KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑350/14

Florin Lazar

vs

Allianz SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti ta’ Trieste (Tribunale di Trieste, l-Italja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali — Regolament (KE) Nru 864/2007 (‘Ruma II’) — Artikolu 4(1) — Kunċetti ta’ ‘pajjiż fejn iseħħ id-dannu’, ta’ ‘dannu’ u ta’ ‘konsegwenzi indiretti tal-fatt dannuż’ — Membri tal-familja ta’ persuna li mietet wara inċident tat-traffiku — Persuni li għandhom dritt għall-kumpens tad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li jirrisjedu f’pajjiżi differenti”

1. 

Applikabbli mill-11 ta’ Jannar 2009, ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 ( 2 ) għandu l-għan li jarmonizza, fl-interessi taċ-ċertezza legali u li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi preżenti b’mod ġenerali, ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fil-qasam tal-obbligi mhux kuntrattwali. Iżda dan ir-regolament ma għandux il-funzjoni li jarmonizza d-dritt sostantiv tal-Istati Membri tal-Unjoni fil-qasam, u dan joħloq ċerti diffikultajiet fl-interpretazzjoni. Fil-fatt, meta wieħed jirrikorri, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal kawżi dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, għal kunċetti, ċertament magħrufin fl-Istati Membri kollha, imma li s-sinjifikat u l-portata tagħhom jistgħu jkunu diverġenti sew minn ordinament ġuridiku għal ieħor, il-qorti tista’ tiġi kkonfrontata b’eżerċizzju delikat meta tiġi adita, fil-kuntest tal-istess tilwima, b’talbiet imressqa minn persuni li ma għandhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż.

2. 

Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament li, fl-assenza ta’ għażla espressa mill-partijiet, jagħmel il-post fejn iseħħ id-dannu kriterju determinanti tal-liġi applikabbli għal kawża dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. X’jiġi kopert b’dan id-dannu, fid-dawl tal-fatt li skont din id-dispożizzjoni, għandu jkun distint mill-avveniment li wassal għalih? Id-danni li jsofru l-qraba ta’ persuna vittma ta’ inċident tat-traffiku, li jitqiesu, skont id-dritt nazzjonali, li huma l-imġarrba jure proprio, jistgħu jiġu assimilati mad-“danni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II jew għandhom pjuttost jitqiesu li huma “konsegwenzi indiretti” tagħhom?

3. 

Dawn il-mistoqsijiet kollha jirriflettu dak kollu li hemm fin-nofs f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li titlob, b’mod kemxejn mhux tas-soltu ( 3 ), li jsiru numru ta’ preċiżazzjonijiet fuq il-kunċetti li jinsabu f’din id-dispożizzjoni. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F. Lazar, li jirrisjedi r-Rumanija, u l-kumpannija tal-assigurazzjoni Taljana Allianz SpA, dwar il-kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li huwa jallega li sofra jure proprio minħabba l-mewt ta’ bintu, ċittadina Rumena, residenti fl-Italja, li ġrat f’dak l-Istat Membru wara inċident stradali kkawżat minn vettura mhux identifikata.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Ruma II

4.

Il-premessa 7 tar-Regolament Ruma II tgħid:

“Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [(KE) Nru 44/2001 ( 4 )] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

5.

Il-premessa 17 tar-Regolament Ruma II tgħid:

“Il-liġi applikabbli għandha tiġi determinata abbażi ta’ fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Għaldaqstant, f’każijiet ta’ korriment personali jew ta’ dannu lill-proprjetà, il-pajjiż fejn seħħ id-dannu għandu jkun il-pajjiż fejn kien sostnut il-korriment jew fejn sar dannu lill-proprjetà rispettivament.”

6.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, bit-titolu “Regola ġenerali”, huwa fformulat hekk:

“1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili [fatt dannuż] għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.   Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

7.

Bis-saħħa tal-Artikolu 15(ċ) tar-Regolament Ruma II, il-liġi applikabbli għal obbligu kuntrattwali skont dan ir-regolament tirregola fost l-oħrajn “l-eżistenza, in-natura u l-istima tad-danni jew ir-rimedju mitlub” u, skont il-paragrafu (f), “il-persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment”.

2. Ir-Regolament Brussell I

8.

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2, (“Ġurisdizzjoni speċjali”), tal-Kapitolu II, jipprevedi dan li ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

B – Id-dritt Taljan

9.

Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Kassazzjoni (Corte suprema di cassazione) interpretat l-Artikoli 2043 u 2059 tal-Kodiċi Ċivili Taljan fis-sens li l-membri tal-familja tad-decuius għandhom id-dritt, jure proprio, għall-kumpens tad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali tagħhom. Fir-rigward tad-danni mhux patrimonjali, jistgħu jiġu rrikonoxxuti d-danni li ġejjin: id-dannu għas-saħħa (dannu kkonstatat b’mod mediku), id-dannu morali (sofferenza interna) u d-dannu għall-ħajja ta’ relazzjonijiet (bidla sinjifikattiva fil-ħajja ta’ kuljum).

10.

Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 283(1)(a) u (c) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati jistabbilixxi li, meta l-vettura li tkun ikkawżat id-dannu ma tkunx identifikata, il-Fond ta’ garanzija għall-vittmi tat-triq (Fondo di garanzia per le vittime della strada) ikkumpensa d-danni kkawżati minn inċident tat-traffiku permezz ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni indikati fit-territorju nazzjonali kollu.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett talba għal kumpens tad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali allegatament imġarrba jure proprio, imressqa mill-missier, residenti fir-Rumanija, ta’ ċittadina Rumena residenti fl-Italja u li mietet f’dak l-Istat Membru wara inċident stradali li ġara fit-18 ta’ Mejju 2012 u li kien ikkawżat minn vettura mhux identifikata.

12.

Il-kumpannija ta’ assigurazzjoni Allianz SpA tħarrket bħala kumpannija indikata mill-Fond ta’ garanzija għall-vittmi tat-triq, korp inkarigat mill-għoti ta’ kumpens għad-danni kkawżati miċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi mhux identifikati.

13.

L-omm u n-nanna tal-vittma, it-tnejn ċittadini Rumeni li jirrisjedu fl-Italja, intervjenew ukoll fil-kawża u talbu kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li ġarrbu jure proprio.

14.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju riedet tkun taf dwar il-liġi applikabbli għall-fatti ta’ dik il-kawża u, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II.

15.

