SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Raġunijiet supplimentari ta’ rifjut jew ta’ invalidità — Trade mark verbali — L‑istess sekwenza ta’ ittri bħal trade mark preċedenti — Żieda ta’ sintamma deskrittiva — Eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni”

Fil-Kawża C‑20/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundespatentgericht Qorti Federali tal-Privattivi (qorti federali tal-privattivi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

BGW Beratungs-Gesellschaft Wirtschaft mbH, li qabel kienet BGW Marketing- & Management-Service GmbH

vs

Bodo Scholz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u F.W. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BGW Beratungs-Gesellschaft Wirtschaft mbH, li qabel kienet BGW Marketings- & Management‑Service GmbH (iktar ’il quddiem “BGW”) u B. Scholz fir-rigward tat-trade mark verbali BGW Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità [invalidità]” jipprovdi fil-paragrafu 1(b) u (c) tiegħu:

“1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità [invalidità]:

[...]

b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija [prodotti] jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

[...]”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità [invalidità] li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“1.   Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[...]

b)

jekk minħabba l-identità tagħha, jew similarità, għat-trade mark preċedenti u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

Id-dritt Ġermaniż

5

L-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar it-trade marks (Markengesetz), tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGB1. I p. 3082; 1995 I p. 156; 1996 I p. 682), huwa fformulat kif ġej:

“Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi annullata

[...]

2.

jekk minħabba l-identità tagħha, jew ix-xebh ma’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew li ġiet irreġistrata li għandha data ta’ prijorità preċedenti u minħabba l-identità jew ix-xebħ tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti, [...]”

Il-fatti tat-tilwima u d-domanda preliminari

6

Fil‑11 ta’ Diċembru 2006, it-trade mark verbali BGW Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft (iktar ’il quddiem it-“trade mark sussegwenti”) ġiet irreġistrata fl-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks (Deutsches Patent- und Markenamt), taħt in-Nru 306 33835, b’mod partikolari għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 35, 41 u 43 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

“Klassi 16: materjal stampat;

Klassi 35: Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni kummerċjali; funzjonijiet ta’ uffiċċju; konsultazzjoni professjonali ta’ negozju; pariri dwar l-organizzazzjoni tan-negozju; konsultazzjoni għat-tmexxija ta’ negozju; organizzazzjoni ta’ wirjiet bi skop kummerċjali jew pubbliċitarju; relazzjonijiet pubbliċi;

Klassi 41: Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali u sportivi; organizzazzjoni ta’ wirjiet bi skopijiet kulturali jew edukattivi, tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet rikreattivi; klabbs tal-isport; organizzazzjoni u tmexxija ta’ diskussjonijiet; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, kungressi u simpożji; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet sportivi; kiri ta’ tagħmir għall-isport; tagħlim tal-ġinnastika; organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars, sessjonijiet ta’ ħidma, konferenzi, diskussjonijiet madwar mejda u korsijiet; konsultazzjoni dwar ir-rikreazzjoni; organizzazzjoni u tmexxija ta’ avvenimenti ta’ taħriġ u taħriġ kontinwu; servizzi ta’ informazzjoni lill-klijenti li qed jingħataw kura dwar l-attivitajiet sportivi u kulturali; parir dwar il-kura;

Klassi 43: Servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb u akkomodazzjoni tal-klijenti; prenotazzjoni u senserija ta’ akkomodazzjoni tal-klijenti, b’mod partikolari klijenti li qed jingħataw kura; djar tal-anzjani għall-persuni mdaħħla fl-età; servizzi ta’ kampijiet tal-vaganzi.”

7

BGW ressqet oppożizzjoni kontra l-imsemmija reġistrazzjoni, abbażi tat-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża Nru 304 06 837 li ġejja (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”):

Image

8

It-trade mark preċedenti hija rreġistrata sa mill‑21 ta’ Lulju 2004 għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 35 u 41 fis-sens tal-imsemmi Ftehim ta’ Nice, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

“Klassi 16: Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; typewriters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra);

Klassi 35: Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju;

Klassi 41: Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali u sportivi; pubblikazzjoni u editjar ta’ ġurnali, perjodiċi u kotba; editjar ta’ testi; organizzazzjoni ta’ wirjiet b’għanijiet kulturali, sportivi jew ta’ divertiment; produzzjoni ta’ films; kiri ta’ films; kiri ta’ vidjokameras, ta’ reġistraturi tal-awdjo u settijiet tat-televiżjoni u tar-radju; tagħlim bil-korrispondenza; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, kungressi u simpożji; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, kungressi u simpożji; pubblikazzjoni elettronika ta’ kotba u perjodiċi online; divertiment radjofoniku; organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars u sessjonijiet ta’ ħidma; servizzi ta’ traduzzjoni; tagħlim u edukazzjoni; organizzazzjoni u tmexxija ta’ diskussjonijiet; kitba ta’ skripts; reġistrazzjoni fuq vidjo; organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet.”

