SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Aġenti kummerċjali indipendenti — Direttiva 86/653/KEE — Artikolu 17(2) — Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal — Indennizz tal-aġent — Projbizzjoni mill-kumulu ta’ sistemi tal-indennizz tal-klijentela u tal-kumpens għad-danni — Dritt tal-aġent għal danni addizzjonali għall-indennizz tal-klijentela — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑338/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑14 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Quenon K. SPRL

vs

Beobank SA, li qabel kienet Citibank Belgium SA,

Metlife Insurance SA, li qabel kienet Citilife SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal, u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Quenon K. SPRL, minn P. Demolin u M. Rigo, avukati,

għal Beobank SA, minn A. de Schoutheete u A. Viggria, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat‑18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Quenon K. SPRL (iktar ’il quddiem “Quenon”) minn naħa, u Beobank SA, li qabel kienet Citibank Belgium SA (iktar ’il quddiem “Citibank”), u Metlife Insurance SA, li qabel kienet Citilife SA (iktar ’il quddiem “Citilife”), fir-rigward tal-ħlas tal-indennizz kif ukoll tad-danni mitluba minn Quenon minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija tagħha mill-imsemmija kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva 86/653 jiddikjaraw:

“Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barra minn hekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli;”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-’prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.

[...]”

5

l-Artikolu 17(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

2.   

a)

L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti,

u

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. [...]

b)

L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perjodu inkwistjoni;

ċ)

Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex id-danni.

3.   L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz għad-danni li hu jsofri bħala riżultat tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal.

Dawn id-danni għandhom jitqiesu li jseħħu b’mod partikolari meta sseħħ it-terminazzjoni f’ċirkostanzi:

li jċaħħdu lill-aġent kummerċjali mill-kommissjoni li twettiq tajjeb tal-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun akkwistalu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ l-aġent kummerċjali,

u/jew li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infiq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija fuq il-parir tal-prinċipal.”

Id-dritt Belġjan

6

Il-liġi tat‑13 ta’ April 1995 dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (Moniteur belge tat‑2 ta’ Ġunju 1995, p. 15621, iktar ’il quddiem il-“liġi tal‑1995”) huwa intiż sabiex jittrasponi d-direttiva fid-dritt Belġjan. L-Artikolu 20 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Wara t-tmiem tal-kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal indennizz għat-tkeċċija meta huwa jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew żviluppa b’mod kunsiderevoli n-negozju mal-klijentela eżistenti, sa fejn din l-attività għad trid tikseb vantaġġi sostanzjali lill-prinċipal.

Jekk il-kuntratt jipprevedi klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni, il-prinċipal huwa meqjus, ħlief fil-każ ta’ prova kuntrarja, li jirċievi vantaġġi sostanzjali.

L-ammont tal-kumpens huwa stabbilit billi tittieħed inkunsiderazzjoni kemm l-importanza tal-iżvilupp tan-negozju kif ukoll tal-kontribut tal-klijentela.

L-indennizz ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ sena ta’ remunerazzjoni, ikkalkolat permezz tal-medja tal-aħħar ħames snin jew, jekk it-tul tal-kuntratt kien ta’ inqas minn ħames snin, tal-medja tal-aħħar snin preċedenti.[...]”

7

Skont l-Artikolu 21 tal-Liġi tal‑1995:

“Sa fejn l-aġent kummerċjali jkollu dritt għall-indennizz għat-tkeċċija prevista fl-Artikolu 20 u l-ammont ta’ dan l-indennizz ma jkoprix id-dannu kollu realment subit, l-aġent kummerċjali jista’, iżda bl-oneru li jipproduċi prova tal-portata tad-dannu allegat, minbarra dan l-indennizz, jikseb danni li jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tad-dannu realment subit u dak ta’ dan l-indennizz.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Quenon, li ġiet ikkostitwita sabiex issegwi l-attivitajiet ta’ K. Quenon, aġixxiet fil-kapaċità tagħha bħala aġent kummerċjali ta’ Citibank u aġent ta’ assigurazzjoni ta’ Citilife mill‑1 ta’ Diċembru 1997 abbażi ta’ żewġ kuntratti ta’ aġenzija differenti. L-attivitajiet bankarji u ta’ assigurazzjoni nġabru flimkien fi ħdan aġenzija unika u Quenon tħallset esklużivament mill-kummissjoni mħallsa, rispettivament, minn Citibank għall-bejgħ ta’ prodotti bankarji u minn Citilife għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni.

