SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Appell — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna r-rimbors ta’ għajnuna finanzjarja — Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Distinzjoni bejn l-interessi moratorji u l-interessi kumpensatorji — Kalkolu ta’ interessi”

Fil-Kawża C‑336/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac, G. Wilms u G. Zavvos, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH, stabbilita fi München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Pitschas, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea IPK International vs Il-Kummissjoni (T‑671/11, EU:T:2013:163, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 [ENTR/R1/HHO/lsa – entre.r.l(2011)1183091] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn tillimita l-ammont tal-interessi li għandu jitħallas lil IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH (iktar ’il quddiem “IPK”) għal EUR 158 618.27.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Din il-kawża tagħmel parti minn serje ta’ kawżi bejn il-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja mis-sena 1994. Dawn il-kawżi jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwissu 1992 li tagħti għajnuna finanzjarja lil IPK. Kważi tlettax-il sena wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha fuq irregolaritajiet proċedurali, annullat, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2005, l-għoti ta’ din l-għajnuna finanzjarja. Sussegwentement, din l-istituzzjoni ħarġet, fl-4 ta’ Diċembru 2006, ordni ta’ rkupru li permezz tiegħu IPK irrimborżat, fil-15 ta’ Mejju 2007, is-somma ta’ EUR 318 000, flimkien ma’ interessi moratorji.

3

Permezz tas-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (T‑297/05, EU:T:2011:185), il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2005. Hija qieset li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat l-eżistenza ta’ irregolaritajiet proċedurali li, fil-prinċipju, iġġustifikaw, l-annullament tal-imsemmija għajnuna finanzjarja. Madankollu, l-imsemmija deċiżjoni kellha tiġi annullata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

4

Konsegwentement, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, IPK talbet lill-Kummissjoni tirrimborsa s-somom imħallsa. L-ammont inkwistjoni kien diviż fi tliet partijiet, jiġifieri l-ewwel parti ta’ EUR 212 000 mhux imħallsa lil IPK, jiġifieri 40 % mill-għajnuna finanzjarja mogħtija lil IPK fl-1992, it-tieni parti ta’ EUR 318 000, li fil-frattemp kienu rrimborsati minn IPK, jiġifieri 60 % tal-imsemmija għajnuna finanzjarja, kif ukoll it-tielet parti ta’ EUR 31 961.63, li tikkorrispondi għall-interessi moratorji li IPK kienet ħallset lill-Kummissjoni flimkien mar-rimbors tat-tieni parti. IPK talbet ukoll il-ħlas tal-interessi moratorji mill-1 ta’ Jannar 1994 rigward l-ewwel parti, u mit-18 ta’ Mejju 2007, jiġifieri l-ġurnata wara d-data li fiha IPK bdiet tirrimborsa s-somom diġà mħallsa flimkien ma’ interessi moratorji, rigward it-tieni parti.

5

Fl-14 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata u nnotifikatha lil IPK, li fiha hija semmiet l-ammont totali li għandu jitħallas lil IPK, li jinkludi interessi kklassifikati bħala “kumpensatorji”. Dawn l-interessi, f’ammont ta’ EUR 158 618.27, ġew ikkalkolati skont ir-rati ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME), il-predeċessur tal-BĊE, għall-operazzjonijiet prinċipali tal-finanzjament mill-ġdid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-rigward tal-ammonti ta’ EUR 318 000 u ta’ EUR 31 961 63, kien ikkalkolat dawn l-interessi mit-18 ta’ Mejju 2007 u, fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 212 000 mill-1 ta’ Jannar 1994, u li l-interessi kollha kienu ġew ikkalkolati sal-31 ta’ Ottubru 2011.

6

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2011, IPK ikkontestat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u talbet li tiġi informata, b’mod partikolari, bil-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll bil-ġustifikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-interessi inkwistjoni bħala “kumpensatorji” u mhux bħala “moratorji”.

7

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreċiżat b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 266 TFUE. Barra minn hekk, hija sostniet li ma kinitx marbuta tħallas interessi moratorji, iżda hija ddeduċiet mill-ġurisprudenza li hija kellha obbligu li tħallas interessi kumpensatorji skont sentenza ta’ annullament.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2011, IPK ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-ammont tal-interessi li ġie allokat lilha jammonta biss sa EUR 158 618.27. Hija tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE u intiż sabiex tikkontesta l-kalkolu tal-interessi mwettqa mill-Kummissjoni.