9

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2009, l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks laqa’ parzjalment l-oppożizzjoni mressqa minn BGW u annulla parzjalment ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti minħabba l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti. Wara rikors ippreżentat mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, din id-deċiżjoni ġiet irrevokata permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2012, minħabba l-fatt li BGW ma kinitx uriet użu tat-trade mark tagħha li kien tali li żżomm id-drittijiet miksuba.

10

BGW ippreżentat rikors għal annullament kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi).

11

Din il-qorti tqis, fuq il-bażi ta’ bosta dokumenti prodotti quddiemha minn BGW, li ntwera użu tat-trade mark preċedenti tali għaż-żamma tad-drittijiet miksuba, għall-inqas fir-rigward tal-“materjal stampat” u s-servizzi ta’ “reklamar”, “organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars” u “organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet”, fejn dawn is-servizzi huma pprovduti prinċipalment lil impriżi fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari lil okulisti u lil bejjiegħa ta’ hearing aids. Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li t-trade marks kunfliġġenti jkopru prodotti identiċi u servizzi parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu

12

Fir-rigward tax-xebh tat-trade marks, il-qorti tar-rinviju tqis li l-impressjoni ġenerali tat-trade mark preċedenti hija esklużivament iddominata mis-sekwenza tal-ittri “BGW”, filwaqt li l-komponenti figurattiva ta’ din it-trade mark tivvalorizza l-imsemmija sekwenza minn perspettiva viżiva u hija nieqsa minn rilevanza mill-perspettiva fonetika. Fir-rigward tat-trade mark sussegwenti, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sintamma “Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft” hija ta’ natura deskrittiva u nieqsa minn kull karattru distintiv sa fejn tindika li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma pprovduti minn federazzjoni ta’ impriża tas-settur tas-saħħa, attiva fil-pajjiż kollu, mingħajr, barra minn hekk, ma tippermetti identifikazzjoni preċiża tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti u servizzi.

13

Il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-impressjoni ġenerali tat-trade mark sussegwenti hija, anki min-naħa tagħha, iddominata mis-sekwenza ta’ ittri “BGW”. Fi kwalunkwe każ, il-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi) iżżid tgħid li, irrispettivament mill-evalwazzjoni li għandha ssir dwar l-imsemmija sintamma, għandu jiġi rrikonoxxut lil din is-sekwenza, minn tal-inqas, pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark sussegwenti, fis-sens tas-sentenza Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594). Għalhekk, meta l-pubbliku kkonċernat jiġi kkonfrontat bit-trade mark sussegwenti, huwa jirrikonoxxi t-trade mark preċedenti, bl-unika differenza tkun li l-akronimu “BGW” – li fih innifsu ma jfisser xejn – jiġi tradott permezz tal-indikazzjoni spjegattiva (deskrittiva) “Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft”.

14

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju, billi tiċċita s-sentenza AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services), (T‑425/03, EU:T:2007:311), tqis li ma hemm ebda dubju li, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi ċċitati fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti għall-pubbliku rilevanti.

15

Madankollu, hija tqis li ma tistax tiddeċiedi f’dan is-sens minħabba l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), li fiha hija ddeċidiet li l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 japplika għal trade mark verbali komposta mit-tqegħid biswit xulxin ta’ sintamma deskrittiva u ta’ sekwenza ta’ ittri li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva, jekk din is-sekwenza, minħabba l-fatt li hija komposta mill-ewwel ittra ta’ kull kelma ta’ din is-sintamma, tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala abbrevjazzjoni tal-imsemmija sintamma u li t-trade mark inkwistjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tista’ għalhekk tinftiehem bħala arranġament ta’ indikazzjonijiet jew ta’ abbrevjazzjonijiet deskrittivi li, għaldaqstant, huwa nieqes minn karattru distintiv. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sekwenza ta’ ittri komposta mill-ewwel ittra tal-kliem li jikkomponu s-sintamma għandha biss, meta mqabbla ma’ din, pożizzjoni sekondarja.

