SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE — Ħaddiema — Impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika — Direttiva 2005/36/KE — Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali — Kunċett ta’ ‘professjoni rregolata’ — Ammissjoni f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation (il-Belġju)”

Fil-Kawża C‑298/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Alain Brouillard

vs

Jury du concours de recrutement de référendaires près la Cour de cassation,

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President ta’ Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Brouillard, minnu stess,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Levert u P.-E. Pariġi, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Brouillard u l-Jury du concours de recrutement de référendaires près la Cour de cassation (iktar ’il quddiem il-“bord tal-għażla”) u l-État belge dwar id-deċiżjoni tal-bord tal-għażla li tiċħad l-applikazzjoni għal din il-kompetizzjoni ppreżentata minn A. Brouillard.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li:

“Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli [45(4) TFUE] u [51 TFUE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali, fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati.

[...]”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, professjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi trattata bħala professjoni regolata;

b)

‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

ċ)

‘prova ta’ kwalifiki formali’: diplomi, ċertifikati u provi oħra maħruġa minn awtorità fi Stat Membru nominata skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amminstrattivi ta’ dak l-Istat Membru u li jiċċertifikaw it-temma b’suċċess ta’ taħriġ professjonali miksub prinċiparjament fil-Komunità. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ttrattata bħala prova ta’ kwalifiki formali;

[...]

e)

‘edukazzjoni u taħriġ regolat’: kull taħriġ li huwa speċifikatament intiż għall-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet komplimentati, fejn jixraq, b’taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali.

[...]”

7

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Effetti tar-rikonoxximent”:

“1.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.”

8

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, jipprovdi:

“1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

[...]”

Id-dritt Belġjan

9

L-Artikolu 135a tal-kodiċi ġudizzjarju:

“Il-Cour de cassation hija assistita minn assistenti ġudizzjarji li n-numru minimu tagħhom huwa ta’ ħamsa u dak massimu huwa ta’ tletin, u huwa ddeterminat mill-ministru għall-ġustizzja.

L-ewwel president u l-prosekutur ġenerali għandhom jiddeterminaw, bi qbil komuni, in-numru ta’ assistenti ġudizzjarji taħt l-awtorità rispettiva tagħhom.

L-assistenti ġudizzjarji għandhom jippreparaw ix-xogħol tal-uffiċjali ġudizzjarji u tal-membri tal-preskuzzjoni; għandhom jipparteċipaw fil-kompiti ta’ dokumentazzjoni kif ukoll f’dawk ta’ traduzzjoni u ta’ pubblikazzjoni tas-sentenzi u f’dawk ta’ konkordanza tat-testi Franċiżi u Olandiżi.”

10

L-Artikolu 259k tal-kodiċi jipprevedi:

“Sabiex ikun jista’ jinħatar assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation, il-kandidat għandu jkun għalaq ħamsa u għoxrin sena u jkollu dottorat fil-liġi jew ikun gradwat fil-liġi.

Il-kandidati jiġu kklassifikati waqt il-kompetizzjoni bil-ħsieb li dawn jiġu maħtura.

Il-qorti għandha tiddetermina il-kompetizzjoni skont in-neċessitajiet tas-servizz. Hija għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tikkostitwixxi l-bordijiet.

Kull bord huwa kompost, filwaqt li jiġi osservat il-bilanċ lingwistiku, minn żewġ membri tal-qorti maħtura mill-ewwel president tal-Cour de cassation, minn żewġ membri tal-prosekuzzjoni maħtura mill-prosekutur ġenerali f’din il-qorti u erba’ persuni estranji għall-istituzzjoni maħtura mir-Re fuq żewġ listi li jinkludu erba’ kandidati kull waħda, b’osservanza f’kull waħda, tal-bilanċ lingwistiku u proposti rispettivament mill-ewwel presidenti u mill-prosekutur ġenerali.

Il-perijodu ta’ validità ta’ kompetizzjoni hija ta’ (sitt) snin.”

11

Skont l-Artikolu 259 l tal-imsemmi kodiċi:

“L-assistenti ġudizzjarji għandhom jinħatru mir-Re għal perijodu ta’ prova ta’ tliet snin skont il-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 259 l. Fl-aħħar ta’ dawn it-tliet snin, il-ħatra ssir definittiva fin-nuqqas ta’ deċiżjoni kuntrarja adottata mir-Re, esklużivament fuq il-proposta, skont il-każ, tal-ewwel president jew tal-prosekutur ġenerali, mhux iktar tard mit-tielet trimestru tat-tielet sena tal-perijodu ta’ prova.

