SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żnaturament ta’ provi”

Fil-Kawża C‑431/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn I. Chalkias u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, R. Sauer u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla Manja, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader, D. Šváby u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Safjan, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Lulju 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (T‑52/12, EU:T:2014:677, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/157/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2011, dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 (ĠU 2012, L 78, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-punt 4.1 tal-Qafas [Komunitarju] temportanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ [l-aċċess] għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, tas-17 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009, C 16, p. 1, iktar ’il quddiem il-“QKT”), jipprevedi:

“[…]

Fid-dawl tas-serjetà tal-kriżi finanzjarja attwali u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija globali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tqis li xi kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat huma ġġustifikati, għal perjodu limitat, biex dawn id-diffikultajiet jiġu ssanati u li dawn jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq [intern] fuq il-bażi tal-Artikolu [107](3)(b) [TFUE].”

3

Skont it-tielet subparagrafu tal-punt 4.2.2 tal-QKT:

“Il-Kummissjoni se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu [107](3)(b) [TFUE] sakemm l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

[…]

(h)

din il-miżura ta’ għajnuna m’għandhiex tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli […]”.

4

Skont il-punt 7 tal-QKT:

“[...]

Skond l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li mhix skond il-liġi [ĠU 2002, C 119, p. 22], il-Kummissjoni se tapplika dan li ġej fil-każ ta’ għajnuna mhix notifikata:

(a)

din il-Komunikazzjoni, jekk l-għajnuna ngħatat wara is-17 ta’ Diċembru 2008;

(b)

il-linji gwida applikabbli meta l-għajnuna tkun ingħatat fil-każijiet l-oħra kollha.

[...]”

5

Il-QKT ġie emendat permezz tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru 2009 (C 261, p. 2, iktar ’il quddiem il-“QKT emendat”). Skont il-punt 1 ta’ din il-komunikazzjoni:

“[…]

Il-possibbiltà skont il-punt 4.2 [tal-QKT] li jingħata ammont limitat kompatibbli ta’ għajnuna ma japplikax għall-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli. Il-bdiewa, madankollu, iltaqgħu ma’ diffikultajiet akbar biex jiksbu l-kreditu bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja.

[…] jixraq li jiġi introdott ammont limitat kompatibbli separat għall-għajnuna lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli.”

6

It-tielet subparagrafu tal-punt 4.2.2 tal-QKT emendat jiddisponi:

“Il-Kummissjoni se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu [107](3)(b) [TFUE] sakemm l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

[…]

(h)

[…] Meta l-għajnuna tingħata lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli […], l-għotja ta’ flus (jew l-ekwivalneti gross tal-għotja) ma taqbiżx EUR 15000 l-impriża […]”.

7

Il-QKT emendat daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Ottubru 2009.

Id-dritt Grieg

8

Il-Liġi 1790/1988 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola u dispożizzjonijiet oħrajn (FEK A’ 134/20.6.1988, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1790/1988”) stabbilixxiet organu ta’ interess pubbliku, imsejjaħ “Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola” (ELGA). L-ELGA hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li tappartjeni kollha kemm hi lill-Istat, li l-attività tagħha, b’mod partikolari, hija li tassigura l-produzzjonijiet veġetali u tal-annimali kif ukoll il-kapital veġetali u l-kapital tal-annimali tal-ażjendi agrikoli għad-danni li jirriżultaw mir-riskji naturali.

9

Konformement mal-Artikolu 3a tal-Liġi 1790/1988, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, l-iskema ta’ assigurazzjoni mal-ELGA hija obbligatorja u tkopri r-riskji naturali.

10

Skont l-Artikolu 5a tal-Liġi 1790/1988, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni favur l-ELGA hija imposta fuq il-produtturi agrikoli li huma benefiċjarji ta’ din l-iskema ta’ assigurazzjoni. Din id-dispożizzjoni taqra kif ġej:

“1.   Il-prodotti u l-prodotti sekondarji mill-produzzjoni agrikola nazzjonali li ġejjin huma suġġetti għall-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni favur l-ELGA:

a)

il-prodotti ta’ oriġini veġetali, il-prodotti li joriġinaw minn annimali […]

[…]

3.   Il-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni hija ffissata għal 2 % għall-prodotti ta’ oriġini veġetali u għal 0.5 % għall-prodotti li joriġinaw minn annimali […]. Dawn ir-rati huma kkalkolati fuq il-valur ta’ dawn il-prodotti.