B’deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2014 , il-qorti ta’ Trieste ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) fil-parti li tipprovdi li: ’il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu’? B’mod partikolari

1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘pajjiż fejn iseħħ id-dannu’ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-[Regolament Nru 864/2007] fil-każ tat-talba għal kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali invokati mill-qraba ta’ persuna, li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-Istat tal-forum, meta dawn il-qraba jirresjedu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni u ġarrbu l-imsemmija danni hemmhekk?

2)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007, id-danni patrimonjali u mhux patrimonjali mġarrba, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, mill-qraba ta’ persuna li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fl-Istat tal-forum, għandhom jiġu kkwalifikati bħala ‘dannu’ fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 4(1) jew ta’ ‘konsegwenzi indiretti’ fis-sens tat-tieni parti tal-istess artikolu?”

16.

Saru osservazzjonijiet bil-miktub mill-intervenjenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Awstrijak u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Min-naħa tiegħu, F. Lazar ma għamilx osservazzjonijiet.

III – Analiżi ġuridika

17.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kriterju ċentrali, sanċit mir-Regolament Ruma II, skont il-post fejn seħħ id-dannu sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali.

18.

Qabel ma ngħaddi għall-eżami proprju tad-domandi magħmula, jidhirli li hemm bżonn li jsiru ċerti preċiżazzjonijiet preliminari dwar l-istruttura tal-mekkaniżmu li stabbilixxa r-Regolament Ruma II sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali.

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-istruttura tal-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Ruma II

19.

Id-diversità tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet applikabbli fil-qasam ta’ obbligi mhux kuntrattwali ilha, għal ħafna żmien ( 5 ), tqajjem il-bżonn ta’ unifikazzjoni f’dan il-qasam sabiex tiġi ggarantita ċerta prevedibbiltà fid-dritt applikabbli u, b’mod konkomitanti, biex jittaffew l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mis-sitwazzjonijiet tal-forum shopping.

20.

Frott ta’ kompromess bejn il-ħtieġa li jiġi ggarantit ċertu livell ta’ ċertezza legali, filwaqt li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet bl-elaborazzjoni ta’ kriterji ta’ rabta fissi, u x-xewqa li tinżamm ċerta flessibbiltà meta l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji twassal għal riżultati kkunsidrati mhux xierqa, ir-Regolament Ruma II huwa wieħed minn sensiela ta’ soluzzjonijiet adottati sa dakinhar fid-dritt internazzjonali privat kontemporanju.

21.

Il-mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali jista’ jiġi deskritt skematikament b’dan il-mod.

22.

Ir-Regolament Ruma II fih ċertu numru ta’ kriterji ta’ rabta fissi. Fuq dan il-punt, dan ir-regolament huwa kkaratterizzat mill-iffissar, fl-assenza ta’ għażla espressa mill-partijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (ara l-Artikolu 14), minn naħa, ta’ regola ġenerali (Artikolu 4) u, min-naħa l-oħra, ta’ ħames regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet speċjali (Artikoli 5 sa 9 ( 6 ) tar-Regolament).

23.

Fir-rigward tar-regola ġenerali, li hija l-unika waħda rilevanti f’din il-kawża, mill-proposta għal regolament fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali, ppreżentata fit-22 ta’ Lulju 2003 ( 7 ), jirriżulta li l-għan ewlieni tar-Regolament Ruma II kien li titjieb il-previdibbiltà tas-soluzzjonijiet biex ikun hemm iktar ċertezza legali.

24.

Għalhekk huwa notevoli li, b’mod differenti minn dak li kien ġie stabbilit fil-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, ippreżentata fit-22 ta’ Lulju 2003 ( 8 ), li bħala prinċipju kienet tindika bħala l-liġi applikabbli dik tal-pajjiż li jkollu r-rabtiet l-iktar mill-qrib mas-sitwazzjoni inkwistjoni, dan ir-regolament jagħżel b’mod ċar, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, rabta fissa kkostitwita mill-post ta’ fejn iseħħ id-dannu (il-locus damni).

25.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, b’mod differenti mir-rabtiet li hemm fil-qasam tal-ġurisdizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u fir-Regolament Brussell I, li joffru lill-vittma ta’ dannu għażla ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qorti fejn seħħ l-avveniment li jwassal għal dannu u dik tad-dannu, ir-Regolament Ruma II żamm kriterju wieħed ta’ rabta.

26.

F’dan ir-rigward mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Ruma II jirriżulta li l-proposti ta’ emendi ppreżentati mill-Parlament, li kienu intiżi sabiex jintroduċu iktar flessibbiltà ( 9 ), ma ġewx aċċettati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni li kkunsidraw li l-Artikolu 4 jiżgura fl-istess ħin “[i]l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi amministrata l-ġustizzja skont il-każijiet individwali”.

27.

Bl-għażla tal-locus damni bħala post ta’ rabta, ir-Regolament Ruma II għalhekk jagħżel regola ta’ kunflitt għal kollox klassika tad-dritt internazzjonali privat, regola li bla dubju tinvolvi diversi vantaġġi.

28.

Fl-ewwel lok, din ir-regola ta’ rabta, skont l-għanijiet iddikjarati fil-premessa 16 tar-Regolament Ruma II ( 10 ), titqies li toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-partijiet. Fil-fatt, il-liġi ta’ fejn iseħħ id-dannu hija liġi newtrali li la tipprivileġġa lill-awtur tad-dannu u lanqas lill-vittma.

29.

Għalkemm jingħad sew, kif enfasizzaw diversi awturi ( 11 ), li d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont il-post fejn iseħħ id-dannu jista’ jkollha natura totalment fortuwita u imprevedibbli f’ċerti sitwazzjonijiet — li, effettivament, jikkomprometti l-għan tal-prevedibbiltà tas-soluzzjonijiet segwiti permezz tar-Regolament — dan l-inkonvenjent ċertament jista’ jingħeleb. Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli għal-liġi fil-post tad-dannu tista’ dejjem titwarrab favur il-post ta’ residenza meta l-vittma u l-persuna li hija responsabbli għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż [Artikolu 4(2) tar-Regolament Ruma II], jew inkella favur il-liġi ta’ pajjiż ieħor meta jirriżulta mill-kumpless taċ-ċirkustanzi tal-każ li l-fatt dannuż għandu l-iktar rabtiet mill-qrib ma’ dak il-pajjiż [klawżola msejħa “ta’ eċċezzjoni”, prevista fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament]. Nerġa’ niġi għal dan fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

30.