L-ewwel president tal-Cour de cassation u l-prosekutur ġenerali ta’ din il-qorti għandhom jaħtru bi qbil komuni l-assistenti ġudizzjarji bi prova u l-assistenti ġudizzjarji maħtura definittivament li jkunu taħt l-awtorità ta’ wieħed jew l-ieħor minnhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

A. Brouillard, ċittadin Belġjan, huwa impjegat bħala attaché fid-dipartiment tad-dokumentazzjoni u tal-konkordanza tat-testi mal-Cour de cassation. Huwa ggradwat fit-traduzzjoni u fil-liġi u għandu diploma fl-istudji speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem mogħtija minn università Belġjana kif ukoll master fil-liġi, ekonomija u amministrazzjoni, għal għanijiet professjonali, b’riżultat distintiv fil-liġi privata, u bi speċjalizzazzjoni ta’ ġurista-lingwista, mogħtija mill-Università ta’ Poitiers (Franza) (iktar ’il quddiem il-“master għal għaniijet professjonali”), wara li ħa tagħlim b’korrispondenza.

13

Fl-24 ta’ Mejju 2011, A. Brouillard applika għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation.

14

Fit-23 ta’ Ġunju 2011, huwa ppreżenta quddiem il-Komunità Franċiża tal-Belġju talba għal ekwivalenza sħiħa tal-master tiegħu għal għanijiet professjonali mal-grad ta’ master 2 fid-dritt Belġjan.

15

Fis-6 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Cour de cassation nnotifika lil A. Brouillard bid-deċiżjoni tal-bord tal-għażla li tiddikjara bħala inammissibbli l-applikazzjoni tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni, billi tindika li, sabiex jinħatar assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation, il-kandidat għandu jkun kiseb dottorat, grad jew master fil-liġi minn università Belġjana, u dan bil-għan li tiġi żgurata l-kapaċità tal-kandidat li jeżerċita din il-professjoni fil-Belġju. F’din id-deċiżjoni, il-bord tal-għażla rrileva li A. Brouillard ma kienx jissodisfa din il-kundizzjoni, peress li l-Komunità Franċiża tal-Belġju ma rrikonoxxietx l-ekwivalenza tal-master tiegħu għal għanijiet professjonali għal dottorat, grad jew master fil-liġi mogħtija fil-Belġju, u li huwa ma kienx segwa programm ta’ ekwivalenza f’Università Belġjana.

16

Fis-27 ta’ Ottubru 2011, il-Komunità Franċiża tal-Belġju ċaħdet l-applikazzjoni ta’ A. Brouillard maħsuba sabiex il-master għal għanijiet professjonali tal-persuna kkonċernata jiġi rikonoxxut ekwivalenti mal-grad akkademiku ta’ master fil-liġi u llimitat l-ekwivalenza għall-grad akkademiku ġeneriku ta’ master. Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet ibbażata fuq avviż sfavorevoli tal-kummissjoni ta’ ekwivalenza, taqsima dritt u kriminoloġija, tal-Komunità Franċiża tal-Belġju, li l-motivazzjoni tagħha kienet din li ġejja:

“–

Id-detentur ta’ grad li jikkonferma studji tal-liġi jixhed kapaċità u kompetenza teknika marbuta mal-karatteristiċi tal-ordinament ġuridiku li fih din tkun ingħata; peress li, tali studji mwettqa barra mill-pajjiż ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti tal-fakultajiet tad-dritt fil-Komunità Franċiża tal-Belġju, fakultajiet li jifformaw lill-istudenti tagħhom fil-funzjonijiet ta’ ġuristi fl-ordinament ġuridiku Belġjan;

ċerti attivitajiet ta’ tagħlim indispensabbli għall-finalizzazzjoni, fil-Komunità Franċiża tal-Belġju, studji postgraduate fil-liġi (b’mod partikolari il-liġi dwar l-obbligi, il-liġi kuntrattwali, il-liġi amministrattiva, il-liġi soċjali...) ma jkunux inksibu fil-kuntest tal-kisba ta’ [master għal għanijiet professjonali], li hija mitluba l-ekwivalenza tiegħu”.

