SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva 2005/60/KE — Miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti — Direttiva 2007/64/KE — Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern”

Fil-Kawża C‑235/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (qorti provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Safe Interenvíos SA

vs

Liberbank SA,

Banco de Sabadell SA,

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Safe Interenvíos SA, minn A. Selas Colorado u D. Solana Giménez, abogados,

għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u B. García Gómez, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Rebelo u G. Miranda, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u I.V. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Nru 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15), kif emendata mid-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 331, p. 120, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-ħasil tal-flus”), moqrija flimkien mal-Artikoli 5, 7 u 13 ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Safe Interenvíos SA (iktar ’il quddiem “Safe”), istituzzjoni ta’ ħlas, u Liberbank SA (iktar ’il quddiem “Liberbank”), Banco de Sabadell SA (iktar ’il quddiem “Sabadell”) u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (iktar ’il quddiem “BBVA”), tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“banek”), dwar ix-xoljiment mill-banek ta’ kontijiet li kienet proprjetarja tagħhom peress li huma kellhom suspetti ta’ ħasil tal-flus.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus

3

Kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-miżuri meħuda fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu “għandhom [...] ikunu konsistenti ma’ azzjonijiet oħra meħuda f’fora internazzjonali” u b’mod partikolari, “[jieħdu] [...] kont [...] tar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-‘FATF’), li jikkostitwixxi l-korp internazzjonali prinċipali attiv fil-ġlieda kontra l-money laundering [il-ħasil tal-flus] u l-finanzjament tat-terroriżmu. Billi r-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF ġew riveduti u mwessa b’mod sostanzjali fl-2003, din id-Direttiva għandha tiġi allinjata ma’ dak l-istandard internazzjonali ġdid”.

4

Il-premessa 10 tal-imsemmija direttiva tipprovdi kif ġej:

“L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva għandhom, konformement ma’ din id-Direttiva, jidentifikaw u jivverifikaw l-identità tas-sid benefiċjarju. Sabiex jissodisfaw dan ir-rekwiżit għandu jitħalla f’idejn dawk l-istituzzjonijiet u persuni jekk jagħmlux użu mir-records pubbliċi tas-sidien benfiċjarji, jekk jistaqsux lill-klijenti tagħhom għad-data rilevanti jew jakkwistawx l-informazzjoni b’xi mod ieħor, b’kont meħud tal-fatt li l-firxa ta’ dawn il-miżuri ta’ ‘diliġenza dovuta mal-klijent’ hija relatata mar-riskju ta’ money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu, li jiddependi fuq it-tip ta’ klijent, ir-relazzjoni ta’ negozju, il-prodott jew it-transazzjoni.”

5

Il-premessi 22 u 24 tal-istess direttiva jistabbilixxu:

“(22)

Għandu jkun rikonoxxut li r-riskju ta’ money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu m’humiex l-istess f’kull każ. Konformement ma’ metodu bbażat fuq ir-riskju, għandu jkun introdott il-prinċipju fil-liġi Komunitarja li f’każijiet xierqa tiġi aċċettata forma simplifikata tad-diliġenza dovuta mal-klijent.

[...]

(24)

Bl-istess mod, il-liġi Komunitarja għandha tirrikonoxxi li ċerti sitwazzjonijiet jippreżentaw riskju ikbar ta’ money laundering jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għalkemm għandhom jiġu stabbiliti l-identità u l-profil tan-negozju tal-klijenti kollha, ikun hemm każijiet fejn ikunu meħtieġa proċeduri partikolarment rigorużi ta’ l-identifikazzjoni tal-klijent u ta’ verifika.”

6

Il-premessa 33 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tindika li l-iżvelar ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 28 għandu jkun skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali lill-pajjiżi terzi kif stabbilit fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-data personali”) u li, barra minn hekk, dan l-Artikolu 28 ma jistax jinterferixxi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u tas-segretezza professjonali.

7

Il-premessa 48 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tindika li din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u ma għandhiex tiġi interpretata jew implementata b’mod li ma jkunx konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

8

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu bi ħsieb, għandhom jitqiesu bħala money laundering:

a)

il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività, għall-iskop ta’ ħabi jew travestiment ta’ l-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali ta’ l-azzjoni tagħha;

b)

il-ħabi jew travestiment tan-natura, sors, lokalità, dispożizzjoni, moviment, jew sidien veri tal-proprjetà jew tad-drittijiet veri fir-rigward tagħha, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività;

ċ)

l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ proprjetà, bil-konoxxenza, fiż-żmien tar-riċezzjoni tagħha, li tali proprjetà ġiet minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività;

d)

il-kompliċità, l-assoċjazzjoni, it-tentattiv, u l-għoti ta’ għajnuna, l-istigazzjoni, l-aġevolazzjoni u l-għoti ta’ pariri fit-twettiq jew għat-twettiq ta’ xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti hawn fuq.”

9

Skont l-Artikolu 2(1), id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tapplika għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji u għal diversi persuni ġuridiċi jew fiżiċi, fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom.

10

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi “istituzzjoni ta’ kreditu” billi jirreferi għad-definizzjoni tal-istess espressjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Volum 3, p. 272), jiġifieri bħala “intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depositi jew fondi oħra ri-pagabli mill-pubbliku u li tgħati krediti mil-kont tagħha stess”.

11

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, id-definizzjoni ta’ “istituzzjoni finanzjarja” tinkludi “impriża oħra li ma tkunx istituzzjoni tal-kreditu li twettaq xi waħda jew aktar mill-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti 2 sa 12 u l-punti 14 sa 15 tal-Anness I mad-Direttiva 2006/48/KE” tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 302, p. 97). Din il-lista ta’ attivitajiet tinkludi, fil-punt 4 ta’ dan l-anness, is-“servizzi ta’ ħlas kif definit fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/64/KE” tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2009/111 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas”), u fil-punt 5 tal-imsemmi anness, “[i]l-ħruġ u l-amministrazzjoni ta’ mezzi oħra ta’ ħlas [...] safejn din l-attività mhijiex koperta mill-punt 4.”

12

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ disposizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu.”

13

IL-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, intitolat “Diliġenza dovuta mal-klijent”, jinkludi, fl-Artikoli 6 sa 10 ta’ din id-direttiva, dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam tad-diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, fl-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmija direttiva, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-diliġenza ssemplifikata fir-rigward tal-klijenti kif ukoll, fl-Artikolu 13 tal-istess direttiva, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti.

14

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti meta jistabbilixxu relazzjoni kummerċjali, meta jikkonkludu tranżazzjonijiet okkażjonali li jammontaw għal EUR 15000 jew iktar; fejn ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, indipendentement minn kull deroga, eżenzjoni jew ammont operattiv; u meta jkun hemm dubji dwar il-veraċità jew ir-rilevanza ta’ data ta’ identifikazzjoni tal-klijent miksuba preċedentement.

15

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus:

“1.   Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta mal-klijent għandhom jinkludu:

a)

l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika ta’ l-identità tal-klijent fuq il-bażi ta’ dokumenti, data jew informazzjoni li jinkisbu minn sors affidabbli u indipendenti;

b)

l-identifikazzjoni, fejn ikun applikabbli, tas-sid benefiċjarju u t-teħid ta’ miżuri li jieħdu kont tar-riskji u li jkunu adegwati sabiex tiġi verifikata l-identità tiegħu [...]

ċ)

il-ksib ta’ informazzjoni dwar l-iskop u n-natura prevista tar-relazzjoni ta’ negozju;

d)

l-eżerċizzju ta’ sorveljanza kontinwa tar-relazzjoni ta’ negozju inkluż skrutinju tat-transazzjonijiet matul il-kors ta’ dik ir-relazzjoni [...]

2.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva għandhom japplikaw kull waħda mir-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta mal-klijent stabbiliti fil-paragrafu 1, iżda jistgħu jistabbilixxu l-firxa ta’ dawn il-miżuri fuq bażi tal-konoxxenza tar-riskju skond it-tip ta’ klijent, relazzjoni ta’ negozju, prodott jew transazzjoni. L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti [...] li l-entità tal-miżuri hija adattata fid-dawl tar-riskji tal-money laundering u tal-finanzjament tat-terroriżmu.”

