DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
2 ta’ Marzu 2016 ( *1 )
“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Appell — Proċedura amministrattiva — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata akkordju illegali fis-suq Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba intiża li tikseb it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tikkonstata dan l-akkordju — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra din id-deċiżjoni — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni — Fumus boni juris — Urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi”
Fil-Kawża C‑162/15 P‑R,
li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u għal miżuri provviżorji skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, imressqa fis‑6 ta’ Ottubru 2015,
Evonik Degussa GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Steinle, C. von Köckritz u A. Richter, avukati,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u M. Kellerbauer kif ukoll minn F. van Schaik, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,
jagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ April 2015, Evonik Degussa GmbH talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat‑28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑341/12, EU:T:2015:51, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal‑24 ta’ Mejju 2012, li ċaħdet talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
2 |
B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2015, l-appellanti ressqet din it-talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u tordna lill-Kummissjoni Ewropea ma tippubblikax, sakemm tingħata s-sentenza li tagħlaq il-proċedura ta’ appell fil-Kawża C‑162/15 P, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat‑3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, Eka Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, p. 54, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PIP”), li tkun iktar iddettaljata, f’dak li jirrigwarda l-appellanti, mill-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni ppubblikata fl‑2007. |
|
3 |
Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fid‑29 ta’ Ottubru 2015. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata
|
4 |
Fid-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari, li Degussa AG, li saret Evonik Degussa GmbH, kienet ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), flimkien ma’ sittax-il kumpannija oħra attivi fis-settur tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat. Peress li l-appellanti kienet l-ewwel kumpannija li għamlet kuntatt mal-Kummissjoni, f’Diċembru 2002, skont il-Komunikazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002”), u peress li, f’din l-okkażjoni, hija kienet ikkooperat bis‑sħiħ billi pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija kellha fir-rigward tal-ksur, hija ngħatat il-benefiċċju ta’ immunità kompleta mill-multa. |
|
5 |
Fl‑2007, l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ġiet ippubblikata fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni. |
|
6 |
F’ittra indirizzata lill-appellanti fit-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informatha dwar l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP, li tinkludi l-kontenut kollu tal-imsemmija deċiżjoni minbarra l-informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni talbet lill-appellanti sabiex hija tidentifika, fid-Deċiżjoni PIP, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija kellha l-intenzjoni titlob it-trattament kunfidenzjali. |
|
7 |
Peress li qieset li din il-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti tan-negozju, l-appellanti informat lill-Kummissjoni, f’ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2011, li hija kienet qiegħda topponi l-pubblikazzjoni ppjanata. Insostenn ta’ din l-oppożizzjoni, l-appellanti sostniet, b’mod iktar partikolari, li l-imsemmija verżjoni mhux kunfidenzjali kienet tinkludi ammont ta’ informazzjoni li hija kienet għaddiet lill-Kummissjoni skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, kif ukoll l-ismijiet ta’ numru ta’ kollaboraturi tagħha u indikazzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Skont l-appellanti, il-pubblikazzjoni ppjanata b’hekk tmur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza fit-trattament u hija ta’ natura li tippreġudika l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
8 |
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li hija kienet aċċettat li tħassar mill-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali li kellha tiġi ppubblikata l-informazzjoni kollha li tippermetti direttament jew indirettament li jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni trażmessa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, kif ukoll l-ismijiet ta’ kollaboraturi tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li ma kienx iġġustifikat li l-benefiċċju tal-kunfidenzjalità jingħata għall-informazzjoni l-oħra li fir-rigward tagħha l-appellanti kienet talbet it-trattament kunfidenzjali. |
|
9 |
Billi għamlet użu mill-possibbiltà prevista mid-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta”), l-appellanti adixxiet lill-uffiċjal tas-seduta sabiex dan tal-aħħar jeskludi mill-verżjoni mhux kunfidenzjali li ser tiġi ppubblikata kull informazzjoni pprovduta minnha bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002. |
|
10 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-uffiċjal tas-seduta, f’isem il-Kummissjoni, ċaħad it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti. |
|
11 |
L-uffiċjal tas-seduta qabel kollox enfasizza l-limiti tal-mandat tiegħu, li jippermettilu biss li jeżamina jekk informazzjoni għandhiex titqies kunfidenzjali u mhux li jirrimedja ksur allegat tal-aspettattivi leġittimi tal-appellanti lejn il-Kummissjoni. |
|
12 |
Barra minn hekk huwa rrileva li l-appellanti kienet topponi għall-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP għas-sempliċi raġuni li din kienet tinkludi informazzjoni pprovduta skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni lil terzi jista’ jikkawżalha preġudizzju fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni quddiem qrati nazzjonali. Issa, skont l-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi li tippubblika iktar mill-essenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, riferimenti għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jikkostitwixxux, fihom innifishom, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra. |
|
13 |
Skont l-uffiċjal tas-seduta, l-appellanti ma wrietx li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni sabiex tibbenefika mill-programm ta’ klemenza irregolat mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 setgħet tikkawżalha dannu gravi. L-interess ta’ impriża li l-Kummissjoni imponiet multa fuqha minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qiegħda tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku, fi kwalunkwe każ, ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari. L-uffiċjal tas-seduta fakkar, dwar dan il-punt, li r-rikorsi għal kumpens kienu jagħmlu parti sħiħa mill-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, l-appellanti ma setgħetx tinvoka interess leġittimu li tiġi protetta kontra r-riskju li tkun suġġetta għal tali rikorsi, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi mid-Deċiżjoni PIP. |
|
14 |
L-uffiċjal tas-seduta qies ukoll li huwa ma kienx kompetenti sabiex iwieġeb għall-argument tal-appellanti li l-iżvelar lil terzi tal-informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni fil-qafas tal-programm ta’ klemenza jippreġudika l-imsemmi programm, peress li tali kwistjoni teċċedi l-limiti tal-mandat tiegħu. Huwa fakkar, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni biss li għandha tevalwa sa fejn il-kuntest fattwali u storiku li fih jidħol l-aġir inkriminat għandu jiġi mgħarraf lill-pubbliku, ladarba dan ma jinkludix informazzjoni kunfidenzjali. |
|
15 |
Fl-aħħar nett, skont l-uffiċjal tas-seduta, peress li l-mandat li ngħata lilu skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta huwa limitat sabiex jevalwa sa fejn informazzjoni kienet taqa’ taħt is-sigriet professjonali jew kellha tibbenefika minn trattament kunfidenzjali taħt titolu ieħor, huwa ma huwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-argument tal‑appellanti li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata taħt il-programm ta’ klemenza kienet tagħti lok għal differenza fit-trattament inġustifikata fil-konfront tal-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni PIP. |
|
16 |
L-appellanti b’hekk ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll talba għal miżuri provviżorji. |
|
17 |
Il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba tal-aħħar permezz tad-digriet tiegħu Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑341/12 R, EU:T:2012:604). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament permezz tas-sentenza appellata, li kontra tagħha l-appellanti ressqet l-appell imsemmi fil-punt 1 ta’ dan id-digriet. |
|
18 |
