KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-23 ta’ Diċembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑196/15

Granarolo SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d’appell de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza)]

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 — Terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni kummerċjali — Natura kuntrattwali jew delittwali ta’ talba għad-danni f’dan ir-rigward”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kawża ineżami tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra sabiex tiddistingwi bejn id-diversi tipi ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ) fir-rigward tat-tressiq ta’ talbiet kuntrattwali u delittwali.

2.

B’mod speċifiku, din il-kawża tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk il-ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt hijiex rilevanti meta talba għad-danni tkun ibbażata biss fuq it-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni kummerċjali.

II – Il-qafas ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.

(a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

[…]

3.

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

B – Id-dritt nazzjonali

4.

L-Artikolu L. 442-6 tal-Kodiċi kummerċjali Franċiż (Code de commerce) jipprovdi:

“[...] kull produttur, negozjant, fabbrikant jew kull persuna rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċjanti għandha tinżamm responsabbli u għandha tkun responsabbli għad-danni meta

[…]

5.

ittemm f’daqqa, anki jekk parzjalment, relazzjoni kummerċjali stabbilita, mingħajr avviż bil-miktub minn qabel fid-dawl tat-tul tar-relazzjoni kummerċjali u b’osservanza tat-tul minimu ta’ avviż minn qabel speċifikat, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali, minn ftehimiet interprofessjonali. [...] Fl-assenza ta’ tali ftehimiet, digrieti adottati mill-ministru responsabbli għall-ekonomija jistgħu, għal kull kategorija ta’ prodotti, jistabbilixxu, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali, terminu minimu ta’ avviż minn qabel u jistgħu jistabbilixxu qafas ta’ kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu tterminati r-relazzjonijiet kummerċjali, b’mod partikolari fid-dawl tat-tul tagħhom. Id-dispożizzjonijiet imsemmija huma bla ħsara għall-possibbiltà ta’ rexissjoni mingħajr avviż minn qabel fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-parti l-oħra tal-obbligi tagħha jew fil-każ ta’ forza maġġuri. […]”

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5.

Għal 25 sena, kumpannija Franċiża kienet tikkummerċjalizza prodotti tal-ikel fi Franza bħala distributur għal kumpannija Taljana. Din ir-relazzjoni dewwiema ma kienet ibbażata fuq l-ebda kuntratt qafas u b’mod partikolari lanqas ma kienet ibbażata fuq klawżola ta’ esklużività.

6.

Fl-10 ta’ Diċembru 2012, il-kumpannija Taljana informat lill-kumpannija Franċiża li kienet ser ittemm din ir-relazzjoni kummerċjali fl-1 ta’ Jannar 2013.

7.

Għalhekk, il-kumpannija Franċiża ppreżentat rikors kontra l-kumpannija Taljana quddiem it-Tribunal de commerce de Marseille (Qorti kummerċjali ta’ Marseille) fejn talbet kumpens għad-danni minħabba t-terminazzjoni f’daqqa tar-relazzjoni kummerċjali. Hija bbażat ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu L. 442-6 tal-Kodiċi kummerċjali. Peress li kienet tal-fehma li r-rikors kien jikkonċerna kwistjoni mhux kummerċjali, it-Tribunal de commerce (Qorti kummerċjali) ikkonfermat li kellha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

8.

Il-kumpannija Taljana appellat kontra l-ġurisdizzjoni tal-qorti Franċiża.

9.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi), li quddiemha ġie ppreżentat l-appell, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

1.

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001], għandu jinftiehem fis-sens li taqa’ fil-materji ta’ delitt l-azzjoni għad-danni għal ksur ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti li jikkonsistu fil-provvista ta’ merkanzija matul diversi snin lil distributur mingħajr kuntratt qafas u lanqas esklużività?

2.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli għad-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda?

IV – Analiżi legali

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

10.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta’ talba għad-danni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tapplikax il-ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

11.

Fis-sena 2014, fil-kawża Brogsitter ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-linja ta’ distinzjoni bejn ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt u f’materji kuntrattwali.

1. Is-sentenza Brogsitter

12.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Brogsitter, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni ta’ jekk rikorsi għal responsabbiltà ċivili, li skont id-dritt nazzjonali għandhom in-natura ta’ delitti, kinux jikkonċernaw xorta waħda “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 fid-dawl tal-fatt li kien hemm kuntratt bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali ( 4 ).

13.