9

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ IPK.

10

Mill-punt 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, skont IPK, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-obbligu tagħha li tħallas, lil din il-kumpannija, interessi, mill-1 ta’ Jannar 1994 għall-ewwel parti u mit-18 ta’ Mejju 2007 għaż-żewġ partijiet l-oħra. IPK għalhekk ippreċiżat li l-obbligu tal-Kummissjoni ma humiex is-suġġett ta’ din it-tilwima inkwistjoni, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata saret definittiva. Skont IPK, dawn l-obbligi ta’ ħlas tal-Kummissjoni ma huwiex is-suġġett tat-tilwima inkwistjoni, b’tali mod li, u sa fejn, id-deċiżjoni kkontestata kienet saret definittiva. Fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kellha tagħti lil IPK ammont ta’ EUR 158 618.27 bħala interessi kumpensatorji.

11

Fil-punt 34 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali tqis li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, minn naħa, IPK hija kreditur in mala fide u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185), aġir żbaljat ta’ din il-kumpannija IPK, ma setax iqiegħed f’dubju l-eżistenza tad-dejn prinċipali u lanqas il-fatt li l-Kummissjoni għandha tħallas interessi.

12

Fil-punt 36 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-interessi inkwistjoni, irrispettivament mid-denominazzjoni preċiża tagħhom, għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ interessi tal-BĊE għall-operazzjoni prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid billi din ir-rata tiġi miżjuda b’żewġ punti. Hija ppreċiżat li din iż-żieda b’rata fissa kienet intiża li tipprevjeni l-arrikiment indebitu, qabel jiġi dedott minn dan, fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni kienet naqset, żbaljatament, milli żżid ir-rati ta’ interessi kumpensatorji.

13

Fir-rigward tal-interessi moratorji, fil-punt 41 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali fakkret li “l-ġurisprudenza stabbilita [...] rrikonoxxiet l-obbligu inkundizzjonat tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji, b’mod partikolari, fil-każ li hija tkun impenjat ruħha għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għall-perijodu wara l-għoti tas-sentenza li tkun ikkonstatat din ir-responsabbiltà [...], kif ukoll fil-każ ta’ [rkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament] wara sentenza ta’ annullament”. Sussegwentement, hija kkonstatat li l-Kummissjoni ammettiet, waqt il-fażi orali tal-proċedura, li hija debitriċi tal-interessi moratorji dovuti mid-data tal-għoti tas-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185), qabel ikkonkludiet li l-Kummissjoni kienet obbligata tħallas, flimkien mal-ammont prinċipali dovut l-interessi moratorji, li, f’dan il-każ, minħabba l-qbil komuni bejn il-partijiet fuq dan il-punt, għandhom jingħaddu mill-15 ta’ April 2011, u dan indipendentement mill-fatt li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi l-unika bażi legali tad-dejn prinċipali inkwistjoni.

14

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, li “l-Kummissjoni kienet ukoll obbligata tikkalkola dawn l-interessi moratorji abbażi tal-ammont prinċipali dovut, flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti preċedentement”.

It-talbiet tal-partijiet quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja

15

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn IPK, u

tikkundanna lil din il-kumpannija għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

16

IPK titlob li l-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud u li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

17

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka sitt aggravji, ibbażati, fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija vvizzjata, fl-ewwel lok, minn żball ta’ liġi li jirriżulta min-nuqqas li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tirrigwarda l-interessi kumpensatorji, fit-tieni lok, minn nuqqas li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar id-distinzjoni bejn l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji, fit-tielet lok, minn żball ta’ liġi li jirrigwarda l-kapitalizzazzjoni tal-interessi kumpensatorji u l-kalkolu tal-interessi moratorji mill-15 ta’ April 2011, fir-raba’ lok, minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali kif ukoll żnaturament tal-fatti, fil-ħames lok, minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u minn kontradizzjoni ta’ motivi, u, fis-sitt u fl-aħħar lok, minn żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-arrikkiment indebitu.

