SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 39 u 49 — Il-Parlament Ewropew — Elezzjonijiet — Dritt tal-vot — Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Retroattività tal-liġi kriminali l-inqas severa — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-projbizzjoni tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-aħħar istanza qabel l-1 ta’ Marzu 1994”

Fil-Kawża C‑650/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’instance de Bordeaux (Franza), b’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Thierry Delvigne

vs

Commune de Lesparre‑Médoc,

Préfet de la Gironde,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Delvigne, minn J. Fouchet, avukat,

għall-commune de Lesparre‑Médoc, minn M.-C. Baltazar u A. Pagnoux, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u F.- X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn J. Coppel, QC,

għall-Parlament Ewropew, minn D. Moore u P. Schonard, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Van Nuffel u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 39 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, T. Delvigne u min-naħa l-oħra, il-commune de Lesparre‑Médoc (Komun ta’ Lesparre-Médoc) (Franza) u l-préfet de la Gironde (prefett ta’ Gironde) dwar it-tneħħija ta’ T. Delvigne mir-reġistru elettorali ta’ dan il-komun.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom, tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU L 278, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Att tal-1976”) jipprovdi:

“1.   F’kull Stat Membru, membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti fuq il-bażi ta’ rapreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta’ lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.

[…]

3.   L-elezzjonijiet għandhom ikunu b’vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti.”

4

L-Artikolu 8 tal-Att tal-1976 jipprovdi:

“Suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru bid-disposizzjonijiet nazzjonali tiegħu.

Dawn id-disposizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu akkont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m’għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni.”

Id-dritt Franċiż

5

L-Artikolu 28 tal-Kodiċi Kriminali, stabbilit mil-Liġi tat-12 ta’ Frar 1810, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali preċedenti”), kien jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Il-kundanna ta’ piena kriminali timplika telf tad-drittijiet ċiviċi.”

6

Skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi Kriminali preċedenti:

“It-telf tad-drittijiet ċiviċi jinkludi:

[…]

2 Iċ-ċaħda mid-dritt tal-vot, mill-kandidatura, mill-eliġibbiltà u, b’mod ġenerali, mid-drittijiet ċiviċi u politiċi kollha [...]

[…]”

7

Il-Kodiċi Kriminali preċedenti ġie abrogat b’effett mill-1 ta’ Marzu 1994 bil-Liġi Nru 92-1336, tas-16 ta’ Diċembru 1992, dwar id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid u l-emenda ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali u tal-proċedura kriminali li kienet saret neċessarja b’dan id-dħul fis-seħħ (JORF tat-23 ta’ Diċembru 1992, p. 17568). L-Artikolu 131-26 ta’ dan il-Kodiċi Kriminali l-ġdid jipprovdi li qorti tista’ tiddeċiedi li persuna għandha tiċċaħħad mid-drittijiet ċiviċi tagħha, in toto jew in parte, għal perijodu ta’ mhux iktar minn għaxar snin fil-każ ta’ kundanna għal reat u ta’ ħames snin fil-każ ta’ kundanna għal delitt.

8

Il-Liġi Nru 92-1336, tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata bil-Liġi Nru 94-89, tal-1 ta’ Frar 1994, tistabbilixxi piena mandatorja u li tikkonċerna l-Kodiċi Kriminali l-ġdid u ċerti dispożizzjonijiet tal-proċedura kriminali (JORF tat-2 ta’ Frar 1994, p. 1803), tipprovdi, fl-Artikolu 370 tagħha:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 702-1 tal-code de procédure pénale (Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), iċ-ċaħda tad-drittijiet ċiviċi, ċivili u tal-familja jew l-esklużjoni mill-ġuri, li jirriżultaw ipso iure minn kundanna kriminali mogħtija fl-aħħar istanza qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jibqgħu applikabbli.”

