SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2006/123/KE — Artikoli 14 sa 16 — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ vawċers fiskalment vantaġġjużi mogħtija mill-persuni li jimpjegaw lill-impjegati tagħhom u li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni, ta’ ħin liberu u/jew ta’ provvista tal-ikel — Restrizzjonijiet — Monopolju”

Fil-Kawża C‑179/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fl‑10 ta’ April 2014,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Tokár u E. Montaguti, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, D. Šváby, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Safjan, M. Berger u A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex:

tikkonstata li, bl-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi (iktar ’il quddiem il-“kard SZÉP”), prevista mid-digriet governattiv Nru 55/2011, tat‑12 ta’ April 2011, li jirregola l-ħruġ u l-użu tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi u emendat bil-liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, li jemenda ċerti liġijiet fiskali u atti relatati (iktar ’il quddiem id-“digriet governattiv Nru 55/2011”), l‑Ungerija kisret id-Direttiva 2006/123/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), sa fejn:

l-Artikolu 13 tal-imsemmi digriet governattiv, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi Nru XCVI tal‑1993 dwar il-fondi ta’ assigurazzjoni mutwa volontarja (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni”), mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi Nru CXXXII tal‑1997 dwar il-fergħat u l-aġenziji kummerċjali tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-fergħat”), kif ukoll mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi Nru IV tal‑2006 dwar il-kumpanniji kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali”), jeskludi l-possibbiltà li fergħat ta’ impriżi joħorġu l-kard SZÉP u għaldaqstant jikser l-Artikoli 14(3) u 15(2)(b) ta’ din id-direttiva;

l-imsemmi Artikolu 13, moqri flimkien ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, li ma jirrikonoxxix, fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 13(a) sa (c), l-attività ta’ gruppi ta’ impriżi li l-kumpannija parent tagħhom ma hijiex kumpannija kkostitwita skont id-dritt Ungeriż u li l-membri tagħhom ma joperawx taħt forom ta’ kumpannija previsti mid-dritt Ungeriż, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tal-imsemmija direttiva;

l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, li jirriżerva l-possibbiltà li l-banek u l-istabbilimenti finanzjarji joħorġu l-kard SZÉP, peress li huma biss dawn l-organi li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 13, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tal-istess direttiva;

l-imsemmi Artikolu 13 imur kontra l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 sa fejn jissuġġetta l-ħruġ tal-kard SZÉP għall-eżistenza ta’ stabbiliment fl-Ungerija;

sussidjarjament, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 preċedentement imsemmija f’dan il-punt ma jkoprux l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, tiddikjara li s-sistema tal-kard SZÉP irregolata bid-digriet governattiv Nru 55/2011 tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE;

tikkonstata li s-sistema ta’ vawċers Erzsébet irregolata bil-liġi Nru CLVI, tal-21 ta’ Novembru 2011, u bil-liġi Nru CIII, tas‑6 ta Lulju 2012, dwar il-programm Erzsébet (iktar ’il quddiem il-“liġi Erzsébet”), li tistabbilixxi monopolju favur organi pubbliċi fil-kuntest tal-ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kesħin u li daħlet fis-seħħ mingħajr ma kienet ippreċeduta minn perijodu tranżitorju xieraq jew mill-miżuri tranżitorji neċessarji, tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn l-Artikoli 1(5) u 477 tal-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, kif ukoll l-Artikoli 2(1) u (2), 6 u 7 tal-liġi Erzsébet jipprevedu restrizzjonijiet sproporzjonati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessi 2, 5, 18, 36, 37, 40, 64, 65 u 73 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdu:

“(2)

Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa, bosta ostakoli fi ħdan is-suq intern jimpedixxu lil fornituri, partikolarment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), milli jestendu l-operazzjonijiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u milli jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq intern. Dan idgħajjef il-kompetittività dinjija tal-fornituri fl-Unjoni Ewropea. Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill-konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.

[...]

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Peress li l-ostakoli fis-suq intern għas-servizzi jaffettwaw lill-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn kif ukoll dawk li jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huma stabbiliti hemm, huwa meħtieġ li l-fornituri jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet tas-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern jew billi jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru jew billi jagħmlu użu mill-moviment liberu tas-servizzi. Fornituri għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn dawk iż-żewġ libertajiet, skond l-istrateġija tagħhom ta’ tkabbir f’kull Stat Membru.

[...]

(18)

Servizzi finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal leġislazzjoni Komunitarja speċifika, immirata, bħal f’din id-Direttiva, li tikseb suq ġenwin intern għas-servizzi. Għalhekk, din l-esklużjoni għandha tkopri s-servizzi kollha finanzjarji bħas-servizzi bankarji, tal-kreditu, l-assigurazzjoni, inkluża l-assigurazzjoni mill-ġdid, il-pensjonijiet tax-xogħol u dawk personali, it-titoli, fondi ta’ investiment, il-pagamenti u l-pariri ta’ investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu [(ĠU L 177, p. 1)].

[...]

(36)

Il-kunċett ta’ ‘fornitur’ għandu jkopri kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadina ta’ Stat Membru jew kwalunkwe persuna legali li hija marbuta f’attività ta’ servizz fi Stat Membru, b’eżerċizzju jew ta’ libertà ta’ stabbiliment jew tal-moviment liberu tas-servizzi. Il-kunċett ta’ fornitur għalhekk ma għandux ikun limitat biss għal provvista transkonfini ta’ servizzi fi ħdan il-qafas tal-moviment liberu tas-servizzi iżda għandu jkopri wkoll każijiet li fihom operatur jistabbilixxi lilu nnifsu fi Stat Membru sabiex jiżviluppa l-attivitajiet ta’ servizz tiegħu hemmhekk. [...]

(37)

Il-post li fih il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit għandu jkun iddeterminat bi qbil mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond liema l-kunċett ta’ stabbiliment jinvolvi s-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Dan ir-rekwiżit jista’ wkoll jitwettaq fejn kumpannija hija kkostitwita għal perjodu fiss jew fejn tikri l-bini jew l-installazzjoni li biha ssegwi l-attività tagħha. Tista’ wkoll tkun imwettqa fejn Stat Membru jagħti l-awtorizzazzjonijiet għal tul limitat biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi partikolari. Stabbiliment m’għandux bżonn jieħu l-forma ta’ sussidjarju, fergħa jew aġenzija, iżda jista’ jikkonsisti f’uffiċċju mmexxi minn personal tal-fornitur stess jew minn persuna li hija indipendenti iżda awtorizzata li taġixxi fuq bażi permanenti għall-intrapriża, kif ikun il-każ b’aġenzija. [...]

[...]

(40)

Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku’ li għalihom qiegħda ssir referenza f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ l-Artikoli [49 u 56 TFUE] u jista’ jkompli jevolvi. Il-kunċett kif rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jkopri ta’ l-anqas dawn ir-raġunijiet li ġejjin: [...] il-protezzjoni tar-riċevituri ta’ servizzi; protezzjoni tal-konsumatur [...] il-protezzjoni ta’ kredituri [...]

[...]

(64)

Sabiex jiġi stabbilit suq intern ġenwin għas-servizzi, huwa meħtieġ li jitneħħew kwalunkwe restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi li għadhom stabbiliti fil-liġijiet ta’ ċerti Stati Membri u li huma inkompatibbli ma’ l-Artikoli [49 u 56 TFUE]. Ir-restrizzjonijiet li għandhom jiġu pprojbiti jaffettwaw partikolarment is-suq intern għas-servizzi u għandhom jiġu sistematikament żarmati malajr kemm jista’ jkun.

(65)

Il-libertà ta’ l-istabbiliment hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jintitola l-projbizzjoni mhux biss ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità iżda wkoll ta’ kull diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq raġunijiet oħrajn iżda li kapaċi tipproduċi l-istess riżultat. Għalhekk, aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha fi Stat Membru, kemm jekk bħala attività prinċipali jew sekondarja, ma għandux ikun suġġett għal kriterji bħal post ta’ stabbiliment, residenza, domiċilju jew dispożizzjoni prinċipali ta’ l-attività ta’ servizz. [...]

[...]

(73)

Ir-rekwiżiti li jridu jiġu eżaminati jinkludu r-regoli nazzjonali li, fuq bażijiet barra minn dawk relatati mal-kwalifiki personali, jirriżervaw aċċess għal ċerti attivitajiet lill-fornituri partikolari. Dawn ir- rekwiżiti jinkludu wkoll obbligi fuq fornitur li jieħu forma legali speċifika, b’mod partikolari biex ikun persuna legali, kumpannija b’sid individwali, organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt jew kumpannija li s-sidien tagħha huma biss persuni naturali [...]”

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

4

Bit-titolu “Kamp ta’ Applikazzjoni”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[...]

b)

servizzi finanzjarji, bħal dawk bankarji, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagamenti, il-parir dwar investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE;

[...]”

5

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE];

2)

‘fornitur’ tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu [54 TFUE] u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz;

[...]

4)

‘Stat Membru ta’ stabbiliment’ tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizzi kkonċernat huwa stabbilit;

5)

‘stabbiliment’ tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu [49 TFUE], mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta’ servizzi qiegħed tassew iseħħ;

[...]

8)

‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku’ [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali] tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: [...] il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi [...]

[...]

10)

‘Stat Membru fejn jingħata s-servizz’ tfisser l-Istat Membru fejn jingħata s-servizz minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor;

[...]”

6

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 huwa intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”. Huwa jinkludi t-Taqsima 2, intitolata “ħtiġijiet ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni”, li fiha hemm l-Artikoli 14 u 15 ta’ din id-direttiva.

7

Bit-titolu “Ħtiġijiet ipprojbiti”, l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

[...]

3)

restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew wieħed sekondarju, b’mod partikolari obbligu fuq il-fornitur li jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju tagħhom, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà li jagħżel bejn stabbiliment fis-sura ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarju;

[...]”

8

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”, jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[...]

b)

obbligu għal fornitur li jieħu formola [forma] legali speċifika;

[...]

d)

rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE jew previsti fi strumenti Komunitarji oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[...]

6.   Mit-28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

[...]”

9

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2006/123 huwa intitolat “Moviment liberu ta’ servizzi”. Huwa jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Libertà tal-provvista ta’ servizzi u derogi relatati”, li fiha hemm l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva li jipprovdi, bit-titolu “Libertà tal-provvista ta’ servizzi”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)

obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

[...]

3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. [...]

[...]”

Id-dritt Ungeriż

Il-liġi dwar it-TDPF

10

L-Artikolu 71 tal-Liġi Nru CXVII tal-1995 dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-TDPF”) jippermetti lill-persuni li jimpjegaw jagħtu lill-impjegati tagħhom benefiċċji in natura b’kundizzjonijiet fiskali vantaġġjużi.

