SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

5 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Ftehim qafas CES, UNICE, CEEP dwar xogħol għal żmien fiss — Leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedi kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’perijodu ta’ prova ta’ sena — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Assenza — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑117/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 23 de Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Grima Janet Nisttahuz Poclava

vs

Jose María Ariza Toledano,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-Direttiva 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-ĊEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Nisttahuz Poclava u l-persuna li timpjegaha, J. Ariza Toledano, dwar it-tkeċċija ta’ G. Nisttahuz Poclava.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Fl-Artikolu 30, il-Karta tistabbilixxi, “Il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta” b’dan il-mod:

“Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva hu li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas dwar kuntratti għal terminu fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.

5

L-Anness tad-Direttiva 1999/70 jinkludi l-ftehim qafas ETUC, UNICE u ĊEEP dwar xogħol għal żmien fiss (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”). Il-klawżola 1 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

(a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

6

Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

7

Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

1.

‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

[…]”

8

Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas li tirrigwarda l-“[m]iżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.

Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ mpjieg għal termini fissi, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika [prattiki nazzjonali], u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet [ta’ impjieg];

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet [ta’ impjieg].

2.

L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ mpjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

Id-dritt Spanjol

Id-dritt Industrijali

9

Ir-relazzjoni ta’ impjieg hija rregolata mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi Statut tal-ħaddiema (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 654, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-ħaddiema”).

10

Fir-rigward tal-“Perijodu ta’ prova”, l-Artikolu 14 tal-Istatut tal-ħaddiema jipprevedi:

“1.   Perijodu ta’ prova jista’ jiġi miftiehem bil-miktub, bla ħsara għal-limiti tat-tul li, skont il-każ, huma ddefiniti fil-ftehimiet kollettivi. Fin-nuqqas ta’ ftehim kolletiv, it-tul tal-perijodu ta’ prova ma jistax jeċċedi sitt xhur għall-persuni detenturi ta’ diploma ta’ tagħlim intermedjarju [técnicos titulados] u xahrejn għall-ħaddiema l-oħra. Fl-impriżi ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin ħaddiem, il-perijodu ta’ prova ma jistax jeċċedi tliet xhur għall-ħaddiema li ma ma humiex persuni detenturi ta’ diploma ta’ tagħlim intermedjarju.

Fil-każ ta’ kuntratti temporanji għal żmien determinat imsemmija fl-Artikolu 15 u konklużi għal tul li ma jeċċedix xahar, salv għal indikazzjoni kuntrarja fil-ftehim kollettiv. […]”

Il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-imprendituri

11

Il-Liġi 3/2012, tas-6 ta’ Lulju 2012, fir-rigward ta’ miżuri urġenti għar-riforma tas-suq tax-xogħol (BOE Nru 162, tas-7 ta’ Lulju 2012, p. 49113) emendat il-leġiżlazzjoni tax-xogħol, minħabba l-kriżi ekonomika li kien għaddej minnha r-Renju ta’ Spanja.

12

Fost il-miżuri ta’ “promozzjoni ta’ impjiegi għal żmien indeterminat u miżuri oħra sabiex jiffavorixxu l-ħolqien ta’ impjiegi”, l-Artikolu 4 tal-Liġi 3/2012 jipprevedi l-“kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala sostenn għall-impriżi”. L-Artikolu 4 jipprovdi fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu:

“1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-istabbiltà tax-xogħol filwaqt li jiġi promoss l-ispirtu ta’ intrapriża, l-impriżi ta’ inqas minn 50 ħaddiem jistgħu jikkonkludu l-kuntratt ta’ xogħol maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi rregolat minn dan l-artikolu.

2.   Il-kuntratt huwa konkluż għal żmien indeterminat u full time u huwa fformalizzat bil-miktub skont il-mudell li huwa stabbilit.