16

L-Artikolu 9(1), (5) u (6) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jiġu verifikati qabel ma tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ negozju jew it-twettiq tat-transazzjoni.

[...]

5.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li, fejn l-istituzzjoni jew il-persuna konċernata ma jistgħux jikkonformaw mal-punti (a), (b) u (ċ) ta’ l-Artikolu 8(1), dawn ma jistgħux iwettqu transazzjonijiet permezz ta’ kont bankarju, jew jistabbilixxu relazzjoni ta’ negozju jew iwettqu t-transazzjoni, jew ikollhom itemmu [...] r-relazzjoni ta’ negozju, u jkollhom jikkonsidraw li jagħmlu rapport lill-unità ta’ l-intelliġenza finanzjarja (FIU) skond l-Artikolu 22 fir-rigward tal-klijent.

[...]

6.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-istituzzjonjiet u l-persuni koperti b’din id-Direttiva japplikaw proċeduri ta’ diliġenza dovuta mhux biss mal-klijenti ġodda iżda wkoll fi żminijiet xierqa ma’ klijenti eżistenti fuq il-bażi tal-konoxxenza tar-riskji.”

17

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikoli 7(a), (b) u (d), 8 u 9(1), l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżiti msemmija f’dawk l-Artikoli fejn il-klijent ikun istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja koperta minn din id-Direttiva, jew istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li tkun tinsab f’pajjiż terz li jimponi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva u li tkun sorveljata għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti.”

18

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jipprevedi ċirkustanzi oħra li fihom, b’deroga mill-Artikolu 7(a), (b) u (d), mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għall-imsemmija direttiva ma japplikawx l-obbligi ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti. Skont l-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva, l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din tal-aħħar fi kwalunkwe każ għandhom jiġbru l-informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit jekk il-klijent jissodisfax il-kundizzjonijiet rekwiżiti sabiex jibbenefika minn deroga msemmija fl-Artikolu 11(1) u (2).

19

Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu mill-istituzzjonijiet u mill-persuni koperti minn din id-Direttiva, li japplikaw, fuq il-bażi tal-konoxxenza tar-riskju, miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta mal-klijent, flimkien mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 7, 8 u 9(6), f’sitwazzjonijiet li min-natura tagħhom jistgħu joħolqu riskju ikbar ta’ money laundering jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, u għallinqas fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2, 3, u 4 u f’sitwazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw riskju kbir ta’ money laundering jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jissodisfaw il-kriterji tekniċi stabbiliti skond l-Artikolu 40(1)(ċ).”

20

L-Artikolu 13(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ikopri l-każijiet li fihom il-klijent ma huwiex fiżikament preżenti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tiegħu, każijiet ta’ relazzjonijiet transkonfinali tal-korrispondent bankarju ma’ istituzzjonijiet korrispondenti ta’ pajjiżi terzi kif ukoll każijiet ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ relazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni li huma esposti politikament li jirrisjedu fi Stat Membru għajr l-Istat Membru kkonċernat jew f’pajjiż terz. Fir-rigward ta’ każijiet bħal dawn, hemm elenkati miżuri speċifiċi ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti.

21

Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe attività li huma jqisu, min-natura tagħha, possibbilment relatata mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

22

L-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, li flimkien mal-Artikolu 23 tagħha, jipprevedi obbligi ta’ dikjarazzjoni, jeżiġi istituzzjonijiet u persuni suġġetti għal din id-direttiva, u skont il-każ, id-diretturi u l-impjegati tagħhom, jikkooperaw b’mod sħiħ, billi jinformaw minnufih lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja, minn rajhom, meta jkollhom għarfien, suspett jew motivi raġonevoli li jissuspettaw, li qiegħed jitwettaq jew twettaq attentat ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

23

L-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tipprekludi lill-istituzzjonijiet jew lill-persuni suġġetti għal din id-direttiva, kif ukoll lid-diretturi u lill-impjegati tagħhom, jiżvelaw lill-klijent ikkonċernat jew lil terzi li ġiet trażmessa informazzjoni skont l-Artikoli 22 u 23 tal-imsemmija direttiva jew li qiegħda ssir jew ser issir investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

24

Skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-istituzzjonijiet u lill-persuni suġġetti għal din id-direttiva jimplementaw miżuri u proċeduri adattati u xierqa rigward diliġenza tal-klijent, rapportaġġ, żamma ta’ rekords, kontroll intern, analiżi tar-riskju, ġestjoni tar-riskju, ġestjoni tal-konformità u ta’ komunikazzjoni sabiex jiġu antiċipati u preklużi operazzjonijiet marbuta mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

25

L-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, li flimkien mal-Artikolu 36 tagħha, tikkonċerna s-sorveljanza, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu, li l-Istati Membri jeżiġu minn tal-inqas li l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw b’mod effikaċji, u jieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jiżguraw, il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva mill-istituzzjonijiet u mill-persuni kollha koperti minnha.

Id-Direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas

26

Id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli li jistabbilixxu sitt kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, fosthom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2006/48 u l-istituzzjonijiet ta’ ħlas fis-sens tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.

27

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

3)

‘servizzi ta’ ħlas’ tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness; [li tinkludi l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas];

4)

‘istituzzjonijiet tal-ħlas’ tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 10 [li jeżiġi li impriżi li għandhom l-intenzjoni li jipprovdu servizzi ta’ ħlas jiksbu awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ ħlas qabel ma jibdew il-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas], biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ ħlas fil-Komunità kollha;

[...]

22)

‘aġent’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi akkont ta’ istituzzjoni tal-ħlas fil-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas;

[...]”

28

Skont l-Artikolu 5(f) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, talba għal kisba ta’ awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni tal-ħlas, għandha tinkludi ċertu numru ta’ dokumenti, fothom “deskrizzjoni tal-mekkaniżmi interni ta’ kontroll li l-applikant ikun stabbilixxa sabiex jikkonforma ma’ l-obbligi f’relazzjoni mal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu skond [id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus]”. L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas jipprovdi li awtorizzazzjoni tingħata “jekk l-informazzjoni u l-evidenza flimkien ma’ l-applikazzjoni [jikkonformaw] mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 5 u jekk il-valutazzjoni ġenerali ta’ l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu eżaminaw l-applikazzjoni bir-reqqa, tkun favorevoli”. Skont l-Artikolu 12(1) ta’ din l-aħħar direttiva, awtorizzazzjonijiet jistgħu jiġu rtirati biss f’ċirkustanzi ddefiniti, b’mod partikolari, skont il-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-istituzzjoni tal-ħlas ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni.

29

Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, istituzzjoni ta’ ħlas intiża li tipprovdi servizzi ta’ ħlas permezz ta’ aġent għandha tikkomunika lill-Istat Membru tad-domiċilju tagħha ċerta informazzjoni li permezz tagħha dan l-aġent ikun jista’ jitniżżel f’reġistru aċċessibbli għall-pubbliku kif ipprovdut fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Din l-informazzjoni tinkludi l-isem u l-indirizz tal-aġent ikkonċernat u deskrizzjoni tal-mekkaniżmu intern ta’ kontroll li ser jintuża minn aġenti sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi fil-qasam tal-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu previsti fid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

30

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, l-Istati Membri għandhom jaħtru bħala awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza prudenti tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas “awtoritajiet pubbliċi, jew korpi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew mill-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom is-setgħa speċifika għal dak il-għan mil-liġi nazzjonali, inklużi banek ċentrali nazzjonali”. Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 20(1), “tali awtoritajiet għandhom jiggarantixxu indipendenza minn korpi ekonomiċi u jevitaw kunflitti ta’ interess. Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, awtoritajiet bħal dawn ma għandhomx huma stess ikunu istituzzjonijiet ta’ ħlas, istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi jew istituzzjonijiet ta’ kontijiet postali [...]”.

31

L-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, intitolat, “Superviżjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jikkontrollaw il-konformità kontinwa ma’ dan it-Titolu [intitolat ‘Fornituri ta’ Servizzi ta’ Ħlas’] [i]kunu proporzjonali u adegwati u li jkunu kapaċi jirreaġixxu għar-riskji li għalihom ikunu esposti l-istituzzjonijiet tal-ħlas.