9

L-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif emendat bil-Liġi Nru 2009-1436, tal-24 ta’ Novembru 2009, dwar il-priġunerija (JORF tal-25 ta’ Novembru 2000, p. 20192), jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Kull persuna li tkun suġġetta għal ċaħda, projbizzjoni jew inkapaċità legali jew għal kwalunkwe notifika ppubblika li tirriżulta ipso iure minn kundanna kriminali jew li tkun imposta mis-sentenza ta’ kundanna bħala piena addizzjonali titlob lill-qorti li tkun tat is-sentenza, jew fil-każ ta’ pluralità ta’ kundanni, lill-aħħar qorti li tkun iddeċidiet, li tneħħi din iċ-ċaħda, il-projbizzjoni jew l-inkapaċità legali. Jekk is-sentenza tkun ingħatat minn cour d’assises, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba hija l-kamra istruttorja li fiha l-cour d’assises għandha s-sede tagħha.”

10

Il-Liġi Nru 77-729 tas-7 ta’ Lulju 1977 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (JORF tat-8 ta’ Lulju 1977, p. 3579), kif emendata, tirregola l-proċedura elettorali applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew prevista mill-Att anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, tal-20 ta’ Settembru 1976, applikabbli skont il-Liġi Nru 77-680, tat-30 ta’ Ġunju 1977, hija rregolata mit-Titolu I tal-Ktieb I tal-code électoral (Kodiċi Elettorali) u mid-dispożizzjonijiet tal-kapitoli segwenti [...]:”

11

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu I tal-Ktieb I tal-Kodiċi Elettorali jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eleġibbiltà fl-elezzjonijiet. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikolu L 2 li jipprovdi li “iċ-ċittadini Franċiżi li għalqu t-18-il sena u li jgawdu mid-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom u li ma huma suġġett għal ebda inkapaċità legali pprovduta mil-liġi, huma eleġibbli li jivvutaw”.

12

L-Artikolu L 5 tal-Kodiċi Elettorali, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jipprovdi:

“Is-segwenti ma għandhomx jitniżżlu fir-reġistru elettorali:

1 *L-individwi li ġew ikkundannati għal reat li wettqu;

[…]”

13

Skont l-Artikolu L 6 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Il-persuni li ġew imċaħħda mill-qorti mid-dritt tal-vot u mid-dritt li jikkontestaw l-elezzjoni, ma għandhomx jitniżżlu fir-reġistru elettorali matul il-perijodu stabbilit fis-sentenza.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

T. Delvigne ġie kkundannat għal reat serju u ngħata piena li tnaqqas il-libertà għal tnax-il sena permezz ta’ sentenza tal-aħħar istanza mogħtija fit-30 ta’ Marzu 1988.

15

Mill-osservazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 u 34 tal-Kodiċi Kriminali preċedenti, din il-kundanna kienet timplika ipso iure t-telf tad-drittijiet ċiviċi ta’ T. Delvigne, li, inter alia, kienu jinkludu ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot tiegħu u tad-dritt tiegħu li jikkontesta l-elezzjonijiet.

16

Il-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992 abrogat, fil-Kodiċi Kriminali l-ġdid, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1994, il-piena addizzjonali tat-telf tad-drittijiet ċiviċi li jirriżulta ipso iure minn kundanna ta’ reat kriminali. Il-Kodiċi Kriminali l-ġdid issa jipprovdi li ċ-ċaħda tad-drittijiet ċiviċi, in toto jew in parte, għandha tiġi deċiża minn qorti u għal perijodu ta’ mhux iktar minn għaxar snin fil-każ ta’ kundanna ta’ reat.

17

Madankollu, skont l-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata, it-telf tad-drittijiet ċiviċi ta’ T. Delvigne baqa’ jissokta wara l-1 ta’ Marzu 1994 peress li kien jirriżulta minn kundanna kriminali li kienet saret definittiva qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid.

18

Fl-2012, ittieħdet deċiżjoni fir-rigward ta’ T. Delvigne mill-kummissjoni amministrattiva kompetenti fuq il-bażi tal-Artikolu L 6 tal-Kodiċi Elettorali, li ordnat it-tneħħija tiegħu mir-reġistru elettorali tal-komun ta’ Lesparre‑Médoc, fejn jirrisjedi. T. Delvigne ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikkontesta din it-tneħħija.

