KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
tat-3 ta’ Marzu 2016 ( 1 )
Kawża C‑158/15
Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ NV
vs
Bestuur van de Nederlandse Emissieautoriteit
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Raad van State (Staatsrat, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Dritt ambjentali — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Kunċett ta’ installazzjoni — Regolament (UE) Nru 601/2012 — Monitoraġġ ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Kombustibbli esportat mill-installazzjoni”
I – Introduzzjoni
|
1. |
L-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE ( 2 ) hija waħda mill-strumenti l-iktar importanti tal-Unjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Taħt din l-iskema, l-installazzjonijiet tal-enerġija li jaħdmu bil-karbonju għandhom jakkwistaw kwoti ta’ emissjonijiet għar-rilaxx ta’ CO2 waqt il-produzzjoni tal-elettriku, l-hekk imsejħa kwoti. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan jinkludix ukoll ir-rilaxx ta’ CO2 li ġej minn proċess ta’ tisħin spontanju ta’ faħam f’sit tal-ħażna ta’ installazzjoni tal-enerġija fl-impriża stess. |
|
2. |
Jekk jiġu inklużi dawn l-emissjonijiet, dan ikun ifisser li s-sit tal-ħażna huwa parti mill-installazzjoni tal-enerġija fis-sens tad-Direttiva 2003/87. Il-kunċett ta’ installazzjoni li għandu jintuża f’dan ir-rigward ma huwiex ristrett għal din id-direttiva, iżda jinsab b’verżjonijiet sostanzjalment identiċi fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 3 ), ta’ kontenut ħafna iktar ġenerali, fejn huwa ta’ sinjifikat ċentrali. F’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba ser tesprimi l-fehmiet tagħha dwar dan il-kunċett. U għalkemm l-interpretazzjoni tad-definizzjoni li tinsab f’direttiva mhux neċessarjament għandha tiġi trasposta għal direttiva oħra, madankollu il-każ preżenti għandu ċertu valur ta’ preċedent. |
|
3. |
Anki kieku s-sit tal-ħażna ta’ installazzjoni tal-enerġija jiġi inkluż, l-inklużjoni tal-emissjonijiet inkwistjoni madankollu tkun eskluża jekk il-karbonju mitluf minħabba l-proċess ta’ tisħin spontanju jitqies bħala kombustibbli esportat mill-installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 ( 4 ). |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 2003/87
|
4. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.” |
|
5. |
Taħt id-definizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87, għandhom jiġu enfasizzati t-tlieta li ġejjin: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]” |
|
6. |
L-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti għall-emissjoni ta’ gassijiet serra huwa stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Diretiva 2003/87: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati.” |
|
7. |
Il-kombustjoni tal-kombustibbli fl-installazzjonijiet b’input termiku nominali totali ta’ iktar minn 20 MW hija waħda mill-attivitajiet inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Meta ġie introdott dan l-anness, ġie ppreċiżat liema proċessi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kombustjoni:
[…]
|
B – Ir-Regolament Nru 601/2012
|
8. |
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 601/2012 jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-attivitajiet fis-sens tad-Direttiva 2003/87/KE fil-perijodu ta’ negozjar tal-iskema tal-Unjoni għall-iskambju ta’ emissjonijiet li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u l-perijodi sussegwenti ta’ negozjar. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 601/2012, il-monitoraġġ għandu jkun komplut: “Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE u attivitajiet rilevanti oħra inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju. L-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom japplikaw miżuri xierqa sabiex jevitaw kwalunkwe nuqqas fid-dejta fi żmien il-perjodu ta’ rapportar.” |