9

Fid-9 ta’ Jannar 2004, Citibank temmet il-kuntratt ta’ aġenzija li kien jorbotha ma’ Quenon mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għal dan u ħallsitha indennizz għat-terminazzjoni li jammonta għal EUR 95 268.30 kif ukoll indennizz għat-tkeċċija li jammonta għal EUR 203 326.80. Citibank ipprojbixxiet lil Quenon milli tkompli tirrappreżentaha kif ukoll milli tuża isimha u t-trade mark tagħha. Minn din id-data, Quenon ma kellhiex iktar aċċess għall-programm informatiku li kien jippermettilha torganizza l-portafoll tal-prodotti ta’ assigurazzjoni ta’ Citilife. Għaldaqstant, skont Quenon, kien de facto impossibbli għaliha li tkompli teżegwixxi l-kuntratt ta’ aġenzija ta’ assigurazzjoni.

10

Fl-20 ta’ Diċembru 2004, Quenon ressqet lil Citibank u lil Citilife quddiem it-tribunal de commerce de Bruxelles (tribunal kummerċjali ta’ Brussell) u talbet il-kundanna tagħhom, individwalment jew in solidum, għall-ħlas, essenzjalment, ta’ indennizzi ta’ preavviż u għat-tkeċċija minħabba terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ aġenzija ta’ assigurazzjoni, ta’ kumpens komplementari kif ukoll tal-kummissjonijiet relatati mat-tranżazzjonijiet konklużi wara li ntemm il-kuntratt ta’ aġenzija.

11

Peress li r-rikors tagħha ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2009, Quenon appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, billi emendat is-somom mitluba fl-ewwel istanza.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Quenon sostniet, insostenn tal-appell tagħha, li l-ammont tal-indennizz għat-tkeċċija li tħallas lilha minn Citibank għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija bankarja ma kienx suffiċjenti. Hija tqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-liġi tal‑1995, l-indennizz ta’ preavviż u ta’ tkeċċija minħabba terminazzjoni de facto tal-kuntratt tagħha ta’ aġenzija ta’ assigurazzjoni kif ukoll id-dannu kollu subit minnha.

13

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li din id-dispożizzjoni nazzjonali, fl-interpretazzjoni mogħtija lilha minn Quenon, tmur kontra d-Direttiva 86/653 li ma tippermettix lill-Istati Membri sabiex jakkumulaw iż-żewġ sistemi ta’ kumpens, jiġifieri s-sistema ta’ indennizz u dik tal-kumpens għad-danni.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-dour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 17 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lil-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi li wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal kumpens għat-telf ta’ klijentela li l-ammont tiegħu ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta lilu għal sena kif ukoll, jekk l-ammont ta’ dan il-kumpens ma jkunx ikopri d-dannu kollu realment subit, għal danni li jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tad-danni realment subiti u dak ta’ dan il-kumpens?

2)

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jikkondizzjona l-għoti tad-danni li jikkumplementaw il-kumpens għat-telf ta’ klijentela għall-eżistenza ta’ nuqqas kuntrattwali jew kważi-delittwali min-naħa tal-prinċipal li jkollu rabta kawżali mad-danni mitluba, kif ukoll għall-eżistenza ta’ dannu separat minn dak irrimedjat permezz tal-kumpens għat-telf ta’ klijentela mħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa?

3)

F’każ ta’ risposta [fl-affermativ] għal din l-aħħar domanda, in-nuqqas għandu jkun differenti mit-terminazzjoni unilaterali tal-kuntatt, bħal pereżempju n-notifika insuffiċjenti ta’ preavviż, l-għoti ta’ kumpens insuffiċjenti għal nuqqas ta’ preavviż jew għat-telf ta’ klijentela, l-eżistenza ta’ raġunijiet serji min-naħa tal-prinċipal, abbuż mid-dritt ta’ terminazzjoni jew kull nuqqas ieħor, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prattiki tas-suq?”