17

Id-dipartiment pubbliku federali tal-ġustizzja ppubblika avviż li jindika li, permezz ta’ deċiżjonijiet irjali tal-20 ta’ Settembru 2012, kienu ġew maħtura tliet assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation għal perijodu ta’ prova ta’ tliet snin (Moniteur belge tat-28 ta’ Settembru 2012, p. 59905).

18

Permezz ta’ żewġ rikors ppreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju, A. Brouillard talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla u ta’ dawn id-deċiżjonijiet irjali.

19

Huwa f’dan il-kuntest li l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 45 u 49[TFUE] kif ukoll id-Direttiva 2005/36/KE [...] għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ nazzjonalità Belġjana, residenti fil-Belġju u li ma eżerċitax attività professjonali fi stat Membru ieħor, jipprevalixxi ruħu, insostenn tat-talba tiegħu sabiex jipparteċipa f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarju mal-Cour de cassation Belġjana, minn grad maħruġ minn università Franċiża, jiġifieri [master għal għanijiet professjonali] mogħtija fit-22 ta’ Novembru 2010 mill-università Franċiża ta’ Poitiers?

2)

Il-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation Belġjana, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 259k tal-Kodiċi ġudizzjarju jipprevedi li l-ħatra hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant għandu jkollu dottorat jew grad fil-liġi, hija funzjoni regolata fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/36 [...]?

3)

Il-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation, li l-kompiti tagħha huma ddefiniti mill-Artikolu 135a tal-kodiċi ġudizzjarju, tikkostitwixxi impjieg mal-amministrazzjoni pubblika fis-sens tal-Artikolu 45(4) [TFUE] u l-applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 49 [TFUE] kif ukoll id-Direttiva 2005/36 [...] hija għaldaqstant eskluża mill-Artikolu 45(4) [...]?

4)

Jekk l-Artikoli 45 u 49 [TFUE] kif ukoll id-Direttiva 2005/36 [...] huma applikabbli għal dan il-każ, dawn ir-regoli għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu lill-bord tal-għażla għar-reklutaġġ tal-assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation milli jissuġġetta l-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni għall-pussess ta’ dottorat jew ta’ grad fil-liġi maħruġ minn università Belġjana jew għar-rikonoxximent, mill-entità Franċiża, kompetenti fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-ekwivalenza akkademika ta’ master, maħruġ favur ir-rikorrent mill-università Franċiża ta’ Poitiers, ma’ dottorat, grad jew master fil-liġi maħruġ minn università Belġjana?

5)

Jekk l-Artikoli 45 u 49 [TFUE] kif ukoll id-Direttiva 2005/36 [...], huma applikabbli għal dan il-każ, dawn ir-regoli għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu fuq il-bord tal-għażla għar-reklutaġġ tal-assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation l-obbligu li jipparaguna l-kwalifiki tar-rikorrent, li jirriżultaw mill-gradi tiegħu kif ukoll mill-esperjenza professjonali tiegħu, ma’ dawk li jirrendi dottorat jew grad fil-liġi maħruġ minn università Belġjana u, fejn xieraq, li jimponi fuqu miżura kumpensatorja msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali

20

Wara l-preżentata tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ir-rikorrent prinċipali, permezz ta’ nota ntavolata fis-17 ta’ Awwissu 2015, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Għal dan l-għan, A. Brouillard allega, essenzjalment, żbalji ta’ traduzzjoni f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi fit-talba għal deċiżjoni preliminari u tat-talbiet tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll riskju ta’ kontradizzjoni bejn is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża u dik tal-Qorti Ġenerali Brouillard vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T-420/13, EU:T:2015:633), fl-ipoteżi fejn ma huwiex possibbli li jiġi sostnut li l-imsemmija konklużjonijiet jonqsu, fl-opinjoni tiegħu, milli jeżaminaw fil-fond il-kwistjoni tal-“validazzjoni tal-kisba tal-esperjenza” li ġiet invokata f’ dawn iż-żewġ kawżi.

21

Jeħtieġ li jitfakkar li skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ebda raġuni ma tiġġustifika li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura f’dan il-każ, peress li l-argument avvanzat minn A. Brouillard ma huwa marbut b’mod partikolari ma ebda waħda mill-ipoteżijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura.

