KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-15 ta’ Ottubru 2015 (1)

Kawża C‑267/14 P

Buzzi Unicem SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Swieq għas-siment u prodotti relatati — Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 — Setgħat tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni — Proporzjonalità — Motivazzjoni — Awtoinkriminazzjoni — Prattika tajba għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika”





1.        Liema huma l-kundizzjonijiet u l-limiti tas-setgħat tal-Kummissjoni li teżiġi, permezz ta’ deċiżjoni, li impriżi jagħtu informazzjoni, fil-kuntest ta’ investigazzjoni b’rabta ma’ possibbiltà ta’ ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea?

2.        Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet ewlenin imqajma fl-appell ippreżentat minn Buzzi Unicem SpA (iktar ’il quddiem “Buzzi Unicem” jew l-“appellanti”) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2), u li titlob lil dik il-kumpannija tagħti ammont kunsiderevoli ta’ informazzjoni.

3.        Kwistjonijiet simili ħafna jitqajmu wkoll fi tliet appelli oħra, ippreżentati minn kumpanniji oħra attivi fis-suq tas-siment, kontra erba’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali li fihom dik il-qorti ċaħdet ukoll, fil-parti l-kbira, il-kontestazzjonijiet tagħhom għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ekwivalenti għal dik ikkontestata minn Buzzi Unicem. F’dawk it-tliet kawżi l-oħra wkoll, jiena ser nagħti l-Konklużjonijiet tiegħi llum (3). Dawn il-Konklużjonijiet għandhom, għalhekk, jinqraw flimkien ma’ dawk il-Konklużjonijiet.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tgħid:

“Il-Kummissjoni għandha jkollha is-saħħa madwar il-Komunità li tirrekwiżixxi l-informazzjoni li tiġi mogħtija kif neċċessarju biex tiskopri xi ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma projbiti mil-[Artikolu 101 TFUE] jew xi abbuż ta’ posizzjonijiet dominanti projbiti mil-[Artikolu 102 TFUE]. Meta qed taqbel ma deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriża ma tistax tiġi infurżata li tammetti sar xi ksur, imma huma obligati li jwieġbu għall-mistoqsijiet b’mod fattwali u jipprovdu dokumenti, anki jekk din l-infromazzjoni tista tiġi użata biex jiġi stabbilit kontrijhom jew kontra xi impriża oħra l-eżistenza ta’ xi ksur. Meta qed taqbel ma deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriża ma tistax tiġi infurżata li tammetti sar xi ksur, imma huma obligati li jwieġbu għall-mistoqsijiet b’mod fattwali u jipprovdu dokumenti, anki jekk din l-infromazzjoni tista tiġi użata biex jiġi stabbilit kontrijhom jew kontra xi impriża oħra l-eżistenza ta’ xi ksur.”

5.        L-Artikolu 18 (“Talba għall-informazzjoni”) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-parti rilevanti, jipprovdi:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja.

2. Meta tintbagħat talba sempliċi għall-informazzjoni li xi impriża jew assoċjazzjoni ta’ l-impriża, il-Kummissjoni ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal limitu ta’ ħin li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, u il-pieni previsti mil-Artikolu 23 għal-fornitura inkorretta jew informazzjoni qarrieqa.

3. Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

[…]”

II – Il-kuntest tal-proċeduri

6.        Fl-2008 u fl-2009, il-Kummissjoni — li aġixxiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 — wettqet għadd ta’ spezzjonijiet fil-postijiet ta’ diversi kumpanniji attivi fl-industrija tas-siment, inkluż il-post ta’ Buzzi Unicem, u l-postijiet ta’ Dyckerhoff AG u Cimalux SA, żewġ kumpanniji li l-appellanti tikkontrolla direttament jew indirettament. Wara dawk l-ispezzjonijiet kien hemm, fl-2009 u fl-2010, għadd ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

7.        B’ittra tal-5 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni informat lil Buzzi Unicem bl-intenzjoni tagħha li tibagħtilha deċiżjoni li kienet titlob informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u kkomunikatilha l-abbozz ta’ kwestjonarju li hija kien biħsiebha tehmeż ma’ dik id-deċiżjoni. Buzzi Unicem bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2010.

8.        Fis-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lil Buzzi Unicem li hija kienet iddeċidiet li tibda proċeduri, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004 (4), kontriha, kif ukoll kontra seba’ kumpanniji oħra minħabba suspett ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE li jinvolvi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet fiż-ŻEE ġejjin minn pajjiżi barra miż-ŻEE, qsim tas-suq, koordinazzjoni tal-prezzijiet u prattika antikompetittiva relatata fis-suq tas-siment u fi swieq ta’ prodotti relatati.

9.        Fit-30 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2011) 2356 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011, fi proċeduri skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Kawża 39520 – Siment u prodotti relatati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qalet li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex taqdi d-doveri tagħha skont dan ir-Regolament, hija tista’, b’sempliċi talba jew b’deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li nnotat li r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, u li din tal-ewwel kienet bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz tal-kwestjonarju (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, b’deċiżjoni, talbet lill-appellanti twieġeb il-kwestjonarju fl-Anness I. Ta’ min jinnota li l-Anness I kellu 79 paġna u 11-il sett ta’ mistoqsijiet. L-istruzzjonijiet dwar it-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju kienu fl-Anness II, filwaqt li t-templates tat-tweġibiet kienu jinsabu fl-Anness III.

11.      Il-Kummissjoni ġibdet ukoll l-attenzjoni għall-allegat ksur (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija ddeskriviet kif ġej “[l-] allegat ksur jikkonċerna restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet fiż-ŻEE li jiġu minn pajjiżi barra miż-ŻEE, qsim tas-suq, koordinazzjoni tal-prezzijiet u prattika antikompetittiva relatata fis-suq tas-siment u fi swieq ta’ prodotti relatati”. B’riferiment għan-natura u l-volum tal-informazzjoni mitluba, kif ukoll għall-gravità tal-allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tagħti lill-appellanti 12-il ġimgħa biex twieġeb l-ewwel 10 settijiet ta’ mistoqsijiet u ġimagħtejn biex tirrispondi l-11-il sett (premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

12.      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“Artikolu 1

Buzzi Unicem SpA flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u taħt il-kontroll dirett jew indirett tagħha, għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fil-forma mitluba fl-Annessi II u III tagħha, mhux iktar tard minn 12-il ġimgħa għall-mistoqsijiet 1 sa 10 u ġimagħtejn għall-mistoqsija 11, mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni. L-annessi kollha jifformaw parti integrali minn din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil Buzzi Unicem SpA flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea taħt il-kontroll dirett jew indirett tagħha.”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2011, Buzzi Unicem ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

14.      Permezz ta’ rikors separat fl-istess jum, Buzzi Unicem talbet li l-kawża tiġi deċiża skont proċedura sommarja skont l-Artikolu 76a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dak ir-rikors.

15.      Permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2014 f’Buzzi Unicem SpA vs Il-Kummissjoni, T-297/11 (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata” (5)), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni u ordnat lil Buzzi Unicem għall-ispejjeż.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

16.      Fl-appell tagħha, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2014, Buzzi Unicem titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tħassar is-sentenza fil-Kawża T-297/11;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2356 finali fil-proċeduri skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (Kawża 39520 – Siment u prodotti relatati);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fl-ewwel istanza u fl-appell.

17.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lil Buzzi Unicem għall-ispejjeż.

V –    L-analiżi tal-aggravji

18.      Buzzi Unicem tissottometti ħames aggravji. B’mod ġenerali, dawn l-aggravji huma relatati ma’ jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod korrett is-setgħat tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003.

19.      Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ewlenin u l-ġurisprudenza relatati mas-setgħat tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni, huma ttrattati fil-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement AG vs Il-Kummissjoni (6), ippreżentati wkoll illum.

20.      Huwa f’dak l-isfond li ser nanalizza l-aggravji mressqa mill-appellanti.

A –    L-għan tat-talba għal informazzjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

21.      Permezz tal-ewwel aggravju Buzzi Unicem tikkontendi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv tagħha li kien jallega motivazzjoni inadegwata tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn biżżejjed dettall dwar l-allegat ksur u l-perijodu kopert mill-istħarriġ tal-Kummissjoni. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset sempliċi riferiment għad-deċiżjoni li jinbdew proċeduri suffiċjenti biex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni. Barra dan, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija milquta wkoll minn motivazzjoni inadegwata minħabba li xi argumenti tagħha dwar dan il-punt kienu ġew miċħuda mingħajr spjegazzjoni aċċettabbli.

22.      Il-Kummissjoni tikkontendi li dan l-aggravju huwa inammissibbli minħabba li, fir-realtà, l-appellanti tqajjem kwistjonijiet ta’ fatt taħt kopertura ta’ kwistjonijiet ta’ dritt. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontendi li l-aggravju għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta analizzat l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet, u korrettement irriteniet, skont ġurisprudenza stabbilita, li motivazzjoni għal att tal-Unjoni tista’ tirreferi għal atti oħra.