Fit-tieni lok, l-għażla tal-locus damni tirrifletti approċċ modern tad-dritt tar-responsabbiltà ċivili, li jipprivileġġa kunċett ta’ responsabbiltà ċivili msejjaħ “oġġettiv” li l-funzjoni tiegħu hija essenzjalment ta’ kumpens. Skont dan l-approċċ, ir-responsabbiltà ċivili għandha iktar l-għan li jiġu kkumpensati d-danni iktar milli jiġi ssanzjonat aġir ikkunsidrat kundannabbli. Minn dan jirriżulta li l-aċċent qiegħed iktar fuq il-post fejn iseħħ id-dannu milli fuq dak tal-avveniment li jwassal għalih. Ġie enfasizzat ukoll li r-regola li hemm fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-lex loci delicti commissi tippermetti, b’mod partikolari, li tiġi solvuta l-kwistjoni, kontroversjali ħafna, tal-liġi applikabbli għal delitti msejħin “kumplessi”, li huma delitti kkaratterizzati minn disassoċjazzjoni ġeografika tal-post tal-avveniment u tal-post tad-dannu.

31.

Imma xi jfisser eżatt il-post fejn iseħħ id-dannu? Din hija eżattament il-mistoqsija li tqajjem it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-lum.

B – Fuq id-domandi preliminari

32.

Kif semmiet il-qorti tar-rinviju, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ hija ta’ natura li tnissel konsegwenzi importanti. Fil-fatt jeżisti interess ċert li l-liġi applikabbli għal talba għal kumpens taqa’ pjuttost taħt dritt nazzjonali milli xi dritt ieħor. B’mod iktar preċiż, l-eżistenza ta’ dritt għall-kumpens għad-danni invokati mill-membri tal-familja tal-persuna li mietet fl-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni ta’ dawn id-danni u n-natura kumpensatorja tagħhom fil-biċċa l-kbira joħorġu mill-għażla tad-dritt sostantiv applikabbli.

33.

F’dan ir-rigward, jekk il-kumpless tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jidhru li jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ kumpens favur il-membri tal-familja tad-decuius, għandhom jiġu rrilevati d-differenzi sostanzjali li jeżistu, bejn id-drittijiet tal-Istati Membri, dwar il-klassifikazzjoni, in-natura u l-medda tad-dannu kumpensabbli mill-aventi dritt ta’ persuna li mietet aċċidentalment.

34.

Fil-fatt, is-sistemi nazzjonali ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, li, skont il-każ, jippermettu l-kumpens tad-danni mġarrba indirettament jew li jeħtieġu ħsara diretta għal interess protett ġuridikament, għandhom evidentement differenzi strutturali. Barra minn hekk, fid-diversi drittijiet nazzjonali, id-drittijiet għall-kumpens irrikonoxxuti lill-membri tal-familja tad-decuius, kemm ta’ natura patrimonjali u kemm jekk ma humiex patrimonjali, jitqiesu kultant li huma drittijiet awtonomi (iure proprio) u kultant bħala drittijiet aċċessorji għal dawk tad-decuius.

35.

Kif qal diġà l-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-Kawża Dumez France u Tracoba ( 12 ), in-natura ta’ ħsara indiretta hija mingħajr ebda dubju waħda mill-kwistjonijiet l-iktar delikati u l-iktar kontroversjali tad-dritt ta’ responsabbiltà, billi uħud jaraw dan bħal projezzjoni fuq vittma medjata ta’ ħsara li ġarrbet vittma inizjali, filwaqt li għal oħrajn din hija, għall-kuntrarju, ħsara awtonoma ( 13 ). Barra minn hekk, din il-kwistjoni ma tqumx fi Stati Membri li ma jirrikonoxxux dritt għal dannu rifless u, għalhekk, jinjoraw il-kunċett ta’ ħsara indiretta ( 14 ).

36.

Fir-rigward ta’ inċidenti taċ-ċirkolazzjoni stradali, nixtieq nenfasizza li bosta Stati Membri ( 15 ) ser ikomplu, minkejja d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma II u skont l-Artikolu 28(1) ta’ dak ir-regolament ( 16 ), japplikaw il-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli fir-rigward ta’ inċidenti taċ-ċirkolazzjoni stradali, konkluża f’The Hague fl-4 ta’ Mejju 1971 ( 17 ), li hija konvenzjoni li tqis bħala regola ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli dik tal-lex loci delicti commissi, mingħajr il-possibbiltà għall-partijiet inkwistjoni li jindikaw l-għażla tagħhom għal liġi oħra, li tipprevedi kriterji ta’ rabtiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II ( 18 ). Dan juri sa liema punt il-problema marbuta mad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-każ ta’ azzjonijiet għal kumpens ta’ danni mġarrba wara inċident tat-traffiku tista’ tkun partikolarment kumplessa ( 19 ).

37.

Biex nibqgħu mal-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Taljan rilevanti, jiġifieri l-Artikoli 2043 u 2059 tal-Kodiċi Ċivili Taljan kif interpretati mill-Corte suprema di cassazione, jagħti kumpens partikolarment estiż għad-danni mġarrba mill-membri tal-familja ta’ persuna li mietet aċċidentalment, u b’mod partikolari dawk li jmutu minħabba inċident tat-traffiku. Fil-fatt, skont il-liġi Taljana, id-dannu li jirriżulta mill-mewt ta’ membru tal-familja huwa dannu mġarrab minnu direttament (jure proprio). Jidher li jirriżulta minn dan li r-relazzjoni ta’ obbligu li teżisti bejn il-membru tal-familja tal-persuna li mietet u l-persuna kkunsidrata responsabbli għad-dannu (jew fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ din tal-aħħar, tal-entità responsabbli għall-kumpens tiegħu) hija indipendenti minn dik li torbot il-persuna li mietet mal-imsemmija entità.

38.

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li, minkejja s-sempliċità apparenti tiegħu, il-kriterju tal-post fejn iseħħ id-dannu, li jikkaratterizza r-regola ġenerali ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, qajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni.

39.

Jeżistu, essenzjalment, żewġ opinjonijiet opposti fil-kawża prinċipali.

40.

Skont l-ewwel waħda, li jiddefendi l-Gvern Awstrijak, id-danni patrimonjali u morali mġarrba mill-membri tal-familja ta’ persuna li mietet fi Stat Membru ieħor ma jikkostitwixxux neċessarjament konsegwenzi indiretti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II tal-fatt dannuż. B’mod partikolari jirriżulta li talba għall-kumpens tad-drittijiet patrimonjali invokati mill-qraba viċini ta’ persuna, li tkun mietet wara inċident tat-traffiku li seħħ fl-Istat tal-forum, sakemm tistrieħ fuq obbligu distint minn dak li jorbot il-parti opposta u l-persuna li mietet fl-inċident, għandha tiġi evalwata skont il-liġi tal-post fejn seħħ id-dannu mġarrab minn dawk il-qraba, jiġifieri l-post tar-residenza abitwali tagħhom, ħlief jekk jintwera li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II, mill-kumpless ta’ ċirkustanzi jirriżulta li jeżistu rabtiet manifestament iktar stretti ma’ pajjiż ieħor.

