SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol — Tkeċċija diskriminatorja — Artikolu 18 — Kumpens jew riparazzjoni għad-dannu sostnut effettivament — Natura dissważiva — Artikolu 25 — Sanzjonijiet — Danni punittivi”

Fil-Kawża C‑407/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 1 de Córdoba (qorti tax-xogħol nru 1 ta’ Cordoba, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

María Auxiliadora Arjona Camacho

vs

Securitas Seguridad España SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. A. Arjona Camacho, minn R. Alcaide Aranda, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón u A. Rubio González Alejandro, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn A. Bates, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u E. Adsera Ribera, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. A. Arjona Camacho u Securitas Seguridad España SA (iktar ’il quddiem “Securitas Seguridad España”) dwar l-għoti ta’ danni punittivi lil M. A. Arjona Camacho wara t-tkeċċija tagħha li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 76/207/KEE

3

Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187) kien jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jenħtieġu biex il-persuni kollha li jqisu li sarilhom xi tort bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 3, 4 u 5, ikunu jistgħu ikomplu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċedura ġudizzjarja wara li jkunu possibilment irrikorrew għand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra.”

4

Id-Direttiva 76/207 ġiet emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255). Skont il-premessa 18 tad-Direttiva 2002/73:

5

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 ġie emendat kif ġej mid-Direttiva 2002/73:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jqisuh approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-applikazzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw irwieħhom offiżi minħabba ommissjoni ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għalihom, ukoll wara li l-assoċjazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni tkun allegata li tkun ġrat tkun intemmet.

2.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri kif huma neċessarji biex jiżguraw kumpens jew riparazzjoni effettiva hekk kif l-Istati Membri jiddeċiedu għat-telf u d-dannu mġarrba minn persuna offiża bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 3, b’mod illi huwa diswassiv u proporzjonat għad-danni mġarrba; dan il-kumpens jew riparazzjoni ma jistgħux jiġu ristretti bl-iffissar ta’ limitu superjuri minn qabel, ħlief f’każijiet meta min jimpjega jista’ jipprova li l-uniku dannu soffert minn applikant bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva huwa r-rifjut li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall-impjieg.

[...]”

6

Barra minn hekk, id-Direttiva 2002/73 żiedet mad-Direttiva 76/207 l-Artikolu 8d, ifformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw li huma applikati.

Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittima, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005 u għandhom jinnotifikawha minnufih b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

7

Skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2006/54, din ħassret id-Direttiva 76/207 b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009.

Id-Direttiva 2006/54

8

Skont il-premessi 1, 33 u 35 tad-Direttiva 2006/54:

“(1)

Id-Direttiva [76/207] u d-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali [għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta’ sigurtà soċjali] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 327] ġew emendati b’mod sinifikanti. [...] Issa li qed isiru emendi ġodda għad-Direttivi msemmija, ikun tajjeb, għal raġunijiet ta’ ċarezza li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandhom jitfasslu mill-ġdid billi jinġabru flimkien f’test wieħed id-dispożizzjonijiet ewlenin eżistenti f’dan il-qasam kif ukoll ċerti żviluppi li joħorġu mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja [...]

[...]

(33)

Kien deċiż b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex ikun effettiv, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika li, il-kumpens mogħti għal kwalunkwe ksur irid ikun adegwat skond il-ħsara mġarrba. Huwa għalhekk xieraq li jiġi eskluż l-iffissar ta’ xi limitu minn qabel għal tali kumpens, ħlief meta min iħaddem jista jipprova li l-unika ħsara li l-applikant ġarrab bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva tkun ir-rifjut li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni għax-xogħol tiegħu.

[...]

(35)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[...]

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

[...]

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

10

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[...]

(ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu [157 TFUE]”.

11

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Kumpens jew riparazzjoni” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jassiguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi, kif jistabbilixxu l-Istati Membri, għat-telf u l-ħsara mġarrba minn persuna bħala riżultat ta’diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għall-ħsara mġarrba. Tali kumpens jew riparazzjoni ma jistgħux ikunu ristretti bl-iffissar ta’ limitu ogħla minn qabel, ħlief meta min iħaddem jista’ jipprova li l-unika ħsara li l-applikant ġarrab bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva tkun ir-rifjut li tkun ikkunsidrata l-applikazzjoni għax xogħol tiegħu/tagħha.”

