SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu 7 — Kuntratt ta’ kreditu immobiljari — Klawżola ta’ arbitraġġ — Natura inġusta — Rikors tal-konsumatur — Regola proċedurali nazzjonali — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita bir-rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dan l-istess kuntratt”

Fil-Kawża C‑567/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Nóra Baczó,

János István Vizsnyiczai

vs

Raiffeisen Bank Zrt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér‑Ritz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, N. Baczó u J. I. Vizsnyiczai, u, min-naħa l-oħra, Raiffeisen Bank Zrt, dwar talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ kuntratt ta’ kreditu immobiljari u tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-imsemmi kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

4

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

Skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Ungeriż

Id-dritt sostantiv

7

L-Artikolu 200 tal-Liġi Nru IV tal-1959 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili (a Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Il-partijiet għandhom jiddefinixxu b’mod liberu l-kontenut ta’ kuntratt. Huma jistgħu jidderogaw bi ftehim komuni mir-regoli li jirregolaw il-kuntratti jekk ebda dispożizzjoni legali ma tkun tipprekludi dan.

(2)   Huwa null kuntratt li jikser jew jevadi dispożizzjoni legali, sakemm l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx tipprevedi konsegwenza legali oħra. Ikun ukoll null kuntratt li manifestament ikun imur kontra l-moralità.”

8

Skont l-Artikolu 209(1) ta’ dan il-kodiċi, “hija inġusta kundizzjoni kuntrattwali ġenerali jew klawżola ta’ kuntratt ta’ konsum li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali sakemm, bi ksur tal-obbligi ta’ bona fide u ta’ lealtà, hija tkun tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt b’mod unilaterali u mhux motivat għad-detriment tal-parti kontraenti li ma tkunx l-awtur tal-klawżola”.

9

L-Artikolu 209/A(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li l-parti leża tista’ tikkontesta klawżola kuntrattwali inġusta. Skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, tali klawżoli huma nulli.

10

L-Artikolu 227(2) tal-istess kodiċi jipprovdi li “kull kuntratt li bħala suġġett għandu prestazzjoni impossibbli huwa null”.

11

Skont l-Artikolu 239/A(1) tal-Kodiċi Ċivili, parti tista’ titlob lill-qorti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-invalidità tal-kuntratt jew ta’ wħud mill-klawżoli tiegħu (invalidità parzjali) u, min-naħa l-oħra, sabiex ma tiddeċidix dwar il-konsegwenzi legali li din l-invalidità tikkawża.

12

Skont l-Artikolu 213(1) tal-Liġi Nru CXII tal-1996 dwar l-Istabbilimenti ta’ Kreditu u l-Impriżi Finanzjarji (hitelintézetekről és a pénzügyi vállalkozásokról szóló 1996. évi CXII. törvény), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u ta’ kreditu immobiljari li jonqos milli jsemmi l-klawżoli elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni, fosthom b’mod partikolari s-suġġett tal-kuntratt, ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena jew l-ammont globali tal-ispejjeż marbuta mal-kuntratt, huwa null.

Id-dritt proċedurali

13

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru III tal-1952 li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (a polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törveny, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), il-qorti, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali kuntrarja, hija marbuta mit-talbiet u mill-argumenti legali ppreżentati mill-partijiet. Il-qorti ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni t-talbiet u l-argumenti legali ppreżentati mill-partijiet skont id-denominazzjoni formali tagħhom, iżda skont il-kontenut tagħhom.

14

Skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan il-kodiċi, il-qorti lokali, sew járásbíróság (qorti lokali), jew kerületi bíróság (qorti distrettwali), għandha tkun il-qorti ta’ dritt komuni. Konsegwentement, jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħha l-kawżi kollha li l-liġi ma tirriżervax għat-törvényszék (qorti provinċjali).

15

Skont l-Artikolu 23(1)(k) tal-imsemmi kodiċi, it-törvényszék għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawżi li bħala suġġett ikollhom il-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti taħt, b’mod partikolari, l-Artikolu 209/A tal-Kodiċi Ċivili.