41.

Skont it-tieni waħda, li jsostnu b’mod partikolari l-intervenjenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, id-danni mġarrba, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, mill-qraba viċini ta’ persuna li mietet f’inċident stradali li jseħħ fl-Istat tal-forum għandhom jitqiesu li huma konsegwenzi indiretti tad-dannu mġarrab mill-vittma immedjata tal-inċident. Il-kunċett ta’ “post fejn iseħħ id-dannu” għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħmel riferiment għall-post li kkawża d-dannu, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-post tal-inċident stradali.

42.

Kif ssuġġeriet il-Kummissjoni, jidher li hu opportun li tinqaleb l-ordni tal-eżami tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

43.

Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II jistabbilixxi, fit-tieni parti tiegħu, li l-post fejn jimmaterjalizzaw il-konsegwenzi indiretti tal-fatt dannuż ma huwiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali. Għaldaqstant, hemm lok, l-ewwel nett, li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dannu mġarrab, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, mill-qraba viċini ta’ persuna li mietet f’inċident stradali li seħħ fl-Istat tal-forum, għandu jiġi kklassifikat bħala “dannu” fis-sens tal-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni jew bħala “konsegwenzi indiretti” tal-fatt dannuż fis-sens tat-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni.

44.

Huwa fid-dawl tar-risposta li ser tingħata għal din l-ewwel domanda, li hemm bżonn li jiġi mbagħad iddefinit il-kunċett tal-“pajjiż fejn iseħħ id-dannu” għal dak li jirrigwarda talba għall-kumpens tad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li sofrew il-qraba ta’ persuna li mietet minħabba inċident.

1. L-ewwel aspett (it-tieni domanda): klassifikazzjoni tad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali mġarrba, fil-pajjiż ta’ referenza tagħhom, mill-qraba viċini ta’ persuna li mietet f’inċident stradali li seħħ fl-Istat tal-forum

45.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II jistabbilixxi li l-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn fatt dannuż hija dik fejn iseħħ id-dannu. Kif jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet li jinsabu espliċitament f’din id-dispożizzjoni, il-post fejn iseħħ id-dannu għandu jiġi distint, l-ewwel nett, mill-post fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu allegat u, it-tieni nett, mill-post fejn seħħew il-konsegwenzi indiretti tal-fatt dannuż.

46.

Jidhirli li jirriżulta b’mod ċar mix-xogħol preparatorju, u partikolarment mir-rapport li jakkumpanja l-proposta għal Regolament Ruma II, li din id-dispożizzjoni għandha bħala regola bażika l-liġi tal-post fejn id-dannu dirett seħħ jew għandu mnejn iseħħ ( 20 ).

47.

Dan ir-rapport jindika wkoll, fir-rigward preċiżament tal-eżempju ta’ inċident stradali, li “l-post tad-dannu huwa dak tal-kolliżjoni, indipendentement minn danni finanzjarji jew morali eventwali li jseħħu f’pajjiż ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 21 ).

48.

Dejjem skont dan ir-rapport, jidher li l-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 22 ), dispożizzjoni li l-istess bħal dik li tidher fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, tagħmel distinzjoni bejn id-danni diretti u d-danni indiretti.

49.

Dan ir-riferiment espliċitu għar-Regolament Brussell I jidher fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Ruma II li fil-premessa 7 tiegħu, li tindika li l-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae u d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti għandhom ikunu koerenti.

50.

Iżda għandi nfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament ( 23 ), ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-kompetenza tal-qrati li ma humiex dawk tad-domiċilju tal-konvenut u hija intiża, fl-aħħar mill-aħħar, għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u organizzazzjoni effettiva tal-proċess. F’dan is-sens, seta’, b’dan il-mod, jiġi enfasizzat li ċ-ċentralizzazzjoni tad-domandi magħmula fi ħdan l-istess qorti kienet ġejja b’mod partikolari minn bżonn oġġettiv rigward il-prova jew l-organizzazzjoni tal-proċess ( 24 ).

51.

Dan il-bżonn, li huwa ta’ interess ċert fid-determinazzjoni tal-qorti kompetenti, ma jitfaċċax neċessarjament bl-istess mod fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk dejjem insistiet fuq in-neċessità li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tal-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess relazzjoni ġuridika u fuq il-konstatazzjoni li l-qorti tal-post fejn iseħħ il-fatt dannuż hija normalment l-iktar adattata biex tiddeċiedi, partikolarment għal motivi ta’ prossimità tat-tilwima u ta’ faċilità ta’ produzzjoni tal-prova ( 25 ).

52.

Madankollu, jiena tal-fehma li, għalkemm l-għanijiet segwiti rispettivament minn kull wieħed minn dawn l-atti legali huma kemxejn diverġenti, il-kunċetti li hemm fir-Regolament Ruma II għandhom, sa fejn ikun possibbli, jinftiehem billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjonijiet adottati fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tar-Regolament Brussell I. Fil-fatt, għandu jiġi stabbilit ċertu paralleliżmu fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti, sa fejn l-istrumenti ġuridiċi kollha jsegwu għan ta’ prevedibbiltà tas-soluzzjonijiet adottati.

53.

X’inhu t-tagħlim li wieħed jista’ jieħu mill-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I?

54.

Diversi kawżi ħaqqhom attenzjoni.

55.

Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza Dumez France u Tracoba ( 26 ), għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ post fejn iseħħ id-dannu fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija fi Franza minn żewġ kumpanniji Franċiżi kontra banek stabbiliti fil-Ġermanja għal kumpens tad-danni finanzjarji li huma allegatament sofrew minħabba l-falliment ta’ xi wħud mis-sussidjarji tagħhom, anki huma stabbiliti fil-Ġermanja, falliment li oriġina mir-rexissjoni, minn dawn il-banek, ta’ krediti mogħtija lil dawn is-sussidjarji sabiex jitwettaq programm ta’ proprjetà immobbli.

56.