|
10. |
L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 601/2012 jippreċiża l-limiti tal-monitoraġġ mill-operatur tal-installazzjoni: “Operatur għandu jiddefinixxi l-konfini [limiti] tal-monitoraġġ għal kull installazzjoni. Fi ħdan dawk il-konfini, l-operatur għandu jinkludi l-emissjonijiet rilevanti kollha ta’ gassijiet serra mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi minn sorsi kollha li jagħmlu parti minn attivitajiet imwettqa fl-installazzjoni u elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll minn attivitajiet u gassijiet serra inklużi minn Stat Membru skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE. L-operatur għandu jinkludi wkoll l-emissjonijiet minn operazzjonijiet regolari u avvenimenti anormali inkluż sitwazzjonijiet ta’ bidu u għeluq u ta’ emerġenza matul il-perjodu ta’ rapportar, bl-eċċezzjoni ta’ emissjonijiet minn makkinarju mobbli għal finijiet ta’ trasport.” |
|
11. |
L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 601/2012 jikkonċerna l-għażla tal-metodu ta’ monitoraġġ: “Għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni, l-operatur għandu jagħżel li japplika jew metodoloġija bbażata fuq kalkolu inkella metodoloġija bbażata fuq kejl, soġġetta għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament. Metodoloġija bbażata fuq kalkolu għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ emissjonijiet minn flussi minn sorsi bbażati fuq dejta tal-attivitajiet miksuba permezz ta’ sistemi ta’ kejl u parametri addizzjonali minn analiżijiet fil-laboratorju jew valuri predefiniti. Il-metodoloġija bbażata fuq kalkolu tista’ tiġi implimentata permezz tal-metodoloġija standard stabbilita fl-Artikolu 24 jew il-metodoloġija tal-bilanċ tal-massa stabbilita fl-Artikolu 25. […]” |
|
12. |
L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 601/2012 jirregola kif għandhom jiġu kkalkolati l-kwantitajiet użati minn installazzjoni: “(1) L-operatur għandu jiddetermina d-dejta tal-attivitajiet ta’ fluss minn sors f’wieħed mill-modi li ġejjin:
(2) Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, il-kwantità ta’ karburant [kombustibbli] jew materjal ipproċessat waqt il-perjodu ta’ rapportar għandha tiġi kkalkulata bħala l-kwantità ta’ karburant jew materjal mixtri waqt il-perjodu ta’ rapportar, li minnha titnaqqas il-kwantità ta’ karburant jew materjal esportat mill-installazzjoni, u tiżdied il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fil-bidu tal-perjodu ta’ rapportar, u titnaqqas il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fl-aħħar tal-perjodu ta’ rapportar. […]” |
III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
|
13. |
Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ NV (iktar ’il quddiem “EPZ”) topera installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju fiż-żona portwarja u industrijali ta’ Vlissingen-Oost, viċin Borssele fil-provinċja Olandiża ta’ Zeeland. L-installazzjoni tal-enerġija attwalment għandha input ta’ 406 MB u bħala medja tuża 2500 tunnellata ta’ faħam kuljum. Il-faħam jiġi kkunsinnat permezz ta’ vapur f’wieħed mill-portijiet li jinsabu fiż-żona. Il-fornitur huwa stivatur bl-isem ta’ OVET, li għandu s-sede tiegħu viċin il-port. OVET jaħżen il-karbonju li jkun inħatt mill-vapur għal EPZ f’żewġ reċipjenti mobbli fl-għamla ta’ lembut u finalment iġibu fis-sit tal-ħażna ta’ EPZ, li b’mod ġenerali jissejjaħ ukoll park tal-karbonju. |
|
14. |
Iċ-ċentru tal-park tal-karbonju jinsab madwar 800 metru mill-konfini tal-installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju. Il-proprjetà fejn tinsab l-installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju hija sseparata mis-sit tal-ħażna minn triq pubblika. Il-karbonju jinġabar permezz ta’ scrapers mis-sit tal-ħażna u jitqiegħed fuq makkinarju fl-għamla ta’ conveyer belt. Dan il-makkinarju fl-għamla ta’ conveyor belt jaqsam it-triq pubblika lejn l-installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju. Hemmhekk il-karbonju jiġi mitħun u finalment jiddaħħal fl-installazzjoni tal-kombustjoni. |
