SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/123/KE — Servizzi fis-suq intern — Navigazzjoni ta’ divertiment — Djar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina — Artikolu 2(2)(d) — Kamp ta’ applikazzjoni — Esklużjoni — Servizzi fil-qasam tat-trasport — Libertà ta’ stabbiliment — Skema għal awtorizzazzjoni — Artikolu 10(2)(c) — Kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni — Proporzjonalità — Kundizzjoni lingwistika — Artikolu 11(1)(b) — Perijodu tal-awtorizzazzjoni — Limitazzjoni tan-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli — Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali”

Fil-Kawżi magħquda C‑340/14 u C‑341/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kunsill tal-Istat (Raad van State, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Lulju 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2014, fil-proċeduri

R. L. Trijber, li jaġixxi taħt l-isem Amstelboats (C-340/14)

vs

College van burgemeester en wethouders van Amsterdam,

u

J. Harmsen (C-341/14)

vs

Burgemeester van Amsterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. L. Trijber, li jaġixxi taħt l-isem Amstelboats, minn E. Steyger, avukat,

għal J. Harmsen, minn D. op de Hoek, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, M. Gijzen u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, H. Tserepa-Lacombe u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(d), 10(2)(ċ) u 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fl-ambitu tal-kawżi bejn, rispettivament, R. L. Trijber u l-Kulleġġ tas-Sindku u l-Membri Eletti ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) (College van burgemeester en wethouders van Amsterdam, iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ muniċipali”) u bejn J. Harmsen u s-Sindku ta’ Amsterdam (Burgemeester van Amsterdam, iktar ’il quddiem is-“Sindku”), dwar ir-rifjut li tingħatalhom awtorizzazzjoni ta’ operat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/123:

“Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. [...] Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill-konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.”

4

Il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Peress li l-ostakoli fis-suq intern għas-servizzi jaffettwaw lill-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn kif ukoll dawk li jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huma stabbiliti hemm, huwa meħtieġ li l-fornituri jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet tas-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern jew billi jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru jew billi jagħmlu użu mill-moviment liberu tas-servizzi. Fornituri għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn dawk iż-żewġ libertajiet, skond l-istrateġija tagħhom ta’ tkabbir f’kull Stat Membru.”

5

Il-premessa 7 ta’ din id-direttiva tispeċifika:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. [...] Din id-Direttiva tqis ukoll għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali, inkluż il-ħarsien ta’ l-ambjent, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika kif ukoll il-bżonn li jkun hemm konformità mal-liġi tax-xogħol.”

6

Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/123:

“Servizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

7

Il-premessa 33 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu [...] Is-servizzi lill-konsumatur huma koperti wkoll, bħal dawk fil-qasam tat-turiżmu, inklużi żjajjar gwidati; servizzi ta’ ħin liberu, ċentri sportivi u parkijiet tad-divertiment [...] Dawk l-attivitajiet jistgħu jinvolvu servizzi li jitolbu l-prossimità tal-fornitur u r-riċevitur, servizzi li jitolbu safar mir-riċevitur jew mill-fornitur u servizzi li jistgħu jiġu pprovduti mill-bogħod, inkluż permezz ta’ l-internet.”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[...]

d)

is-servizzi fil-qasam tat-trasport [...] li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V [tat-Tielet Parti] tat-Trattat [KE] [li sar Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE].

[...]”

9

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE];

[...]

8)

‘raġunijiet l-aktar importanti dwar l-interess pubbliku” tfisser ir-raġunijiet irrikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn is-suġġetti li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali;

[...]”

10

Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, jinkludi, fit-Taqsima I, hi stess intitolata “Awtorizzazzjonijiet”, l-Artikoli 9 sa 11.

11

Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skema ta’ awtorizzazzjoni”:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.

[...]”

12

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.”

13

Fi kliem l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perjodu ta’ awtorizzazzjoni”:

“1.   Awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur m’għandhiex tkun għal perjodu limitat, ħlief fejn:

[...]

(b)

in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli hu limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

[...]”

