SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi favur ċerti produtturi tal-elettriku — Ftehim ta’ xiri ta’ elettriku konklużi bejn impriża pubblika u ċerti produtturi tal-elettriku — Deċiżjoni li tiddikjara din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Kunċett ta’ ‘parti’ li tista’ tippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni Ewropea — Data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Vantaġġ — Kriterju ta’ investitur privat — Metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna msemmija”

Fil-Kawża C-357/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Lulju 2014,

Electrabel SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Dunamenti Erőmű Zrt, stabbilita f’Százhalombatta (l-Ungerija),

irrappreżentati minn J. Philippe, F.-H. Boret u A.-C. Guyon, avukati, kif ukoll P. Turner, QC,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ April 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħhom, Electrabel SA (iktar ’il quddiem “Electrabel”) u Dunamenti Erőmű Zrt (iktar ’il quddiem “Dunamenti Erőmű”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni (T‑179/09, EU:T:2014:236, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors ta’ Dunamenti Erőmű, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/609/KE, tal-4 ta’ Ġunju 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 41/05 mogħtija mill-Ungerija fil-kuntest tal-ftehim ta’ xiri ta’ elettriku (ĠU 2009, L 225, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, sussidjarjament, tal-Artikoli 2 u 5 ta’ din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem, l-“Att tal-Adeżjoni tal-2003”):

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

3

L-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jipprovdi, fil-punt 3 tiegħu, regoli relattivi għall-għajnuna mill-Istat implementati, b’mod partikolari, fl-Ungerija qabel id-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

“1.

L-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE:

a)

miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994;

b)

miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

c)

miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità li tissorvelja l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta’ l-Istat Membru l-ġdid u meqjusa bħala kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas-suq komuni, skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li hija miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati hawn qabel, għandha ma’ l-adeżjoni tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-iskopjiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

[...]

2.

[...]

Jekk il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna eżistenti abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas-suq komuni, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni sħiħa dwar dik il-miżura jew minn meta tirċievi id-dikjarazzjoni mill-Istat Membru l-ġdid fejn jinforma lill-Kummissjoni li hu jikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta hija sħiħa minħabba l-fatt li l-informazzjoni addizzjonali mitluba mhijiex disponibbli jew tkun diġà ngħatat, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li ma tkun ressqet ebda oġġezzjoni.

Kull miżura ta’ għajnuna li tkun mgħoddija lill-Kummissjoni taħt il-proċedura deskritta fil-paragrafu 1(ċ) qabel id-data ta’ l-adeżjoni hija soġġetta għall-proċedura ta’ hawn qabel irrispettivament mill-fatt li fil-perijodu ta’ l-eżami l-Istat Membru l-ġdid konċernat ikun diġà sar membru ta’ l-Unjoni.

3.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li toġġezzjona għal xi miżura, fis-sens tal-paragrafu 1(ċ), għandha titqies bħala deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)].

Jekk deċiżjoni bħal din tittieħed qabel id-data ta’ l-adeżjoni, id-deciżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss fid-data ta’ l-adeżjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 29 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

Ir-rikorrenti

5

Dunamenti Erőmű hija produttriċi tal-elettriku attiva fis-suq tal-elettriku Ungeriż, li topera ċentrali tal-elettriku li tinsab madwar 30 km fin-Nofsinhar ta’ Budapest (l-Ungerija). Din il-kumpannija kienet preċedentement impriża pubblika li ġiet ipprivatizzata f’nofs is-snin 90. Matul l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata, Dunamenti Erőmű kienet miżmuma, sa madwar 75 %, minn Electrabel, li tifforma parti mill-grupp li GDF Suez SA hija l-kumpannija parent tiegħu, u, sa madwar 25 %, minn Magyar Villamos Művek Zrt (iktar ’il quddiem “MVM”), impriża pubblika attiva fil-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll fil-kummerċ bil-grossa, fit-trażmissjoni u fil-bejgħ mill-ġdid fis-suq inkwistjoni.

6

Fl-10 ta’ Ottubru 1995, jiġifieri eżatt qabel il-privatizzazzjoni tagħha, Dunamenti Erőmű kkonkludiet ftehim ta’ xiri ta’ elettriku ma’ MVM, li kien jikkonċerna l-unitajiet “blokki F” u “blokk G2” taċ-ċentrali tal-elettriku tagħha (iktar ’il quddiem il-“FXE inkwistjoni”). Dan il-ftehim, li daħal fis-seħħ matul l-1996, kellu jdum, f’dak li jikkonċerna l-“blokki F”, li jaħdmu bil-gass, sal-2010 u, f’dak li jikkonċerna l-“blokk G2”, mgħammar b’turbina tal-gass b’ċiklu kkombinat, sal-2015.

Il-ftehim ta ’ xiri tal-elettriku

7

Bħal Dunamenti Erőmű, produtturi tal-elettriku oħrajn attivi fis-suq Ungeriż ikkonkludew ftehim ta’ xiri ta’ elettriku fuq tul ta’ żmien twil ma’ MVM (iktar ’il quddiem il-“FXE”).

8

Il-FXE huma prinċipalment ikkaratterizzati minn żewġ elementi. Minn naħa, dawn jirriżervaw lil MVM it-totalità jew il-parti l-kbira tal-kapaċità ta’ produzzjoni taċ-ċentrali tal-elettriku kkonċernati mill-ftehim.

9

Min-naħa l-oħra, l-FXE jobbligaw lil MVM li tixtri mingħand kull ċentrali tal-elettriku operata fil-kuntest tagħhom kwantità ta’ elettriku minima determinata. B’hekk, dawn jipprevedu livell minimu ta’ teħid għal kull ċentrali tal-elettriku, li MVM hija marbuta li tixtri kull sena.

10

Il-prezzijiet ġew iffissati fil-FXE b’dan il-mod. Ġew implementati l-ewwel u t-tieni ċikli ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet, rispettivament mill-1 ta’ Jannar 1997 u mill-1 ta’ Jannar 2001. Mill-1 ta’ Jannar 2004, ir-regolazzjoni kienet tipprevedi l-implementazzjoni, minn naħa, ta’ miżata ta’ kapaċità għall-kapaċitajiet irriżervati, sabiex jitħallas it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-kapaċità, fejn din il-miżata kienet tkopri l-ispejjeż fissi kif ukoll l-ispejjeż tal-kapital u kienet titħallas minn MVM, u, min-naħa l-oħra, ta’ miżata għall-elettriku biex jitħallas it-teħid minimu previst, liema miżata tkopri l-ispejjeż varjabbli. Madankollu, jekk MVM ma tixtrix din il-kwantità minima ffissata, din tkun marbuta li tħallas l-ispejjeż tal-fjuwil.

11

Il-FXE konklużi matul il-perijodu 1995-1996, li jikkostitwixxu seba’ minn għaxar FXE eżaminati mill-Kummissjoni, inkluż fosthom il-FXE inkwistjoni, kienu jifformaw parti sħiħa mill-proċess ta’ privatizzazzjoni taċ-ċentralijiet tal-elettriku. Dawn ġew emendati parzjalment mill-partijiet wara l-privatizzazzjoni.

L-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni

12

It-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka li jirrigwarda l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-Adeżjoni”) ġie ffirmat fl-Ungerija fis-16 ta’ April 2003 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata

13

B’ittra tal-31 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni rċeviet notifika mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi dwar id-digriet leġiżlattiv Nru 183/2002 (VIII.23.) li jiffissa l-metodi relattivi għad-definizzjoni u għall-amministrazzjoni tal-“ispejjeż mhux rekuperabbli”, konformement mal-proċedura msemmija fil-punt 3(1)(c) tal-Anness IV tal-att tal-adeżjoni tal-2003. Id-digriet leġiżlattiv innotifikat jirregola s-sistema ta’ kumpens tal-ispejjeż magħmula minn MVM bħala grossista fl-elettriku.

14

B’ittra tat-13 ta’ April 2005, l-awtoritajiet Ungeriżi rtiraw din in-notifika. Fl-4 ta’ Mejju 2005, konformement mar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni rreġistrat ex officio fajl ta’ għajnuna mill-Istat f’dak li jikkonċerna l-FXE.

15

Wara diversi skambji bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija, il-Kummissjoni adottat, fl-4 ta’ Ġunju 2008, id-deċiżjoni kkontestata.