Wara din is-sentenza, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni PIP iktar iddettaljata mill-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni ppubblikata fl‑2007. Konsegwentement, l-appellanti ressqet ukoll din it-talba għal miżuri provviżorji. |
It-talbiet tal-partijiet
|
19 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
20 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-talba kollha kemm hi u sabiex tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż. |
Fuq it-talba għal miżuri provviżorji
|
21 |
Sabiex tingħata deċiżjoni fuq din it-talba għal miżuri provviżorji, għandu jitfakkar li l-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħrajn jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti, fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jiġu adottati u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jagħmel ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi involuti (digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P‑R, EU:C:2014:93, punt 14, kif ukoll AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 21). |
Fuq il-fumus boni juris
|
22 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit dwar il-fumus boni juris huwa ssodisfatt meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, mhux nieqes minn bażi serja. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta wieħed mill-motivi avvanzati juri l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet turi l-eżistenza ta’ disputa legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 67]. |
|
23 |
Madankollu, f’dan il-kuntest, il-fatt li t-talba għal miżuri provviżorji hija intiża għall-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, iktar milli għal dik tas-sentenza appellata, iġġib konsegwenzi fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-fumus boni juris (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P‑R, EU:C:2005:267, punt 16, u tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P‑R, EU:C:2014:2418, punt 21). |
|
24 |
Fil-fatt, minkejja kemm jistgħu jkunu serji l-aggravji u l-argumenti invokati mill-appellanti kontra s-sentenza appellata, dawn ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw legalment, waħedhom, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjoni relattiva għall-fumus boni juris hija ssodisfatta, ir-rikorrenti għandha barra minn hekk jirnexxilha turi li l-aggravji u l-argumenti invokati kontra l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest tar-rikors għal annullament, huma tali li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tas-sospensjoni mitluba (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P‑R, EU:C:2014:2418, punt 22). |
|
25 |
Konsegwentement, fir-rigward ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża, li qiegħed jintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha, diġà ġiet eżaminata, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, minn qorti tal-Unjoni u li din tal-aħħar iddeċidiet li r-rikors dirett kontra din id-deċiżjoni kien infondat (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P‑R, EU:C:2005:267, punt 19). Il-ħtieġa li jiġu invokati, fil-kuntest ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, aggravji ta’ dritt li jidhru, prima facie, partikolarment serji tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li dawn l-aggravji għandhom ikunu jistgħu jpoġġu f’dubju l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta tiddeċiedi fil-mertu dwar l-argumenti invokati mill-appellanti fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P‑R, EU:C:2005:267, punt 20, kif ukoll tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P‑R, EU:C:2014:2418, punt 24). |
|
26 |
F’dan il-każ, l-appellanti tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kompetenza mogħtija lill-uffiċjal tas-seduta sabiex jiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 339 TFUE, tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ukoll l-Artikoli 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Bit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tallega l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mill-kwistjoni fil-mertu tal-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tagħti deċiżjoni fuq it-tieni wieħed, peress li l-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta sabiex jagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħhom hija meqjusa tikkostitwixxix sigriet tan-negozju u għandhiex fi kwalunkwe każ titqies li hija kunfidenzjali, liema kwistjoni hija s-suġġett tat-tieni aggravju, mhux biss ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, iżda ma tqajjem ukoll ebda dubju. |
|
28 |
Barra minn hekk, l-argumenti insostenn ta’ dan it-tieni aggravju huma magħquda, għall-inqas parzjalment, ma’ dawk prodotti fil-kuntest tat-tielet aggravju, b’mod illi, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumus boni juris ta’ dawn iż-żewġ aggravji, għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
|
29 |
Għal dawn il-finijiet, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kontenzjuż dwar il-protezzjoni provviżorja ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, bir-riskju li ma tiġix irrikonoxxuta n-natura intrinsikament aċċessorja u provviżorja tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, jista’, bħala prinċipju, jiddeċiedi li hemm l-assenza ta’ fumus boni juris fil-każ biss meta n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni tkun manifestament nieqsa [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 68]. |
|
30 |
Issa, it-tieni aggravju huwa dirett lejn il-punti 76 sa 127 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eskludiet, minn naħa, li l-informazzjoni kontenzjuża tista’ titqies li hija sigriet tan-negozju, minħabba n-natura storika tagħha, u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, din l-informazzjoni tista’ titqies li hija kunfidenzjali taħt is-sigriet professjonali minħabba l-fatt biss li din ġiet volontarjament ikkomunikata minn impriża lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza. |
|
31 |
B’hekk, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, l-imsemmija informazzjoni ma tilfitx in-natura kunfidenzjali tagħha għar-raġuni biss li għandha iktar minn ħames snin u għandha għalhekk tiġi ttrattata bħala sigriet tan-negozju. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqis li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali ma hijiex trasponibbli għal dan il-każ u li, kuntrarjament, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, interessi ekonomiċi jistgħu jimpedixxu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni għal perijodu li jmur anki lil hinn minn 30 sena. Skont l-appellanti, l-informazzjoni kontenzjuża għadha sa llum tikkostitwixxi “elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha”, jekk xejn minħabba li huwa stabbilit li l-pubblikazzjoni tagħha tista’ tikkawżalha dannu gravi, bħalma l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet fil-punt 105 tas-sentenza appellata. |
|
32 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża bħala, fi kwalunkwe każ, kunfidenzjali, l-appellanti tallega, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-pubblikazzjoni ta’ estratti bbażati fuq dikjarazzjonijiet ta’ kandidati għall-klemenza u dik ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jissodisfaw l-istess kriterji. B’hekk, il-kunsiderazzjonijiet li, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112), wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta r-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li jippermetti li tiġi stabbilita preżunzjoni ġenerali ta’ bilanċ tal-interessi kummerċjali tal-partijiet fi proċedura fil-qasam ta’ akkordji meta d-dikjarazzjonijiet ta’ kandidati għall-klemenza jiġu magħmula pubbliċi, għandha tapplika wkoll għall-pubblikazzjoni ta’ siltiet ibbażati fuq dawn id-dikjarazzjonijiet u riprodotti, fil-forma ta’ diskors dirett jew indirett, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan speċjalment peress li l-pubblikazzjoni ta’ tali siltiet tikser l-assigurazzjonijiet li l-Kummissjoni tagħti fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ kandidati għall-klemenza fil-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u fil-punt 40 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006”). B’hekk, id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn, minn naħa, il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti sottomessi minn kandidati għall-klemenza u, min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni bbażata fuq dawn id-dokumenti, hija formalistika u tikkontradixxi mhux biss il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, iżda wkoll dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. |
|
33 |
Sussegwentement, f’dan il-każ, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà ppubblikat, fl‑2007, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP u li b’hekk hija diġà għamlet l-ibbilanċjar, imsemmi fil-punt 106 tas-sentenza appellata, tal-interessi favur jew kontra l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża. Il-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni ingħalqet l-iktar tard ma’ din il-pubblikazzjoni, bħalma ġie rrikonoxxut fil-punt 172 tas-sentenza appellata. Mid-data tal-imsemmija pubblikazzjoni, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 b’hekk ma japplikax iktar u l-aċċess mogħti għall-informazzjoni jaqa’ biss fir-Regolament Nru 1049/2001. |