Id-dritt Olandiż

Il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi

14

Skont l-Artikolu 33(1)(b) u (c) tal-Liġi dwar is-servizzi (Dienstenwet), li tittrasponi parzjalment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 fid-dritt Olandiż, awtorità kompetenti ma għandhiex tillimita l-perijodu ta’ validità ta’ awtorizzazzjoni, li hija tista’ tagħti għal perijodu illimitat, sakemm in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli ma jkunx limitat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali jew perijodu limitat ta’ awtorizzazzjoni ma jkunx iġġustifikat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-passaġġi fuq l-ilma interni

15

L-Artikolu 2.4.5(1) tad-Digriet tal-2010 dwar il-passaġġi fuq l-ilma interni (Verordening op het binnenwater 2010), adottat mill-Kunsill Komunali ta’ Amsterdam (Raad van de gemeente Amsterdam), jipprojbixxi t-trasport, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kulleġġ muniċipali jew bi ksur tagħha, ta’ merkanzija jew passiġġieri permezz ta’ dgħajsa intiża għall-użu kummerċjali. Konformement mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, il-Kulleġġ muniċipali jista’ jirrifjuta tali awtorizzazzjoni sabiex jillimita n-numru ta’ dgħajjes tal-passiġġieri, fid-dawl tal-interessi previsti fl-Artikolu 2.3.1(2) ta’ dan id-digriet. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-awtorizzazzjoni ta’ rmiġġ tista’ tiġi rrifjutata fl-interess tal-benesseri, tal-ippjanar, tas-sigurtá, tal-ambjent u tal-faċilità u s-sigurtà tal-passaġġ.

16

L-Artikolu 2.1(1) tar-Regolament ta’ Amsterdam dwar it-trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma (Regeling passagiersvervoer te water Amsterdam), kif kien applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi li l-awtorizzazzjonijiet għal dan it-tip ta’ trasport jingħataw permezz ta’ perijodi ta’ allokazzjoni. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-applikazzjonijiet imressqa f’data fejn ebda perijodu ta’ allokazzjoni ma huwa fis-seħħ jiġu miċħuda fuq il-bażi tal-politika fis-seħħ fir-rigward tal-volum ta’ awtorizzazzjoni. Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, il-Kulleġġ muniċipali jista’, b’deroga għall-paragrafu 1 tiegħu, jagħti tali awtorizzazzjoni li ma taqax f’perijodu ta’ allokazzjoni għal inizjattiva speċjali ta’ użu ta’ dgħajsa mħaddma b’mutur ekoloġiku jew għal kunċett ta’ trasport innovattiv.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-prostituzzjoni

17

L-Artikolu 3.27(1) tar-Regolament Ġenerali tal-Pulizija ta’ Amsterdam tal-2008 (Algemene plaatselijke verordening 2008 van Amsterdam), jipprojbixxi l-operat ta’ dar ta’ prostituzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-Sindku. Skont l-Artikolu 3.30(2)(b) ta’ dan ir-regolament, is-Sindku jista’ jirrifjuta awtorizzazzjoni jekk iqis li ma huwiex suffiċjentement verosimili li l-operatur jew id-diriġent josserva l-obbligi previsti fl-Artikolu 3.32 tal-imsemmi regolament.

18

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha, li l-operatur u d-diriġent għandhom jiżguraw li, fid-dar ta’ prostituzzjoni, ma jitwettaq ebda reat fis-sens tal-Artikolu 273f tal-Kodiċi Kriminali (Wetboek van Strafrecht), li jipprojbixxi t-traffikar tal-bnedmin, fil-konfront tal-prostituti, li jaħdmu biss prostituti li jkollhom permess ta’ residenza validu jew li fir-rigward tagħhom l-operatur ikollu permess, skont kif previst fl-Artikolu 3 tal-Liġi dwar ix-xogħol tal-barranin (Wet arbeid vreemdelingen), u li l-kijenti ma jkunux jistgħu jisfaw vittmi ta’ ksur, bħas-serq, il-frodi jew reati paragunabbli. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li l-operatur ta’ dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina għandu jiżgura, partikolarment, li l-prostituti li jaħdmu fiha ma jikkawżawx inkonvenjenzi serji għall-viċinat u ma jiddisturbawx l-ordni pubbliku.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C-340/14