|
15. |
Fil-park tal-karbonju, EPZ tista’ żżomm madwar żewġ kunsinni mill-vapur. Il-faħam jibqa’ fis-sit tal-ħażna bejn sitt xhur u sena qabel jinħaraq fl-installazzjoni tal-enerġija. |
|
16. |
EPZ taqa’ taħt l-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet u b’hekk għandha ċċedi kwoti ta’ emissjonijiet għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-kwantità tal-kwoti meħtieġa hija ddeterminata skont il-kwantitajiet ta’ karbonju kkunsinnati. Madankollu, EPZ titlob li din il-kwantità tkun tista’ titnaqqas b’perċentwali fissa. |
|
17. |
F’dan ir-rigward huwa kkontestat biss jekk il-proċess ta’ tisħin spontanju tal-karbonju jiġġustifikax tnaqqis. B’dan il-proċess dak li jkun għandu jifhem li parti mill-karbonju tintilef waqt li tkun maħżuna fil-park tal-karbonju minħabba l-kombustjoni bħala konsegwenza tat-tisħin spontanju. L-ossiġenu mill-arja fl-ispazji tal-karbonju maħżun jirreaġixxi miegħu u jipproduċi s-sħana, u b’dan il-mod tintilef parti mill-karbonju. Dan il-proċess tabilħaqq iwassal għal emissjoni ta’ CO2, iżda ma jikkontribwixxix għall-produzzjoni tal-elettriku fl-installazzjoni. |
|
18. |
L-iStaatsrat Olandiż jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħti deċiżjoni preliminari fir-rigward tad-domandi li ġejjin:
|
|
19. |
EPZ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Billi l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għandha biżżejjed informazzjoni permezz ta’ dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub, irrinunzjat l-organizzazzjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
IV – Analiżi
|
20. |
Skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, l-iktar tard sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet għandu jċedi numru ta’ kwoti, ugwali għall-emissjonijiet totali tal-installazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel kif ivverifikati skont l-Artikolu 15. Għalkemm fil-każ inkwistjoni ma hijiex ikkonċernata ċ-ċessjoni ta’ kwoti, iżda biss il-verifika skont l-Artikolu 15, madankollu r-riżultat ta’ din il-verifika huwa deċiżiv għall-kwantità ta’ kwoti meħtieġa. |
|
21. |
Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-iStaatsrat jixtieq jiċċara jekk l-emissjonijiet ta’ CO2 minħabba proċess ta’ tisħin spontanju waqt il-ħażna tal-karbonju f’sit tal-ħażna ta’ installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju għandhomx ikunu koperti minn kwoti ta’ emissjonijiet. Iż-żewġ domandi huma intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk is-sit tal-ħażna għandux jaqa’ taħt l-iskema tad-Direttiva 2003/87 (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima A) u, jekk ikun il-każ, jekk il-kombustibbli li jintilef minħabba l-proċess ta’ tisħin spontanju jistax jibqa’ ma jitteħidx inkunsiderazzjoni minħabba li dan ġie “esportat mill-installazzjoni” (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima A). |
A – Fuq il-kunċett ta ’ installazzjoni
|
22. |
Installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew diversi attivitajiet elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis tal-ambjent. |
|
23. |
Il-kombustjoni tal-kombustibbli f’installazzjonijiet b’input termiku nominali totali ta’ iktar minn 20 MW hija koperta mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, l-installazzjoni tal-enerġija ta’ EPZ li għandha input ta’ 406 MW hija koperta mill-iskema tad-Direttiva. |
|
24. |
EPZ tabilħaqq tenfasizza li l-ħażna tal-karbonju ma hijiex attività skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Il-maħżen tal-karbonju madankollu jista’ jkun parti mill-installazzjoni tal-enerġija. |
1. Fuq id-definizzjoni ta’ installazzjoni
|
25. |
Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ installazzjoni fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 hija kkaratterizzata minn erba’ elementi. F’dan l-artikolu, l-ewwel nett tissemma b’mod partikolari unità teknika stazzjonarja fejn titwettaq waħda jew diversi mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva, kif ukoll, it-tieni nett, attivitajiet oħrajn direttament assoċjati li, it-tielet nett, ikollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa f’dak is-sit u li, ir-raba’ nett, jista’ jkollhom efett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis tal-ambjent. |
|
26. |
Huwa minnu li bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi jeżistu differenzi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet l-oħra konnessi direttament mal-attività ewlenija jitwettqux fi ħdan l-unità teknika jew inkella wkoll barra minnha ( 5 ). Madankollu, dawn id-differenzi huma iżgħar milli jidhru. |
|
27. |
Dan għaliex il-kunċett ta’ “unità teknika” ma huwiex iddefinit u b’hekk jista’ jiġi interpretat b’mod flessibbli. Konsegwentement, l-elementi l-oħrajn tad-definizzjoni għandhom ikunu deċiżivi, jiġifieri l-assoċjazzjoni diretta tal-attivitajiet l-oħra mal-attività fl-anness, il-konnessjoni teknika taż-żewġ attivitajiet kif ukoll l-effetti fuq l-ambjent. |
|
28. |
Dawn l-elementi tad-definizzjoni ta’ installazzjoni ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li inkella jkun hemm għalfejn wieħed jibża’ li ċerti emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiġu esklużi mill-installazzjonijiet inkwistjoni u ma jibqgħux taħt l-iskema tad-Direttiva 2003/87. |
|
29. |
Għalkemm huwa minnu li l-ħażna tal-karbonju f’sit ta’ installazzjoni tal-enerġija bl-għan li dan jinħaraq iktar tard fl-installazzjoni ma huwiex elenkat fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, mid-definizzjoni nnifisha ta’ installazzjoni jirriżulta li anki attivitajiet oħrajn tal-installazzjoni għandhom ikunu koperti meta dawn ikunu assoċjati biss b’mod dirett mal-attività ewlenija, f’dan il-każ il-kombustjoni. Tali assoċjazzjoni diretta teżisti fir-rigward tal-ħażna tal-karbonju inkwistjoni, peress li l-kombustibbli maħżun huwa indispensabbli għall-operat tal-forn tal-installazzjoni tal-enerġija. |
|
30. |
Din l-assoċjazzjoni diretta hija kkonkretizzata permezz tal-element tal-konnessjoni teknika. Tali konnessjoni għandha tiġi preżunta meta l-attività inkwistjoni tkun integrata fi proċess tekniku komuni mal-attività ewlenija li jintroduċi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87. Din hija s-sitwazzjoni fil-kawża preżenti, minħabba l-makkinarju fl-għamla ta’ conveyor band li jasal sal-installazzjoni tal-enerġija. Il-fatt li ż-żewġ partijiet tal-installazzjoni huma sseparati minn triq u minn ċerta distanza huwa inqas importanti meta mqabbel ma’ dan. |
|
31. |
Fl-aħħar nett, l-emissjonijiet ta’ CO2 minħabba l-proċess ta’ tisħin spontanju juru li l-ħażna jista’ jkollha effetti fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis tal-ambjent. Effetti oħra fuq l-ambjent minħabba l-ħażna tal-faħam fil-miftuħ ma jistgħux jiġu esklużi, bħal pereżempju fl-għamla ta’ materja fil-forma ta’ partiċelli. |
|
32. |
Għaldaqstant, sit tal-ħażna tal-karbonju bħal dak fil-kawża prinċipali huwa parti mill-installazzjoni tal-enerġija. |
2. Fuq kunċetti ta’ installazzjoni speċifiċi
|
33. |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata mid-definizzjonijiet ta’ installazzjoni kemxejn iktar speċifiċi fil-qasam tal-inċinerazzjoni tal-iskart skont l-Artikolu 42(1) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u skont l-Artikolu 3, punt 8 tal-hekk imsejħa Direttiva Seveso III dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi ( 6 ). |
|
34. |
Fil-każ ta’ installazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni tal-iskart, il-ħażna tal-iskart, jiġifieri tal-kombustibbli, hija ddefinita espressament bħala parti mill-installazzjoni inkwistjoni. U anki skont id-Direttiva Seveso III l-installazzjonijiet jinkludu siti tal-ħażna li huma meħtieġa għall-attività tagħhom. |