Għall-finijiet tad-distinzjoni bejn ġurisdizzjoni delittwali u kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kienet deċiżiva l-kwistjoni ta’ jekk “l-interpretazzjoni [ta’] kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent [hijiex] indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent” ( 5 ). F’dan il-kuntest, tali interpretazzjoni tal-kuntratt tkun indispensabbli meta “l-azzjonijiet [ikollhom] bħala suġġett talba għal kumpens li l-kawża tagħha tista’ raġonevolment titqies li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali, liema fatt ikun irid jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kawża” ( 6 ).

14.

Fil-każ li tkun meħtieġa l-interpretazzjoni ta’ kuntratt, tapplika l-ġurisdizzjoni kuntrattwali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5. Fil-każ kuntrarju, tapplika l-ġurisdizzjoni delittwali fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

2. Applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Brogsitter għall-kawża ineżami

15.

Fil-kawża ineżami tqum problema li kienet tqajmet fil-kawża li wasslet għas-sentenza Brogsitter.

16.

F’din il-kawża l-qorti tar-rinviju hija wkoll tal-fehma li, skont id-dritt nazzjonali ( 7 ), it-talba għad-danni mressqa quddiemha għandha tiġi kklassifikata bħala ta’ natura delittwali.

17.

Madankollu, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza Brogsitter, fil-kawża ineżami ma hemmx il-bżonn indispensabbli li jiġi interpretat kuntratt bejn il-partijiet li fuqu tista’ tkun ibbażata l-ġurisdizzjoni kuntrattwali.

18.

It-talba għad-danni hija marbuta mat-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni kummerċjali eżistenti li matulha kienu saru diversi kunsinni ta’ merkanzija lill-kumpannija Franċiża. Madankollu, ma jeżisti l-ebda kuntratt qafas li jirregola b’mod ġenerali r-relazzjoni bejn il-partijiet. Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni deċiżiva ta’ jekk ingħatax terminu raġonevoli għat-terminazzjoni tar-relazzjoni kummerċjali, din il-kwistjoni ma tiddependix minn evalwazzjoni ta’ dak li ġie miftiehem mill-partijiet ( 8 ).

19.

Fid-dawl b’mod partikolari tan-natura tagħha, it-talba għad-danni hija distinta minn avvenimenti kuntrattwali. Il-bażi ta’ din it-talba għal danni ma tinsabx f’arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet iżda f’dispożizzjoni legali li, fl-interess ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbli, tikkundanna t-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali u f’tali każijiet tipprovdi għal kumpens għad-danni għall-partijiet li kienu f’tali relazzjoni kummerċjali.

20.

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża ineżami hija f’ċertu sens l-oppost ta’ dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Brogsitter: dik il-kawża kienet tikkonċerna talba għad-danni li kellha l-bażi tagħha fuq ksur ta’ kuntratt eżistenti. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami t-talba għad-danni ma hijiex ibbażata fuq kuntratti eżistenti iżda pjuttost fuq l-assenza tal-possibbiltà li jiġu konklużi iktar kuntratti minħabba t-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni kummerċjali. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex dwar ksur ta’ kuntratt iżda dwar ir-rifjut tal-partijiet li qabel kienu f’relazzjoni kummerċjali li jikkonkludu kuntratt. Għaldaqstant, ma hemmx raġunijiet kuntrattwali li jservu bħala “bażi” għat-talba għad-danni.

21.

B’mod ipotetiku, jista’ jkun hemm raġunijiet kummerċjali fil-każ li l-parti li tkun temmet ir-relazzjoni kummerċjali toġġezzjona għal xi ksur preċedenti tal-kuntratt min-naħa tal-kreditur fir-relazzjoni kummerċjali, sabiex tiġġustifika t-terminazzjoni tar-relazzjoni kummerċjali u sabiex tirribatti għall-obbligu tagħha li tħallas kumpens. Tali oġġezzjoni – anki jekk jitqies li tqajmet tali oġġezzjoni, quad non – ma tibdilx in-natura tat-talba għad-danni u ma tibdilhiex f’talba għad-danni bbażata fuq kuntratt.

22.

Għaldaqstant, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” ma humiex is-suġġett tal-kawża ineżami u għalhekk il-ġurisdizzjoni kuntrattwali prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tistax tkun rilevanti hawnhekk.

23.