|
34 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak affermat fil-punti 107 sa 111 tas-sentenza appellata, l-interessi tal-appellanti oġġettivament jixirqilhom protezzjoni. Fil-fatt, dak li huwa importanti għall-appellanti ma huwiex li tevita l-ħlas ta’ danni jew l-iżvelar tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżvolġiment tal-ksur. Hija pjuttost imħassba li tiżgura l-protezzjoni, prevista mill-komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u tal‑2006, tad-dikjarazzjonijiet tagħha li ġew stabbiliti għall-finijiet biss tal-programm ta’ klemenza, bil-fiduċja li ser tinżamm il-kunfidenzjalità tagħhom u li permezz tagħhom l-appellanti inkriminat lilha nnifisha. |
|
35 |
Fl-aħħar nett, fil-punti 123 sa 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat il-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-Artikoli 8 tal-KEDB u 7 tal-Karta. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-iżvelar tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tagħha, li jikkontradixxi l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u l-prattika stabbilita mill-Kummissjoni, żgur ma jistax jitqies li huwa konsegwenza prevedibbli tal-parteċipazzjoni fl-akkordju. |
|
36 |
Fil-kuntest tal-argumenti insostenn tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti żżid, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali billi ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà, fl‑2007, ippubblikat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP. Skont l-appellanti, b’din il-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-informazzjoni moħbija ma kinitx parti essenzjali tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni PIP, fis-sens tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, peress li l-pubblikazzjoni ta’ din l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali ma kinitx ikklassifikata bħala provviżorja, jista’ jiġi dedott minn dan li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod definittiv li s-siltiet moħbija ma kellhomx jiġu ppubblikati. Tali att amministrattiv favorevoli ma jistax, bħala prinċipju, jiġi rtirat jew irrevokat, għall-inqas meta jkun, bħal f’dan il-każ, adottat legalment. |
|
37 |
Finalment, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 155 sa 157 tas-sentenza appellata, ma setgħetx tbiddel il-prattika tagħha li tikkonsisti f’li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni bħal dik inkwistjoni, peress li, wara l-għeluq tal-proċedura, il-Kummissjoni tkun marbuta bil-komunikazzjonijiet tagħha dwar il-kooperazzjoni u bir-Regolament Nru 1049/2001. L-iktar, il-Kummissjoni tista’ temenda l-programm ta’ klemenza tagħha u tagħti biss, f’każijiet fil-futur, protezzjoni iktar baxxa lid-dikjarazzjonijiet ta’ kandidati għall-klemenza. |
|
38 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti. |
|
39 |
Bi tweġiba għat-tieni aggravju, hija tirribatti, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li r-rikorrenti ma stabbilixxietx, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, ir-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni kontenzjuża, minkejja li għadda żmien kunsiderevoli, kienet għadha, eċċezzjonalment, element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew dik ta’ terz u, b’hekk, kien jistħoqqilha l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fir-realtà, skont il-Kummissjoni, din l-informazzjoni ma taqax, fi kwalunkwe każ, fis-sigriet professjonali jew fil-protezzjoni tal-kunfidenzjalità peress li l-atti illegali deskritti għandhom, mingħajr eċċezzjoni, iktar minn għaxar snin. |
|
40 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, qabel kollox, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolament Nru 1049/2001 u l-ġurisprudenza dwaru ma humiex rilevanti fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, f’dan il-każ, ma hemmx kwistjoni dwar l-aċċess għal dokumenti, iżda l-pubblikazzjoni tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Kummissjoni magħmula fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni PIP. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW (C‑365/12 P, EU:C:2014:112) aċċettat li istituzzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, minkejja li din il-possibbiltà ma tkunx miftuħa għal individwi. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tal-imsemmija konstatazzjonijiet ma tikser ebda impenn meħud mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-każ li l-formulazzjoni tal-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 toħloq aspettattivi leġittimi fil-kunfidenzjalità tad-dokumenti riċevuti mill-Kummissjoni skont din il-komunikazzjoni, din id-dispożizzjoni ma toħloq ebda aspettattivi leġittimi li l‑informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti ma tkunx użata minnha sabiex tiddeskrivi l-atti illegali fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni PIP u, f’dan il-kuntest, ma jsirux pubbliċi. B’hekk, id-distinzjoni bejn id-dokumenti u l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Kummissjoni dwar l-atti illegali ma hijiex formalistika. |
|
41 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà ppubblikat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007. Kuntrarjament għal dak li tindika l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma qisitx f’dan ir-rigward, fil-punti 155, 156 u 161 tas-sentenza appellata, li t-tieni pubblikazzjoni kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali “libera” tal-Kummissjoni, sa fejn hija enfasizzat espressament ir-restrizzjoni partikolari ta’ din is-setgħa fit-tieni sentenza tal-Artiklu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jitqies li, mid-data tal-ewwel pubblikazzjoni provviżorja, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament “ma japplikax iktar”. Tali restrizzjoni ma għandhiex bażi fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u hija kuntrarja għall-għan imfittex mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u mill-Artikolu 15(1) TFUE. |
|
42 |
Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-appellanti, f’dan l-istadju tal-proċedura, li dak li huwa importanti għaliha ma huwiex il-fatt li tevita l-ħlas ta’ danni jew l-iżvelar tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-atti illegali, tikkontradixxi l-argumenti tagħha fl-ewwel istanza, kif jirriżulta mill-punt 83 tas-sentenza appellata. |
|
43 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 8 tal-KEDB u 7 tal-Karta. Fil-fatt, anki jekk id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata stabbilit minn dawn id-dispożizzjonijiet jinkludi, bħala prinċipju, il-protezzjoni tar-reputazzjoni u tal-unur ta’ persuna kif ukoll il-protezzjoni ta’ data privata, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem speċifikat li l-imsemmi Artikolu 8 ma joffri madankollu ebda protezzjoni kontra dannu għar-reputazzjoni li jirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet stess ta’ persuna, bħal reat. Din il-konklużjoni hija applikabbli mutatis mutandis għall-konsegwenzi prevedibbli ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni. F’dan il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti kellha tistenna, mill-konstatazzjoni tat-twettiq tal-ksur mid-Deċiżjoni PIP, li, fil-każ li dan il-ksur jinstab u jkun hemm prosekuzzjoni tiegħu, xi dettalji tal-aġir tagħha stess jiġu magħmula pubbliċi sakemm ikunu rilevanti għall-konstatazzjoni tagħha. |
|
44 |
Fir-rigward tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, meta ppubblikat l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007, hija ma eżerċitatx b’mod irrevokabbli s-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema partijiet minn din id-deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati. Fir-realtà, b’din l-ewwel pubblikazzjoni, hija ma indikatx, la espressament u lanqas impliċitament, li qiegħda tirrinunzja li sussegwentement tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP. Il-ħtieġa li tagħmel pubblikazzjoni sussegwenti hija ġġustifikata mill-fatt li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni għandha natura tranżitorja, li tista’ twassal sabiex tkun meħtieġa evalwazzjoni ġdida wara li jgħaddi ammont ta’ żmien. B’hekk, ma huwiex korrett li jingħad, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-informazzjoni moħbija ma kinitx parti essenzjali ta’ din id-deċiżjoni u li b’hekk il-pubblikazzjoni tagħha ma kinitx meħtieġa sabiex tissodisfa l-interess tal-pubbliku li jiġi informat. Fil-verità, il-Kummissjoni illimitat ruħha li tiddeċiedi li tippubblika qabel kollox is-siltiet tat-test tal-imsemmija deċiżjoni li, essenzjalment, kienu, b’mod mhux ikkontestat, nieqsa minn sigrieti tan-negozju, sabiex tkun tista’, sussegwentement, teżamina fid-dettall l-argumenti tal-partijiet ikkonċernati li skont huma s-siltiet l-oħra jikkostitwixxu tali sigrieti tan-negozju. Ma ngħatatx, u lanqas ma ġiet espressa, impliċitament jew espressament, deċiżjoni li l-kumplament tas-siltiet ma kinux meħtieġa jew li ma kellhomx jiġu ppubblikati. |