11

Fil-verżjoni tiegħu kif emendat bil-liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, li daħlet fis-seħħ, skont l-Artikolu 477 ta’ din tal-aħħar, mill‑1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 71(1) tal-liġi dwar it-TDPF jipprovdi:

“Huma kkwalifikati bħala benefiċċji in natura mogħtija mill-persuna li timpjega lill-impjegat:

[...]

b)

skont l-għażla tal-persuna li timpjega, [...]

bb)

fuq id-dħul mogħti fil-forma ta’ vawċers Erzsébet, il-parti tad-dħul li ma taqbiżx HUF 5000 [Forint Ungeriż (madwar EUR 16)] [ammont miżjud għal HUF 8000 (madwar EUR 26) mill‑1 ta’ Jannar 2013] fix-xahar, mogħtija kull xahar mill-bidu tar-relazzjoni legali li sservi bħala bażi għall-imsemmi benefiċċju (anki b’effett retroattiv fl-istess sena fiskali);

c)

fir-rigward tal-[kard SZÉP],

ca)

l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ HUF 225000 [(madwar EUR 720)] fl-istess sena fiskali jekk din tiġi minn diversi emittenti, imħallsa fis-subkont ‘akkomodazzjoni’ tal-kard, li tista’ tintuża għall-finijiet tas-servizzi ta’ akkomodazzjoni previsti mid-digriet [governattiv Nru 55/2011];

cb)

l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ HUF 150000 [(madwar EUR 480)] fl-istess sena fiskali jekk din tiġi minn diversi emittenti, imħallsa fis-subkont ‘provvista tal-ikel’ tal-kard, li tista’ tintuża għall-finijiet tas-servizzi ta’ provvista tal-ikel previsti mid-digriet [governattiv Nru 55/2011] u pprovduti f’punti ta’ provvista ta’ ikel sħun (inkluż il-provvista tal-ikel fuq il-post tax-xogħol);

cc)

l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ HUF 75000 [(madwar EUR 240)] fl-istess sena fiskali jekk din tiġi minn diversi emittenti, imħallsa fis-subkont ‘divertiment’ tal-kard, li tista’ tintuża għall-finijiet tas-servizzi previsti mid-digriet [governattiv Nru 55/2011] u intiżi li jaqdu skopijiet ta’ ħin liberu, rikreazzjoni u ħarsien tas-saħħa;

[...]”

12

Skont il-punt 87 tal-Artikolu 3 tal-liġi dwar it-TDPF, kif emendat mill-Artikolu 1(5) tal-liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, wieħed jifhem bi:

[...]

87)

‘Vawċers Erzsébet’: vawċers maħruġa mill-[Magyar Nemzeti Üdülési Alapítvány (Fondazzjoni nazzjonali Ungeriża għall-vaganzi, iktar ’il quddiem il-‘FNUV’)] f’forma elettronika jew f’forma stampata, li jistgħu jintużaw għax-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum u għall-provvista ta’ ikel sħun f’ristoranti.”

Id-digriet governattiv Nru 55/2011

13

Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-digriet governattiv Nru 55/2011, il-kard SZÉP “għandha biss l-għan li tidentifika lill-impjegat li jibbenefika mill-għajnuna, lill-membri tal-familja tiegħu, lill-persuna li timpjegah, kif ukoll lill-fornitur ta’ servizzi, u ma tintużax għall-ħażna ta’ flus elettroniku, u lanqas għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament diretti”.

14

L-Artikolu 13 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“Huwa permess li joħroġ il-kard [SZÉP] kull fornitur ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tal-[liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni], minbarra l-persuni fiżiċi u l-fornituri ta’ servizzi marbuta b’kuntratt mal-imsemmi fornitur ta’ servizzi, li jkun ġie stabbilit għal tul ta’ żmien indeterminat jew għal tul ta’ żmien iddeterminat ta’ mill-inqas ħames snin mill-bidu tal-ħruġ tal-kard u li, flimkien mal-istess kumpannija kummerċjali rrikonoxxuta bħala grupp ta’ kumpanniji jew li tiffunzjona b’mod effettiv bħala tali fis-sens tal-[liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali], jew b’mod konġunt mal-mutwa ta’ assigurazzjoni ddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) tal-Liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni, li l-fornitur ta’ servizzi jkun ilu f’relazzjoni kummerċjali magħha għal mill-inqas ħames snin, minbarra l-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ depożiti u t-tqegħid ta’ investiment, jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

ikollu uffiċċju miftuħ għall-klijentela f’kull komun tal-Ungerija fejn il-popolazzjoni tkun ta’ iktar minn 35000 persuna;

b)

matul l-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu, huwa stess ikun ħareġ fil-kuntest tas-servizzi ta’ ħlas mill-inqas 100000 strument ta’ ħlas minbarra flus;

c)

ikollu mill-inqas sentejn esperjenza fil-qasam tal-ħruġ tal-kards ta’ vawċers elettroniċi li jagħtu d-dritt għal benefiċċji in natura fis-sens tal-Artikolu 71 tal-liġi [dwar it-TDPF] u jkun ħareġ iktar minn 25000 kard ta’ vawċers skont iċ-ċifri tal-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu.

[...]”

Il-liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni

15

L-Artikolu 2(2)(a) u (d) tal-liġi dwar il-mutwi ta’ assigurazzjoni jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“a)

‘fondi ta’ assigurazzjoni mutwa volontarja (iktar ’il quddiem ‘mutwa ta’ assigurazzjoni’)’: assoċjazzjoni maħluqa minn persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem l-‘aderenti għal mutwa ta’ assigurazzjoni’) abbażi tal-prinċipji ta’ awtonomija, ta’ reċiproċità, ta’ solidarjetà u ta’ parteċipazzjoni volontarja, li jorganizzaw u jiffinanzjaw servizzi li jikkumplementaw, jikkumpensaw jew jissostitwixxu dawk ipprovduti mis-sigurtà soċjali, kif ukoll servizzi li jippromwovu l-ħarsien tas-saħħa (iktar ’il quddiem is-‘servizzi’). Il-mutwa ta’ assigurazzjoni torganizza, tiffinanzja u tipprovdi s-servizzi tagħha permezz tal-kontribuzzjonijiet regolari tal-aderenti tagħha, abbażi ta’ ġestjoni ta’ kontijiet individwali. Ir-regoli ta’ ġestjoni u ta’ responsabbiltà, kif ukoll is-setgħat marbuta mal-attivitajiet tal-mutwa ta’ assigurazzjoni huma previsti minn din il-liġi;

[...]

d)

‘fornitur ta’ servizzi’: kull persuna fiżika, ġuridika u kumpannija kummerċjali mingħajr personalità ġuridika li, fuq il-bażi tal-kuntratt konkluż mal-mutwa ta’ assigurazzjoni, twettaq f’isem din tal-aħħar operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-attivitajiet tal-mutwa ta’ assigurazzjoni, tagħmilhom possibbli jew tiffavorixxihom, jew li tipprovdi hija stess is-servizzi tal-mutwa ta’ assigurazzjoni, minbarra l-fornituri ta’ servizzi tal-assigurazzjonijiet għall-mard. B’mod partikolari, hija kkunsidrata fornitur ta’ servizzi kull persuna li teżerċita funzjonijiet ta’ depożitarju f’isem il-mutwa ta’ assigurazzjoni ddefinita iktar ’il fuq jew awtorizzata mill-mutwa ta’ assigurazzjoni sabiex twettaq l-operazzjonijiet tagħha ta’ investiment u/jew tiżgura l-ġestjoni tal-kontabbiltà u tar-reġistri tagħha, kif ukoll kull persuna responsabbli mir-reklutaġġ tal-aderenti għall-mutwa ta’ assigurazzjoni jew li jwettqu attivitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ servizzi f’isem il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard. Hija wkoll ikklassifikata bħala fornitur ta’ servizzi kull persuna li twettaq operazzjonijiet f’relazzjoni mal-mutwa ta’ assigurazzjoni kif iddefiniti iktar ’il fuq, abbażi ta’ kuntratt konkluż mal-fornitur ta’ servizzi msemmi f’dan il-punt”.

Il-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali

16

L-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali jipprovdi:

“Din il-liġi tiddetermina l-ħolqien, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kumpanniji kummerċjali li għandhom sede fit-territorju tal-Ungerija [...]”

17

L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.   Kumpannija kummerċjali tista’ tieħu biss il-forma prevista minn din il-liġi.

2.   Is-soċjetajiet f’isem kollettiv u s-soċjetajiet in akkomandita sempliċi ma għandhomx il-personalità ġuridika. Huma l-kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata u l-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li għandhom il-personalità ġuridika.”

18

Fir-rigward tal-gruppi ta’ kumpanniji magħrufa, l-istess liġi tipprovdi, fl-Artikolu 55 tagħha:

“1.   Konformement mat-termini tal-liġi dwar il-kontabbiltà, il-kumpannija kummerċjali li hija marbuta tippreżenta l-kontijiet annwali kkonsolidati (kumpannija prinċipali) u l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jew il-kumpannija privata b’responsabbiltà limitata li fuqha l-kumpannija prinċipali għandha influwenza determinanti fis-sens tal-liġi dwar il-kontabbiltà (kumpannija sussidjarja) jistgħu jiddeċiedu li jiffunzjonaw bħala grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut billi jagħmlu kuntratt ta’ ġestjoni bejniethom bl-għan li jilħqu l-għanijiet kummerċjali komuni tagħhom.

[...]

3.   Ir-reġistrazzjoni tal-funzjonament fi grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji ma toħloqx suġġett tad-dritt distint mill-kumpanniji kummerċjali li jagħmlu parti mill-grupp.”

19

L-Artikolu 64(1) tal-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali jipprovdi:

“It-termini tal-Artikolu 60 huma applikabbli wkoll f’każ ta’ nuqqas ta’ kuntratt ta’ ġestjoni u ta’ reġistrazzjoni bħala grupp ta’ kumpanniji rikonoxxut bil-kundizzjoni li, wara kooperazzjoni fit-tul, mingħajr waqfien, li tkun ilha teżisti għal mill-inqas tliet snin bejn il-kumpannija prinċipali u l-kumpannija/i sussidjarja/i, il-kumpanniji kummerċjali li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont l-istess strateġija kummerċjali u li l-imġiba effettiva tagħhom tiggarantixxi tqassim prevedibbli u bbilanċjat tal-vantaġġi u l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-funzjonament fi grupp.”

Il-liġi dwar il-fergħat

20

L-Artikolu 2(b) tal-liġi dwar il-fergħat jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, wieħed jifhem bi:

[...]

b)

‘fergħa’: kull unità kummerċjali mingħajr personalità ġuridika tal-impriża barranija, mogħnija b’awtonomija kummerċjali, li ġiet irreġistrata fir-reġistru nazzjonali tal-kummerċ u tal-kumpanniji bħala fergħa tal-impriża barranija, bħala forma awtonoma ta’ kumpannija”.

Il-liġi Erzsébet

21

L-Artikolu 1 tal-liġi Erzsébet jipprevedi:

“Il-programm Erzsébet jipprevedi li jnaqqas b’mod sinjifikattiv, fil-kuntest eżistenti, in-numru ta’ persuni soċjalment fil-bżonn, u b’mod partikolari l-għadd ta’ tfal, li ma għandhomx il-possibbiltà li jieklu iktar minn darba kuljum, li jibbenefikaw minn dieta tajba għas-saħħa adattata għall-età tagħhom, li jgawdu mill-istat ta’ saħħa meħtieġ għall-kisba tal-għarfien u s-serħan meħtieġ għar-riġenerazzjoni.”

22

L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, wieħed jifhem bi:

a)

‘programm Erzsébet’: kull programm u kull servizz b’għan soċjali organizzat u mwettaq mill-Istat bl-għan li jiġu implementati l-għanijiet previsti fl-Artikolu 1, li ma għandhomx rwol bi skop ta’ lukru fis-suq,

b)

‘vawċers Erzsébet’: vawċers maħruġa mill-[FNUV], li jistgħu jintużaw

ba)

għax-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum u għall-provvista ta’ ikel sħun f’ristoranti,

bb)

għax-xiri ta’ prodotti u ta’ servizzi ddeterminati pprovduti permezz tal-ħlas ta’ taxxa imposta fuq min iħallas jew b’eżenzjoni ta’ taxxa,

bc)

għax-xiri ta’ prodotti u ta’ servizzi meħtieġa għall-edukazzjoni tal-ulied u għall-kura mogħtija lil dawn tal-aħħar,

bd)

għax-xiri ta’ prodotti u ta’ servizzi ddeterminati mil-liġi, għal finijiet soċjali.