Mitluba tiddeċiedi fuq in-natura tad-dannu allegat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dannu li l-kumpanniji prinċipali (parent) allegaw kien biss il-konsegwenza medjata tat-telf finanzjarju maħfur l-ewwel mis-sussidjarji tagħhom wara r-rexissjoni ta’ krediti u ta’ xogħlijiet li segwew. Fuq dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dannu allegat huwa biss il-konsegwenza indiretta tad-dannu mġarrab inizjalment minn persuni ġuridiċi oħrajn li kienu vittmi diretti tad-dannu immaterjalizzat f’post differenti minn dak fejn il-vittma indiretta kienet sussegwentement softiet dannu” ( 27 ).

57.

Meta eżaminat imbagħad jekk il-kunċett ta’ “post fejn iseħħ id-dannu”, fis-sens tas-sentenza Minjieri ta’ potassa tal-Alsazja (21/76, EU:C:1976:166) kienx jirreferi għall-post fejn il-vittmi indiretti tal-ħsara sofrew il-konsegwenzi patrimonjali dannużi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm, skont dik is-sentenza, dan il-kunċett jista’ jirreferi għall-post fejn seħħ id-dannu, dan l-aħħar kunċett ma jistax jinftiehem ħlief bħala li jindika l-post fejn il-fatt kawżali, li jattiva r-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali, ipproduċa direttament l-effetti dannużi fir-rigward ta’ dak li kien il-vittma immedjata tiegħu ( 28 ). F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-post fejn seħħ id-dannu inizjali ġeneralment ikollu relazzjoni mill-qrib mal-elementi kostituttivi l-oħra tar-responsabbiltà, filwaqt li, ta’ spiss, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-domiċilju tal-vittma indiretta ( 29 ).

58.

Dan l-approċċ kien, imbagħad, ġie kkonfermat fis-sentenza Marinari ( 30 ), kawża li l-Kummissjoni rreferiet għaliha espressament fil-proposta tagħha għal regolament tat-22 ta’ Lulju 2003 ( 31 ) u kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “fatt jew dannu li seħħ” jindikax biss il-post fejn seħħ dannu fiżiku kkawżat lil persuni jew oġġetti jew jekk jindikax ukoll il-post fejn immaterjalizzaw, jekk ikun il-każ f’pajjiżi oħrajn, il-kumpless ta’ danni patrimonjali.

59.

Anki hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk huwa ammess li l-kunċett ta’ “post fejn seħħ id-delitt/kważi delitt ċivili [fatt dannuż]”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jista’ jirreferi kemm għall-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll għal dak tal-avveniment kawżali, dan il-kunċett ma għandux, madankollu, jiġi interpretat b’mod estensiv sal-punt li jinkludi kull post fejn jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża dannu li effettivament seħħ f’post ieħor. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post fejn il-vittma tallega li sofriet dannu patrimonjali li jsegwi dannu inizjali li seħħ u ġġarrab minnha fi Stat kontraenti ieħor ( 32 ).

60.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta l-kunċett ta’ “post fejn id-delitt/kważi delitt [fatt dannuż] seħħ” sabiex jiġu ddeterminati l-qrati kompetenti biex tiġi deċiża kawża għall-kumpens tad-danni kkawżati minħabba li tqassam, f’diversi Stati Membri, artiklu defamatorju fl-istampa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunsiderazzjonijiet li hija kienet esponiet fis-sentenzi Minjieri ta’ potassa tal-Alsazja u Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8), dwar danni materjali kienu jgħoddu wkoll fil-każ ta’ danni mhux patrimonjali.

61.

Huwa interessanti li jiġi nnotat li, fir-rigward ta’ dannu li jseħħ fil-postijiet fejn titqassam il-pubblikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kellha tiġi interpretata fis-sens li l-vittma tista’ tiftaħ kawża kontra l-editur għad-danni kemm quddiem il-qrati tal-Istat kontraenti tal-post ta’ stabbiliment tal-editur tal-pubblikazzjoni defamatorja, li huma kompetenti biex jikkumpensaw id-danni kollha li jirriżultaw mid-defamazzjoni, kif ukoll quddiem il-qrati ta’ kull Stat kontraenti, fejn tqassmet il-pubblikazzjoni u fejn il-vittma tallega li sofriet ħsara lir-reputazzjoni tagħha, li huma kompetenti biex jittrattaw biss id-danni kkawżati fl-Istat tal-qorti adita. F’konfigurazzjoni bħal dik, jista’ effettivament jiġi kkunsidrat li jeżisti mhux wieħed, iżda diversi danni inizjali.

62.

Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364), hija kienet qed titlob li jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “post fejn id-delitt/kważi delitt ċivili [fatt dannuż] seħħ” setax jirreferi għall-post tad-domiċilju tal-vittma, fejn kien hemm “iċ-ċentru tal-patrimonju tiegħu”, b’tali mod li l-vittma jkollha dritt li tressaq kawża għall-kumpens għad-dannu li sofriet quddiem il-qorti korrispondenti. Din il-kwistjoni qamet fil-kuntest speċifiku ta’ azzjoni għall-kumpens tad-dannu finanzjarju mġarrab minn individwu wara t-twettiq ta’ operazzjonijiet fil-borża li jirrigwardaw elementi tal-patrimonju tiegħu li dan tal-aħħar kien qabel poġġa fi Stat kontraenti differenti minn dak tad-domiċilju tiegħu.

63.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda.

64.

Filwaqt li fakkret it-tagħlim tas-sentenza Marinari (C‑364/13, EU:C:1995:289), hija fil-fatt iddeċidiet li l-espressjoni “post fejn id-dannu jew id-delitt/kważi delitt ċivili [fatt dannuż] seħħ” ma setax jiġi interpretat b’mod estensiv sal-punt li jinkludi kull post fejn setgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li jkun seħħ f’post ieħor ( 33 ). Insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li interpretazzjoni bħal dik kienet tagħmel id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti dipendenti fuq ċirkustanzi inċerti bħall-post fejn jinsab “iċ-ċentru tal-patrimonju” tal-vittma u għaldaqstant ikun kuntrarju għat-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni ( 34 ).

65.

Fl-aħħar nett, iktar reċentement, u filwaqt li kienet qed tiddeċiedi did-darba fuq l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża li tat-lok għas-sentenza Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475), dwar tilwima bejn impriża li tipproduċi fertilizzant u impriża li tipprovdi materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ dan il-fertilizzant fir-rigward tal-kunsinna ta’ prodott ikkontaminat, iddeċidiet li l-kliem “il-post fejn id-delitt/kważi delitt ċivili [fatt dannuż] seħħ” kien jirreferi għall-post fejn kien seħħ id-dannu inizjali minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom kien intiż.