19

T. Delvigne talab lill-qorti tar-rinviju tagħmel talba għal rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, billi tinvoka l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata. B’mod partikolari, huwa ssostni li l-Artikolu 370 ta’ din il-liġi jqajjem “problema ta’ inkompatibbiltà”, sa fejn jikser, inter alia, diversi dispożizzjonijiet tal-Karta.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance de Bordeaux iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li artikolu tal-liġi nazzjonali jżomm fis-seħħ projbizzjoni, li barra minn hekk hija indefinita u sproporzjonata, li persuni kkundannati qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi kriminali inqas ħarxa Nru 94-89 tal-1 ta’ Frar 1994 jibbenefikaw minn piena inqas severa?

2)

L-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-obbligu li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

21

Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni tat-tneħħija ta’ T. Delvigne mir-reġistru elettorali, li ttieħdet fuq il-bażi tal-Artikolu L 6 tal-Kodiċi Elettorali wara t-telf tad-dritt tal-vot ipso iure marbut mal-kundanna kriminali li ngħatat fil-konfront tiegħu fl-1988.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif ippreċiża l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema kriminali tal-piena addizzjonali ġiet abrogata bir-riforma tal-Kodiċi Kriminali fl-1994. Madankollu, din l-emenda tad-dritt kriminali ma affettwatx is-sitwazzjoni ta’ T. Delvigne fir-rigward tad-dritt tal-vot tiegħu, peress li dan tal-aħħar kien għadu suġġett għal projbizzjoni li jivvota skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L 2 u L 6 tal-Kodiċi Elettorali u tal-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata.

23

F’dan il-kuntest, bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb interpretazzjoni tal-Artikolu 39 u tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għall-finijiet tal-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-projbizzjoni tad-dritt tal-vot fir-rigward ta’ T. Delvigne, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L 2 u L 6 tal-Kodiċi Elettorali u tal-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata, li implikat it-tneħħija tiegħu mir-reġistri elettorali.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Il-Gvernijiet ta’ Franza, ta’ Spanja u tar-Renju Unit jinvokaw in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li, skont dawn il-Gvernijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma taqax fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-qorti nazzjonali ma tinvoka ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tistabbilixxi rabta bejn din il-leġiżlazzjoni u d-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

25

Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

26

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara sentenzi Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 29).

27

Għaldaqstant, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara sentenzi Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22, kif ukoll Torralbo Marcos,C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħal T. Delvigne, huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ tneħħija mir-reġistri elettorali meħuda mill-awtoritajiet ta Stat Membru, u li timplika t-telf tad-dritt tiegħu għal vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

29

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976 jipprovdi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet inklużi f’dan l-att, il-proċedura elettorali hija rregolata, f’kull Stat Membru, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

30

Fil-każ ineżami, T. Delvigne tneħħa mir-reġistri elettorali, peress li, minħabba l-kundanna ta’ reat serju li ngħatat fil-konfront tiegħu fl-1988, huwa kien jagħmel parti mill-persuni li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Elettorali u tal-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata, li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jivvotaw f’elezzjonijiet nazzjonali. Kif sostna l-Parlament fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 2 tal-Liġi tas-7 ta’ Lulju 1977, dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, prevista fl-Att tal-1976, jirreferi għal dawn il-kundizzjonijiet fir-rigward b’mod speċifiku tad-dritt tal-vot f’din l-aħħar elezzjoni.

31

Huwa minnu li, fir-rigward tal-benefiċjarji tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenzi Spanja vs Ir-Renju Unit ((C‑145/04, EU:C:2006:543, punti 70 u 78) u Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545, punti 43 u 45) li l-Artikoli 1(3) u 8 tal-Att tal-1976 ma jiddefinixxux b’mod espress u preċiż il-benefiċjarji ta’ dan id-dritt u li, konsegwentement, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-determinazzjoni tad-detenturi tal-imsemmi dritt taqa’ fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru konformement mad-dritt tal-Unjoni.

32

Madankollu, kif sostnew il-Gvern tal-Ġermanja, il-Parlament u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-Istati Membri huma marbuta, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, bl-obbligu stabbilit fl-Artikolu 1(3) tal-Att tal-1976, moqri flimkien mal-Artikolu 14(3) TUE, jiżguraw li l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew issir b’vot dirett universali u b’mod ħieles u sigriet.