19

Permezz ta’ applikazzjoni indirizzata lill-Kulleġġ muniċipali, R. L. Trijber talab il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ operat għat-trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma, bil-ħsieb li, fuq talba tagħhom, idawwar fuq l-ilma passiġġieri f’Amsterdam, bi ħlas, partikolarment, fil-kuntest ta’ ħarġiet organizzati minn impriżi jew għaċ-ċelebrazzjoni ta’ avveniment, permezz ta’ dgħajsa li hija kurvetta miftuħa misjuqa b’mutur elettriku u li hija adatta għat-trasport ta’ massimu ta’ 34 persuna.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011, il-Kulleġġ muniċipali rrifjuta li jtih din l-awtorizzazzjoni fuq il-bażi tal-politika dwar il-volum ta’ awtorizzazzjonijiet konformement mal-Artikolu 2.1 tar-Regolament ta’ Amsterdam dwar it-trasport ta’ passiġġieri fuq l-ilma, għar-raġunijiet li l-applikazzjoni ta’ R. L. Trijber ma tressqitx f’perijodu ta’ attribuzzjoni, li d-dgħajsa tiegħu ma tikkostitwixxix inizjattiva speċjali u li l-kunċett ta’ trasport tiegħu ma huwiex innovattiv.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2012, il-Kulleġġ muniċipali ċaħad l-ilment imressaq minn R. L. Trijber.

22

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2012, il-Qorti ta’ Amsterdam (Rechtbank Amsterdam) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn R. L. Trijber kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

23

R. L. Trijber appella minn din is-sentenza quddiem il-Kunsill tal-Istat, għar-raġuni li l-politika tal-Kulleġġ muniċipali dwar il-volum ta’ awtorizzazzjonijiet ma hijiex konformi mad-Direttiva 2006/123.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, l-attività ta’ trasport prevista minn R. L. Trijber taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, din l-attività ma tipprevedix it-trasport tal-passiġġieri biss sabiex twassalhom minn post għal ieħor, iżda tipprovdi wkoll gwida lill-passiġġieri tul il-kanali ta’ Amsterdam jew tagħti l‑possibbiltà li jsiru laqgħat fuq id-dgħajsa tiegħu, attività li fiha jiġu pprovduti wkoll, fuq talba, ikel u xorb. Tali servizzi għandhom jitqiesu li huma servizzi għall-konsumaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, la d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji ma jipprovdu risposta definittiva f’dan ir-rigward.

25

Madankollu, din il-qorti tistaqsi jekk R. L. Trijber jistax jinvoka direttament id-Direttiva 2006/123 f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma humiex applikabbli f’sitwazzjonijiet purament interni. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni, b’mod partikolari, dwar jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva dwar il-libertà ta’ stabbiliment teżiġix il-preżenza ta’ element transkonfinali u, fil-każ affermattiv, liema huwa l-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni taqax taħt l-imsemmija direttiva jew jekk din hijiex ta’ natura purament interna.

26

Sa fejn R. L. Trijber jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, il-qorti tar-rinviju tqis li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni, inkwantu din tfittex l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-sigurtà, hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Peress li dan l-għan ma setax jintlaħaq b’miżura inqas restrittiva, din l-iskema ta’ awtorizzazzjoni hija, għalhekk, konformi mal-Artikolu 9(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva.

27

Madankollu, il-Kunsill tal-Istat iqis li l-imsemmija skema, għalkemm tidher li tmur kontra l-Artikolu 10(1) u (2)(d) u (g) tad-Direttiva 2006/123, peress li l-Kulleġġ muniċipali huwa, fil-prattika, imwassal sabiex juża b’mod arbitrarju l-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu sabiex jagħti awtorizzazzjonijiet li ma jaqawx fil-perijodi ta’ attribuzzjoni, tista’ wkoll tikser l-Artikolu 11(1)(b) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minħabba l-għaqda tan-numru limitat ta’ awtorizzazzjonijiet u l-perijodu indefinit li għalih dawn l-awtorizzazzjonijiet jingħataw, l-aċċess għas-suq ma huwiex iktar iggarantit għall-fornituri kollha. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar sa liema punt l-awtoritajiet kompetenti huma liberi, f’każ bħal dan, fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2006/123, li jiddeterminaw il-perijodu tal-awtorizzazzjoni kkunsidrat.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin.

“1)

It-trasport ta’ passiġġieri, f’dgħajsa miftuħa, fil-passaġġi fuq l-ilma interni ta’ Amsterdam, prinċipalment bil-għan li tiġi offruti, bi ħlas, dawra bid-dgħajsa u l-kiri [ta’ din tal-aħħar] għal riċevimenti, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, huwa servizz li għalih huma applikabbli d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE [...], fid-dawl tal-esklużjoni prevista [...] mill-punt (d) tal-Artikolu 2(2) [ta’ din id-direttiva] għas-servizzi fil-qasam tat-trasport?