16

Għalhekk, huwa eskluż li jiġi rikonoxxut karattru dominanti lil komponent ta’ trade mark kumplessa, f’dan il-każ is-sekwenza ta’ ittri “BGW”, ipperċepita bħala akronimu fit-trade mark sussegwenti jew, minn tal-inqas, pożizzjoni distintiva awtonoma, meta tali komponent jokkupa biss pożizzjoni aċċessorja.

17

Il-fatt li s-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) kienet tittratta r-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, ma jiġġustifikax, skont il-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi), li ssir evalwazzjoni differenti fil-kawża prinċipali, li tqiegħed inkwistjoni r-raġuni supplimentari ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva sa fejn il-perċezzjoni li l-pubbliku jkollu ta’ trade mark ma tistax, bħala prinċipju, tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk din hijiex raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/95.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundespatentgericht (qorti federali tal-privattivi) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti u ta’ servizzi identiċi u simili, għandu jitqies li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku meta sekwenza ta’ ittri, ta’ karattru distintiv u li hija karatteristika [l-element dominanti] tas-sinjal verbali jew figurattiv preċedenti b’karattru distintiv medju, tiġi riprodotta fis-sinjal verbali posterjuri ta’ terz permezz taż-żieda ma’ din is-sekwenza ta’ ittri b’sintamma relatata magħha u deskrittiva, li tispjega l-imsemmija sekwenza ta’ ittri bħala l-akronimu tal-kliem deskrittiv?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti u servizzi identiċi jew li jixxiebhu, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti bejn trade mark preċedenti komposta minn sekwenza ta’ ittri, li għandha karattru distintiv u li hija l-element dominanti ta’ din it-trade mark li għandha karattru distintiv medju, u trade mark sussegwenti b’din is-sekwenza ta’ ittri li magħhom hija miżjuda sintamma deskrittiva komposta minn kliem li l-inizjali tagħhom jikkorrispondu għall-ittri tal-imsemmija sekwenza, b’tali mod li din tiġi pperċepita minn dan il-pubbliku bħala l-akronimu tal-imsemmija sintamma.

20

Peress li din id-domanda saret mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-dubji li din għandha fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti fit-tilwima prinċipali, jeħtieġ għalhekk, fl-ewwel lok, li tiġi evalwata l-portata u r-rilevanza ta’ din is-sentenza.

21

Fil-kawżi prinċipali li taw lok għas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), kienu inkwistjoni żewġ trade marks verbali, waħda komposta mis-sinjal “Multi Markets Fund MMF” biex tirreferi għal fond ta’ investiment attiv f’numru ta’ swieq finanzjarji u l-oħra mis-sinjal “NAI – Der Natur-Aktien-Index” biex tirreferi għal indiċi tal-borża li tiġbor fiha azzjonijiet ta’ kumpanniji bi profil ekoloġiku. Sa fejn, f’dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju kienet tqis li s-sinjali “MMF” u “NAI”, ikkunsidrati waħedhom, ma kellhomx karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, hija staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) ta’ din id-direttiva kinux japplikaw għal trade mark verbali komposta mit-tqegħid biswit xulxin ta’ sintamma deskrittiva u ta’ sekwenza ta’ ittri mhux deskrittiva fiha nnifisha, iżda li hija komposta mill-ewwel ittri ta’ kull waħda mill-kliem li jikkomponu din is-sintamma.

22

Għalhekk, il-kwistjoni tal-oriġini tal-kawżi msemmija iktar ’il fuq kienet tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk trade mark kumplessa komposta minn sintamma marbuta mal-akronimu tagħha setgħetx tiġi rreġistrata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(b) u (c), tad-Direttiva 2008/95, u mhux f’li jiġi evalwat, bħal ma huwa l-każ inkwistjoni, jekk tistax teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmija direttiva, bejn trade mark preċedenti komposta minn sekwenza ta’ ittri u trade mark sussegwenti, komposta minn din is-sekwenza mqiegħda biswit sintamma.

23

Issa, minn naħa, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 u r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva, għandhom għanijiet differenti u huma intiżi jipproteġu interessi separati.