12

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Penali [Sanzjonijiet]”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu l-paga [l-ħlas] ta’ kumpens lill-vittma, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien għal kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.”

13

L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet minimi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħarsien tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Spanjol

14

L-Artikolu 10 tal-Liġi Organika Nru 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (Ley orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611), intitolat “Konsegwenzi ġuridiċi tal-aġir diskriminatorju”, jipprovdi:

“L-atti u l-klawżoli kuntrattwali li jikkostitwixxu jew iwasslu għad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess huma kkunsidrati bħala nulli u mingħajr effett, u joħolqu r-responsabbiltà [tal-awtur tagħhom] permezz ta’ sistema ta’ riparazzjonijiet jew kumpensi reali, effettivi u proporzjonati fir-rigward tad-dannu mġarrab, kif ukoll, jekk ikun il-każ, minn sistema effikaċi u dissważiva ta’ sanzjonijiet li jipprevjenu l-implementazzjoni ta’ aġir diskriminatorju.”

15

L-Artikolu 183 tal-Liġi Nru 36/2011 dwar ir-regolamentazzjoni tal-ġurisdizzjoni soċjali (Ley 36/2011, reguladora de la jurisdicción social), tal-10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245, tal-11 ta’ Ottubru 2011, p. 106584), intitolat “Kumpens”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Meta s-sentenza tiddikjara l-eżistenza ta’ ksur, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ danni dovuti, jekk ikun il-każ, lir-rikorrenti li tkun ġarrbet id-diskriminazzjoni jew xi ksur ieħor tad-drittijiet fundamentali tagħha u tal-libertajiet pubbliċi tagħha, kemm għad-dannu morali marbut mal-ksur tad-dritt fundamentali kif ukoll għad-dannu addizzjonali li jirriżulta.

2.   Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ danni, u għandha tiddeterminahom b’mod prudenzjali meta jidher li jkun wisq diffiċli jew oneruż biex jiġi stabbilit l-ammont eżatt, sabiex il-vittma tingħata kumpens suffiċjenti u sabiex hija tiġi stabbilita mill-ġdid, sa fejn ikun possibbli, fis-sitwazzjoni li kienet fiha qabel il-ksur, kif ukoll biex isir kontribut għall-għan tal-prevenzjoni tad-dannu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Fl-1 ta’ Lulju 2012, M. A. Arjona Camacho ġiet irreklutata minn Securitas Seguridad España, bħala aġent tas-sigurtà, sabiex taħdem full-time fi ħdan stabbiliment penitenzjarju għall-minuri f’Cordoba (Spanja). Hija tkeċċiet fl-24 ta’ April 2014.

17

Peress li kienet topponi t-tkeċċija tagħha, fis-6 ta’ Mejju 2014 M. A. Arjona Camacho ressqet talba għal konċiljazzjoni mal-persuna li timpjegaha quddiem iċ-ċentru ta’ meditazzjoni, ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni ta’ Cordoba. Il-konċiljazzjoni ma kinitx ta’ suċċess.

18

Fis-26 ta’ Mejju 2014, M. A. Arjona Camacho ipreżentat quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Córdoba (qorti tax-xogħol nru 1 ta’ Cordoba) rikors ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija tagħha, billi sostniet li din kellha tiġi ddikjarata nulla.

19

F’dan ir-rigward, M. A. Arjona Camacho ssostni, prinċipalment, li t-tkeċċija tagħha kienet tikkostitwixxi, b’mod partikolari, diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija talbet l-għoti ta’ danni ta’ EUR 6000 għad-dannu sostnut.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija tippreżupponi li t-tkeċċija ta’ M. A. Arjona Camacho tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u li s-sentenza li hija se tagħti b’riżultat tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja se tesponi l-mezzi ta’ prova li fuqhom tkun ibbażata dik il-konstatazzjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju żżid li s-sentenza li ser tagħti se tkun tippreċiża wkoll ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li s-somma ta’ EUR 3000 bħala danni hija biżżejjed għar-riparazzjoni totali tad-dannu sostnut minn M. A. Arjona Camacho mit-tkeċċija tagħha bbażata fuq is-sess.