2)

Jekk id-domanda 1 tingħata risposta affermattiva:

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE […] japplika għal sitwazzjonijiet purament interni, [u] fl-evalwazzjoni tad-domanda jekk dan il-kapitolu huwiex applikabbli, tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjonijiet purament interni?

3)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjoni purament interna hija applikabbli fl-evalwazzjoni tad-domanda jekk il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE […] huwiex applikabbli:

a)

Il-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE […] f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din il-kawża, li fiha l-fornitur ma stabbilixxiex ruħu fuq bażi transkonfinali, u lanqas ma joffri servizzi transkonfinali, iżda madankollu jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet?

b)

Huwa rilevanti għar-risposta għal din id-domanda l-fatt li, kif inhu mistenni li se jiġri, is-servizzi se jiġu pprovduti prinċipalment lil residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi?

c)

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit jekk impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra kinux, jew humiex se jkunu, realment interessati li jipprovdu l-istess servizzi jew servizzi simili?

4)

Il-konsegwenza […] tal-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/123/KE […] hija li, jekk in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ikun limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjonijiet għandu wkoll ikun limitat, anki fid-dawl tal-għan [ta’ din id-direttiva] li jitwettaq l-aċċess liberu għas-suq tas-servizzi, jew dan jaqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru?”

Il-Kawża C-341/14

29

Permezz ta’ applikazzjoni indirizzata lis-Sindku, J. Harmsen, li jopera ġewwa Amsterdam dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina, talab awtorizzazzjonijiet ġodda bil-għan li jopera żewġt idjar oħra ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina fl-istess belt.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, is-Sindku rrifjuta li joħroġ dawn l-awtorizzazzjonijiet billi bbaża ruħu fuq avvenimenti kkonstatati f’disa’ rapporti minn aġenti ta’ sorveljanza tal-komun ta’ Amsterdam kif ukoll f’żewġ proċessi verbali li saru mill-pulizija li jikkonċernaw ilkoll l-operat tad-dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina eżistenti.

31

Minn dawn ir-rapporti u minn dawn il-proċessi verbali jirriżulta li J. Harmsen kera, bi ksur tal-pjan tal-operat li huwa pprovda mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu u li ġie approvat mis-Sindku, kmamar fuq bażi ta’ xift lil prostituti Ungeriżi u Bulgari li, matul il-proċedura ta’ intervista preliminari, ma setgħux jikkomunikaw b’lingwa li J. Harmsen jifhem. B’hekk, l-amministrazzjoni tad-dar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina eżistenti ma setgħetx tiġi organizzata b’mod tali li tipprekludi l-abbużi. Għal din ir-raġuni, ma huwiex possibbli li wieħed jistenna li J. Harmsen jopera l-previsti żewġt idjar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina b’garanziji tali li ebda reat ma jitwettaq fil-konfront tal-prostituti li jaħdmu hemm. Għalhekk, ma huwiex suffiċjentement probabbli li J. Harmsen josserva l-Artikolu 3.32(1)(a) tar-Regolament Ġenerali tal-Pulizija ta’ Amsterdam tal-2008.

32

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2011, is-Sindku ċaħad l-ilment imressaq minn J. Harmsen.

33

Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Lulju 2012, il-Qorti ta’ Amsterdam ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn J. Harmsen kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

34

Il-qorti tar-rinviju, wara li esponiet l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li jidhru fil-punt 25 ta’ din is-sentenza fil-kuntest tal-Kawża C-340/14 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 għas-sitwazzjonijiet purament interni, tindika li, minkejja li J. Harmsen jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni, sa fejn din hija nieqsa minn effett diskriminatorju u ġiet istitwita bl-għan li tiggarantixxi l-ordni pubbliku sabiex tipprekludi reati bħall-prostituzzjoni sforzata u t-traffikar tal-bnedmin, hija ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Peress li dan l-għan ma setax jintlaħaq b’miżura inqas restrittiva, din l-iskema ta’ awtorizzazzjoni hija għalhekk konformi mal-Artikolu 9(1)(a) sa (ċ) ta’ din id-direttiva.

35

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk l-impenn li J. Harmsen assuma fil-pjan tal-operat tiegħu approvat mis-Sindku, sussegwentement riprodott f’linja gwida komunali, li huwa dak li jikri l-kmamar biss lil prostituti li jistgħu jinftiehmu bl-użu ta’ lingwa li l-operatur jifhem, huwa “proporzjonat” fis-sens tal-Artikolu 10(2)(ċ) tal-istess direttiva, għar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali segwita.