3.   Is-sistema ġuridika tal-kuntratt u d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnhom huma rregolati, b’mod ġenerali, mid-dispożizzjonijiet tat-test rivedut tal-liġi li tirrigwarda l-Istatut tal-ħaddiema approvat mid-Digriet Rjali Leġiżlattiv 1/1995 tal-24 ta’ Marzu u mill-ftehimiet kollettivi għall-kuntratti għal żmien indeterminat, bl-unika eċċezjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prova stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Istatut tal-ħaddiema, li huwa fi kwalunkwe każ ta’ sena. Perijodu ta’ prova ma jistax jiġi stabbilit meta ħaddiem ikun diġà beda jwettaq l-istess funzjonijiet fl-impriża, jkunu xi jkunu l-modalitajiet tal-kuntratt ta’ xogħol.”

13

L-imsemmi Artikolu 4 jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, li l-kuntratt ta’ xogħol maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi għandu diversi benefiċċji fiskali kif ukoll benefiċċji f’materji ta’ sigurtà soċjali, u li tali kuntratt konkluż ma’ persuni qiegħda li huma rreġistrati mal-uffiċċju tal-impjiegi jagħti d-dritt għal diversi sussidji.

14

L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 3/2012 fil-paragrafi 6 sa 8 tiegħu jipprovdi li:

“6.   Il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi imsemmi minn dan l-artikolu ma jistax jiġi konkluż minn impriża li, fis-sitt xhur preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt, wettqet tkeċċijiet abużivi. […]

7.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-benefiċċji marbuta mal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi, l-impriża għandha timpjega l-ħaddiem ikkonċernat matul mill-inqas tliet snin mill-istabbiliment tar-relazzjoni ta’ impjieg. Barra minn hekk, għandu jinżamm il-livell ta’ impjieg mogħti mill-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi matul għall-inqas sena mill-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. F’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi, għandu jsir rimbors tal-benefiċċji.

8.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ ħaddiema impjegati mill-impriża fil-mument tar-reklutaġġ.”

15

Il-perijodu ta’ validità ta’ din il-modalità ta’ impjieg hija ddefinita mit-tieni paragrafu tad-disa’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 3/2012 f’dawn it-termini:

“Disa’ dispożizzjoni tranżitorja. Konklużjoni ta’ kuntratti għat-taħriġ u l-apprendistat u ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi b’konnessjoni mar-rata tal-qgħad.

[…]

2.

Il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsuba bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jistgħu jistgħu jiġu konklużi sa kemm din ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna tinżel taħt il-15 %.”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Nisttahuz Poclava, ta’ nazzjonalità Bolivjana, ħadmet, bħala koka, għall-impriża tal-lukandi Taberna del Marqués. Il-kuntratt ta’ impjieg full time tagħha ġie konkluż fis-16 ta’ Jannar 2013. Dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kategorija ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi.

17

It-tieni klawżola tal-imsemmi kuntratt tindika li l-perijodu ta’ prova ta’ G. Nisttahuz Poclava, fi kwalunkwe każ, kien ta’ tul ta’ sena. Il-ħdax-il klawżola tal-kuntratt tistipula li hija tista’ tiġi kkofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-ftehim kollettiv tal-lukandi u tar-ristoranti huwa applikabbli għal kwalunkwe ħaġa li ma hijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ impjieg.

18

G. Nisttahuz Poclava ġiet informata permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2013 li ma kinitx tifforma parti iktar mill-impriża minn din id-data, peress li ma kinitx temmet b’suċċess il-perijodu ta’ prova tagħha.

