SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Kuntratt ta’ self ipotekarju — Artikolu 7(1) — Tmiem tal-użu ta’ klawżoli inġusti — Mezzi adegwati u effikaċi — Rikonoxximent ta’ dejn — Att notarili — Inklużjoni ta’ ordni ta’ infurzar minn nutar — Titolu eżekuttiv — Obbligi tan-nutar — Eżami ex officio tal-klawżoli inġusti — Stħarriġ ġudizzjarju — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑32/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

ERSTE Bank Hungary Zrt

vs

Attila Sugár,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas, u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ERSTE Bank Hungary Zrt, minn L. Wallacher, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Szima, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Kuon, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér-Ritz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ERSTE Bank Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem “ERSTE Bank”) u A. Sugár dwar talba min-naħa ta’ dan tal-aħħar għat-tneħħija ta’ ordni ta’ infurzar inkluża permezz ta’ att notarili f’rikonoxximent ta’ dejn sottoskritt minn A. Sugár abbażi ta’ kuntratt ta’ self u ta’ kuntratt ta’ garanzija ipotekarja konklużi bejn il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

4

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5

L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Kodiċi Ċivili

6

Il-Liġi Nru IV tal-1959, li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili (a Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 200 tagħha:

“(1)   Il-partijiet għandhom jiddefinixxu b’mod liberu l-kontenut ta’ kuntratt. Huma jistgħu jidderogaw bi ftehim komuni mir-regoli li jirregolaw il-kuntratti jekk ebda dispożizzjoni legali ma tkun tipprekludi dan.

(2)   Huwa null kuntratt li jikser jew jevadi dispożizzjoni legali, sakemm l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx tipprevedi konsegwenza legali oħra. Ikun ukoll null kuntratt li manifestament imur kontra l-moralità.”

7

Skont l-Artikolu 209(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Hija inġusta kundizzjoni kuntrattwali ġenerali jew klawżola ta’ kuntratt ma’ konsumatur li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali jekk, bi ksur tal-obbligi ta’ bona fide u ta’ lealtà, hija tkun tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt b’mod unilaterali u mhux motivat għad-detriment tal-parti kontraenti li ma tkunx l-awtur tal-klawżola”.

8

L-Artikolu 209/A(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-parti leża tista’ tikkontesta klawżola kuntrattwali inġusta.

9

Skont l-Artikolu 209/A(2), il-klawżoli inġusti li ddaħlu f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jew li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ifformula b’mod unilaterali, minn qabel u mingħajr negozjar individwali, huma nulli. In-nullità tista’ biss tiġi invokata fl-interess tal-konsumatur.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

10

Skont l-Artikolu 163 tal-Liġi Nru III tal-1952, li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (a polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), il-qorti tista’ tiddetermina l-punti ta’ fatt li hija tqis li huma ta’ għarfien pubbliku. L-istess jgħodd għall-punti ta’ fatt li l-qorti jkollha għarfien tagħhom ex officio. Il-qorti tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt anki jekk ma kinux ipprovduti mill-partijiet, madankollu hija għandha l-obbligu li tavża lill-partijiet matul is-seduta dwar l-imsemmija punti.

11

Skont l-Artikolu 366 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jekk l-esklużjoni tal-infurzar jew il-limitazzjoni tiegħu ma tkunx possibbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja fl-applikazzjoni tal-Artikoli 41 jew 56 tal-Liġi Nru LIII tal-1994, dwar l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja (a bírósági végrehajtásról szóló 1994. évi LIII. törvény, ikatar ’il quddiem il-“Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja”), id-debitur li jqajjem eċċezzjoni kontra l-infurzar jista’ jagħmel proċedura li teskludi jew tillimita l-infurzar kontra l-parti li titlob l-infurzar.

12

L-Artikolu 369 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Tista’ ssir proċedura intiża li teskludi jew tillimita l-infurzar ordnat minn att awtentikat li fih ordni ta’ infurzar jew minn att simili li jista’ jiġi infurzat jekk:

a)

il-kreditu li jrid jiġi rkuprat ma nħoloqx validament,

[...]”