16

L-avviż 2/2010/VI.28 tal-Kulleġġ tal-Qrati Ċivili tal-Kúria (Qorti Suprema) dwar ċerti kwistjonijiet ta’ proċedura dwar l-azzjonijiet għal konstatazzjoni ta’ nullità jistabbilixxi li l-qorti għandha l-obbligu tikkonstata ex officio raġuni ta’ nullità manifesta li tista’ tiġi stabbilita b’mod ċar abbażi tal-provi disponibbli.

17

L-avviż 2/2011/XII.12 tal-Kulleġġ tal-Qrati Ċivili tal-Kúria dwar ċerti kwistjonijiet marbuta mal-validità tal-kuntratti ta’ konsum jippreċiża li l-qorti lokali hija marbuta, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors dwar il-mertu, teżamina n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali jew abbażi ta’ eċċezzjoni fformulata mill-konvenut, jew inkella ex officio.

18

Skont l-Artikolu 24(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-valur tat-tilwima jiġi ddeterminat skont l-ammont tad-dejn jew tal-valur ta’ kwalunkwe dritt ieħor invokati fir-rikors.

19

F’dak li jikkonċerna l-kalkolu tat-taxxa dovuta għall-preżentata ta’ rikors ċivili kontenzjuż, l-Artikolu 39(1) tal-Liġi Nru XCIII tal-1990 dwar id-Drittijiet u dwar it-Taxxi (1990. évi XCIII. tv. az illetékekről, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet u dwar it-Taxxi”) jipprevedi li l-bażi ta’ din it-taxxa għandha tikkorrispondi, ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja fl-imsemmija liġi, għall-valur tas-suġġett tat-tilwima fid-data tal-preżentata tar-rikors.

20

L-Artikolu 39(3) tal-Liġi dwar id-Drittijiet u dwar it-Taxxi madankollu jipprovdi:

“Meta l-valur tas-suġġett tat-tilwima ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) hawn fuq, [...] il-bażi tat-taxxa għandha tkun kif ġej:

a)

quddiem il-qorti lokali 350000 forint Ungeriż (HUF) fil-kuntest tal-proċeduri kontenzjużi [...]

b)

quddiem it-törvényszék:

jekk din tiddeċiedi bħala qorti tal-ewwel istanza: 600000 HUF fil-kuntest tal-proċeduri kontenzjużi [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Fit-13 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, N. Baczó u J. I. Vizsnyiczai, ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu immobiljari ggarantit b’ipoteka ma’ Raiffeisen Bank Zrt, stabbiliment bankarju rregolat mid-dritt Ungeriż. Dan il-kuntratt kien fih klawżola ta’ arbitraġġ, li skontha t-tilwimiet li jqumu mill-kuntratt ta’ kreditu, minbarra dawk relatati mad-djun pekunjarji, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ arbitraġġ.

22

Fis-26 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, quddiem il-Pesti Központi Kerületi Bíróság (qorti ċentrali distrettwali ta’ Pest), rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-imsemmi kuntratt.

23

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, abbażi tal-Artikoli 239/A, 200(2) u 227(2) tal-Kodiċi Ċivili, li l-kuntratt ta’ kreditu immobiljari li huma kienu ffirmaw kien manifestament illegali, kontra l-moralità u kellu bħala suġġett prestazzjoni impossibbli. Huma invokaw ukoll il-fatt li dan il-kuntratt kien jissodisfa xi raġunijiet ta’ nullità previsti fl-Artikolu 213(1) tal-Liġi Nru CXII tal-1996 dwar l-Istabbilimenti ta’ Kreditu u l-Impriżi Finanzjarji.

24

Wara talba għal informazzjoni addizzjonali mibgħuta mill-Pesti Központi Kerületi Bíróság, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu wkoll li tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-imsemmi kuntratt, b’applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, tal-Artikolu 209(2) tal-Kodiċi Ċivili u tal-Avviż 2/2011/XII.12 tal-Kúria.

