SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Marzu 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 604/2013 — Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali — Artikolu 3(3) — Dritt tal-Istati Membri li jibagħtu applikant lejn pajjiż terz sigur — Artikolu 18 — Obbligi tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni f’każ ta’ teħid lura tal-applikant — Direttiva 2013/32/UE — Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali — Eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”
Fil-Kawża C-695/15 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Debreceni közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Debrecen, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura
Shiraz Baig Mirza
vs
Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal S. B. Mirza, minn R. Miskolczi, B. Pohárnok, T. Fazekas u G. Győző, ügyvédek, |
— |
għall-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal, minn Á. Szép, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Tokár, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(3) u 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. B. Mirza u l-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal (uffiċċju tal-immigrazzjoni u tan-nazzjonalità, iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, li jiċħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. B. Mirza u, min-naħa l-oħra, li tkeċċi lil dan mill-Ungerija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Dublin III
3 |
Il-premessa 12 tar-Regolament Dublin III tgħid: “Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU L 180, p. 60)] għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali regolati minn dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.” |
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-għan tal-imsemmi regolament b’dan il-mod: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli. 2. Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha. Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli. Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli. 3. Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva [2013/32].” |
6 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.” |
7 |
L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, jipprovdi s-segwenti: “1. L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat: […]
[…] 2. […] F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva [2013/32]. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni. […]” |
8 |
L-Artikolu 26 tar-regolament imsemmi, intitolat “Notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Jekk konsulent legali jew kunsillier ieħor ikun qed jirrapreżenta lill-persuna kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw id-deċiżjoni li tali konsulent legali jew kunsillier minflok lill-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, jikkomunikaw id-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata.” |
9 |
L-Artikolu 27 tal-istess regolament, bit-titolu “Rimedji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.” |
Id-Direttiva 2013/32
10 |
L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fejn ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9)], li tirrifjuta l-applikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall- protezzjoni internazzjonali partikolarment meta jiġi aċċertat li: […]
Għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien jew linji ta’ gwida dwar dan. 2. Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li jerġa’ jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta’ twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma għandhiex tkun suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 40 u 41. […] L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa’ taqbad l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf.” |
11 |
L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi: “1. Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk: […]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu [sigur]”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu: “2. L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:
[…] 5. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta’ dan l-Artikolu.” |
13 |
L-Artikolu 39 tad-direttiva msemmija, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla periklu [sigur]”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 7 tiegħu: “1. Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u tas-sigurtà tal-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu [sigur] skont il-paragrafu 2. 2. Pajjiż terz jista’ jkun ikkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu biss għall-finijet tal-paragrafu 1 fejn:
3. L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz ikkonċernat mhuwiex sikur fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. […] 7. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijet ta’ dan l-Artikolu.” |
14 |
L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 3. Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.” |
Id-dritt Ungeriż
Il-liġi dwar id-dritt għall-ażil
15 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-dritt għall-ażil (menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény, Magyar Közlöny 2007/83, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dritt għall-ażil”) jipprovdi kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