66.

Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I hija għalhekk għal kollox rilevanti. Dan jgħodd iktar u iktar, kif enfasizzaw ġustament ħafna l-Kummissjoni u l-Gvern Portugiż, peress li l-kunċett ta’ “post fejn id-delitt/kważi delitt ċivili [fatt dannuż] seħħ” [kif hemm fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I], li jirreferi mhux biss għall-post tal-avveniment kawżali, iżda wkoll għal dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, huwa usa’ minn dak tal-“pajjiż fejn iseħħ id-dannu” [kif previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II].

67.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-danni li ġarrbu, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, il-qraba ta’ persuna li mietet f’inċident stradali li seħħ fl-Istat tal-forum għandhom jiġu kklassifikati bħala “konsegwenzi indiretti” tad-dannu inizjalment imġarrab mill-vittma immedjata tal-inċident.

68.

Barra minn hekk, kif semmejt iktar ’il fuq, jidher li d-distinzjoni stabbilita bejn l-avveniment li wassal għad-dannu u d-dannu nnifsu tikkorrispondi iktar ma’ xewqa li jiġi pprivileġġat approċċ oġġettiv tar-responsabbiltà milli r-rieda li titwessa’ n-natura tad-danni previsti minn din id-dispożizzjoni.

69.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-premessa 17 tar-Regolament Ruma II tippreċiża li “f’każijiet ta’ korriment personali jew ta’ dannu lill-proprjetà, il-pajjiż fejn seħħ id-dannu għandu jkun il-pajjiż fejn kien sostnut il-korriment jew fejn sar dannu lill-proprjetà rispettivament”.

70.

Għalhekk jidher rilevanti biss, sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli f’kawża għad-danni, il-post fejn seħħ id-dannu dirett, u dan indipendentement mill-klassifikazzjonijiet li jagħmlu d-drittijiet nazzjonali dwar in-natura jew il-karattru kumpensatorju ta’ dawk id-danni.

71.

Għaldaqstant, jiena għandi preferenza netta għall-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u dan għal diversi raġunijiet.

72.

L-ewwel nett u bla ħsara għan-natura unifikatiċi tar-Regolament Ruma II, għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u oġġettiva lill-kunċett ta’ “pajjiż fejn iseħħ id-dannu”.

73.

Kif semmejt iktar ’il fuq, id-drittijiet tal-Istati Membri huma kkaratterizzati minn differenzi notevoli rigward in-natura u l-firxa tad-danni mġarrba mill-membri tal-familja ta’ persuna. Fil-każ fejn irid jiġi kkunsidrat li d-dannu msemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II jkopri, flimkien ma’ dak imġarrab direttament mill-persuna li mietet, fil-verità l-kumpless tad-danni kkunsidrati bħala mġarrba jure proprio mill-aventi dritt ta’ dik il-persuna, hemm il-biża’ li l-fatt li jrid jiġi kkonstatat ġudizzjarjament jinqasam f’diversi relazzjonijiet suġġetti, skont ir-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata, għal liġijiet differenti. Issa, jista’ jiġi kkunsidrat li, meta llimita l-fatturi ta’ rabta meħuda inkunsiderazzjoni bis-saħħa tar-regola ġenerali ddikjarata fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II (ara l-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-leġiżlatur ipprova wkoll jillimita n-numru ta’ liġijiet li jistgħu jiġu applikati f’kull sitwazzjoni.

74.

F’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni skont liema r-regola ġenerali sanċita li tgħid li l-espressjoni “pajjiż fejn iseħħ id-dannu”, prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Ruma II, għandha tfisser il-post tad-dannu dirett — f’dan il-każ dak tal-kolliżjoni fatali — għandha l-mertu tas-sempliċità u tal-oġġettività, filwaqt li, fil-verità, il-kumpless tad-danni allegati għadhom l-istess sors. Kif semmiet il-qorti tar-rinviju stess, l-applikazzjoni tal-liġi tal-post fejn seħħ l-inċident tipprekludi sensibbilment li l-fatt suġġett tal-evalwazzjoni ġudizzjarja jkun jista’ jinqasam f’diversi partijiet suġġetti għal liġi differenti skont il-liġi ta’ residenza tal-vittmi indikati.

75.

Fit-tieni lok, jidhirli li din l-evalwazzjoni tikkonforma għal kollox mal-prevedibbiltà mixtieqa taħt ir-Regolament Ruma II. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-persuna responsabbli hija f’pożizzjoni li tantiċipa l-konsegwenzi f’pajjiżi oħrajn għall-aġir tagħha jew l-aġir tal-persuni li għalihom trid tirrispondi. Bl-istess mod, il-vittma hija bħala prinċipju mgħarrfa bil-kuntest legali li fih esponiet ruħha jew kienet esposta l-proprjetà tagħha. Fi kliem ieħor, kemm il-persuna responsabbli kif ukoll il-vittma jkunu mgħarrfa u jkunu ħadu miżuri, partikolarment fir-rigward tal-assigurazzjoni, meħtieġa fir-rigward tal-liġi applikabbli fil-pajjiż jew pajjiżi tas-seħħ potenzjali tad-danni ( 35 ).

76.

Fit-tielet lok, ir-regola ġenerali ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli fir-Regolament Ruma II hija, b’differenza ma’ regoli oħrajn ( 36 ), ikkaratterizzata min-newtralità. Issa, biex nieħdu l-eżempju tad-dannu ta’ natura patrimonjali mill-aventi dritt ta’ persuna li mietet wara inċident tat-traffiku, jista’ jiġi kkunsidrat li n-newtralità tal-liġi tkun kompromessa sa fejn dak id-dannu jkun dejjem illokalizzat fil-post ta’ residenza tal-vittma.

77.

Fir-raba’ lok, interpretazzjoni bħal din jidhirli li tikkonforma wkoll mal-idea l-oħra sottintiża fir-rabtiet fid-dritt internazzjonali privat, jiġifieri l-idea tal-prossimità li, sa fejn ikun possibbli, sitwazzjoni tintrabat mal-liġi tal-pajjiż li miegħu għandha l-konnessjonijiet l-iktar stretti. Fil-fatt, jekk il-post tal-inċident joffri bla dubju rabtiet ma’ elementi oħrajn kostituttivi tar-responsabbiltà, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tad-domiċilju tal-vittma indiretta ( 37 ).

78.