|
45 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kienet ippubblikat l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007 u li hija ma kkwalifikathiex bħala provviżorja ma setgħet tagħti lill-appellanti ebda garanzija preċiża li verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ser tiġi ppubblikata ulterjorment, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 135 tas-sentenza appellata. |
|
46 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, jista’ jitqies li l-kritika essenzjali li donnha qiegħda tagħmel l-appellanti kontra s-sentenza appellata hija dik li ma qisitx li, essenzjalment, kemm l-aċċess għad-dokumenti sottomessi minn impriża fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza kif ukoll l-iżvelar tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti permezz ta’ estratti, kemm jekk ikun fil-forma ta’ diskors dirett jew indirett, iwassal għall-istess riżultat, jiġifieri li jagħmel l-istess informazzjoni disponibbli lil terzi. Dan l-iżvelar għandu, għalhekk, bħall-imsemmi aċċess, ikun, bħala prinċipju, ipprojbit, sa fejn jista’ jiġi preżunt li huwa wkoll jista’ jkun ta’ dannu għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Dan huwa iktar u iktar f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni, wara l-oppożizzjoni tal-appellanti, kienet diġà naqset milli tippubblika l-informazzjoni kontenzjuża u li din tal-aħħar setgħet b’hekk b’mod leġittimu tistenna li l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità tagħha tkun deċiża b’mod definittiv. |
|
47 |
Mingħajr preġudizzju għall-valur tal-argumenti miġjuba mill-Kummissjoni, li l-fondatezza tagħhom ser tkun is-suġġett ta’ eżami mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li inkwistjoni hemm kwistjoni ġuridika kumplessa li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja u li, konsegwentement, in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex manifestament nieqsa. |
|
48 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni, la fuq il-kwistjoni ta’ liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk informazzjoni partikolari tikkostitwixxix sigriet tan-negozju, u lanqas, bħalma ġie speċifikat ukoll fid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑341/12 R, EU:T:2012:604, punt 44), fuq il-kwistjoni tal-allegata natura kunfidenzjali tal-informazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. |
|
49 |
Fir-rigward tal-argumenti partikolari mqajma mill-partijiet, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. |
|
50 |
Fl-ewwel lok, huwa minnu li, bħalma sostniet il-Kummissjoni, l-iżvelar ta’ informazzjoni, konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti. Madankollu, peress li, bħalma tippretendi l-appellanti, l-iżvelar ikkontestat jirrigwarda estratti ta’ dokumenti, jidher li dan tal-aħħar iwassal għal sitwazzjoni paragunabbli, minn perspettiva funzjonali, għal dik tal-aċċess għal dawn id-dokumenti. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha l-informazzjoni ssir pubblika, dan l-iżvelar jimplika neċessarjament li xi terzi jakkwistaw il-konoxxenza ta’ din l-informazzjoni, li n-natura kunfidenzjali tagħha ma tibqax, barra minn hekk, tiġi protetta (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 89). |
|
51 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, l-appellanti bl-ebda mod ma tilmenta li din l-istituzzjoni ppubblikat il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tagħha li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni PIP. Fir-realtà, hija rrikonoxxiet espressament id-dritt tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, l-appellanti tikkontesta d-dritt tal-Kummissjoni li tippubblika estratti tad-dokumenti inkwistjoni, irrapportati kultant fil-forma ta’ diskors dirett jew indirett, billi b’hekk jirriproduċu testwalment id-dikjarazzjonijiet li saru mill-appellanti bħala kandidata għall-klemenza. |
|
52 |
Issa, f’tali ċirkustanzi, huwa minnu li l-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-proċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex direttament applikabbli. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż min-naħa l-oħra li huma rilevanti l-evalwazzjonijiet li kienu wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-ġurisprudenza, tqis li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi li l-iżvelar tad-dokumenti f’fajl dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE jippreġudika, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura. |
|
53 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li aċċess ġenerali għal tali dokumenti, indipendentement anki mill-fatt li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni volontarjament fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, huwa ta’ natura li jipperikola l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura, fir-Regolament Nru 1/2003 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas‑7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), bejn, minn naħa, l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ akkordju u tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, il-garanzija ta’ protezzjoni rafforzata relatata, skont is-sigriet professjonali u s-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 90 u 97). |
|
54 |
Issa, ma jidhirx li jista’ jiġi eskluż qabel kollox li l-iżvelar ta’ estratti tad-dokumenti inkwistjoni fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ma jistax ikollu l-istess effetti, peress li huwa jikkorrispondi, essenzjalment, għal aċċess ġenerali, minkejja li parzjali, għal dawn id-dokumenti. |
|
55 |
Jekk dan huwa l-każ, allura huwa l-każ, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, mhux li tippermetti lil individwu jipprevalixxi ruħu minn preżunzjoni rrikonoxxuta biss għall-benefiċċju tal-Kummissjoni, iżda li jiġu rrikonoxxuti, b’analoġija, applikabbli għal sitwazzjoni simili l-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din il-preżunzjoni fuqhom u, eventwalment, li tibbaża, fuq dawn l-istess kunsiderazzjonijiet, preżunzjoni spekulattiva li l-impriżi kkonċernati jistgħu bħala prinċipju jistennew li, ħlief fil-każ meta din il-preżunzjoni tista’ tiġi rribattuta, l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tkun koperta mis-sigriet professjonali. |
|
56 |
Barra minn hekk, tista’ tkun rilevanti f’dan ir-rigward, bħalma tfakkar l-appellanti, il-premessa 26 tad-Direttiva 2014/104/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Novembru 2014, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont id-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, p. 1), skont liema, fl-interess tal-protezzjoni tal-programm dwar il-klemenza, huma espressament eżentati mill-iżvelar il-“kwotazzjonijiet verbatim minndikjarazzjonijiet ta’ klemenza”, bħal dawn id-dikjarazzjonijiet innifishom. |
|
57 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti mqajma mill-appellanti insostenn tat-tieni u t-tielet aggravji tagħha, li skonthom il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta hija qieset li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ma kienx kuntrarju għall-assigurazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet tat fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ kandidati għall-klemenza fil-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u fil-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, hemm lok li jiġi rrilevat li d-distinzjoni li donnha qiegħda tagħmel il-Kummissjoni bejn id-dokumenti inkwistjoni u l-informazzjoni li jinkludu, u mhux bejn dawn id-dokumenti u l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Kummissjoni li huma bbażati fuq il-kontenut tagħhom, ma hijiex evidenti, b’mod partikolari peress li l-informazzjoni kkonċernata hija ppreżentata fil-forma ta’ estratti tal-imsemmija dokumenti. |
|
58 |
Fil-fatt, il-protezzjoni mogħtija lis-sigriet professjonali għandha bħala suġġett l-informazzjoni li jistħoqqilha tali protezzjoni u hija kkonkretizzata bil-projbizzjoni li jsiru disponibbli lit-terzi l-mezzi li fuqhom hija maħżuna din l-informazzjoni, bħal dokument. Fi kliem ieħor, il-kunfidenzjalità ta’ dokument jidher li tiddependi biss mill-karatteristiċi u min-natura tal-informazzjoni li jinkludi. Bħalma tirrileva l-appellanti, dan jidher li jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 773/2004, li jirreferi għall-“[i]nformazzjoni, inklużi dokumenti” li l-Kummissjoni la tista’ tikkomunika u lanqas tagħmel aċċessibbli. |
|
59 |