Biex tkun ikkontrollata l-konformità ma’ dan it-Titolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati jieħdu l-passi li ġejjin, b’mod partikolari:

a)

jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tkun monitorjata l-konformità;

b)

iwettqu spezzjonijiet fil-post tal-istituzzjoni tal-ħlas, ta’ kwalunkwe aġent jew fergħa li jfornu servizzi ta’ ħlas taħt ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas, jew ta’ kwalunkwe entità li lilha jiġu outsourced operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ ħlas;

ċ)

joħorġu rakkomandazzjonijiet, linji gwida u, jekk applikabbli, dispożizzjonijiet amministrattivi li jorbtu; u

d)

jissospendu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 12.

2.   [...] l-Istati Membri għandhom [jipprovdu] li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, jistgħu, kontra l-istituzzjonijiet tal-ħlas jew dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju ta’ istituzzjonijiet tal-ħlas li jiksru liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw is-superviżjoni jew is-segwitu tan-negozju tagħhom ta’ servizzi ta’ ħlas, jadottaw jew jimponu [...] penali jew miżuri mmirati b’mod speċifiku biex itemmu l-ksur osservat jew il-kawżi ta’ tali ksur.

[...]”

32

L-Artikolu 79 tal-imsemmija direttiva, dwar “Protezzjoni tad-data” jipprovdi: “[l]-Istati Membri għandhom jippermettu l-ipproċessar ta’ data personali minn sistemi ta’ ħlas u minn fornituri tas-sistemi ta’ ħlas meta dan ikun meħtieġ biex jitħarsu l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u s-sejba ta’ frodi fil-ħlasijiet. L-ipproċessar ta’ tali data personali għandu jsir skond [id-Direttiva dwar id-Data Personali]”.

Id-dritt Spanjol

33

Il-Liġi 10/2010, dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (Ley 10/2010 de prevención del blanqueo de capitales y de la financiación del terrorismo), tat-28 ta’ April 2010 (BOE Nru 103, tat-29 ta’ April 2010, p. 37458), li tittrasponi fid-dritt Spanjol id-direttiva dwar il-ħasil tal-flus, tiddistingwi bejn tliet tipi ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, jiġifieri fl-Artikoli 3 sa 6 ta’ din il-liġi, il-miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, fl-Artikolu 9 tal-imsemmija liġi, il-miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti u, fl-Artikolu 11 tal-istess liġi, il-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti.

34

Il-miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti jinkludu, kif jipprevedu l-Artikoli 3 sa 6 tal-Liġi 10/2010 rispettivament, l-identifikazzjoni formali tal-persuni kkonċernati, l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji reali, il-kisba ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u n-natura tar-relazzjoni kummerċjali prevista u superviżjoni kostanti tar-relazzjoni kummerċjali.

35

L-Artikolu 7(1) tal-Liġi 10/2010 jipprovdi:

“Il-persuni suġġetti għal-liġi preżenti għandhom japplikaw il-miżuri kollha ta’ diliġenza previsti fl-artikoli preċedenti, iżda jistgħu jiddeterminaw il-grad ta’ applikazzjoni tal-miżuri inklużi fl-Artikoli 4, 5 u 6 skont ir-riskju u t-tip tal-klijent, ir-relazzjoni ta’ negozju, il-prodott jew it-tranżazzjoni, filwaqt li din l-informazzjoni tkun inkluża fil-politika espressa tal-ammissjoni tal-klijenti [...]

Il-persuni koperti mill-imsemmija liġi għandhom ikunu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti li l-miżuri adottati għandhom portata xierqa fir-rigward tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, b’analiżi minn qabel tar-riskju li, fi kwalunkwe każ, għandu jkun bil-miktub.

Il-persuni suġġetti għal-liġi preżenti għandhom japplikaw il-miżuri ta’ fejn hemm sinjali ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, indipendentement minn kull eżenzjoni, deroga jew limitu, jew fejn ikun hemm dubji dwar il-veraċità jew il-konvenjenza ta’ data miksuba preċedentement.”

36

Skont l-Artikolu 7(3) tal-Liġi 10/2010, il-persuni suġġetti għal din il-liġi ma jistgħux jibdew relazzjoni kummerċjali jew iwettqu tranżazzjoni jekk ma jkunux jistgħu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti minn din il-liġi. Jekk jirriżulta li dan huwa impossibbli matul ir-relazzjoni kummerċjali, huma għandhom itemmu din ir-relazzjoni.

37

L-Artikolu 9 tal-Liġi 10/2010 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet inklużi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), il-persuni suġġetti għal din il-liġi huma awtorizzati ma japplikawx il-miżuri ta’ diliġenza previsti fl-Artikoli 3(2), 4, 5 u 6 fir-rigward tal-klijenti segwenti:

[...]

b)

istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jew f’pajjiżi terzi ekwivalenti, li huma s-suġġett ta’ kontroll intiż li jiggarantixxi l-osservanza tal-miżuri ta’ diliġenza.

[...]

Il-ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi jista’ jeskludi permezz ta’ ordni, l-applikazzjoni ta’ miżuri ssemplifikati ta’ diliġenza fir-rigward ta’ ċerti klijenti.

2.   L-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti li tinkludi riskju żgħir ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu tista’ tiġi awtorizzata permezz ta’ regolament.

3.   Il-persuni suġġetti għal-liġi preżenti għandhom fi kwalunkwe każ jiġbru l-informazzjoni suffiċjenti sabiex jiddeterminaw jekk il-klijent jistax ikun koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet ipprovduti f’dan l-artikolu.”

38

L-Artikolu 11 tal-Liġi 10/2001 jindika:

“Il-persuni suġġetti għal din il-liġi għandhom japplikaw, minbarra l-miżuri ta’ diliġenza normali, miżuri msaħħa fil-każijiet imsemmija f’din is-sezzjoni u fil-każijiet l-oħra kollha msemmija mil-leġiżlazzjoni minħabba r-riskju kbir ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li għandhom.

Il-persuni suġġetti għal din il-liġi għandhom japplikaw ukoll, skont l-evalwazzjoni tar-riskju tagħhom, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fis-sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom, jistgħu jkollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. L-attivitajiet tal-banek privati, servizzi ta’ trasferiment ta’ fondi u t-tranżazzjonijiet ta’ kambju ta’ valuti barranin għandhom fi kwalunkwe każ jitqiesu li jippreżentaw tali riskju.

Il-miżuri ta’ diliġenza msaħħa meħtieġa fis-setturi u fl-oqsma tal-attivitajiet li għandhom riskju kbir ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jiġu awtorizzati permezz ta’ regolament.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

39

Safe hija kumpannija li tittrasferixxi fondi ta’ klijenti lejn Stati Membri għajr l-Istat Membru li fih hija stabbilita permezz ta’ kontijiet li għandha ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

40

Wara li skoprew irregolaritajiet dwar l-aġenti li ttrasferixxew fondi permezz ta’ kontijiet li Safe kellha magħhom, il-banek talbu informazzjoni mingħand Safe, skont il-Liġi 10/2010. Peress li Safe irrifjutat li tipprovdi din l-informazzjoni, il-banek għalqu l-kontijiet li Safe kellha magħhom.

41

Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-11 ta’ Mejju 2011, BBVA żvela irregolaritajiet lill-awtorità eżekuttiva tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u reati monetarji tal-Bank ta’ Spanja (Servicio Ejecutivo de la Comisión de Prevención de Blanqueo de Capitales e Infracciones Monetarias del Banco de España, iktar ’il quddiem is-“SEPBLAC”) u ddikjara lil dan tal-aħħar li kellu suspett li Safe kienet involuta f’ħasil tal-flus. Fit-22 ta’ Lulju 2011, BBVA nnotifika lil Safe li huwa kien għalaq irrevokabbilment il-kont tiegħu.