2.   L-implementazzjoni tal-programm Erzsébet hija żgurata mill-[FNUV].

[...].”

23

Il-FNUV hija fondazzjoni bi skop ta’ benefiċċju pubbliku rreġistrata fl-Ungerija. Din tassenja l-patrimonju li ngħata lilha għall-finijiet ta’ vaganzi soċjali, għall-provvista ta’ servizzi u ta’ prestazzjonijiet konnessi kif ukoll għall-implementazzjoni ta’ programmi soċjali oħra.

24

L-Artikolu 6(1) tal-liġi Erzsébet jipprevedi li “[i]l-[FNUV] tista’, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kompiti b’rabta mal-programm Erzsébet, tikkonkludi ftehimiet ma’ organi ċivili, kumpanniji kummerċjali u kull persuna fiżika jew ġuridika oħra”.

25

L-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi jirrigwarda d-dħul fis-seħħ tagħha.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Peress li qieset li, bl-adozzjoni, matul l-2011, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida dwar il-vawċers għall-ikliet, il-vawċers għall-ħin liberu u l-vawċers għall-vaganzi, l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9 u 10, il-punt 3 tal-Artikolu 14, l-Artikoli 15(1), (2)(b) u (d) u (3), u 16 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, il-Kummissjoni, fil‑21 ta’ Ġunju 2012, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Dan tal-aħħar wieġeb permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2012, li fiha huwa kkontesta l-ksur allegat.

27

Fit‑22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata li fiha sostniet li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq minbarra, madankollu, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva li l-ksur tiegħu ma kienx allegat iktar. B’hekk, l-imsemmija istituzzjoni stiednet lill-Ungerija sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar minn meta tirċeviha.

28

Peress li ma kinitx issodisfatta bl-ispjegazzjonijiet fit-tweġiba li kienet indirizzata lilha fis‑27 ta’ Diċembru 2012 minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

29

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tifformula lmenti differenti dwar il-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Ungeriża tissuġġetta l-ħruġ ta’ ċerti strumenti fiskalment vantaġġjużi, li fuq preżentazzjoni tagħhom ħaddiema impjegati jista’ jkollhom aċċess, mingħand fornituri, għal ċerti servizzi ta’ akkomodazzjoni, ta’ ħin liberu u/jew ta’ provvista ta’ ikel, f’forma ta’ benefiċċji in natura mogħtija lil dawn l-impjegati mill-persuna li timpjegahom.

30

F’dan il-każ, l-imsemmija lmenti jirrigwardaw, b’mod iktar preċiż, is-sistema legali applikabbli għal tnejn minn dawn l-istrumenti, jiġifieri, minn naħa, il-kard SZÉP u, min-naħa l-oħra, il-vawċers Erzsébet, li se jkunu diskussi rispettivament iktar ’il quddiem.

Dwar l-ilmenti relatati mal-kundizzjonijiet ta ’ ħruġ tal-kard SZÉP

31

Il-Kummissjoni tirrileva, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 71(1) tal-liġi dwar it-TDPF, is-servizzi ta’ provvista ta’ ikel offerti mir-ristoranti u l-istabbilimenti tal-ikel pubbliċi, minbarra ristoranti fuq il-post tax-xogħol, jistgħu jiġu kklassifikati bħala benefiċċji in natura fis-sens tal-imsemmija liġi biss fil-każ tal-użu tal-kard SZÉP.

32

Issa, il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-imsemmija kard kif stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011 tant huma restrittivi li ċirku żgħir ħafna biss ta’ impriżi jistgħu jipproċedu għal dan il-ħruġ tal-kard.

33

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni, prinċiparjament, li, minħabba din in-natura restrittiva, l-imsemmija kundizzjonijiet jiksru, għal diversi raġunijiet, l-Artikoli 14 sa 16 tad-Direttiva 2006/123. Sussidjarjament, hija tqis li dawn l-istess kundizzjonijiet imorru kontra l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 2006/123

34

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bħalma jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet, il-kard SZÉP hija strument fiskalment vantaġġjuż li fuq preżentazzjoni tiegħu ħaddiema impjegati jista’ jkollhom aċċess, permezz ta’ fornituri kuntrattwalment marbuta mal-emittent tal-imsemmi strument, għal firxa ta’ servizzi speċifiċi, jiġifieri għal servizzi ta’ akkomodazzjoni, ċerti servizzi ta’ ħin liberu u servizzi ta’ provvista tal-ikel, f’forma ta’ benefiċċji in natura mogħtija lil dawn il-ħaddiema mill-persuna li timpjegahom, bl-imsemmija fornituri jkunu, min-naħa tagħhom, sussegwentement imħallsa minn dan l-emittent konformement mal-impenji kuntrattwali li jorbtu lil dan tal-aħħar mal-persuna li timpjega.

35

L-Artikolu 2(2)(a) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jispeċifika, min-naħa tiegħu, li l-kard SZÉP isservi biss għall-identifikazzjoni tal-impjegat kif ukoll dik tal-fornitur tas-servizzi, u li hija ma tintużax għall-ħażna ta’ flus elettroniku, u lanqas għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament diretti.

36

Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħruġ ta’ din il-kard ma jikkostitwixxix għalhekk “servizz finanzjarju” li huwa eskluż, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, fatt li, barra minn hekk, lanqas il-Gvern Ungeriż ma kkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

– Dwar l-ewwel ilment ibbażat fuq ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14 u tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tal-ewwel ilment tagħha kif ifformulat fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi jeskludi li fergħat jistgħu joħorġu l-kard SZÉP, l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tal-liġi dwar il-fergħat, kif ukoll mal-Artikolu 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, jikser il-punt 3 tal-Artikolu 14 u l-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123.

38

Wara mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni madankollu indikat, matul is-seduta, li hija kienet qiegħda tirrinunzja għat-tieni parti ta’ dan l-ilment ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 15(2)(b) tal-imsemmija direttiva.

39

Fir-rigward tal-parti tal-ilment ibbażata fuq ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14 tal-istess direttiva, il-Kummissjoni tqis li mill-kombinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fergħat ta’ kumpanniji barranin ma jistax ikollhom il-kwalità ta’ “fornitur ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011 u li b’hekk huma ma humiex awtorizzati joħorġu kards SZÉP.

40

Issa, tali esklużjoni tikser il-punt 3 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, li jipprojbixxi lill-Istati Membri, b’mod assolut u mingħajr ebda possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi fit-territorju tagħhom għal rekwiżit li jillimita l-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew sekondarju, inklużi r-restrizzjonijiet għal libertà li jagħżel bejn l-istabbiliment fil-forma ta’ aġenzija, ta’ fergħa jew ta’ kumpannija sussidjarja.

41

B’risposta, il-Gvern Ungeriż jasserixxi, essenzjalment, li, peress li l-esklużjoni tal-fergħat ta’ kumpanniji barranin tippermetti li jiġi żgurat li l-emittent ta’ kards SZÉP huwa debitament integrat fil-ħajja ekonomika Ungeriża u li b’hekk għandu l-esperjenza u l-infrastruttura meħtieġa, tali miżura hija ġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet, imfittxija f’dan il-każ, ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, jiġifieri l-ħaddiema li jużaw il-kards SZÉP, u l-protezzjoni tal-kredituri, jiġifieri l-fornituri li jaċċettaw l-użu ta’ tali kards, kontra r-riskji marbuta mal-insolvenza ta’ dan l-emittent.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li huwa paċifiku, bejn il-partijiet, li, skont l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-dritt nazzjonali elenkati fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-fergħat Ungeriżi ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ma humiex awtorizzati joperaw fl-Ungerija bħala emittent ta’ kards SZÉP.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħhom fit-territorju tagħhom għall-osservanza ta’ wieħed mir-rekwiżiti elenkati fil-punti 1 sa 8 tiegħu, billi b’hekk jimponi fuqhom it-tneħħija, bħala prijorità u b’mod sistematiku, ta’ dawn ir-rekwiżiti (sentenza Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 26).

44

Fost ir-rekwiżiti hekk ipprojbiti hemm, b’mod partikolari, bħalma jirriżulta mill-punt 3 tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, dawk li jillimitaw il-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew sekondarju u bejn stabbiliment fil-forma ta’ aġenzija, ta’ fergħa jew ta’ sussidjarja. Issa, dan huwa speċifikament il-każ, bħalma għadu kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

45

Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-gvern Ungeriż, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll mill-istruttura ta’ din id-direttiva, jirriżulta li r-rekwiżiti elenkati f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu ġġustifikati (sentenza Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 28 sa 35).

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat, f’dan ir-rigward, li tali projbizzjoni mingħajr possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni hija intiża li tiggarantixxi t-tneħħija sistematika u malajr ta’ ċerti restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jolqtu b’mod serju l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tfittex b’dan il-mod għan konformi mat-Trattat FUE (sentenza Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 39).

47

B’hekk, anki jekk l-Artikolu 52(1) TFUE jippermetti lill-Istati Membri jiġġustifikaw, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija hemmhekk, miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, dan madankollu ma jfissirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-adozzjoni ta’ att ta’ dritt sekondarju, bħad-Direttiva 2006/123, li tikkonkretizza libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat, ma tistax tillimita ċerti derogi, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, id-dispożizzjoni inkwistjoni ta’ dritt sekondarju sempliċement terġa’ ttenni ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li rekwiżit bħal dak inkwistjoni huwa inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jibbenefikaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 40).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel ilment fil-parti tiegħu bbażata fuq ksur tal-punt 3 tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva.

– Fuq it-tieni lment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li billi l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali l-oħrajn elenkati fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ma jirrikonoxxix, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 13(a) sa (ċ), l-attività ta’ gruppi ta’ kumpanniji li l-kumpannija parent tagħhom ma hijiex kumpannija stabbilita skont id-dritt Ungeriż u li l-membri tagħhom ma joperawx taħt forom ta’ kumpannija previsti minn dan id-dritt, huwa jikser l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tad-Direttiva 2006/123.

50

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jipprevedi li, sabiex ikun jista’ joħroġ il-kard SZÉP, il-fornitur ta’ servizzi għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 13(a) sa (ċ), jekk ikun il-każ, permezz ta’ grupp ta’ kumpanniji rikonoxxuti mil-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali jew li joperaw effettivament bħala tali, li jagħmlu parti minnhom.

51

Issa, skont l-imsemmija istituzzjoni, konformement mal-Artikoli 55(1) u 3, u 64 ta’ din il-liġi, hija biss kumpannija kummerċjali li tista’ tiġi kklassifikata bħala kumpannija prinċipali ta’ tali grupp ta’ kumpanniji, filwaqt li, skont l-Artikoli 1(1) u 2(1) tal-imsemmija liġi, tali kumpannija kummerċjali għandu jkollha sede fit-territorju Ungeriż u tista’ tiġi stabbilita biss taħt forma prevista mill-istess liġi. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 55(1) jipprevedi li, fil-qasam ta’ gruppi ta’ kumpanniji, il-kumpannija sussidjarja tista’ tkun biss kumpannija privata b’responsabbiltà limitata jew kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, stabbilita skont id-dritt Ungeriż u li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija.