19

Fit-2 ta’ Lulju 2013, G. Nisttahuz Poclava ppreżentat rikors kontra l-persuna li timpjegaha, quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 23 de Madrid, li permezz tiegħu hija talbet li t-tkeċċija tagħha tiġi ddikjarata abbużiva u li l-persuna li timpjegaha tiġi kkundannata li terġa’ timpjegaha billi tapplika għaliha l-istess kundizzjonijiet li kienu fis-seħħ qabel il-ksur tal-kuntratt ta’ impjieg, jew sabiex tħallasha danni ekwivalenti għal 33 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-tul tal-perijodu ta’ prova previst għall-Artikolu 4(3) tal-Liġi 3/2012 ma jikkorrispondix għal dak previst abitwalment fid-dritt Spanjol u ma għandu ebda rilevanza għall-karatteristiċi professjonali tal-persuna rreklutata. Din id-dispożizzjoni stabbilixxiet kuntratt atipiku għal żmien determinat ta’ sena, li jista’ jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat fi tmiem il-perijodu ta’ prova. Barra dan, matul dan il-perijodu ta’ prova, il-ħaddiem ma jibbenefikax mill-protezzjoni ġuridika kontra tkeċċija eventwali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-forma tagħha, ir-raġunijiet għaliex tiġi deċiża u l-istħarriġ ġudizzjarju li tista’ tiġi suġġetta għalih.

21

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju targumenta li l-Liġi 3/2012 intiża sabiex tiffaċilita l-impjieg u li tidher fost ir-riformi tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol adottati sussegwentement għad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-politika tal-impjieg.

22

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni, din il-qorti tiċċita l-Artikolu 148 TFUE, li jipprevedi linji gwida għall-impjieg, u l-Artikolu 151 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 198, p. 47), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tat-18 ta’ April 2012, intitolata “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” [COM(2012) 173 finali], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE, tal-21 ta’ Ottubru 2010, dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, p. 46), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 ta’ Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja aġġornat, għall-perijodu 2011-2014 (ĠU C 212 p. 1), kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2012 ta’ Spanja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja, 2012-2015 (ĠU C 219, p. 81).

23

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi jikser l-Artikolu 30 tal-Karta, l-Artikoli 2.2(b) u 4 tal-Konvenzjoni Nru 158 dwar it-tkeċċija, adottata fit-22 ta’ Ġunju 1982 f’Genève mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 — ksur li jirriżulta minn deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2012 tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar kuntratt Grieg simili — kif ukoll id-Direttiva 1999/70.

24

Fir-rigward iktar partikolarment ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju targumenta li l-Liġi 3/2012 tmur kontra l-għanijiet tagħha, jiġifieri n-nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat u l-prevenzjoni ta’ abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi. Hija toħloq diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema li kkonkludew tali kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk li jibbenefikaw minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew indeterminat ordinarju, matul l-ewwel sena ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg, sa fejn, fil-każ ta’ ksur antiċipat tar-relazzjoni ta’ impjieg, ma jkun hemm previst ebda danni għal tal-ewwel. Barra minn hekk, din il-liġi, bi ksur tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, iddaħħal kuntratt ġdid għal tul virtwalment iddeterminat, li jimponi kundizzjonijiet ta’ xogħol inqas favorevoli għall-ħaddiema li għalihom japplika.

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tistabbilixxi u tirregola kuntratt ta’ xogħol li jinkludi perijodu ta’ prova ta’ sena u li, barra minn hekk, tneħħi min-negozjati kollettivi l-possibbiltà ta’ regolamentazzjoni b’mod konvenzjonali l-perijodu ta’ prova ta’ dan it-tip ta’ kuntratt, hijiex kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk dan il-perijodu ta’ prova, li matulu hija awtorizzata r-rexxissjoni libera tal-kuntratt ta’ xogħol, huwiex kompatibbli mad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 30 tal-Karta.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social Nru 23 de Madrid ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi, għal perijodu ta’ prova ta’ sena li matulu hija permessa t-tkeċċija mingħajr ebda kundizzjonijiet, hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u hija kompatibbli mad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 30 tal-Karta?

2)

Il-perijodu ta’ prova ta’ sena li għalih huwa suġġett il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi, imur kontra l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70/KE [u b’hekk tal-klawżoli 1 u 3 tal-ftehim qafas]?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30 tal-Karta u tad-Direttiva 1999/70 u, b’mod iktar partikolari, il-klawżoli 1 u 3 tal-ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-leġiżlazzjoni Spanjola li tistabbilixxi u tirregola l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi u li jipprevedi perijodu ta’ prova ta’ sena.