[…]” |
16 |
Skont l-Artikolu 45(5) tal-Liġi dwar id-dritt għall-ażil: “Meta l-prinċipju ta’ non-refoulement imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq ma jkunx japplika, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil, għandha tordna l-irtirar, minn naħa, tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa bi skop umanitarju u, min-naħa l-oħra, tal-miżuri għar-ritorn jew għat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani – jekk dan ma jkunx awtorizzat għal titolu ta’ residenza ieħor fit-territorju tal-Ungerija – b’applikazzjoni tal-Liġi Nru II tal-2007, dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz [(2007. évi II. törvény a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról)], u għandha tiffissa t-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza.” |
17 |
L-Artikolu 51(1), (2) u (4) tal-liġi dwar id-dritt tal-ażil jipprovdi: “(1) Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolamenti ta’ Dublin ma jkunux issodisfatti, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni u dwar il-punt jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet biex tiddeċiedi dwar is-suġġett tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura b’urġenza. (2) L-applikazzjoni hija inammissibbli jekk […]
[…] (4) L-applikazzjoni ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2(e) iktar ’il fuq ħlief jekk l-applikant
|
18 |
L-Artikolu 53 tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil jipprovdi s-segwenti: “(1) L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tiċħad l-applikazzjoni permezz ta’ digriet jekk din tiddeċiedi li teżisti waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(2). (2) Id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda mogħtija minħabba l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni jew fl-aħħar ta’ proċedura b’urġenza jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Il-preżentata ta’ talba għal tħarriġ ma għandhiex — ħlief fil-każ tad-deċiżjonijiet mogħtija abbażi tal-Artikolu 51(2)(e), u tal-Artikolu 51(7)(h) — effett sospensiv f’dak li jikkonċerna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. […] (5) Il-qorti adita b’tali talba ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil; din għandha tannulla deċiżjoni amministrattiva li ngħatat bi ksur tar-regoli tal-liġi — ħlief jekk ikunu regoli proċedurali li l-ksur tagħhom ma jkollux effett fuq il-mertu tal-każ — u, sa fejn ikun neċessarju, għandha tobbliga lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil biex twettaq proċedura ġdida. Id-deċiżjoni ġudizzjarja li ttemm il-proċedura ma tistax tiġi appellata.” |
Id-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015
19 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Governattiv 191/2015 (VII.21.) dwar id-determinazzjoni, fil-livell nazzjonali, ta’ pajjiżi ta’ oriġini kklassifikati bħala siguri u ta’ pajjiżi terzi siguri [191/2015. (VII. 21.) Kormányrendelet a nemzeti szinten biztonságosnak nyilvánított származási országok és biztonságos harmadik országok meghatározásáról], tal-21 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem id-“digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015”): “Huma jitqiesu li huma pajjiżi terzi siguri skont l-Artikolu 2(i) tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea – minbarra t-Turkija –, l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Istati tal-Istati Uniti tal-Amerika li ma japplikawx il-piena tal-mewt, kif ukoll:
|
20 |
L-Artikolu 3(2) tad-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015 jiddisponi: “Jekk applikant għall-ażil ikun għex fit-territorju ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi kklassifikati bħala siguri skont il-lista tal-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi terzi siguri jew l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet governattiv, jew jekk ikun għadda mit-territorju ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi, huwa jista’ juri, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil prevista fil-liġi dwar id-dritt għall-ażil, li, fil-każ partikolari tiegħu, huwa ma kellux il-possibbiltà li f’dan il-pajjiż jikseb protezzjoni effettiva fis-sens tal-Artikolu 2(i) tal-liġi dwar id-dritt għall-ażil.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 |
S. B. Mirza, ċittadin Pakistani, daħal illegalment fit-territorju Ungeriż mis-Serbja f’Awwissu 2015. Dan ippreżenta, fis-7 ta’ Awwissu 2015, l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. Matul il-proċedura li nfetħet b’riżultat ta’ din l-applikazzjoni, S. B. Mirza telaq mill-post tas-soġġorn li kien ġie assenjat lilu. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju għalaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni li qies, konformement mal-Artikolu 28(1)(b) tad-Direttiva 2013/32, bħala impliċitament irtirata. |
22 |
Sussegwentement, S. B. Mirza nżamm fir-Repubblika Ċeka filwaqt li kien qed jipprova jidħol fl-Awstrija. L-awtoritajiet Ċeki talbu lill-Ungerija tieħu lura lill-persuna kkonċernata, talba li l-Ungerija laqgħet, konformement mal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Dublin III. |