52

Dawn ir-rekwiżiti b’hekk imorru kontra l-Artikolu 15(2)(b) u (3) tad-Direttiva 2006/123, li jipprevedi li l-impriżi ma jistgħux jiġu obbligati li jkunu stabbiliti taħt forma legali speċifika, ħlief jekk tali obbligu ma huwiex diskriminatorju u li huwa meħtieġ u proporzjonat. Fil-fatt, l-imsemmija rekwiżiti għandhom natura diskriminatorja għaliex huma jiżvantaġġjaw manifestament il-kumpanniji kummerċjali li ma għandhomx is-sede tagħhom fl-Ungerija u l-gvern Ungeriż, barra minn hekk, ma stabbilixxiex konkretament il-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħhom.

53

B’risposta, il-gvern Ungeriż sostna, essenzjalment, li r-restrizzjonijiet hekk marbuta mal-appartenenza ma’ grupp ta’ impriżi li jippermettu li jiġi żgurat li l-emittent huwa debitament integrat fil-ħajja ekonomika Ungeriża u li għandu l-infrastruttura u l-esperjenza meħtieġa, b’mod partikolari fil-qasam tal-ħruġ u tal-amministrazzjoni ta’ vawċers elettroniċi simili għall-kard SZÉP, b’mod li l-imsemmija restrizzjonijiet huma ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri diġà invokati fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix rekwiżiti bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u għandhom jiżguraw li dawn huma kompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tiegħu.

55

L-Artikolu 15(2)(b) tal-imsemmija direttiva jsemmi r-rekwiżiti li jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tiegħu għall-ħtieġa li l-fornitur ikun ikkostitwit f’forma legali speċifika.

56

Il-kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fl-Artikolu 15(3) tal-istess direttiva jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura non-diskriminatorja tar-rekwiżiti kkonċernati, li ma jistgħux ikunu diskriminatorji la direttament u lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, fil-każ tal-kumpanniji, fir-rigward tal-post tas-sede statutorja tagħhom; it-tieni nett, in-natura neċessarja tagħhom, jiġifieri li għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali; u, it-tielet nett, il-proporzjonalità tagħhom, peress li l-imsemmija rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan u peress li miżuri oħrajn inqas vinkolanti ma jistgħux iwasslu għall-istess riżultat.

57

L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi, barra minn hekk, li, mit‑28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu iktar rekwiżiti ġodda tat-tip elenkat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15, sakemm dawn ir-rekwiżiti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

58

F’dan il-każ, l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni huma intiżi li jikkonstataw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-imsemmija istituzzjoni tidentifika fir-rikors tagħha jintroduċu rekwiżiti tat-tip ta’ dawk elenkati fl-Artikolu 15(2)(b) tal-imsemmija direttiva, u li, peress li l-imsemmija rekwiżiti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 15, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiksru l-paragrafi 1 sa 3 tal-imsemmi artikolu.

59

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jaqgħux, bħalma tissottometti l-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 15(2)(b) tal-istess direttiva.

60

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandu jsir riferiment mhux biss għall-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll għall-għan u għall-istruttura tagħha, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/123 (ara, b’analoġija, is-sentenza Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 34).

61

L-Artikolu 15(2)(b) ta’ din id-direttiva jirrigwarda, skont il-kliem tiegħu, is-sitwazzjonijiet meta huwa meħtieġ mill-“fornitur” li “jieħu”“formola [forma] legali speċifika”.

62

F’dan ir-rigward, mill-premessa 73 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li dan huwa, per eżempju, il-każ meta l-fornitur ikun obbligat jirrikorri għall-personalità ġuridika, li jikkostitwixxi kumpannija b’sid individwali, li jirrikorri għal organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru jew, ukoll, għal kumpannija li s-sidien tagħha huma biss persuni naturali. Bħalma tissuġġerixxi kemm in-natura mhux eżawrjenti tal-imsemmija lista kif ukoll il-kontenut tagħha, il-kunċett ta’ “formola [forma] legali speċifika” użat fl-Artikolu 15(2)(b) tal-istess direttiva għandu jinftiehem b’mod wiesa’.

63

Tali interpretazzjoni wiesgħa hija, barra minn hekk, konformi mal-għan tad-Direttiva 2006/123 li, bħalma jirriżulta mill-premessi 2 u 5 tagħha, huwa intiż li jelimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri, sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern liberu u kompetittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, C‑119/09, EU:C:2011:208, punt 26). Fil-fatt, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li fornitur ikollu forma jew status ġuridiku partikolari tikkostitwixxi restrizzjoni importanti tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑439/99, EU:C:2002:14, punt 32, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, EU:C:2004:270, punti 4142).

64

F’dan il-każ, mill-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari ma’ dawk inklużi fil-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, jirriżulta li l-kwalità ta’ emittent ta’ kards SZÉP tista’, fil-każ meta l-fornitur ifittex li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 13 flimkien ma’ kumpannija oħra fil-qafas ta’ grupp ta’ kumpanniji, b’mod partikolari, isib ruħu suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmi emittent ikun inkorporat fi grupp ta’ kumpanniji li fih, minn naħa, huwa jkollu l-forma ta’ kumpannija kummerċjali u, b’mod iktar speċifiku, dik jew ta’ soċjetà f’isem kollettiv jew soċjetà in akkomandita sempliċi, ta’ dritt Ungeriż u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi sussidjarju ta’ kumpannija kummerċjali li, fiha nnifisha, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011.

65

F’tali każijiet, huwa b’hekk meħtieġ mill-fornitur ta’ servizzi, fl-istess ħin, li huwa jkollu personalità ġuridika, li huwa jkollu, f’dan ir-rigward, il-forma ta’ kumpannija kummerċjali, li barra minn hekk tkun ta’ tip speċifikat sew, u li huwa jikkostitwixxi s-sussidjarju ta’ kumpannija li jkollha hija stess il-forma kummerċjali. Tali kundizzjonijiet għandhom b’hekk l-effett li jimponu fuq l-imsemmi emittent diversi restrizzjonijiet relatati mal-forma legali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123.

66

Skont l-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma humiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sakemm, inter alia, huma ma jkunux direttament jew indirettament diskriminatorji minħabba, fir-rigward tal-kumpanniji, il-post tas-sede statutorja tagħhom.

67

F’dan il-każ, ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jmorru flimkien mar-rekwiżit li l-fornitur tas-servizzi, kif ukoll il-kumpannija prinċipali tal-grupp ta’ kumpanniji li għaliha, jekk ikun il-każ, huwa jappartjeni, jiġu kkostitwiti skont id-dritt Ungeriż li, skont l-Artikoli 1(1), 2 u 55(1) tal-liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, jimplika li s-sede statutorja tagħhom tkun fl-Ungerija.

68

Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123 ma humiex issodisfatti.

69

Minkejja li tali konklużjoni hija biżżejjed sabiex jiġi deċiż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 15(3) ma ġewx osservati, peress li tali kundizzjonijiet huma kumulattivi, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk li, billi llimita ruħu li jasserixxi, sabiex jiġġustifika r-rekwiżiti relatati mal-forma legali tal-emittent tal-kards SZÉP u tal-kumpannija parent tiegħu, li huwa meħtieġ li dan l-emittent u l-kumpannija parent tiegħu jkunu integrati fil-ħajja ekonomika Ungeriża u li l-imsemmi emittent ikollu l-esperjenza u l-infrastruttura meħtieġa, il-gvern Ungeriż ma invoka ebda element jew argument konkret ta’ natura li jispjega kif tali rekwiżiti huma meħtieġa u proporzjonati sabiex jiġi żgurat li l-emittenti tal-kards SZÉP joffru l-garanziji ta’ solvenza finanzjarja, ta’ professjonalità u ta’ aċċessibbiltà li jidhru meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-utenti ta’ tali kards u tal-kredituri li huwa jallega.

70

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jitqies li r-rekwiżiti relatati mal-forma legali tal-emittent tal-kards SZÉP li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011 u identifikati fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jiksru l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3), b’mod illi t-tieni lment għandu jintlaqa’.

– Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

71

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali l-oħrajn elenkati fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, jirriżerva l-possibbiltà li tinħareġ il-kard SZÉP lill-banek u lill-istabbilimenti finanzjarji bħala l-uniċi organi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 13, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123.

72

Skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet preskritti mill-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011, li emittent tal-kard SZÉP, l-ewwel nett, għandu jkollu uffiċċju miftuħ għall-klijentela f’kull komun tal-Ungerija fejn il-popolazzjoni tkun ta’ iktar minn 35000 persuna, it-tieni nett, matul l-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu, huwa stess għandu jkun ħareġ, fil-kuntest tas-servizzi ta’ ħlas tiegħu, mill-inqas 100000 strument ta’ ħlas minbarra flus, u, it-tielet nett, għandu jkollu mill-inqas sentejn esperjenza fil-qasam tal-ħruġ tal-kards ta’ vawċers elettroniċi li jagħtu d-dritt għal benefiċċji in natura fis-sens tal-liġi dwar it-TDPF u jkun ħareġ iktar minn 25000 kard ta’ vawċers skont iċ-ċifri tal-aħħar sena finanzjarja mitmuma tiegħu, iwasslu fil-fatt biex jeħtieġu minn kull emittent ta’ kard SZÉP l-eżerċizzju ta’ attività prinċipali bħal dik tal-istabbilimenti bankarji u finanzjarji.

73

F’dan ir-rigward, mir-reġistru amministrat mill-Uffiċċju Ungeriż tal-liċenzji kummerċjali jirriżulta barra minn hekk li tliet impriżi bankarji biss li għandhom is-sede tagħhom fl-Ungerija kienu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet.

74

Issa, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li r-rekwiżit ta’ eżerċizzju ta’ attività prinċipali ta’ natura bankarja u finanzjarja ma jissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 15(2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123 li tipprevedi li, meta regoli nazzjonali jirriżervaw b’hekk l-aċċess għal attività ta’ servizz għal operaturi speċifiċi minħabba n-natura speċifika ta’ din l-attività, tali restrizzjoni għandha tkun nondiskriminatorja, neċessarja u proporzjonali.

75

Minn naħa, il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 iwasslu għal diskriminazzjoni indiretta peress li huma jistgħu jiġu ssodisfatti biss minn impriżi li kienu diġà stabbiliti fis-suq Ungeriż u jipprekludu, b’dan il-mod, impriżi ġodda milli jippenetraw dan tal-aħħar, bħalma tikkonferma l-konstatazzjoni msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.

76

Min-naħa l-oħra, dawn il-kundizzjonijiet la huma neċessarji u lanqas proporzjonali.

77

L-ewwel nett, il-gvern Ungeriż ma rrappurtax problemi konkreti li qamu taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement li kienet tawtorizza l-ħruġ, minn grupp ħafna ikbar ta’ impriżi, ta’ vawċers li jistgħu jintużaw sabiex jinkisbu benefiċċji in natura. It-tieni nett, l-analiżi tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri l-oħrajn turi li dawn ma jipprevedux rekwiżiti paragunabbli għal dawk hekk istitwiti fl-Ungerija. It-tielet nett, l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri invokati mill-gvern Ungeriż jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas vinkolanti, bħal, per eżempju, it-twaqqif ta’ sistema ta’ sorveljanza tal-emittenti jew ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija bankarja, kif ukoll l-użu ta’ servizzi telefoniċi jew ta’ rappreżentanti kummerċjali. Ir-raba’ nett, lanqas l-istabbilimenti ta’ kreditu li l-emittenti tal-kards SZÉP huma assimilati magħhom ma huma, fl-Ungerija, suġġetti għal kundizzjonijiet legali analogi għal dawk li jipprevedi l-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011.