13

Skont l-Artikolu 370 tal-imsemmi kodiċi, il-qorti adita bi proċedura għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-infurzar tista’ tissospendi l-infurzar fil-kawża.

Il-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja

14

Skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja:

“1)   Jista’ jiġi redatt att ta’ infurzar, jekk id-deċiżjoni ta’ infurzar:

a)

tinvolvi kreditu (somma flus),

b)

hija definittiva jew infurzabbli provviżorjament, u li

c)

it-terminu ta’ infurzar ikun skada. […]”

15

L-Artikolu 23/C ta’ din il-liġi jirregola l-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar min-nutar fuq l-att notarili fformulat minnu stess. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, in-nutar li jirrediġi l-att jinkludi l-ordni ta’ infurzar fuq l-att notarili jekk dan tal-aħħar jippreċiża:

l-impenn dwar il-prestazzjoni u l-kontroprestazzjoni jew l-impenn unilaterali;

isem il-kreditur u dak tad-debitur;

l-oġġett tal-obbligu, il-kwantità tiegħu (l-ammont tiegħu) u l-kawża tiegħu, kif ukoll

il-modalitajiet ta’ infurzar u t-terminu.

16

L-Artikolu 23/C tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2)   Jekk l-obbligu jiddependi milli tiġri kundizzjoni jew li jkun għadda żmien, in-natura ta’ infurzar teħtieġ ukoll li l-att jispeċifika li sseħħet il-ġrajja jew li għadda ż-żmien.

[...]

5)   Ikun hemm lok għall-infurzar jekk il-kreditu msemmi fl-att notarili jkun jirrigwarda mod ta’ infurzar ġudizzjarju u jekk it-terminu ta’ infurzar ikun skada. [...]”

17

L-Artikolu 31/E(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-proċedura notarili għandha, bħala proċedura mhux kontenzjuża f’materja ċivili, effetti analogi għal dawk ta’ proċedura ġudizzjarja u li d-deċiżjoni adottata min-nutar għandha effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ta’ qorti lokali.

18

L-Artikolu 56(1) tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja jipprovdi li, permezz ta’ digriet, il-qorti li tordna l-infurzar għandha teskludi jew, jekk ikun il-każ, tillimita l-infurzar jekk hija tikkonstata, abbażi ta’ atti awtentikati, li d-deċiżjoni ta’ infurzar saret deroga minnha jew ġiet emendata minn deċiżjoni definittiva jew jekk deċiżjoni definittiva kkonstatat li l-kreditu li l-infurzar tiegħu huwa mitlub, stabbilit permezz ta’ att li fih l-ordni ta’ infurzar, ma nħoloqx b’mod validu.

19

Skont l-Artikolu 211(2) ta’ din il-liġi, jekk il-qorti tinkludi l-ordni ta’ infurzar fuq l-att bi ksur tal-liġi, l-ordni ta’ infurzar trid titħassar.

20

L-Artikolu 212 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1)   Il-qorti li tordna l-infurzar tista’ tordna fi kwalunkwe ħin it-tħassir tal-ordni ta’ infurzar fuq talba ta’ kull parti, fuq il-bażi ta’ ċitazzjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess.

2)   Id-digriet għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet li jistgħu jappellaw.”

21

L-Artikolu 224/A tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja jipprevedi:

“Meta n-nutar ikun obbligat jordna l-infurzar, huwa għandu japplika id-dispożizzjonijiet preżenti billi jadatthom kif ġej:

a)

‘il-qorti li tordna l-infurzar’ tfisser in-nutar; ‘deċiżjoni mogħtija mill-qorti li tordna l-infurzar’ tfisser id-deċiżjoni adottata min-nutar;

[...]”