23

Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

24

Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE japplikawx għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi u li jaħdem f’dan l-Istat Membru, ikun detentur ta’ diploma miksuba fi Stat Membru ieħor, li huwa jinvoka sabiex japplika għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation tal-ewwel Stat Membru, u, min-naħa l-oħra, jekk tali sitwazzjoni taqax taħt l-Artikolu 45(4) TFUE.

25

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat qabel xejn li l-Artikolu 49 TFUE, li jikkonċerna l-aċċess għall-attivitajiet mhux abbażi ta’ impjieg u l-eżerċizzju tagħhom, ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

26

Fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, fl-ewwel lok, jirriżulta b’mod ċar minn ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (ara s-sentenzi López Brea u Hidalgo Palacios, C‑330/90 u C‑331/90, EU:C:1992:39, punt 7, kif ukoll Uecker u Jacquet, C‑64/96 u C‑65/96, EU:C:1997:285, punt 16).

27

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-moviment liberu tal-persuni ma jintlaħaqx kompletament jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw il-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjonijiet lil dawk iċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu użaw il-faċilitajiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u li kisbu, favur dawn tal-aħħar, kwalifiki professjonali fi Stat Membru differenti minn dak li huma ċittadini tiegħu. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll meta ċittadin ta’ Stat Membru jkun kiseb, fi Stat Membru ieħor, kwalifika universitarja addizzjonali għat-taħriġ bażiku tiegħu u li minnu huwa jintendi li jipprevalixxi ruħu meta jirritorna lura fl-Istat tal-oriġini tiegħu (ara s-sentenza Kraus, C‑19/92, EU:C:1993:125, punti 1617).

28

F’dan il-każ, A. Brouillard jinvoka, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, diploma universitarja li huwa kiseb fi Stat Membru ieħor.

29

Għaldaqstant, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE marbuta mal-moviment liberu tal-persuni ma jistax jiġi rrifjutat. Iċ-ċirkustanza li din id-diploma nkisbet wara formazzjoni b’korrispondenza ma għandhiex effett f’dan ir-rigward.

30

Fit-tieni lok, l-Artikolu 45(4) TFUE jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma humiex applikabbli għal impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika.

31

Madankollu, din l-eċċezzjoni tikkonċerna biss l-aċċess taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra f’ċerti funzjonijiet fl-amministrazzjoni pubblika (ara s-sentenzi Vougioukas, C‑443/93, EU:C:1995:394, punt 19; Grahame u Hollanders, C‑248/96, EU:C:1997:543, punt 32, Schöning-Kougebetopoulou,C‑15/96, EU:C:1998:3, punt 13, kif ukoll Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑195/98, EU:C:2000:655, punt 36).

32

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu li għandhom l-Istati Membri sabiex jirriżervaw liċ-ċittadini proprji tagħhom numru ta’ impjiegi marbuta mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u s-salvagwardja tal-interessi ġenerali (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 149/79, EU:C:1980:297, punt 19, u Vougioukas, C‑443/93, EU:C:1995:394, punt 20).

33

Minn dan jirriżulta li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-funzjoni li jixtieq jokkupa A. Brouillard taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(4) TFUE, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li A. Brouillard jixtieq jaċċedi għall-funzjoni fl-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tielet domanda li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, dan japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi u li jaħdem f’dan l-Istat Membru, ikollu diploma miksuba fi Stat Membru ieħor, li jkun qiegħed jinvoka sabiex huwa japplika għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation tal-ewwel Stat Membru, u, min-naħa l-oħra, li tali sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 45(4) TFUE.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation hijiex “professjoni rregolata”, fis-sens tad-Direttiva 2005/36.

36

Jeħtieġ li jitfakkar li d-definizzjoni tal-kunċett ta “professjoni rregolata”, fis-sens tad-Direttiva 2005/36, jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Rubino, C‑586/08, EU:C:2009:801, punt 23, kif ukoll Peñarroja Fa,C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 27).

37

Skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “professjoni rregolata” jikkorrispondi għal attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma suġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi.

38

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 sa 55 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-kunċett ta’ “kwalifiki professjonali speċifiċi”, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-Direttiva jagħmel riferiment mhux għal kull kwalifika attestata minn grad ta’ formazzjoni ta’ natura ġenerali, iżda għal dik li tikkorrispondi għal grad ta’ formazzjoni mfassal speċifikament sabiex iħejji lid-detenturi tiegħu għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari.