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Preliminarjament, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea josservaw li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda aġent kummerċjali li l-attivitajiet tiegħu jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi bankarji u ta’ assigurazzjoni, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Madankollu l-Kummissjoni tqis li, bil-għan li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

16

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-direttiva ġiet ikkonċepita sabiex tapplika biss għall-aġenti kummerċjali indipendenti li huma inkarigati b’li jinnegozzjaw il-bejgħ jew ix-xiri tal-merkanzija, hekk kif jirriżulta mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Aġent kummerċjali inkarigat b’li jinnegozzja l-bejgħ ta’ servizzi bankarji u ta’ assigurazzjonijiet għaldaqstant ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

17

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha l-intenzjoni tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet purament interni, għal sitwazzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex tevita l-preżenza ta’ diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni, jew ulterjorment sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet paragunabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni iktar ’il quddiem, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti derivanti mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu liema jkunu ċ-ċirkustanzi li fihom qed tintalab l-applikazzjoni tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Poseidon Chartering, C‑3/04, EU:C:2006:176, punti 1516; Volvo Car Germany, C‑203/09, EU:C:2010:647, punti 2425, kif ukoll Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punti 3031).

18

B’mod partikolari fir-rigward tal-liġi tal‑1995 intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva fl-ordinament ġuridiku Belġjan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet il-kompetenza tagħha fiċ-ċirkustanzi relatati ma’ kuntratt ta’ aġenzija li jirrigwarda servizzi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza, li, minkejja li d-direttiva ma tirregolax direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li, meta saret it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fid-dritt intern, il-leġiżlatur Belġjan iddeċieda li japplika trattament identiku għall-kuntratti ta’ aġenzija li jirrigwardaw merkanzija u għal dawk li jirrigwardaw servizzi.

19

Peress li dawn l-istess raġunijiet huma validi wkoll f’dan il-każ, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-aġent kummerċjali għandu d-dritt, meta jintemm il-kuntratt ta’ aġenzija, kemm għal indennizz tal-klijentela limitat għal mhux iktar minn sena tar-remunerazzjoni tiegħu u, jekk dan l-indennizz ma jkoprix id-dannu kollu realment imġarrab, għall-għoti ta’ danni komplementari.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-għan segwit minn din tal-aħħar u tas-sistema li din tistabbilixxi (sentenzi Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 17, u Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 13).

22

Id-Direttiva għandha l-għan li tarmonizza d-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (sentenzi Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 18, u Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 36).

23

Kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet premessi, id-Direttiva hija intiża sabiex tipproteġi lill-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, sabiex tippromwovi s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u sabiex tiffaċilita l-iskambji ta’ merkanziji bejn Stati Membri billi tapprossima s-sistemi ġuridiċi ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali. Għal dan il-għan, id-Direttiva tistabbilixxi b’mod partikolari, fl-Artikoli 13 sa 20 tagħha, regoli dwar il-konklużjoni u t-tmiem tal-kuntratt ta’ aġenzija (sentenzi Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 19, u Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 14).

24

B’mod partikolari fir-rigward tat-tmiem tal-kuntratt, l-Artikolu 17 tad-Direttiva jimponi lill-Istati Membri sabiex jimplementaw mekkaniżmu ta’ kkumpensar tal-aġent kummerċjali li jippermettilu jagħżel bejn żewġ opzjonijiet, jew indennizz iddeterminat skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 17(2), jiġifieri s-sistema tal-indennizz tal-klijentela, jew il-kumpens għad-danni skont kriterji ddefiniti fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, jiġifieri s-sistema ta’ kumpens għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 20; Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 15, u Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 40).

25

Huwa paċifiku li r-Renju tal-Belġju għażel is-soluzzjoni prevista fl-imsemmi artikolu 17(2).