[…]

7.   […] il-kontribuzzjoni speċjali għandha titħallas lill-awtorità tat-taxxa kompetenti mill-persuni taxxabbli ddefiniti mil-liġi […].

8.   […] huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni [lill-awtorità tat-taxxa kompetenti] l-persuni li […] huma obbligati joħorġu fatturi ta’ xiri jew ta’ bejgħ ta’ prodotti u ta’ prodotti sekondarji agrikoli […].

[…]

15.   Jekk prodotti agrikoli jinxtraw direttament mingħand produttur u jekk il-prezz tagħhom jitħallas lilu permezz ta’ ordni ta’ ħlas minn bank, il-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni għandha tinżamm minn dan il-bank u għandha titħallas lill-ELGA […].

16.   Id-dħul tal-ELGA li jiġi mill-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni, miġbura mit-teżor pubbliku, għandu jiddaħħal fil-baġit tal-Istat bħala dħul tal-Istat u għandu jitniżżel taħt taqsima speċifika tad-dħul. Dan id-dħul għandu jitħallas lill-ELGA mill-baġit tal-ministeru tal-agrikoltura, permezz ta’ reġistrazzjoni annwali ta’ kreditu ta’ ammont ugwali, fuq proposta tal-ELGA lil dan il-ministeru. Mill-ammonti msemmija iktar ’il fuq tal-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni, miġbura mit-teżor pubbliku favur l-ELGA, l-Istat għandu jżomm tnejn fil-mija (2 %) għall-ġbir. Bl-istess mod, minn dawn l-ammonti, miġbura mit-teżor pubbliku, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-produzzjoni tal-persuni li huma obbligati jħallsu din il-kontribuzzjoni u ta’ dokumenti oħra ta’ ġbir, l-Istat għandu jżomm tlieta fil-mija (3 %) għall-konstatazzjoni […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

11

Wara protesti li, matul ix-xahar ta’ Jannar 2009, tqajmu minn numru kbir ta’ produtturi agrikoli Griegi għat-telf li kienu ġarrbu matul is-sena 2008 minħabba kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena, ir-Repubblika Ellenika pprevediet, permezz tad-Digriet Interministerjali Nru 262037 tal-ministru tal-ekonomija u tal-ministru tal-iżvilupp rurali u tal-ikel, tat-30 ta’ Jannar 2009, dwar il-kumpens eċċezzjonali minħabba danni għall-produzzjoni agrikola (FEK B’ 155/2.2.2009, iktar ’il quddiem id-“digriet interministerjali”), li kellhom jingħataw lill-produtturi mill-ELGA, fuq bażi eċċezzjonali, ħlasijiet ta’ kumpens fl-ammont ta’ EUR 425 miljun. Minn dan id-digriet kien jirriżulta li l-ispejjeż inkorsi b’riżultat tal-applikazzjoni tiegħu u imputati lill-baġit tal-ELGA kellhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ self ikkuntrattat minn dan l-organu mingħand xi banek, bil-garanzija tal-Istat.

12

B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2009, mibgħuta b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika informat lil din tal-aħħar li, matul is-sena 2008, l-ELGA kienet ħallset kumpens lill-bdiewa għal danni koperti mill-assigurazzjoni, fl-ammont ta’ EUR 386986648. Dan l-ammont kien joriġina parzjalment mill-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi, fl-ammont ta’ EUR 88353000, u parzjalment mid-dħul miksub permezz ta’ self ta’ EUR 444 miljun ikkuntrattat mill-ELGA, li kellu jiġi rrimborsat fuq għaxar snin, mingħand bank bil-garanzija tal-Istat.