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, mill-provi tal-kawża li tressqu quddiemha ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, l-awtoritajiet Ċeki kienu ġew informati bil-leġiżlazzjoni Ungeriża jew bil-prassi tal-awtoritajiet Ungeriżi li jgħidu li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ S. B. Mirza kellha tkun is-suġġett ta’ eżami preliminari ta’ ammissibbiltà li seta’ jwassal, minħabba l-fatt li r-Repubblika tas-Serbja, bħala Stat kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni, kienet inkluża fil-lista tal-pajjiżi terzi siguri ffissata mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, għat-twassil tal-persuna interessata fis-Serbja mingħajr l-eżami tal-applikazzjoni tagħha fil-mertu. |
24 |
Wara li ttieħed lura mill-Ungerija, S. B. Mirza ppreżenta, fit-2 ta’ Novembru 2015, it-tieni applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. |
25 |
Wara din l-applikazzjoni, infetħet it-tieni proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali li matulha l-persuna kkonċernata tqiegħdet f’detenzjoni. |
26 |
S. B. Mirza nstema’ fil-kuntest ta’ din it-tieni proċedura fit-2 ta’ Novembru 2015. Matul din l-intervista, l-Uffiċċju ġibed l-attenzjoni tal-persuna interessata bil-fatt li l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali setgħet tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sakemm ma setax jagħti prova, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, li r-Repubblika tas-Serbja ma hijiex pajjiż terz sigur fil-konfront tiegħu. Fir-risposta tagħha, il-persuna interessata sostniet li ma kinitx sigura f’dan l-Istat. |
27 |
Fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta’ Novembru 2015, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni ta’ S. B. Mirza bħala inammissibbli, minħabba li, fir-rigward tal-persuna interessata, jeżisti pajjiż terz sigur, jiġifieri s-Serbja li ġiet ikkwalifikata bħala pajjiż terz sigur mill-Artikolu 2 tad-digriet governattiv tal-21 ta’ Lulju 2015. Skont id-deċiżjoni tal-Uffiċċju, il-persuna interessata setgħet tistabbilixxi li, fil-każ partikolari tagħha, is-Serbja ma kinitx tikkostitwixxi pajjiż terz sigur, iżda dan ma sarx. F’din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju ordna miżuri ta’ ritorn u ta’ tneħħija tal-persuna interessata. |
28 |
S. B. Mirza ppreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu sostna li huwa ma xtaqx li jintbagħat lura s-Serbja fejn huwa ma jkunx sigur. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Debreceni közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Debrecen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq il-proċedura b ’ urġenza
30 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
31 |
Din il-qorti mmotivat it-talba tagħha billi esponiet, b’mod partikolari, li S. B. Mirza kien is-suġġett, sal-1 ta’ Jannar 2016, ta’ miżura ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema miżura tista’ tiġi estiża mill-qorti nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam. |
32 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, fis-6 ta’ Jannar 2016, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, informat lil din tal-aħħar bl-estensjoni tal-miżura msemmija sad-data tad-deċiżjoni definittiva fuq l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ S. B. Mirza jew, fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni fl-1 ta’ Marzu 2016, sa’ din l-aħħar data. Barra minn hekk, mill-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara l-1 ta’ Marzu 2016, il-miżura ta’ detenzjoni tista’ għal darb’oħra tiġi estiża għal tul ta’ sittin jum, fil-limitu ta’ tul totali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur. |
33 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III, li jaqa’ taħt il-qasam li jinsab fit-titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
34 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju tal-urġenza, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment miċħuda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata fl-istat li tkun fiha fid-data tal-eżami tat-talba intiża biex jinkiseb li r-rinviju preliminari jkun is-suġġett ta’ proċedura b’urġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 40). |
35 |
F’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li, f’din id-data, S. B. Mirza kien imċaħħad mil-libertà. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li ż-żamma tal-persuna interessata f’detenzjoni tiddependi mir-riżultat tal-kawża prinċipali li għandha bħala suġġett il-legalità taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ S. B. Mirza. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-miżura ta’ detenzjoni li huwa suġġett għaliha S. B. Mirza ġiet ordnata fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Jannar 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
37 |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal-aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu. |
38 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Dublin III għandu bħala għan, abbażi tal-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida. |
39 |
Ir-Regolament Dublin III ma fihx regoli li jipprekludu li l-applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur kemm qabel kif ukoll wara d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, peress li dan ir-regolament jillimita ruħu biex jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. |