78

Fir-risposta, il-gvern Ungeriż jinvoka żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li, skont hu, jiġġustifikaw ir-rekwiżiti elenkati fl-imsemmi Artikolu 13(a) sa (ċ), jiġifieri, il-protezzjoni tal-konsumaturi, utenti tal-kards SZÉP, u dik tal-kredituri li jaċċettaw l-użu ta’ dawn il-kards, kontra r-riskji marbuta ma’ insolvenza tal-emittent tal-kard u ma’ inkapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi s-servizzi li għalihom huwa responsabbli.

79

L-imsemmi gvern isostni, f’dan ir-rigward, li, fid-data tal-preżentata tar-risposta tiegħu, kien diġà nħareġ kważi miljun kard SZÉP u kien ġie konkluż madwar 55000 kuntratt mill-impriżi emittenti mal-operaturi ta’ servizzi, filwaqt li l-istatistika disponibbli relatata mas-sena 2013 turi li, matul din is-sena, kien ġie ċċirkolat l-ekwivalenti ta’ madwar EUR 227 miljun b’riżultat ta’ iktar minn 20 miljun tranżazzjoni permezz ta’ tali kards.

80

Fid-dawl tad-daqs kbir mistenni tal-amministrazzjoni loġistika u finanzjarja min-naħa tal-emittenti tal-kards SZÉP, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 huma kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonati fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni msemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, billi jiggarantixxu li dawn l-emittenti jkollhom netwerk wiesa’ ta’ punti ta’ servizz qrib tal-klijenti li joffrulhom possibbiltajiet ta’ kuntatti personali, ta’ bażi finanzjarja stabbli u proporzjonata għad-dħul previst, ta’ esperjenza fil-qasam tal-amministrazzjoni ta’ ammonti kbar u ta’ ħruġ ta’ kards elettroniċi simili għall-kard SZÉP, kif ukoll ta’ mod ta’ funzjonament trasparenti u kkontrollat fuq il-livell finanzjarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 isemmi r-rekwiżiti li jirriżervaw l-aċċess għal attività ta’ servizz għal operaturi speċifiċi minħabba n-natura speċifika tal-attività.

82

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, filwaqt li jista’ jiġi aċċettat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 ma għandhomx, skont il-formulazzjoni tagħhom, indikazzjoni espressa li l-ħruġ ta’ kards SZÉP huwa rriżervat għall-istabbilimenti bankarji jew finanzjarji biss, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, fil-prattika, jiġu ssodisfatti biss minn tali operaturi, tali dispożizzjonijiet nazzjonali jaqgħu taħt is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 15(2)(d) tal-istess direttiva.

83

Min-naħa tiegħu, il-gvern Ungeriż, li ma jikkontestax li dan huwa fil-fatt l-effett konkret tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, jibda, kuntrarjament, jesponi fiex huwa, fil-fehma tiegħu, totalment iġġustifikat, fid-dawl tar-riskji relatati mal-ħruġ u l-ġestjoni ta’ kards SZÉP u tal-komplessività u s-sensittività partikolari ta’ tali attività, li dan tal-aħħar ikun irriżervat għal stabbilimenti bankarji jew finanzjarji, peress li dawn joffru l-garanziji kemm finanzjarji, ta’ prudenza, ta’ esperjenza u ta’ aċċessibbiltà meħtieġa f’dan il-qasam.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011, fejn huwa għalhekk paċifiku bejn il-partijiet li huma għandhom, meħuda flimkien, bħala effett, jekk mhux bħala għan, li jirriżervaw l-aċċess għall-ħruġ ta’ kards SZÉP lil operaturi partikolari minħabba n-natura partikolari tal-imsemmija attività, jissodisfawx, bħalma jargumenta l-gvern Ungeriż u tikkontesta l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123.

85

F’dan ir-rigward, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi vverifikat, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123, jekk l-imsemmija rekwiżiti humiex la direttament u lanqas indirettament diskriminatorji fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, tal-post tas-sede statutorja tagħhom.

86

Fid-dawl tan-natura tar-rekwiżiti fformulati fl-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 li jidher, a priori, li jistgħu jiġu ssodisfatti biss minn persuni ġuridiċi, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li din id-dispożizzjoni, li ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni espressa fir-rigward tal-post tas-sede statutorja tal-emittent tal-kards SZÉP, ma tagħmilx, bħala tali, u mingħajr preġudizzju għall-konstatazzjoni diġà magħmula fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq tali kriterju.

87

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-fatt li, b’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 13(a) tad-digriet governattiv Nru 55/2011, li l-emittent ta’ kards SZÉP għandu jkollu, f’kull komun tal-Ungerija b’popolazzjoni ta’ iktar minn 35000 persuna, uffiċċju miftuħ għall-klijenti, ir-rekwiżiti kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 13(a) sa (ċ) ta’ dan id-digriet governattiv jistgħu, f’dan il-każ, bħalma tikkonferma l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u mhux ikkontestata mill-gvern Ungeriż, li jsir riferiment għalih fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, jiġu ssodisfatti biss minn stabbilimenti bankarji jew finanzjarji li għandhom is-sede tagħhom fl-imsemmi Stat Membru.

88

Minkejja li huma bbażati fuq kriterji oħrajn u mhux fuq l-eżistenza ta’ sede statutorja fl-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmija rekwiżiti jistgħu b’hekk iwasslu, fil-fatt, għall-istess riżultat bħal li tiġi stabbilita kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali sede, b’mod li huma għandhom jitqiesu, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 65 tad-Direttiva 2006/123, li huma ta’ natura li jwasslu għal diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 15(3)(a) ta’ din id-direttiva.

89

Bħalma ġie rrilevat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, barra minn hekk huwa paċifiku bejn il-partijiet li, skont l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-dritt nazzjonali elenkati fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, huma biss il-kumpanniji li għandhom sede statutorja fl-Ungerija, minbarra fergħat Ungeriżi ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jistgħu joperaw bħala emittent tal-kard SZÉP.

90

Peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 huma kumulattivi, bħalma tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, tali konstatazzjoni hija biżżejjed biex tistabbilixxi n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.

91

Barra minn hekk, u jekk jitqies li rekwiżiti bħal dawk li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 ifittxu, bħalma jallega l-gvern Ungeriż, għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri billi jfittxu li jiżguraw li l-emittenti ta’ kards SZÉP joffru garanziji suffiċjenti fir-rigward tas-solvenza finanzjarja, ta’ professjonalità u ta’ aċċessibbiltà, għandu jiġi rrilevat li dan il-gvern ma stabbilixxiex, b’mod partikolari, li tali rekwiżiti jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3)(ċ) tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dik dwar l-assenza ta’ miżuri inqas vinkolanti sabiex jintlaħaq ir-riżultat imfittex.

92

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, meħuda flimkien, l-imsemmija rekwiżiti jwasslu biex jirriżervaw il-ħruġ tal-kards SZÉP għall-istituzzjonijiet biss li jistgħu jiġġustifikaw, fl-istess waqt, esperjenza fil-qasam ta’ ħruġ kemm ta’ strumenti ta’ ħlas minbarra flus kif ukoll ta’ strumenti elettroniċi li jagħtu dritt għal vantaġġi in natura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u li huma għandhom diversi uffiċċji fit-territorju Ungeriż.

93

Issa, jekk tiġi injorata n-natura diskriminatorja tal-imsemmija rekwiżiti, għandu jiġi rrilevat li miżuri inqas vinkolanti u restrittivi tal-libertà ta’ stabbiliment minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-gvern Ungeriż, jiġifieri li jiġi żgurat li l-emittenti ta’ kards SZÉP joffru l-garanziji ta’ solvenza finanzjarja, ta’ professjonalità u ta’ aċċessibbiltà li jidhru meħtieġa għall-protezzjoni tal-utenti ta’ tali kards u tal-kredituri.

94

Hekk kif issostni l-Kummissjoni, dan jidher li huwa l-każ ta’ miżuri li, bil-kundizzjoni li jiġi żgurat li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huma intiżi, per eżempju, li jissuġġettaw l-emittenti tal-kards SZÉP għal sistema ta’ sorveljanza jew għal mekkaniżmu ta’ garanzija bankarja jew ta’ assigurazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, EU:C:2004:270, punt 43) u li jipprevedu użu, mill-emittent, ta’ servizzi telefoniċi jew ta’ aġenti kummerċjali.

95

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(a) sa (ċ) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tad-Direttiva 2006/123, b’tali mod li t-tielet ilment għandu jintlaqa’.

– Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123

L-argumenti tal-partijiet

96

Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jippreskrivi, għall-ħruġ tal-kard SZÉP, l-eżistenza ta’ stabbiliment fl-Ungerija, l-imsemmija dispożizzjoni tikser l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123.

97

Fil-fatt, l-Artikolu 16(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi espressament lill-Istati Membri milli jimponu fuq fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor obbligu li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom, sakemm ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 16, jiġifieri, li l-miżura inkwistjoni tkun nondiskriminatorja, iġġustifikata minn raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika, ta’ saħħa pubblika jew ta’ protezzjoni tal-ambjent, u li tkun meħtieġa u proporzjonata.

98

Issa, ir-raġunijiet ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri invokati mill-gvern Ungeriż ma jaqgħux taħt il-kategoriji oġġettivi hekk imsemmija fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva u l-imsemmi gvern, barra minn hekk, fid-dawl tal-għanijiet li huwa jinvoka, bl-ebda mod ma stabbilixxa l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura kkontestata.

99

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-Artikolu 16 tal-istess direttiva ma għandux applikazzjoni f’dan il-każ. Skont l-imsemmija istituzzjoni, fil-prattika huwa, u kuntrarjament għal dak li jargumenta l-gvern Ungeriż f’dan ir-rigward, totalment possibbli li impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor toħroġ kards SZÉP b’mod transkonfinali, b’mod partikolari minn, u lejn, żoni relattivament viċin tal-fruntiera, mingħajr ma jkunu barra minn hekk stabbiliti fl-Ungerija. Barra minn hekk, tali impriża għandha d-dritt ukoll li tuża, fit-territorju Ungeriż, l-infrastruttura meħtieġa sabiex twettaq is-servizz tagħha mingħajr ma tkun obbligata tistabbilixxi ruħha hemmhekk.

100

B’risposta, il-gvern Ungeriż isostni, preliminarjament, li l-leġiżlazzjoni dwar il-kard SZÉP għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija, f’dan il-każ, totalment sekondarja meta mqabbla mal-libertà ta’ stabbiliment u tista’ tiġi kkunsidrata konnessa magħha. Skont l-imsemmi gvern, il-ħruġ ta’ tali kards jimplika, fil-fatt, b’mod partikolari meta titqies l-istatistika diġà msemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li l-operatur ikun imdaħħal sew fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Istat Membru tal-post ta’ fejn jiġi pprovdut is-servizz u li huwa joffri hemmhekk is-servizzi tiegħu minn stabbiliment f’dan l-Istat Membru, b’mod permanenti u kontinwu, lejn it-territorju kollu tal-imsemmi Stat Membru u mhux biss lejn ċerti żoni konfinali.