39

F’dan il-każ, il-gradi ta’ formazzjoni rikjesti mill-Artikolu 259k tal-kodiċi ġudizzjarju li jagħtu aċċess għall-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation ma humiex intiżi speċifikament sabiex iħejju lid-detenturi tagħhom għal din il-funzjoni, iżda jagħtu aċċess għal firxa wiesgħa ta’ professjonijiet legali.

40

Għaldaqstant, dawn il-gradi ma jikkonferixxux “kwalifiki professjonali speċifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, li l-pussess tagħhom huwa neċessarju għall-aċċess jew għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation.

41

Fi kwalunkwe każ, din il-funzjoni ma hijiex professjoni, iżda post fi ħdan is-servizz pubbliku ta’ Stat Membru.

42

Konsegwentement, l-imsemmija funzjoni ma tikkostitwixxix “professjoni rregolata”, fis-sens tad-Direttiva 2005/36, b’tali mod li din tal-aħħar ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni ineżamina fil-kawża prinċipali.

43

Iċ-ċirkustanza li l-assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation jinħatru fi tmiem kompetizzjoni, li s-suġġett tagħha jiġi ddeterminat skont il-bżonnijiet tas-servizz u li l-perijodu ta’ validità tagħha huwa ta’ sitt snin, ma tinċidix fuq din l-evalwazzjoni. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li wieħed jirnexxi fi proċedura intiża għall-għażla ta’ numru ddefinit minn qabel ta’ persuni fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva, pjuttost milli permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji assoluti, u li tagħti kwalifika li tkun valida għal perijodu limitat ta’ żmien, ma jistax jitqies bħala “kwalifika professjonali” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2005/36 (ara s-sentenza Rubino, C‑586/08, EU:C:2009:801, punt 32).

44

L-istess jgħodd għall-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ġudizzjarju, il-ħatra tal-assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation issir definittiva biss fi tmiem il-perijodu ta’ prova ta’ tliet snin. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet u mill-ispjegazzjonijiet li ngħataw mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta, jirriżulta li dan il-perijodu ta’ prova huwa simili għal perijodu ta’ prova li fi tmiemu jista’ jiġi deċiż li ma ssirx il-ħatra definittiva. Għalhekk, tali perijodu ta’ prova jikkorrispondi għal perijodu ta’ formazzjoni li hija neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li d-Direttiva 2005/36 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation ma hijiex “professjoni rregolata”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

Fuq ir-raba ’ u l-ħames domanda

46

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, hemm lok li jiġu eżaminati ir-raba’ u l-ħames domanda fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE biss.

47

Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li l-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji ma’ qorti ta’ Stat Membru, meta jeżamina talba għal parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni ppreżentata minn ċittadin ta’ dak l-Istat Membru, jissuġġetta din il-parteċipazzjoni għall-pussess ta’ diplomi rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jew għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza akkademika ta’ diploma ta’ master mogħtija mill-università ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni d-diplomi, ċertifikati u gradi oħra kif ukoll l-esperjenza professjonali rilevanti tal-parti kkonċernata, billi jwettaq paragun bejn il-kwalifiki professjonali kkonfermati minn dawn tal-aħħar ma’ dawk rikjesti minn din il-leġiżlazzjoni.

48

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjoni ta’ aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddefinixxu l-konoxxenzi u l-kwalifiki neċessarji sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni u li jirrikjedu l-produzzjoni ta’ diploma li tiċċertifika l-pussess ta’ dawn il-konoxxenzi u kwalifiki (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 9, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 34).

49

Peress li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju ma’ qorti ta’ Stat Membru ma humiex, f’dan il-mument, suġġetti għal armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet.

50

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni Belġjana tissuġġetta l-aċċess għall-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation għall-pussess tal-konoxxenzi u tal-kwalifiki meqjusa bħala neċessarji.

51

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam bl-osservanza tal-libertajiet fundamentali żgurati mit-TFUE (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C‑496/01, EU:C:2004:137, punt 55; Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos,C‑330/03, EU:C:2006:45, punt 29, u Nasiopoulos, C‑575/11, EU:C:2013:430, punt 20).

52

B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu mhux iġġustifikat għall-eżerċizzju effettiv tal-libertà fundamentali żgurat mill-Artikolu 45 TFUE (ara se-sentenzi Kraus, C‑19/92, EU:C:1993:125, point 28, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 35).