13

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010 (ĠU C 72, p. 12), il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fil-Każ C 3/10 (ex NN 39/09), dwar il-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-ELGA matul is-snin 2008 u 2009 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”). Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

14

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

Artikolu 1

1.   Il-kumpens imħallas mill-[ELGA] lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli matul is-snin 2008 u 2009 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

2.   Il-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija fl-2008 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni speċjali obbligatorja hija kompatibbli mas-suq intern f’dak li jirrigwarda għajnuna sa EUR 349493652,03 li l-ELGA tat lill-produtturi sabiex tpatti għal telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex tagħhom kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-għajnuna relatata mat-telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex minħabba l-ors sa EUR 91500 u ma’ azzjonijiet korrettivi li ttieħdu fil-kuntest tal-għajnuna msemmija hawn fuq. Il-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi għall-ammont li jifdal u li tħallas fl-2008 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni speċjali, huwa inkompatibbli mas-suq intern.

3.   Il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 27614905 li ngħatat fl-2009 skont id-[digriet interministerjali] hija kompatibbli mas-suq intern.

Il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 387404547, li ngħatat lill-produtturi f’dati qabel dik tat-28 ta’ Ottubru 2009 mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-għajnuna li, meta ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35)].

Artikolu 2

1.   [Ir-Repubblika Ellenika] għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tirkupra, mingħand il-benefiċjarji tagħha, l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 u li diġà tqiegħdet illegalment għad-dispożizzjoni tagħhom.

[…]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Frar 2012, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika Ellenika ressqet, abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, talba għal miżuri provviżorji, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (T‑52/12 R, EU:T:2012:447), ġiet ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet tordna lir-Repubblika Ellenika tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha.

16

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Ellenika qajmet seba’ motivi. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

17

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika Ellenika ressqet talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE intiża, b’mod partikolari, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sakemm tingħata s-sentenza dwar l-appell.

18

L-imsemmija talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda bid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑431/14 P‑R, EU:C:2014:2418), minħabba li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ma kinitx issodisfatta.

19

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2015, il-Gvern Elleniku, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja. Din it-talba ntlaqgħet.

20

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew bħala infondat, u

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, dwar il-kunċett ta ’ għajnuna mill-Istat, l-obbligu ta ’ motivazzjoni u żnaturament ta ’ provi

L-argumenti tal-partijiet

22

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi żnaturat il-fatti u kklassifikathom ħażin, meta kkunsidrat li l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni obbligatorji mħallsa fis-snin 2008 u 2009 mill-bdiewa li bbenefikaw mill-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-ELGA matul dawn is-snin kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

23

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza Freskot (C‑355/00, EU:C:2003:298) sabiex tikkonkludi li l-imsemmija għajnuna kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Issa fil-punt 87 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, iddeċidiet li, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, hija ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji pprovduti mill-ELGA bħala għajnuna mill-Istat.

24

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta eskludiet in-natura ta’ riżorsi privati tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa abbażi tal-argument li, skont l-Artikolu 5a tal-Liġi 1790/1988, huma kienu jiddaħħlu fil-kontijiet bħala dħul tal-Istat. Ir-Repubblika Ellenika tirrileva li minn dan l-artikolu jirriżulta li l-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni favur l-ELGA kienet tinġabar mill-Istat jew minn banek qabel ma titħallas lill-ELGA.

25

Issa l-fatt li l-leġiżlatur jiffissa l-modalitajiet fis-sens li l-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni miġbura mill-Istat tiġi ttrasferita lill-ELGA ma jagħmilx minn din il-kontribuzzjoni riżorsa tal-Istat. Fil-fatt, kieku tali interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, il-klassifikazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni bħala riżorsa privata jew riżorsa pubblika tkun tiddependi mill-mod kif tinġabar u għalhekk ikollha ssir distinzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet miġbura mill-Istat u dawk miġbura permezz tal-banek u ttrasferiti lill-ELGA. Barra minn hekk, kieku l-Istat kellu jiġbor ir-riżorsi inkwistjoni mingħajr ma jkun obbligat jittrasferixxihom fl-intier tagħhom, ma kienx jipprevedi l-ġbir ta’ kummissjoni fl-Artikolu 5a(16) tal-Liġi 1790/1988.

26

Konsegwentement, l-Istat jew il-banek huma sempliċi intermedjarji jew kolletturi rremunerati tal-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni. Din tal-aħħar tikkostitwixxi esklużivament dħul tal-ELGA u ma hijiex suġġetta għall-kontroll pubbliku, iżda sempliċement tinġabar minn entitajiet bankarji u mill-Istat sabiex tiġi ttrasferita lill-ELGA mingħajr ma qatt tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti.