22

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54, li jgħid li d-dannu għandha ssir riparazzjoni tiegħu jew għandu jingħata kumpens b’mod dissważiv, hija għandhiex tagħti lil M. A. Arjona Camacho danni li jmorru lil hinn mill-kumpens sħiħ tad-dannu li hija sostniet, fil-forma ta’ danni punittivi, sabiex iservi ta’ eżempju għall-persuna li kienet timpjegaha kif ukoll għal oħrajn.

23

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kunċett ta’ “danni punittivi” ma jeżistix fid-dritt Spanjol.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 1 de Córdoba (qorti tax-xogħol nru 1 ta’ Cordoba) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex id-dannu sostnut minn persuna leża minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess issir riparazzjoni effettiva tiegħu jew jingħata kumpens għalih b’mod dissważiv, din il-persuna għandhiex tingħata, minbarra d-danni bħala kumpens, danni punittivi.

26

Skont l-imsemmi Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jintroduċu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jiżguraw li d-dannu sostnut minn persuna leża minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess issir riparazzjoni effettiva tiegħu jew jingħata kumpens effettiv skont il-modalitajiet stabbiliti minnhom, b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għad-dannu sostnut. Tali kumpens jew riparazzjoni ma jistgħux ikunu ristretti bl-iffissar ta’ limitu massimu minn qabel, ħlief fil-każ ta’ rifjut li tiġi kkunsidrata applikazzjoni għax-xogħol.

27

L-imsemmija dispożizzjoni tirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/207, kif emendata mid-Direttiva 2002/73.

28

Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 2002/73, din emendat l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 bl-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, is-sentenzi Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335) kif ukoll Draehmpaehl (C‑180/95, EU:C:1997:208).

29

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, li tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva 2006/54, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji li jippermettu lil kull persuna li tħossha leża minn diskriminazzjoni kuntrarja għall-imsemmija direttiva sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha permezz ta’ proċedura ġudizzjarja. Obbligu bħal dan jimplika li l-miżuri inkwistjoni jkunu suffiċjentement effikaċi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 76/207 u li dawn ikunu jistgħu jiġu invokati b’mod effettiv quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati (ara s-sentenzi Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 22, u Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 43).

30

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi Artikolu 6 ma jimponix fuq l-Istati Membri miżura speċifika fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħalli lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu minn fost is-soluzzjonijiet differenti xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 76/207, abbażi tas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jseħħu (ara s-sentenzi von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 18; Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 23, kif ukoll Paquay,C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 44).

31

Madankollu, il-miżuri xierqa sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet effettiva għandhom jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi u għandhom ikollhom, fir-rigward tal-persuna li timpjega, effett dissważiv reali (ara s-sentenzi von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 2324; Draehmpaehl, C‑180/95, EU:C:1997:208, punt 25, kif ukoll Paquay,C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 45).

32

Ħtiġijiet bħal dawn neċessarjament jinvolvu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi proprji għal kull każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Issa, fil-każ ta’ tkeċċija diskriminatorja, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ ugwaljanza ma tistax jitwettaq fin-nuqqas ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna diskriminata, jew, b’mod alternattiv, ta’ kumpens pekunjarju tad-dannu sostnut (sentenza Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 25).

33

Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-riparazzjoni pekunjarja tkun il-miżura magħżula sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza ta’ opportunitajiet effettiva, din għandha tkun adegwata fis-sens li hija għandha tippermetti li d-danni effettivament subiti minħabba t-tkeċċija diskriminatorja jiġu kkumpensati totalment, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli (ara s-sentenzi Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26, u Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 46).