Il-Liġi dwar in-nutara

22

Il-Liġi Nru XLI tal-1991, dwar in-nutara (a közjegyzőkről szóló 1991. évi XLI. törvény, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-nutara”) tiddefinixxi, fl-Artikolu 1(1), (2) u (4) tagħha, il-kompetenzi tan-nutara, kif ġej:

“1)   Il-liġi tagħti lin-nutara s-setgħa ta’ awtentikazzjoni sabiex huma jkunu jistgħu jagħtu lill-partijiet servizzi legali b’mod imparzjali sabiex jipprevjenu kwalunkwe litigazzjoni.

2)   In-nutar għandu jirrediġi atti li jirrigwardaw atti legali u fatti li għandhom effetti legali, jiżgura l-konservazzjoni tal-atti, jittrasferixxi lil min għandu dritt, għal finijiet tar-rilaxx tagħhom, għan-nom tal-partijiet, kwalunkwe somma, oġġett ta’ valur u titoli u għandu jagħti l-għajnuna tiegħu lill-partijiet, permezz tal-pariri tiegħu, fil-proċeduri li jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu, filwaqt li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom.

[...]

4)   In-nutar għandu jeżerċita, fil-kuntest tal-kompetenzi legali tiegħu, attività uffiċjali ta’ infurzar tal-liġi relatata mas-servizz pubbliku tal-ġustizzja.”

23

L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1)   In-nutar għandu jirrifjuta li jagħti l-għajnuna tiegħu meta din ma tkunx kompatibbli mal-obbligi tiegħu, b’mod partikolari meta l-għajnuna tiegħu tintalab għall-finijiet ta’ operazzjoni legali li tmur kontra l-liġi jew li tevadiha jew anki operazzjoni legali li l-finalità tagħha hija pprojbita jew abbużiva.

2)   Meta, matul il-proċedura, in-nutar jirrileva element li jqajjem dubji, mingħajr ma jkun hekk lok li jirrifjuta l-għajnuna tiegħu, huwa għandu l-obbligu li jiġbed l-attenzjoni tal-partijiet fuq l-imsemmi element jew li jsemmih bil-miktub. Jekk il-parti tqajjem oġġezzjoni kontra dan l-element, in-nutar għandu jirrifjuta l-għajnuna tiegħu.”

24

L-Artikolu 112(1) tal-imsemmija liġi huwa redatt b’mod identiku għall-Artikolu 23/C tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, għal dak li jikkonċerna l-elementi li għandu jindika att awtentikat sabiex tkun inkluża fih l-ordni ta’ infurzar.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

Fit-18 ta’ Diċembru 2007, ERSTE Bank u A. Sugár ikkonkludew, permezz ta’ att awtentikat, kuntratt ta’ self għall-ammont ta’ CHR 30687 (frank Svizzeru) u intiż li jiffinanzja x-xiri ta’ beni immobbli. Dan il-kuntratt huwa ggarantit permezz ta’ ipoteka fuq dan il-beni.

26

Fit-19 ta’ Diċembru 2007, abbażi tal-kuntratt ta’ self, A. Sugár iffirma rikonoxximent ta’ dejn stabbilit permezz ta’ att notarili favur ERSTE Bank. Mill-proċess jirriżulta li fil-każ li A. Sugár jonqos mill-obbligi kuntrattwali tiegħu, dan l-att jagħti lill-bank id-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ self u li jipproċedi sabiex jirkupra d-dejn li jirriżulta minn dan il-kuntratt abbażi ta’ ċertifikat ta’ likwidazzjoni mħejji minn ERSTE Bank innifsu u li jindika l-ammont tad-dejn.