Minkejja li d-distinzjoni li l-Kummissjoni tidher li qiegħda tagħmel bejn id-dokumenti inkwistjoni u l-informazzjoni li jinkludu għandha titqies li mhix fondata, ma jistax jiġi eskluż li, bħalma tippretendi l-appellanti, it-trattament tal-estratti ta’ dokumenti kunfidenzjali għandu jkun l-istess bħal dak irriżervat għal dawn id-dokumenti, b’mod partikolari mill-komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u tal‑2006, fil-punti, rispettivament, 32 u 40 tagħhom. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli ta’ kondotta intiżi li jipproduċu effetti esterni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi, bħal dawk li jinsabu fil-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u tal‑2006, hija ma tistax titbiegħed minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn dak iż-żmien ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, din l-istituzzjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 sa 211, kif ukoll Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 53). |
|
61 |
Issa, fil-punti 32 u 33 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, il-Kummissjoni kienet qieset li, b’mod ġenerali, “żvelar, f’kull ħin, ta’ dokumenti rċevuti fil-kuntest ta’ dan l-avviż jippreġudikaw il-protezzjoni ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament [...] Nru 1049/2001” u li “[k]ull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-avviż, jifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni. Ma tistax tkun żvelata jew użata għall-ebda skop ieħor ħlief l-infurzar ta’ l-Artikolu 81 KE”. Bl-istess mod, fil-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, il-Kummissjoni speċifikat li “l-iżvelar pubbliku ta’ dokumenti u dikjarazzjonijiet bil-miktub jew irrekordjati rċevuti fil-kuntest ta’ din il-komunikazzjoni jippreġudikaw ċerti interessi pubbliċi jew privati, pereżempju l-protezzjoni tal-għan tal-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1049/2001], anki wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u b’hekk wessgħet espressament ir-raġunijiet sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ dokumenti wkoll għall-interessi l-oħrajn protetti minn dan l-Artikolu 4, inkluż, b’hekk, l-interessi kummerċjali msemmija fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. |
|
62 |
Il-fatt li l-imsemmija komunikazzjonijiet, fil-punti, rispettivament, 31 u 39, jinkludu indikazzjoni identika li “l-fatt li impriża tibbenefika minn immunità minn multa jew minn tnaqqis fl-ammont tagħha ma jipproteġihiex mill-konsegwenzi fid-dritt ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tal-Artikolu 81 [KE]” ma jidhirx li huwa biżżejjed, fihom innifishom, sabiex jiġi eskluż li l-impriżi kkonċernati seta’ jkollhom fiduċja fil-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni. Fil-fatt, meta tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura ġenerali ta’ din l-affermazzjoni, din tidher li hija limitata sabiex tindika li l-fatt li nkisbu l-benefiċċji previsti mill-imsemmija komunikazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi fuq ir-responsabbiltà tan-natura amministrattiva tal-impriżi kkonċernati minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma jistax inaqqas ir-responsabbiltà ċivili ta’ dawn l-istess impriżi, u ma jidhirx li jfisser li l-Kummissjoni ser tagħmel pubbliċi s-sigrieti professjonali tagħhom li jistgħu jikkostitwixxu provi fl-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà mill-qrati nazzjonali. |
|
63 |
Barra minn hekk, din tidher f’kontradizzjoni mal-punt 35a tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, kif emendata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Emendi għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell” (ĠU 2015, C 256, p. 1), li tgħid li “l-Kummissjoni qatt ma tittrażmetti dikjarazzjonijiet korporattivi ta’ klemenza lill-qrati nazzjonali għall-użu f’azzjonijiet għad-danni għal ksur [tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE]”. |
|
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi eskluż minn qabel li impriża setgħet tistenna li l-Kummissjoni ma tagħmilx id-dokumenti inkwistjoni pubbliċi, fl-intier tagħhom jew parzjalment, billi tikkomunikahom lil terzi jew tiżvelahom f’forma ta’ estratti fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
65 |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ effettivament tippubblika, konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, l-informazzjoni kontenzjuża, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li huwa meħtieġ minnha li, anki minkejja l-assenza ta’ garanziji li jistgħu jkunu l-bażi ta’ aspettattivi leġittimi tal-impriżi, hija tipprovdi indikazzjonijiet ċari u preċiżi dwar il-prattika deċiżjonali tagħhom u li, jekk dan ma kienx il-każ, il-kjarifikazzjoni eventwali ta’ regoli mhux ċari ssir mhux għad-detriment tal-parti f’kawża u tal-amministrazzjoni tajba, iżda pjuttost billi jiġu adottati regoli ġodda applikabbli għall-każijiet futuri u li għandhom il-livell ta’ ċarezza meħtieġ. |
|
66 |
Dan huwa iktar u iktar meħtieġ f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni kienet diġà għamlet il-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP. Issa, f’din il-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet mqajma mill-appellanti u kienet naqset milli tiżvela l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni li għaliha hija kienet talbet trattament kunfidenzjali. |
|
67 |
Ċertament, bħalma ssostni l-Kummissjoni, hija ma kinitx tat deċiżjoni fuq l-oġġezzjonijiet tal-appellanti. Madankollu, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ma ġietx ippubblikata f’forma provviżorja, bħalma jirriżulta mill-punt 160 tas-sentenza appellata, u din id-deċiżjoni kienet għalqet il-proċedura amministrattiva. |
|
68 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, tista’ tqum il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 għal pubblikazzjoni ulterjuri, mill-inqas fir-rigward tal-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippubblika verżjoni iktar iddettaljata mill-imsemmija verżjoni mhux kunfidenzjali mingħajr ma tispjega r-raġunijiet li għalihom tali pubblikazzjoni hija meħtieġa daqshekk żmien wara l-ewwel pubblikazzjoni. |
|
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex manifestament nieqsa. |
|
70 |
Barra minn hekk, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll rilevanti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża u b’hekk għall-evalwazzjoni tar-rikors għal annullament, huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ fumus boni juris konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 23 sa 25 ta’ dan id-digriet. |
Fuq l-urġenza
|
71 |
Sabiex jiġi stabbilit li l-miżuri provviżorji mitluba huma urġenti, l-appellanti tqis, preliminarjament, li, għal dawn l-għanijiet, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-premessa li l-informazzjoni kontenzjuża hija kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 339 TFUE, tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-Artikolu 8 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta. Fil-fatt, peress li l-appell tal-appellanti huwa espressament magħmul kontra l-parti tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti Ġenerali eskludiet li l-imsemmija informazzjoni taqa’ fil-protezzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, huwa biss fil-proċedura fuq il-mertu li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun imsejħa sabiex tiddeċiedi din il-kwistjoni. |
|
72 |
Huwa b’hekk billi titlaq minn tali premessa li l-appellati tqis li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ser tikkawżalha dannu gravi u irreparabbli. |
|
73 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-gravità ta’ dan id-dannu, l-appellanti tirrileva li l-pubblikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni ttellef irrimedjabbilment il-valur marbut mal-kunfidenzjalità tagħha, tippermetti l-użu tagħha fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni mressqa kontra tagħha u tippreġudika r-reputazzjoni tagħha fil-kuntest tar-rabtiet kummerċjali tagħha mal-klijenti tagħha. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija pubblikazzjoni hija maħsuba li ssir fuq l-internet, din ikollha bħala konsegwenza li, mill-mument tal-pubblikazzjoni tagħha, l-informazzjoni inkwistjoni titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-klijenti, tal-kompetituri u tal-fornituri tar-rikorrenti, kif ukoll tal-analisti finanzjarji u tal-pubbliku b’mod ġenerali, li jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni u jużawha liberament. |
|
74 |
Fir-rigward tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat, l-appellanti tosserva qabel kollox li, anki fil-każ li jintlaqa’ l-appell tagħha, dan ma jkunx ta’ rimedju għad-dannu li hija ġġarrab minħabba l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża, kemm f’dak li jirrigwarda dannu mhux materjali marbut mar-reputazzjoni tagħha kif ukoll danni finanzjarji. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li l-persuni li jikkonsultaw din l-informazzjoni jsiru konxji tagħha ma jistax jitħassar. Sussegwentement, id-dannu mhux materjali ma jistax, min-natura tiegħu, ikun ikkumpensat finanzjarjament. Fl-aħħar nett, id-danni ta’ natura finanzjarja ma jistgħux jiġu ddeterminati u kkwantifikati b’mod xieraq, peress li huwa jvarja, kemm fin-natura tiegħu kif ukoll fl-ammont tiegħu. |
|
75 |