42

Safe ikkontestat id-deċiżjoni ta’ BBVA li jagħlaq il-kont tiegħu u deċiżjonijiet simili ta’ żewġ banek oħra quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no5 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 5 ta’ Barcelona), abbażi tal-fatt li l-għeluq tal-kont kien att ta’ kompetizzjoni żleali li kien jipprekludiha milli topera normali billi tittrasferixxi fondi lil Stati oħra għajr dak li fih kienet stabbilita. Għalhekk, Safe sostniet li kienet legalment obbligata jkollha kont mal-istituzzjoni bankarja sabiex twettaq tali trasferimenti tal-fondi, tranżazzjonijiet li hija kienet twettaq fil-banek, u li, fis-suq, hija kienet f’kompetizzjoni magħhom. Hija sostniet ukoll li l-banek kienu staqsewha tipprovdi data dwar il-klijenti tagħha, kif ukoll l-oriġini u l-finalità tal-fondi, bl-iskuża tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 10/2012, li hija kkontestata mill-banek, u l-fatt li din l-informazzjoni lill-banek kienet tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

43

Il-banek wieġbu li l-miżuri meħuda kienu konformi mal-Liġi 10/2010, li kienu ġġustifikati, b’mod partikolari minħabba r-riskju marbut mat-trasferiment tal-fondi minn istituzzjoni fi Stati oħra għajr dak li fih huwa stabbilit, u li ma kinux imorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni.

44

Fil-25 ta’ Settembru 2012, il-Juzgado de Mercantil no5 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 5 ta’ Barcelona) ċaħad ir-rikors ta’ Safe. Huwa ddeċieda li l-banek kienu intitolati jitolbu lil Safe tadotta miżuri msaħħa ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, bil-kundizzjoni li jidentifikaw, fl-aġir ta’ Safe, indizji ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 10/2010.

45

L-imsemmija qorti eżaminat f’kull każ konkret jekk l-aġir tal-banek kienx iġġustifikat. Hija sostniet li ebda wieħed mill-banek ma kiser projbizzjoni partikolari ta’ att antikompetittiv, iżda li Sabadell u Liberbank, għad-differenza ta’ BBVA, kienu jaġixxu b’mod żleali billi ma jimmotivawx il-miżuri meħuda. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li l-aġir ta’ BBVA kien iġġustifikat, peress li kien fondat fuq verifiki li juru li 22% tat-trasferimenti mwettqa permezz tal-kontijiet ta’ Safe matul il-perijodu mill-1 ta’ Settembru sat-30 ta’ Novembru 2010 ma kinux twettqu minn aġenti awtorizzati minn Safe u elenkati mal-Bank ta’ Spanja. Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, kienu saru trasferimenti minn 1291 persuna, numru li kien jeċċedi ferm dak tal-aġenti ta’ Safe. Barra minn hekk, rapport perizju kien ukoll ta prominenza lir-riskji ta’ trasferimenti li ma kinux twettqu minn aġenti identifikati.

46

Safe, Sabadell u Liberbank appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial, Barcelona (qorti provinċjali ta’ Barcelona), li qed teżamina dawn it-tliet appelli flimkien.

47

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-partijiet kollha involuti kienu suġġetti għal-Liġi 10/2010, minħabba li jaqgħu fil-kategoriji li hemm fil-lista tal-Artikolu 2 ta’ din il-Liġi, li jinkludu istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ ħlas. Barra minn hekk, il-partijiet kollha jikkompetu fis-suq u jeżerċitaw l-istess attività ta’ trasferimenti ta’ fondi fl-Istati għajr dak li fih huma stabbiliti. Madankollu, l-istituzzjonijiet ta’ ħlas bħal Safe għandhom iwettqu din l-attività permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħall-banek.

48

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Safe issostni, l-ewwel nett, li BBVA ma kinitx marbuta tadotta miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti meta l-klijenti jkunu istituzzjonijiet finanzjarji peress li dawn huma sorveljati direttament mill-awtoritajiet pubbliċi, f’dan il-każ, mill-Bank ta’ Spanja. It-tieni nett, fi Spanja, hija biss Sepblac li jista’ jkollha aċċess għal data relatata mal-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas. It-tielet nett, anki jekk BBVA kienet meħtieġa tadotta miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, hija kellha tmexxi studju fid-dettall u eżawrjenti tal-politika ta’ Safe għall-konformità ma’ leġiżlazzjoni rilevanti qabel ma tadotta tali miżuri. F’dan il-każ, BBVA kienet sempliċement talbet rapport perizju li kien tħejja bl-użu tad-data tagħha. Ir-raba’ nett, il-Liġi 10/2010 ma tapplikax għal persuni, bħal aġenti, li joffru għajnuna lil istituzzjonijiet finanzjarji għal trasferimenti ta’ fondi.

49

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Sabadell invokat il-fatt li s-sentenza tal-Juzgado de lo Mercantil no 5 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 5 ta’ Barcelona) aċċettat li Sabadell setgħet fil-prinċipju tadotta miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti, iżda kkunsidrat li ma setgħetx tagħmel hekk f’dan il-każ. Fir-rigward ta’ Liberbank, hija sostniet li kien iġġustifikat li jingħalaq il-kont miżmum minn Safe peress li din tal-aħħar ma kinitx ipprovdiet l-informazzjoni mitluba.

50

Il-qorti tar-rinviju tqis li jqumu tliet kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

51

L-ewwel nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ, fil-qasam irregolat mill-imsemmija direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiġu preklużi l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-leġiżlatur nazzjonali jistax jitqies li huwa awtorizzat jittrasponi l-eċċezzjoni jew id-deroga prevista fl-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva f’termini oħra minn dawk tal-kontenut tagħhom. L-Artikolu 9(1)(b) tal-Liġi 10/2010 jipprovdi li l-persuni suġġetti għal din il-liġi “huma awtorizzati ma japplikawx il-miżuri ta’ diliġenza” normali fir-rigward ta’ klijenti li huma istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi ekwivalenti, li huma suġġett għal kontroll intiż li jiggarantixxi l-osservanza ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti.

52

It-tieni nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni riedx jistabbilixxi eċċezzjoni ġenwina inkundizzjonata għall-obbligu, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħhom meta dawn tal-aħħar huma istituzzjonijiet ta’ ħlas huma stess suġġetti għal din id-direttiva, minħabba l-istatus tagħhom bħala istituzzjonijiet finanzjarji li huma suġġetti għas-sistema ta’ kontroll tagħhom stess.

53

It-tielet nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni testendix esklużivament għall-miżuri ta’ diliġenza jew jekk testendix biss għall-miżuri ta’ diliġenza msaħħa.

54

Kwistjonijiet oħra jqumu sussidjarjament, fil-każ fejn l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma awtorizzati jadottaw miżuri ta’ diliġenza jew miżuri ta’ diliġenza msaħħa jew huma anki obbligati jagħmlu dan, kemm jekk fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll jekk fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

55

Dawn il-kwistjonijiet l-oħra jikkonċernaw, minn naħa, ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas u huma intiżi li jiddeterminaw il-limiti tal-miżuri ta’ diliġenza u l-miżuri ta’ diliġenza msaħħa li l-istituzzjonijiet bankarji jistgħu, skont il-każ, japplikaw fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas. Min-naħa l-oħra, dawn jikkonċernaw il-punt dwar jekk il-fornitura minn istituzzjonijiet ta’ ħlas lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ data dwar il-klijenti tagħhom humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva dwar id-data personali.

56

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Barcelona (qorti provinċjali ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus:

a)

Fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ried jistabbilixxi eċċezzjoni vera għall-possibbiltà, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħhom stess meta dawn tal-aħħar huma istituzzjonijiet ta’ ħlas, li huma stess huma suġġetti għas-sistema ta’ sorveljanza tagħhom stess, jew din hija sempliċi awtorizzazzjoni sabiex tiġi prevista eċċezzjoni?

b)

Fir-rigward tal-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jittrasponi l-eċċezzjoni prevista mir-regola inkwistjoni f’termini differenti minn dawk tal-formulazzjoni tagħha?

c)

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tapplika fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fl-istess termini bħal fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza?