53

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet nazzjonali ta’ kwalifiki, ukoll applikati mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadinanza, jistgħu jkollhom bħala effett li jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jirreferux għal konoxxenza u kwalifiki diġà miksuba mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 15; Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 62, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 36).

54

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jkollhom quddiemhom talba għal awtorizzazzjoni, ippreżentata minn ċittadin tal-Unjoni, sabiex jeżerċita professjoni li l-aċċess għaliha huwa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, jew anki għal perijodi ta’ esperjenza prattika, huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u gradi oħra, kif ukoll l-esperjenza rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettqu paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi ċċertifikati minn dawn il-gradi jew din l-esperjenza u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenzi u l-kwalifiki rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 16; Fernández de Bobadilla, C‑234/97, EU:C:1999:367, punt 31; Dreessen, C‑31/00, EU:C:2002:35, punt 24, kif ukoll Morgenbesser,C‑313/01, EU:C:2003:612, punti 5758).

55

Din il-proċedura ta’ eżami kumparattiv għandha tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jiżguraw irwieħhom oġġettivament li d-diploma barranija tiċċertifika, fir-rigward tal-persuna li għandha dan il-grad, konoxxenza u kwalifiki li jekk mhux identiċi huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk iċċertifikati permezz tad-diploma nazzjonali. Din l-evalwazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ diploma barranija għandha ssir esklużivament billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li din id-diploma tippermetti li jiġi preżunt, fid-dawl tan-natura u tat-tul tal-istudji u tal-formazzjoni prattika marbuta magħhom, fir-rigward tad-detentur (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 17; Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 68, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 39).

56

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, Stat Membru jista’ madankollu, jieħu inkunsiderazzjoni differenzi oġġettivi differenti relatati kemm mal-kuntest ġuridiku tal-professjoni inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ provenjenza kif ukoll għall-kamp ta’ attività tagħha (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 18; Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 69, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 44).

57

Jekk dan l-eżami komparattiv tad-diplomi jwassal għall-konstatazzjoni li l-konoxxenza u l-kwalifiki ċċertifikati mid-diploma barranija jikkorrispondu għal dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istat Membru għandu l-obbligu li jaċċetta li din id-diploma tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti minnhom. Jekk, għall-kuntrarju, il-paragun jirrileva biss korrispondenza parzjali bejn dawn il-konoxxenzi u kwalifiki, l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jirrikjedi li l-persuna kkonċernata turi li hija kisbet il-konoxxenzi u l-kwalifiki li jkunu nieqsa (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 19; Fernández de Bobadilla, C‑234/97, EU:C:1999:367, punt 32; Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 70, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 40).

58

F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw jekk il-konoxxenzi miksuba fl-Istat Membru ospitanti, fil-kuntest kemm ta’ kors ta’ studji kif ukoll ta’ esperjenza prattika, humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-pussess tal-konoxxenzi li jkunu nieqsa (ara s-sentenzi Vlassopoulou, C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 20; Fernández de Bobadilla, C‑234/97, EU:C:1999:367, punt 33; Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 71, u Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 41).

59

Sa fejn kull esperjenza prattika fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet konnessi tista’ żżid il-konoxxenzi ta’ applikant, hija l-awtorità kompetenti li għandha l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni kull esperjenza prattika utli għall-prattika tal-professjoni li għaliha jintalab l-aċċess. Il-valur preċiż li għandu jingħata lil din l-esperjenza għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti fid-dawl tal-funzjonijiet speċifiċi eżerċitati, tal-konoxxenzi miksuba u applikati fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, kif ukoll tar-responsabbiltajiet ikkonferiti u tal-livell ta’ indipendenza mogħtija lill-persuna kkonċernata inkwistjoni (ara s-sentenza Vandorou et, C‑422/09, C‑425/09 u C‑426/09, EU:C:2010:732, punt 69).

60

Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 sa 59 ta’ din is-sentenza ma jostakolawx lil awtorità tar-reklutaġġ, bħall-bord tal-għażla, li tibbaża ruħha fuq deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti, bħall-kummissjoni ta’ ekwivalenza, taqsima dritt u kriminoloġija, tal-Komunità Franċiża tal-Belġju, sabiex tiddetermina hekk it-titolu barrani inkwistjoni huwiex ekwivalenti għall-grad nazzjonali rikjest.