Il-Kummissjoni tosserva li l-premessa li l-appellanti tibbaża l-argumenti tagħha fuqha li l-informazzjoni kontenzjuża hija, mill-kontenut tagħha, kunfidenzjali, ma hijiex fondata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet diġà ddeċidiet din il-kwistjoni, billi qieset li din l-informazzjoni għandha titqies li hija storika u, għalhekk, peress li l-appellanti ma wrietx kif inhu ġġustifikat li tingħatalha, b’mod eċċezzjonali, il-protezzjoni offruta mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija ma għandhiex tingħata protezzjoni. B’hekk, l-appellanti ma tistax tistrieħ fuq id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, [C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558], peress li l-informazzjoni li tirrigwarda s-sentenza li wasslet għal dan id-digriet kienet informazzjoni kummerċjali speċifika li, minħabba l-kontenut tagħha, setgħet tiġi koperta mis-sigriet professjonali, filwaqt li, f’dan il-każ, id-dannu allegat jirriżulta mhux mill-kontenut tal-informazzjoni kontenzjuża, iżda minn raġunijiet esterni, bħall-aspettattivi leġittimi li l-appellanti tippretendi li tieħu mill-prattika u mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
76 |
B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tidentifika żewġ danni li l-appellanti tippretendi li ssofri minħabba l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża u tqis li l-gravità ta’ kull waħda minnhom ma ġietx ipprovata b’mod suffiċjenti fil-liġi. |
|
77 |
Fir-rigward tar-responsabbiltajiet finanzjarji marbuta ma’ kundanni eventwali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li dan l-allegat dannu għandu l-kawża determinanti tiegħu mhux fl-imsemmija pubblikazzjoni, iżda fil-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni PIP. Min-naħa l-oħra, l-interess ta’ impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju hija pprovata, li tevita azzjonijiet għad-danni ma għandux jingħata protezzjoni. |
|
78 |
Fir-rigward tal-effetti negattivi fuq ir-reputazzjoni tal-appellanti, il-Kummissjoni tispeċifika li tali effetti għandhom ukoll il-kawża diretta tagħhom fil-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007 u li, fi kwalunkwe każ, huma ma jilħqux il-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex jiġġustifikaw l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Hija żżid li l-appellanti ma jista’ jkollha ebda interess li jistħoqqlu protezzjoni partikolari meta hija tfittex li tevita l-pubblikazzjoni ta’ dettalji addizzjonali fuq il-fatti ta’ ksur, speċjalment peress li s-siltiet ikkonċernati mill-pubblikazzjoni maħsuba ma għandhom ebda ġudizzju ta’ valuri li jista’ jimmalafama lill-appellanti u li jippreġudika b’mod gravi r-reputazzjoni tagħha. |
|
79 |
F’dak li jirrigwarda l-karattru irriversibbli tad-dannu allegat mill-appellanti, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, la darba tinqara, l-informazzjoni inkwistjoni tibqa’ fil-memorja jew fl-apparat għall-ħżin relatati mal-kompjuters tad-destinatarju anki jekk il-pubblikazzjoni tagħha titneħħa sussegwentement. Madankollu, dan ma huwiex determinanti f’dan il-każ, peress li l-appell ma jikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, li din l-informazzjoni ma tinkludi ebda element b’kontenut kummerċjalment sensittiv li, fil-każ ta’ żvelar, jagħti vantaġġi lill-imsieħba kummerċjali tagħha u lill-kompetituri tagħha. |
|
80 |
Fir-rigward tar-riskju ikbar li tiġi kkundannata f’azzjonijiet għad-danni, il-Kummissjoni tfakkar, minn naħa, li dannu finanzjarju jista’ jitqies irreparabbli eċċezzjonalment biss, peress li jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens monetarju. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk, fl-assenza tal-miżura provviżorja mitluba, l-appellanti ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza tagħha stess jew li timmodifika b’mod irrimedjabbli l-partijiet mis-suq tagħha. Issa, fit-talba tagħha, l-appellanti lanqas biss stqarret li l-pubblikazzjoni maħsuba tipperikola l-eżistenza tagħha jew twassalha li titlef il-partijiet tagħha mis-suq b’mod irrimedjabbli. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li, kuntrarjament għal dak li tqis l-appellanti, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group [C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558] ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-allegata impossibbiltà li jiġi ddeterminat u kkwantifikat b’mod xieraq id-dannu finanzjarju li l-appellanti ssofri minħabba l-azzjonijiet għad-danni. Fil-fatt, f’dan id-digriet tqies li kien impossibbli li jiġi identifikat in-numru u l-kwalità tal-persuni kollha li kellhom għarfien tal-informazzjoni ppubblikata u li jiġi evalwat, b’hekk, l-impatt konkret li l-pubblikazzjoni tagħha jista’ jkollha fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-impriża kkonċernata, meta jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmi digriet kienet informazzjoni kummerċjali sensittiva u li b’hekk tikkonċerna sigrieti tan-negozju fis-sens strett. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, id-danni finanzjarji allegati mill-appellanti f’dan il-każ huma marbuta biss ma’ azzjonijiet għad-danni jew ma’ rikorsi konsekuttivi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li ċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu, bħala vittmi tal-akkordju, iressqu azzjonijiet għad-danni kontra l-appellanti ma huwiex impossibbli sabiex jiġi ddeterminat, peress li d-dannu soffert minnhom jista’ jiġi ddeterminat b’mod xieraq u kkwantifikat. Fi kwalunkwe każ, id-dannu finanzjarju allegat huwa ħafna minnu ipotetiku, peress li huwa impossibbli li titbassar l-influwenza li l-użu eventwali tal-informazzjoni kontenzjuża jkollu fl-azzjonijiet ċivili, pendenti jew potenzjali, kontra l-appellanti. |
|
81 |
Il-Kummissjoni tqis, finalment, li, peress li l-allegat dannu li jirriżulta mill-preġudizzju għar-reputazzjoni allegat mill-appellanti ma huwiex gravi, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-preġudizzju addizzjonali għar-reputazzjoni li jista’ jwassal għalih l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża jistax jitqies li huwa irreparabbli. |
|
82 |
Sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri provviżorji mitluba humiex urġenti, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li jkun hemm deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu serju u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P‑R, EU:C:2013:882, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
F’dan il-każ, l-appellanti, li tibbaża ruħha fuq id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group [C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558], tallega li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tista’ tikkawżalha preġudizzju minħabba n-natura stess ta’ din l-informazzjoni. |
|
84 |
Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mhux biss l-appellanti kkontestat, fil-kuntest tal-appell tagħha, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 84 sa 127 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju u lanqas ma kienet koperta mis-sigriet professjonali, iżda wkoll, bħalma jirriżulta mill-punti 46 sa 69 ta’ dan id-digriet, li eżami prima facie tal-argumenti mqajma insostenn tal-aggravji rilevanti f’dan ir-rigward ma jwasslux għall-konklużjoni li n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni kienet manifestament nieqsa. |
|
85 |
Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata l-urġenza f’dan il-każ, il-punt ta’ tluq għandu jkun l-istess premessa li minnha telaq, għal raġunijiet paragunabbli, l-Imħallef għal miżuri provviżorji fil-kawża li wasslet għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group [C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punti 38 u 47] li l-informazzjoni kontenzjuża hija koperta mis-sigriet professjonali (ara, għall-kuntrarju, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punti 29 sa 33). |
|
86 |
Issa, jekk wieħed jitlaq minn din il-premessa, l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża jwassal neċessarjament għal dannu sinjifikattiv lill-appellanti. |
|
87 |
Fil-fatt, bħall-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmi digriet, dik li l-appellanti tallega hija kunfidenzjali, bħalma jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza appellata, tirrigwarda essenzjalment ir-rwol tagħha fil-bidu u fit-tkomplija tal-ksur ikkonstatat mid-Deċiżjoni PIP u turi, b’mod iddettaljat, il-kuntatti kollużorji jew il-ftehimiet antikompetittivi li fihom ipparteċipat l‑appellanti, billi ssemmi b’mod partikolari l-ismijiet ta’ ċerti prodotti kkonċernati mill-imsemmija kuntatti jew ftehimiet, data f’figuri li tikkonċerna l-prezzijiet mitluba kif ukoll l-għanijiet segwiti mill-parteċipanti fir-rigward ta’ prezzijiet u ta’ tqassim tal-partijiet mis-suq [ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 47]. |
|
88 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali hija stess irrikonoxxiet, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li l-iżvelar tal-informazzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali hija ta’ natura li tikkawżalha dannu serju. |
|
89 |
Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li tali preġudizzju ma jikkompromettix interess tal-appellanti li għandu jingħata protezzjoni ma huwiex konvinċenti, peress li huwa jgħid li l-informazzjoni inkwistjoni ma għandhiex, min-natura tagħha, tiġi protetta mis-sigriet professjonali. |
|
90 |
Fir-rigward tan-natura irreparabbli tal-iżvelar ikkontestat, huwa effettivament evidenti li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jistax ibiddel l-effetti tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni, peress li t-teħid ta’ konjizzjoni tagħha mill-persuni li jkunu qraw din id-deċiżjoni ma titħassarx [ara, b’analoġija, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 48, kif ukoll AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 35]. |
|
91 |
Issa, l-appellanti tqis li l-irriversibbiltà tal-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni twassal għan-natura irreparabbli tad-dannu li hija ssofri minħabba dan l-iżvelar. F’dan ir-rigward, hija tidentifika essenzjalment żewġ tipi ta’ dannu li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża. B’hekk, hija ssofri, minn naħa, dannu ta’ natura finanzjarja, peress li din tista’ tintuża fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni kontriha u, fi kwalunkwe każ, tkun disponibbli għall-pubbliku li jista’ jużaha liberament, u, min-naħa l-oħra, dannu mhux materjali, marbut mal-konsegwenzi negattivi fuq ir-reputazzjoni tagħha. |
|
92 |
Mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk dan l-allegat dannu mhux materjali huwiex irreparabbli, għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-ewwel tip ta’ dannu allegat, li, ċertament, dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens monetarju huwa, bħala regola ġenerali, kapaċi jreġġa’ lura lill-persuna leża fis-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza tad-dannu. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti, u tali dannu jista’ b’hekk jitqies irreparabbli, jekk ma jistax jiġi kkalkolat [digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington GroupC‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punti 50 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
|
93 |
Issa, peress li l-appellanti tallega li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni tesponiha għal riskju ikbar fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni ppreżentati kontriha, għandu jitfakkar li l-inċertezza marbuta mal-kumpens għal dannu ta’ natura monetarja fil-qafas ta’ rikors eventwali għad-danni ma tistax titqies, fiha nnifisha, bħala ċirkustanza ta’ natura li tistabbilixxi n-natura irreparabbli ta’ tali preġudizzju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fl-istadju tal-miżuri provviżorji, il-possibbiltà li sussegwentement jinkiseb il-kumpens għal dannu ta’ natura monetarja fil-qafas ta’ rikors eventwali għad-danni, li jista’ jiġi ppreżentat wara l-annullament tal-att ikkontestat, hija neċessarjament inċerta. Issa, il-proċeduri għal miżuri provviżorji ma għandhomx bħala għan li jissostitwixxu lilhom infushom għal tali rikors għad-danni sabiex jeliminaw din l-inċertezza, peress li l-għan tagħhom huwa biss li jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura li għandha tingħata fil-proċedura fuq il-mertu li fuqha jkunu bbażati l-miżuri provviżorji, jiġifieri, f’dan il-każ, rikors għal annullament [digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 53, kif ukoll AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 56]. |
|
94 |
Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni hija differenti meta jkun jidher ċar, mill-evalwazzjoni magħmula mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, li d-dannu invokat, minħabba n-natura tiegħu u l-mod prevedibbli ta’ kif dan ser iseħħ, ma jkunx jista’ jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod adegwat jekk iseħħ u li, fil-prattika, rikors għad-danni ma jkunx jista’ konsegwentement jirrimedjah. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali speċifika u allegatament kunfidenzjali dwar elementi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, b’mod partikolari l-ismijiet tal-prodotti kkonċernati bil-ksur, id-data f’figuri dwar il-prezzijiet mitluba kif ukoll l-għanijiet imfittxija mill-parteċipanti f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 54]. |
|
95 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu li jista’ jkun subit mill-appellanti minħabba l-pubblikazzjoni tal-allegati sigrieti tal-kummerċ tagħha jew ta’ informazzjoni li tikkonċernaha koperta, fi kwalunkwe każ, mis-sigriet professjonali, huwa differenti, kemm f’dak li jirrigwarda n-natura kif ukoll il-portata tiegħu, skont jekk il-persuni li jieħdu konoxxenza ta’ dawn tal-aħħar humiex il-klijenti tagħha, il-kompetituri tagħha, il-fornituri tagħha, jew ukoll analisti finanzjarji jew persuni li jagħmlu parti mill-pubbliku ġenerali. Fil-fatt, ikun impossibbli li jiġu identifikati n-numru u l-kwalità tal-persuni kollha li effettivament kellhom konoxxenza tal-informazzjoni ppubblikata u li b’hekk jiġi evalwat l-impatt konkret li l-pubblikazzjoni ta’ din seta’ jkollha fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-appellanti [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 55]. |
|
96 |
Peress li mill-inqas dan id-dannu invokat mill-appellanti jista’ jitqies li huwa gravi u irreparabbli, hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta f’dan il-każ. |
Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi
|
97 |
Fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi, l-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li d-dannu li hija ssofri minħabba l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża huwa irriversibbli u jippreġudika d-deċiżjoni fil-mertu. Fil-verità, fin-nuqqas ta’ sospensjoni tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, l-appellanti, anki jekk l-appell tagħha kellu jintlaqa’ fil-mertu, issofri l-istess dannu daqs li kieku kienet tilfet. Dan iktar u iktar peress li l-informazzjoni kontenzjuża ser tkun ippubblikata fuq l-internet, li ma jwaqqafx li l-informazzjoni tkun ikkonsultata anki wara t-tneħħija tagħha mis-sit tal-internet tal-Kummissjoni. L-appellanti żżid, f’dan ir-rigward, li d-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta, jirrikjedi l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba. |
|
98 |
Sussegwentement, is-sospensjoni tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża, min-naħa l-oħra, ma tippreġudika bl-ebda mod l-interessi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li din diġà ppubblikat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, l-interess tal-pubbliku li jkun informat diġà ġie ssodisfatt. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni hija stess irrikonoxxiet in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni għal ħames snin, huwa raġonevoli li hija tistenna ftit xhur oħra u żżomm l-istatus quo li ilu jeżisti għal dan iż-żmien kollu sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-mertu. |
|
99 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-interessi ta’ terzi u, b’mod partikolari, ta’ persuni li eżerċitaw azzjonijiet għad-danni, l-appellanti tirrileva li, minn naħa, fid-dawl taż-żmien twil li għadda bejn meta spiċċa l-ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni, it-terzi interessati ma għandhom ebda interess f’pubblikazzjoni ta’ malajr ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata mid-Deċiżjoni PIP u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar għandhom fi kwalunkwe każ il-possibbiltà li jitolbu jew lill-Kummissjoni sabiex tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni kontenzjuża konformement mar-Regolament Nru 1049/2001, jew lill-qrati nazzjonali aditi b’azzjonijiet għad-danni li jistiednu lill-Kummissjoni biex tittrażmetti din l-informazzjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
100 |
B’opinjoni opposta, il-Kummissjoni tenfasizza, qabel kollox, li l-argumenti u l-aggravji mqajma insostenn tal-appell ma humiex suffiċjentement serji sabiex jidher fumus boni juris ta’ intensità partikolarment qawwija, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi. |
|
101 |
Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tal-pubbliku li jkun jaf malajr kemm jista’ jkun il-motivi ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, l-interess tal-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema hu l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet, u l-interess tal-persuni leżi bil-ksur li jkunu jafu d-dettalji sabiex ikunu jistgħu jiddefendu, jekk ikun hemm bżonn, id-drittijiet tagħhom kontra l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. |
|
102 |