24

Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, l-interess ġenerali li fuqu hija msejsa din id-dispożizzjoni jikkonsisti f’li jiġi żgurat li sinjali deskrittivi ta’ karatteristika jew ta’ numru ta’ karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jiġu użati liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi (sentenza Strigl u Securvita, C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmija direttiva jikkoinċidi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara s-sentenza Eurohypo vs UASI, C‑304/06 P, EU:C:2008:261, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva huwa intiż li jipproteġi l-interessi individwali tal-proprjetarji tat-trade marks preċedenti li jidħlu f’kunflitt mas-sinjal mitlub u b’hekk jiggarantixxi l-funzjoni ta’ oriġini tat-trade mark fl-ipoteżi ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza Medion, C‑120/04, EU:C:2005:594, punti 2426 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għalkemm il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ sinjal ma tistax tiddependi mir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni hekk kif tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju, madankollu, il-perspettiva li minnha tinftiehem din il-perċezzjoni tvarja skont jekk din tirrigwardax l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittivi ta’ sinjal jew l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

28

Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal, l-attenzjoni tingħata lill-proċessi mentali li jistgħu jwasslu sabiex jiġu stabbiliti rapporti bejn is-sinjal jew il-komponenti differenti tiegħu u l-prodotti u/jew is-servizzi kkonċernati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-eżami jirrigwarda l-proċess ta’ memorizzazzjoni, ta’ rikonoxximent u ta’ evokazzjoni tas-sinjal, kif ukoll il-mekkaniżmi assoċjattivi.

29

Min-naħa l-oħra, fil-punt32 tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tliet ittri kapitali li jidhru f’kull wieħed mis-sinjali, jiġifieri “MMF” u “NAI”, kienu jirrappreżentaw l-inizjali tas-sintammi marbuta magħhom u li s-sintamma u s-sekwenza ta’ ittri, f’kull każ inkwistjoni, kienu intiżi sabiex jispjegaw lil xulxin u sabiex jenfasizzaw ir-rabta li teżisti bejniethom, b’kull sekwenza ta’ ittri tkun maħsuba sabiex issostni l-perċezzjoni tas-sintamma mill-pubbliku, billi jiġi ssemplifikat l-użu u l-memorizzazzjoni tagħha.

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 37 u 38 tal-istess sentenza, li, għalkemm is-sekwenzi ta’ ittri inkwistjoni kienu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala taqsiriet tas-sintammi biswithom, l-imsemmija sekwenzi ma setgħux imorru lil hinn mis-somma tal-elementi kollha tat-trade mark ikkunsidrata fit-totalità tagħha, u dan anki meta dawn setgħu jitqiesu li għandhom, fihom infushom, karattru distintiv. Kuntrarjament, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tas-sintamma li magħha huma marbuta sekwenzi ta’ ittri ta’ dan it-tip kienet tokkupa sempliċement “pożizzjoni aċċessorja”.

31

Mill-motivi tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) jirriżulta li n-natura mhux reġistrabbli, skont l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, ta’ sinjal kompost minn sekwenza ta’ ittri mqiegħda biswit sintamma għandha tiġi evalwata skont il-każ, skont il-perċezzjoni li jkollu l-pubbliku rilevanti tal-interdipendenza bejn l-elementi differenti tas-sinjal kif ukoll tas-sinjal kollu kemm hu.

32

Għalhekk, l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 38 tal-imsemmija sentenza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li s-sekwenza ta’ ittri komposta mill-ewwel ittra tal-kliem li jikkomponu s-sintamma għandha, fir-rigward tas-sintamma, biss pożizzjoni aċċessorja għandha tinftiehem f’dan is-sens u ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ regola ta’ evalwazzjoni ġenerali fuq in-natura aċċessorja ta’ sekwenza ta’ ittri komposta mill-ewwel ittra ta’ kull waħda mill-kliem tas-sintamma li biswitha hija mqiegħda.

33

Fil-fatt, din l-affermazzjoni tillimita ruħha sabiex tippreċiża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, li sekwenza ta’ ittri, anki waħda li jkollha, fiha nnifisha, karattru distintiv, hija suxxettibbli li jkollha karattru deskrittiv meta tiddaħħal fi trade mark komposta fejn hija tkun ikkombinata ma’ espressjoni prinċipali deskrittiva, li biha din tkun ipperċepita bħala t-taqsira, u dan għandu jiġi stabbilit wara evalwazzjoni każ b’każ.

34

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku differenti tal-kawżi li taw lok għas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) kif ukoll tal-portata li għandha tingħatalha, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fiha ma jistgħux jiġi trasposti għall-kawża prinċipali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ xebh bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti.

35

Fit-tieni lok, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li skontha l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod globali u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (sentenza Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 21 u l-ġurisprudenza stabbilita).

36

L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jitqabbel ma’ trade mark oħra. Bil-kontra, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni fejn kull waħda minnhom tiġi kkunsidrata b’mod globali (sentenzi UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41, u Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 61).