Biex nieħu l-eżempju tal-kawża prinċipali, għandu jiġi nnotat li t-taħrika ġudizzjarja tal-kumpannija tal-assigurazzjoni Allianz, bħala kumpannija indikata mill-Fondo di garanzia per le vittime della strada, fl-assenza ta’ identifikazzjoni tal-vettura responsabbli għall-kolliżjoni fatali, kienet preċiżament possibbli bis-saħħa tad-dritt Taljan ( 38 ).

79.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Ruma II jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ korrezzjoni li jippermettu li tiġi evitata r-riġidità apparenti tar-regola tal-post ta’ fejn seħħ id-dannu b’diversi modi.

80.

Qabel kollox, l-applikazzjoni tal-lex locus damni għandha titwarrab fil-każ fejn il-persuna responsabbli u l-vittma tad-dannu jirrisjedu abitwalment fl-istess pajjiż. F’dik l-ipoteżi, hija l-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiż li tapplika. Din id-deroga, li tagħti prevalenza lil-liġi tal-pajjiż li magħha s-sitwazzjoni inkwistjoni tippreżenta l-ikbar qrubija, tevita s-sitwazzjonijiet ta’ rabta purament fortuwiti u hija utli ħafna fil-każ, pereżempju, ta’ inċidenti tat-traffiku. Biex din l-ipoteżi tiġi spjegata, nieħdu l-każ ta’ kolliżjoni bejn żewġ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u li ż-żewġ sewwieqa huma t-tnejn residenti l-Ġermanja, liema kolliżjoni sseħħ fid-Danimarka fl-okkażjoni ta’ vjaġġ ta’ kuljum għall-ġarr tal-merkanzija. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-lex locus damni tista’ titwarrab bi preferenza għal-liġi Ġermaniża.

81.

Imbagħad, ir-regola ddikjarata fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II tista’ titwarrab, bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-regolament meta twassal għal riżultati irraġonevoli favur il-liġi tal-pajjiż li magħha s-sitwazzjoni inkwistjoni għandha r-rabtiet l-iktar mill-qrib. Din il-klawżola ta’ deroga tippermetti, fil-każ pereżempju fejn il-persuna responsabbli u l-persuna leża ma jkollhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż, li japplikaw il-liġi tal-pajjiż meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ gravità tas-sitwazzjoni kkontestata ( 39 ). Għalhekk klawżola bħal dik għandha ssib l-utilità sħiħa tagħha fil-każ fejn ikun ġie kkonstatat li, b’differenza mas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-residenza tal-vittma immedjata tal-inċident, dik tar-responsabbli preżunt jew kull ċirkustanza oħra madwar l-avveniment ta’ dak l-inċident ikunu estranji għall-pajjiż fejn ikun seħħ l-inċident imsemmi u jkunu relatati indirettament ma’ pajjiż ieħor.

82.

Fl-aħħar nett, għalkemm jista’ jiġi kkunsidrat li l-lex loci damni, f’ċerti ċirkustanzi, tista’ tkun sfavorevoli meta l-vittmi aktarx diretti jirrisjedu abitwalment f’pajjiż ieħor differenti minn dak fejn seħħ l-inċident, il-premessa 33 tar-Regolament Ruma II tistieden preċiżament lill-qorti adita biex tieħu inkunsiderazzjoni fil-kwantifikazzjoni tad-danni mogħtija għad-dannu fiżiku, iċ-“ċirkostanzi reali rilevanti kollha tal-vittma speċifika, inklużi partikolarment id-danni reali u l-ispejjeż ta’ kura post-operatorja u ta’ l-attenzjoni medika”. Għalhekk il-qorti hija mistiedna biex sa fejn huwa possibbli tieħu inkunsiderazzjoni, partikolarment fl-evalwazzjoni tad-danni mġarrba minn persuni mhux residenti tal-pajjiż tal-post tal-inċident fatali, id-differenzi tal-livell ta’ ħajja kif ukoll tal-ispejjeż effettivament magħmula jew imħallsa minn dawk il-vittmi fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

2. It-tieni aspett: il-kunċett tal-“pajjiż fejn iseħħ id-dannu”

83.

Kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda, billi d-danni mġarrba mill-qraba tal-vittma ta’ inċident huma konsegwenzi indiretti tiegħu, il-post fejn dan seħħ bl-ebda mod ma huwa rilevanti fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli. Fil-fatt, il-kunċett tal-post fejn seħħ id-dannu għandu, fl-iżvilupp ta’ dak li ġie stabbilit mill-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I, jinftiehem bħala dak fejn seħħ il-fatt, f’dan il-każ l-inċident stradali, li pproduċa direttament l-effetti dannużi tiegħu fir-rigward ta’ dak li tiegħu huwa l-vittma immedjata.

84.

Fi kwalunkwe każ, jiena tal-fehma li l-kunċett tal-“pajjiż fejn iseħħ id-dannu” għandu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, jinftiehem bħala l-post fejn iseħħ l-inċident stradali. Dan il-kunċett ma għandux jinftiehem bħala li jkopri l-postijiet ta’ danni oħrajn imġarrba mill-fatt stess tal-inċident, kemm jekk mill-vittma diretta tiegħu jew inkella minn terzi qraba ta’ dik il-vittma. In-natura patrimonjali jew le tad-danni allegati f’dan il-kuntest ftit li xejn hija rilevanti.

IV – Konklużjoni

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari li saru mill-qorti ta’ Trieste:

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandu jiġi interpretat fis-sens li d-danni mġarrba, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, mill-qraba viċini ta’ persuna li mietet f’inċident tat-traffiku li jseħħ fl-Istat tal-forum għandhom jiġu kklassifikati bħala “konsegwenzi indiretti” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-kunċett tal-“pajjiż fejn iseħħ id-dannu” msemmi f’din l-istess dispożizzjoni, għandu, billi dan huwa inċident stradali, jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn il-fatt li kkawża d-dannu, jiġifieri l-inċident stradali, ipproduċa direttament l-effetti dannużi tiegħu fir-rigward ta’ dak li tiegħu huwa l-vittma immedjata.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, p. 40, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Ruma II”).

( 3 )   Għandu jiġi enfasizzat li, mhux biss il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex, sal-ġurnata tal-lum, okkażjoni li tiddeċiedi fuq il-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, imma, b’mod iktar ġenerali, għadha ma kellhiex okkażjoni tinterpreta fis-sustanza r-Regolament Ruma II. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tas-sentenza Homawoo (C‑412/10, EU:C:2011:747) li kienet tirrigwarda l-applikabbiltà ratione temporis ta’ dak ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja, għalissa, għamlet biss sempliċi riferiment għal dak ir-regolament (ara s-sentenzi Football Dataco et, C‑173/11, EU:C:2012:642 u Kainz, C‑45/13, EU:C:2014:7). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II qed tintalab fil-kuntest ta’ diversi kawżi li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża Prüller-Frey, C‑240/14, EU:C:2015:325; il-Kawżi magħquda C‑359/14 u C‑475/14, ERGO Insurance et kif ukoll il-Kawża C‑191/15, Verein für Konsumenteninformation).