2)

Sussidjarjament, fil-każ fejn ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fis-sens li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jadottaw miżuri ta’ diliġenza u miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:

a)

Il-possibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissorveljaw l-operazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas sa fejn testendi? L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jitqiesu bħala li huma awtorizzati mid-dispożizzjonijiet [tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus] sabiex jikkontrollaw il-proċeduri u l-miżuri ta’ diliġenza adottati mill-istituzzjoni ta’ ħlas jew huma biss [l-awtoritajiet] pubbliċi msemmija [fid-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas], jiġifieri, f’dan il-każ, il-Bank ta’ Spanja li għandhom din is-setgħa?

b)

L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jadottaw miżuri teħtieġ xi ġustifikazzjoni partikolari marbuta mal-atti tal-istituzzjoni ta’ ħlas jew din il-possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata b’mod ġenerali, minħabba s-sempliċi fatt li l-istituzzjoni ta’ ħlas teżerċità attivita riskjuża bħat-trasferiment ta’ fondi barra mill-pajjiż?

c)

Jekk jiġi deċiż li hija meħtieġa ġustifikazzjoni konkreta sabiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:

i)

Liema huwa l-aġir rilevanti li l-istituzzjoni bankarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni bil-għan li tadotta miżuri ta’ diliġenza?

ii)

L-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ titqies bħala li hija awtorizzata tevalwa, għal dan il-għan, il-miżuri ta’ diliġenza li l-istituzzjoni ta’ ħlas tapplika fil-proċeduri tagħha?

iii)

L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà teħtieġ li l-istituzzjoni bankarja tkun identifikat, fl-operazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ ħlas, xi aġir li jġegħela tissuspetta dwar kollaborazzjoni f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus jew dwar finanzjament tat-terroriżmu?

3)

Barra minn hekk, fil-każ li jiġi deċiż li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma awtorizzati jadottaw miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:

a)

Huwa aċċettabbli li dawn il-miżuri jinkludu dik li [teħtieġ] li tingħata informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti kollha tal-istituzzjoni ta’ ħlas li minnhom joriġinaw il-fondi ttrasferiti kif ukoll informazzjoni dwar l-identità tad-destinatarji ta’ dawn il-fondi?

b)

Il-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni relatata mal-klijenti tagħhom lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li magħhom huma obbligati li joperaw u li magħhom huma [jinsabu] f’kompetizzjoni simultanja fis-suq huwa konformi mad-Direttiva dwar id-data personali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

57

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li BBVA bdiet ikollha suspetti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu wara li skopriet irregolaritajiet fl-informazzjoni dwar l-aġenti li kienu jittrasferixxu fondi permezz ta’ kont li Safe kellha magħhom. BBVA talbet informazzjoni mingħand Safe skont il-Liġi 10/2010 u, peress li din irrifjutat li tipprovdi informazzjoni, hija għalqet il-kont ta’ Safe. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi jawtorizza l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti sa fejn il-klijenti jkunu istituzzjonijiet finanzjarji li l-osservanza tagħhom ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti hija kkonrollata, skont l-Artikolu 11 tal-istess liġi, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti għandhom jiġu adottati f’sitwazzjonijiet li, fuq il-bażi ta’ riskju ta’ analiżi, jistgħu jkollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Fost is-sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom, għandhom tali riskju, hemm is-servizzi ta’ trasferiment tal-fondi.

58

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 5, 7, 11(1) u 13 tad-direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tawtorizza l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti sa fejn il-klijenti huma istituzzjonijiet finanzjarji li l-osservanza tal-miżuri ta’ diliġenza tagħhom ikkontrollata, u, min-naħa l-oħra, timponi fuq l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għall-imsemmija direttiva li japplikaw, skont l-evalwazzjoni tar-riskju tagħhom, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti fis-sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom, jista’ jkollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, bħat-trasferiment tal-fondi.

59

Id-direttiva dwar il-ħasil tal-flus tipprovdi, fis-sezzjonijiet 1 sa 3 tal-Kapitolu II tagħha, intitolat “Diliġenza dovuta mal-klijent”, tliet tipi ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, jiġifieri miżuri normali, issemplifikati u msaħħa.

60

Fis-Sezzjoni 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 7(a) sa (d) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva huma obbligati japplikaw miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, peress li huma jitqiesu li jippreżentaw riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, li jistgħu jiġu avżati billi jieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva. Dawn is-sitwazzjonijiet iqumu meta tiġi stabbilita relazzjoni kummerċjali, meta huma konklużi, okkażjonalment, tranżazzjonijiet ta’ ammont ta’ EUR 15000 minn tal-inqas, meta hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jew meta hemm dubji dwar il-veraċità jew ir-rilevanza tad-data li tkun inkisbet preċedentement għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-klijent.

61

Fis-sitwazzjonijiet li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi Artikolu 7, l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, li jinkludu, skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tiegħu, skont il-każ, l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju reali, il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-għan u n-natura prevista tar-relazzjoni kummerċjali u l-eżerċizzju ta’ diliġenza kontinwa tar-relazzjoni kummerċjali u tat-tranżazzjonijiet diġà konklużi. Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2), il-portata ta’ dawn l-obbligi ta’ diliġenza tista’ tiġi aġġustata skont ir-riskju assoċjat mat-tip ta’ klijent, tar-relazzjoni kummerċjali, tal-prodott jew tat-tranżazzjoni kkonċernata.

62

Skont l-Artikolu 9(6) tad-direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva japplikaw il-proċeduri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda tagħhom, iżda wkoll, f’mumenti xierqa, għall-klijenti eżistenti skont l-evalwazzjoni tar-riskji. Madankollu, skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżiġu l-verifika tal-identità tal-klijent u tal-benefiċjarju effettiv qabel ma tiġi stabbilita relazzjoni kummerċjali jew titwettaq tranżazzjoni.

63

Konsegwentement, fl-Artikoli 7 sa 9 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-leġiżlatur tal-Unjoni identifika ċ-ċirkustanzi li fihom huwa kkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi miżuri ta’ diliġenza normali sabiex tevita riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

64

F’sitwazzjonijiet oħra, li jiddependu, b’mod partikolari, mit-tip ta’ klijent, mir-relazzjoni kummerċjali, minn prodott jew minn tranżazzjoni, ir-riskju jista’ jkun ikbar jew iżgħar, kif jirriżulta mill-premessi 10, 22 u 24 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. L-Artikoli 11 u 13 ta’ din id-direttiva jikkonċernaw dawn is-sitwazzjonijiet u jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li jiġi applikati livelli differenti ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti.

65

Taħt ċerti kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, ma huwiex neċessarju li jiġu applikati miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti fl-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva f’sitwazzjonijiet fejn, fil-prinċipju, skont l-Artikolu 7(a), (b) u (d) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu applikati. L-imsemmija kundizzjonijiet jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li r-riskju tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu kien iżgħar minħabba, b’mod partikolari, l-identità tal-klijent jew tal-valur u tal-kontenut tat-tranżazzjoni jew tal-prodott.

66

Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, meta l-klijent ta’ istituzzjoni jew ta’ persuna suġġetta għal din id-direttiva tkun hija stess istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ istituzzjoni finanzjarja suġġetta għall-imsemmija direttiva.

67

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma jidderogax mill-Artikolu 7(c) ta’ din id-direttiva.

68

Skont din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti għandhom jiġu dejjem applikati meta jkun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kunċett li ma huwiex iddefinit f’din l-istess direttiva. Konsegwentement, meta jidher tali suspett, Stat Membru huwa prekluż milli jawtorizza jew jeżiġi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti.

69

Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Safe, id-deroga prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tostakolax leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-applikazzjoni, mill-istituzzjonijiet u mill-persuni kkonċernati, ta’ miżuri ta’ diliġenza skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

70

Fil-fatt, l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva huwa intiż li jidderoga minn miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tiegħu. Peress li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għall-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, li tidher fis-Sezzjoni 3 ta’ dan il-kapitolu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, din ma għandha ebda rilevanza fir-rigward tal-klijenti meħtieġa meta r-riskju huwa ikbar. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva huma awtorizzati japplikaw miżuri ssemplifikati ta’ diliġenza “skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju” f’każijiet adattati biss, kif tindika l-premessa 22 tal-imsemmija direttiva. Mill-premessa 24 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta li hemm każijiet fejn, anki jekk l-identità u l-profil kummerċjali tal-klijenti kollha kellhom ikunu stabbiliti, huwa neċessarju li jkun hemm proċeduri ta’ identifikazzjoni u ta’ verifika tal-identità partikolarment rigoruża minħabba riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

71

Konsegwentement, jekk hemm riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu kif previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-fatt li l-klijent stess huwa istituzzjoni jew persuna koperta mid-direttiva ma jipprekludix li Stat Membru jista’ jeżiġi l-applikazzjoni fir-rigward ta’ dan il-klijent ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fis-sens tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

72

L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jimponi lill-Istati Membri jipprovdu li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva japplikaw, skont l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskju, b’mod partikolari, f’sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom, jistgħu jkollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u, minn tal-inqas, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2) sa (4), miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti minbarra l-miżuri msemmija fl-Artikoli 7, 8 u 9(6) tal-imsemmija direttiva.