|
35. |
Għalkemm dawn iż-żewġ definizzjonijiet huma primarjament intiżi sabiex jilħqu l-għanijiet speċifiċi tar-regoli inkwistjoni, proprju bħad-definizzjoni tad-Direttiva 2003/87 dawn għandhom l-għan li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod komprensiv l-efetti fuq l-ambjent irregolati f’kull każ. F’dan is-sens, iż-żewġ definizzjonijiet speċifiċi juru li l-installazzjonijiet tipikament jinkludu wkoll il-maħżen meħtieġ. |
|
36. |
F’dan ir-rigward, id-definizzjoni fil-qasam tal-inċinerazzjoni tal-iskart hija ta’ interess partikolari, minħabba li hija mmirata lejn installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni u l-installazzjoni tal-enerġija hija wkoll installazzjoni tal-inċinerazzjoni. Din id-definizzjoni turi li normalment l-installazzjonijiet tal-inċinerazzjoni jkollhom sit tal-ħażna tal-kombustibbli. |
3. Fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87
|
37. |
Minkejja dan, EPZ hija tal-fehma li minħabba l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, hija meħtieġa interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ installazzjoni. F’dan ir-rigward, EPZ tenfasizza b’mod partikolari li l-operatur ta’ sit tal-ħażna tal-karbonju ma jistax jikkontrolla jew jipprevjeni l-emissjoni minħabba l-proċess ta’ tisħin spontanju. |
|
38. |
Din il-fehma hija bbażata fuq l-idea li l-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq tal-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet għandu jħeġġeġ lill-operaturi tal-installazzjonijiet inaqqsu kemm jista’ jkun l-emissjonijiet ta’ CO2 li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħhom. |
|
39. |
Anki jekk jiġi preżunt li l-operatur ta’ sit tal-ħażna tal-karbonju fir-realtà ma jistax jipprevjeni l-proċess ta’ tisħin spontanju, EPZ madankollu qed tinjora l-fatt li l-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq huwa mfassal ukoll sabiex f’xi ċirkustanzi ċerti attivitajiet jiġu rrinunzjati għalkollox meta ma jibqgħux kompetittivi minħabba l-ispejjeż ta’ emissjonijiet li ma jistgħux jiġu evitati. |
|
40. |
Konsegwentement, l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 ukoll jikkonfermaw l-inklużjoni tas-sit tal-ħażna tal-karbonju fl-installazzjoni tal-enerġija. |
4. Fuq ir-Regolament Nru 601/2012
|
41. |
Għalkemm ir-Regolament Nru 601/2012 mal-ewwel daqqa t’għajn ma jagħtix risposta ċara għall-kwistjoni dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet tas-sit tal-ħażna, dan fl-aħħar mill-aħħar ma jqajjimx dubji dwarha. |
|
42. |
L-Artikolu 20 tar-Regolament jidher li jiftaħ il-possibbiltà li s-sit tal-ħażna ma jitteħidx inkunsiderazzjoni. Skont dan, l-operatur tal-installazzjoni jiddefinixxi l-limiti tal-monitoraġġ għal kull installazzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li l-operatur ta’ installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju jista’ jitħalla jeskludi s-sit tal-ħażna assoċjat biex b’hekk ma jeħdux inkunsiderazzjoni. |
|
43. |
Is-setgħa li jiġu stabbiliti limiti ma tikkonċernax l-installazzjoni bħala tali, iżda biss il-monitoraġġ tagħha. Iżda jekk il-monitoraġġ jiġi ristrett b’tali mod li ċerti emissjonijiet tal-installazzjoni ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, dan ikun f’kunflitt mal-għan tal-monitoraġġ. Dan il-monitoraġġ, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, għandu jkun komplut u jkopri l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Iżda l-proċess ta’ tisħin spontanju tal-karbonju fis-sit tal-ħażna wkoll huwa sors ta’ emissjonijiet relatat mal-attività tal-installazzjoni tal-enerġija u b’hekk għandu jkun kopert mill-monitoraġġ. |
5. Dwar forom oħra ta’ organizzazzjoni tal-ħażna
|
44. |