27

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma rrispondietx għall-argument li l-kontribuzzjonijiet speċjali ta’ assigurazzjoni messhom tnaqqsu mill-ammont tal-għajnuna mill-Istat li kellu jiġi rkuprat għaliex, fid-dawl tal-fatt li huma tħallsu matul is-snin 2008 u 2009 mill-bdiewa benefiċjarji tal-allegata għajnuna, ma jissodisfawx il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.

28

Sussidjarjament, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat l-imsemmija kundizzjoni b’mod żbaljat għall-fatti tal-kawża, peress li, minħabba l-eżistenza tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, l-għoti tal-ħlasijiet ta’ kumpens kellu biss effett limitat fuq il-kompetizzjoni, jew saħansitra ma kellu ebda impatt fuqha. Bl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali saħansitra adottat interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tmur kontra l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in pejus.

29

Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà tal-argument ibbażat fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll il-fondatezza taż-żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti (sentenzi General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 51, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 179).

31

Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 85, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 180).

32

Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, rikorrent għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenzi Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat dan li ġej fil-punti 122 sa 128 u 130 sa 132 tas-sentenza appellata:

“122

Il-Kummissjoni fakkret, fid-deċiżjoni [kkontestata], li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza Freskot [(C‑355/00, EU:C:2003:298)] li ’l-liġi nazzjonali inkwistjoni [fil-kawża prinċipali kienet] tistabbilixxi b’mod ċar li l-benefiċċji pprovduti mill-ELGA [kienu] ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li dawn [kienu] attribwibbli lill-Istat skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, [EU:C:2002:294], punt 24)’ (premessa 58).

123

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat:

‘[…] jirriżulta mill-Artikolu 5(a) [5a] tal-Liġi [...] 1790/1988 […] u mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn fis-seħħ tal-liġi Griega fis-seħħ, [li ]d-dħul tal-ELGA li ġej mill-kontribuzzjoni speċjali jinġabar mit-Taxxi Interni, jidħol fil-baġit tal-Istat bħala dħul tal-Istat u jitħallas lill-ELGA fil-baġit tal-Ministeru tal-Agrikoltura (li sar il-Ministeru tal-Iżvilupp Rurali u tal-Ikel). Għaldaqstant, il-fatt li l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni huma rikonoxxuti [jiddaħħlu fil-kontijiet] bħala dħul tal-Istat huwa biżżejjed sabiex wieħed iqis li l-benefiċċji pprovduti mill-ELGA huma meħuda minn riżorsi tal-Istat’ (premessa 58).

124

Dawn il-konstatazzjonijiet, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Ellenika, huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-ħlasijiet ta’ kumpens fil-parti tagħhom li tikkorrispondi għal kontribuzzjonijiet tal-bdiewa huma riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat.

125

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-parti mill-ħlasijiet li tikkorrispondi għal kontribuzzjonijiiet tal-bdiewa ma tistax titqies li tikkostitwixxi fondi privati. Għalhekk, il-fatt li parti mill-ħlasijiet magħmula fl-2008 hija ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-bdiewa ma jipprekludix li jitqies li din hija għajnuna mill-Istat iffinanzjata permezz ta’ riżorsi imputabbli lill-Istat.

126

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ellenika, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma tirrigwardax il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa, iżda l-ħlasijiet magħmula fl-2008. Issa f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi ġie kkonstatat li la n-natura kumpensatorja tal-miżuri u lanqas il-fatt li huma ġġustifikati minn għan soċjali ma kien jipprekludi li l-ħlasijiet magħmula mill-ELGA jiġu kklassifikati bħala vantaġġ.

127

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tammetti li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa ma humiex proporzjonati għar-riskju u li huwa possibbli li ċerti bdiewa jħallsu kontribuzzjoni mingħajr ma jibbenefikaw mill-ħlasijiet kumpensatorji magħmula mill-ELGA. Il-ħlasijiet magħmula fl-2008 għalhekk kienu indipendenti mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa u kienu jikkostitwixxu vantaġġ li l-impriża benefiċjarja ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

128

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-ħlasijiet magħmula mill-ELGA fl-2008 kienu vantaġġi ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, minkejja li kienu ffinanzjati parzjalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-bdiewa. Ir-Repubblika Ellenika ma pprovatx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kklassifikat dawn il-ħlasijiet bħala għajnuna mill-Istat.