73

Mill-kelma “għallinqas” jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jelenka ċerti sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa, dan l-elenkar madankollu ma huwiex eżawrjenti. L-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni sinjifikanti, meta jittrasponu din id-direttiva, fir-rigward tal-metodu xieraq kif jimplementaw l-obbligu li jipprevedu miżuri ta’ diliġenza msaħħa u jiddeterminaw kemm is-sitwazzjonijiet li fihom hemm riskju ikbar kif ukoll il-miżuri ta’ diliġenza.

74

Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li fl-Artikolu 13(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma hemmx riferiment għat-trasferiment ta’ fondi minn istituzzjoni fi Stati oħra għajr dawk li fih hija stabbilita, dan l-artikolu ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jidentifikaw fid-dritt nazzjonali tagħhom, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, sitwazzjonijiet oħra li min-natura tagħhom, jippreżentaw riskju ikbar u għalhekk jiġġustifikaw jew anki jeżiġu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti minbarra miżuri ta’ diliġenza normali.

75

Konsegwentement, minkejja d-deroga prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-Artikoli 7 u 13 ta’ din id-direttiva jobbligaw lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għall-imsemmija direttiva japplikaw, fis-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw klijenti, huma stess istituzzjonijiet jew persuni suġġetti għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 7(c) ta’ din id-direttiva u l-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva fis-sitwazzjonijiet li min-natura tagħhom jistgħu jippreżentaw riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

76

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Liġi 10/2010 li jawtorizza applikazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward ta’ istituzzjonijiet finanzjarji anki fin-nuqqas ta’ suspett jew ta’ riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikoli 7(c) u 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus sempliċement tipprovdi livell ta’ armonizzazzjoni minimu u li, anki meta l-Istati Membri jkunu ttrasponew korrettament l-Artikoli 7, 11 u 13 ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom, l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jippermettilhom jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 61).

77

Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-“disposizzjonijiet aktar stretti” msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jistgħu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom din id-direttiva tipprovdi ċertu tip ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u wkoll sitwazzjonijiet oħra li l-Istati Membri jqisu li jippreżentaw riskju.

78

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus huwa inkluż fil-Kapitolu I tiegħu, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, u japplika għad-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam irregolat minn din id-direttiva sabiex jiġi prekluż il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Minn dan jirriżulta li l-portata ta’ dan l-artikolu ma hijiex limitata għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Diliġenza dovuta mal-klijent”. Għaldaqstant, Stat Membru jista’ għalhekk jipprovdi li miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti jiġu applikati minn istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas anki meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ikunu ssodisfatti, u għalhekk anki meta ma hemm ebda suspett, fis-sens tal-Artikolu 7(c) ta’ din id-direttiva, u f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 7 u 13 tal-imsemmija direttiva.

79

Billi jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw u jżommu fis-seħħ, fil-qasam irregolat mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiġi preklużi l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jagħtix lill-Istati Membri l-fakultà jew l-obbligu li jilleġiżlaw skont id-dritt tal-Unjoni, iżda sempliċement, għad-differenza tad-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, jirrikonoxxi l-poter tal-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali li jipprovdu tali dispożizzjonijiet iktar stretti barra mill-kuntest stabbilit minn din l-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 44).

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun:

L-Artikoli 5, 7, 11(1) u 13 tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tawtorizza l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti sa fejn ikunu huma istituzzjonijiet finanzjarji li l-konformità tagħhom ma’ miżuri ta’ diliġenza tkun suġġett għal superviżjoni fil-każ ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 7(c) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, timponi lill-istituzzjonijiet u lill-persuni suġġetti għall-imsemmija direttiva japplikaw, skont l-evalwazzjoni tar-riskju tagħhom, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti f’sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom, jista’ jkollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 13(1) ta’ din l-istess direttiva, bħat-trasferiment ta’ fondi.

Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta’ tali suspett jew ta’ tali riskju, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Fuq it-tieni domanda, ittri (a) u (c)(ii)

81

Permezz tat-tieni domanda, ittra (a) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi kif għandha tiġi interpretata d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus fir-rigward tal-limiti tal-poter li għandhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont din id-direttiva, fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas li huma l-klijenti tagħhom u li barra minn hekk huma suġġetti għall-imsemmija direttiva u għad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas. Permezz tat-tieni domanda, ittra (c)(ii) tagħha, hija essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandhiex tiġi interpretata fis-sens li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tevalwa l-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti applikati minn istituzzjoni ta’ ħlas.

82

Għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni konġunta tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u d-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, b’mod partikolari l-Artikolu 21 ta’ din tal-aħħar li tiddefinixxi l-poteri attribwiti lill-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-kontroll ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-poter li jista’ jiġi attribwit lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-qasam tas-superviżjoni tat-tranżazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas. Hija tikkunsidra li d-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas tattribwixxi dan il-kontroll biss lill-awtorità nazzjonali kompetenti, f’dan il-każ, is-Sepblac, iżda tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tattribwixxix indirettament lill-istituzzjonijiet bankarji ċertu poter ta’ kontroll ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas permezz tal-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ diliġenza msaħħa.

83

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tikkonċerna l-obbligi ta’ diliġenza li għandhom l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva. Għalhekk, l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-elementi ta’ relazzjoni kummerċjali li l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-direttiva għandhom jiksbu informazzjoni dwarhom.

84

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li, fil-każ li l-istituzzjoni jew il-persuna kkonċernata ma tikkonformax mal-Artikolu 8(1)(a) sa (c) ta’ din id-direttiva, hija ma tkunx tista’ twettaq tranżazzjoni permezz ta’ kont bankarju, tistabbilixxi relazzjoni kummerċjali jew twettaq kwalunkwe tranżazzjoni, jew ittemm ir-relazzjoni kummerċjali. Konsegwentement, l-adozzjoni ta’ miżura bħat-terminazzjoni ta’ relazzjoni kummerċjali, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, hija l-konsegwenza tal-inabbiltà ta’ istituzzjoni jew ta’ persuna suġġetta għal din id-direttiva li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ diliġenza li hija għandha skont l-Artikolu 8(1)(a) sa (c) tal-imsemmija direttiva, bħal dawk implementati mill-Istati Membri.

85

L-applikazzjoni tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tiddependix mill-punt dwar jekk istituzzjoni jew persuna suġġetta għal din id-direttiva tistax tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ diliġenza previsti fl-Artikolu 8(1)(a) sa (c) tal-imsemmija direttiva. Konsegwentement, il-fatt li klijent ta’ istituzzjoni jew persuna suġġetta għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tikkooperax billi tipprovdi informazzjoni li tippermettilha tikkonforma ruħha mad-dritt nazzjonali li jimplementa l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ma huwiex neċessarju sabiex jagħti lok għall-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 9(5) tal-imsemmija direttiva.

86

Madankollu, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva għandhom ikunu f’pożizzjoni li juru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva li l-portata tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-obbligu tagħhom ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, liema portata tista’ tiġi ddeterminata skont ir-riskju assoċjat mat-tip ta’ klijent, ta’ relazzjoni kummerċjali jew ta’ prodott jew tat-tranżazzjoni kkonċernata, hija adatta fid-dawl tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

87

F’dan ir-rigward, tali miżuri għandhom ikollhom rabta konkreta mar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu u jkunu proporzjonati ma’ dan ir-riskju. B’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ miżura bħat-terminazzjoni ta’ relazzjoni kummerċjali, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, ma għandhiex tiġi adottata fid-dawl tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti marbuta mar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

88

Barra minn hekk, l-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jimponi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw effettivament l-osservanza, mill-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva, li fosthom hemm istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ ħlas li japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti tagħhom, tal-obbligi previsti mill-imsemmija direttiva u li jieħdu l-miżuri għal dan il-għan.

89

Minn dan isegwi li l-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u ta’ dikjarazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, minn naħa, u l-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu sett ta’ miżuri kawtelatorji u dissważivi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll għall-preżervazzjoni tas-solidità u tal-integrità tas-sistema finanzjarja.