16

Fil-punti 468 sa 470 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-FXE kienu jipprovdu għajnuna mill-Istat illegali, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, lill-produtturi tal-enerġija elettrika Ungeriżi u li din l-għajnuna mill-Istat kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-FXE kienet tikkonsisti fl-obbligu ta’ MVM li tixtri ċertu kapaċità u ċertu kwantità minima ggarantita ta’ enerġija elettrika bi prezz li jkopri l-ispejjeż fissi, varjabbli u ta’ kapital, matul parti kbira mit-tul tal-ħajja tal-unitajiet ta’ produzzjoni, u li kien jiżgura dħul mill-investiment lill-produtturi. Għalhekk, din ordnat it-tħassir tal-għajnuna msemmija.

17

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi kif ġej:

“Artikolu 1

1.   L-obbligi ta’ xiri kif stabbiliti fil-[FXE] bejn [MVM] u [Dunamenti Erőmű kif ukoll ma’ sitt produtturi tal-elettriku Ungeriżi oħra] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) [KE] lill-ġeneraturi tal-elettriku.

2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija [fil-paragrafu 1] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

3.   L-Ungerija għandha żżomm lura mill-għoti tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

[...]

Artikolu 3

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni rigward miżuri li diġà ttieħdu u miżuri ppjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni, u notevolment il-passi meħuda biex titwettaq simulazzjoni adattata tas-suq bl-ingrossa biex ikunu stabbiliti l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-metodoloġija ddettaljata li hija maħsuba li tiġi applikata u deskrizzjoni ddettaljata tas-sett tad-dejta li għandha l-ħsieb li tuża għal dak il-għan.

[...]

Artikolu 4

1.   L-ammont eżatt ta’ għajnuna li trid tkun irkuprata għandu jkun ikkalkulat mill-Ungerija fuq il-bażi ta’ simulazzjoni adattata ta’ kif kien ikun is-suq bl-ingrossa tal-elettriku kieku l-ebda wieħed mill-Ftehimiet ta’ Xiri tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 1(1) ma kien fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004.

2.   Fi żmien sitt xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tikkalkula l-ammonti li jridu jiġu rkuprati fuq il-bażi tal-metodu msemmi fil-paragrafu 1 u tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tas-simulazzjoni, notevolment ir-riżultati tagħha, deskrizzjoni ddettaljata tal-metodoloġija applikata, u s-sett tad-dejta użata biex titwettaq is-simulazzjoni.

Artikolu 5

L-Ungerija għandha tiżgura li l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun implimentat fi żmien għaxar xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indrizzata lir-Repubblika tal-Ungerija.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2009, Dunamenti Erőmű ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-Artikoli 2 u 5 ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dawn kienu jordnaw l-irkupru mingħandha ta’ ammont li jeċċedi l-għajnuna li l-Kummissjoni kellha tqis bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

19

Insostenn ta’ dan ir-rikors, Dunamenti Erőmű qajmet erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni nett, fuq il-fatt li anki jekk jitqies li l-ftehim konklużi matul l-1995 tawha għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kellha tqis din, mill-1 ta’ Mejju 2004, mhux bħala għajnuna ġdida, iżda bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE, it-tielet nett, fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mas-suq komuni u, ir-raba’ nett, fuq il-fatt li l-legalità tal-ordni ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna hija kontestabbli.

20

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Bl-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

prinċipalment, tiddeċiedi definittivament u tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din iddikjarat il-FXE illegali u li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel;

tiċħad l-appell sa fejn dan ġie ppreżentat minn Dunamenti Erőmű; u

tikkundanna lil Dunamenti Erőmű għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

23

L-appellanti jqajmu ħames aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

24

Il-Kummissjoni tikkontesta, minn naħa, l-ammissibbiltà tal-appell sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel u, min-naħa l-oħra, speċifikament l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ aggravji kif ukoll il-fondatezza ta’ kull wieħed mill-ħames aggravji ppreżentati mill-appellanti.

25

Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-appell sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel u li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, ibbażati fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ aggravji fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali ta’ kull wieħed minn dawn l-aggravji.

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel

L-argumenti tal-partijiet

26

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel, peress li din tal-aħħar ma kinitx parti fil-proċedura fl-ewwel istanza.

27

L-appellanti jqisu li l-appell huwa ammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel. Dawn jirrilevaw li, meta r-rikors dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Electrabel u Dunamenti Erőmű kienu jifformaw parti mill-istess grupp ta’ impriżi u li, konsegwentement, l-interess ekonomiku u legali komuni tagħhom seta’ jiġi difiż minn waħda minnhom waħedha.

28

Issa, f’Ġunju 2014, Electrabel biegħet l-ishma li kellha f’Dunamenti Erőmű u l-interess komuni ta’ dawn iż-żewġ entitajiet għandu, għalhekk, jiġi difiż minn Electrabel u minn Dunamenti Erőmű. Interpretazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens li jipprekludu lil Electrabel milli tippreżenta l-appell preżenti, tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ċċaħħad lil din il-kumpannija minn aċċess effettiv għall-ġustizzja.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ tippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja “kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”. F’dan il-każ, huwa stabbilit li Electrabel ma ressqitx talbiet fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, waqt il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, Electrabel kienet tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħal Dunamenti Erőmű, hija stess parti fil-proċedura fl-ewwel istanza, tali fatt ma jistax ikun biżżejjed biex jikkonferixxi fuq Electrabel il-kwalità ta’ “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, interpretazzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprekludi lil Electrabel milli tippreżenta l-appell preżenti ma hija b’ebda mod kuntrarja għad-dritt tagħha li taċċedi għall-ġustizzja jew għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. B’mod kuntrarju, delimitazzjoni tal-kategorija tal-persuni li jistgħu jippreżentaw appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża partikolari, bħal dik prevista fl-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut, għandha preċiżament l-għan li tiżgura l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod partikolari, billi tiżgura ċerta prevedibbiltà fl-appelli li jistgħu jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u billi jinżamm milli jiġu evitati t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà li japplikaw għal rimedji oħra previsti mid-dritt tal-Unjoni.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li dan l-appell huwa inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura żbaljata tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali biex tikkwalifika l-FXE inkwistjoni bħala għajnuna ġdida

L-argumenti tal-partijiet

32

Dunamenti Erőmű ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-FXE inkwistjoni jikkostitwixxi għajnuna ġdida, fis-sens tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, meta din ma kinitx ivverifikat, minn qabel, jekk dan il-ftehim kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

33

L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali huwa żbaljat għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, meta bbażat ruħha fuq ipoteżi impliċita, jiġifieri l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed il-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna ġdida. F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li dan japplika biss għall-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali adottat raġunament “ċirkolari” fil-punti 55 sa 60, 61 sa 73 u 77 sa 98 tas-sentenza appellata, li jgħid li hija l-ipoteżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li finalment wasslet għall-konklużjoni li l-għajnuna inkwistjoni effettivament teżisti.

34

Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Dunamenti Erőmű sostniet li, fil-punti 7879 tas-sentenza OTP Bank (C‑672/13, EU:C:2015:185), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien neċessarju li jiġi vverifikat jekk miżura statali jkunx fiha għajnuna mill-Istat, qabel ma jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna għandhiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna ġdida jew eżistenti.

35

Il-Kummissjoni tosserva li dan l-ewwel aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali hija libera li tifforma u li tiżviluppa r-raġunament tagħha bil-mod li tqis li hemm bżonn biex tirrispondi l-motivi ppreżentati quddiemha. B’hekk, l-istruttura u l-iżvilupp tar-risposta magħżula mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux jitpoġġew indiskussjoni fil-kuntest ta’ appell minn pretensjonijiet li jipprovaw jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali kellha tifforma r-raġunament tagħha billi tikkonforma ruħha mal-aspettattivi ta’ parti rikorrenti (sentenza British Telecommunications vs Il-Kummissjoni, C‑620/13 P, EU:C:2014:2309, punt 29).

37

Sussegwentement, fir-rigward tal-punti 78 u 79 tas-sentenza OTP Bank (C‑672/13, EU:C:2015:185), kuntrarjament għal dak li ssostni Dunamenti Erőmű, il-Qorti tal-Ġustizzja b’ebda mod ma kkonstatat li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għandha dejjem tiġi vverifikata mill-Qorti Ġenerali qabel ma ssir il-kwalifika tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna ġdida jew eżistenti. Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha biex tirrileva, essenzjalment, li, b’mod partikolari, il-miżura inkwistjoni kellha titqies li hija għajnuna ġdida fil-każ li l-qorti tar-rinviju kienet ikkonkludiet li din il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din il-konstatazzjoni tixhed preċiżament il-fatt li l-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna ġdida tista’ ssir abbażi tal-ipoteżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

38

Isegwi li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet biss libera li ma tivverifikax jekk il-FXE inkwistjoni kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat wara li tkun eżaminat il-punt jekk, fil-każ li dan kien il-każ, l-għajnuna li tirriżulta minn dan il-ftehim kellhiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna eżistenti.