33

Konsegwentement, Stat Membru li, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-obbligu tiegħu, skont l-Artikoli 14(3) TUE u 1(3) tal-Att tal-1976 jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-esklużjoni ta’ numru ta’ ċittadini tal-Unjoni mid-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li, bħal T. Delvigne, ġew ikkundannati b’reat li l-kundanna tiegħu saret definittiva qabel l-1 ta’ Marzu 1994, għandu jitqies li qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

34

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ammissibbiltà

35

Il-Gvern ta’ Franza jinvoka l-inammissibbiltà tad-domandi magħmula, minn naħa, peress li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex neċessarji għall-qorti tar-rinviju sabiex taqta’ l-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, peress li din il-qorti ma ddefinitx suffiċjentement il-kuntest fattwali u leġiżlattiv ta’ dawn id-domandi.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari għall-finijiet tal-għoti tas-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24).

37

Għalhekk, talba mressqa minn qorti nazzjonali tista’ biss tiġi rrifjutata meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara sentenzi Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

38

Fil-każ ineżami, mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, u li ġew riprodotti wkoll fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza preżenti, jista’ jiġi dedott kjarament li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdiha bl-interpretazzjoni tal-Artikoli 39 u 49 tal-Karta sabiex tevalwa jekk id-dritt nazzjonali li fuq il-bażi tiegħu T. Delvigne tneħħa minn fuq il-listi elettorali huwiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għandhom rabta diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għaldaqstant, huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

40

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(2) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet rikonoxxuti minnha li fir-rigward tagħhom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti mit-Trattati.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jingħataw kunsiderazzjoni debita fl-interpretazzjoni tal-Karta, l-Artikolu 39(1) jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 20(2)(b) TFUE. L-Artikolu 39(2) tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 14(3) TUE. Barra minn hekk, dawn l-ispjegazzjonijiet jippreċiżaw li l-Artikolu 39(2) jirriproduċi l-prinċipji bażiċi tas-sistema elettorali fi Stat demokratiku.

42

Fir-rigward tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija limitata li tapplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, billi tipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu għandu dritt tal-vot fl-elezzjonijiet fl-Istat Membru fejn jirrisjedi taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Ir-Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, p. 66).

43

Għalhekk, l-Artikolu 39(1) tal-Karta ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-Karta tikkonċerna, kif jidher mill-informazzjoni fil-faxxikolu tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-vot ta’ ċittadin fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu.

44

Fir-rigward tal-Artikolu 39(2) tal-Karta, dan jikkonsisti, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-espressjoni fil-Karta tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 14(3) TUE u l-Artikolu 1(3) tal-Att tal-1976.

45

Huwa manifest li l-projbizzjoni tad-dritt tal-vot, li huwa suġġett għaliha T. Delvigne skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tillimita l-eżerċizzju tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 39(2) tal-Karta.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jiġu imposti ċerti limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 39(2) tagħha, sa fejn dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u sa fejn, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 50, kif ukoll Lanigan,C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 55).

47

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li l-projbizzjoni tad-dritt tal-vot inkwistjoni tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Elettorali u tal-Kodiċi Kriminali, għandu jitqies li din hija prevista mil-liġi.

48

Barra minn hekk, din il-limitazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt tal-vot li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 39(2) tal-Karta. Fil-fatt, l-imsemmija limitazzjoni ma tikkonfutax dan id-dritt fih innifsu, peress li għandha l-effett li teskludi, taħt kundizzjonijiet speċifiċi u minħabba l-imġiba tagħhom, lil ċerti persuni mill-grupp ta’ benefiċjarji tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, sa fejn tali kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti.

49

Fl-aħħar nett, limitazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija proporzjonata peress li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tar-reat kriminali mwettaq kif ukoll it-tul tal-piena.

50

Fil-fatt, kif irrileva l-Gvern ta’ Franza fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni tad-dritt tal-vot li kien suġġett għaliha T. Delvigne minħabba l-kundanna tiegħu għal piena ta’ tnax-il sena priġunerija għal reat serju ma kinitx applikabbli għall-persuni kkundannati minħabba reat sanzjonat b’piena li tnaqqas il-libertà bejn ħames snin u priġunerija għal għomor.