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li s-sistema stabbilita permezz tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tippreżenta karattru imperattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, hija madankollu ma tagħtix indikazzjonijiet iddettaljati fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-indennizz minħabba terminazzjoni ta’ kuntratt. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fi ħdan dan il-qafas, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fir-rigward tal-għażla tal-metodi ta’ kalkolu tal-indennizz jew tal-kumpens li għandu jingħata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ingmar, C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 21; Honyvem Informazioni Commerciali, C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 3435, kif ukoll Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punti 1718).

27

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi vverifikat jekk l-għoti ta’ danni komplementari, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, fil-każ fejn l-indennizz tal-klijentela ma jkoprix id-dannu kollu realment subit, jibqax fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva tat lill-Istati Membri.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ indennizz tal-klijentela stabbilit fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva huwa artikolat fi tliet fażijiet. Qabel kollox, l-ewwel fażi hija intiża sabiex tikkwantifika l-benefiċċji tal-prinċipal li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ma’ klijenti mressqa mill-aġent kummerċjali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a). Sussegwentement, it-tieni fażi hija intiża sabiex tivverifika, skont it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-ammont li jintlaħaq abbażi tal-kriterji deskritti iktar ’il fuq huwiex ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari, tat-telf tal-kummissjoni subit mill-aġent kummerċjali. Fl-aħħar nett, fit-tielet fażi, l-ammont tal-indennizz huwa suġġett għal-limitu massimu previst fl-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva li japplika biss jekk dan l-ammont, li jirriżulta miż-żewġ fażijiet ta’ kalkolu preċedenti, jeċċedih (sentenza Semen, C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 19).

29

Issa, huwa biss wara d-dikjarazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom aġent kummerċjali għandu dritt għal indennizz u l-iffissar ta’ limitu massimu għal dan l-indennizz, li l-Artikolu 17(2)(ċ) jipprovdi li “[i]l-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex id-danni”.

30

Minn dawn il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll minn interpretazzjoni sistematika tagħha jirriżulta li d-danni jistgħu jingħataw lill-aġenti kummerċjali kumplementarjament għall-imsemmi indenniz u li ma humiex suġġetti għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva u lanqas għal-limitu massimu previst fl-Artikolu 17(2)(b) tagħha.

31

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ indennizz skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tirrigwarda biss l-indennizz tal-klijentela, billi tipprevedi l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ dan l-indennizz. Għaldaqstant il-miżuri ta’ armonizzazzjoni ma humiex intiżi sabiex juniformizzaw il-possibbiltajiet kollha ta’ kumpens għad-danni li l-aġenti kummerċjali kollha jistgħu jippretendu skont id-dritt nazzjonali meta dan jipprevedi r-responsabbiltà kuntrattwali jew delittwali tal-prinċipal.

32

Għaldaqstant, peress li d-Direttiva ma tagħtix indikazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom aġent kummerċjali jista’ jitlob id-danni, huma l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li għandhom jiddeterminaw l-imsemmija kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali.

33

Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu protezzjoni ikbar tal-aġenti kummerċjali permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jew permezz tal-użu usa’ tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom mogħtija lilhom mill-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 50).

34

Madankollu, bħal ma ssostni ġustament il-Kummissjoni u kif ukoll kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw meta jittrasponu l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva hija suġġetta għall-obbligu ta’ għażla ta’ waħda miż-żewġ sistemi previsti, rispettivament, fil-paragrafu 2 u 3 tal-imsemmi artikolu, mingħajr ma jistgħu jiġu akkumulati. Konsegwentement, l-għoti ta’ danni ma jistax iwassal sabiex jingħata kumpens doppju billi l-indennizz tal-klijentela tingħaqad mal-kumpens għad-danni li jirriżultaw b’mod partikolari mit-telf tal-kummissjonijiet wara t-terminazzjoni tal-kuntratt.