39

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti kollha mressqa quddiemha, kemm fil-kuntest tal-ewwel motiv invokat fl-ewwel istanza, li jgħid li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kif ukoll fil-kuntest tat-tieni motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħid li l-Kummissjoni kellha tikkwalifika l-għajnuna li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni mhux bħala għajnuna ġdida, iżda bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE.

40

Finalment, bl-argumentazzjoni tagħha relattiva għal dan l-aggravju, Dunamenti Erőmű ma pprovatx li l-istruttura tar-risposta magħżula mill-Qorti Ġenerali kellha twassal lil din tal-aħħar biex twettaq żball.

41

B’mod partikolari, Dunamenti Erőmű ma tistax tilmenta nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-kwalifika tal-FXE inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, minħabba s-sempliċi fatt li din ibbażat ruħha fuq l-ipoteżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, peress li din, sussegwentement, fil-punti 67 u s-segwenti tas-sentenza appellata, wettqet eżami eżawrjenti tal-argumenti li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jiġifieri li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat setgħet tiġi kkonfermata, ma hija b’ebda mod ibbażata fuq il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-għajnuna li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna ġdida.

42

Isegwi li Dunamenti Erőmű lanqas ma tista’ tilmenta li l-Qorti Ġenerali segwiet raġunament “ċirkolari” għall-finijiet li twieġeb għall-ewwel żewġ motivi invokati fl-ewwel istanza. Fil-fatt, il-fatt stess li wettqet eżami indipendenti tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jixhed li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-ipoteżi tal-eżistenza ta’ għajnuna unikament għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni jekk l-għajnuna li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni kellhiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna ġdida jew bħala għajnuna eżistenti. Bl-istess mod, din l-ipoteżi ma pprovdietx bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 61 sa 66 tas-sentenza appellata, dwar il-kwistjoni distinta tad-determinazzjoni tad-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

43

Konsegwentement, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq in-natura żbaljata tad-data użata biex jiġi evalwat jekk il-FXE inkwistjoni fihx għajnuna mill-Istat

L-argumenti tal-partijiet

44

Dunamenti Erőmű tenfasizza li hija ma tikkontestax li r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat saru obbligatorji għall-Ungerija fid-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, din issostni li kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-Kummissjoni wettqu żball ta’ liġi meta interpretaw l-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 fis-sens li din id-data għandha titqies li hija rilevanti għall-evalwazzjoni jekk il-FXE inkwistjoni fihx għajnuna mill-Istat.

45

Bl-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű ssostni li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali biex tiddetermina d-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma għandux bażi legali.

46

Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-punt 3(1) tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jsemmi biss il-każ li fih għajnuna, diġà kkwalifikata bħala tali, tista’ tikkostitwixxi għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti, u dan l-anness imkien ma jsemmi d-data li fiha miżura statali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli relattivi għall-għajnuna mill-Istat.

47

Fil-fatt, mill-kliem tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u, b’mod partikolari, mill-espressjoni “wara d-data ta’ l-adeżjoni” jirriżulta b’mod ċar li dan l-anness japplika għall-miżuri li jkunu għadhom japplikaw wara din id-data, iżda dan ma jirregolax il-kwistjoni tad-determinazzjoni tad-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna. Barra minn hekk, għalkemm, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-anness imsemmi jindika l-mument rilevanti f’dak ir-rigward, din ikkunsidrat, fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li din ir-regola setgħet tiġi dedotta biss mill-anness imsemmi.

48

Dunamenti Erőmű żżid li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tissodisfa l-erba’ kriterji msemmija fl-Artikolu 87(1) KE qabel id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni ma ġiex mibdul mill-fatt li r-regoli relattivi għall-għajnuna mill-Istat saru obbligatorji minn din id-data.

49

Bit-tieni parti tat-tieni aggravju, Dunamenti Erőmű ssostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jmur kontra l-prassi tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

50

Skont din il-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 7176 sa 83) Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 104105) Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni (T‑16/96, EU:T:1998:78, punt 76) Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 246) kif ukoll Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 78), l-eżami tal-eżistenza ta’ għajnuna u, b’mod partikolari, l-analiżi relattiva għall-investitur privat għandhom ikunu bbażati fuq il-provi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-miżura kkonċernata.

51

Skont Dunamenti Erőmű, li tirreferi, b’mod partikolari, għall-punti 169 sa 180 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/690/UE tal-4 ta’ Awwissu 2010, dwar għajnuna mill-Istat C 40/08 (ex N 163/08) implimentata mill-Polonja għal PZL Hydral S.A. (ĠU L 298, p. 51), ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża jmur ukoll kontra l-linji gwida tal-Kummissjoni u l-prassi deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, li tgħid li l-provi relattivi għall-perijodu preċedenti għall-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll.

52

Dunamenti Erőmű żżid li huwa illoġiku u żbaljat fil-liġi li jiġu applikati l-kunċetti ta’ “vantaġġ” u ta’ “investitur privat” f’data meta ma jkun sar ebda investiment.

53

Skont Dunamenti Erőmű, ebda sentenza tal-qrati tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relattivi għad-deċiżjoni kkontestata, ma tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat abbażi tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003. B’mod partikolari, is-sentenza Kremikovtzi (C‑262/11, EU:C:2012:760) tirrigwarda biss l-irkupru tal-għajnuna kkonċernata. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet il-kliem tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“l-Att tal-Adeżjoni tal-2005”). Minn dan jirriżulta biss li l-konklużjoni relattiva għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna għandha dejjem tkun valida fid-data tal-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Bl-istess mod, fis-sentenza Rousse Industry vs Il-Kummissjoni (T‑489/11, EU:T:2013:144, punti 61 sa 64), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss li l-Kummissjoni kienet saret kompetenti fid-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni, u qatt ma qieset li din kienet tikkostitwixxi d-data rilevanti għall-finijiet li tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna.

54

Il-Kummissjoni tqis li dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

55

Fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza Kremikovtzi (C‑262/11, EU:C:2012:760), relattiva għall-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ċaħdet argument simili għal dak imqajjem minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell. Fis-sentenza Rousse Industry vs Il-Kummissjoni (T‑489/11, EU:T:2013:144, punti 61 sa 64), il-Qorti Ġenerali wkoll ċaħdet tali argument. Barra minn hekk, ebda waħda mis-sentenzi li tibbaża ruħha fuqhom Dunamenti Erőmű ma tikkonċerna miżuri adottati minn Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni u li, sussegwentement għal din l-adeżjoni, kienu għadhom applikabbli.

56

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar, b’riferenza għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 7273), li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv. Konsegwentement, Dunamenti Erőmű ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Permezz taż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Dunamenti Erőmű ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 fis-sens li d-data tal-adeżjoni kellha titqies li hija rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-FXE inkwistjoni kienx fih għajnuna mill-Istat.

58

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata u hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat saru obbligatorji fl-Ungerija fl-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri d-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni.

59

Barra minn hekk, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-punt 3 tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 stabbilixxa regoli speċifiċi għall-għajnuna eżistenti fl-Ungerija fid-data tal-adeżjoni fl-Unjoni ta’ dan l-Istat Membru. B’mod partikolari, dan tal-aħħar aċċetta l-introduzzjoni f’dan l-att ta’ dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom il-miżuri ta’ għajnuna li jkunu għadhom japplikaw wara din l-adeżjoni kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jekk dawn il-miżuri ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuna eżistenti konformement mat-termini tal-att imsemmi.

60

Isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, f’dan il-punt 54, li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tad-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni, skont l-Artikolu 87(1) KE, ta’ miżura statali adottata mill-Ungerija qabel id-data tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni u li baqgħet tapplika wara dik id-data kellha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza appellata, mill-punt 3 tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li l-Istati Membri li kienu membri tal-Unjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 riedu jipproteġu s-suq intern kontra l-miżuri li jipprovdu għajnuna mill-Istat, stabbiliti fil-pajjiżi kandidati qabel l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni u li jistgħu potenzjalment joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi jissuġġettaw dawn il-miżuri, mill-1 ta’ Mejju 2004, għas-sistema tal-għajnuna ġdida, jekk il-miżuri msemmija ma kinux jifformaw parti mill-eċċezzjonijiet elenkati preċiżament f’dan l-anness.