36

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont is-Sindku, dan ir-rekwiżit jagħti lill-operatur l-opportunità li jifforma huwa stess opinjoni diretta u affidabbli dwar l-isfond u l-motivazzjoni tal-prostituta, mingħajr il-preżenza ta’ terzi li jistgħu jinfluwenzaw id-dikjarazzjonijiet tagħha. Skont J. Harmsen, min-naħa l-oħra, din il-miżura hija eċċessiva, peress li l-operatur jista’ jiġi assistit minn interpreti jew jirrikorri għal siti tal-internet tat-traduzzjoni. Barra minn hekk, hemm possibbiltà ta’ miżuri inqas restrittivi, peress li l-lingwa ma hijiex l-uniku mod kif wieħed jagħraf sinjali ta’ prostituzzjoni sforzata jew traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, id-dar ta’ prostituzzjoni eżistenti hija taħt sorveljanza ta’ kamera. Barra minn hekk, J. Harmsen jiżgura li jkun preżenti fuq il-post sabiex jagħraf tali sinjali u, jekk meħtieġ, jitlob l-assistenza tal-pulizija.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE [...] japplika għal sitwazzjonijiet purament interni, [u] fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk dan il-kapitolu huwiex applikabbli, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjonijiet purament interni hija applikabbli?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjoni purament interna hija applikabbli fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE [...] huwiex applikabbli:

a)

Il-qorti nazzjonali għandha tapplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE [...] f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn il-fornitur ma stabbilixxiex ruħu b’mod transkonfinali, u lanqas ma joffri servizzi transkonfinali, iżda madankollu jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet?

b)

Huwa rilevanti għar-risposta għal din id-domanda li l-fornitur jipprovdi servizzi prinċipalment lil prostituti ta’ Stati Membri li ma humiex [ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi], li jaħdmu għal rashom?

c)

Għar-risposta għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit jekk impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra kinux, jew humiex ser ikunu, verament interesssati fl-istabbiliment ta’ dar minn fejn il-prostituzzjoni tiġi offruta minn wara l-vetrina f’Amsterdam?

3)

Sa fejn il-fornitur jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 [...], [...] l-Artikolu 10(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprekludu miżura, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li permezz tagħha huwa permess li operatur ta’ djar minn fejn il-prostituzzjoni tiġi offruta minn wara l-vetrina jikri kmamar għal partijiet mill-ġurnata biss lil prostituti li jistgħu jinftiehmu mill-operatur, b’lingwa li dan jista’ jifhem?”

38

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2014, il-Kawżi C‑340/14 u C‑341/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

39

Permezz ta’ dawn id-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, rispettivament, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 għas-sitwazzjonijiet purament interni (it-tieni domanda fil-Kawża C-340/14 u l-ewwel domanda fil-Kawża C-341/14) u dwar il-kriterji rilevanti għall-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni (it-tielet domanda fil-Kawża C‑340/14 u t-tieni domanda fil-Kawża C‑341/14), dwar il-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva (l-ewwel domanda fil-Kawża C-340/14), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(b) tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-perijodu tal-awtorizzazzjonijiet (ir-raba’ domanda fil-Kawża C-340/14) u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(ċ) ta’ din l-istess direttiva fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet (it-tielet domanda fil-Kawża C‑341/14).

Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 għas-sitwazzjonijiet purament interni u l-kriterji rilevanti għall-eżistenza ta ’ tali sitwazzjoni

40

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha fil-Kawża C-340/14 u tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha fil-Kawża C-341/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/123 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tagħha, dwar il-libertà tal-istabbiliment, japplikaw għas-sitwazzjonijiet purament interni u liema huma l-kriterji rilevanti għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni.

41

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-Kawża C-340/14, jekk stess huwa veru li, skont il-kliem tat-tielet domanda li saret, is-servizz offrut minn R. L. Trijber, li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa essenzjalment intiż għal residenti Olandiżi, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-qorti tar-rinviju stess ikkonstatat, fid-deċiżjoni tagħha, li dan is-servizz jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li l-iskema inkwistjoni tista’ tostakola l-aċċess għas-suq mill-fornituri kollha, inklużi dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jipprovdu tali servizz. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Kawża C-341/14, din il-qorti tispeċifika b’mod espliċitu li l-benefiċjarji tas-servizzi offruti minn J. Harmsen, li huma s-suġġett tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma ċittadini ta’ Stati Membri li ma jinkludux ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

42

Minn dan jirriżulta li, peress li s-sitwazzjonijiet previsti minn dawn id-domandi preliminari ma humiex purament interni, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C‑340/14 u l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C-341/14.