27

Peress li A. Sugár naqas milli jħallas, ERSTE Bank ittermina l-kuntratt ta’ self u talab l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq l-imsemmi rikonoxximent ta’ dejn. Fit‑13 ta’ Diċembru 2011, billi qies li l-kundizzjonijiet legali kienu ssodisfatti, in-nutar inkluda l-ordni ta’ infurzar fuq dan l-att, u dan kellu l-konsegwenza li jrendi possibbli l-infurzar u, minħabba f’hekk, li jagħti lil dan tal-aħħar natura analoga għal dik ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

28

Fil-5 ta’ Ġunju 2013, A. Sugár għamel talba lin-nutar għat-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar inkluża fl-att awtentikat li jinkorpora r-rikonoxximent ta’ dejn relatat mal-kuntratt ta’ self konkluż ma’ ERSTE Bank filwaqt li sostna, b’mod partikolari, li dan il-kuntratt kien fih klawżoli inġusti. Barra minn hekk, A. Sugár ikkontesta l-legalità tad-dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratt u sostna li l-ordni ta’ infurzar kienet qed tordna l-infurzar ta’ obbligi li ma jirriżultawx mill-att ta’ riknoxximent ta’ dejn. Huwa indika wkoll li għamel talba għall-esklużjoni tal-infurzar u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013, in-nutar ċaħad it-talba għat-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar minħabba li din ma kienet ivvizzjata b’ebda irregolarità, peress li l-att awtentikat inkwistjoni kien jinkludi rikonoxximent ta’ dejn, isem il-kreditur u dak tad-debitur, il-kawża u l-ammont tal-obbligu, il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni u t-terminu mogħti għal dan il-għan. Barra minn hekk, huwa kkonstata li l-att kien jippreċiża li l-obbligu kien jiddependi milli tiġri kundizzjoni kif ukoll mid-data li fiha din tkun seħħet. In-nutar irrileva wkoll li, peress li l-proċedura notarili għandha natura mhux kontenzjuża, huwa kellu biss setgħa diskrezzjonali limitata fil-qasam tal-provi u li ma kellux l-awtorità li jiddeċiedi vertenza bejn il-partijiet dwar ir-regolarità tat-terminazzjoni tal-kuntratt jew il-klawżoli kontenzjużi f’dan il-kuntratt, peress li dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati.

30

A. Sugár ippreżenta quddiem il-Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest) rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tan-nutar u għat-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar inkluża, fil-fehma tiegħu, bi ksur tal-liġi. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni b’mod partikolari li r-rikonoxximent ta’ dejn inkwistjoni kien fih klawżoli kuntrattwali inġusti u informazzjoni żbaljata, li l-ammont tad-dejn stabbilit fih huwa f’munita barranija minkejja l-fatt li s-self ingħata fi florints u ġie ddeterminat biss abbażi ta’ informazzjoni interna ta’ ERSTE Bank. Huwa jqis li l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar tikkostitwixxi abbuż tad-dritt peress li l-parti li titlob l-infurzar tissottometti att unilaterali li l-validità tiegħu ma tistax tiġi eżaminata ħlief fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.

31

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, in-nutar jinkludi l-ordni ta’ infurzar fuq l-att li għandu jiġi infurzat, li minħabba f’hekk isir titolu eżekuttiv. Madankollu, matul il-proċedura ta’ inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, in-nutar sempliċement jivverifika l-konformità tal-att li għandu jiġi infurzat mar-rekwiżiti formali u materjali, mingħajr ma jkun jista’ jeżamina l-eventwali natura inġusta tal-kuntratt ta’ self li huwa l-bażi ta’ dan l-att. Huwa biss fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-infurzar li l-konsumatur jista’ jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, u fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan jista’ jmur kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/13.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il- Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-proċedura ta’ Stat Membru li skontha, meta konsumatur jonqos milli jwettaq obbligu stipulat f’att redatt minn nutar fl-osservanza tar-rekwiżiti formali, il-parti l-oħra fil-kuntratt tikseb il-validazzjoni ta’ ammont li hija indikat u li hija qed titlob il-ħlas tiegħu permezz tal-ħruġ ta’ dik li hija msejħa ordni ta’ infurzar, filwaqt li tiġi evitata kull proċedura kontenzjuża quddiem qorti, mingħajr ma tkun saret ebda evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni, hija konformi mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 [?]