62

Barra minn hekk, hekk kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 64 u 66 tas-sentenza appellata, mill-kliem tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u, b’mod partikolari, mill-ewwel frażi ta’ din id-dispożizzjoni, li tgħid li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu”, jirriżulta li miżura ta’ sostenn statali li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fil-mument tal-implementazzjoni tagħha tista’ ssir hekk sussegwentement.

63

Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, fil-punt 52 tas-sentenza Kremikovtzi (C‑262/11, EU:C:2012:760), dwar l-Att tal-Adeżjoni tal-2005, li essenzjalment jirrepeti d-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 riprodotti fil-punti 2 u 3 ta’ din is-sentenza, li l-miżuri implementati qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-Unjoni, iżda li, minn naħa, għadhom japplikaw wara din l-adeżjoni u li, min-naħa l-oħra, fid-data tal-adeżjoni, kienu jissodisfaw il-kriterji kumulattivi msemmija fl-Artikolu87(1) KE, huma suġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

64

Fil-punt 54 tas-sentenza Kremikovtzi (C‑262/11, EU:C:2012:760), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, hekk kif jista’ jiġi dedott b’mod partikolari mill-Artikolu 1(b)(i) u (c) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, huwa biss mid-data tal-adeżjoni msemmija li, fil-Bulgarija, il-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 87(1) KE jistgħu jiġu applikati direttament bħala tali, u dan biss fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jseħħu minn din id-data l-quddiem.

65

Isegwi li l-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa fid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni li għandha tiġi evalwata miżura ta’ għajnuna applikabbli wara din id-data fid-dawl tal-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi. Hekk kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali f’dan l-istess punt, kull konklużjoni oħra jkollha l-konsegwenza li ċċaħħad mis-sens tiegħu l-għan imfittex mill-awturi tat-Trattat tal-Adeżjoni, hekk kif tfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-approċċ imsemmi minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tat-tieni motiv tal-appell għandu l-effett li jneħħi mill-kontroll tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ Stat Membru bħall-Ungerija, li aderixxiet fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, kull miżura adottata qabel din id-data, li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi żmien l-adozzjoni tagħha, iżda li, sussegwentement, tkun saret tali għajnuna u tibqa’ hekk wara d-data msemmija.

66

Għalhekk, kien ukoll ġustament li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni jekk il-FXE inkwistjoni kienx fih għajnuna kompatibbli mas-suq komuni fid-data tal-konklużjoni tiegħu, jew f’kull data oħra qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni, hija irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifika ta’ dan il-ftehim bħala għajnuna mill-Istat fid-data ta’ din l-adeżjoni.

67

Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jitpoġġew indiskussjoni mill-argument invokat minn Dunamenti Erőmű, li jgħid li l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju li abbażi tiegħu miżura statali għandha tiġi evalwata, abbażi tal-Artikolu 87(1) KE, fid-data tal-adozzjoni tagħha. Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, is-sentenzi li tibbaża ruħha fuqhom Dunamenti Erőmű għal dan il-għan ma jikkonċernawx miżuri ta’ għajnuna li kienu ġew adottati minn Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni u li baqgħu japplikaw wara din l-adeżjoni, bħall-FXE inkwistjoni, li, wara kollox, jifforma parti mill-kuntest leġiżlattiv speċifiku deskritt fil-punti 59 u 61 ta’ din is-sentenza.

68

Finalment, il-prassi segwita mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha jew fil-linji gwida tagħha, anki jekk jitqies li jsostnu l-approċċ imsemmi minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell, ma jistax, f’kull każ, jorbot lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tagħha tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, kull argument ibbażat fuq din il-prattika għandu jiġi miċħud.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ vantaġġ mogħti lir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

70

Bit-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, billi ċaħdet l-argumenti relattivi għall-privatizzazzjoni tagħha u billi kkonkludiet li l-FXE inkwistjoni kien jagħti vantaġġ lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. B’mod partikolari, meta qieset li d-data rilevanti biex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kienet dik tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni, il-Qorti Ġenerali injorat, b’mod żbaljat, il-kuntest madwar il-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű, peress li l-FXE inkwistjoni jikkostitwixxi parti integrali ta’ din il-privatizzazzjoni.

71

Dan it-tielet aggravju jinqasam fi tliet partijiet.

72

Bl-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű ssostni li l-FXE inkwistjoni ma tax lill-appellanti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li MVM aġixxiet bħala investitur privat meta din ikkonkludiet dan il-ftehim bħala miżura preparatorja intiża biex tiffaċilita l-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű.

73

F’dan ir-rigward, Dunamenti Erőmű tesponi li, f’nofs is-snin 90, l-għanijiet tal-Ungerija fil-qasam tal-provvista tal-enerġija kienu intiżi biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista bl-irħas prezz possibbli, li tiġi mmodernizzata l-infrastruttura u li jiġu osservati r-regoli ambjentali l-ġodda kif ukoll biex tiġi implementata r-ristrutturazzjoni neċessarja tas-settur tal-enerġija. Skont Dunamenti Erőmű, dawn l-għanijiet kellhom jitwettqu b’mod partikolari permezz ta’ programm ta’ privatizzazzjoni.

74

F’dan il-kuntest, fl-10 ta’ Ottubru 1995, il-FXE inkwistjoni ġie konkluż bejn Dunamenti Erőmű u MVM sabiex issir possibbli l-privatizzazzjoni imminenti ta’ Dunamenti Erőmű. B’hekk, f’Diċembru 1995, din tal-aħħar inxtrat minn Electrabel.

75

Dunamenti Erőmű tenfasizza li, fil-kuntest ta’ privatizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-Istat Membru kkonċernat ipprovax jimmassimizza l-profitt jew jimminimizza t-telf iġġenerat mill-bejgħ. B’riferenza, b’mod partikolari, għas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 28), Dunamenti Erőmű żiedet li Stat Membru jaġixxi bħala investitur privat jekk jittrasferixxi assi pubbliċi, minn naħa, wara sejħa għal offerti bil-miftuħ, mingħajr kundizzjonijiet u kompetittiva u, min-naħa l-oħra, lill-aħjar offerent.

76

F’din il-kawża, l-applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat turi b’mod ċar li l-FXE inkwistjoni ma jikkonferixxi ebda vantaġġ lill-appellanti, peress li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ġew issodisfatti. B’mod partikolari, saret sejħa għal offerti bil-miftuħ u kompetittiva u ntgħażlet l-ogħla offerta, jiġifieri dik ta’ Electrabel. Barra minn hekk, l-Istat Ungeriż ħatar lil speċjalist finanzjarju indipendenti li kien jirrakkomanda privatizzazzjoni bbażata fuq il-konklużjoni ta’ tali ftehim. Dan l-Istat ipprova jimmassimizza l-profitt tiegħu u ħa inkunsiderazzjoni debitament il-FXE inkwistjoni fil-prezz tal-privatizzazzjoni. Il-fatt li l-Istat imsemmi kiseb profitt mill-bejgħ ġie rrikonoxxut mill-organu ta’ kontroll tal-kontijiet ta’ dan l-istess Stat.

77

Bit-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű ssostni li, f’kull każ, anki jekk il-FXE inkwistjoni kellu xi tip ta’ vantaġġ, dan ġie rrimborsat permezz tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija. Din tal-aħħar iżżid, b’riferenza għas-sentenzi Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 78) kif ukoll Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C-75/00 P, EU:C:2002:524, punt 180), li meta l-kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna tinbiegħ bil-prezz tas-suq, il-prezz tal-bejgħ jirrifletti l-konsegwenzi tal-għajnuna preċedenti u l-bejjiegħ ta’ din il-kumpannija jżomm il-benefiċċju ta’ din l-għajnuna.