Fid-dawl tan-natura tagħha stess, talba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali iktar għandha tiġi kklassifikata bħala ta’ natura delittwali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet fil-każ ta’ talbiet ibbażati fuq terminazzjoni kolpevoli ta’ negozjati intiżi sabiex jiġi konkluż kuntratt ( 9 ). Dawn it-talbiet huma paragunabbli mat-talba inkwistjoni fil-kawża ineżami sa fejn f’din il-kawża lanqas “ma hemm obbligi assunti b’mod volontarju u reċiproku mill-partijiet” ( 10 ) u sa fejn it-talba hija bbażata fuq l-allegazzjoni ta’ aġir żleali min-naħa ta’ sieħeb fin-negozju ( 11 ).

24.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li rikors għad-danni bbażat fuq terminazzjoni ta’ relazzjoni kummerċjali eżistenti mingħajr kuntratt qafas u mingħajr klawżola ta’ esklużività jikkonċerna tort, delitt jew kważi delitt u għalhekk jaqa’ taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

B – Fuq it-tieni domanda preliminari

25.

Peress li l-ewwel domanda preliminari ma ngħatatx risposta fin-negattiv, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li ma tiġix irrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni delittwali – li ma kienx il-każ – il-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li huwa s-suġġett tat-tilwima.

26.

Għal finijiet ta’ kompletezza, għandha tiġi indirizzata fil-qosor it-tieni domanda u għandha tinġibed l-attenzjoni għas-sentenza Corman-Collins ( 12 ) tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn kienet tqajmet il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjoni prevista fil-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 kinitx applikabbli għal talba għad-danni mressqa minn distributur fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ kuntratt orali ta’ distribuzzjoni ( 13 ).

27.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kuntratt ta’ konċessjoni, “ikkaratterizzat minn ftehim qafas li għandu bħala suġġett teħid ta’ impenn ta’ provvista u ta’ kunsinna konkluż għall-futur minn żewġ operaturi ekonomiċi, li jinkludi dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi fir-rigward tad-distribuzzjoni mill-konċessjonarju tal-oġġetti mibjugħa mill-konċedent” ( 14 ), kellu jitqies bħala kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi [fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5]. Madankollu, fil-każ ta’ “relazzjoni kummerċjali durabbli bejn żewġ operaturi ekonomiċi, meta din ir-relazzjoni hija limitata għal numru ta’ ftehim suċċessivi li kull wieħed minnhom għandhom bħala suġġett il-kunsinna u l-ġbir ta’ oġġetti”, jista’ jkun applikabbli l-ewwel inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 ( 15 ).

27.

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati għall-kawża ineżami minħabba li ma hemm ebda kuntratt qafas bejn il-partijiet. Barra minn hekk, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax “bejgħ ta’ oġġetti” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 iżda tikkonċerna pjuttost it-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni kummerċjali, mingħajr ma huwa involut il-kontenut kuntrattwali konkret ta’ din ir-relazzjoni. 28. Għaldaqstant, il-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax ikun rilevanti.

V – Konklużjoni

29.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

Rikors għad-danni bbażat fuq terminazzjoni ta’ relazzjoni kummerċjali eżistenti mingħajr kuntratt qafas u mingħajr klawżola ta’ esklużività jikkonċerna tort, delitt jew kważi delitt u għalhekk jaqa’ taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 3 ) Sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148).

( 4 ) Sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 16).

( 5 ) Sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 25).

( 6 ) Sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 26).

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju ma tidħolx f’iktar dettall dwar il-problema marbuta mal-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-dritt Franċiż. Madankollu, dan ma huwiex evidenti iżda bħala prinċipju jkollu jiġi ddeterminat b’riferiment għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ dritt jew għal normi imperattivi, li dwarhom ma saritx domanda mill-qorti tar-rinviju u li fir-rigward tagħhom ma hemmx informazzjoni suffiċjenti fid-digriet tar-rinviju li tippermetti diskussjoni dwarhom.

( 8 ) Kif isostni l-Gvern Franċiż fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-qorti suprema, fir-rigward tal-bażi invokata għat-talba għad-danni huwa irrilevanti jekk kienx diġà ġie konkluż kuntratt jew jekk ir-relazzjoni kummerċjali kinitx għadha fi stadju preċedenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt.

( 9 ) Sentenza Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499).

( 10 ) Sentenza Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 27); f’dan ir-rigward ara wkoll is-sentenza Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39).

( 11 ) Sentenza Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 27).

( 12 ) Sentenza Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860).

( 13 ) Sentenza Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, Rn. 14): Hawnhekk tinsab id-differenza prinċipali fil-konfront tal-kawża ineżami, fejn, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda kuntratt qafas.

( 14 ) Sentenza Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 36).

( 15 ) Sentenza Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punti 3536).