2)

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-konsumatur jista’ jitlob l-annullament ta’ ordni ta’ infurzar li tkun diġà nħarġet billi jinvoka l-assenza ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli tal-kuntratt li fuqu din hija bbażata, filwaqt li f’każ ta’ proċedura quddiem qorti, is-sentenza mogħtija fil-Kawża C‑472/11 [Banif Plus Bank, EU:C:2013:88] timponi lill-qorti li tinforma lill-konsumatur dwar l-eżistenza ta’ kull klawżola inġusta li hija tkun ikkonstatat?”

Fuq id-domandi preliminari

33

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretata fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil nutar li jkun għamel, b’osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jinkludi fuq l-imsemmi att l-ordni ta’ infurzar jew li jirrifjuta li jneħħiha minkejja li la fi stadju u lanqas f’ieħor ma jkun twettaq stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt.

34

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi huma marbuta mal-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ proċedura li permezz tagħha n-nutar jista’ jinkludi, fuq talba tal-kreditur, l-ordni ta’ infurzar fuq l-att awtentikat li fih l-obbligu tad-debitur, mingħajr ma jkun jista’ jsir eżami tal-validità ta’ dan l-att, bla ħsara għall-osservanza ta’ serje limitata ta’ rekwiżiti formali marbuta mal-kontenut tal-imsemmi att, bħal dawk previsti fl-Artikolu 23/C tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, skont dan l-artikolu, l-att għandu jindika l-impenn dwar il-provvista ta’ servizz u l-korripettiv, isem il-kreditur u d-debitur, is-suġġett tal-obbligu, l-ammont tiegħu, il-kawża tiegħu u, fl-aħħar nett, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu u t-terminu.

35

F’dan il-każ, fil-kawża prinċipali, it-titolu eżekuttiv jikkonsisti f’dikjarazzjoni notarili ta’ rikonoxximent ta’ dejn sottoskritt minn A. Sugár wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju bejnu u ERSTE Bank.

36

L-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq l-imsemmi att, abbażi ta’ elementi pprovduti esklużivament mill-kreditur, tippermetti fil-fatt li jinkiseb, lil hinn minn kull proċedura kontenzjuża quddiem qorti, l-infurzar tal-kuntratt. Fil-fatt, skont l-Artikolu 31/E(2) tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, att notarili li jkun fih l-ordni ta’ infurzar jipproduċi l-istess effett bħal deċiżjoni ta’ qorti lokali.

37

Mill-proċess jirriżulta wkoll li, skont l-Artikoli 211(2) u 224/A tal-Liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, in-nutar jista’ jneħħi l-ordni ta’ infurzar inkluża “bi ksur tal-liġi”. Madankollu, hekk kif il-Gvern Ungeriż enfasizza fl-osservazzjonijiet tiegħu, din il-proċedura ma hijiex intiża għall-validità tal-klawżoli kuntrattwali iżda sempliċement għall-istħarriġ tal-legalità tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar.

38

Għaldaqstant, isegwi li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-istħarriġ min-nutar tal-validità tal-klawżoli tal-kuntratt la hija possibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar u lanqas f’dik tat-tneħħija tagħha.

39

Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali leġiżlazzjoni hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn din id-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (ara s-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u, meta jsir hekk, tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, ladarba jkollha punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa f’dan is-sens (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46; Barclays Bank, C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 34, kif ukoll Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 24).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali li tikkonstata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur jippreżenta talba għal dan il-għan, tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 36).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-qorti li quddiemha tkun tressqet talba għal ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio, la in limine litis u lanqas f’xi stadju ieħor tal-proċedura, u lanqas meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan, in-natura inġusta ta’ klawżola dwar interessi moratorji inkluża f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar (sentenza Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 57).

44

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma hijiex konformi mad-Direttiva 93/13 meta, filwaqt li tipprevedi li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestu ipotekarju ma tipprevedix raġunijiet ta’ oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv, din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola, tadotta miżuri provviżorji ta’ sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 64, u Barclays Bank, C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 36).