101

Il-gvern Ungeriż isostni, barra minn hekk, li, anki li kieku kellu jitqies li fornitur ta’ servizzi jixtieq jeżerċita tali attività fil-qafas ta’ attività transkonfinali, il-karatteristiċi oġġettivi tal-attività inkwistjoni u l-għanijiet ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri diġà invokati jiġġustifikaw b’hekk li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għal kundizzjonijiet stretti li jistgħu jiġu ssodisfatti biss mill-fornituri li huma stabbiliti fl-Ungerija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102

Skont l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu l-obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom.

103

Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, bi “stabbiliment” għandu jinftiehem l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika msemmija fl‑Artikolu 49 TFUE, mill-fornitur, għal perijodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnha l-provvista ta’ servizzi hija tassew żgurata.

104

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 13(a) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jissuġġetta l-attività ta’ ħruġ ta’ kards SZÉP, attività li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li tikkostitwixxi attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 49 TFUE, għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-emittent ikollu uffiċċji miftuħa għall-pubbliku fil-komuni kollha tal-Ungerija b’popolazzjoni ta’ iktar minn 35000 persuna.

105

Issa, huwa ċar li, b’dan il-mod, l-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq kull fornitur li jixtieq jeżerċita l-imsemmija attività, li jkollu, fl-Ungerija, infrastruttura stabbli li minnha tkun tassew tista’ tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi.

106

Dan huwa, barra minn hekk, il-każ fid-diversi sitwazzjonijiet maħsuba fl-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, jiġifieri skont jekk il-fornitur ikollux tali uffiċċji personalment jew permezz ta’ grupp ta’ kumpanniji li huwa jappartjeni magħhom jew anki flimkien ma’ mutwa ta’ assigurazzjoni li l-fornitur għandu relazzjoni kuntrattwali magħha għal mill-anqas ħames snin. F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-premessa 37 tad-Direttiva 2006/123, stabbiliment jista’ anki jkollu l-forma ta’ uffiċċju amministrat minn persuna indipendenti mill-fornitur iżda maħtura sabiex taġixxi f’ismu b’mod permanenti, bħalma tagħmel aġenzija.

107

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011 jistabbilixxi, fis-sens tal-Artikolu 16(2)(a) tal-imsemmija direttiva, obbligu għall-emittent ta’ kards SZÉP li jkollu stabbiliment fit-territorju Ungeriż.

108

F’dan ir-rigward, l-oġġezzjoni tal-gvern Ungeriż ibbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 allegatament ma jibqax japplika meta miżura nazzjonali tista’ tikser fl-istess waqt dan l-artikolu u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva relatati mal-libertà ta’ stabbiliment, u fuq il-fatt li jidher li l-użu tal-provvediment ta’ servizzi transkonfinali għandu natura purament teoretika jew, fi kwalunkwe każ, ħafna inqas frekwenti, fil-prattika, mill-użu tal-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru inkwistjoni sabiex jipprovdi servizzi hemmhekk, għandha tiġi miċħuda.

109

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-gvern Ungeriż ma stabbilixxiex li, b’hekk, fil-prattika, se jkun impossibbli u mingħajr interess għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru li jipprovdi servizz bħall-ħruġ u l-amministrazzjoni tal-kard SZÉP fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollu, f’dan tal-aħħar, infrastruttura stabbli li minnha tassew tkun tista’ tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi.

110

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-gvern Ungeriż la għandu bażi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tagħha, u li huwa jikser, barra minn hekk, l-għanijiet essenzjali imfittxija, f’dan il-każ, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

111

F’dan ir-rigward, għandu, fil-fatt, jitfakkar, qabel kollox, li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-premessi 2 u 5 ta’ din tal-aħħar, hija tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali intiżi sabiex jeliminaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn dawn tal-aħħar, sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ suq intern liberu u kompetittiv (ara, is-sentenza Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Skont l-imsemmija premessa 5, l-istess direttiva hija għalhekk intiża, b’mod partikolari, li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi jiżviluppa l-attivitajiet ta’ servizz tiegħu fi ħdan is-suq intern, jew billi jistabbilixxi lilu nnifsu fi Stat Membru, jew billi juża l-moviment liberu tas-servizzi, billi jkun possibbli għalih li jagħżel bejn dawn iż-żewġ libertajiet skont l-istrateġija ta’ żvilupp tiegħu f’kull Stat Membru.

113

Sussegwentement, mill-kliem tal-Artikoli 2(1) u 4 tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li din tapplika għal kull attività ekonomika mhux imħallsa, ipprovduta normalment b’korrispettiv ta’ ħlas minn fornitur stabbilit fi Stat Membru, kemm jekk ikun stabbilit b’mod permanenti u kontinwu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni kif ukoll jekk ma jkunx, bla ħsara għall-attivitajiet espressament esklużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 32).

114

Fl-aħħar nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jipprovdu servizzi fi Stat Membru minbarra dak li fih huma stabbiliti dawn il-fornituri. Min-naħa tiegħu, il-paragrafu (2)(a) ta’ dan l-Artikolu 16 jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom.

115

Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-gvern Ungeriż intiż, sussidjarjament, li jiġġustifika r-restrizzjoni kontenzjuża permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kredituri, jiġifieri li jiżgura li l-emittenti ta’ kards SZÉP joffru garanziji suffiċjenti ta’ solvenza finanzjarja, ta’ professjonalità u ta’ aċċessibbiltà.

116

F’dan ir-rigward, fil-fatt, u indipendentement, minn naħa, mill-punt dwar jekk rekwiżit bħal dak imsemmi fl-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jistax, skont dan l-Artikolu 16, jiġi ġġustifikat, u, min-naħa l-oħra, dwar il-fatt li l-għanijiet li jsemmi l-gvern Ungeriż ma jidhrux fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jirreferu għalihom il-paragrafi (1) u (3) tal-imsemmi Artikolu 16, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jiġi rrilevat li, anki fir-rigward tal-imsemmija għanijiet, rekwiżit bħal dak impost mill-Artikolu 13(a) tad-digriet governattiv Nru 55/2011 ma jissodisfax, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità stabbilita fl-Artikolu 16(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, peress li miżuri inqas vinkolanti u restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn dawk li jirriżultaw minn tali rekwiżit bħal, per eżempju, dawk imsemmija fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, jippermettu, li kieku kellhom jitqiesu li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni, li jintlaħqu dawn l-għanijiet.

117

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ lment għandu jintlaqa’.

Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE

118

Peress li l-ilmenti prinċipali tal-Kummissjoni u bbażati fuq ksur tal-Artikoli 14 sa 16 tad-Direttiva 2006/123 intlaqgħu, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE li l-imsemmija istituzzjoni għamlet sussidjarjament.

Fuq l-ilmenti relatati mal-kundizzjonijiet ta ’ ħruġ tal-vawċers Erzsébet

L-argumenti tal-partijiet

119

Fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sistema ta’ vawċers Erzsébet irregolata bil-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, u bil-liġi Erzsébet, li tistabbilixxi monopolju favur organi pubbliċi fil-qasam tal-ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kesħin u li daħlet fis-seħħ mingħajr ma kienet ippreċeduta minn perijodu tranżitorju jew miżuri tranżitorji neċessarji, tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn l-Artikoli 1(5) u 477 tal-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, kif ukoll l-Artikoli 2(1) u (2), 6 u 7 tal-liġi Erzsébet jipprevedu restrizzjonijiet sproporzjonati.

120

Il-Kummissjoni tirrileva li, skont l-Artikolu 71(1) tal-liġi dwar it-TDPF, kif emendat mil-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, ix-xiri ta’ ikliet lesti għall-konsum ma huwiex iktar ikklassifikat bħala vantaġġ in natura, sakemm dan ma jsirx permezz tal-użu ta’ vawċers Erzsébet. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, hija biss l-FNUV li tista’ toħroġ tali vawċers.

121

Issa, is-sitwazzjoni monopolistika hekk iġġenerata fis-suq tal-ħruġ tal-vawċers li jagħtu dritt għal tali vantaġġ in natura tipprevjeni kull eżerċizzju, mill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, tal-libertajiet tagħhom li jipprovdu servizzi u ta’ stabbiliment f’relazzjoni mal-imsemmija attività u tikser, b’hekk, l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE. Il-Kummissjoni tispeċifika, f’dan ir-rigward, li r-rikors tagħha jirrigwarda din il-parti biss tas-sistema ta’ vawċers Erzsébet, u bl-ebda mod ma jirrigwarda l-azzjonijiet ta’ politika soċjali implementati mill-FNUV fil-qafas tal-programm bl-istess isem, bħall-għajnuna diretta u indirizzata għall-persuni soċjalment żvantaġġjati.

122

Skont il-Kummissjoni, peress li l-attività ta’ ħruġ ta’ vawċers, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, hija eżerċitata b’korrispettiv ta’ ħlas, tali attività, li qabel kienet barra minn hekk eżerċitata fl-Ungerija u kompliet tiġi eżerċitata f’numru ta’ Stati Membri oħrajn, minn kumpanniji kummerċjali, tikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. Il-Kummissjoni tqis, b’riferiment għas-sentenza Cisal (C‑218/00, EU:C:2002:36), li tali attività ma tistax, b’mod partikolari, titqies bħala miżura ta’ natura soċjali, peress li d-deċiżjoni ta’ jekk l-impjegati għandhomx jibbenefikaw jew le mill-vawċers Erzsébet b’benefiċċji in natura, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, hija diskrezzjonali għall-persuna li timpjega, mingħajr ma jkun qiegħed jiġi mfittex għan soċjali li jimplementa l-prinċipju tas-solidarjetà taħt il-kontroll tal-Istat.

123

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-monopolju kkritikat, f’dan il-każ, ma huwa ġġustifikat minn ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u lanqas ma jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

124

Minn naħa, fil-fatt, ma jistgħu jiġu invokati bħala raġunijiet imperattivi, la l-fatt li l-benefiċjarji tal-attività inkwistjoni għandhom ikunu esklużivament iddedikati mill-FNUV sabiex jilħqu għanijiet soċjali, u lanqas l-insuffiċjenza allegata ta’ riżorsi baġitarji disponibbli b’mod li jikkostitwixxi riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. F’dan il-każ, il-monopolju inkwistjoni ma jissodisfax il-ħtieġa li tiġi ppriżervata l-koerenza tas-sistema fiskali Ungeriża.

125

Min-naħa l-oħra, jeżistu modi oħrajn inqas vinkolanti mit-twaqqif ta’ tali monopolju, bħal pereżempju, l-użu tal-baġit pubbliku, il-ġbir ta’ kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fuq il-benefiċċji in natura inkwistjoni, tnaqqis tal-eżenzjoni mit-taxxa jew anki l-akkwist ta’ vawċers Erzsébet mill-amministrazzjoni pubblika għad-distribuzzjoni tagħhom lill-persuni l-iktar fil-bżonn, jew it-twaqqif ta’ obbligu, fuq l-emittenti, li jitqiegħdu tali vawċers għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet responsabbli mill-kwistjonijiet soċjali, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ finanzjament tal-benefiċċji soċjali mfittxija f’dan il-każ.

126

Barra minn hekk, il-monopolju kontenzjuż twaqqaf mingħajr perijodu tranżitorju xieraq, li wassal b’dan il-mod għal telf kbir għall-impriżi li sa dan il-waqt kienu preżenti fis-suq inkwistjoni.

127

B’risposta, il-gvern Ungeriż jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ilmenti tal-Kummissjoni għar-raġuni li t-talbiet tar-rikors huma nieqsa minn preċiżjoni u huma ekwivoċi.