90

Kuntrarjament għal dak li ssostni Safe, dan ma jimplikax madankollu li, meta l-persuni u l-istituzzjonijiet jaġixxu skont il-liġijiet nazzjonali li jimplementaw l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva jassumu rwol ta’ sorveljanza rriżervat lill-awtoritajiet kompetenti.

91

Dan lanqas ma jimplika li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jistgħu jikkompromettu l-kompitu tas-sorveljanza tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas li huma inkarigati bih l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, sabiex jissorveljaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, intitolat “Fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas”, ta’ din id-direttiva u jistgħu jissostitwixxu l-imsemmija awtoritajiet ta’ sorveljanza.

92

Filwaqt li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandhom japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 11 u, skont il-każ, mal-Artikolu 13 tal-istess direttiva, u jistgħu għal dan il-għan iqisu neċessarju li jieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ diliġenza li l-klijenti tagħhom japplikaw fil-proċeduri tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll, fl-Artikoli 17 u 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas u l-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, huma rriżervati għall-awtoritajiet kompetenti.

93

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, ittri (a) u (c)(ii), għandha tkun li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva ma jistgħux jikkompromettu l-kompitu ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet tal-ħlas li, skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, huma inkarigati bih l-awtoritajiet kompetenti, u ma jistgħux jissostitwixxu lil dawn l-awtoritajiet. Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandha tiġi interpretata fis-sens li, filwaqt istituzzjoni finanzjarja tista’, fil-kuntest tal-obbligu ta’ sorveljanza li għandha fir-rigward tal-klijenti tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ diliġenza applikati minn istituzzjoni ta’ ħlas fir-rigward tal-klijenti tagħha stess, il-miżuri ta’ diliġenza kollha għandhom jiġu adattati għar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

Fuq it-tieni domanda, ittri (b) u (c)(i) u (iii)

94

Permezz tat-tieni domanda, ittri (b) u (c)(i) u(iii), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-każ fejn l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma jipprekludix li Stat Membru jista’ jawtorizza l-applikazzjoni minn istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas li hija l-klijent tagħha, jekk l-Artikoli 5 u 13 tal-imsemmija direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li meta Stat Membru juża l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtih l-Artikolu 13 jew il-kompetenza msemmija fl-Artikolu 5, l-applikazzjoni, minn istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas li hija l-klijent tagħha tista’ tkun ibbażata fuq it-tip ta’ attività ġenerali eżerċitata minn din l-istituzzjoni ta’ ħlas, f’dan il-każ, it-trasferiment ta’ fondi, jew huwiex neċessarju li jiġi identifikat, fit-tranżazzjonijiet tal-imsemmija istituzzjoni, aġir partikolari li jwassal għal suspett ta’ kollaborazzjoni f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

95

Din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ kawża li timplika istituzzjonijiet suġġetti għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, li bbażaw il-miżuri ta’ diliġenza tagħhom fir-rigward tal-klijenti tagħhom, istituzzjoni ta’ ħlas, fuq id-dritt nazzjonali applikabbli għal sitwazzjonijiet li huma identifikati mil-leġiżlatur nazzjonali bħala li għandhom riskju ikbar, f’dan il-każ, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasferiment ta’ fondi, li ma humiex imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. L-imsemmija domanda tikkonċerna ċirkustanzi li fihom Stat Membru jkun għamel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti minn dan l-artikolu fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas, jew inkella mill-kompetenza msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva sabiex jawtorizza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu japplikaw jew le l-miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti tagħhom li huma istituzzjonijiet ta’ ħlas u jadottaw, fir-rigward tagħhom, il-miżuri ta’ diliġenza li jqisu l-iktar xierqa.

96

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi jagħmel hekk, l-Istat Membru kkonċernat għandu madankollu jeżerċita din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati (ara, b’analoġija, is-sentenza Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 49).

97

Sabiex jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex osservat, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza għajr dawk issemplifikati fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas, bħal Safe, li tittrasferixxi fondi lejn Stati Membri oħra għajr dak li fih hija stabbilita, permezz ta’ kontijiet li għandha mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

98

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu jew il-fatt li huwa stabbilit fi Stat Membru għajr dak li fih il-provvista għandha titwettaq, iżda wkoll, l-eliminazzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dak tal-Istati Membri oħra, li tista’ possibbilment tipprekludi, tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi legalment servizzi simili (sentenza Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tirrendi l-fornitura ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE, bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-fornitura ta’ servizzi purament fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 57, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24).

99

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza għajr dawk issemplifikati fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas timplika spejjeż u diffikultajiet addizzjonali għall-fornitura ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ trasferimenti ta’ fondi li jiżdiedu mal-obbligi ta’ diliġenza li din l-istituzzjoni ta’ ħlas għandha twettaq hija stess skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Minħabba, b’mod partikolari, l-ispejjeż tat-traduzzjoni tad-data b’element transkonfinali, it-tariffa li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ diliġenza addizzjonali tista’ tkun ikbar fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ fondi transkonfinali, u għalhekk tista’ tiddiswadi l-imsemmija istituzzjoni ta’ ħlas milli tipprovdi dawn is-servizzi f’tali kuntest.

100

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel parti minn qasam li ma huwiex kompletament armonizzat fuq livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew kumpannija li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tiġi ġġustifikata sa fejn tirrifletti raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, sa fejn dan l-interess ma huwiex diġà ggarantit mir-regoli li għalihom huwa suġġett il-fornitur fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit u sa fejn hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija għandha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu (ara sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 37, u Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 60).

101

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

102

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jikkostitwixxu għan leġittimu li jista’ jiġġustifika ostakolu għal-libertà’ li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punti 62 sa 64 u 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

103

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-għan tal-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu, li huwa l-bażi tad-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, għandu jkun ibbilanċjat mal-protezzjoni ta’ interessi oħra, inkluża l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għalhekk, fis-sentenza Jyske Bank Gibraltar(C‑212/11, EU:C:2013:270, punti 49, 59 u 60), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw minn obbligu ta’ informazzjoni kienu permissibbli sa fejn tali obbligu huwa intiż li jsaħħaħ, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

104

It-tieni nett, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk tikkontribwixxi sabiex tnaqqas ir-riskju u tirrifletti t-tħassib li jintlaħaq dan l-għan b’mod koerenti u sistematiku. Tali leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfa dawn ir-rekwiżiti meta tidentifika, skont analiżi xierqa tar-riskju, inkluż b’rabta ma’ klijenti li jkunu istituzzjonijiet ta’ ħlas, riskju kbir fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tip ta’ klijent, ta’ pajjiż, ta’ prodott jew ta’ tranżazzjoni, u li fuq dik il-bażi tawtorizza u li, fuq din il-bażi, tawtorizza jew anki timponi fuq l-istituzzjonijiet u fuq il-persuni suġġetti għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus japplikaw, skont l-evalwazzjoni individwalizzata tagħhom, miżuri ta’ diliġenza xierqa fir-rigward tal-klijenti.

105

It-tielet nett, sabiex jiġi evalwat jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex proporzjonata, għandu jiġi ddeterminat il-livell ta’ protezzjoni mixtieq mill-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-livell ta’ riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li ġie identifikat.

106

Mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, b’mod partikolari, mill-Artikoli 5, 13(1) u mill-premessa 24 tagħhom, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, jistabbilixxu livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jidentifikaw sitwazzjonijiet li għandhom riskju ikbar u jawtorizzaw jew jimponu miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti għajr dawk previsti f’din id-direttiva. Meta jagħmlu hekk, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jidentifikaw il-miżuri speċifiċi li jkollhom jiġu applikati f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi jew jagħtu lil entitajiet koperti diskrezzjoni li japplikaw, abbażi ta’ analiżi adatta tar-riskju, il-miżuri meqjusa li huma proporzjonati mar-riskju inkwistjoni f’sitwazzjoni partikolari.