[…]

130

Mid-deċiżjoni [kkontestata] jirriżulta li l-ħlasijiet ta’ kumpens magħmula mill-ELGA fl-2009, fl-ammont totali ta’ EUR 415019452, saru abbażi tad-digriet interministerjali. Għandu jitfakkar li d-digriet interministerjali kien jipprovdi li kien previst kumpens li jammonta għal EUR 425 miljun, fuq bażi eċċezzjonali, għal danni li seħħew fl-2008 u li, bil-għan li jitħallas dan il-kumpens, l-ELGA kellha tikkuntratta self mingħand bank, bil-garanzija tal-Istat, għat-totalità ta’ dan l-ammont […].

131

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li l-ħlasijiet ta’ kumpens magħmula fl-2009 ma kinux ġew iffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa abbażi tal-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-ELGA […].

132

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-kontribuzzjonijiet imħallsa fl-2009 mill-bdiewa abbażi tal-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja ma jistgħux jitqiesu li jiffinanzjaw parti mill-ħlasijiet mogħtija fl-2009.”

34

Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali hekk imfakkra, l-argument ibbażat fuq żnaturament tal-fatti għandu jiġi miċħud mill-bidu, peress li, bl-argumenti tagħha, ir-Repubblika Ellenika ma pprovatx li żnaturament jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess.

35

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali kklassifikat il-fatti b’mod żbaljat, għandu jiġi kkonstatat li, wara li, l-ewwel nett, fakkret, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ma tirrigwardax il-kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-bdiewa, iżda tirrigwarda l-għoti tal-ħlasijiet ta’ kumpens mill-ELGA, it-tieni nett, ikkonstatat, fil-punt 127 ta’ dik is-sentenza, li l-ħlasijiet magħmula matul is-sena 2008 kienu indipendenti mill-imsemmija kontribuzzjonijiet u, fl-aħħar nett, enfasizzat, fil-punti 130 sa 132 tal-imsemmija sentenza, li l-ħlasijiet magħmula matul is-sena 2009 kienu ġew iffinanzjati mhux permezz ta’ kontribuzzjonijiet, iżda permezz ta’ self ikkuntrattat għal dan il-għan mingħand bank bil-garanzija tal-Istat, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li dawn il-ħlasijiet kienu vantaġġi ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

36

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, fuq il-punt 81 tas-sentenza Freskot (C‑355/00, EU:C:2003:298), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan il-punt tal-aħħar u fir-rigward ta’ verżjoni preċedenti tal-Artikolu 5a tal-Liġi 1790/1988, iżda li hija essenzjalment identika għall-verżjoni applikabbli għall-kawża, li din il-leġiżlazzjoni “[kienet] tistabbilixxi b’mod ċar li l-benefiċċji pprovduti [mill‑]ELGA [kienu] ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li dawn tal-aħħar [kienu] imputabbli lill-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li l-kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni, sa fejn dawn kienu jinġabru mill-awtorità tat-taxxa, kienu jidħlu fil-baġit tal-Istat.

38

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeżiġix li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza A2A vs Il‑Kummissjoni, C‑320/09 P, EU:C:2011:858, punt 97).

39

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li, kuntrarjament għal dak li kienet qed tallega r-Repubblika Ellenika, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma kinitx tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa, iżda kienet tirrigwarda l-ħlasijiet magħmula matul is-sena 2008 mill-ELGA.

40

Barra minn hekk, fl-istess punt 126, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-evalwazzjonijiet tagħha magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni motivi tar-rikors. Issa fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, “li l-fatt li l-għan tal-ħlasijiet magħmula mill-ELGA fl-2009 huwa li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lill-produzzjoni agrikola minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena ma [kienx jeskludi] l-eżistenza ta’ vantaġġ u l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat” u, fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza, “li, skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni meta miżura ttaffi l-piżijiet tal-impriża benefiċjarja u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri oħra”.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

42

Barra minn hekk, wara li kkonstatat li l-ħlasijiet ta’ kumpens magħmula matul is-snin 2008 u 2009 kienu indipendenti mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li dawn il-ħlasijiet kienu jikkostitwixxu vantaġġ li l-impriża benefiċjarja ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk kienu jaffettwaw il-kompetizzjoni.