61

Madankollu, fir-rigward tal-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-bord tal-għażla ċaħad l-applikazzjoni ta’ A. Brouillard għall-kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation qabel id-deċiżjoni ta’ din il-kummissjoni fuq it-talba tal-persuna kkonċernata intiża sabiex il-master tagħha għal għanijiet professjonali jiġi rrikonoxxut bħala ekwivalenti għall-grad akkademiku ta’ master fid-dritt Belġjan.

62

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li A. Brouillard ma wettaqx formazzjoni ġuridika sħiħa, bħal dik li hija ċċertifikata minn diplomi ta’ dottorat, ta’ grad jew ta’ master fil-liġi miksuba minn università Belġjana.

63

Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, jidher ukoll li l-master għal għanijiet professjonali invokat minn A. Brouillard ma jinkludi l-ebda tagħlim tad-dritt Belġjan u ma jiċċertifika l-ebda formazzjoni fl-oqsma tad-dritt amministrattiv u tad-dritt soċjali, filwaqt li l-kummissjoni ta’ ekwivalenza, taqsima dritt u kriminoloġija, tal-Komunità Franċiża tal-Belġju tikkunsidra li attivitajiet ta’ tagħlim f’dawn l-oqsma huma indispensabbli għall-finalizzazzjoni, fil-Komunità Franċiża tal-Belġju, ta’ studji post-graduate fil-liġi.

64

Minħabba dan, ġie indikat ukoll, waqt din is-seduta, li dan il-master jinkludi tagħlim ta’ liġi ċivili Franċiża, inkluża l-liġi dwar l-obbligi u dik kuntrattwali. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li l-konoxxenzi u l-kwalifiki ċċertifikati mill-imsemmi master jippreżentaw ċerta rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pussess tal-konoxxenzi u tal-kwalifiki rikjesti sabiex tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation.

65

Barra minn hekk, A. Brouillard invoka l-esperjenza professjonali tiegħu, b’mod partikolari dik li akkwista bħala attaché fid-dipartiment tad-dokumentazzjoni u tal-konkordanza tat-testi tal-Cour de cassation. Issa, din l-esperjenza professjonali setgħet tidher rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

66

Għaldaqstant, il-bord tal-għażla kellu l-obbligu li jeżamina jekk il-master għal għanijiet professjonali u l-esperjenza professjonali ta’ A. Brouillard kinux juru jew li dan tal-aħħar kien kiseb il-konoxxenzi u l-kwalifiki rikjesti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, il-bord tal-għażla ssodisfax dan l-obbligu u, fejn xieraq, jekk il-persuna kkonċernata wrietx biżżejjed li għandha l-kwalifiki neċessarji.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domandi li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk preżenti fil-kawża prinċipali, il-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ tal-assistenti ġudizzjarji ma’ qorti ta’ Stat Membru, meta jeżamina talba għall-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni ppreżentata minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, jissuġġetta din il-parteċipazzjoni għall-pussess tad-diplomi rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jew għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza akkademika ta’ diploma ta’ master mogħtija mill-università ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni id-diplomi, ċertifikati u gradi oħra kif ukoll l-esperjenza professjonali rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettaq paragun bejn il-kwalifiki professjonali ċċertifikati minn dawn tal-aħħar u dawk rikjesti minn din il-leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi u jaħdem f’dan l-Istat Membru, ikun detentur ta’ diploma miksuba fi Stat Membru ieħor, li huwa jinvoka sabiex japplika għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ assistenti ġudizzjarji mal-Cour de cassation tal-ewwel Stat Membru, u , min-naħa l-oħra, li tali sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 45(4) TFUE.

 

2)

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-funzjoni ta’ assistent ġudizzjarju mal-Cour de cassation ma hijiex “professjoni rregolata”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

 

3)

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk preżenti fil-kawża prinċipali, il-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ tal-assistenti ġudizzjarji ma’ qorti ta’ Stat Membru, meta jeżamina talba għall-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni ppreżentata minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, jissuġġetta din il-parteċipazzjoni għall-pussess tad-diplomi rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru jew għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza akkademika ta’ diploma ta’ master mogħtija mill-università ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni d-diplomi, ċertifikati u titoli oħra kif ukoll l-esperjenza professjonali rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettaq paragun bejn il-kwalifiki professjonali ċċertifikati minn dawn tal-aħħar u dawk rikjesti minn din il-leġiżlazzjoni.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.