( 4 )   Regolament tal-Kunsill (KE), tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 5 )   Ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel tentattivi ta’ unifikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt fil-qasam mhux kuntrattwali li saru fl-1972 bl-abbozz ta’ konvenzjoni Komunitarja fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali (Revue critique de droit international privé, 1973, p. 209).

( 6 )   Ir-regoli speċjali msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet huma rispettivament “ir-responsabbiltà għal dannu minn prodotti”, il-“kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera, id-“dannu ambjentali”, il-“ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” u l-“azzjoni industrijali”.

( 7 )   COM(2003) 427 finali, punt 2.1 tal-proposta.

( 8 )   ĠU 1980, L 266, p. 1. Ara, f’dan ir-rigward, ir-regola ġenerali ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik il-konvenzjoni.

( 9 )   Ara, b’mod partikolari, ir-rapport tal-Kummissjoni tal-Affarijiet Legali tal-Parlament, tas-27 ta’ Ġunju 2005, dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Rome II”) [COM(2003)0427 – C5‑0338/2003 – 2003/0168(COD)], li kien jipproponi li tiddaħħal dispożizzjoni li “Fil-każ ta’ korriment li jirriżulta minn inċident tat-traffiku stradali u fid-dawl tad-Direttiva dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, il-qorti kif ukoll l-assigurazzjoni tas-sewwieq responsabbli għandhom japplikaw, skont il-modalitajiet tad-danni u l-kalkolu tal-ammont tagħhom, ir-regoli fis-seħħ fil-post abitwali ta’ residenza tal-vittma, sakemm din is-soluzzjoni ma tkunx mhux ekwa għall-vittma” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 10 )   Skont din il-premessa, “[r]egoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu […]”.

( 11 )   Ara, pereżempju, Boskovic, O., “Loi applicable aux obligations non contractuelles (matières civile et commerciale)”, Répertoire de droit européen, aġġornat f’Settembru 2010, punt 26.

( 12 )   C‑220/88, EU:C:1989:595.

( 13 )   Ibid., punti 23 u 24.

( 14 )   Ara, biex tingħata titwila lil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, l-ispjegazzjoni li hemm fil-punti 34 sa 38 tal-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

( 15 )   Dawn huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka.

( 16 )   Skont dik id-dispożizzjoni, “[d]an ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali”.

( 17 )   Għal eżempju tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ The Hague minkejja d-dħul fis-seħħ tar- Regolament Ruma II, ara s-sentenza Haasová (C‑22/12, EU:C:2013:692, punt 36).

( 18 )   F’dan is-sens, l-Ewwel Awla tal-Cour de cassation Franċiża reċentement iddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża li kellha ċertu xebh mal-kawża prinċipali, li l-imsemmija konvenzjoni hija superjuri għar-Regolament Ruma II (sentenza tal-Cour de cassation, L-Ewwel Awla Ċivili, tat-30 ta’ April 2014, Nru 13-11.932, ECLI:FR:CCASS:2014:C100428).

( 19 )   Għal ħarsa ġenerali tal-kwistjonijiet imqajma f’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, Malatesta, A., “The Law Applicable to Traffic Accidents”, The Unification of Choice of Law Rules on Torts and Other Non-Contractual Obligations in Europe, 2006, p. 85 sa 106;Kadner Graziano, T., The Rome II Regulation and the Hague Conventions on Traffic Accidents and Product Liability – Interaction, Conflicts and Future Perspectives, Nederlands Internationaal Privaatrecht. 26e jaarg. 2008, afl. 4, p. 425 sa 429; von Hein, J., “Article 4 and Traffic Accidents”, The Rome II Regulation on the law applicable to non-contractual obligations, 2009, p. 153 sa 173; Nagy, C. I., “The Rome II Regulation and Traffic Accidents: Uniform Conflict Rules with Some Room for Forum Shopping – How So?”, Journal of Private International Law, Vol. 6, 2010, Nru 1, p. 93-108; u Papettas, J., “Direct Actions Against Insurers of Intra-Community Cross Border Traffic Accidents: Rome II and the Motor Insurance Directives”, Journal of private international law, Vol. 8, 2012, Nru 2, p. 297 sa 321.

( 20 )   Ara COM(2003) 427 finali tat-22 ta’ Lulju 2003, p. 12.

( 21 )   Ibidem.

( 22 )   Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materja ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32) kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

( 23 )   Ara s-sentenzi Bier, imsejħa Minjieri ta’ potassa tal-Alsazja (C‑21/76, EU:C:1976:166, punt 11), Marinari (C‑364/13, EU:C:1995:289, punti 10 et seq) u Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punti 19 et seq).

( 24 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 18).

( 25 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 )   C‑220/88, EU:C:1990:8.

( 27 )   Sentenza Dumez France et Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punti 1314.

( 28 )   Sentenza Dumez France u Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 20.

( 29 )   Sentenza Dumez France u Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 21.

( 30 )   Sentenza Marinari, C‑364/93, EU:C:1995:289.

( 31 )   Ara l-paġna 12 tal-imsemmija proposta.

( 32 )   Sentenza Marinari, C‑364/93, EU:C:1995:289, punti 1415.

( 33 )   Sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:36, punt 19).

( 34 )   Sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:36, punt 20).

( 35 )   Ara Calliess, G.-P., Rome Regulations: Commentary on the European Rules of the Conflict of Laws, it-Tieni Edizzjoni, Wolters Kluwer, 2015, p. 498.

( 36 )   Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 6 (dwar l-atti ta’ kompetizzjoni) u 7 (dwar id-dannu ambjentali) tar-Regolament Ruma II.

( 37 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 21).

( 38 )   Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 283(a) u (c) tal-Kodiċi ta’ Assigurazzjonijiet Privati Taljan jistabbilixxi li, meta l-vettura li tkun ikkawżat dannu ma tkunx identifikata, il-Fond ta’ garanzija għall-vittmi tat-triq jagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn inċident tat-traffiku permezz ta’ impriżi tal-assigurazzjoni indikati fit-territorju kollu nazzjonali.

( 39 )   Ara r-rapport li jakkumpanja l-proposta tar-Regolament Ruma II, iċċitat iktar ’il fuq, punt 13.