43

Fil-fatt, fid-dawl tal-indipendenza tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-bdiewa mill-ħlasijiet ta’ kumpens rċevuti minn dawn tal-aħħar, la jista’ jitqies li dawn il-kontribuzzjonijiet kienu piżijiet speċifiċi fuq il-vantaġġ li kien jikkostitwixxi, f’dan il-każ, l-għoti ta’ dawn il-ħlasijiet u lanqas li l-imsemmija kontribuzzjonijiet kienu inerenti għall-implementazzjoni ta’ dan il-vantaġġ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi ġustament li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata, fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tirrifjuta li twettaq tpaċija bejn l-imsemmi vantaġġ u dawn l-istess kontribuzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punti 4348).

44

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju, dwar il-kunċett ta ’ għajnuna mill-Istat u l-obbligu ta ’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

45

Ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-interventi li, tkun xi tkun il-forma tagħhom, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, billi rraġunat b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi l-fatt li dawn il-prinċipji huma validi biss f’kundizzjonijiet tas-suq u tal-ekonomija normali u mhux fil-kundizzjonijiet eċċezzjonali li kienet tinsab fihom l-ekonomija Ellenika matul is-sena 2009.

46

Fl-opinjoni tar-Repubblika Ellenika, f’dan il-kuntest eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali messha interpretat u applikat l-Artikolu107 TFUE b’mod differenti u, b’mod iktar partikolari, messha evalwat jekk il-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija lill-bdiewa Griegi matul is-sena 2009 kinux effettivament taw vantaġġ lil dawn tal-aħħar u kinux qegħduhom f’pożizzjoni iktar vantaġġuża fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

47

Fil-fatt, fi żmien meta l-ekonomija Griega kellha taffaċċja, matul dan il-perijodu, serje ta’ miżuri baġitarji bil-għan li tiġi stabbilizzata, bħat-tassazzjoni żejda tal-bdiewa, l-istabbiliment ta’ kontribuzzjonijiet eċċezzjonali u ta’ solidarjetà, iż-żarmar tal-Istat assistenzjali, iż-żieda fit-taxxa fuq il-valur miżjud, iż-żieda fil-prezz tal-kombustibbli għat-tisħin, jew it-tnaqqis tas-salarji u tal-pensjonijiet, kwalunkwe “vantaġġ ekonomiku” li l-bdiewa setgħu rċevew min-naħa tal-ELGA nġieb fix-xejn mill-bidu nett.

48

Issa l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk, f’tali ċirkustanzi eċċezzjonali, l-impatt finanzjarju tal-miżuri adottati permezz tad-digriet interministerjali setax effettivament jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, kien meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kinux ta’ natura li jbiddlu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sistema de minimis fir-rigward tal-għajnuna li ma jkollhiex impatt sinjifikattiv fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

49

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina kompletament l-argumenti tagħha.

50

Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Mill-proċess tal-ewwel istanza jirriżulta li l-argument imressaq mir-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ma hijiex applikabbli għal dan il-każ minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi eċċezzjonali li kienet tinsab fihom ir-Repubblika Ellenika matul is-sena 2009, ma tressaqx quddiem il-Qorti Ġenerali.

52

Fil-fatt, fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ellenika allegat li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata b’liema mod l-għoti ta’ ħlasijiet ta’ kumpens kien ta lill-bdiewa kkonċernati vantaġġ kompetittiv li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, għaldaqstant, seta’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, minkejja l-kriżi gravi li kienet għaddejja minnha l-ekonomija Griega f’dak il-perijodu.

53

Issa billi qajmet tali argument, ir-Repubblika Ellenika ma tistax titqies li fformulat ilment differenti minn dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

54

Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, billi naqset milli tikkonstata li l-għoti tal-ħlasijiet ta’ kumpens, fil-kuntest ta’ kriżi gravi li kienet għaddejja minnha l-ekonomija Griega matul is-sena 2009, la ta lill-bdiewa kkonċernati kwalunkwe vantaġġ kompetittiv u lanqas ma affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa argument ġdid.

55

Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titħalla tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, motiv li ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, tilwima b’portata usa’ minn dik li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 111, u Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 35).