Fuq il-kunċett ta “servizzi fil-qasam tat-trasport ” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C-340/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li attività, bħal dik li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ servizz ta’ teħid ta’ passiġġieri fuq dgħajsa sabiex dawn iżuru belt minn passaġġi fuq l-ilma għal finijiet marbuta ma’ avveniment, tikkostitwixxi servizz fil-“qasam tat-trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessi 2 u 5 tagħha, tipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali intiżi sabiex jeliminaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment ta’ fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn dawn tal-aħħar, sabiex tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ suq intern liberu u kompetittiv (ara s-sentenza Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 31).

45

Id-Direttiva 2006/123 tapplika għaldaqstant, skont l-Artikoli 2(1) u 4 tagħha, għall-attivitajiet ekonomiċi kollha indipendenti, ipprovduti normalment bi ħlas minn fornitur stabbilit fi Stat Membru, kemm jekk ikun stabbilit b’mod permanenti u kontinwu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u kemm jekk ma jkunx, bla ħsara għall-attivitajiet espressament esklużi, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw is-“servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE]”, previsti fl-istess Artikolu 2(2)(d).

46

Sabiex il-portata tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 tinftiehem, il-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport” għandu jiġi interpretat b’riferiment mhux biss għall-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll għall-iskop u għall-istruttura ġenerali tagħha, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 34).

47

Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-istess Artikolu 2(2)(d), hemm lok li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2006/123 jikkorrispondi għas-servizzi li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jinkludi l-Artikoli 90 sa 100 ta’ dan it-trattat, dwar il-politika komuni tat-trasport, li huma esklużi, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

48

Issa, minkejja li d-dispożizzjonijiet tal-istess Titolu VI ma jinkludux definizzjoni tal-kunċett ta’ “trasport”, mill-Artikolu 100(1) TFUE jirriżulta li t-trasport “bil-passaġġi fuq l-ilma” jaqa’ taħt dan it-titolu. B’hekk, diversi servizzi tat-trasport marittimu kienu suġġetti għal regoli komuni speċifiċi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 100(2) TFUE, partikolarment, dawk koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10).

49

Fir-rigward, imbagħad, tal-iskop u tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi kkonstatat li, kif ipprovdut fil-premessa 21 tagħha, l-esklużjoni tas-servizzi fil-qasam tat-trasport tfittex li tkopri, partikolarment, is-servizzi tat-trasport urban.

50

Madankollu, minn din l-esklużjoni ma jirriżultax li kull servizz intiż sabiex jiżgura trasport minn passaġġ fuq l-ilma għandu awtomatikament jiġi kklassifikat bħala “trasport” jew “trasport urban” fis-sens ta’ din id-direttiva.

51

Servizz ta’ dan it-tip jista’ fil-fatt jinkludi, minbarra t-trasport, element jew diversi elementi oħra li jaqgħu taħt il-qasam ekonomiku li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat x’inhu l-għan prinċipali tas-servizz inkwistjoni.

52

Finalment, fir-rigward tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/123, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 7 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi qafas legali ġenerali li huwa ta’ benefiċċju għal varjetà kbira ta’ servizzi, filwaqt li jitqiesu, madankollu, il-karatteristiċi ta’ kull tip ta’ attività u tas-sistema ta’ regolamentazzjoni tagħhom, kif ukoll għanijiet oħra ta’ interess ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-konsumaturi. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex espressament li jiżgura li jinżamm bilanċ bejn, minn naħa, l-għan li jiġu eliminati l-ostakoli għal-libertà tal-istabbiliment tal-fornituri kif ukoll għall-moviment liberu tas-servizzi u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jiġu ssalvagwardati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti attivitajiet sensittivi, partikolarment dawk marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Femarbel, C-57/12, EU:C:2013:517, punt 39).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li s-servizzi lill-konsumaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jinkludu, partikolarment, is-servizzi fil-qasam tat-turiżmu, inklużi l-gwidi turistiċi.