25

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar talba u wara li kklassifikat il-kuntratt ta’ kreditu bħala “kuntratt standard imfassal minn qabel”, il-Pesti Központi Kerületi Bíróság, permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Mejju 2013, irrinvijat il-kawża lill-Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest), b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jgħid li t-tilwimiet li s-suġġett tagħhom ikun il-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti provinċjali.

26

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dan id-digriet, u talbu li dan jinbidel u li l-qorti lokali tiġi ddikjarata li għandha ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw li talbu, minn naħa, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ kreditu immobiljari tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-kawża tagħhom tiġi rrinvijata lill-qorti provinċjali.

27

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont l-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-konsumatur jista’ jitlob il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab f’kuntratt standard imfassal minn qabel, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biss quddiem qorti provinċjali, filwaqt li dan l-istess konsumatur, f’pożizzjoni ta’ konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija mill-bejjiegħ jew fornitur quddiem qorti lokali, jista’ jinvoka eċċezzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola.

28

Skont il-livelli applikabbli billi wieħed isegwi l-valur tat-tilwima, proċedura mibdija mill-konsumatur għall-finijiet tal-konstatazzjoni, għal raġunijiet oħra, tal-invalidità tal-kuntratt standard imfassal minn qabel tista’ madankollu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti lokali. Skont il-qorti tar-rinviju, ikun għaqli li l-qorti lokali tkun tista’ tiddeċiedi anki dwar it-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tal-klawżoli inġusti tal-istess kuntratt.

29

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tqis li r-rinviju tal-konsumatur quddiem il-qorti provinċjali tista’ tqiegħdu f’sitwazzjoni żvantaġġuża, b’mod partikolari peress li r-regola li tinsab fl-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili twassal għal spejjeż proċedurali iktar għoljin. Tali sitwazzjoni tista’ twassal sabiex jiġi kompromess it-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-proċedura għandha tiġi kkunsidrata bħala żvataġġuża għall-konsumatur meta dan ma jistax, fir-rikors promotur ta’ proċeduri quddiem il-qorti lokali għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ kuntratt (kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt), jitlob ukoll li waħda mill-klawżoli ta’ dan l-istess kuntratt tiġi ddikjarata inġusta mingħajr ma dan jimplika kompetenza tal-qorti provinċjali (törvényszék)? Fil-fatt, fil-proċeduri mibdija mill-parti kontraenti tiegħu fil-kuntratt, il-konsumatur jista’ jeċċepixxi n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali quddiem il-qorti lokali, u r-rinviju tal-kawża quddiem il-qorti provinċjali jimplika li għandu jħallas taxxa ogħla.

2)

Is-sitwazzjoni tal-konsumatur terġa’ tkun ibbilanċjata jekk huwa jkollu l-possibbiltà, fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minnu quddiem il-qorti lokali għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ kuntratt, li jinvoka wkoll in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ dan il-kuntratt, bil-konsegwenza li din l-istess qorti lokali jkollha kompetenza li tieħu konjizzjoni tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

31

Minn qari flimkien tad-domandi preliminari u tar-raġunijiet esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 93/13.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali jew ta’ prassi nazzjonali mad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni, hija ripetutament iddeċidiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jikkonċernaw dan id-dritt u li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità għall-finijiet tas-sentenza fil-kawża li hija jkollha quddiemha (ara s-sentenza Pannon Gép Centrum, C‑368/09, EU:C:2010, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dawn il-kundizzjonijiet, u sa fejn id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-possibbiltà ta’ żvantaġġ li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili toħloq għall-konsumatur li jinvoka d-drittijiet tiegħu ibbażati fuq id-Direttiva 93/13, għandu jiġi kkunsidrat li d-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tagħha.

Fuq il-mertu

34

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi regola proċedurali nazzjonali li skontha qorti lokali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ konsumatur intiż sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tal-imsemmi konsumatur intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dan l-istess kuntratt.