78

F’dan il-każ, il-vantaġġ li jirriżulta mill-FXE inkwistjoni ġie inkluż fil-prezz imħallas minn Electrabel għax-xiri ta’ Dunamenti Erőmű u, konsegwentement, Electrabel ħallset lura bil-quddiem dan il-vantaġġ lill-Istat Ungeriż. Skont Dunamenti Erőmű, huwa għalhekk dan l-Istat li żamm il-vantaġġ imsemmi wara l-privatizzazzjoni mwettqa matul l-1995, peress li Dunamenti Erőmű inxtrat minn Electrabel fl-aħħar ta’ proċess ta’ sejħa għal offerti kompetittiva u bil-miftuħ. Isegwi li, ikun liema jkun il-perijodu magħżul biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna, wieħed mill-erba’ kriterji meħtieġa biex il-FXE inkwistjoni jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat huwa nieqes.

79

Dunamenti Erőmű tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni tal-personalità ġuridika tagħha u dik ta’ Electrabel biex tirrispondi l-argument tagħha bbażat fuq rimbors ta’ kull għajnuna eventwali li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni minħabba l-privatizzazzjoni tagħha. Fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi rreferiet sempliċement għall-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 biex tikkonkludi li, peress li din il-privatizzazzjoni seħħet qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni, l-argument imsemmi kien irrilevanti.

80

Dunamenti Erőmű ssostni li, fis-sentenza AceaElectrabel vs Il-Kummissjoni (T‑303/05, EU:T:2009:312), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kontroll tal-kumpannija u t-tkomplija ta’ attivitajiet ekonomiċi identiċi jew paralleli huma elementi essenzjali għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika. Peress li s-sitwazzjoni ta’ Electrabel u ta’ Dunamenti Erőmű kienet tiġbor fiha dawn l-elementi kollha fid-data tal-adozzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitqies li dawn kienu jifformaw unità ekonomika waħda.

81

Skont Dunamenti Erőmű, l-argumenti mqajma, sussidjarjament, mill-Kummissjoni biex turi li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija infondata b’ebda mod ma jidhru fis-sentenza appellata u għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda. Barra minn hekk, il-punti 66 sa 68 tas-sentenza Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni (T‑384/08, EU:T:2011:650), li tirreferi għalihom il-Kummissjoni, huma irrilevanti, peress li jirrigwardaw in-natura selettiva u l-imputabbiltà ta’ garanzija mill-Istat.

82

Bit-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű tosserva li l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni ma kellha ebda effett fuq il-fatt li l-FXE inkwistjoni kien jikkostitwixxi element fundamentali tal-privatizzazzjoni, qabel din l-adeżjoni, li ma kienx jikkonferixxi vantaġġ lill-appellanti. B’mod partikolari, l-adeżjoni msemmija ma setgħet b’ebda mod tibdel il-fatt li ma kien ingħata ebda vantaġġ lill-appellanti b’konsegwenza tal-konklużjoni tal-FXE inkwistjoni u li l-Istat Ungeriż kien aġixxa bħal investitur privat fil-bejgħ ta’ Dunamenti Erőmű. L-emenda fil-leġiżlazzjoni Ungeriża li saret wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni ma tistax toħloq vantaġġ li qabel ma kienx jeżisti.

83

Dunamenti Erőmű tqis li l-Qorti Ġenerali manifestament fixklet id-data li fiha din kellha tevalwa l-kriterji relattivi għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma’ dik li fiha r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat saru obbligatorji fl-Ungerija.

84

Il-Kummissjoni tosserva, prinċipalment, li t-tielet aggravju jista’ biss jiġi miċħud jekk id-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna hija dik tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni. Il-kwistjoni dwar liema huma l-elementi li jistgħu jintrabtu mal-perijodu li jibda fl-1 ta’ Mejju 2004 hija kwistjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi invokata fl-istadju tal-appell, peress li Dunamenti Erőmű ma invokat ebda żnaturament tal-provi.

85

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li ebda waħda mit-tliet partijiet invokati minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha ma hija fondata fil-liġi.

86

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-partijiet, il-Kummissjoni ssostni, b’riferenza għas-sentenza Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni (T‑384/08, EU:T:2011:650, punti 66 sa 68), li l-assenza ta’ vantaġġ għax-xerrej ma teskludix l-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-attività mixtrija. Barra minn hekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 5 sa 11, 2526), il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna favur impriża ma ġietx affettwata minn mix-xiri ta’ ishma f’din l-impriża minn impriża oħra u lanqas mix-xiri tal-assi li nkisbu permezz tal-għajnuna ta’ impriża terza. Isegwi li l-fatt li xerrej ħallas prezz tas-suq u, minħabba dan il-fatt, huwa stess ma jibbenefika minn ebda għajnuna, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk l-entità mixtrija bbenefikatx minn għajnuna.

87

F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni tosserva li Dunamenti Erőmű tħawwad l-għajnuna mogħtija lil entità mixtrija u dik li tingħata lil xerrej ta’ din l-entità. Il-fatt li xerrej ħallas prezz tas-suq u, minħabba dan il-fatt, huwa stess ma jibbenefika minn ebda għajnuna, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk l-entità mixtrija bbenefikatx minn għajnuna.

88

Il-punt 78 tas-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) ġie inkluż b’mod indikattiv u jikkonċerna l-kwistjoni tal-irkupru ta’ għajnuna u mhux dik tal-eżistenza tagħha. Fil-punti 80 u 81 tas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238), il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament stabbilixxiet b’mod ċar in-natura differenti tal-kawża li wasslet għall-ewwel minn dawn is-sentenzi. Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-kawża preżenti, Dunamenti Erőmű kompliet topera fis-suq ikkonċernat, filwaqt li żammet il-vantaġġ li din kienet ibbenefikat minnu.

89

Finalment, f’dak li jikkonċerna t-tielet parti tat-tielet aggravju, il-fatt li MVM aġixxiet bħala investitur privat fil-konklużjoni tal-FXE inkwistjoni u li Electrabel ħallset il-prezz tas-suq għax-xiri ta’ Dunamenti Erőmű ma jikkostitwixxux provi rilevanti għad-determinazzjoni jekk din tal-aħħar ibbenefikatx minn vantaġġ b’konsegwenza għall-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim mid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni, peress li l-effett ta’ din l-adeżjoni fuq il-fatti lanqas ma huwa rilevanti f’dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90

Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument imqajjem mill-Kummissjoni bbażat fuq l-inammissibbiltà tat-tielet aggravju tal-appell, peress li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, dan l-aggravju ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar liema huma l-elementi li jistgħu jintrabtu mal-perijodu li jibda fl-1 ta’ Mejju 2004, iżda dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, ġustament, teskludi ċerti elementi mill-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni jekk il-FXE inkwistjoni kienx jagħti vantaġġ lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Din l-aħħar kwistjoni, li hija kwistjoni ta’ liġi, tista’ tiġi invokata fl-istadju tal-appell.

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

91

Bl-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű tosserva, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-FXE inkwistjoni kien jikkonferixxi fuq l-appellanti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li, minn naħa, MVM aġixxiet bħala investitur privat meta kkonkludiet dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, l-Istat Ungeriż aġixxa bħala investitur privat waqt il-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű.

92

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi Dunamenti Erőmű, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-FXE inkwistjoni kien jagħti vantaġġ lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, iżda limitat ruħha biex tikkonstata li kienet il-Kummissjoni li kellha tevalwa jekk din il-kumpannija kinitx ibbenefikat minn vantaġġ mogħti mill-FXE mill-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar, b’mod partikolari mill-punti 28 u 29 tagħha, li l-għajnuna mill-Istat li l-eżistenza tagħha ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u li, konsegwentement, kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza, kienet tikkonsisti f’vantaġġ mogħti minn dan il-ftehim lil Dunamenti Erőmű waħedha u mhux lill-azzjonisti tagħha.

93

Konsegwentement, sa fejn, bl-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell, huwa lmentat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-FXE inkwistjoni kien jikkonferixxi vantaġġ lil Electrabel, din l-ewwel parti hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandha, għalhekk, tiġi miċħuda bħala infondata.

94

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argumenti esposti fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, ibbażati fuq il-fatt li MVM aġixxiet bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq meta din ikkonkludiet il-FXE inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma jistgħux jipprovaw li dan il-ftehim ma kienx jikkonferixxi vantaġġ lil Dunamenti Erőmű, sa fejn kien japplika mill-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni jekk il-ftehim kienx fih għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni fid-data tal-konklużjoni tiegħu, jew f’kull data oħra qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni, hija irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk dan il-ftehim kienx fih għajnuna mill-Istat fid-data ta’ din l-adeżjoni.