40 |
Hekk kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, l-Artikolu 3(3) tar-regolament imsemmi, li ma fih ebda limitazzjoni ratione temporis, jipprovdi li kull Stat Membru “għandu jżomm” id-dritt li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur. Dan id-dritt jappartjeni, skont din id-dispożizzjoni, lil “[k]ull Stat Membru” u għandu jiġi eżerċitat “soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid-Direttiva [2013/32]”. |
41 |
Barra minn hekk, mill-premessa 12 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li d-Direttiva 2013/32 għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali rregolati minn dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni tal-istess direttiva. |
42 |
B’hekk, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil li r-Regolament Dublin III u d-Direttiva 2013/32 jifformaw parti sħiħa minnha, il-kunċett ta’ pajjiż terz sigur jista’ jiġi applikat mill-Istati Membri kollha, kemm jekk ikun l-Istat Membru magħżul bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali abbażi tal-kriterji li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jew jekk ikun Stat Membru ieħor, abbażi tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament. |
43 |
Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, li fid-dawl tiegħu l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fakultà għal Stat Membru li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur wara li r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni tkun ġiet stabbilita konformement mar-Regolament Dublin III, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu, li huwa intiż biex iħaffef l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jiddefinixxi każijiet li fihom tali applikazzjoni titqies li hija inammissibbli, bl-ebda mod ma jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament li tali applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur. |
44 |
L-użu tat-termini “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III]” fl-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 ma jippermettix li tinġibed konklużjoni differenti. |
45 |
Fil-fatt, dawn it-termini jirrigwardaw każijiet li jiżdiedu ma’ dawk previsti mill-imsemmi regolament, bħal dak tat-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli previst fl-Artikolu 26(1) tal-istess regolament, li fihom l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma humiex eżaminati. B’hekk, it-termini msemmija tad-direttiva msemmija ma jillimitawx il-portata tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III. |
46 |
Konsegwentement, il-fatt li Stat Membru jitqies li huwa responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ma jipprekludix li dan l-Istat Membru jibgħat, sussegwentement, lill-applikant lejn pajjiż terz sigur. |
47 |
Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-obbligu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, skont liema “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni”. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni msemmija tillimita ruħha biex tippreċiża ċerti obbligi tal-Istat Membru responsabbli, b’mod partikolari dak li jgħid li dan għandu jieħu ħsieb li l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jitlesta, u ma tirrigwardax id-dritt li applikant jintbagħat lejn pajjiż terz sigur. |
49 |
B’hekk, l-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III ma jillimitax il-portata tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Stat Membru li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, jaċċetta li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fil-mertu fl-ewwel istanza. |
50 |
Qari differenti tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jintroduċi eċċezzjoni tal-Artikolu3(3) ta’ dan ir-Regolament billi jċaħħad lill-Istati Membri li jieħdu lura lill-applikant b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(c) tal-imsemmi regolament, mid-dritt li jibagħtu lil dan l-applikant lejn pajjiż terz sigur. Issa, ma ssir ebda referenza għal tali eċċezzjoni fl-Artikolu (3) u din l-eċċezzjoni ma tista’ tkun iġġustifikata minn ebda wieħed mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Dublin III. |
51 |
Fil-fatt, il-preklużjoni ta’ Stat Membru milli jeżerċita d-dritt imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollha l-konsegwenza li applikant li jkun ħarab, mingħajr ma jkun stenna li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, lejn Stat Membru differenti minn dak li fih ikun ippreżentaha jkun, f’każ ta’ teħid lura mill-Istat Membru responsabbli, f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ ħaddieħor li stenna li jintemm l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu fl-Istat Membru responsabbli. |
52 |
Tali interpretazzjoni tirriskja li tinkoraġġixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li jmorru fi Stati Membri oħra, u b’hekk joħolqu movimenti sekondarji li r-Regolament Dublin III huwa intiż preċiżament li jipprevjeni billi jistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-kriterji uniformi intiżi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. |
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal‑aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu. |