35

F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jitfakkar li l-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili wassal għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li wasslet għas-sentenza Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340).

36

Fl-imsemmija kawża, il-qorti tar-rinviju kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fost oħrajn, dwar jekk id-Direttiva 93/13 kellhiex tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali, adita b’tilwima dwar il-validità ta’ klawżoli ta’ kuntratt ta’ konsum, setgħetx teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli inkwistjoni u eventwalment tiddeċiedi sabiex il-kuntratt jiġi annullat, anki jekk il-ġurisdizzjoni sabiex tiddikjara l-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti kienet mogħtija, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, lil korp ġudizzjarju ieħor.

37

Fil-punt 53 tas-sentenza Jőrös (EU:C:2013:340), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha, sa fejn possibbli, tapplika r-regoli proċedurali interni tagħha b’tali mod li jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni bl-għan li tiżgura ruħha li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din tal-aħħar.

38

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din il-kawża tiddistingwi ruħha minn dik li wasslet għas-sentenza Jőrös (EU:C:2013:340) minħabba l-fatt li hija tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-konsumatur, bħala rikorrent, għandux ikollu l-possibbiltà li huwa stess isostni, minbarra l-invalidità ta’ kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li huwa jkun fih, minkejja regola ta’ ġurisdizzjoni li tkun tobbliga lil dan il-konsumatur sabiex iressaq tali talba quddiem qorti nazzjonali oħra.

39

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom, ikunu jeżistu l-mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur.

40

Għall-kuntrarju, id-Direttiva 93/13 ma fiha ebda dispożizzjoni espressa li tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi tal-konsumaturi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ tali klawżoli inġusti.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandu jistipula l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għal dan l-għan, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili previsti mid-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 30).

43

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta, il-Kummissjoni Ewropea wriet dubji fir-rigward tal-konformità ma’ dan il-prinċipju ta’ regola proċedurali nazzjonali, bħall-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li tagħti lill-qorti provinċjali ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi tal-konsumaturi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tagħmel paragun bejn l-imsemmija rimedji u dawk użati minn dawn il-konsumaturi għall-finijiet tal-konstatazzjoni, għal raġunijiet oħra, tal-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali, sa fejn dawn tal-aħħar jistgħu, skont il-livelli applikabbli jekk wieħed isegwi l-valur tas-suġġett tat-tilwima, jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti lokali.

44

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li hija biss il-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tar-rimedji kkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (ara s-sentenzi Asturcom Telecomunicaciones, EU:C:2009:615, punt 50, u Agrokonsulting‑04, EU:C:2013:432, punt 39).

45

Fil-każ li jitqies li r-rikorsi tal-konsumaturi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali għal raġunijiet ibbażati b’mod partikolari jew esklużivament fuq regoli li joħorġu mid-Direttiva 93/13, minn naħa, u r-rikorsi tal-konsumaturi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali għal raġunijiet ibbażati esklużivament fuq id-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, jixxiebhu, ikollu jiġi eżaminat jekk il-modalitajiet proċedurali tal-imsemmija rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni humiex inqas favorevoli minn dawk tar-rikorsi bbażati esklużivament fuq id-dritt nazzjonali.

46

F’dan ir-rigward għandu jitqies li l-ġurisdizzjoni tal-qrati provinċjali sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi li jiġu ppreżentati għal raġunijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni ma tikkostitwixxix neċessarjament modalità proċedurali li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sfavorevoli”. Fil-fatt, l-indikazzjoni ta’ dawn il-qrati, li huma inqas numerużi u ta’ livell iktar għoli mill-qrati lokali, tista’ tkun ta’ natura li tiffavorixxi amministrazzjoni tal-ġustizzja iktar omoġenja u speċjalizzata fil-kawżi li jirrigwardaw ir-regoli li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13.