128

F’dan ir-rigward, l-imsemmija talbiet għandhom, qabel kollox, żball materjali, peress li huma jsemmu l-Artikoli 1 u 5 tal-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, minflok l-Artikolu 1(5) ta’ din il-liġi. Sussegwentement, l-Artikolu 477 tal-imsemmija liġi u l-Artikolu 7 tal-liġi Erzsébet jirrigwardaw biss id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-liġijiet u għalhekk ma jistgħux jinvolvu ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, lanqas ma jidher ċar għalfejn il-Kummissjoni tallega ksur ta’ dan id-dritt minħabba l-Artikoli 2(1) u (2) u 6 tal-Liġi Erzsébet.

129

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ssemmi d-dispożizzjonijiet determinanti kollha tal-leġiżlazzjoni dwar il-programm Erzsébet jikkontradixxi l-affermazzjoni tal-imsemmija istituzzjoni li dan ir-rikors ma jirrigwardax l-azzjonijiet ta’ politika soċjali implementati fil-qafas ta’ dan il-programm.

130

Fuq il-mertu, il-gvern Ungeriż jasserixxi, prinċiparjament, li huwa biss jekk Stat Membru jkun għażel li attività jagħmilha attività ekonomika ordinarja li din issir miftuħa għall-kompetizzjoni libera u suġġetta għar-regoli tat-Trattat.

131

Issa, dan ma huwiex il-każ tal-ħruġ tal-vawċers Erzsébet li ma jikkonsistix f’li oġġetti jew servizzi jiġu offruti f’suq speċifiku, jiġifieri għal kundizzjonijiet tas-suq u bi skop ta’ lukru, peress li d-dħul li ġej minn din l-attività għandu, skont il-liġi Erzsébet, jintuża mill-FNUV għat-twettiq tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali li huma fdati lilha.

132

Fir-rigward tal-ġurisprudenza mibdija mis-sentenza Cisal (C‑218/00, EU:C:2002:36), il-gvern Ungeriż iqis li l-programm Erzsébet huwa bbażat sew fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà, peress li l-vawċers Erzsébet jingħataw ukoll bħala għajnuna soċjali diretta skont ir-riżorsi tal-benefiċjarju u li, anki meta tali vawċers ikunu offruti mill-persuni li jimpjegaw lill-impjegati tagħhom bħala korrispettiv tas-salarju tagħhom, l-imsemmija persuni li jimpjegaw ikunu qegħdin jaġixxu, flimkien, bħala atturi konxji tal-finanzjament tal-imsemmija programmi soċjali. Barra minn hekk jiġi eżerċitat kontroll mill-Istat peress li l-FNUV tiżgura missjonijiet ta’ servizz pubbliku ddekretati minnu u li delegat tal-ministru responsabbli mill-programm Erzsébet huwa responsabbli mill-formulazzjoni ta’ proposti sabiex jiġi żviluppat dan il-programm u sabiex jiġu ppreparati l-leġiżlazzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tiegħu.

133

Minħabba l-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-seħħ, il-ħruġ ta’ vawċers Erzsébet ikun b’hekk integrat fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali li għaliha huwa jipprovdi r-riżorsi billi jinċentiva fiskalment lill-persuni li jimpjegaw isiru kontributuri tal-imsemmija sistema, liema fatt huwa konformi mal-prinċipju li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li jiżguraw liberament il-finanzjament u l-ekwilibriju finanzjarju tagħhom.

134

Barra minn hekk, il-gvern Ungeriż jasserixxi li, peress li vawċers bħall-vawċers Erzsébet jagħtu dritt għal benefiċċju fiskali u b’hekk huma utli biss fil-qafas tal-politika fiskali ta’ Stat Membru speċifiku, is-suq tal-imsemmija vawċers ma huwiex suq transkonfinali iżda suq strettament nazzjonali li jeżisti biss jekk l-Istat Membru inkwistjoni jistabbilixxieh, b’mod li dan tal-aħħar ikun b’mod partikolari liberu li jiddeċiedi li joħroġ huwa stess l-imsemmija strumenti ta’ politika fiskali jew li jiftaħ din l-attività għall-kompetizzjoni.

135

Barra minn hekk, ma għandhiex issir analoġija mas-sitwazzjoni fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard, peress li ma teżistix, f’dan il-każ, possibbiltà li emittent jippenetra s-suq ta’ Stat Membru speċifiku b’vawċers maħruġa u mqiegħda għaċ-ċirkulazzjoni fil-qafas tal-leġiżlazzjoni fiskali partikolari ta’ Stat Membru ieħor, u lanqas, għalhekk, ta’ attività “simili” mwettqa fl-ewwel Stat Membru.

136

Sussidjarjament, il-gvern Ungeriż iqis li t-twaqqif ta’ monopolju tal-Istat huwa fi kwalunkwe każ iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ salarju u fiskali.

137

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, taqa’ taħt il-politika soċjali ta’ kull Stat Membru l-għażla tal-mod ta’ finanzjament tas-servizzi soċjali fit-territorju tiegħu. Kuntrarjament għall-attivitajiet ta’ logħob u ta’ imħatri li joħolqu riskji ta’ vizzju u ta’ frodi u għandhom għalhekk jiġu kkontrollati u mnaqqsa, ma hemm, fir-rigward tal-ħruġ tal-vawċers Erzsébet, ebda raġuni li tista’ teżiġi li l-finanzjament tas-servizzi ta’ interess pubbliku jkollu biss konsegwenza benefika inċidentali.

138

It-tieni nett, peress li kull Stat Membru huwa liberu li jiddetermina sa liema punt tali vawċers, li jagħtu dritt għal benefiċċju fiskali, jistgħu jitqassmu lill-impjegati u l-kobor ta’ dan il-benefiċċju, huwa jibqa’ wkoll liberu li jirriżerva għalih il-ħruġ tagħhom skont il-politiki ta’ salarju u fiskali tiegħu.

139

Fir-rigward tal-miżuri allegatament inqas ta’ ħsara għall-kompetizzjoni li tinvoka l-Kummissjoni, il-gvern Ungeriż jasserixxi li, minkejja li għan ta’ interess ġenerali mfittex minn Stat Membru seta’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħrajn, bħal, pereżempju, l-organizzazzjoni tal-attività abbażi tas-suq u t-tassazzjoni ta’ din l-attività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, fis-sentenza tagħha Läärä et (C‑124/97, EU:C:1999:435), li, il-fatt li wieħed jafda l-attività inkwistjoni lil organu ta’ dritt pubbliku li għandu jiddedika d-dħul kollu għal għan iddefinit, huwa mod iktar effettiv sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

140

Barra minn hekk, fir-rigward tal-assenza allegata ta’ perijodu tranżitorju xieraq, il-gvern Ungeriż jasserixxi li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx l-affermazzjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi konkreti għall-operaturi inkwistjoni minħabba d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jwaqqfu l-monopolju inkwistjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċji fiskali, l-impriżi ma humiex iġġustifikati li jippretendu li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma tiġix emendata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

141

Skont l-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza relatata miegħu, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142

F’dan il-każ, mit-talbiet tar-rikors u mill-argumenti żviluppati fih jirriżulta li, bl-ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE huma miksura inkwantu l-leġiżlazzjoni nazzjonali identifikata fl-imsemmi rikors tirriżerva l-ħruġ ta’ vawċers li jippermettu l-għoti, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, ta’ benefiċċju in natura fil-forma ta’ ikliet lesti għall-konsum, b’monopolju, lil organu pubbliku nazzjonali u inkwantu t-twaqqif ta’ tali monopolju seħħ mingħajr miżuri tranżitorji xierqa.

143

Fir-rigward, qabel kollox, tal-iżball tal-pinna li wassal lill-Kummissjoni biex issemmi, fit-talbiet tar-rikors tagħha, l-Artikoli 1 u 5 tal-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, u li sadanittant wasslet biex l-imsemmija istituzzjoni tibgħat rettifika, għandu jiġi kkonstatat li hija ma qarrqitx bil-gvern Ungeriż fir-rigward tal-portata ta’ dan ir-rikors, fejn wara kollox l-imsemmi gvern innifsu rrileva immedjatament, fir-risposta tiegħu, li kien ċar li dan il-punt kellu jiġi interpretat fis-sens li jsemmi l-Artikolu 1(5) ta’ din il-liġi, peress li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li temenda l-punt 87 tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-TDPF.

144

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 477 tal-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, u tal-Artikolu 7 tal-Liġi Erzsébet, il-fatt, għall-Kummissjoni, li semmiet dawn l-artikoli fl-imsemmija talbiet jista’ jiġi spjegat faċilment, għaliex l-imsemmija artikoli jirrelataw mad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, dispożizzjonijiet ikkritikati mill-Kummissjoni b’mod partikolari, hekk kif għadu kif tfakkar, minħabba li ma għandhomx miżuri tranżitorji xierqa.

145

Fl-aħħar nett, bħalma jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tat-talbiet tar-rikors kif ukoll mill-ilmenti ta’ dan tal-aħħar, l-Artikoli 2(1) u (2), u 6 tal-Liġi Erzsébet jissemmew bħall-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, biss sa fejn minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jirriżulta li l-FNUV hija fdata b’monopolju f’dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ vawċers li jippermettu lill-persuna li timpjega tagħti lill-impjegati tagħha, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, benefiċċju in natura fil-forma ta’ vawċers li jippermettu l-akkwist ta’ ikliet lesti għall-konsum.

146

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 141 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li t-talba ta’ inammissibbiltà mqajma mill-gvern Ungeriż għandha tiġi miċħuda.

– Fuq il-mertu

147

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ħruġ ta’ vawċers suġġett ta’ dan ir-rikors jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE jew jekk joħroġx ’il barra minnu minħabba li ma jikkostitwixxix attività ekonomika kif isostni l-gvern Ungeriż.

148

Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE, għandu jitfakkar li l-għan tagħha huwa li jippermetti lil ċittadin ta’ Stat Membru joħloq stabbiliment sekondarju fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita fih l-attivitajiet tiegħu u b’hekk jiffavorixxi l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni fil-qasam tal-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha. Il-libertà tal-istabbiliment hija intiża, għal dan il-għan, sabiex tippermetti lil ċittadin tal-Unjoni jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u li jibbenefika minnha billi jeżerċita b’mod effettiv, fl-Istat Membru ospitanti, attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni stabbli u għal żmien indeterminat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, EU:C:2006:544, punti 5354 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

149

Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza, tali attività ekonomika tista’ tikkonsisti f’li jiġu offruti kemm oġġetti kif ukoll servizzi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150

Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, hija tkopri s-servizzi kollha li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, mill-post ta’ negozju fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 22, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, EU:C:2004:270, punt 25).

151

Skont l-Artikolu 57 TFUE, servizzi fis-sens tat-Trattati huma meqjusa li jinkludu servizzi normalment mogħtija bi ħlas u jkopru, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ natura kummerċjali.