Fuq it-tieni domanda
54 |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam. |
55 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tistabbilixxi l-preżunzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn applikanti li wasslu fit-territorju Ungeriż mis-Serbja, titqies li hija pajjiż terz sigur minn din il-leġiżlazzjoni, u li ma ppreżentawx applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan il-pajjiż terz. |
56 |
F’dan il-kuntest, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, ir-Regolament Dublin III ma jissuġġettax lill-Istat Membru responsabbli għal obbligu li jinforma lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment dwar il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri jew dwar il-prassi amministrattiva tiegħu dwar is-suġġett. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz sigur ma għandhomx impatt fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u fuq it-trasferiment tal-applikant ikkonċernat f’dan l-Istat Membru. |
58 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva 2013/32 teżiġi, abbażi tal-Artikolu 38(5) tagħha, li l-Istati Membri jinformaw regolament lill-Kummissjoni bil-pajjiżi terzi li lilhom jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż terz sigur, din bl-ebda mod ma timponi fuq l-Istat Membru responsabbli, meta dan jieħu lura lil applikant, li dan jinforma lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment bil-leġiżlazzjoni tiegħu relattiva għall-pajjiżi terzi siguri jew bil-prassi tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam. |
59 |
Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Istat Membru responsabbli lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ta’ komunikazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni tiegħu relattiva għall-pajjiżi terzi siguri u l-prassi amministrattiva tiegħu f’dan il-qasam ma tiksirx id-dritt tal‑applikant għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment u kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. |
60 |
Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, mill-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-applikant għandu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. |
61 |
Issa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura ta’ applikant, peress li l-Istat Membru responsabbli ma huwiex obbligat li jinforma lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment bil-leġiżlazzjoni tiegħu fis-seħħ li tistabbilixxi preżunzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant li wasal fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz sigur, iddefinit bħala tali minn din il-leġiżlazzjoni, in-nuqqas ta’ tali komunikazzjoni ma tistax tikser id-drittijiet tal-applikant. |
62 |
Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni relattiva għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu, fl-Istat Membru responsabbli, dritt għal rimedju effettiv, abbażi tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilu li jikkontesta d-deċiżjoni bbażata fuq ir-regoli tal-liġi nazzjonali relattivi għall-pajjiżi terzi siguri abbażi, skont is-sitwazzjoni individwali tiegħu, tal-Artikolu 38 jew tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva. |
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam. |
Fuq it-tielet domanda
64 |
Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għandhiex titkompla mill-istadju li fih ġiet interrotta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli. |
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-regolament imsemmi jeħtieġ li l-Istat Membru responsabbli jħares li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali “jitlesta”. Min-naħa l-oħra, dan ma jimponix fuq tali Stat Membru li jkompli l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi stadju proċedurali partikolari. |
66 |
Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, sa fejn jeżiġi li l-applikant ikollu d-dritt li jitlob li tittieħed deċiżjoni finali fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu, kemm jekk fil-kuntest tal-proċedura li ġiet interrotta fil-kuntest ta’ proċedura ġdida li ma għandhiex titqies li hija applikazzjoni ulterjuri, huwa intiż biex jiżgura lill-applikant eżami tal-applikazzjoni tiegħu li tissodisfa r-rekwiżiti li d-Direttiva 2013/32 tipprevedi għall-ewwel applikazzjonijiet fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hija intiża la biex tistabbilixxi l-mod li bih il-proċedura għandha titkompla f’tali sitwazzjoni u lanqas biex iċċaħħad lill-Istat Membru responsabbli mill-possibbiltà li jiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli. |
67 |
Min-naħa l-oħra, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi espressament li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtorità responsabbli mill-eżami, fl-ewwel istanza, tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali biex ikomplu l-eżami ta’ applikazzjoni mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta, mingħajr madankollu ma jobbligahom jagħmlu dan. |
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, dan ma jimponix li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu tkompli mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta. |
Fuq l-ispejjeż
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.