51

Barra minn hekk, il-Gvern ta’ Franza jsostni li d-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif emendat, joffri l-possibbiltà lil persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ T. Delvigne li titlob, u tikseb, ir-revoka tal-piena addizzjonali ċivika li wasslet għaċ-ċaħda tad-dritt tal-vot tagħha.

52

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 39(2) tal-Karta ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi ipso iure, minn fost il-benefiċjarji tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-persuni li bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod definittiv ġew ikkundannati kriminalment għal reat serju qabel l-1 ta’ Marzu 1994, għandu jitqies li qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

53

Fir-rigward tar-regola ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-inqas severa, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, din ir-regola tipprovdi li jekk, wara li jkun twettaq reat, il-liġi tkun tipprovdi piena inqas ħarxa, għandha tapplika din il-piena.

54

Fil-każ ineżami, kif ġie rrilevat fil-punti 16 u 22 ta’ din is-sentenza, meta ġie emendat il-Kodiċi Kriminali preċedenti fl-1994, iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot, bħala piena addizzjonali li tirriżulta ipso iure minn kundanna kriminali, ġiet abrogata u ssostitwita b’piena addizzjonali li għandha tiġi imposta minn qorti skont l-Artikolu 131/26 tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid u għal tul ta’ mhux iktar minn għaxar snin fil-każ ta’ reat u ta’ ħames snin fil-każ ta’ delitt.

55

Madankollu, din l-emenda ma affettwatx is-sitwazzjoni ta’ T. Delvigne, peress li, minħabba l-kundanna ta’ reat serju li ngħatat fil-konfront tiegħu qabel l-1 ta’ Marzu 1994, huwa jibqa’ suġġett ipso iure għal projbizzjoni li jivvota għal tul indefinit, skont id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi elettorali u tal-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata. Waqt is-seduta, il-Gvern ta’ Franza ppreċiża li ż-żamma tal-effett tal-kundanni li saru definittivi qabel l-1 ta’ Marzu 1994 kienet immotivata mill-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali ried jevita li l-projbizzjoni tad-dritt tal-vot li tirriżulta minn kundanna ta’ reat ma tiqafx awtomatikament u immedjatament mad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid, filwaqt li dan l-aħħar kodiċi jżomm il-projbizzjoni tad-dritt tal-vot bħala piena addizzjonali.

56

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-regola ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-inqas severa, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, ma hijiex ta’ natura li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992, kif emendata, din il-leġiżlazzjoni hija limitata li żżomm il-projbizzjoni tad-dritt tal-vot li tirriżulta ipso iure minn kundanna kriminali biss għall-kundanni definittivi, li jingħataw fl-aħħar istanza skont il-Kodiċi Kriminali preċedenti.

57

Fi kwalunkwe każ, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, din il-leġiżlazzjoni toffri espressament il-possibbiltà lill-persuni suġġetti għal tali projbizzjoni, li jitolbu u li jiksbu r-revoka ta’ din tal-aħħar. Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif emendat, din il-possibbiltà tingħata lil kull persuna li hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ dritt tal-vot, li tirriżulta ipso iure minn kundanna kriminali skont il-Kodiċi Kriminali preċedenti jew tkun ġiet mogħtija minn qorti bħala piena addizzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid. F’dan il-kuntest, il-fatt li tiġi adita qorti nazzjonali kompetenti skont din id-dispożizzjoni, minn persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ T. Delvigne u li tixtieq tikseb revoka tal-projbizzjoni li tirriżulta ipso iure minn kundanna kriminali skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali preċedenti, jagħti lok sabiex is-sitwazzjoni individwali ta’ tali persuna tiġi evalwata mill-ġdid, inkluż it-tul ta’ tali projbizzjoni.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 39(2) u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi ipso iure, minn fost il-benefiċjarji tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-persuni li bħal T. Delvigne, b’mod definittiv ġew ikkundannati kriminalment għal reat serju qabel l-1 ta’ Marzu 1994.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 39(2) u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi ipso iure, minn fost il-benefiċjarji tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-persuni li bħal T. Delvigne, b’mod definittiv ġew ikkundannati kriminalment għal reat serju qabel l-1 ta’ Marzu 1994.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.