107

Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti li jistgħu jiġu applikati huma bbażati fuq evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-livell ta’ riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu marbuta ma’ klijent, ma’ relazzjoni ta’ negozju, ma’ kont, ma’ prodott jew ma’ tranżazzjoni, skont il-każ. Fin-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni, la huwa possibbli għall-Istat Membru kkonċernat u lanqas, skont il-każ, għall-istituzzjoni jew il-persuna suġġetta għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus li tiddeċiedi każ b’każ liema miżuri japplikaw. Fl-aħħar nett, meta ma hemmx riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, ma huwiex possibbli li jittieħdu miżuri preventivi abbażi ta’ dawn il-motivi.

108

Din l-analiżi tar-riskju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mill-inqas, il-fatti kollha rilevanti li jkunu jistgħu juru r-riskju ta’ wieħed mit-tipi ta’ aġir li jitqies li jikkostitwixxi ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

109

Barra minn hekk, il-fatt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex proporzjonata jiddependi wkoll mill-grad ta’ interferenza tal-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li għalihom tipprovdi drittijiet u interessi oħra protetti mid-dritt tal-Unjoni, bħall-protezzjoni tad-data personali prevista fl-Artikolu 8 tal-Karta u l-prinċipju tal-kompetizzjoni libera bejn persuni li joperaw fl-istess suq. Fil-fatt, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-ġustifikazzjoni, prevista mid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali li issa huma ggarantiti mill-Karta. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti jekk tkun tikkonforma mad-drittijiet fundamentali li r-rispett tagħhom huwa ggarantit mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 43, u Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 35). L-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni għandhom jiġu pparagunati ma’ dawn l-interessi leġittimi oħra.

110

Fl-aħħar nett, il-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tkunx proporzjonata jiddependi minn jekk ikunx hemm mezzi alternattivi u inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-istess livell ta’ protezzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreżupponi, b’mod ġenerali, li t-trasferimenti ta’ fondi dejjem għandhom riskju ikbar, mingħajr ma hija prevista l-possibbiltà li din il-preżunzjoni ta’ riskju tiġi kkonfutata għat-trasferimenti ta’ fondi li oġġettivament ma għandhomx tali riskju. Għalhekk, b’mod partikolari, leġiżlazzjoni li tipprovdi tali possibbiltà tidher inqas restrittiva, filwaqt li tippermetti l jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni mixtieq mill-Istat Membru kkonċernat.

111

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, ittri (b) u (c)(i) u (iii) għandha tkun li l-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkun ġiet adottata meta Stat Membru għamel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri, jew mill-kompetenza msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, għandha tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati. Minkejja li tali leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jkollha għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali u minkejja li l-preżunzjoni li t-trasferimenti ta’ fondi minn istituzzjoni suġġetta għall-imsemmija direttiva fi Stati għajr dak li fih huwa stabbilit dejjem ikollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, hija adatta sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, din il-leġiżlazzjoni madankollu tkun tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-finijiet tal-għan li hija ssegwi, sa fejn il-preżunzjoni li hija tistabbilixxi tapplika għal kull trasferiment ta’ fondi, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li tikkonfutaha fil-każ ta’ trasferimenti ta’ fondi li oġġettivament ma għandhomx tali riskju.

Fuq it-tielet domanda

112

Permezz tat-tielet domanda, ittra (b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar id-data personali għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lill-Istati Membri jobbligaw istituzzjonijiet ta’ ħlas jipprovdu informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti tagħhom lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma kompetituri diretti tagħhom, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li huma japplikaw. It-tielet domanda, ittra (a), hija intiża li jiġi evalwat jekk miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti jistgħux jeżiġu l-għoti ta’ data dwar l-identità tal-klijenti kollha tal-istituzzjoni ta’ ħlas li minnhom joriġinaw il-fondi ttrasferiti kif ukoll dawk dwar l-identità tad-destinatarji ta’ dawn il-fondi.

113

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi huma intiżi li jiġi ċċarat, mill-perspettiva tad-Direttiva dwar id-data personali, jekk il-miżuri ta’ diliġenza u l-miżuri ta’ diliġenza msaħħa jistgħu jikkostitwixxu eċċezzjoni li tippermetti l-għoti ta’ data personali. Għall-qorti tar-rinviju, hija kwistjoni, b’mod partikolari, ta’ liema data għandha tingħata lill-istituzzjonijiet ta’ ħlas fuq talba ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, u f’liema każijiet tali data tista’ tingħata.

114

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, riflessa fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-bżonn li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali jeżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u ġuridiku tad-domandi li hija tagħmel jew, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 47). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija biss awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti pprovduti mill-qorti nazzjonali (digriet Argenta Spaarbank,C‑578/14, EU:C:2015:372, punt 14).

115

Il-qorti tar-rinviju għandha tindika wkoll ir-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din diġà ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet bażiċi għar-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li talbet l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża quddiemha (digrieti Equitalia Nord, C‑68/14, EU:C:2015:57, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Argenta Spaarbank, C‑578/14, EU:C:2015:372, punt 15).

116

Fil-fatt, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet oħra kkonċernati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li din il-possibbiltà tkun salvagwardjata, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (digriet Argenta Spaarbank, C‑578/14, EU:C:2015:372, punt 16).

117

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod ġenerali għad-Direttiva dwar id-data personali mingħajr ma tindika bi preċiżjoni suffiċjenti d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tingħata risposta utli mill-Qorti tal-Ġustizzja.

118

Barra minn hekk, id-domanda dwar il-kontenut tal-informazzjoni mitluba minn Safe fil-kuntest tal-miżuri ta’ diliġenza applikati fir-rigward tagħha mill-banek ġiet diskussa. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, BBVA sostniet li hija qatt ma talbet data personali dwar il-klijenti ta’ Safe jew id-destinatarji ta’ fondi ttrasferiti, iżda talbet biss informazzjoni dwar l-aġenti li jaġixxu f’isem Safe u jużaw il-kontijiet tagħha.

119

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilta fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża u tislet minnhom il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li ntalbet tagħti (ara s-sentenza Accor, C‑310/09, EU:C:2011:581, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet domanda hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

121

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 5, 7, 11(1) u 13 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tawtorizza l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti sa fejn dawn ikunu istituzzjonijiet finanzjarji li l-konformità tagħhom ma’ miżuri ta’ diliġenza tkun suġġett għal superviżjoni fil-każ ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 7(c) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, timponi lill-istituzzjonijiet u lill-persuni suġġetti għall-imsemmija direttiva japplikaw, skont l-evalwazzjoni tar-riskju tagħhom, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti f’sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom, jista’ jkollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 13(1) ta’ din l-istess direttiva, bħat-trasferiment ta’ fondi.

Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta’ tali suspett jew ta’ tali riskju, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

 

2)

Id-Direttiva 2005/60, kif emendata bid-Direttiva 2010/78, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istituzzjonijiet u l-persuni suġġetti għal din id-direttiva ma jistgħux jikkompromettu l-kompitu ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet tal-ħlas li, skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/111 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, huma inkarigati bih l-awtoritajiet kompetenti, u ma jistgħux jissostitwixxu lil dawn l-awtoritajiet. Id-Direttiva 2005/60, kif emendata bid-Direttiva 2010/78, għandha tiġi interpretata fis-sens li, filwaqt istituzzjoni finanzjarja tista’, fil-kuntest tal-obbligu ta’ sorveljanza li għandha fir-rigward tal-klijenti tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ diliġenza applikati minn istituzzjoni ta’ ħlas fir-rigward tal-klijenti tagħha stess, il-miżuri ta’ diliġenza kollha għandhom jiġu adattati għar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

 

3)

L-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2005/90, kif emendata bid-Direttiva 2010/78, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkun ġiet adottata meta Stat Membru għamel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jagħti lill-Istati Membri, jew mill-kompetenza msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, għandha tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati. Minkejja li tali leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jkollha għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali u minkejja li l-preżunzjoni li t-trasferimenti ta’ fondi minn istituzzjoni suġġetta għall-imsemmija direttiva fi Stati għajr dak li fih huwa stabbilit dejjem ikollhom riskju ikbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, hija adatta sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, din il-leġiżlazzjoni madankollu tkun tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-finijiet tal-għan li hija ssegwi, sa fejn il-preżunzjoni li hija tistabbilixxi tapplika għal kull trasferiment ta’ fondi, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li tikkonfutaha fil-każ ta’ trasferimenti ta’ fondi li oġġettivament ma għandhomx tali riskju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.