F’dan il-kuntest, EPZ raġonevolment titlob li jiġi ċċarat jekk organizzazzjoni differenti tal-ħażna possibbilment tkunx tipprekludi l-inklużjoni tagħha fl-installazzjoni tal-enerġija. Għalkemm din il-kjarifika ma hijiex indispensabbli sabiex tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari, hija tista’ tippromwovi r-riżoluzzjoni finali tal-kunflitt bejn EPZ u l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħażna. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-kwistjoni. |
|
45. |
L-element tal-konnessjoni teknika juri li din ma tistax tiddependi fuq l-organizzazzjoni ekonomika tal-attività, pereżempju jekk din titwettaqx minn operatur ieħor (outsourcing). Għall-kuntrarju hija deċiżiva l-integrazzjoni tagħha fi proċess tekniku mal-attività ewlenija li tagħti lok għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87. |
|
46. |
Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-premessa 6 kif ukoll fl-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, fejn jintuża kważi l-istess kunċett ta’ installazzjoni, ħa inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ diversi operaturi li joperaw partijiet differenti mill-installazzjoni. |
|
47. |
Dan huwa kkonfermat ukoll mid-definizzjonijiet speċifiċi ta’ installazzjoni fil-qasam tal-inċinerazzjoni tal-iskart u dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi. Dawn juru li l-installazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat, iżda normalment jinvolvu proċess tekniku li għandu jiġi evalwat fl-intier tiegħu. |
|
48. |
Konsegwentement, l-għażla tal-mezz tekniku għall-konnessjoni tal-partijiet tal-installazzjoni wkoll tista’ ma tkunx kruċjali, sakemm dawn il-partijiet ikunu konnessi fl-installazzjoni permezz ta’ proċess tekniku. Il-makkinarju fl-għamla ta’ conveyor belt użat b’hekk huwa biss eżempju ta’ konnessjoni teknika. Konnessjonijiet oħra installati b’mod inqas fiss, bħal pereżempju trakkijiet, ukoll ikunu konċepibbli. |
|
49. |
Id-distanza bejn is-sit tal-ħażna tal-kombustibbli u s-sit tal-kombustjoni tista’ sservi biss bħala indikazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ tali proċess tekniku. Iktar kemm ikunu mbiegħda minn xulxin, inqas ikun possibbli li jkun ikkonċernat proċess tekniku direttament konness. Iżda sit tal-ħażna intermedju, li huwa operat esklużivament biex jintuża minn installazzjoni tal-enerġija partikolari, xorta għandu jitqies bħala parti mill-installazzjoni tal-enerġija anki fil-każ ta’ distanza sinjifikattiva. |
|
50. |
L-istess għandu japplika fil-każ tal-provvista lil konsumaturi oħrajn mill-istess sit tal-ħażna. Dan ikun indikazzjoni tal-fatt li s-sit tal-ħażna ma huwiex parti mill-installazzjoni tal-enerġija. Madankollu, sakemm l-għan prinċipali tas-sit tal-ħażna jkun il-provvista tal-installazzjoni tal-enerġija, dan xorta jkun jissuġġerixxi installazzjoni integrata. L-istess ħaġa jsostni l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012 li ser jiġi diskuss sussegwentement. Dan għaliex din id-dispożizzjoni evidentement tippreżumi li l-kombustibbli jista’ jiġi kkunsinnat minn installazzjoni lil konsumaturi oħrajn. |
|
51. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li huwa prattikament impossibbli li s-sit tal-ħażna jiġi eskluż mill-installazzjoni permezz ta’ forom ta’ organizzazzjoni differenti. L-impriża fil-fatt għandha tissepara l-ħażna tal-karbonju mill-installazzjoni tal-enerġija b’mod tant tajjeb mil-lat strutturali li tkun eskluża konnessjoni teknika mal-installazzjoni tal-enerġija. |
6. Fuq ir-risposta għall-ewwel domanda
|
52. |
Fl-aħħar nett, l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju u sit tal-ħażna tal-karbonju għall-provvista tagħha fejn iseħħu emissjonijiet ta’ CO2 minħabba proċess ta’ tisħin spontanju għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-istess installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, meta t-tnejn li huma jkunu konnessi ma’ xulxin bħala parti minn proċess tekniku komuni għall-operat tal-installazzjoni tal-enerġija. |