37

Għalkemm l-impressjoni globali prodotta f’moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn komponent jew numru ta’ komponenti tat-trade mark, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir abbażi tal-element dominanti biss (sentenzi UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punti 4142, kif ukoll Nestlé vs UASI,C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punti 4243 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm l-element komuni tat-trade marks kunfliġġenti ma għandux jitqies li jiddomina l-impressjoni globali, huwa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom, sa fejn dan jikkostitwixxi fih innifsu t-trade mark preċedenti u jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta b’mod partikolari minn dan l-element u li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn element komuni jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, l-impressjoni globali maħluqa minn dan is-sinjal tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw, minn tal-inqas, minn impriżi ekonomikament konnessi, f’liema każ għandha titqies l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza Medion, C‑120/04, EU:C:2005:594, punti 3036, kif ukoll id-digriet ecoblue vs OHMI u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑23/09 P, EU:C:2010:35, punt 45).

39

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li element ta’ sinjal kompost ma jżommx tali pożizzjoni distintiva awtonoma jekk dan l-element, flimkien mal-element jew l-elementi l-oħrajn tas-sinjal, meħuda globalment, jifforma unità li għandha sens differenti b’rabta mas-sens ta’ dawn elementi meħuda separatament (sentenza Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 25).

40

Għandu jitfakkar ulterjorment, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu li, bħala prinċipju, anki element li għandu biss karattru distintiv dgħajjef jista’ jiddomina l-impressjoni globali ta’ trade mark komposta jew jassumi, f’din it-trade mark, pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594), peress li, minħabba, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-daqs tiegħu, huwa kapaċi jħalli impressjoni fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur u li jinżamm fil-memorja tiegħu.

41

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi tal-komponenti tat-trade mark sussegwenti u tal-piż relattiv tagħhom fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, l-impressjoni globali prodott minnha fil-memorja ta’ dan il-pubbliku u li tiddetermina sussegwentement, fid-dawl ta’ din l-impressjoni globali u tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 34).

42

Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li t-trade mark sussegwenti hija komposta minn sinjal li jirriproduċi s-sekwenza ta’ ittri li jikkostitwixxu l-uniku element verbali tat-trade mark preċedenti u ta’ sintamma li l-inizjali tiegħu jikkorrispondu għall-imsemmija sekwenza ma jistax, waħdu, jeskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark preċedenti.

43

Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, fost fatturi oħra, jekk ir-rabtiet li l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi bejn is-sekwenza ta’ ittri u s-sintamma, b’mod partikolari tal-possibbiltà li tal-ewwel tiġi pperċepita bħala akronimu tat-tieni, huma tali li din is-sekwenza tista’ tiġi pperċepita u mmemorizzata b’mod awtonomu mill-pubbliku rilevanti fit-trade mark sussegwenti. Barra minn hekk, hija għandha tevalwa, jekk ikun il-każ, jekk l-elementi li jikkomponu t-trade mark sussegwenti, ikkunsidrati globalment, jifformawx unità loġika distinta li għandha sens differenti meta mqabbel mas-sens tal-imsemmija elementi kkunsidrati b’mod separat.

44

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti u ta’ servizzi identiċi jew li jixxiebhu, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti bejn trade mark preċedenti komposta minn sekwenza ta’ ittri, li għandha karattru distintiv u li hija l-element dominanti ta’ din it-trade mark mogħnija b’karattru distintiv medju, u trade mark sussegwenti komposta minn din is-sekwenza ta’ ittri li biswitha titqiegħed sintamma deskrittiva komposta minn kliem li l-inizjali tagħhom jikkorrispondu għall-ittri tal-imsemmija sekwenza, b’tali mod li din tiġi pperċepita minn dan il-pubbliku bħala l-akronimu tal-imsemmija sintamma.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti u ta’ servizzi identiċi jew li jixxiebhu, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti bejn trade mark preċedenti komposta minn sekwenza ta’ ittri, li għandha karattru distintiv u li hija l-element dominanti ta’ din it-trade mark mogħnija b’karattru distintiv medju, u trade mark sussegwenti komposta minn din is-sekwenza ta’ ittri li biswitha titqiegħed sintamma deskrittiva komposta minn kliem li l-inizjali tagħhom jikkorrispondu għall-ittri tal-imsemmija sekwenza, b’tali mod li din tiġi pperċepita minn dan il-pubbliku bħala l-akronimu tal-imsemmija sintamma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.