54

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk l-attività li taqa’ taħt l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123, u jekk, konsegwentement, din l-attività hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Femarbel, C-57/12, EU:C:2013:517, punt 40).

55

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li tressqu quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni (ara, partikolarment, is-sentenza Sokoll-Seebacher, C-367/12, EU:C:2014:68, punt 40).

56

Fil-każ ineżami, mill-elementi pprovduti fid-deċiżjoni ta’ rinviju, li ma ġewx ikkontestati fl-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk jikkostitwixxi, mad-daqqa t’għajn, każ ta’ navigazzjoni “bil-passaġġi fuq l-ilma interni” fis-sens tal-Artikolu 100(1) TFUE, huwa iktar intiż sabiex jipprovdi lill-benefiċjarji ta’ dan is-servizz il-kuntest ta’ divertiment f’okkażjoni festiva milli t-trasport minn post għall-ieħor fil-belt ta’ Amsterdam.

57

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li dan is-servizz ma jaqa’ taħt ebda waħda mir-regoli komuni speċifiċi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 100(2) TFUE.

58

Minn dan jirriżulta, li huwa madankollu l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, li ma jidhirx li tali attività għandha bħala għan prinċipali l-provvista ta’ servizz tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u li, għalhekk, din l-attività taqa’, fl-assenza tal-applikazzjoni ta’ esklużjonijiet oħra previsti fl-Artikolu 2(2), fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

59

Konsegwentement, għall-ewwel domanda fil-Kawża C-340/14 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li, mingħajr ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, attività, bħal dik li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ servizz ta’ teħid ta’ passiġġieri fuq dgħajsa sabiex dawn iżuru belt minn passaġġi fuq l-ilma għal finijiet marbuta ma’ avveniment, ma tikkostitwixxix servizz fil-“qasam tat-trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 dwar il-perijodu tal-awtorizzazzjonijiet

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C-340/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ awtorizzazzjonijiet għal perijodu indefinit għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija għal dan il-għan mill-istess awtoritajiet ikun limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem espliċitu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/123, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-fornituri ta’ servizzi ma għandhomx ikunu għal perijodu limitat, ħlief għal każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-istess paragrafu, li fosthom jinsab dak ta’ meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli jkun limitat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

62

Minn dan jirriżulta li, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli jkun limitat għal tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, dawn l-awtorizzazzjonijiet għandu, min-naħa l-oħra, ikollhom perijodu limitat.

63

Kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda setgħa diskrezzjonali ma tista’ tiġi rrikonoxxuta, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, peress li altrimenti jiġi ppreġudikat l-għan imfittex mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/123 li huwa dak li jiġi ggarantit l-aċċess tal-fornituri ta’ servizzi għas-suq ikkonċernat.

64

F’dan il-każ, mill-istess kliem tad-domanda mressqa jirriżulta li l-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat li r-rekwiżit stipulat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżiġi li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-eżerċizzju tal-attività kkunsidrata jkun limitat, ifittex l-għanijiet li jaqgħu taħt ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u tas-sigurtà pubblika.

65

Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux ikunu għal perijodu indefinit.

66

Konsegwentement, għar-raba’ domanda fil-Kawża C-340/14 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-għoti, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ awtorizzazzjonijiet għal perijodu indefinit għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa għal dan il-għan minn dawn l-istess awtoritajiet ikun limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 dwar il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet

67

Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C-341/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ djar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina, billi jinkrew kmamar fuq bażi ta’ xift, għall-kundizzjoni li l-fornitur ta’ dawn is-servizzi ikun f’pożizzjoni li jikkomunika b’lingwa li tinftiehem mill-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi, f’dan il-każ il-prostituti.

68

F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju diġà kkonstatat fid-deċiżjoni tagħha li din il-kundizzjoni tfittex għan li jaqa’ taħt ir-“raġunijiet l-aktar importanti dwar l-interess pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123, jiġifieri l-ordni pubbliku u, b’mod iktar speċifiku, f’din il-kawża, il-prevenzjoni tat-twettiq ta’ reati fil-konfront tal-prostituti, b’mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin, il-prostituzzjoni sforzata u l-prostituzzjoni ta’ minuri, u li, konsegwentement, din il-kundizzjoni hija ġġustifikata għal “raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 10(2)(b) ta’ din id-direttiva.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta għad-domanda mressqa, għandu jiġi eżaminat, kif sostnew il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea, jekk tali kundizzjoni hijiex proporzjonata mal-“objettiv ta’ interess pubbliku” imfittex fis-sens tal-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, miżura nazzjonali restrittiva għal-libertà li jiġu offruti servizzi li tfittex għan ta’ interess ġenerali tista’ tiġi aċċettata biss kemm-il darba din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni tiegħu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan (ara f’dan is-sens, partikolarment, is-sentenza Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Finalment huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li hija unikament kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tiddetermina jekk miżura tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija mitluba tipprovdi lill-qorti tar-rinviju risposta utli, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet dedotti mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali lilha sottomessi, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi.