35

Fir-rigward tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-aġent kummerċjali għandu d-dritt, meta jintemm il-kuntratt ta’ aġenzija, kemm għal indennizz tal-klijentela limitat għal mhux iktar minn sena tar-remunerazzjoni tiegħu u, jekk dan l-indennizz ma jkoprix id-dannu kollu realment imġarrab, għall-għoti ta’ danni komplementari, sa fejn leġiżlazzjoni bħal din ma tagħtix lok għal indennizz doppju tal-aġent għat-telf tal-kummissjonijiet wara t-terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

36

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta l-għoti tad-danni għat-turija, minn naħa, tal-eżistenza ta’ tort imputabbli lill-prinċipal li jkollu rabta kawżali mad-dannu allegat u, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ dannu distint minn dak ikkumpensat permezz tal-indennizz tal-klijentela. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tixtieq issir taf liema għandha tkun in-natura u l-importanza tat-tort imputabbli lill-prinċipal u, b’mod partikolari, jekk dan għandux ikun differenti mit-terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt ta’ aġenzija.

37

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ħtieġa ta’ tort imputabbli lill-prinċipal u tar-rabta kawżali bejn dan it-tort u d-dannu allegat sabiex l-aġent kummerċjali jkun jista’ jippretendi d-danni, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, li d-Direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2)(ċ) tagħha, ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet li taħthom id-danni huma dovuti lill-aġent kummerċjali. Għalhekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fid-dritt nazzjonali tagħhom, jekk l-għoti ta’ danni jiddependix mill-eżistenza ta’ tort, sew jekk kuntrattwali jew delittwali, imputabbli lill-prinċipal u li jkollu rabta kawżali mad-dannu allegat.

38

Għaldaqstant l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva ma jissuġġettax l-għoti ta’ danni għat-turija tal-eżistenza ta’ tort imputabbli lill-prinċipal li jkollu rabta kawżali mad-dannu allegat u lanqas, għalhekk, man-natura jew mal-importanza ta’ tali tort.

39

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-danni għandhomx jirrigwardaw dannu distint minn dak ikkumpensat permezz tal-indennizz tal-klijentela, kemm mill-kliem tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva kif ukoll mill-formulazzjoni ta’ din tal-aħħar jirriżulta li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv.

40

Fil-fatt, mill-użu ta’ kliem differenti biex jiġu indikati ż-żewġ elementi tas-sistema ta’ indennizz tal-klijentela, prevista fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva, jiġifieri l-“indennizz” u d-“danni”, min-natura komplementari u fakultattiva ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll mil-livell ta’ armonizzazzjoni distinta intiża mid-Direttiva fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ elementi jirriżulta li l-indennizz tal-aġent kummerċjali permezz tad-danni jista’ jirrigwarda biss dannu distint minn dak ikkumpensat mill-indennizz tal-klijentela. Li kieku kien mod ieħor, il-limitu tal-ammont tal-indennizz previst fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva jiġi evitat.

41

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għad-danni taħt l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva għandu jkollha bħala għan dannu distint minn dak kopert bl-indennizz tal-klijentela.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissuġġettax l-għoti tad-danni għat-turija tal-eżistenza ta’ tort imputabbli lill-prinċipal li jkollu rabta kawżali mad-dannu allegat iżda li jirrikjedi li d-dannu allegat ikun distint minn dak ikkumpensat permezz tal-indennizz tal-klijentela.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat‑18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-aġent kummerċjali għandu d-dritt, meta jintemm il-kuntratt ta’ aġenzija, kemm għal indennizz tal-klijentela limitat għal mhux iktar minn sena tar-remunerazzjoni tiegħu u, jekk dan l-indennizz ma jkoprix id-dannu kollu realment imġarrab, għall-għoti ta’ danni komplementari, sa fejn leġiżlazzjoni bħal din ma tagħtix lok għal indennizz doppju tal-aġent għat-telf tal-kummissjonijiet wara t-terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt.

 

2)

L-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva 86/653/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissuġġettax l-għoti tad-danni għat-turija tal-eżistenza ta’ tort imputabbli lill-prinċipal li jkollu rabta kawżali mad-dannu allegat iżda li jirrikjedi li d-dannu allegat ikun distint minn dak ikkumpensat permezz tal-indennizz tal-klijentela.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.