2.      Analiżi

23.      Bħala punt preliminari, l-opinjoni tiegħi hija li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tistrieħ fuq żewġ żbalji li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-adegwatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tas-sentenza appellata, rispettivament. Sabiex tindirizza dawn l-allegazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tevalwa mill-ġdid il-fatti stabbiliti fl-ewwel istanza jew il-provi miġjuba fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri, iżda biss li tiddikjara l-liġi skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 296 TFEU.

24.      Jiena wkoll tal-fehma li t-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda. Is-sentenza appellata tagħti, fil-punti 31 sa 38, illustrazzjoni adegwata tar-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi motivazzjoni adegwata.

25.      Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti, li tikkonċerna l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija fondata.

26.      Mill-bidu nett, irrid infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għal miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandha tkun adattata għall-miżura inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat dik il-miżura b’tali mod li tipermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għaliha u biex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-punti ta’ liġi rilevanti kollha, minħabba li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (7).

27.      Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jordnaw spezzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar ikkonfermat li l-Kummissjoni ma jeħtiġilhiex tikkomunika lid-destinatarji ta’ deċiżjonijiet bħal dawn l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, jew li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dak il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar il-fatti preżunti li hija tkun biħsiebha tinvestiga. Għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tindika b’mod preċiż kemm jista’ jkun il-prova li tkun qed tfittex u l-kwistjonijiet li tkun relatata magħhom l-investigazzjoni, min-naħa l-oħra ma huwiex essenzjali f’deċiżjoni li tordna spezzjoni sabiex jiġi identifikat b’mod preċiż is-suq rilevanti, in-natura legali tal-allegat ksur jew il-perijodu li matulu jkun seħħ dak il-ksur, sakemm id-deċiżjoni jkollha l-elementi essenzjali msemmija diġà. Tabilħaqq, l-ispezzjonijiet normalment isiru fil-bidu ta’ investigazzjoni u, konsegwentement, il-Kummissjoni jkun għad jonqosha, f’dak l-istadju, informazzjoni preċiża dwar dawk l-aspetti. Huwa proprju l-għan ta’ spezzjoni li jinġabru provi b’rabta ma’ ksur issuspettat biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika s-suspetti tagħha u tagħmel analiżi legali iktar speċifika (8).

28.      Dawn il-prinċipji jidhirli li huma applikabbli — mutatis mutandis — għal deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Evidentement, iż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom l-istess għan u jikkonsistu f’eżerċizzju ta’ ġbir ta’ fatti. Għalkemm ma humiex ifformulati f’termini identiċi, ix-xebh relattiv taż-żewġ dispożizzjonijiet jidher li jsostni qari uniformi tagħhom it-tnejn (9).

29.      F’dak l-isfond, il-kwistjoni kruċjali hija jekk il-Qorti Ġenerali kinitx eżaminat b’mod korrett kemm kienet adegwata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kliem ieħor, il-mistoqsija hija kif ġej: meqjus l-istadju tal-proċedura li fih id-deċiżjoni kkontestata kienet adottata, il-motivazzjoni inkwistjoni hija ċara biżżejjed biex, minn naħa, min irċeviha seta’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ difiża u jevalwa d-dmir tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tippermetti l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni?

30.      Fil-fehma tiegħi, din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba fin-negattiv.

31.      Fil-punt 36 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ssib li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet abbozzata “f’termini ġenerali ħafna li kienu jimmeritaw li jiġu ppreċiżati u għalhekk din għandha tiġi kkritikata f’dan ir-rigward”. Fil-fehma tiegħi, dan bilkemm jista’ jiġi kkontestat: tliet aspetti importanti tal-motivazzjoni ma għandhomx, fil-fatt, dettalji biżżejjed. Qed nirreferi, b’mod partikolari, għad-deskrizzjoni tal-allegat ksur, il-portata ġeografika tiegħu u l-prodotti milquta mill-ksur.

32.      Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-allegat ksur, il-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid: “[l-]allegat ksur jikkonċerna restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ […], inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet […], qsim tas-suq, koordinazzjoni tal-prezzijiet u prattika antikompetittiva relatata”. Din id-deskrizzjoni tal-ksur li seta’ kien hemm tidher mhux biss pjuttost vaga (“restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ”, “inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet”) iżda wkoll globali (“prattika antikompetittiva relatata”). Ir-riferiment għal “qsim tas-suq” u “koordinazzjoni tal-prezzijiet” — li huwa tant ġenerali — ma tantx jikkontribwixxi biex jiddelimita b’iktar preċiżjoni n-natura tal-imġiba ssuspettata mill-Kummissjoni. L-akkordji, kważi kollha, fil-fatt, jinkludu elementi ta’ qsim tas-suq u ffissar tal-prezzijiet. Fil-prattika, il-maġġoranza kbira tat-tipi ta’ ftehim ipprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE jidhru li jinqabdu minn din id-deskrizzjoni.

33.      Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-allegat ksur, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi restrizzjonijiet fuq flussi ta’ kummerċ fiż-ŻEE, inklużi restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet fiż-ŻEE ġejjin minn pajjiżi barra miż-ŻEE. Huwa minnu li l-komponent ġeografiku tas-suq rilevanti ma jeħtiġlux definizzjoni f’deċiżjoni skont l-Artikolu 18 (10), iżda xi riferiment għall-inqas għal xi wħud mill-pajjiżi milquta missu kien possibbli. B’mod partikolari, ma huwiex ċar jekk is-suq li seta’ ntlaqat huwiex taż-ŻEE kollha jew partijiet minnha u, jekk hu hekk, liema partijiet.

34.      Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata hija anki iktar elużiva meta tiġi biex tispjega l-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni. Fil-prattika, is-siment biss huwa identifikat bħal prodott rilevanti, minħabba li — għall-bqija — id-deċiżjoni tirreferi għal “swieq ta’ prodotti relatati [mas-siment]”. Għal darba oħra din id-deskrizzjoni mhux biss hija vaga għall-aħħar (kemm għandu l-prodott ikun “relatat” mill-qrib mas-siment?), iżda potenzjalment tkopri t-tipi kollha ta’ prodotti li għalihom l-appellanti hija attiva (bħala bejjiegħa jew bħala xerrejja).

35.      Għalkemm ma naħsibx li deċiżjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 neċessarjament teżiġi li jkun indikat il-perijodu preżunt li fih ikun seħħ il-ksur allegat — kif tidher li timplika l-appellanti — indikazzjoni bħal din setgħet kienet ta’ għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata. Minħabba d-deskrizzjonijiet ġeneriċi msemmija iktar ’il fuq, u meqjus il-fatt li l-mistoqsijiet kienu jkopru għaxar snin sħaħ, iktar dettalji dwar il-perijodu ta’ żmien rilevanti setgħu għenu lill-appellanti tifhem aħjar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

36.      Skont il-Qorti Ġenerali (11), l-iskarsezza tad-dettalji fid-deċiżjoni kkontestata tittaffa parzjalment mill-fatt li hija tirreferi espressament għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċeduri, li kienet tinkludi informazzjoni addizzjonali dwar kemm kien kbir ġeografikament l-allegat ksur u t-tip ta’ prodotti koperti.

37.      L-appellanti ma taqbilx li n-nuqqasijiet tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jissewwew b’sempliċi riferiment għal deċiżjoni preċedenti, u tinnota li, f’kull każ, id-deċiżjoni li jinbdew proċeduri hija milquta wkoll mill-istess nuqqas ta’ dettalji.

38.      Fil-fehma tiegħi, atti tal-Unjoni li jimponu obbligi li jinterferixxu fl-isfera privata ta’ individwi jew impriżi u li, jekk ma jkunx hemm konformità magħhom, iġorru r-riskju ta’ pieni finanzjarji kbar, għandu jkollhom, fil-prinċipju, motivazzjoni indipendenti (12). Tabilħaqq, dan huwa importanti biex dawk l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal dak l-att mingħajr sforz interpretattiv eċċessiv (13), biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u f’waqtu. Dan huwa minnu l-iktar għal atti li jinkludu riferimenti espressi għal atti preċedenti li kellhom motivazzjoni differenti. Kull differenza li jkollha tifsira bejn iż-żewġ atti tista’ tkun is-sors ta’ inċertezza għad-destinatarju.

39.      Minkejja dan, jiena tal-opinjoni li, bħala eċċezzjoni, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qalet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tinqara flimkien mal-motivazzjoni inkluża fid-deċiżjoni li jinbdew proċeduri. Iż-żewġ deċiżjonijiet kienu adottati fil-qafas tal-istess investigazzjoni u ovvjament jikkonċernaw l-istess allegat ksur. Kienu adottati wkoll fi żmien qasir. Iktar importanti huwa li jidher li ma hemmx differenza sinjifikattiva bejn il-motivazzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet. Għalhekk jiena tal-fehma li, f’din il-kawża, l-ewwel deċiżjoni tista’ titqies li hija “kuntest” tat-tieni deċiżjoni, li d-destinatarju ma setax ma kienx jaf biha (14).