72

Fil-każ ineżami, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-adattabbiltà tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tilħaq l-għan imfittex, għandu jiġi rrilevat li mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjoni lingwistika inkwistjoni hija intiża, essenzjalment, sabiex issaħħaħ is-sorveljanza tal-attivitajiet kriminali marbuta mal-prostituzzjoni permezz tad-delega ta’ parti minn din is-sorveljanza lill-operaturi tad-djar ta’ prostituzzjoni billi tagħtihom il-mezzi sabiex jidentifikaw b’mod preventiv l-indizji tal-eżistenza ta’ tali attivitajiet kriminali.

73

Jidher li tali miżura hija adatta sabiex tilħaq l-għan imfittex, inkwantu, billi tippermetti lill-prostituti jinformaw direttament u personalment lill-operatur ta’ djar ta’ prostituzzjoni b’kull element ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ reat marbut mal-prostituzzjoni, din hija ta’ natura li tiffaċilita t-twettiq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-verifiki neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 71).

74

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni ta’ jekk il-miżura inkwistjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għandu, qabelxejn, jiġi kkonstatat li din sempliċement timponi l-użu ta’ kwalunkwe lingwa li tista’ tinftiehem mill-partijiet ikkonċernati, u dan huwa inqas restrittiv għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn miżura li timponi l-użu esklużiv ta’ lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jew ta’ lingwa speċifika oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Las, C-202/11, EU:C:2013:239, punt 32).

75

Sussegwentement, ma jidhirx li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi grad għoli ta’ għarfien lingwistiku, billi din teżiġi biss li l-partijiet ikunu jistgħu jifhmu lil xulxin.

76

Finalment, ma jidhirx li hemm miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jiġi żgurat l-għan ta’ interess ġenerali mfittex. B’mod partikolari, kif sostna l-Gvern Olandiż, l-intervent minn terz, propost minn J. Harmsen, jista’ jkun, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tat-tip ta’ attivitajiet inkwistjoni, is-sors ta’ interferenzi detrimentali fir-relazzjoni ta’ bejn l-operatur u l-prostituti, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. Fir-rigward tal-kontroll permezz tal-kamera, dan ma jippermettix neċessarjament li jiġu identifikati b’mod preventiv reati.

77

Konsegwentement, għat-tielet domanda fil-Kawża C-341/14 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ djar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina, billi jinkrew kmamar fuq bażi ta’ xift, għall-kundizzjoni li l-fornitur ta’ dawn is-servizzi jkun f’pożizzjoni li jikkomunika b’lingwa li tinftiehem mill-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi, f’dan il-każ il-prostituti, meta din il-kundizzjoni hija xierqa sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ reati marbuta mal-prostituzzjoni, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifka.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern għandu jiġi interpretat fis-sens li, mingħajr ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, attività, bħal dik li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ servizz ta’ teħid ta’ passiġġieri fuq dgħajsa sabiex dawn iżuru belt minn passaġġi fuq l-ilma għal finijiet marbuta ma’ avveniment, ma tikkostitwixxix servizz fil-“qasam tat-trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-għoti, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ awtorizzazzjonijiet għal perijodu indefinit għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa għal dan il-għan minn dawn l-istess awtoritajiet ikun limitat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

 

3)

L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività bħal dik inkwistjoni fil-Kawża C-341/14, li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ djar ta’ prostituzzjoni offruta mill-vetrina, billi jinkrew kmamar fuq bażi ta’ xift, għall-kundizzjoni li l-fornitur ta’ dawn is-servizzi jkun f’pożizzjoni li jikkomunika b’lingwa li tinftiehem mill-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi, f’dan il-każ il-prostituti, meta din il-kundizzjoni hija xierqa sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ reati marbuta mal-prostituzzjoni, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.