56

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju huwa ammissibbli biss sa fejn, permezz tiegħu, ir-Repubblika Ellenika tallega essenzjalment li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

57

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-obbligu impost fuq il-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jeżiġix li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza Isdin vs Bial-Portela, C‑597/12 P, EU:C:2013:672, punt 21).

58

Issa diġà ġie kkonstatat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ppermettiet lill-partijiet, u b’mod partikolari lir-Repubblika Ellenika, li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku ta’ natura li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

59

Għandu jingħad ukoll li l-Qorti Ġenerali, fir-risposta tagħha għall-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ, speċifikat, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li “[l]-kriżi ekonomika li seħħet fl-Unjoni mill-2008 ’l quddiem ma tikkostitwixxix ċirkustanza li tista’ tqiegħed fid-dubju l-fatt li s-settur agrikolu huwa espost għal kompetizzjoni qawwija fl-Unjoni” u li “[b]arra minn hekk, il-Kummissjoni adottat regoli speċifiċi bil-għan li jawtorizzaw ċerta għajnuna mill-Istat matul il-kriżi ekonomika, b’mod partikolari l-[QKT], li kien jeskludi l-possibbiltà li għajnuna mogħtija fis-settur agrikolu primarju tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern”.

60

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tielet aggravju, dwar interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-obbligu ta ’ motivazzjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

61

Ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi naqset milli teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx, tal-inqas, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba r-rifjut tagħha li tapplika din id-dispożizzjoni minkejja t-taqlib serju li kienet għaddejja minnu l-ekonomija Griega.

62

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti tagħha dwar limitazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, fid-dawl tal-kundizzjonijiet eċċezzjonali li kienet tinsab fihom l-ekonomija Griega matul is-sena 2009 u li kienu differenti minn dawk koperti mill-QKT. Il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-QKT emendat, irrifjutat li tapplika direttament din id-dispożizzjoni, minkejja li fakkret li l-validità tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni kienet suġġetta għall-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

63

Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika tinvoka tardivament iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi ekonomika fil-Greċja fiż-żmien meta seħħew il-fatti, liema ċirkustanzi ma ġewx ipprovati quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, hija ma tistax issostni validament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dawn iċ-ċirkustanzi, li ma ġewx ipprovati, messhom wasslu lill-Qorti Ġenerali għal konklużjoni differenti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell, mill-proċess tal-ewwel istanza jirriżulta li r-Repubblika Ellenika, insostenn tar-raba’ motiv tar-rikors, li permezz tiegħu hija allegat li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin mis-setgħa diskrezzjonali tagħha u interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ipproduċiet provi li, mill-perspettiva tagħha, kienu ta’ natura li jistabbilixxu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ taqlib serju ħafna fl-ekonomija Griega kollha matul is-sena 2009.

65

Konsegwentement, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja li mill-punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fir-risposta li tat għar-raba’ motiv tar-rikors, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza, matul is-sena 2009, ta’ taqlib serju li allegatament affaċċjat l-ekonomija Griega, huwa ammissibbli għar-Repubblika Ellenika li ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħha li tali taqlib kien jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE għall-fatti ta’ dan il-każ.

66

F’dak li jirrigwarda l-mertu, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej fil-punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata:

“185

Fir-rigward tal-argumenti mqajma fil-kuntest tar-raba’ motiv, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni kellha tibbaża fuq il-[QKT] u mhux tapplika l-Artikolu 107(3)(b) TFUE direttament biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-ħlasijiet magħmula mill-ELGA fl-2009 minħabba l-kriżi ekonomika li kien hemm il-Greċja.

186

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, [C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482], punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata, is-sentenza [...] Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, [EU:C:2010:733], punt 46).

187

Għaldaqstant, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u l-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-trattat (ara s-sentenza Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, [C‑464/09 P, EU:C:2010:733], punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188

Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, skont liema minħabba t-taħwid [t-taqlib] serju fl-ekonomija Griega minħabba l-kriżi ekonomika li kien hemm il-Greċja minn tmiem is-sena 2008 u fl-2009, il-Kummissjoni kellha tiddikjara l-ħlasijiet magħmula mill-ELGA fl-2009 kompatibbli direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.”