45

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tmur kontra d-Direttiva 93/13 leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, fil-qafas ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, la li tevalwa, sew jekk ex officio u sew jekk fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt li minnu jirriżulta d-dejn mitlub u li fuqu jibbaża t-titolu eżekuttiv, u lanqas li tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-proċedura dwar il-mertu korrispondenti, li għandha kompetenza biex tivverifika n-natura inġusta ta’ dik il-klawżola (ara d-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia, C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 60, kif ukoll is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 28).

46

Għal dak li jirrigwarda l-proċedura semplifikata ta’ infurzar notarili inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġie sostnut mill-Kummissjoni Ewropea li l-possibbiltà għal nutar li jagħti bidu għall-infurzar ta’ kuntratt, mingħajr ma jkun eżamina fil-kuntest tal-proċedura ta’ inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar jew f’dik tat-tneħħija tiegħu n-natura inġusta tad-diversi klawżoli, hija tali li tippreġudika d-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti u, b’mod partikolari, permezz tas-sentenzi Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349) u Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88), li l-aħħar waħda fosthom hija wkoll imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha. Skont il-Kummissjoni, peress li l-proċedura notarili għandha effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, in-nutar għandu, konsegwentement, ukoll ikun jista’ jevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, meta jkollu l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

47

Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza, b’mod partikolari, fil-punti 65 sa 67 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza tagħmel parti mill-qafas speċifiku tal-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja u ma tistax, fid-dawl tad-differenzi fundamentali bejnha u l-funzjoni notarili, tiġi trasposta għal din tal-aħħar.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 93/13 ma fiha ebda dispożizzjoni li tikkonċerna r-rwol li għandu jew li jista’ jingħata lin-nutar fil-qasam tal-istħarriġ tal-klawżoli kuntrattwali abbużivi. Għaldaqstant, din id-direttiva ma tirregolax il-punt dwar jekk għandhiex tiġi estiża għan-nutar, f’ċirkustanzi li fihom leġiżlazzjoni nazzjonali tagħtih il-kompetenza li jipproċedi għall-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq att awtentikat li jikkonċerna kuntratt, u sussegwentement, għat-tneħħija tagħha mal-iskadenza, il-possibbiltà li jeżerċita kompetenzi li jaqgħu direttament taħt il-funzjoni ġudizzjarja.

49

Minn dan isegwi li, fl-assenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ infurzar u tar-rwol mogħti lin-nutara fil-kuntest ta’ dawn il-mekkaniżmi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, taħt il-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili sottomessi għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li minħabba dawn ir-regoli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma jkunx fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 50; Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 46, u Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 50).

50

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element tali li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

51

Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun meħtieġ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għaldaqstant huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, analizzati fil-kuntest tagħhom filwaqt li jitqiesu l-mezzi kollha ta’ rimedju eżistenti, humiex tali li jiggarantixxu li jeżistu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi u li tali klawżoli ma jorbtux lil dawn tal-aħħar, hekk kif jipprevedu l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13.

53

F’dan is-sens, il-Gvern Ungeriż essenzjalment isostni li l-proċedura semplifikata ta’ infurzar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teskludix kull stħarriġ tal-klawżoli inġusti, sew jekk min-nutara nnifishom u sew jekk mill-qrati nazzjonali.

54

Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunfidenza partikolari li l-konsumatur għandu, bħala regola ġenerali, fin-nutar, fil-kwalità ta’ pariri imparzjali tiegħu, u tal-fatt li l-atti redatti minnu ma humiex ivvizzjati minn illegalità, jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikun inqas attent meta jitħejjew dawn l-atti rigward l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti u għall-konsegwenzi ta’ proċedura semplifikata ta’ infurzar notarili, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, meta tali proċedura tkun inbdiet mill-bejjiegħ jew fornitur, il-konsumatur jista’ ma jkollux, mingħajr l-intervent ta’ nutar, l-informazzjoni utli kollha li tqiegħdu f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu quddiem il-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

55

Għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar in-nutara, huwa partikolarment l-obbligu ta’ dawn tal-aħħar li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-partijiet permezz tal-pariri tagħhom fil-proċeduri li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, filwaqt li jiżguraw l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom, sabiex tiġi evitata kwalunkwe litigazzjoni.