B – Fuq l-esportazzjoni mill-installazzjoni
|
53. |
Permezz tat-tieni domanda, l-iStaatsrat jixtieq jiċċara jekk il-karbonju maħruq permezz ta’ proċess ta’ tisħin spontanju għandux jitħalla barra mill-kalkolu tal-emissjonijiet, minħabba li dan ikun ġie esportat mill-installazzjoni |
|
54. |
Din id-domanda hija bbażata fuq il-proċedura dwar il-kalkolu tal-emissjonijiet li hija stabbilita fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012. Skont dan l-artikolu, il-kwantità ta’ kombustibbli jew materjal ipproċessat għandha tiġi kkalkulata bħala l-kwantità ta’ kombustibbli jew materjal mixtri waqt il-perijodu ta’ rapportar, li minnha titnaqqas il-kwantità ta’ kombustibbli jew materjal esportat mill-installazzjoni, u tiżdied il-kwantità ta’ kombustibbli jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fil-bidu tal-perijodu ta’ rapportar, u titnaqqas il-kwantità ta’ kombustibbli jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fl-aħħar tal-perijodu ta’ rapportar. |
|
55. |
Skont Linji Gwida tal-Kummissjoni, il-kwantità esportata mill-installazzjoni tindika l-użu għal installazzjonijiet jew partijiet minn installazzjonijiet oħrajn li ma humiex suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87 ( 7 ). B’hekk tkun saret esportazzjoni minn installazzjoni sakemm fil-verità l- kombustibbli jkunu ġew fornuti lil installazzjonijiet oħrajn jew użati għal partijiet oħra tal-installazzjoni li attwalment ma humiex suġġetti għall-iskema. |
|
56. |
Madankollu, EPZ hija tal-fehma li anki l- kombustibbli mitluf minħabba l-proċess ta’ tisħin spontanju huwa esportat mill-installazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li s-sit tal-ħażna bħala tali ma huwiex kopert mid-Direttiva 2003/87. |
|
57. |
Madankollu, din il-kunsiderazzjoni twassal biss sabiex tiġi rriveduta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ installazzjoni fir-rigward tas-sit tal-ħażna. Iżda abbażi tar-raġunijiet li diġà ġew ippreżentati, is-sit tal-ħażna huwa parti mill-installazzjoni tal-enerġija. Għaldaqstant, dan ma jistax jerġa’ jiġi sseparat mill-installazzjoni bl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-installazzjonijiet. |
|
58. |
Għall-kuntrarju għandu jiġi kkonstatat li l-karbonju mitluf minħabba l-proċess ta’ tisħin spontanju ma huwiex esportat mill-installazzjoni, iżda huwa ossidizzat fi ħdan l-installazzjoni, jiġifieri maħruq fis-sens tal-Artikolu 3(t) tad-Direttiva 2003/87. Il-proċess ta’ tisħin spontanju huwa konsegwenza tal-ħażna tal-kombustibbli għall-kombustjoni fl-installazzjoni tal-enerġija, u b’hekk huwa assoċjat mal-attività prinċipali tal-installazzjoni, li tiġġustifika l-inklużjoni tagħha fl-iskema tad-Direttiva 2003/87. |
|
59. |
Barra minn hekk, kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012 tkun tikkontradixxi l-għan tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li huwa li jiġi ggarantit monitoraġġ komplut tas-sorsi ta’ emissjonijiet kollha tal-installazzjoni. |
V – Konklużjoni
|
60. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631) fil-verżjoni tar-Regolament (UE) Nru 421/2014 [...] li jemenda d-Direttiva 2003/87 [...] fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta’ ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 129, p. 1).
( 3 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17).
( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, p. 30)
( 5 ) Ara Il-Kummissjoni, Guidance on Interpretation of “Installation” and “Operator” for the Purposes of the IPPC Directive, Version 1, April 2007, p. 1.
( 6 ) Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012 (ĠU L 197, p. 1).
( 7 ) “The Monitoring and Reporting Regulation – General guidance for installations. MRR Guidance document no. 1” tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Lulju 2012, p. 60.