95

Bl-istess mod, l-argumenti relattivi għall-bejgħ ta’ Dunamenti Erőmű lil Electrabel, esposti fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jintlaqgħu, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 92 ta’ din is-sentenza, l-għajnuna mill-Istat ikkonċernata ma tirriżultax mill-bejgħ innifsu, iżda tirriżulta mill-FXE inkwistjoni sa fejn japplika mill-1 ta’ Mejju 2004. Qabel kollox, b’dawn l-argumenti, Dunamenti Erőmű lanqas ma tispjega b’liema mod il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-investitur privat fid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, l-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda anki sa fejn din tirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil Dunamenti Erőmű b’konsegwenza għall-applikazzjoni tal-FXE inkwistjoni.

97

Għalhekk, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda b’mod sħiħ.

– Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

98

Bit-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű tosserva, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, meta qieset li ma kienx hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-argumentazzjoni li din kienet invokat fl-ewwel istanza, ibbażata fuq allegat rimbors tal-għajnuna inkwistjoni minn Electrabel, minħabba li l-bidla fl-azzjonisti kienet seħħet qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni. Dunamenti Erőmű ssostni li, kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni din l-argumentazzjoni, din kienet tikkonkludi li, billi ħallset il-prezz tas-suq għax-xiri ta’ din il-kumpannija, Electrabel kienet irrimborsat bil-quddiem kull vantaġġ lill-Istat Ungeriż u li b’hekk ma kienx hemm vantaġġ li jirriżulta mill-FXE inkwistjoni favur id-Dunamenti Erőmű, indipendentement mill-perijodu magħżul għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

99

Għandu jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset, bħala data rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni, id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni.

100

Fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv l-argument żviluppat minn Dunamenti Erőmű fl-ewwel istanza, ibbażat fuq allegat rimbors tal-għajnuna permezz tal-privatizzazzjoni ta’ din il-kumpannija, għar-raġuni li l-bdil fl-azzjonisti li seħħ fl-okkażjoni ta’ din il-privatizzazzjoni sar qabel id-data rilevanti msemmija fil-punt preċedenti.

101

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, l-importanza tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir waqt l-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

102

B’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni eżaminat il-punt jekk Stat aġixxiex fil-kwalità ta’ azzjonist u jekk, b’hekk, il-kriterju tal-investitur privat japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-elementi ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat, kull element ieħor rilevanti tal-każ li jippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità ta’ azzjonist jew minn dik ta’ setgħa pubblika tal-Istat Membru msemmi. B’mod partikolari, f’dan il-każ, jistgħu jkunu rilevanti n-natura u s-suġġett ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tinsab fih, kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li hija suġġetta għalihom din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86).

103

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat humiex issodisfatti, din tista’ biss tirrifjuta li teżamina informazzjoni rilevanti ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat jekk il-provi ppreżentati ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment inkwistjoni. Fil-fatt, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-provi disponibbli u l-evoluzzjonijiet prevedibbli fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment. Dan japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ investiment li ma ġiex innotifikat lilha u li jkun diġà twettaq mill-Istat Membru kkonċernat fil-mument meta din twettaq l-eżami tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 104105).

104

Isegwi li, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ abbażi tal-Artikolu 87(1) KE u, b’mod partikolari, fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-Kummissjoni hija marbuta li twettaq evalwazzjoni globali tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, skont il-provi disponibbli u l-evoluzzjonijiet prevedibbli fil-mument meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tingħata din l-għajnuna, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest li tapplika fih l-għajnuna msemmija.

105

Konsegwentement, l-informazzjoni relattiva għal avvenimenti li huma relatati mal-perijodu qabel id-data tal-adozzjoni ta’ miżura statali u li jkunu disponibbli f’din id-data tista’ tirriżulta rilevanti sa fejn din l-informazzjoni tkun tista’ tiċċara l-kwistjoni jekk din il-miżura tkunx tikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

106

Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 99 sa 105 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet marbuta li tevalwa dan il-ftehim fil-kuntest li dan kien jidħol fih, fid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha disponibbli f’din id-data li jirriżultaw rilevanti, inklużi, jekk ikun il-każ, elementi relattivi għal avvenimenti li seħħew qabel id-data msemmija.

107

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li kienet ineffettiva l-argumentazzjoni mressqa minn Dunamenti Erőmű fl-ewwel istanza, ibbażata fuq allegat rimbors tal-għajnuna li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni permezz tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija lil Electrabel, għall-unika raġuni li dan il-bejgħ sar qabel id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni.

108

Madankollu, għandu jitfakkar li jekk minn motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda l-parti dispożittiva tagħha tidher li tkun fondat għal motivi ta’ liġi oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għal annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lestelle vs Il-Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28, kif ukoll FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109

Dan huwa l-każ hawnhekk.

110

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-irkupru ta’ għajnuna illegali huwa intiż biex tiġi ristabbilita s-sitwazzjoni preċedenti u dan l-għan jintlaħaq meta l-għajnuna inkwistjoni, jekk ikun il-każ miżjuda bl-interessi moratorji, tiġi restitwita mill-benefiċjarju jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li kellhom it-tgawdija effettiva tagħha. B’din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-benefiċċju li kien gawda fis-suq fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni anterjuri għall-ħlas tal-għajnuna tiġi ristabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 74 u 75).

111

Konsegwentement, l-għan prinċipali mfittex mir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment hija li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub permezz tal-għajnuna illegali (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 76).

112

Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, meta impriża li tkun irċeviet għajnuna mill-Istat illegali tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jaġixxi f’kundizzjonijiet kompetittivi normali kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li din tkun tinsab fiha, b’mod partikolari wara li jkun ibbenefika minn għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna jiġi kkalkolat mal-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri. F’tali ċirkustanzi, ix-xerrej ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra tas-suq (ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Fil-każ li l-impriża li lilha ngħatat għajnuna mill-Istat illegali żżomm il-personalità ġuridika tagħha u tkompli teżerċita, għaliha stess, l-attivitajiet issussidjati mill-għajnuna mill-Istat, hija normalment din l-impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut ma’ din l-għajnuna u hija għalhekk din li għandha tiġi obbligata tirrimborsa ammont ugwali għal dak tal-għajnuna msemmija. Għalhekk, ma jistax jintalab li x-xerrej jirrimborsa tali għajnuna (ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 81).

114

Fir-rigward ta’ din il-kawża, mill-punti 1, 68 u 69 tas-sentenza appellata, u ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, jirriżulta li l-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű, li seħħet f’nofs is-snin 90, saret permezz ta’ bidla fl-azzjonarjat permezz ta’ trasferiment tal-ishma ta’ din tal-aħħar u li, fid-data li fiha l-Qorti Ġenerali evalwat il-fatti, din kienet għal madwar 75 % miżmuma minn Electrabel. Barra minn hekk, mill-punti 1 u 2 tas-sentenza msemmija, li ma humiex ikkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li Dunamenti Erőmű hija produttur tal-elettriku attiva fis-suq tal-elettriku Ungeriż, li, wara l-privatizzazzjoni tagħha, kompliet topera ċ-ċentrali tal-elettriku kkonċernata mill-FXE inkwistjoni.

115

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata u invokata minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tal-appell insostenn tal-argument tagħha bbażat fuq allegat rimbors tal-għajnuna li tirriżulta mill-FXE inkwistjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-privatizzazzjoni ta’ din il-kumpannija matul is-snin 90 kellha bħala effett ir-rimbors effettiv tal-għajnuna li kienet ingħatatilha bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-FXE inkwistjoni. B’mod partikolari, anki jekk jitqies li l-kumpannija msemmija ġiet ittrasferita mill-Istat Ungeriż lil Electrabel bil-prezz tas-suq u li dan il-prezz irrifletta b’mod sħiħ il-valur tal-vantaġġ li jirriżulta mill-FXE inkwistjoni, mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, kif ġew esposti fil-punt preċedenti, jirriżulta li, wara l-privatizzazzjoni tagħha, Dunamenti Erőmű żammet il-personalità ġuridika tagħha u kompliet teżerċita l-attivitajiet ikkonċernati permezz tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, b’tali mod li hija din il-kumpannija li effettivament żammet il-benefiċċju tal-vantaġġ li jirriżulta minn dan il-ftehim, hekk kif kien japplika mil-1 ta’ Mejju 2004, u li kienet tibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tagħha.