18

L-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravji ttrattaw il-bażi legali tad-dejn inkwistjoni u l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-interessi kumpensatorji. Sa fejn il-kwistjoni tal-interessi dovuti hija strettament marbuta ma’ dik tal-bażi legali tal-obbligu ta’ ħlas li għandha l-Kummissjoni, dawn il-motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

Fuq l-iżball ta ’ liġi li jirrigwarda l-bażi legali tad-dejn u l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-interessi kumpensatorji

L-argumenti tal-partijiet

19

Il-Kummissjoni tinvoka żball ta’ liġi li kien jirriżulta min-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tal-interessi kumpensatorji. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, żviluppata b’mod partikolari fis-sentenza Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑104/89 et C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 214), u dik tal-Qorti Ġenerali, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Agraz et vs Il-Kummissjoni (T‑285/03, EU:T:2008:526, punt 50), li tipprovdi li l-interessi kumpensatorji huma intiżi li jikkumpensaw għall-inflazzjoni kkonstatata fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-kreditur, billi jikkumpensaw għat-telf li jirriżulta mill-inflazzjoni.

20

Barra minn hekk il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħdu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar id-distinzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji. Il-Qorti Ġenerali kellha, fil-fatt, tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet differenti li dawn iż-żewġ tipi ta’ interessi jissodisfaw, billi tiffissa rata iktar għolja għal dak li jikkonċerna l-interessi moratorji. L-għan ta’ dawn l-interessi moratorji huwa li jinkoraġġixxi d-debitur li jħallas id-dejn tiegħu malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li l-interessi huma intiżi li jikkumpensaw għat-telf ta’ valur tal-patrimonju.

21

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ sentenza preċedenti kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti.

22

Il-Kummissjoni ammettiet li rrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata u waqt is-seduta, l-obbligu tagħha li tħallas id-dejn li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ għoti inizjali li “reġgħet tqajmet” mis-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011. Madankollu hija tqis li l-obbligu tagħha ta’ ħlas jirriżulta direttament mill-obbligu li teżegwixxi l-imsemmija sentenza u li, għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tikkostitwixxi “rikonoxximent ta’ dejn”, hija l-uniku bażi legali tal-obbligu li tħallas is-somma prinċipali u l-interessi. Il-Qorti Ġenerali kellha tqis li dan l-obbligu ta’ ħlas kien ibbażat fuq l-Artikolu 266 TFUE.

23

IPK tqis li l-Kummissjoni interpretat ħażin is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma qegħditx inkwistjoni l-fatt li l-interessi kumpensatorji huma intiżi sabiex jirrimedjaw l-inflazzjoni. Barra minn hekk, IPK issostni li l-inflazzjoni ma tikkostitwixxix l-uniku parametru li għandu jintuża għall-kalkolu tal-interessi kumpensatorji. Il-funzjoni tiegħu huwa wkoll li jikkumpensa għal telf ta’ qligħ jew ukoll il-prevenzjoni tal-arrikkiment indebitu.

24

IPK tqis ukoll li l-fatt li l-kalkolu huwa uffiċjalment l-istess għal dak li jikkonċerna ż-żewġ tipi ta’ interessi kkonċernati ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-funzjoni speċifiku ta’ kull wieħed minnhom. Barra minn hekk, hemm differenza materjali fil-kalkolu ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ interessi sa fejn l-interessi kumpensatorji jiġu kkalkolati biss fuq il-bażi tad-dejn prinċipali, filwaqt li l-interessi moratorji jiġu kkalkolati fuq l-imsemmija bażi, flimkien mal-interessi kumpensatorji li ddekorrew mid-data li tingħata s-sentenza.

25

Fl-aħħar nett, IPK tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 266 TFUE. Hija tqis, madankollu, li dan l-iżball ta’ liġi ma għandux effett fuq il-kalkolu tal-interessi inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Fil-punti 34 u 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi l-uniku bażi legali tad-dejn prinċipali inkwistjoni.

27

Madankollu għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 jipprovdi li jekk l-azzjoni tkun fondata, id-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi ddikjarata bħala nulla.