28

Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

29

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, essenzjalment, li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom il-vokazzjoni li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, u mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola li tistabbilixxi u tirregola l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi tikkostitwixxix implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

31

Kif diġà fakkru l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 40, kif ukoll Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 33).

32

Skont il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, dan japplika għal kull ħaddiem għal żmien determinat li jkollu kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol iddefinit mil-leġiżlazzjoni, mill-ftehim kollettivi jew mill-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru.

33

Konformement mad-definizzjonijiet stabbiliti fil-klawżola 3 tal-imsemmi ftehim qafas, “ħaddiem għal żmien determinat” għandu jfisser “persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat konkluż direttament bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem fejn it-tmiem tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ impjieg jiġi ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal l-ilħuq ta’ data speċifika, it-twettiq ta’ kompitu speċifiku, jew it-twettiq ta’ avveniment speċifiku”.

34

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 4(2) tal-Liġi 3/2012 jipprevedi li “l-kuntratt huwa konkluż għal żmien indeterminat”. L-Artikolu 4(3) tal-Liġi 3/2012 jipprovdi li l-kuntratt huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-ħaddiema u mill-ftehimiet kollettivi applikabbli għall-kuntratti għal żmien indeterminat, bl-eċċezzjoni biss tat-tul tal-perijodu ta’ prova.

35

Kemm mid-definizzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat, li tinsab fil-klawżola 3 tal-ftehim qafas, kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali jirriżulta li kuntratt ta’ xogħol bħal dak ta’ G. Nisttahuz Poclava ma jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal żmien determinat.

36

Fil-fatt, il-perijodu ta’ prova jservi essenzjalment sabiex jivverifika l-kapaċità u l-abbiltajiet tal-ħaddiem, filwaqt li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi użat meta t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ impjieg huwa ddeterminat minn kundizzjonijiet oġġettivi.

37

Fi kwalunkwe każ, it-tul ta’ perijodu ta’ prova, bħal dak stabbilit mil-Liġi 3/2012 ma huwiex irregolat mid-Direttiva 1999/70.

38

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li kuntratt bħalma hu l-“kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi” previst mid-dritt Spanjol ma huwiex kuntratt għal żmien determinat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70.

39

Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju invokat dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li, skont il-fehma tagħha, jiġġustifikaw li s-sitwazzjoni ġuridika f’dan il-każ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

40

Fir-rigward tal-Artikolu 151 TFUE, li jiddeskrivi l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali, dan ma jimponi ebda obbligu partikolari f’dak li jikkonċerna l-perijodi ta’ prova fil-kuntratti ta’ xogħol. Dan jgħodd ukoll għal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-politika tal-impjieg adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 148 TFUE, evokati mill-qorti tar-rinviju.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, matul l-eżami tal-“kuntratt tar-reklutaġġ ġdid” Franċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minkejja li l-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ rixessjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol huwa wieħed mill-mezzi sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-Artikolu 151 TFUE u li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kompetenti f’dan il-qasam, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 153(2) TFUE, sitwazzjonijiet li ma kinux is-suġġett ta’ miżuri adottati abbażi ta’ dawn l-artikoli, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (digriet Polier, C‑361/07, EU:C:2008:16, punt 13).

42

Barra minn hekk, il-fatt li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat maħsub bħala miżura ta’ sostenn għall-impriżi jista’ eventwalment jiġi ffinanzjat mill-fondi strutturali ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

43

Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-Artikoli 2.2(b) u 4 tal-Konvenzjoni Nru 158 dwar it-tkeċċija, adottata fit-22 ta’ Ġunju 1982, f’Genève, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961. Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali li jorbtu lil Stati Membri f’kuntest li ma jaqax fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Vandeweghe et, 130/73, EU:C:1973:131, punt 2; TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 61; digriet Corpul Naţional al Poliţiştilor, C‑134/12, EU:C:2012:288, punt 14, kif ukoll is-sentenza Qurbani, C‑481/13, EU:C:2014:2101, punt 22).

44

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Juzgado de lo Social Nru 23 de Madrid (Spanja), permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2014.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.