56

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija liġi, in-nutar għandu jivverifika l-konformità mal-liġi u n-natura inġusta ta’ operazzjoni legali u jinforma, bil-miktub, lill-partijiet meta huwa jirrileva element li jqajjem dubji.

57

Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li, fis-sistema proċedurali Ungeriża, in-nutar jidher li huwa awtorizzat li jieħu, b’mod partikolari fl-istadju tat-tħejjija ta’ att awtentikat li jikkonċerna kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, rwol ta’ prevenzjoni fir-rigward tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt u li huwa, barra minn hekk, espliċitament mitlub jiżgura permezz tal-pariri tiegħu l-ugwaljanza fit-trattament fil-proċeduri kollha li jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu, inkluża dik tal-infurzar.

58

Minn dak li ntqal jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi dwar in-nutara jidhru fil-prinċipju, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, tali li jikkontribwixxu għall-osservanza tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13.

59

Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mezzi adegwati u effikaċi intiżi sabiex itemmu l-użu tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi ggarantita lil dawn tal-aħħar protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li tiġi offruta lilhom il-possibbiltà li jattakkaw fil-qrati l-kuntratt kontenzjuż, inkluż fil-fażi tal-infurzar tiegħu, u dan, taħt kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli tali li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ dewmien jew ta’ spejjeż li jirrendu eċċessivament diffiċli jew fil-prattika impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13. Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ġudizzjarji li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punti 41 sa 45 ta’ din is-sentenza, għandha tapplika bis-sħiħ.

60

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. Sugár jista’, minn naħa, jippreżenta rikors intiż li jikkontesta l-validità tal-kuntratt, skont l-Artikolu 209/A(1) tal-Kodiċi Ċivili u, min-naħa l-oħra, jibda proċedura għall-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-infurzar, skont l-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-aħħar, il-konsumatur jista’, skont l-Artikolu 370 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jitlob is-sospensjoni tal-infurzar tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61

Barra minn hekk, jidher li mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-Gvern Ungeriż, jirriżulta li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, minkejja l-kliem tal-Artikoli 369 u 370 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-qrati nazzjonali jistgħux u għandhomx, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, jeżaminaw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u, fl-osservanza tal-Artikolu 163 ta’ dan il-kodiċi u f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Kúria (qorti suprema), tirrileva ex officio l-każijiet ta’ nullità manifesta li jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-provi disponibbli.

62

Issa, għalkemm id-Direttiva 93/13 timponi, fit-tilwim li jqiegħed inkwistjoni bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, intervent pożittiv, indipendenti mill-partijiet fil-kuntratt, min-naħa tal-qorti nazzjonali adita b’tali tilwim (sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tirrimedja għal kollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 56).

63

Konsegwentement, il-fatt li l-konsumatur ma jistax jinvoka l-protezzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi fuq il-klawżoli inġusti ħlief jekk jibda proċedura ġudizzjarja, ma jistax jitqies, fih innifsu, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq il-premessa li l-qrati nazzjonali jiġu aditi minn qabel minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt.

64

Madankollu huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda b’għarfien dirett tar-regoli proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet fl-ordni ġuridiku intern tagħha u li hija l-unika waħda kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li tevalwa l-punt dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn ir-regoli jiggarantixxux protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur.

65

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil nutar li jkun għamel, b’osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jinkludi fuq l-imsemmi att l-ordni ta’ infurzar jew li jirrifjuta li jneħħiha minkejja li la fi stadju u lanqas f’ieħor ma jkun twettaq stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil nutar li jkun għamel, b’osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jinkludi fuq l-imsemmi att l-ordni ta’ infurzar jew li jirrifjuta li jneħħiha minkejja li la fi stadju u lanqas f’ieħor ma jkun twettaq stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.