28

F’dan il-każ, is-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2005 issemmi fil-punt 2 ta’ din is-sentenza, kellha l-effett li tqajjem mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna finanzjarja kkontestata tal-4 ta’ Awwissu 1992.

29

Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tiddikjara dan l-att null. Dan iwassal, b’mod partikolari, għall-ħlas ta’ somma dovuti u għall-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament kif ukoll il-ħlas ta’ interessi moratorji.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ħlas ta’ interessi moratorji jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn hija intiża li tikkumpensa b’rata fissa l-konsegwenzi tad-dewmien fil-ħlas tad-dejn u tinkoraġġixxi d-debitur sabiex jeżeġwixxi, malajr kemm jista’ jkun, is-sentenza ta’ annullament.

31

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas id-dejn prinċipali flimkien mal-interessi ma jirriżultax mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iżda mill-eżekuzzjoni tas-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011 skont l-Artikolu 266 TFUE.

32

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 34 sa 42 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi l-uniku bażi legali tad-dejn inkwistjoni.

33

Madankollu, l-ilmenti mressqa kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 79, u L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 82).

34

F’dan il-każ, il-motivazzjoni fil-paragrafu 34 tas-sentenza kkontestata tikkostitwixxi risposta għall-motiv tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-kreditur huwa in male fide. B’mod partikolari, l-aħħar sentenza ta’ dan il-punt, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi l-uniku bażi legali tad-dejn prinċipali inkwistjoni, hija introdotta bl-espressjoni “barra minn hekk” u tikkonkludi analiżi qasira tas-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011 intiża li turi li l-approċċ tal-Kummissjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din is-sentenza. Din is-sentenza tal-aħħar tippreżenta għalhekk natura superfluwa.

35

Bl-istess mod, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi r-raġunament tagħha dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji minn meta ngħatat is-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011, billi ppreċiżat li, kif imsemmi fil-punt 34 tas-sentenza appellata, din il-konstatazzjoni tapplika irrispettivament mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi l-unika bażi legali tad-dejn prinċipali inkwistjoni.

36

L-aggravju li jirrigwarda, essenzjalment, il-bażi legali tad-dejn inkwistjoni mressaq kontra motivi superfluwi għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

37

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ interessi kumpensatorji ma jaqax taħt il-miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, iżda taħt l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 266, li jirreferi għall-Artikolu 340 TFUE, jiġifieri għall-kontenzjuż tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42). Din il-kategorija ta’ interessi hija intiża, fil-fatt, li tikkumpensa l-mogħdija taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-dannu, irrispettivament minn kull dewmien imputabbli lid-debitur.

38

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet debitriċi ta’ interessi kklassifikati bħala “kumpensatorji”, għalkemm interessi moratorji biss setgħu jingħataw fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011 skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

39

Konsegwentement, l-aggravji li jikkonċernaw, essenzjalment, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-interessi kumpensatorji għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

Fuq l-iżball ta ’ liġi li jirrigwarda l-kapitalizzazzjoni tal-interessi kumpensatorji u l-kalkolu tal-interessi moratorji mill-15 ta ’ April 2011

L-argumenti tal-partijiet

40

Dan it-tielet aggravju jista’ jinqasam f’żewġ partijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, tikkontesta l-obbligu tagħha li tħallas interessi moratorji mill-15 ta’ April 2011.

41

L-appellanti tenfasizza li, fil-prinċipju, l-interessi moratorji jistgħu jintalbu wara intimazzjoni, li hija ssostitwita mid-dispożittiv tal-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ kundanna. Mingħajr din il-kundanna, il-Qorti Ġenerali ma tistax timponi b’mod retroattiv il-ħlas ta’ tali interessi. Il-Kummissjoni tikkontesta għalhekk il-fatt li d-data tal-15 ta’ April 2011 intgħażlet bħala d-data ta’ bidu tad-dekorrenza tal-obbligu li tħallas interessi moratorji, sa fejn tali obbligu ma għandux jirriżulta mis-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011, iżda unikament mid-deċiżjoni kkontestata.

42

Fl-aħħar nett, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-data jikkontradixxi l-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar sostniet li l-obbligu ta’ rimbors ma kienx jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, adottata fl-14 ta’ Ottubru 2011.