40.      Madankollu, jekk huwa minnu li l-ewwel deċiżjoni kienet tinkludi iktar dettalji sinjifikanti dwar portata ġeografika tal-allegat ksur (billi elenkat l-Istati Membri potenzjalment milquta), hija ma kinitx ugwalment preċiża dwar in-natura ta’ dak il-ksur u l-prodotti koperti. Partikolarment għaliex l-ispjegazzjoni mogħtija tal-kunċett ta’ “siment u prodotti relatati” inkluża f’nota ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna 4 ta’ dik id-deċiżjoni tkopri sett ta’ prodotti li jista’ jkun wiesa’ ħafna u differenti għalkollox.

41.      Wara li għidt dan, jiena tal-fehma li l-fatt li motivazzjoni tista’ wkoll tkun ġenerali jew xi ftit jew wisq vaga dwar ċerti aspetti ma jirriżultax f’invalidità jekk il-bqija tad-deċiżjoni tippermetti lil min jirċeviha u lill-qrati tal-Unjoni jifhmu bi preċiżjoni biżżejjed liema informazzjoni l-Kummissjoni tkun qed titlob u r-raġunijiet għal dan (15). Tabilħaqq, anki jekk biss indirettament jew impliċitament, is-suġġett tal-mistoqsijiet jista’ jixħet iktar dawl fuq il-motivazzjoni li setgħet ġiet abbozzata mingħajr il-preċiżjoni meħtieġa. Wara kollox, mistoqsijiet preċiżi u ffokati ħafna inevitabbilment juru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Dan jidhirli li huwa partikolarment minnu għal atti adottati fi stadju bikri tal-proċess, meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni ma jkunx stabbilit kollu u finalment u, fil-fatt, jista’ jkun jeħtieġlu jiġi limitat jew imkabbar fil-ġejjieni, b’konsegwenza tal-informazzjoni miġbura wara.

42.      F’din il-kawża, madankollu, l-oppost huwa attwalment minnu. Il-mistoqsijiet magħmula lil Buzzi Unicem huma ta’ għadd straordinarjament kbir u jkopru tipi diversi ħafna ta’ informazzjoni. Naħseb li jkun ferm diffiċli tiġi identifikata linja ta’ konnessjoni bejn ħafna mill-mistoqsijiet inklużi fil-kwestjonarju (16). Barra dan, xi mistoqsijiet li saru ma jidhrux li jaqblu għalkollox ma’ dak li kien intqal fid-deċiżjoni ta’ qabel biex jinbdew proċeduri: pereżempju l-mistoqsijiet 3 u 4 (li jeħtieġu ammont partikolarment sinjifikanti ta’ informazzjoni tul perijodu ta’ 10 snin) ma humiex limitati għall-Istati Membri identifikati bħala li kienu possibbilment ikkonċernati bid-deċiżjoni li jinbdew proċeduri.

43.      Inċidentalment, kieku l-linja ta’ konnessjoni li torbot dawk il-mistoqsijiet flimkien kellha turi kompletament l-istruttura tad-dħul u tal-ispejjeż tal-impriża biex il-Kummissjoni tkun tista’ tanalizzaha b’metodi ekonometriċi (billi tqabbilha ma’ dawk ta’ kumpanniji oħra attivi fl-industrija tas-siment), seta’ kien ikun hemm dubju jekk talba għal informazzjoni bħal din tant wiesgħa u globali kinitx wara kollox adatta skont l-Artikolu 18. Sakemm il-Kummissjoni ma jkollhiex fil-pussess tagħha indizji konkreti li juru mġiba oġġezzjonabbli li għalihom analiżi bħal din tkun tista’ tipprovdi sostenn meħtieġ, talba bħal din għal informazzjoni tkun tidher iktar adatta għal investigazzjoni settorjali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003.

44.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, naqbel mal-appellanti li l-għan tat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni ma kienx ċar biżżejjed u mhux ambigwu. Konsegwentement kien eċċessivament diffiċli għal dik l-impriża tifhem l-allegat ksur biex tivvaluta sa fejn kellha d-dmir li tikkoopera mal-Kummissjoni u, jekk ikun meħtieġ, teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża, pereżempju billi tirrifjuta li twieġeb il-mistoqsijiet li hija qieset illegali. Iktar u iktar minħabba li ċerti mistoqsijiet kienu jikkonċernaw informazzjoni li ma kinitx purament fattwali u kienu jinkludu ġudizzju ta’ valuri (17), u mistoqsijiet oħra kienu relattivament vagi (18). Minħabba f’hekk, fir-rigward ta’ dawk il-mistoqsijiet, ma setax jiġi eskluż mill-appellanti r-riskju li jingħataw tweġibiet awtoinkriminatorji (19).

45.      Dak in-nuqqas ta’ dettall ma jistax — kif issostni l-Kummissjoni — ikun iġġustifikat mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata fi stadju bikri tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, dik id-deċiżjoni nħarġet kważi tliet snin wara li kienet bdiet l-investigazzjoni. Matul dak iż-żmien kienu saru għadd ta’ spezzjonijiet u kienu diġà nħarġu mill-Kummissjoni talbiet iddettaljati ħafna għal informazzjoni u kienu ngħataw tweġibiet mill-impriżi kkonċernati. Fil-fatt xi xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kienet ġabret elementi biżżejjed biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004. B’dawn l-elementi l-Kummissjoni kellha tkun tista’ tipprovdi iktar raġunijiet dettaljati fid-deċiżjoni kkontestata.

46.      Naqbel mal-Kummissjoni li l-ammont ta’ dettall meħtieġ f’motivazzjoni jiddependi, fost l-oħrajn, mill-informazzjoni li l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha meta tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 18 (20). Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan neċessarjament jimplika li motivazzjoni li tista’ tkun aċċettabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata fil-bidu ta’ investigazzjoni (jiġifieri, deċiżjoni li tkun teżiġi li impriża toqgħod għal spezzjoni skont l-Artikolu 20, jew proprju l-ewwel deċiżjoni li tintalab informazzjoni skont l-Artikolu 18(3)) tista’ ma tkunx ugwalment aċċettabbli fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata fi stadju ħafna iktar tard tal-investigazzjoni, meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni iktar estensiva dwar l-allegat ksur.

47.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma nsibhiex skużabbli li, minkejja l-informazzjoni kollha li diġà tkun ingħatat lill-Kummissjoni tul is-snin ta’ qabel, u l-isforzi addizzjonali li d-deċiżjoni kkontestata kienet timplika, Buzzi Unicem kienet għadha ma taf xejn dwar il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

48.      Barra dan, naħseb li l-appellanti sewwa targumenta li l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sar sinjifikatament iktar diffiċli. Kif spjegajt f’iktar dettall fil-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement (21), minħabba l-ftit informazzjoni dwar l-allegat ksur li hemm fid-deċiżjoni kkontestata (anki meta moqrija fl-isfond tad-deċiżjoni biex jinfetħu l-proċeduri), isir diffiċli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk ikunux ġew issodisfatti r-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-talba (22). Dwar l-ewwel element, il-Qorti tal-Ġustizzja suppost tanalizza jekk il-korrelazzjoni bejn l-allegat ksur u l-informazzjoni mitluba hijiex suffiċjenti biex tiġġustifika t-talba tal-Kummissjoni. Fir-rigward tat-tieni element, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk l-isforzi meħtieġa minn impriża humiex iġġustifikati jew le fl-interess pubbliku u mhux eċċessivi.

49.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ħażin l-Artikolu 296 TFEU u l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-motivazzjoni meħtieġa f’deċiżjoni li tintalab informazzjoni. Is-sentenza appellata għandha, għalhekk, tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet permezz tagħha, għar-raġunijiet indikati fil-punti 19 sa 39 ta’ dik is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata kellha motivazzjoni adegwata.

B –    Użu ħażin ta’ setgħa u qlib tal-oneru tal-prova

1.      L-argumenti tal-partijiet

50.      Fit-tieni aggravju tagħha, Buzzi Unicem tikkontesta l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-allegazzjoni tagħha ta’ użu ħażin ta’ setgħa u qlib tal-oneru tal-prova li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tal-appellanti huwa ċar, minħabba t-tip u l-kwantità ta’ informazzjoni mitluba, li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji biżżejjed ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFEU meta ħarġet id-deċiżjoni kkontestata. Dik id-deċiżjoni setgħet, għalhekk, titqies li hija tiftix mhux ġustifikat għal informazzjoni (“fishing expedition”), li huwa pprojbit mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Kieku l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tagħmel stħarriġ settorjali, missha aġixxiet skont l-Artikolu 17 tal-istess Regolament. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx sewwa dawk l-argumenti. B’mod partikolari, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ordnat ebda miżura ta’ stħarriġ biex tivverifika jekk il-Kummissjoni kellhiex fil-pussess tagħha indizji biżżejjed biex tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 18.

