbli, wara amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist transkonfinali, għall-interpretazzjoni, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi kif ukoll għall-modi ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ self, bħall-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż mill-kumpannija li tiġi akkwistata, hija dik li kienet applikabbli għal dan il-kuntratt qabel din l-amalgamazzjoni;

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpannija li tiġi akkwistata, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha kienet taqa’ din il-kumpannija.

 

2)

L-Artikolu 15 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE, tad-9 ta’ Ottubru 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata, kif emendata bid-Direttiva 2009/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet lid-detenturi ta’ titoli, għajr azzjonijiet, li magħhom huma marbuta drittijiet speċjali, iżda mhux lill-kumpannija li toħroġ tali titoli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.