34

Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, fil-verżjoni oriġinali tagħha kif ukoll fil-verżjoni emendata tagħha, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 29 sa 33 tas-sentenza preżenti, jirriżulta li l-effett dissważiv reali mfittex mill-imsemmi Artikolu 6 ma kienx jinvolvi l-għoti, lill-persuna leża minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ta’ danni punittivi, liema danni jmorru lil hinn mir-riparazzjoni totali tad-danni effettivament sostnuti u jikkostitwixxu miżura ta’ sanzjoni.

35

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata min-natura alternattiva, fil-każ ta’ tkeċċija diskriminatorja, tar-riparazzjoni tad-dannu mogħti fil-forma pekunjarja, kif dan huwa indikat fil-punt 32 tas-sentenza preżenti.

36

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma kien hemm ebda bidla sostanzjali fid-dritt tal-Unjoni sabiex l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 jingħata, f’dan ir-rigward, interpretazzjoni differenti minn dik tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207.

37

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, l-istess bħall-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207 u sabiex id-dannu sostnut minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess issir riparazzjoni effettiva tiegħu jew jingħata kumpens effettiv b’mod dissważiv u proporzjonat, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 jimponi fuq l-Istati Membri li jagħżlu l-forma pekunjarja l-obbligu li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom jintroduċu miżuri li jipprevedu l-ħlas, lill-persuna leża, ta’ danni li jkopru b’mod totali d-dannu sostnut, skont il-modalitajiet li huma jistabbilixxu, iżda ma jipprevedix il-ħlas ta’ danni punittivi.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’mod konformi ma’ din id-direttiva u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati. Dan l-artikolu jipprevedi wkoll li s-sanzjonijiet, li “jistgħu jinkludu l-paga [l-ħlas] ta’ kumpens lill-vittma”, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

39

Konsegwentement, filwaqt li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 huwa intiż li jimponi l-kumpens jew ir-riparazzjoni tad-dannu sostnut mill-persuna leża, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jadottaw miżuri intiżi li jissanzjonaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-forma ta’ kumpensi mogħtija lill-vittma.

40

Għaldaqstant, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54 jippermetti, iżda ma jimponix, lill-Istati Membri li jadottaw miżuri li jipprevedu l-ħlas ta’ danni punittivi lill-vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

41

Fl-istess sens, l-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti fl-imsemmija direttiva.

42

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “danni punittivi” ma jeżistix fid-dritt Spanjol.

43

F’dawn il-kundizzjonijiet, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali li jippermettu l-ħlas ta’ danni punittivi lil persuna leża minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54 ma jipprevedix li l-qorti nazzjonali tista’ hija stess tiddeċiedi li tikkundanna lill-awtur ta’ din id-diskriminazzjoni għal tali danni.

44

Wieħed għandu jżid li, jekk wieħed jippreżupponi li Stat Membru jiddeċiedi li jadotta miżuri li jippermettu li jingħataw danni punittivi lill-persuna diskriminata, ikun l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li jkollu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tas-sanzjoni, sa fejn il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu rispettati (ara, b’analoġija, is-sentenzi Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 92; Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punti 25 sa 27, kif ukoll Hirmann,C‑174/12, EU:C:2013:856, punt 40).

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex id-dannu sostnut minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess issir riparazzjoni effettiva tiegħu jew jingħata kumpens effettiv b’mod dissważiv u proporzjonat, dan l-artikolu jimponi fuq l-Istati Membri li jagħżlu l-forma pekunjarja l-obbligu li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom jintroduċu, skont il-modalitajiet li huma jistabbilixxu, miżuri li jipprevedu l-ħlas, lill-persuna leża, ta’ danni li jkopru b’mod totali d-dannu sostnut.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex id-dannu sostnut minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess issir riparazzjoni effettiva tiegħu jew jingħata kumpens effettiv b’mod dissważiv u proporzjonat, dan l-artikolu jimponi fuq l-Istati Membri li jagħżlu l-forma pekunjarja l-obbligu li fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom jintroduċu, skont il-modalitajiet li huma jistabbilixxu, miżuri li jipprevedu l-ħlas, lill-persuna leża, ta’ danni li jkopru b’mod totali d-dannu sostnut.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.