116

Isegwi li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, anki jekk jitqies li l-Istat Ungeriż setgħa jikseb profitt mill-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű, dan il-fatt ma pprekludiex lil din il-kumpannija milli tkompli tgawdi effettivament, wara l-bidla tal-azzjonarjat tagħha li saret fl-okkażjoni tal-privatizzazzjoni tagħha fl-1995, tal-vantaġġ li jirriżulta mill-FXE inkwistjoni li, hekk kif ġie espost fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, kellu jdum, skont il-blokki kkonċernati, sal-2010 jew sal-2015. B’hekk, kull profitt li l-Istat Ungeriż setgħa jikseb min din il-privatizzazzjoni ma setax jikkanċella d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv ikkonferit lil Dunamenti Erőmű minn dan il-ftehim.

117

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumentazzjoni mqajma minn Dunamenti Erőmű, li tgħid li, waqt l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, din il-kumpannija kienet tifforma entità ekonomika unika ma’ Electrabel, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-allegazzjonijiet tal-karattru ġenerali fformulati minn Dunamenti Erőmű insostenn ta’ din l-argumentazzjoni ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u esposti fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, li, wara kollox, hekk kif ġie rrilevat fil-punt imsemmi, ma ġewx ikkontestati minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest ta’ dan l-appell.

118

Konsegwentement, anki jekk il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-fatt li l-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű seħħet qabel id-data li fiha kellha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kien biżżejjed, waħdu, biex jiġi ġġustifikat li l-argumentazzjoni invokata minn din il-kumpannija, ibbażata fuq allegat rimbors tal-għajnuna permezz ta’ din il-privatizzazzjoni, tiġi eskluża mill-evalwazzjoni tagħha jekk il-FXE inkwistjoni kienx fih għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, hekk kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet, biex tikkonferma l-eżistenza ta’ tali għajnuna, tiċħad din l-argumentazzjoni għal motivi differenti minn dawk esposti fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 107 ta’ din is-sentenza ma għandu ebda effett fuq il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward u, għaldaqstant, lanqas ma għandha effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata.

119

Isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

– Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju

120

Għandu jiġi rrilevat li, bl-argumentazzjoni tagħha ppreżentata fil-kuntest ta’ din it-tielet parti, hekk kif inhi riprodotta fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, Dunamenti Erőmű tillimita ruħha biex tosserva, billi tirreferi għal kundizzjonijiet ġenerali, li l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni ma kellha ebda effett fuq il-fatt li ma ngħata ebda vantaġġ lill-appellanti bil-konklużjoni tal-FXE inkwistjoni jew bix-xiri ta’ Dunamenti Erőmű minn Electrabel, mingħajr ma tispjega għalfejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li jirriżulta minn dan il-ftehim fid-data ta’ din l-adeżjoni.

121

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni invokata minn Dunamenti Erőmű f’dan ir-rigward hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li l-kwistjoni jekk il-FXE inkwistjoni kienx fih għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, fid-data li fiha ġie konkluż il-ftehim u f’dik meta seħħet il-privatizzazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű hija rilevanti, jew saħansitra determinanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt jekk il-ftehim imsemmi kienx fih għajnuna mill-Istat fid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju tal-appell, din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

122

Għall-bqija, għandu jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni invokata minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest ta’ din it-tielet parti tat-tielet aggravju, relattiva għad-determinazzjoni tad-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, hekk kif ġiet esposta fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, tikkostitwixxi biss repetizzjoni tal-argumenti li diġà ġew miċħuda fil-kuntest tat-tieni aggravju.

123

B’hekk, peress li t-tielet parti tat-tielet aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda, għandu jiġi miċħud it-tielet aggravju b’mod sħiħ.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ vantaġġ li jirriżulta mill-obbligu ta ’ teħid minimu li jorbot lil MVM

L-argumenti tal-partijiet

124

Dunamenti Erőmű ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha meta kkunsidrat, mingħajr ma pprovat il-preżenza ta’ riskju strutturali, li l-obbligu ta’ teħid minimu li jorbot lil MVM kien jimplika l-eżistenza ta’ vantaġġ.

125

Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li Dunamenti Erőmű kienet ippreżentat provi ta’ natura li jipprovaw li MVM qatt ma kienet imġiegħla li kull sena tixtri mingħand l-ewwel minn dawn il-kumpanniji kwantità ta’ elettriku superjuri għal dik li MVM kienet tagħżel li tixtri fin-nuqqas tal-FXE inkwistjoni. Minkejja din l-affermazzjoni, il-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-Kummissjoni, illimitat ruħha biex tikkonkludi li l-fatt li, ċerti snin, MVM kienet xtrat kwantitajiet ta’ elettriku ħafna ikbar mit-teħid minimu obbligatorju ma kienx jimplika li din ma kinitx batiet ir-riskju inerenti għal dan l-obbligu.

126

Skont Dunamenti Erőmű, meta bbażat ruħha biss fuq is-sempliċi eventwalità ta’ riskju strutturali u meta naqset milli turi li tali riskju kien jeżisti realment, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha. Kieku l-Qorti Ġenerali kienet evalwat korrettement dan ir-riskju, kienet tiddeċiedi li hemm nuqqas ta’ vantaġġ, peress li kienet tqis li MVM qatt ma kienet imġiegħla tixtri kull sena mingħand Dunamenti Erőmű kwantità ta’ elettriku superjuri għal dik li din kienet tagħżel li tixtri fin-nuqqas tal-FXE inkwistjoni, u li b’hekk MVM kienet iddeċidiet liberament il-kwantità ta’ elettriku li xtaqet tixtri. Dunamenti Erőmű żżid li, kieku l-prezz imħallas ma kienx il-prezz tas-suq, MVM kienet tagħżel lil produttur ieħor biex jissostitwixxiha, għall-inqas għall-kwantitajiet ta’ elettriku li jaqbżu t-teħid minimu, peress li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kienu jeżistu kapaċitajiet ta’ produzzjoni differenti disponibbli kif ukoll possibbiltajiet ta’ importazzjoni supplimentari.

127

Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli, peress li Dunamenti Erőmű ma indikatx il-parti tas-sentenza appellata li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Din il-kumpannija tirreferi b’mod inċidentali għall-punt 112 ta’ din is-sentenza, iżda ma tesponix ir-raġuni għalfejn dan il-punt għandu jinqaleb (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34, kif ukoll Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C‑248/99 P, EU:C:2002:1, punti 68 u 69).

128

Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li dan l-aggravju jikkonċerna l-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tosserva, sussidjarjament, li l-aggravju msemmi huwa ineffettiv.

129

B’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju tal-appell huwa, f’kull każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130

Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-inammissibbiltà ta’ dan ir-raba’ aggravju, sa fejn dan tal-aħħar ma jidentifikax bi preċiżjoni biżżejjed il-parti tas-sentenza appellata li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, bl-argumentazzjoni ppreżentata insostenn għal dan l-aggravju, Dunamenti Erőmű tirreferi espressament għall-punt 112 tas-sentenza appellata.

131

Barra minn hekk, sa fejn l-argumentazzjoni ta’ Dunamenti Erőmű hija bbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali minħabba l-fatt li din ma pprovatx il-preżenza ta’ riskju strutturali waqt l-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ma jistax jiġi lmentat li din il-kumpannija ma identifikatx il-partijiet speċifiċi tas-sentenza msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 423).

132

Madankollu, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-obbligu ta’ teħid minimu li jorbot lil MVM ma jimplikax l-eżistenza ta’ vantaġġ, Dunamenti Erőmű ma tpoġġix indiskussjoni, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li tgħid li ma kienx ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-inseriment tal-garanziji intiżi biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-kapital jikkostitwixxi vantaġġ fid-dawl tal-prattiki eżistenti fis-swieq kompetittivi.

133

Isegwi li l-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-obbligu ta’ teħid minimu li jorbot lil MVM ma kienx jimplika l-eżistenza ta’ vantaġġ, ma jistax, f’kull każ, ikun biżżejjed, waħdu, biex jipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-FXE inkwistjoni.

134

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha meta ma pprovatx il-preżenza ta’ riskju strutturali, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

135

Isegwi li r-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-metodu ta ’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata

L-argumenti tal-partijiet

136

Dunamenti Erőmű ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata u kisret il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ f’dan ir-rigward.