43

Permezz tat-tieni parti ta’ dan it-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx timponi kapitalizzazzjoni tal-interessi moratorji, peress li ma kien hemm ebda kundanna espressa għal dak li jirrigwarda l-kapitalizzazzjoni ta’ dawn l-interessi pprovduta fis-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011.

44

IPK tqis li l-uniku għan ta’ din is-sentenza tal-aħħar kien li tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn din is-sentenza ma jeħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tħallas interessi kemm moratorji kif ukoll kumpensatorji. Barra minn hekk, din il-kumpannija tfakkar li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, waqt il-fażi orali quddiem il-Qorti Ġenerali, l-obbligu tagħha li tħallas interessi moratorji mill-15 ta’ April 2011.

45

IPK iżżid li l-interessi moratorji għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ammont tad-dejn prinċipali flimkien mal-interessi kumpensatorji li ddekorrew minn meta ngħatat l-imsemmija sentenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46

Fir-rigward tal-iżball ta’ liġi invokat, li jirrigwarda l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji mill-15 ta’ April 2011, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ammettiet, waqt il-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija debitriċi ta’ interessi moratorji, u dan minn din id-data.

47

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, parti ma tistax, fil-prinċipju, tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dan ikun jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-possibbiltà tistħarreġ il-legalità tas-soluzzjoni li ngħatat mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl ta’ motivi li din tal-aħħar ma eżaminatx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑544/09 P, EU:C:2011:584, punt 63). Minn dan jirriżulta li parti ta’ motiv ppreżentata għall-ewwel darba f’dan il-kuntest għandha titqies bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, C‑205/03 P, EU:C:2006:453, punt 22).

48

Peress li l-parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-obbligu li jitħallsu interessi moratorji mill-15 ta’ April 2011 hija ġdida, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

49

Għal dak li jikkonċerna żball ta’ liġi li jirrigwarda l-kapitalizzazzjoni tal-interessi, mill-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interessi dovuti f’dan każ mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala kumpensatorji.

50

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-interessi ma jikkostitwixxux dannu addizzjonali flimkien mad-dejn prinċipali u jipproduċi huwa stess interessi.

51

Għaldaqstant, il-kapitalizzazzjoni tal-interessi, kif ordnata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appella, inkwantu hija kienet ibbażata fuq in-natura kumpensatorja tal-interessi li saru dovuti preċedentement, hija bbażata fuq żball ta’ liġi.

52

Għaldaqstant l-aggravju tal-Kummissjoni li jirrigwarda l-kapitalizzazzjoni tal-interessi għandu jintlaqa’.

53

Huma minnu li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv jidher fondat fuq motivi ta’ dritt oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere”et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda ċirkustanza speċifika f’dan il-każ, ma tiġġustifika li l-kapitalizzazzjoni tal-interessi tingħata lil IPK.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tielet aggravju bbażata fuq l-iżball ta’ liġi li jirriżulta mill-kapitalizzazzjoni tal-interessi għandha tiġi ddikjarata bħala fondata, u l-kumplament bħal inammissibbli.

Fuq l-insuffiċjenza u n-natura kontradittorja tal-motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

56

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-argumenti tagħha dwar l-ammont tal-interessi, peress li, fuq dan il-punt, hija sempliċement irreferiet għall-ġurisprudenza. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkontradiet lilha nnifisha, minn naħa, meta qieset li l-interessi kumpensatorji huma intiżi sabiex jirrimedjaw l-inflazzjoni u, it-tieni nett, billi jiffissaw l-ammont tal-interessi kumpensatorji allokati b’rata fissa.

57

Għal dak li jikkonċerna l-interessi moratorji, il-Kummissjoni tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li vvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni ta’ motivi billi ħadet bħala bidu ta’ dekorrenza tal-ħlas ta’ dawn l-interessi d-data tal-15 ta’ April 2011, filwaqt li qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi l-uniku bażi legali tal-obbligu ta’ ħlas li għandha l-Kummissjoni.

58

IPK tqis li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata minn ebda kontradizzjoni jew insuffiċjenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Fir-rigward, minn naħa, tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata li tirrigwarda l-kalkolu tal-interessi kumpensatorji, għandu jiġi rrilevat, bħall-Avukat Ġenerali fil-punti 98 u 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti Ġenerali rrispondiet punt b’punt għall-argumenti mqajma quddiemha mill-Kummissjoni.