152

Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet diversi drabi, dan il-kunċett ta’ servizzi ma jistax jiġi interpretat restrittivament (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-isemmi kunċett jimplika “servizzi normalment mogħtija bi ħlas”, bil-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni tkun fil-fatt li hija tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154

Il-fattur deċiżiv li jqiegħed attività fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, b’hekk, ta’ dawk relatati mal-libertà ta’ stabbiliment, huwa n-natura ekonomika tagħha, jiġifieri li l-attività ma għandhiex tiġi eżerċitata mingħajr ħlas. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jqis il-gvern Ungeriż, ma huwiex meħtieġ, f’dan ir-rigward, li l-fornitur ikollu l-għan li jagħmel profitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 3233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155

Barra minn hekk, ma huwiex importanti min iħallas lill-fornitur għall-imsemmi servizz. Fil-fatt, l-Artikolu 57 TFUE ma jirrikjedix li s-servizz ipprovdut ikun imħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156

Issa, fir-rigward tal-attività ta’ ħruġ u ta’ amministrazzjoni ta’ vawċers Erzsébet inkwistjoni f’din il-kawża, huwa paċifiku li s-servizz ipprovdut mill-FNUV għall-benefiċċju kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-impjegati tagħhom u tal-fornituri li jaċċettaw dawn il-vawċers, jagħti lok għall-ħlas ta’ korrispettiv ekonomiku lill-FNUV, li huwa ta’ natura remuneratorja għal dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza Danner, C‑136/00, EU:C:2002:558, punt 27).

157

Fir-rigward tal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-profitti magħmula mill-FNUV permezz tal-imsemmija attività għandhom jintużaw esklużivament għal ċerti għanijiet ta’ interess ġenerali, għandu jitfakkar li dan ma huwiex biżżejjed sabiex ibiddel in-natura tal-attività inkwistjoni u sabiex ineħħilha n-natura ekonomika tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Schindler, C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 35).

158

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza riflessa fis-sentenza Cisal (C‑218/00, EU:C:2002:36) u żviluppata fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk din hija applikabbli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, il-gvern Ungeriż bl-ebda mod ma stabbilixxa li l-attività ta’ ħruġ ta’ vawċers Erzsébet, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, timplementa l-prinċipju ta’ solidarjetà bħalma teżiġi b’mod partikolari din il-ġurisprudenza sabiex ikun jista’ jiġi deċiż li din hija attività soċjali u mhux ekonomika.

159

Minn naħa, għandu, fil-fatt, jiġi kkonstatat li, bħalma asserixxiet il-Kummissjoni u rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 207 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jingħataw jew le vawċers Erzsébet lill-ħaddiema impjegati li jippermettulhom jiksbu vantaġġi in natura fil-forma ta’ ikliet lesti għall-konsum u d-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn il-vawċers għandhom jitħallew għad-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega u ma huma bl-ebda mod marbuta mas-sitwazzjoni personali, u b’mod partikolari mar-riżorsi, tal-impjegati inkwistjoni.

160

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt, invokat mill-gvern Ungeriż, li xi vawċers, ukoll bl-isem “Erzsébet”, jistgħu jingħataw direttament mill-FNUV, bħala għajnuna soċjali, lil ċerti persuni żvantaġġjati, b’mod partikolari sabiex jiffinanzjaw il-vaganzi tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, kieku wieħed kellu jassumi li dan huwa minnu, dan jibqa’ mingħajr konsegwenza fuq il-klassifikazzjoni ekonomika tal-attività ta’ ħruġ ta’ vawċers Erzsébet li fuqha huwa speċifikament ibbażat ir-rikors tal-Kummissjoni, jiġifieri, bħalma se jitfakkar, l-attività li tikkonsisti fil-ħruġ ta’ vawċers li jippermettu li jiġu akkwistati ikliet lesti għall-konsum u li jistgħu jingħataw, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, mill-persuni li jimpjegaw lill-impjegati tagħhom bħala vantaġġi in natura.

161

Fir-rigward tal-aspett fiskali, għandu jiżdied li l-fatt li d-destinatarji tas-servizz inkwistjoni jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali ma jaffettwa bl-ebda mod il-fatt li l-imsemmi servizz huwa pprovdut mill-emittent, bi ħlas, b’mod li l-imsemmija attività, li b’hekk tidħol fid-definizzjoni tas-servizz li jinkludi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jaqa’ taħt dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Skandia u Ramstedt, C‑422/01, EU:C:2003:380, punti 22 sa 28, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punti 65 sa 82).

162

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li attività bħall-ħruġ ta’ vawċers Erzsébet, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, għandha titqies bħala “servizz” fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE u, b’mod iktar ġenerali, bħala attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment.

163

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-gvern Ungeriż li l-ħruġ ta’ vawċers li jagħtu lok għal benefiċċju in natura skont il-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Membru ospitanti biss ma huwiex bħall-attività li emittenti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jipprovduhom fihom, b’mod li dawn l-emittenti ma jistgħux jinvokaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jitfakkar li d-dritt, minn operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru, li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor, li jistabbilixxi l-Artikolu 56 TFUE, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmi operatur jipprovdi wkoll tali servizzi fl-Istat Membru li huwa stabbilit fih. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi biss li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex dak tad-destinatarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164

Fit-tielet lok, huwa paċifiku li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed pubbliku jew privat, tikkostitwixxi restrizzjoni kemm għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Läärä et, C‑124/97, EU:C:1999:435, punt 29; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, EU:C:2006:208, punti 3334, kif ukoll Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punti 68107).

165

Fir-raba’ lok, jibqa’, madankollu, neċessarju li jiġi vverifikat jekk, bħalma asserixxa l-gvern Ungeriż, din ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tistax, f’dan il-każ, tiġi ġġustifikata, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk jindirizzaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali tagħhom u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Läärä et, C‑124/97, EU:C:1999:435, punt 31, kif ukoll OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 70).

167

Minn naħa, fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali enfasizzati mill-gvern Ungeriż, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fis-settur tal-logħob u tal-imħatri, il-fatt biss li d-dħul minn attività ekonomika eżerċitata fil-qafas ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi huwa użat għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ ħidma soċjali ma jikkostitwixxix motiv li jista’ jitqies bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għal restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Läärä et, C‑124/97, EU:C:1999:435, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata; Zenatti, C‑67/98, EU:C:1999:514, punt 36, kif ukoll Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 104).

168

B’hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, aċċettat, fil-kuntest speċifiku tal-attività tal-logħob u tal-imħatri, li restrizzjoni bħall-għoti ta’ monopolju lil organu pubbliku msejjaħ b’mod partikolari biex jiffinanzja attivitajiet jew ħidma soċjali tista’ tkun iġġustifikata, mill-ġurisprudenza tagħha jirriżulta li dan kien il-każ biss fir-rigward ta’ wħud mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, fosthom b’mod partikolari l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u li ċittadini jiġu mħajra għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob kif ukoll il-prevenzjoni ta’ problemi għall-ordni soċjali in ġenerali u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti partikolaritajiet ta’ natura morali, reliġjuża jew kulturali relatati mal-imsemmija attività (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Läärä et, C‑124/97, EU:C:1999:435, punti 4142; Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punti 666772, kif ukoll Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punti 7981 sa 83).

169

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ attività bħal dik suġġett ta’ dan ir-rikors, huma nieqsa għanijiet u partikolaritajiet paragunabbli.

170

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument, ukoll invokat mill-gvern Ungeriż, li l-għoti tal-monopolju inkwistjoni jikkostitwixxi l-unika possibbiltà, fl-assenza ta’ fondi baġitarji disponibbli, sabiex l-azzjoni soċjali fdata lill-FNUV tiġi amministrata sew, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li d-dħul iġġenerat minn min għandu monopolju jikkostitwixxi s-sors ta’ finanzjament ta’ programmi soċjali, ma jiġġustifikax restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

171

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-gvern Ungeriż li Stat Membru jibqa’ liberu li jwaqqaf monopolju bħal dak inkwistjoni skont il-politiki salarjali u fiskali tiegħu, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fil-qasam ta’ fiskalità diretta b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Skandia u Ramstedt, C‑422/01, EU:C:2003:380, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-istess fir-rigward tal-politika li l-Istati Membri jsegwu fil-qasam tax-xogħol, b’mod partikolari fil-qasam tas-salarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Portugaia Construções, C‑164/99, EU:C:2002:40, punt 24, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑341/02, EU:C:2005:220, punt 24, kif ukoll ITC, C‑208/05, EU:C:2007:16, punti 39 sa 41).

172

Issa, f’dan il-każ, il-gvern Ungeriż, filwaqt li jinvoka l-kompetenza tiegħu fl-oqsma fiskali u ta’ salarju, ma jesponix kif it-twaqqif ta’ monopolju pubbliku għall-ħruġ ta’ vawċers li jagħtu dritt għal benefiċċju fiskali u li jistgħu jingħataw lill-impjegati bħala benefiċċju in natura jissodisfa, f’dan il-każ, għanijiet leġittimi li jistgħu eventwalment jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet, li ġġib tali miżura, għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas kif tali restrizzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

173

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE li jirriżulta mill-issuġġettar għal sistema ta’ monopolju tal-attività ta’ ħruġ ta’ vawċers li jippermetti l-akkwist ta’ ikliet lesti għall-konsum u li jistgħu jingħataw, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, lill-impjegati bħala benefiċċji in natura, għandu jintlaqa’.

174

Peress li t-twaqqif innifsu ta’ dan il-monopolju għandu b’hekk jinstab li huwa kuntrarju għall-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni u bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li, anki jekk l-imsemmi monopolju jitqies ammissibbli bħala prinċipju, huwa daħal fis-seħħ, bi ksur tal-istess dispożizzjonijiet u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr miżuri tranżitorji xierqa.

Fuq l-ispejjeż

175

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Bl-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi, prevista mid-digriet governattiv Nru 55/2011, tat‑12 ta’ April 2011, li jirregola l-ħruġ u l-użu tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi, u emendat mil-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, li jemenda ċerti liġijiet fiskali u atti relatati, l-Ungerija kisret id-Direttiva 2006/123/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, sa fejn:

l-Artikolu 13 tal-imsemmi digriet governattiv, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi Nru XCVI tal‑1993 dwar il-fondi ta’ assigurazzjoni mutwa volontarja, mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi Nru CXXXII tal‑1997 dwar il-fergħat u l-aġenziji kummerċjali tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż, kif ukoll mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi Nru IV tal‑2006 dwar il-kumpanniji kummerċjali, jeskludi l-possibbiltà li fergħat ta’ impriżi joħorġu l-kard għall-ħin liberu Széchenyi u, għalhekk, jikser il-punt 3 tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva;

l-imsemmi Artikolu 13, moqri flimkien ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, li ma jirrikonoxxix, fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 13(a) sa (c), l-attività ta’ gruppi ta’ impriżi li l-kumpannija parent tagħhom ma hijiex kumpannija stabbilita skont id-dritt Ungeriż u li l-membri tagħhom ma joperawx taħt forom ta’ kumpannija previsti mid-dritt Ungeriż, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tal-imsemmija direttiva;

l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, li jirriżerva l-possibbiltà li l-banek u l-istabbilimenti finanzjarji joħorġu l-kard għall-ħin liberu Széchenyi, peress li huma biss dawn l-organi li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 13, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tal-istess direttiva;

l-imsemmi Artikolu 13 jikser l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 peress li jissuġġetta l-ħruġ tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi għall-eżistenza ta’ stabbiliment fl-Ungerija;

 

2)

Is-sistema ta’ vawċers Erzsébet irregolata bil-Liġi Nru CLVI, tal‑21 ta’ Novembru 2011, u bil-Liġi Nru CIII, tas‑6 ta’ Lulju 2012, dwar il-programm Erzsébet tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq monopolju favur organi pubbliċi fil-kuntest tal-ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kesħin u li jistgħu jingħataw, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, mill-persuna li timpjega lill-impjegati tagħhom bħala benefiċċji in natura.

 

3)

L-Ungerija hija kkundanna għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.