51.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, targumenta li l-aggravju huwa inammissibbli minħabba li jqajjem kwistjonijiet ta’ fatt u huwa, f’kull każ, infondat.

2.      Analiżi

52.      Fit-tieni aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata, l-appellanti essenzjalment tikkritika l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-argumenti tagħha b’rabta ma’ użu ħażin ta’ setgħat u qlib tal-oneru tal-prova.

53.      Naqbel mal-Kummissjoni fis-sens li dan l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

54.      L-ewwel nett, sa fejn l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-analiżi tagħha tal-elementi mressqa fl-ewwel istanza insostenn tal-aggravju relatat ma’ użu ħażin ta’ setgħat, l-appellanti essenzjalment qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel analiżi ġdida ta’ dawk l-elementi. Dan, iżda, ma huwiex permissibbli fl-appell.

55.      It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma jkunux ordnati miżuri ex officio ta’ stħarriġ jew ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura biex ikun ivverifikat jekk attwalment kienx hemm indizji biżżejjed ta’ ksur, dik il-kritika wkoll ma għandhiex tintlaqa’. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi jkunx hemm ħtieġa ta’ suppliment għall-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi quddiemha. Jekk il-provi quddiemha jkunux biżżejjed jew le hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata minnha biss u ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell, ħlief meta dawk il-provi jkunu ġew żnaturati jew l-ineżattezza sustantiva ta’ dak li l-Qorti Ġenerali tkun sabet tkun evidenti mid-dokument fil-kawża (23). A fortiori, dan il-prinċipju huwa wkoll iktar validu meta tkun kwistjoni li jittieħdu miżuri ta’ stħarriġ jew ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura ex officio (24).

56.      F’din il-kawża, l-appellanti kienet libera titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu kull miżura bħal din biex tivverifika jekk il-Kummissjoni kellhiex fil-pussess tagħha indizji biżżejjed. Fil-fatt, fil-kawża “parallela” Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, b’talba espressa quddiemha mir-rikorrenti, ordnat lill-Kummissjoni ġġib il-provi fil-pussess tagħha biex hija stess tkun issodisfatta li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx arbitrarja (25).

57.      Madankollu, f’din il-kawża l-appellanti ma għamlitx talba bħal din. Għalhekk insib li bilkemm huwa oġġezzjonabbli li l-Qorti Ġenerali, meta qieset l-elementi ta’ natura ġenerika miġjuba mill-appellanti (analiżi li ma tistax tiġi mistħarrġa fl-appell), u fin-nuqqas ta’ talba speċifika, iddeċidiet li ma kienx hemm ħtieġa li l-kwistjoni tkun investigata ulterjorment (26).

58.      It-tielet nett, ebda kritika, fil-fehma tiegħi, ma hija ġġustifikata fuq kemm hija adegwata l-motivazzjoni li hemm fis-sentenza appellata dwar l-użu ħażin allegat ta’ setgħat u qlib tal-oneru tal-prova. Qabel xejn, huwa evidenti li l-Qorti Ġenerali fil-fatt analizzat, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, l-aggravju tal-appellanti b’rabta ma’ użu ħażin ta’ setgħat. Dik il-qorti indirizzat ukoll, fil-punti 61 u wara tas-sentenza appellata, l-aggravju tal-appellanti dwar il-qlib tal-oneru tal-prova.

59.      Huwa minnu li s-sentenza appellata hija, kultant, relattivament qasira dwar ir-raġunijiet għaliex ċerti argumenti ma jintlaqgħux, jew tindirizza għadd ta’ argumenti flimkien biss. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata għal dan, minħabba li kellha tittratta rikors li kien jinkludi diversi aggravji u argumenti li kienu, xi drabi, repetittivi jew ma kinux ippreżentati bil-livell meħtieġ ta’ ċarezza.

60.      Għalhekk, it-tieni aggravju huwa, fil-fehma tiegħi, iddestinat li jfalli.

C –    Natura tal-informazzjoni mitluba

1.      L-argumenti tal-partijiet

61.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha — dirett kontra l-punti 54 sa 83 tas-sentenza appellata — Buzzi Unicem targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-motiv tagħha li kien jallega użu ħażin ta’ setgħat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiċċensura t-talba tal-Kummissjoni għal tliet tipi ta’ informazzjoni; informazzjoni awtoinkriminatorja, informazzjoni fid-dominju pubbliku u informazzjoni li ma kinitx fil-pussess tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ informazzjoni awtoinkriminatorja, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet li l-Mistoqsijiet 5R, 5S, 5T u 5V kienu purament fattwali u li l-Mistoqsija 1D ma kinitx awtoinkriminatorja.

62.      Il-Kummissjoni targumenta, fl-ewwel lok, li dan l-aggravju huwa inammissibbli minħabba li l-appellanti qiegħda, essenzjalment, tirrepeti l-istess argumenti żviluppati quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan l-aggravju huwa, skont il-Kummissjoni, ukoll inammissibbli sa fejn l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid in-natura ta’ ċerti mistoqsijiet li nstabu li kienu “purament fattwali” mill-Qorti Ġenerali. Fit-tieni lok, dan l-aggravju huwa wkoll bla bażi — tkompli tgħid il-Kummissjoni — minħabba li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat korrettement l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

2.      Analiżi

63.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Buzzi Unicem essenzjalment tissottometti li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat ħażin l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar in-natura tal-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha l-jedd li titlob mingħand impriża.

64.      Qabel ma nidħol fil-mertu tal-kwistjoni li naħseb li hija l-iktar waħda problematika f’dan il-kuntest (dik relatata mal-awtoinkriminazzjoni), ikolli nindirizza xi argumenti preliminari mressqa mill-partijiet.

65.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà, għandi ngħid li l-fatt li l-argumenti inklużi fl-appell dwar dan il-punt ġeneralment ittieħdu, verbatim, mir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa irrilevanti, sa fejn l-appellanti tidentifika l-passaġġi jew punti speċifiċi tas-sentenza appellata li allegatament fihom żbalji ta’ liġi, u r-raġunijiet għal dawk l-iżbalji. F’din il-kawża, l-appell jidher li jissodisfa dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tat-tielet aggravju.

66.      Barra dan, irrid ninnota wkoll li jekk ċerti mistoqsijiet speċifiċi inklużi fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċernawx biss fatti, ċertament din hija kwistjoni ta’ fatt li ma tistax tkun mistħarrġa fl-appell. Għall-kuntrarju, jekk ċerti mistoqsijiet humiex awtoinkriminatorji għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni hija kwistjoni li tikkonċerna l-kwalifika legali ta’ fatti, li bħala tali jistgħu jkunu mistħarrġa fl-appell.

67.      It-tielet aggravju huwa, għalhekk, ammissibbli f’dawk il-limiti (27).

68.      It-tieni nett, fir-rigward tal-mertu tal-aggravju, jidhirli li partijiet minnu jistgħu ma jintlaqgħux minħabba li huma infondati.

69.      Fir-rigward tal-argument tal-appellanti b’rabta mas-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux fil-pussess tagħha, jidhirli li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Tabilħaqq imkien dik is-sentenza ma tgħid li l-Kummissjoni għandha permess titlob lil impriża informazzjoni li ma tkunx fil-pussess tagħha. Fil-punti 80 u 81, is-sentenza appellata tgħid, l-ewwel nett, li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jeskludix il-possibbiltà li, biex twieġeb talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, impriża jista’ jkollha tikkompila jew tiġbor flimkien data fil-pussess tagħha. Madankollu, hija mbagħad tkompli tgħid li dak il-prinċipju ma japplikax għal data li ma tkunx fil-pussess tal-impriża.

70.      Ovvjament, jiena nista’ naqbel mal-Qorti Ġenerali dwar din il-kwistjoni. Flimkien mal-validità tal-massima legali magħrufa ħafna ad impossibilia nemo tenetur, jien ġeneralment naqbel ukoll mal-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon: “il-Kummissjoni tista’ biss titlob impriża tagħti informazzjoni li hija jkollha diġà fil-pussess tagħha, anki jekk, skont il-każ, hija jkollha tifformalizza l-informazzjoni kkonċernata. It-talba għal informazzjoni ma għandhiex tkun ifformulata b’mod li l-impriża jkollha titlob informazzjoni miżmuma minn terzi persuni. Għalhekk, talba għal informazzjoni li l-Kummissjoni tkun taf li ma tkunx jew li ma tistax tkun fil-pussess tal-impriża kkonċernata ċertament ma tkunx f’lokha” (28).