47

Fir-rigward tal-ispejjeż ġudizzjarji iktar għoljin li r-rikorrent jista’ jsostni quddiem il-qrati provinċjali, minn dan is-sempliċi fatt ma jistax jiġi dedott li l-eżami ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem tali qrati jippreġudika l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex l-ekwivalenza bejn il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, titkejjel mill-perspettiva tal-ispejjeż biss, u dan billi indebitament ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-vantaġġi possibbli tal-proċedura li hija prevista għar-rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, bħal dawk imsemmija fil-punt ta’ qabel dan.

48

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li ma jistax jitqies li l-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

49

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenza Pohotovost’, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51).

50

F’dak li jikkonċerna r-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-astensjoni tal-qorti lokali favur il-qorti provinċjali tista’ twassal għal spejjeż addizzjonali għall-konsumaturi, bħala rikorrenti.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli proċedurali dwar l-istruttura tar-rimedji interni, li jsegwu interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ prevedibbiltà, għandhom jipprevalu fuq l-interessi partikolari, fis-sens li huma ma jistgħux ikunu jiddependu mis-sitwazzjoni ekonomika partikolari ta’ parti (sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, EU:C:2013:800, punt 38).

52

Sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività, l-organizzazzjoni tar-rimedji interni madankollu ma għandhiex tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, EU:C:2013:800, punt 39).

53

F’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa biss f’sitwazzjoni partikolari u ftit li xejn frekwenti li l-ġurisdizzjoni materjali esklużiva mogħtija lill-qorti provinċjali bl-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tista’ timplika għall-konsumatur, bħala rikorrent, il-ħlas ta’ taxxa iktar għolja. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, dan ikun il-każ biss meta l-valur tas-suġġett tat-tilwima ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, b’tali mod li, skont l-Artikolu 39(3)(b) tal-Liġi dwar id-Dazji u dwar it-Taxxi, it-taxxa dovuta għal rikors ippreżentat quddiem il-qorti provinċjali f’dak il-każ tkun tikkorrispondi għal somma fissa.

54

It-tieni nett, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-rikorsi ppreżentati quddiem qorti provinċjali, inklużi dawk intiżi sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, jimplikaw l-assistenza ta’ avukat.

55

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmi previsti bil-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali intiża sabiex tikkumpensa għall-eventwali diffikultajiet finanzjarji tal-konsumatur, bħall-kisba ta’ għajnuna legali, li tista’ tippermetti li jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali f’termini ta’ spejjeż tal-proċedura li tista’ timplika l-astensjoni tal-qorti lokali favur il-qorti provinċjali u marbuta kemm mal-impożizzjoni ta’ taxxa iktar għolja kif ukoll mal-ħtieġa li jitqabbad avukat (ara s-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, EU:C:2013:800, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li d-distanza ġeografika possibbli tal-qorti provinċjali meta mqabbla mar-residenza tal-konsumatur tista’ tikkostitwixxi xkiel għall-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali tiegħu.

57

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi kkonstatat, bla ħsara għal verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-iżvolġiment xieraq tal-kawża jkun jeħtieġ li l-konsumatur jidher, bħala rikorrent, fl-istadji kollha tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, EU:C:2013:800, punt 41).

58

Ir-raba’ nett, fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif sostna l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-għan tal-Artikolu 23(1)(k) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huwa li jafda l-kawżi dwar il-klawżoli kuntrattwali inġusti lill-imħallfin tal-qorti provinċjali, li jkollhom esperjenza professjonali ikbar, u li b’hekk jiżgura prassi uniformi kif ukoll protezzjoni iktar effettiva tad-drittijiet tal-konsumaturi.

59

Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali li skontha qorti lokali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ta’ konsumatur intiż sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba tal-imsemmi konsumatur intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dan l-istess kuntratt, ħlief jekk jirriżulta li l-astensjoni tal-qorti nazzjonali toħloq xi inkonvenjenzi proċedurali ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali li skontha qorti lokali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ta’ konsumatur intiż sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba tal-imsemmi konsumatur intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jinsabu f’dan l-istess kuntratt, ħlief jekk jirriżulta li l-astensjoni tal-qorti nazzjonali toħloq xi inkonvenjenzi proċedurali ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.