60

Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni li tirrigwarda l-kalkolu tal-interessi kumpensatorji għandu jiġi miċħuda bħala infondat.

61

Barra minn hekk, mill-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interessi inkwistjoni f’din il-kawża ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala interessi kumpensatorji.

62

Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija, għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-interessi kumpensatorji, ivvizzjata minn kontradizzjoni ta’ motivi għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

63

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kontradizzjoni ta’ motivi li tivvizzja din is-sentenza għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-interessi moratorji, mill-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi l-uniku bażi legali tad-dejn prinċipali inkwistjoni.

64

Madankollu, l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma humiex ta’ natura li jivvalidaw is-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jkun fondat fuq motivi oħra ta’ dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47, kif ukoll Biret u Cie vs Il-Kunsill, C‑94/02 P, EU:C:2003:518, punt 63).

65

Mill-punt 41 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni stess ammettiet, waqt il-proċedura orali quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija debitriċi ta’ interessi moratorji minn meta ngħatat is-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ fehim bejn il-partijiet sabiex tiddeċiedi li l-interessi inkwistjoni kienu dovuti mid-data li ngħatat din is-sentenza.

66

L-argument ibbażat fuq il-kontradizzjoni ta’ motivi li tivvizzja s-sentenza appellata għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-interessi moratorji għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

67

Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq l-iżball ta ’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta ’ arrikkiment indebitu

L-argumenti tal-partijiet

68

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta ż-żieda ta’ żewġ punti tar-rata ta’ interess iffissata mill-BĊE. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball kemm ta’ fatt, sa fejn il-Kummissjoni ma arrikkietx ruħha, kif ukoll ta’ liġi, peress li l-ħlas ta’ interessi kumpensatorji huwa intiż sabiex jevita tifqir tal-kreditur u mhux sabiex jipprevjeni arrikkiment tad-debitur.

69

L-appellanti żżid li l-applikazzjoni ta’ rata fissa għal finanzjament mill-ġdid prinċipali flimkien ma’ żewġ punti tfaqqar l-Unjoni għall-benefiċċju ta’ kreditur in mala fide, li jkun kuntrarju għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ arrikkiment indebitu.

70

Skont IPK, l-għoti ta’ interessi kumpensatorji hija intiża mhux biss sabiex jirrimedja d-deprezzament tal-flus, iżda wkoll sabiex jipprevjeni l-arrikkiment indebitu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Mill-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jwassal għal arrikkiment indebitu min-naħa ta’ IPK.

72

Konsegwentement, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata biss sa fejn tordna li jiġu ffissati l-interessi moratorji dovuti mill-Kummissjoni lil IPK abbażi ta’ ammont prinċipali tad-dejn, flimkien ma’ interessi li saru dovuti preċedentement. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

Fuq ir-rinviju tal-kawża lill-Qorti Ġenerali

74

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

75

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi fuq il-kapitalizzazzjoni tal-interessi mitluba minn IPK.

76

Kif kien irrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, it-talba għal kapitalizzazzjoni tal-interessi dovuti lil IPK ma għandhiex tintlaqa’. L-interessi moratorji dovuti mill-Kummissjoni lil IPK għandhom, konsegwentement, jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ammont prinċipali tad-dejn biss u jiddekorru sal-eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza IPK International vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:185) tal-15 ta’ April 2011.

Fuq l-ispejjeż

77

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

78

F’dan il-każ, peress li l-partijiet parzjalment tilfu, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma’ din l-istanza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea IPK International vs Il-Kummissjoni (T‑671/11, EU:T:2013:163) hija annullata sa fejn tordna li jiġu ffissati l-interessi moratorji dovuti mill-Kummissjoni Ewropea lil IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH fuq il-bażi tal-ammont prinċipali tad-dejn flimkien mal-interessi li kienu dovuti preċedentement.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

L-interessi moratorji dovuti mill-Kummissjoni lil IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ammont prinċipali tad-dejn biss.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea u IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati ma’ din l-istanza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.