71.      Fir-rigward, allura, tal-argument li jallega motivazzjoni inadegwata tas-sentenza appellata dwar il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex il-jedd titlob lill-partijiet jagħtu informazzjoni li tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ninnota dan li ġej. L-appellanti ssostni b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx espliċitament dak l-argument. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali eżaminatu mill-aspett tal-proporzjonalità u tan-neċessità tal-informazzjoni mitluba (29). Il-fatt li s-sentenza appellata hija konċiża ħafna dwar dan l-aspett jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dan l-aspett tqajjem f’punt wieħed biss fir-rikors ta’ Buzzi Unicem, u ma kienx żviluppat wisq fit-tweġiba ta’ Buzzi Unicem. F’dawk il-passaġġi l-appellanti essenzjalment ilmentat li ċertu ammont ta’ informazzjoni ma kienx “esklużivament fil-pussess tagħha”, billi qalet li l-Kummissjoni setgħet kisbet dik l-informazzjoni “b’mod awtonomu”. Ma ngħatat ebda informazzjoni, anki qasira, tar-raġunijiet għaliex l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jkun interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli titlob informazzjoni li hija tista’ tikseb minn sorsi oħra, u inqas u inqas minn fejn u kif dik l-informazzjoni tkun setgħet inkisbet.

72.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għandu jkun hemm l-ebda kritika diretta lejn il-Qorti Ġenerali talli ma indirizzatx dan l-argument b’iktar reqqa.

73.      Issa ngħaddi, fl-aħħar nett, għal dik li jidhirli li hija l-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan l-aggravju: l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni.

74.      Mill-bidu nett jidher utli jitfakkar li l-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tagħmel riferiment għad-dritt ta’ impriża li tevita li tinkrimina lilha nfisha meta tikkonforma ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni. Dak id-dritt kien diġà ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, anki qabel ma dak ir-Regolament kien ġie adottat (30). Huwa tabilħaqq wieħed mill-komponenti bażiċi tad-dritt ta’ difiża ta’ impriża li għandu jinżamm tul il-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003.

75.      F’dan l-isfond, issa ser neżamina, fl-ewwel lok, jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx wisq restrittivament id-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni u, fit-tieni lok, jekk dak id-dritt kienx applikat b’mod korrett f’dan il-każ.

76.      Fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rriteniet li kellha ssir distinzjoni bejn mistoqsijiet li setgħu jiġu kklassifikati bħala purament fattwali u dawk li ma setgħux. Ikun biss jekk mistoqsija ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala purament fattwali li, fl-opinjoni ta’ dik il-qorti, ikollu jiġi aċċertat jekk mistoqsija bħal dik tkunx tinvolvi ammissjoni min-naħa tal-impriża kkonċernata li jkun hemm ksur li l-Kummissjoni tkun obbligata ġġib prova tiegħu. Fil-punti 64 u 65 ta’ wara, il-Qorti Ġenerali sabet li ċerti mistoqsijiet li kienu jitolbu biss li l-impriża timla data kellhom dimensjoni purament fattwali u, bħala tali, ma setgħux jiksru d-dritt ta’ difiża ta’ dik l-impriża.

77.      Din, fil-fehma tiegħi, hija interpretazzjoni ħażina tad-dritt li tkun evitata l-awtoinkriminazzjoni. Minkejja l-kliem daqsxejn ambigwu tal-premessa 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (31), jekk mistoqsija titlobx li impriża tagħti biss informazzjoni fattwali (bħal kumpilazzjoni ta’ data, kjarifika ta’ ċirkustanzi fattwali, deskrizzjoni ta’ fatti ta’ natura oġġettiva, eċċ.) huwa element importanti f’dak ir-rigward, iżda mhux neċessarjament deċiżiv. Il-fatt li ma tintalab ebda informazzjoni ta’ natura suġġettiva minn impriża ma jeskludix il-possibbiltà li, f’ċerti ċirkustanzi, id-dritt ta’ dik l-impriża li ma tinkriminax lilha nfisha jista’ jinkiser.

78.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement irreferiet għal mistoqsijiet li “jistgħu jinvolvu ammissjoni min-naħa tagħha li jkun hemm ksur”. Il-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex nieqes minn tifsira. F’PVC II, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tikkjarifika t-test għall-awtoinkriminazzjoni: dak li huwa importanti huwa jekk tweġiba mill-impriża li għaliha tkun indirizzata l-mistoqsija tkunx fil-fatt ekwivalenti għal ksur (32).

79.      Dik il-ġurisprudenza tfisser li l-Kummissjoni ma għandhiex tistaqsi mistoqsijiet li r-risposti għalihom jistgħu jimplikaw ammissjoni ta’ ħtija mill-impriża inkwistjoni.

80.      Pereżempju, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni ma għandhiex dritt tistaqsi lill-impriżi jekk, matul laqgħa partikolari, ir-rappreżentanti tagħhom ikunux qablu ma’ dawk tal-kompetituri tagħhom għal żieda fil-prezzijiet, jew aċċettaw li ma jikkompetux f’ċerti swieq nazzjonali. Għalkemm mistoqsijiet bħal dawn jistgħu jkunu deskritti bħala purament fattwali, huma b’mod manifest jiksru d-dritt ta’ impriża li tagħti informazzjoni li tinkriminaha minħabba li tweġiba tista’ tkun ekwivalenti għal ammissjoni espressa ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFEU.

81.      L-interpretazzjoni tad-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni proposta hija wkoll sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenzi Orkem, Solvay u SGL Carbon. F’dawk il-kawżi kollha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset awtoinkriminatorji, u, għalhekk, mhux permissibbli, mistoqsijiet li kienu purament fattwali (33).

82.      Għalhekk, mistoqsija, tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun oġġezzjonabbli minħabba li t-tweġiba għaliha tkun tista’ timplika ammissjoni ta’ ħtija anki meta tkun biss dwar fatti u ma tkun intalbet ebda opinjoni dwar dawk il-fatti. Il-Qorti Ġenerali, konsegwentement, wettqet żball ta’ liġi meta interpretat id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu.

83.      A fortiori, kuntrarjament għal dak li timplika l-Kummissjoni, mistoqsijiet jistgħu jiksru d-dritt ta’ impriża li ma tinkriminax lilha nfisha anki meta l-persuna li tkun indirizzatha ma tintalabx tagħmel analiżi legali jew li tagħti opinjoni legali. Dan joħroġ ċar ħafna mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq: ebda waħda mill-mistoqsijiet ċċensurati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienet titlob li l-impriżi jagħtu evalwazzjoni legali. Għalhekk, il-fatt li l-Mistoqsija 1D ma talbitx lill-appellanti tesprimi opinjonijiet ta’ natura legali ma jeskludix neċessarjament il-possibbiltà li dik il-mistoqsija setgħet kisret id-dritt li tkun evitata l-awtoinkriminazzjoni.

84.      Wara li wasalt għal din il-konklużjoni, għal raġunijiet ta’ kompletezza, issa ser neżamina jekk id-dritt li tkun evitata l-awtoinkriminazzjoni ġiex applikat ħażin fil-każ inkunsiderazzjoni.

85.      Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sabet li l-analiżi li Buzzi Unicem kien jeħtiġilha tipprovdi skont il-Mistoqsija 1D kienet “tammonta għall-iżvelar tal-livell tal-marġni ta’ profitt tagħha” u li dan seta’ “jikkostitwixxi ħjiel li juri l-eżistenza ta’ prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni”. Għalkemm il-kliem tas-sentenza appellata ma huwiex għalkollox ċar, jidher li qiegħed jgħid li, bi tweġiba għal dik il-mistoqsija, l-appellanti setgħet fil-fatt kienet imġiegħla tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fl-allegat ksur.

86.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali mbagħad kompliet tgħid li, minkejja l-karattru awtoinkriminatorju tal-mistoqsija 1D, kellu jitqies ukoll il-fatt li r-rikorrenti kellha l-jedd, fi stadju ulterjuri tal-proċedura amministrattiva jew matul appell kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tressaq interpretazzjoni alternattiva tat-tweġiba tagħha għal dik il-mistoqsija, interpretazzjoni li setgħet tkun differenti minn dik possibbilment adottata mill-Kummissjoni (34). Għal dik ir-raġuni l-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tal-appellanti.

87.      Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa pjuttost konfuż. Il-fatt li Buzzi Unicem setgħet ukoll ikkontestat in-natura awtoinkriminatorja tal-mistoqsija 1D jekk u meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni li timponi fuqha multa (jew għax ma tkunx tat tweġiba għal dik il-mistoqsija jew għax tkun kisret l-Artikolu 101 TFEU) ma jfissirx li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux (u ma għandhomx) jiċċensuraw il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt ta’ difiża ta’ dik l-impriża fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt iċaħħad lil min jirċievi deċiżjoni mid-dritt tiegħu li dak l-att jiġi mistħarreġ mill-qrati tal-Unjoni, kif espressament jgħid l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

88.      Il-kwistjoni ewlenija li l-Qorti Ġenerali kien imissha ffokat l-analiżi tagħha fuqha, f’dan il-kuntest, hija jekk l-għoti ta’ tweġiba għall-mistoqsija 1D setax kien għal Buzzi Unicem ekwivalenti għal ammissjoni ta’ ksur.