67

Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, “[j]istgħu jkunu kunsidrati [tista’ tiġi kkunsidrata] bħala kompatibbli mas-suq intern […] għajnuna maħsuba […] sabiex tirrimedja taħwid [taqlib] serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

68

Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 159 sa 161 tas-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (sentenzi Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59, u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 67).

69

Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 186 u 187 tas-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali tagħha u, bħala prinċipju, ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, EU:C:2010:733, punt 46, u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 69).

70

Madankollu, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa adottati minnha, sa fejn dawn tal-aħħar ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, fosthom, b’mod partikolari, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, EU:C:2010:733, punt 47), u sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma tiksirx il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari meta ċirkustanzi eċċezzjonali, li jkunu differenti minn dawk koperti minn dawn l-oqfsa, jikkaratterizzaw settur partikolari tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

71

Konsegwentement, minn naħa, il-Kummissjoni la tista’ tikser l-Artikolu 107(3) TFUE billi tadotta oqfsa vvizzjati bi żball ta’ liġi jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas tista’ tirrinunzja, permezz tal-adozzjoni ta’ oqfsa, għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li tagħtiha din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, meta, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, hija tadotta oqfsa ta’ din in-natura, dawn tal-aħħar għandhom ikunu s-suġġett ta’ verifika kontinwa bil-għan li jittieħed inkunsiderazzjoni kull żvilupp sinjifikattiv li ma jkunx kopert minn dawn l-atti.

72

Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ tali oqfsa ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali invokati minn Stat Membru, f’każ partikolari, bil-għan li tintalab l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, u li timmotiva, jekk ikun il-każ, ir-rifjut tagħha li tilqa’ tali talba.

73

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, f’dak li jirrigwarda preċiżament l-effett tal-kriżi ekonomika li kienu għaddejjin minnha l-Istati Membri, u b’mod partikolari r-Repubblika Ellenika, fuq is-settur agrikolu primarju tal-Unjoni, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha li jagħtiha l-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi adottat il-QKT u sussegwentement il-QKT emendat, peress li kemm il-QKT kif ukoll il-QKT emendat kienu jsemmu espressament dan is-settur.

74

Issa għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-Repubblika Ellenika invokat quddiem il-Qorti Ġenerali applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE għall-fatti ta’ dan il-każ, minkejja l-eżistenza tar-regoli ta’ kondotta stabbiliti mill-QKT u mill-QKT emendat, hija ma argumentatx, insostenn ta’ din it-talba, li kienu jeżistu, f’dan il-każ, ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali fis-settur agrikolu primarju kkonċernat, bħal dawk imsemmija fil-punti 70 u 72 ta’ din is-sentenza.

75

Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-punti li semmiet ir-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti Ġenerali kienu intiżi li jipprovaw l-eżistenza ta’ taqlib serju ħafna li kien qed jaffettwa lill-ekonomija Griega mill-aħħar tas-sena 2008 u matul is-sena 2009 iżda ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi li din l-ekonomija kienet qed taffaċċja ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li, skont il-każ, messhom wasslu lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-għajnuna inkwistjoni direttament fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

76

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

77

Ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument tagħha li d-deċiżjoni kkontestata kienet eċċessiva sa fejn kienet teżiġi wkoll l-irkupru ta’ dawk fost il-ħlasijiet ta’ kumpens li kienu jikkostitwixxu kumpens għal danni reali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tas-settur agrikolu Grieg, li diġà kienet eċċezzjonalment diffiċli meta ngħataw il-ħlasijiet ta’ kumpens, saret iktar prekarja fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

78

B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx kif id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn ordnat l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-bdiewa, kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u ma’ dawk tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

79

Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument huwa vag wisq peress li ma jidentifikax bi preċiżjoni l-ilment imqajjem fl-ewwel istanza li għalih il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx u li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex fondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80

Minn naħa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrispondiet fid-dettall kemm għall-ilment dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, imqajjem fil-kuntest tal-ħames motiv tar-rikors, kif ukoll għal dak dwar il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, imqajjem fil-kuntest tas-sitt motiv tal-istess rikors.

81

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika ma tindikax bi preċiżjoni suffiċjenti liema huma l-ilmenti l-oħra li hija qajmet fl-ewwel istanza u li għalihom il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

83

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju, u, għalhekk, l-appell għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq l-ispejjeż

84

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

85

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

86

Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.