137

Il-Kummissjoni talbet lill-Ungerija biex tistma l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata billi tqabbel id-differenza bejn id-dħul reali li nkiseb fil-kuntest tas-sistema li fiha kienu fis-seħħ il-FXE (iktar ’il quddiem ix-“xenarju reali”) u d-dħul li kien jinkiseb kieku ma ġie konkluż ebda ftehim ta’ dan it-tip (iktar ’il quddiem ix-“xenarju alternattiv”). Issa, l-ispejjeż għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, peress li l-fatt li jiġi eżaminat biss id-dħul ma jippermettix li ssir evalwazzjoni eżatta tal-vantaġġ li allegatament jirriżulta mill-FXE. Fil-kuntest tal-approċċ stabbilit mill-Kummissjoni, id-dħul supplimentari, irċevut minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tax-xenarju reali biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-fjuwil supplimentari, huma kkwalifikati bħala vantaġġi.

138

Dunamenti Erőmű ssostni li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-fjuwil, peress li dawn jirrappreżentaw madwar 100 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni varjabbli. B’hekk, ma għandhomx jiġu eżaminati l-ispejjeż kollha, iżda biss dawk marbuta max-xiri tal-gass. F’din il-kawża, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-fjuwil ipoġġi indiskussjoni l-eżistenza stess ta’ għajnuna. Fil-fatt, l-esperti ekonomiċi mqabbda mill-Ungerija kkalkolaw ammont negattiv ta’ madwar EUR 100 miljun abbażi tal-benefiċċji u ammont pożittiv ta’ madwar EUR 482 miljun abbażi tad-dħul biss.

139

Lanqas ma huwa eżatt li l-metodu bbażat fuq il-benefiċċji jkun ibbażat fuq ipoteżijiet spekulattivi marbuta mal-aġir ta’ Dunamenti Erőmű, peress li l-konsum supplimentari ta’ gass ġie impost mhux mill-aġir li din il-kumpannija għażlet li tadotta, iżda mill-fatt li kienet teżisti produzzjoni żejda ta’ elettriku.

140

Dunamenti Erőmű tirrileva li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li l-metodu bbażat fuq id-differenza ta’ benefiċċji huwa iktar xieraq. Madankollu, mill-punti 184 u 189 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta adottat l-approċċ ibbażat fuq id-dħul, peress li l-approċċ ibbażat fuq il-benefiċċji kien jidher iktar kumpless biex jiġi implementat. Issa, il-fatt li metodoloġija li tidħol fil-kuntest ta’ xenarju alternattiv tkun wisq kumplessa biex tiġi implementata ma jikkostitwixxix manifestament element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata. Fil-punt 186 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tinvoka s-sentenza Budapesti Erőmű vs Il-Kummissjoni (T‑80/06 u T‑182/09, EU:T:2012:65) biex tikkonferma dan l-approċċ. Madankollu, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-volumi rispettivi kkunsidrati fix-xenarju alternattiv u fix-xenarju reali kienu simili ħafna.

141

Skont Dunamenti Erőmű, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-vantaġġ għandu “jiġi evalwat fir-rigward tal-aġir tal-impriża pubblika li tikkonferixxi l-vantaġġ [...], u mhux fir-rigward tal-aġir tal-benefiċjarju ta’ dan il-vantaġġ”, peress li din l-affermazzjoni, li ma hija sostnuta minn ebda bażi legali, tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Ferring (C‑53/00, EU:C:2001:627), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod ċar il-prinċipju li jgħid li, jekk il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat allegata tinvolvi fl-istess ħin benefiċċji supplimentari u spejjeż żejda, id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti tista’ tikkonferixxi vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

142

Finalment, meta injorat, fil-punti 184 u189 tas-sentenza appellata, il-metodu bbażat fuq il-benefiċċji, prinċipalment minħabba l-kumplessità tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ komplet tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, minkejja li din hija marbuta li tagħmel dan meta twettaq evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika fil-kuntest tar-rikors għal annullament, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204).

143

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat il-metodu adottat fid-deċiżjoni kkontestata għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata. Bl-istess mod, l-affermazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami komplet tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija infondata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

144

Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, meta qieset li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għandha, konformement mal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, tiġi evalwata fir-rigward tal-aġir tal-impriża pubblika li tikkonferixxi l-vantaġġ inkwistjoni, u mhux fir-rigward tal-aġir tal-benefiċjarju. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għandu jiġi vverifikat jekk l-istess vantaġġ bħal dak li tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-impriża benefiċjarja permezz ta’ riżorsi tal-Istat kienx jingħata minn investitur privat fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 7879).

145

Fir-rigward, iktar preċiżament, tal-għażla tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rrimborsat, kuntrarjament għal dak li ssostni Dunamenti Erőmű, fis-sentenza Ferring (C‑53/00, EU:C:2001:627), il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx prinċipju ġenerali favur il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-benefiċċji. Għalkemm, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-vantaġġ mogħti kien jeċċedi l-ispejjeż żejda li kienu jbatu l-benefiċjarji, din ikkunsidrat li kienu biss l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu ġew imposti fuq il-benefiċjarji bil-leġiżlazzjoni nazzjonali li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 87(1) KE). Issa, Dunamenti Erőmű ma ssostnix li hija kellha tali obbligi xi twettaq.

146

Sussegwentement, għalkemm, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-fjuwil jista’ jwassal biex “l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jkun ħafna inferjuri għal dak li jirriżulta mill-implementazzjoni ta[l-metodu adottat fid-deċiżjoni kkontestata]”, madankollu f’dan il-punt b’ebda mod ma rrikonoxxiet, kuntrarjament għal dak li ssostni Dunamenti Erőmű, li l-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-benefiċċji huwa iktar xieraq minn dak ibbażat fuq id-dħul.

147

Kuntrarjament, minn qari flimkien tal-punti 184 sa 192 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-metodu adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien iktar adattat biex itellef lill-benefiċjarju l-vantaġġ li kien ibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu milli l-metodu bbażat fuq il-benefiċċji, konformement mal-ġurisprudenza esposta fil-punt 110 ta’ din is-sentenza u kif imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata.

148

B’mod partikolari, fil-punt 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet telqet, ġustament, mill-premessa li tgħid li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-FXE kienu superjuri ħafna għall-eventwali differenza pożittiva bejn il-prezzijiet tal-FXE u l-prezzijiet li jistgħu jintlaħqu fis-suq fin-nuqqas ta’ FXE, liema konstatazzjoni ma tpoġġietx indiskussjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell. Wara, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ukoll f’dan il-punt 184, li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tillimita l-ordni ta’ rkupru għad-differenza eventwali bejn id-dħul taċ-ċentralijiet tal-elettriku li joperaw fil-kuntest tas-sistema tal-FXE u dawk li ċ-ċentralijiet tal-elettriku kienu jistgħu jaċċedu għalihom fin-nuqqas ta’ FXE matul il-perijodu li jibda fl-1 ta’ Mejju 2004, peress li ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat eżattament il-valur globali tal-kundizzjonijiet kollha marbuta mal-obbligi ta’ xiri fuq żmien twil ta’ MVM għal dan il-perijodu.

149

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Dunamenti Erőmű ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għall-unika raġuni li l-ammont tal-għajnuna li jirriżulta mill-metodu ta’ kalkolu kkonfermat minnha huwa ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-metodu li hija tipprevedi l-applikazzjoni tiegħu.

150

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 146 sa 148 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-metodu bbażat fuq il-benefiċċji mhux minħabba l-kumplessità tiegħu, iżda minħabba li l-metodu bbażat fuq id-dħul kien iktar adattat biex itellef lil Dunamenti Erőmű mill-vantaġġ li jirriżulta mill-FXE inkwistjoni. Peress li l-argument invokat minn din tal-aħħar f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

151

Isegwi li lanqas l-argument ibbażat fuq ksur tal-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-nuqqas milli teżamina l-approċċ propost minn Dunamenti Erőmű minħabba l-kumplessità tiegħu, ma jista’ jirnexxi.

152

Finalment, sa fejn il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tinjora l-metodu bbażat fuq il-benefiċċji għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata f’dan il-każ, l-argumenti intiżi biex jiġi stabbilit żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tat-tip ta’ analiżi li hija neċessarja sabiex jiġi applikat dan il-metodu huma irrilevanti.

153

Għalhekk, il-ħames aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

154

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

155

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, din għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

156

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Dunamenti Erőmű tilfet hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni kif mitlub mill-Kummissjoni.

157

Peress li l-appell huwa inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat minn Electrabel, din għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Dunamenti Erőmű Zrt hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Electrabel SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.