89.      Il-Qorti Ġenerali tidher, madankollu, li tevita l-kwistjoni u li tieħu pożizzjoni soda dwarha. Personalment, ninnota li l-abbozzar tall-Mistoqsija 1D jixbah xi ftit dak taż-żewġ mistoqsijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset oġġezzjonabbli f’Orkem u Solvay minħabba li setgħu jġiegħlu lill-impriża tirrikonoxxi l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim ipprojbit minn (dak iż-żmien) l-Artikolu 85 KEE (35). Fil-każ inkunsiderazzjoni wkoll, jista’ ma jkunx eskluż b’mod ċar li meta talbet l-opinjoni tal-impriża dwar l-aħjar metodu biex ikunu kkalkolati l-marġnijiet gross kull tliet xhur, il-Kummissjoni fittxet li ġġiegħel lil dik l-impriża tammetti l-kollużjoni tagħha fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet mal-kompetituri tagħha.

90.      Madankollu, minħabba li jidher ċar li l-Qorti Ġenerali, f’kull każ, interpretat ħażin id-dritt li tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni, ma nsibx li huwa meħtieġ li nidħol iktar fil-fond f’dan l-aspett.

91.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, fil-punti 57 sa 79, hija tiċħad il-motiv tal-appellanti relatat ma’ ksur tad-dritt tagħha li tevita l-awtoinkriminazzjoni. Il-bqija ta’ dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

D –    Proporzjonalità u neċessità

1.      L-argumenti tal-partijiet

92.      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha — dirett kontra l-punti 84 sa 115 tas-sentenza appellata — Buzzi Unicem tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat u applikat ir-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni kkontestata.

93.      Il-Kummissjoni targumenta li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud: il-Qorti Ġenerali korrettement irrikonoxxiet id-diskrezzjoni wiesgħa li l-Kummissjoni għandu jkollha meta tiddeċiedi liema informazzjoni tkun meħtieġa għall-investigazzjonijiet tagħha. Iżżid tgħid ukoll li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet proporzjonata.

2.      Analiżi

94.      Dan l-aggravju għandu loġikament jinqasam f’żewġ partijiet distinti, li waħda minnhom tikkonċerna n-neċessità tal-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni kkontestata, u l-oħra l-proporzjonalità globali ta’ dik id-deċiżjoni. Iż-żewġ eżamijiet jidhru fil-fatt komplementari. Minn naħa, l-eżami tar-rekwiżit tan-neċessità jitlob analiżi dwar jekk, mill-perspettiva tal-Kummissjoni li kienet qiegħda taġixxi fiż-żmien meta kienet adottata d-deċiżjoni, l-informazzjoni mitluba minn impriża tkunx x’aktarx ser tgħinha meta tkun qiegħda tivverifika jekk l-allegat ksur kienx seħħ, u biex tiddetermina n-natura preċiża u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-eżami tar-rekwiżit tal-proporzjonalità jitlob analiżi dwar jekk, mill-perspettiva ta’ min ikun irċieva deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-informazzjoni mitluba tkunx tirrappreżenta piż eċċessiv u intollerabbli.

95.      Madankollu, minn eżami iktar mill-qrib tal-argumenti mressqa mill-appellanti f’din il-kawża, joħroġ li: (i) iż-żewġ rekwiżiti huma kważi dejjem imsemmija flimkien mill-appellanti, u (ii) fil-mertu, l-argumenti mressqa mill-appellanti huma kważi dejjem maħsuba biex juru l-piż eċċessiv u intolleranti mqiegħed fuq l-appellanti bid-deċiżjoni kkontestata.

96.      Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja, mhux ser nittratta separatament l-argumenti li jistgħu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ neċessità tal-informazzjoni mitluba. Għal kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar din il-kwistjoni, nirreferi għall-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement, punti 70 sa 76.

97.      Għaldaqstant ser nittratta minnufih l-argumenti dwar il-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata.

98.      Mill-bidu nett, nixtieq infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja saħqet, diversi drabi, li l-ħtieġa li individwi jkunu protetti kontra intervent arbitrarju u sproporzjonat minn awtoritajiet pubbliċi fl-isfera privata tagħhom, inkluż meta dawk l-awtoritajiet ikunu qed jinfurzaw regoli tal-kompetizzjoni, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (36). B’mod partikolari, miżura ta’ investigazzjoni tkun sproporzjonata meta tikkostitwixxi interferenza eċċessiva u, għalhekk, intollerabbli ma’ dawk id-drittijiet (37).

99.      Ovvjament, ma hemmx test definit biex jiġi ddeterminat jekk talba speċifika għal informazzjoni indirizzata lil impriża partikolari tkunx eċċessiva jew le. Analiżi każ b’każ li tqis iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti biss tista’ tagħti tweġiba għal dik il-mistoqsija.

100. Żewġ elementi, b’mod partikolari, għandhom jintwiżnu wieħed mal-ieħor biex tiġi analizzata l-proporzjonalità ta’ talba speċifika għal informazzjoni (38). F’keffa waħda tal-miżien hemm l-interess pubbliku li jiġġustifika l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, u n-neċessità għal dik l-istituzzjoni li tirċievi informazzjoni biex biha tkun tista’ tagħmel ix-xogħlijiet assenjati lilha mit-Trattat. Iktar ma ksur issuspettat ikun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, iktar il-Kummissjoni għandu jkollha l-jedd li tistenna li impriża tagħmel sforz biex tagħti l-informazzjoni mitluba, biex tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni attiva. Il-keffa l-oħra tal-miżien tikkonsisti mill-ammont ta’ xogħol maħluq għal impriża b’talba għal informazzjoni. Iktar ma jkun kbir l-ammont ta’ xogħol maħluq, li jtellef l-attenzjoni tal-persunal tal-impriża mix-xogħol normali tan-negozju tiegħu u jżid spejjeż żejda, iktar tista’ titqies eċċessiva dik it-talba għal informazzjoni.

101. Fil-każ inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni targumenta li l-imġiba allegata tal-appellanti tikkostitwixxi ksur gravi ħafna tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minkejja l-ftit informazzjoni mogħtija dwar dan fid-deċiżjoni kkontestata, jew fid-deċiżjoni biex jinbdew proċeduri, il-fehma tal-Kummissjoni li l-konsegwenzi tal-ksur issuspettat għall-konsumaturi Ewropej, jekk ikun hemm prova dwarhom, ikunu partikolarment gravi jista’ probabbilment tista’ probabbilment tiġi aċċettata (39).

102. Minkejja dak il-fatt, l-ammont ta’ xogħol maħluq għall-appellanti bid-deċiżjoni kkontestata (deskritta bħala li qanqlet “oneru ta’ xogħol partikolarment għoli” fis-sentenza appellata (40)) jidher li kien ta’ piż b’mod eċċessiv u irraġonevoli.

103. Ma jistax ikun ikkontestat serjament li d-deċiżjoni kkontestata kienet titlob li tintbagħat kwantità straordinarja ta’ data, li kienet tkopri kważi l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-appellanti, fit-12-il Stat Membru, tul għaxar snin.

104. Buzzi Unicem qalet, mingħajr ma kienet kontradetta mill-Kummissjoni, li s-sempliċi kumpilazzjoni ta’ xi wħud mid-data mitluba ħolqot ammont importanti ta’ xogħol għall-persunal tagħha: xi mistoqsijiet obbligawha terġa teżamina mill-ġdid kważi t-tranżazzjonijiet ekonomiċi kollha li kienu saru tul l-aħħar 10 snin, biex testrapola d-data mitluba. Xi wħud minn dik id-data, madankollu, speċjalment għal tranżazzjonijiet iktar antiki, ma kinitx inkluża fid-databases tagħha. L-appellanti, għalhekk, kellha tivverifika, wieħed wieħed, eluf ta’ dokumenti finanzjarji u mbagħad, tikkodifika manwalment id-data rilevanti f’fajls Excel ifformattjati skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni.

105. Raġuni oħra għall-ammont sinjifikanti ta’ xogħol maħluq bid-deċiżjoni kkontestata tinsab fil-format impost mill-Kummissjoni għas-sottomissjonijiet tal-informazzjoni mitluba. Tabilħaqq, fl-era diġitali, il-fatt li talba għal informazzjoni tkun teħtieġ is-sottomissjoni ta’ ammont kbir ħafna ta’ informazzjoni jista’ sikwit ikun ta’ importanza sekondarja. F’ħafna każijiet l-ammont ta’ xogħol maħluq minn talba għal informazzjoni jkun prinċipalment jiddependi mill-mod li bih il-Kummissjoni titlob lil min jirċievi dik it-talba biex jissottometti l-informazzjoni. Fi kliem ieħor, il-format impost mill-Kummissjoni għall-informazzjoni mitluba jista’ sikwit ikun dak li joħloq l-ikbar ammont ta’ xogħol għal impriża.