Fl-aħħar nett, b’osservanza tal-Artikolu 15 TFUE, il-motivi tal-azzjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku mhux biss b’mod totali, iżda wkoll fl-iqsar żmien possibbli. Dan madankollu ma jkunx il-każ jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni jkollha terġa’ tistenna, kważi għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni PIP, sabiex tiżvela d-dettalji tal-ksur li l-appellanti pparteċipat fih, minkejja li informazzjoni ta’ malajr tikkontribwixxi sabiex jiġi osservat b’mod effikaċi d-dritt għall-kumpens li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet għall-vittmi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Issa, kull dewmien fl-iżvelar tal-informazzjoni fuq iċ-ċirkustanzi essenzjali tal-ksur ikollu bħala effett li jipprevjeni l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet għad-danni u, konsegwentement, li jippreġudikaw l-effettività tal-projbizzjoni tal-akkordji elenkata fl-Artikolu 101 TFUE, inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-possibbiltajiet għar-rikorrenti f’azzjonijiet għad-danni li jistabbilixxu l-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb kumpens kif ukoll ir-regoli ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt applikabbli. |
|
103 |
Sabiex tingħata tweġiba għal dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli għandhom jiġu bbilanċjati fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. B’mod konkret, dan jimplika b’mod partikolari li għandu jiġi eżaminat jekk l-interess tal-appellanti li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jipprevalixxix jew le fuq l-interess fl-applikazzjoni immedjata tiegħu. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li kienet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tiegħu u, bil-maqlub, sa liema punt is-sospensjoni tkun tista’ tostakola l-għanijiet imfittxija mill-att ikkontestat fil-każ li r-rikors fil-kawża prinċipali jkun miċħud [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), EU:C:1995:257, punt 50, u Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, EU:C:2003:385, punt 142, kif ukoll id-digriet Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96 R, EU:C:1996:308, punt 89]. |
|
104 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fuq il-punt dwar jekk is-sentenza appellata u, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża, għandhomx jiġu annullati, b’mod partikolari għal ksur tas-sigriet professjonali tal-appellanti protett fl-Artikolu 339 TFUE, fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-Artikolu 8 tal-KEDB u fl-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll għal ksur tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li ser tiġi ppubblikata. |
|
105 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, sentenza ta’ annullament tkun manifestament nieqsa minn effettività jekk din it-talba għal miżuri provviżorji tkun miċħuda u jekk il-Kummissjoni tkun tista’, b’hekk, tippubblika immedjatament l-informazzjoni kontenzjuża mingħajr ma tistenna din is-sentenza. Fil-fatt, mill-fatt stess ta’ din il-pubblikazzjoni, din l-informazzjoni titlef b’mod irriversibbli l-protezzjoni mogħtija mis-sigriet professjonali, b’mod illi ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji tippreġudika de facto d-deċiżjoni futura fil-mertu, dwar it-talba għall-annullament tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
106 |
L-argumenti sostnuti mill-Kummissjoni ma jippermettux il-konklużjoni li l-interess tagħha li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda huwa ikbar mill-interess tal-appellanti li tikseb is-sospensjoni li qiegħda titlob. |
|
107 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda ssostni l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni fil-punti 46 sa 70 ta’ dan id-digriet jippermettu l-konklużjoni li, f’dan il-każ, il-fumus boni juris huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba, b’din l-evalwazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, b’mod partikolari meta aspetti oħrajn ta’ dan l-ibbilanċjar ixeqilbuh favur l-appellanti. |
|
108 |
Dan huwa l-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, fir-rigward tal-interessi li tiddefendi l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-interess tal-pubbliku li jsir jaf malajr kemm jista’ jkun il-motivi ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni kien fil-parti l-kbira tiegħu diġà ssodisfatt bil-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007. Peress li ma ġiex ikkontestat li din il-verżjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok li jiġi preżunt li hija kienet tinkludi mill-inqas l-elementi essenzjali kollha tal-motivazzjoni insostenn ta’ din id-deċiżjoni. Ċertament, dan l-interess huwa ssodisfatt b’mod iktar komplet fil-każ li l-appell jiġi miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tippermetti l-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP maħsuba mill-Kummissjoni. Madankollu, ma jistax jitqies possibbli li jiġi ssodisfatt l-imsemmi interess qabel ma tingħata din is-sentenza ta’ ċaħda stess mingħajr ma jiġi kkontestat l-interess kuntrarju tal-appellanti. |
|
109 |
F’dak li jirrigwarda l-interess tal-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema aġir jista’ jesponihom għal sanzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-prattika tal-Kummissjoni hija ċertament utli f’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni stess li, f’din il-kawża, jidher li tqis li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jibbażaw sa ċertu punt limitat biss fuq id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni sabiex jirregolaw l-aġir tagħhom. Konsegwentement, il-premura tal-Kummissjoni li tgħarraf lill-operaturi l-oħrajn bir-raġunijiet ta’ deċiżjoni li fi kwalunkwe każ huma jistgħu jibbażaw fuqha sa ċertu punt limitat biss, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika li jiġi ssagrifikat l-interess kuntrarju tal-appellanti f’dan il-każ. Dan speċjalment peress li d-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża huwa dovut fil-parti l-kbira tiegħu lill-Kummissjoni, li donnha qiegħda tikkonferma wkoll li ħalliet iż-żmien jgħaddi mill-ewwel pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007 sabiex teżamina fid-dettall l-argumenti tal-partijiet ikkonċernati li ċerti siltiet tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu sigrieti tan-negozju. |
|
110 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interess tal-persuni leżi bil-ksur li jkunu jafu d-dettalji tiegħu sabiex ikunu jistgħu jsostnu, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-motivi ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur jistgħu jkunu utli għall-imsemmija persuni fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġi preżunt li dawn l-azzjonijiet jistgħu jkunu bbażati biss fuq l-elementi li jirriżultaw mill-imsemmija motivi. |
|
111 |
Barra minn hekk, f’tali każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti, inkluż dawk ipprovduti lil awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ programm nazzjonali ta’ klemenza, jista’ jipprevjeni l-eżerċizzju tal-imsemmija azzjonijiet jirrikjedi li dan ir-rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-interess invokat u applikabbli għal kull dokument li l-aċċess għalih huwa rrifjutat. Fil-fatt, hija biss l-eżistenza ta’ riskju li dokument speċifiku jippreġudika b’mod konkret l-interess pubbliku relatat mal-effikaċja tal-programm nazzjonali ta’ klemenza li tista’ tiġġustifika li dan id-dokumenti ma jiġix żvelat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punti 47 u 48). |
|
112 |
Konsegwentement, l-interess tal-persuni leżi li jistgħu jibbażaw il-pretensjonijiet tagħhom biss fuq id-dokumenti pprovduti lill-Kummissjoni jista’ jkun issodisfatt iktar malajr fil-kuntest ta’ talba ta’ aċċess għad-dokumenti milli fl-istennija tal-pubblikazzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. |
|
113 |
Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni tikkritika lill-appellanti li ma indikatx jekk, u sa liema punt, il-preskrizzjoni kienet interrotta għal kawżi eventwali ta’ rkupru tal-parteċipanti l-oħrajn għall-akkordju, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stess ma pprovdiet ebda element li jippermetti li tiġi evalwata sa liema punt il-possibbiltà għall-persuni allegatament leżi li jsostnu d-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ azzjonijiet għall-kumpens tiddependi fuq pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża qabel tingħata s-sentenza fil-mertu u, b’mod partikolari, hija ma tipprovdi ebda indikazzjoni f’dak li jirrigwarda preċiżament il-preskrizzjoni tal-imsemmija azzjonijiet. |
|
114 |
Finalment, l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba jwassal biss sabiex iżomm fis-seħħ, għal perijodu limitat, l-istatus quo li kien jeżisti għal diversi snin (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Radio Telefis Eireann et vs Il‑Kummissjoni, 76/89 P, 77/89 R u 91/89 R, EU:C:1989:192, punt 15). |
|
115 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-bilanċ tal-interessi involuti huwa favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba. |
|
116 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi sospiża u l-Kummissjoni ordnata, sakemm tingħata s-sentenza li tagħlaq il-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑162/15 P, ma tippubblikax verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li hija iktar iddettaljata, f’dak li jirrigwarda lill‑appellanti, mill-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni ppubblikata fl‑2007. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.