106. F’dak ir-rigward, nosserva li l-Anness II (istruzzjonijiet iddettaljati għar-risposti tal-kwestjonarju) u l-Anness III (templates għar-risposti) tad-deċiżjoni kkontestata flimkien ilaħħqu għal kważi 30 paġna ta’ kumplessità estrema. Il-format impost kien mill-iktar strett u l-istruzzjonijiet kienu ddettaljati b’mod eċċezzjonali.

107. Dwar kemm kien strett il-mudell, irrid nisħaq li l-konformità sħiħa mal-format mitlub kienet żgurata b’theddida espliċita ta’ penalitajiet. Fil-kaxxa fil-bidu tal-kwestjonarju l-Kummissjoni tikteb (b’ittri skuri u b’linja taħthom): “Jekk jogħġbok innota li t-tweġiba tiegħek tista’ titqies bħala mhux korretta jew qarrieqa jekk id-definizzjonijiet u l-istruzzjonijiet li ġejjin ma jkunux osservati”.

108. Fir-rigward tan-natura eċċezzjonalment iddettaljata tal-istruzzjonijiet, nirreferi biss għall-preskrizzjonijiet manifestament metikolużi dwar it-tweġibiet li l-Kummissjoni talbet li jingħataw f’fajl Excel. L-appellanti setgħet tuża biss dawk it-templates inklużi fl-Anness III, u kien jeħtiġilha ssegwi strettament l-istruzzjonijiet dwar, fost affarijiet oħra, l-għadd ta’ fajls li kellhom jingħataw, l-għadd ta’ spreadsheets għal kull fajl, l-isem ta’ kull spreadsheet, it-taqsiriet li kellhom jintużaw, l-ismijiet u n-numri tal-kolonni jew linji, il-format ta’ dati u l-użu ta’ spazji, karattri speċjali jew simboli (41).

109. Barra dan, il-kodiċijiet numerużi u kważi kriptiċi li min jirċievi d-deċiżjoni kien jeħtieġlu juża — kif saħqet il-Kummissjoni, “b’mod uniformi” u “fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha” (42) — b’mod ċar la kienu ta’ titjib biex id-deċiżjoni kkontestata tinqara u tkun iktar faċli għal min jużaha, u lanqas ma ffaċilitaw ix-xogħol tal-impriża biex tikkompila t-tweġibiet.

110. Jista’ jingħad fiż-żgur li, anki għal negozjant b’esperjenza, il-format inkwistjoni jidher, mad-daqqa ta’ għajn, li huwa taħbila tal-moħħ enormi.

111. Kif spjegajt fil-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement, il-kunċett ta’ “informazzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Kummissjoni titlob impriżi jissottomettu l-informazzjoni mitluba skont format speċifiku. Dawk li jirċievu talbiet għal informazzjoni ovvjament ikunu obbligati jwieġbu għal talba billi jagħtu informazzjoni li tkun mhux biss korretta u sħiħa, iżda wkoll preċiża u ċara. Barra dan, meta jkun meħtieġ li informazzjoni tinġabar flimkien biex tingħata tweġiba utli, huma jkunu mistennija wkoll, minħabba l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni attiva, iqisu l-format mitlub mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax titlob impriżi jagħmlu xogħlijiet klerikali u amministrattivi bħal dawn, estensivi, kumplessi u li jieħdu ż-żmien, meta jibagħtu l-informazzjoni mitluba, tant li t-tħejjija u l-bini ta’ każ kontra dawk l-impriżi jkun jidher, f’termini reali, li jkun qiegħed “jingħata biex isir minn ħaddieħor”, din id-darba minnhom. Wara kollox hija l-Kummissjoni li għandha ġġib prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (43).

112. Hu x’inhu, irrispettivament minn ksur li jista’ jkun hemm tal-Artikolu 18 (li l-appellanti ma semmitx), jidhirli li l-format impost mid-deċiżjoni kkontestata b’mod ċar ħoloq ammont sinjifikanti ħafna ta’ xogħol għall-appellanti. Dan huwa anki inqas aċċettabbli sa fejn l-operazzjonijiet ta’ formatting mitluba mill-Kummissjoni sikwit kienu jikkonċernaw data li kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni jew għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

113. Dwar l-ewwel aspett, ma għandux jintesa li d-deċiżjoni kkontestata ġiet wara li talbiet għal informazzjoni oħra partikolarment onerużi (li kienu ħadu l-għamla ta’ talbiet sempliċi skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003) kienu ngħataw tweġiba minn Buzzi Unicem. Dawk it-talbiet ta’ qabel kienu jikkonċernaw ġeneralment l-istess xorta ta’ informazzjoni, b’xi dettalji differenti jew skont format differenti.

114. Id-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, kienet tobbliga lill-appellanti — minħabba l-format meħtieġ għas-sottomissjoni tal-informazzjoni — tagħmel sforzi addizzjonali għas-sempliċi formatting mill-ġdid ta’ data li kienet diġà ngħatat lill-Kummissjoni. Ma nista’ nsib ebda ġustifikazzjoni għal talba bħal din. F’dawk iċ-ċirkustanzi t-talba tal-Kummissjoni għal ammont tassew kbir ta’ data biex tiġi fformattjata mill-ġdid setgħet, mutatis mutandis, titqabbel ma’ talba għal dokumenti numerużi u twal fil-pussess ta’ impriża li jkollhom jiġu tradotti f’lingwa differenti. Il-fatt li l-persunal tal-Kummissjoni jista’ ma jkollux il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa ma jiġġustifikax, fil-fehma tiegħi, talba bħal din.

115. Kieku l-Kummissjoni, fit-talbiet tagħha għal informazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kienet abbozzat il-mistoqsijiet tagħha bil-mod li kienu fformulati fid-deċiżjoni kkontestata, jew wara aċċettat biss is-sottomissjoni tal-informazzjoni mitluba f’kull format ieħor, l-appellanti kienet tiffranka ammont sinjifikanti ta’ xogħol.

116. Dwar it-tieni aspett, id-deċiżjoni kkontestata kienet titlob lill-appellanti tiġbor flimkien informazzjoni li kienet fid-dominju pubbliku. Pereżempju, il-punt 10 tal-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata jaqra: “Il-valuri monetarji kollha għandhom ikunu espressi fl-ewro. Jekk il-munita lokali użata ma tkunx l-ewro, jekk jogħġbok aqleb fl-ewro billi tuża r-rata tal-kambju uffiċjali ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-perijodu ta’ riferiment”. Ma huwiex ċar għaliex dawk il-kalkoli ma setgħux isiru mill-persunal stess tal-Kummissjoni (44).

117. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-appellanti kienet korretta meta qalet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat u applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-raba’ aggravju tal-appellanti għandu konsegwentement jintlaqa’ u, għaldaqstant, is-sentenza appellata titħassar.

E –    Prattiki tajba

1.      L-argumenti tal-partijiet

118. Permezz tal-ħames u l-aħħar aggravju tagħha l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tissalvagwarda d-drittijiet tal-appellanti skont “Prattiki tajba relattivi għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika fil-kuntest tal-proċeduri abbażi tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u fil-każijiet ta’ fużjoni (Dokument ta’ ħidma tal-persunal)” (45) (iktar ’il quddiem “L-Aħjar Prattika”). Skont l-appellanti, jekk il-Kummissjoni tagħżel li ssegwi l-Prattika tajba tagħha billi tikkonsulta lill-impriża dwar l-abbozz tat-talba għal informazzjoni, hija tkun imbagħad obbligata tqis il-kummenti jew it-talbiet tal-impriża għal kjarifika. Il-Qorti Ġenerali konsegwentement wettqet żball ta’ liġi billi injorat dak l-obbligu.

119. Il-Kummissjoni tikkontendi li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

2.      Analiżi

120. Is-Sezzjoni 3.4.3 ta’ Il-Prattika tajba taqra kif ġej: “Meta jkun xieraq u sewwa, DĠ Kompetizzjoni jibgħat ‘abbozz’ Talba għal Data għal data kwantitattiva biex tkun iffaċilitata identifikazzjoni aħjar tal-format u biex jitħalla jkun hemm kontrolli għal konsistenza bażika (ara s-Sezzjoni 3.3.2). L-għan tal-abbozz Talba għal Data huwa li partijiet jiġu mistiedna jipproponu kull modifika li tkun tista’ ttaffi l-piż tal-konformità filwaqt li jipproduċu l-informazzjoni meħtieġa. Kull tnaqqis fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Talba għal Data jista’ jiġi aċċettat biss jekk ma jġibx riskju ta’ ħsara għall-investigazzjoni u jista’ jagħti bidu, partikolarment f’każijiet ta’ fużjoni, għal tnaqqis fl-iskadenza għal tweġiba antiċipata inizjalment.”

121. Jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta fakkret fil-ġurisprudenza li tgħid li meta l-Kummissjoni tistabbilixxi regola li tindika mġiba maħsuba biex tipproduċi effetti esterni, hija ma għandhiex tmur lil hinn minn dik ir-regola mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Madankollu, kif innotat ukoll mill-Qorti Ġenerali, Il-Prattika tajba tistabbilixxi b’mod ċar setgħa diskrezzjonali għall-Kummissjoni li tqis osservazzjonijiet “meta jkun xieraq u utli” u ssegwi l-osservazzjonijiet tal-impriża meta dawk “ma jkunux ta’ riskju ta’ ħsara għall-investigazzjoni” (46).

122. Il-kliem ta’ Il-Prattika tajba ma jistax, għalhekk, iwassalni biex nikkonkludi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tadotta, dwar dan il-punt, linja ta’ kondotta ċara u inekwivoka.

123. Iktar importanti, jidhirli li huwa anki kontrointuwittiv li wieħed jargumenta li, billi tibgħat abbozz ta’ deċiżjoni lid-destinatarji potenzjali, il-Kummissjoni tintrabat li ssegwi kull osservazzjoni mibgħuta minnhom. Ma hemm ebda bażi għal argument bħal dan, u ebda loġika warajh. Ma nara l-possibbiltà ta’ ebda obbligu ieħor għall-Kummissjoni li toħroġ mis-Sezzjoni 3.4.3 ta’ Il-Prattika tajba għajr li tingħata kunsiderazzjoni kif imiss lill-osservazzjonijiet mibgħuta mill-impriżi kkonsultati. F’dan ir-rigward Buzzi Unicem ma offriet ebda element konkret li juri li l-Kummissjoni ma qisitx kif imiss l-osservazzjonijiet tagħha.

124. Fl-aħħar nett ninnota wkoll li s-Sezzjonijiet 7 u 8 ta’ Il-Prattika tajba jindikaw b’mod ċar li l-Kummissjoni tista’ tvarja l-approċċ tagħha skont dik il-prattika, u li d-dokument ma huwiex maħsub li jipproduċi effetti legali ġodda jew jibdel il-prattika tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjonijiet. Flimkien ma’ dan, il-karattru mhux vinkolanti ta’ Il-Prattika tajba huwa kkonfermat ulterjorment mill-fatt li din tkun inħarġet biss bħala “Dokument ta’ ħidma tal-persunal” tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, u mhux bħala dokument li jkollu jiġi adottat mill-Kummissjoni kollha (jiġifieri maqbul mill-Kulleġġ tal-Kummissarji). Fil-fatt Il-Prattika tajba qatt ma ġiet ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm wieħed jista’ jistaqsi għaliex il-Kummissjoni tippubblika komunikazzjonijiet li l-valur tagħhom hija mbagħad ma tagħtihx wisq importanza meta dawk il-komunikazzjonijiet jiġu invokati fi proċeduri ġudizzjarji minn parti oħra, il-fatt jibqa’ li Il-Prattika tajba b’mod ċar ma kinitx maħsuba li tistabbilixxi regoli vinkolanti.

125. Għar-raġunijiet elenkati iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-aggravju tal-appellanti dwar il-ksur ta’ Il-Prattika tajba. Il-ħames aggravju għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

VI – Il-konsegwenzi tal-analiżi

126. Skont l-ewwel punt tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali jekk l-appell ikun fondat. Fejn il-proċeduri jkunu hekk jippermettu, hija stess tista’ tagħti sentenza finali dwar il-kwistjoni. Hija tista’ wkoll tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali.

127. Ikkonkludejt li tlieta mill-aggravji mressqa mill-appellanti għandhom, kollha jew parti minnhom, jintlaqgħu u s-sentenza appellata titħassar għal din ir-raġuni.

128. Meqjusa l-fatti disponibbli u l-iskambju ta’ fehmiet quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza finali dwar din il-kwistjoni.

129. Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Buzzi Unicem kienet issottomettiet ħames motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

130. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, il-fehma tiegħi hija li d-deċiżjoni kkontestata kienet kontra l-liġi għal żewġ raġunijiet ewlenin: kellha motivazzjoni mhux suffiċjenti dwar l-għan tat-talba (ara l-punti 23 sa 49 ta’ dawn il-Konklużjonijiet), u ma ssodisfatx ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità (ara l-punti 94 sa 117 ta’ dawn il-Konklużjonijiet). Kull wieħed minn dawn l-iżbalji legali huwa, minnu nnifsu, suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kollha. Bħala konsegwenza, insib li ma hemmx ħtieġa li neżamina jekk il-motivi l-oħra mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza humiex fondati.

VII – Spejjeż

131. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża.

132. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

VIII – Konklużjoni

133. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tħassar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2014 f’Buzzi Unicem SpA vs Il-Kummissjoni, T‑297/11;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2356 finali tat-30 ta’ Marzu 2011 fi proċeduri skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Kawża 39520 – Siment u prodotti relatati);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati maż-żewġ istanzi.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3 – HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, Schwenk Zement vs Il-Kummissjoni, C-248/14 P, Cemex et vs Il-Kummissjoni, C-265/14 P u, Italmobiliare vs Il-Kummissjoni C‑268/14 P.


4 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


5 – EU:T:2014:122.


6 – C-247/14 P, punti 22 sa 27.


7 – Ara s-sentenza Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ibidem, punti 34 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9 – L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li d-deċiżjoni għandha “ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal limitu ta’ ħin li fih [l-informazzjoni] għandha tiġi provduta”. L-Artikolu 20(3) tal-istess Regolament jipprovdi li d-deċiżjoni għandha “tispeċifika is-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha tibda”.


10 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 35 sa 38).


11 – Il-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata.


12 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, (C‑310/93 P, EU:C:1994:408, punt 22).


13 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz f’SITPA (C‑27/90, EU:C:1990:407, punt 59).


14 – Ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


15 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, (C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punt 52).


16 – Għal iktar dettalji, ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni C-247/14 P, punti 46 u 47.


17 – Mistoqsija 1D. Ara, iktar ’il quddiem, punt 85 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


18 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punti 138 sa 146.


19 – Ara iktar ’il quddiem, punti 73 sa 91 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


20 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punt 50.


21 – C-247/14 P, punti 52 sa 54.


22 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’SEP vs Il-Kummissjoni, C-36/92 P, EU:C:1993:928, punt 30.


23 – Ara s-sentenza Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Kummissjoni, (C-386/10 P, EU:C:2011:815, punti 65 u 66).


25 – T-296/11, EU:T:2014:121, punti 41 sa 56.


26 – Punt 45 tas-sentenza appellata.


27 – Fil-fehma tiegħi, ma huwiex, għalhekk, għall-Qorti tal-Ġustizzja li tara li l-mistoqsijiet 5S, 5R, 5T u 5V jikkonċernaw biss fatti li f’kull każ, jidhru li bilkemm jistgħu jiġu kkontestati.


28 – Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Orkem vs Il-Kummissjoni, (374/87, EU:C:1989:207, punt 55).


29 – Ara l-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata.


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, (EU:C:1989:387, punt 35) u Solvay vs Il-Kummissjoni, (27/88, EU:C:1989:388, punt 32).


31 – Il-premessa 23 tirreferi, kif imsemmi, għal “domandi fattwali”. Il-problema li jinstab l-aħjar kliem biex ikun identifikat it-tip ta’ mistoqsijiet li, minħabba l-kontenut fattwali tagħhom, ma jistgħux jiksru d-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza. Ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 94 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P.


32 – Sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C‑245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, (“PVC II”), punt 273 (enfasi miżjuda).


33 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punt 157.


34 – Punt 74 tas-sentenza appellata.


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, EU:C:1989:387, punt 39, u Solvay vs Il-Kummissjoni, 27/88, EU:C:1989:388, punt 36.


36 – Ara, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19; Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punti 27, 50 u 52.


37 – Ara, għal dak il-fini, is-sentenzi Roquette Frères, C-94/00, EU:C:2002:603, punti 76 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38 – L-elementi l-oħra jinkludu, fost oħrajn, in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata, l-importanza tal-provi mitluba, u l-ammont u t-tip ta’ informazzjoni utli li l-Kummissjoni taħseb li tkun fil-pussess tal-impriża inkwistjoni.


39 – Qiegħed inqis, fost affarijiet oħra, l-għadd ta’ kumpanniji involuti, il-portata ġeografika tal-ksur issuspettat u r-restrizzjonijiet bażiċi inklużi fil-ftehimiet issuspettati.


40 – Punt 129 tas-sentenza appellata.


41 – Ara l-punti 2, 6, 7, 8, 9, 13, 14 u 15 tal-Anness III. Għal istruzzjonijiet kumplessi daqshom, ara wkoll, fost oħrajn, il-Mistoqsija 1A, u l-Mistoqsija 2 fl-Anness I.


42 – Ara l-punti 16 u 17 tal-Anness II.


43 – Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.


44 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C-247/14 P, punt 120.


45 – Dokument ippubblikat fis-sit internet tad-DĠ Kompetizzjoni, Il-Kummissjoni Ewropea.


46 – Ara l-punti 140 u 141 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.