SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Sistema ta’ protezzjoni taż-żona muntanjuża tal-Ymittos — Proċedura ta’ emenda — Applikabbiltà ta’ din id-direttiva — Pjan regolatur u programm ta’ protezzjoni tal-ambjent taż-żona l-kbira ta’ Ateni”

Fil-Kawża C‑473/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

Dimos Kropias Attikis

vs

Ypourgos Perivallontos, Energeias kai Klimatikis Allagis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

 

Reġistratur: A. Calot Escobar,

 

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għad-Dimos Kropias Attikis, minn A. Papakonstantinou, dikigoros,

għall-Gvern Elleniku, minn A. Alefanti, V. Pelekou u S. Lekkou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u M. Patakia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mid-Dimos Kropias Attikis (muniċipalità ta’ Kropias f’Attika) kontra l-Ypourgos Perivallontos, Energeias kai Klimatikis Allagis (Ministru tal-Ambjent, tal-Enerġija u tat-Tibdil fil-klima) intiż għall-annullament tad-Digriet Presidenzjali Nru 187/2011, tal-14 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni taż-żona muntanjuża tal-Ymittos u tal-parkijiet metropolitani ta’ Goudi u Ilisia (FEK D’ 187/16.06.2011, iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/42

3

Il-premessi 10 u 19 tad-Direttiva 2001/42 jistabbilixxu li:

“(10)

Il-pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati għal numru ta’ setturi u li jistabilixxu qafas għal kunsens ta’ żvilupp fil-futur tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151)], [...] x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali. Meta dawn jistabilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali [...], dawn għandhom ikunu stmati biss meta l-Istati Membri jistabilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.

[...]

(19)

Meta l-obbligazzjoni li ssir stima ta’ l-effetti fuq l-ambjent tinħoloq simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, bħad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98, kif ikkodifikata bid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 20, p. 7)], id-Direttiva [tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)] [...], l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjoni għall-proċeduri kordinati u konġunti li jilħqu l-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità.”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, billi jiġi żgurat li, b’mod konformi ma’ din id-Direttiva, issir evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42 jistabbilixxi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi [...] kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(b)

‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[...]”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1.   L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

(b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

[...]’’

7

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/42, intitolat “Relazzjoni mal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li:

“1.   Stima ambjentali magħmula skond din id-Direttiva għandha ssir mingħajr preġudizzju għal xi ħtiġiet skond id-Direttiva 85/337/KEE u għal xi ħtiġiet oħra tal-liġi tal-Komunità.

2.   Għar-rigward ta’ pjanijiet u programmi li dwarhom l-obbligazzjoni li jsiru stimi ta’ l-effetti fuq l-ambjent tirriżulta simultanjament minn din id-Direttiva u minn leġislazzjoni oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjonijiet għal proċeduri kordinati jew konġunti li jaqblu mal-ħtiġiet tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità sabiex, fost l-oħrajn, jevitaw duplikazzjoni ta’ stimi.”

Id-Direttiva 92/43

8

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jistabbilixxi li:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

9

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

Id-dritt Grieg

Id-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 107017/2006

10

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 107017/2006, tat-28 ta’ Awwissu 2006 (FEK B’ 1225/5.9.2006), jistabbilixxi li:

“Dan id-digriet għandu l-għan li jimplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2001/42], sabiex jiżgura, fil-kuntest ta’ żvilupp ekwilibrat, li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jiġu integrati qabel l-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm, billi jiġu stabbiliti l-miżuri, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri neċessarji għall-evalwazzjoni tal-effetti li dawn jista’ jkollhom fuq l-ambjent, u b’hekk jiġi inkoraġġut żvilupp sostenibbli u livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.”

11

L-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmija deċiżjoni ministerjali konġunta jistabbilixxi li:

“1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-evalwazzjoni strateġika ambjentali għandha ssir qabel l-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm jew qabel ma tiġi sottomessa għal proċedura leġiżlattiva għall-pjanijiet jew programmi fuq livell nazzjonali, reġjonali, ta’ prefettura jew lokali li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent u b’mod partikolari:

[...]

b)

il-pjanijiet u l-programmi implementati, integralment jew parzjalment, fiż-żoni li jagħmlu parti mis-sezzjoni nazzjonali tan-Netwerk Ekoloġiku Ewropew Natura 2000 [Siti ta’ Interess Komunitarju (iktar ’il quddiem is-“SIK”) u Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS)] u li jistgħu jinfluwenzaw dawn iż-żoni b’mod sinjifikattiv, bl-eċċezzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni u tal-programmi ta’ azzjoni marbuta direttament ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni u għall-protezzjoni tal-imsemmija żoni.

Fl-evalwazzjoni dwar jekk il-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu preċedenti [...] jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni li jagħmlu parti mis-sezzjoni nazzjonali tan-Netwerk Ekoloġiku Ewropew Natura 2000 [SIK u ŻPS] u dwar jekk għalhekk hemmx lok li jiġu suġġetti għal proċedura ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali, għandha tiġi segwita l-proċedura ta’ verifika ambjentali msemmija fl-Artikolu 5(2).”

12

L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 107017/2006 huwa fformulat kif ġej:

“Kull pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) u fl-Artikolu 3(2) għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ verifika ambjentali sabiex l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 tkun tista’ tiddeċiedi, skont dan l-artikolu, jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jistax ikollu effett sinjifikattiv fuq l-ambjent u jekk għalhekk hemmx lok li jiġi suġġett għall-evalwazzjoni strateġika ambjentali […]”.

Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ippjanar territorjali taż-żona l-kbira ta’ Ateni

13

Il-Liġi Nru 1515/1985, dwar pjan regolatur u programm ta’ protezzjoni tal-ambjent taż-żona l-kbira ta’ Ateni, li d-dispożizzjonijiet tagħha ġew ikkodifikati bid-digriet presidenzjali tal-14 ta’ Lulju 1999 dwar kodiċi ta’ leġiżlazzjoni ġenerali tal-ippjanar urban, stabbilixxiet pjan regolatur tal-ippjanar territorjali għaż-żona l-kbira ta’ Ateni (iktar ’il quddiem il-“PRIT”) u programm ta’ protezzjoni tal-ambjent.

14

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 1515/1985, il-PRIT jiddefinixxi l-għanijiet, il-linji gwida, il-programmi u l-miżuri kollha previsti minn din il-liġi bħala elementi neċessarji għall-organizzazzjoni tal-ippjanar territorjali u urban ta’ Ateni u tas-subborgi periferali tagħha fil-kuntest ta’ pjanijiet kwinkwennjali ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali.

15

Skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija liġi, id-digrieti presidenzjali adottati bis-saħħa tal-imsemmi artikolu għandhom bħala għan li jikkompletaw, jippreċiżaw, jikkjarifikaw u jemendaw parzjalment il-PRIT u l-programm ta’ protezzjoni tal-ambjent, mingħajr ma jistgħu jbiddlu madankollu l-għanijiet u l-linji gwida tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni taż-żona muntanjuża tal-Ymittos

16

Iż-żona muntanjuża tal-Ymittos hija rregolata minn diversi sistemi ta’ protezzjoni previsti mid-dritt nazzjonali. Sistema kompleta ta’ protezzjoni ta’ din iż-żona ġiet stabbilita għall-ewwel darba mid-digriet presidenzjali tal-31 ta’ Awwissu 1978, li kien jipprevedi żewġ żoni ta’ protezzjoni (A u B) u kien jiddetermina l-użu awtorizzat għal kull żona.

17

Barra minn hekk, fid-dawl tal-bijodiversità kbira tiegħu, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-flora u tal-fawna avjarja tiegħu, is-sit taż-żona muntanjuża tal-Ymittos tniżżel fil-lista SIK skont id-Direttiva 92/43, taħt l-isem “Ymittos – Aisthitiko Dasos Kaisarianis – Limni Vouliagmenis” (GR 3000006), u bħala ŻPS skont id-Direttiva 2009/147, taħt l-isem “Oros Ymittos” (Kodiċi GR 3000015). L-imsemmija żona muntanjuża ġiet indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem iż-“ŻSK”) fis-sens tad-Direttiva 92/43.

18

Sabiex titjieb il-protezzjoni taż-żona muntanjuża tal-Ymittos u sabiex il-leġiżlazzjoni rilevanti preċedenti tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-PRIT, l-organu tal-pjan regolatur u tal-programm ta’ protezzjoni tal-ambjent taż-żona l-kbira ta’ Ateni, li ġie stabbilit mill-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 1515/1985, beda proċedura ta’ emenda tad-digriet presidenzjali tal-31 ta’ Awwissu 1978.

19

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sar studju li fuq il-bażi tiegħu l-kumitat eżekuttiv tal-organu tal-pjan regolatur u tal-programm ta’ protezzjoni tal-ambjent taż-żona l-kbira ta’ Ateni fassal proġett li dwaru ġew ikkonsultati sussegwentement il-muniċipalitajiet ikkonċernati, varji ministeri kif ukoll il-pubbliku inġenerali. Fid-dawl ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, il-proġett ġie ffinalizzat u wassal għall-adozzjoni tad-digriet kontenzjuż.

20

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet:

“L-għan ta’ dan id-digriet huwa l-protezzjoni effikaċi taż-żona muntanjuża tal-Ymittos u tas-superfiċi periferali bis-saħħa tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni ekoloġika tal-habitats, tal-flora u tal-fawna, tal-iżvilupp tal-attivitajiet ekoloġiċi importanti tagħhom għall-baċir tal-Attika, tal-protezzjoni tal-pajsaġġ u tal-kontroll tal-bini.”

21

L-Artikolu 3 tad-digriet kontenzjuż jistabbilixxi ħames żoni ta’ protezzjoni, jiġifieri ż-żona A, li s-superfiċi tagħha hija ikbar miż-żona A preeżistenti, iddikjarata bħala “żona ta’ protezzjoni assoluta tan-natura u tal-monumenti”, bil-għan ta’ protezzjoni totali tal-habitats, tal-flora u tal-fawna u ta’ żvilupp ekoloġikament kompatibbli tal-karatteristiċi naturali, ġeoloġiċi u storiċi partikolari taż-żona muntanjuża tal-Ymittos, iż-żona B li hija kklassifikata bħala “żona periferali ta’ protezzjoni” u li tikkostitwixxi żona ta’ agrikoltura, ta’ tagħlim u ta’ rikreazzjoni fil-beraħ, ta’ kultura u ta’ sport, iż-żona Ċ li tikkostitwixxi żona ta’ protezzjoni ta’ siti arkeoloġiċi, iż-żona D, indikata bħala dik tal-parkijiet metropolitani ta’ Goudi u Ilisia, li toffri konnessjoni bejn l-ekosistema tal-muntanji u l-belt, kif ukoll iż-żona E, żona allokata għal użu speċjali tal-art, li fiha huma awtorizzati b’mod partikolari ċ-ċimiterji b’osservanza tal-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ.

22

L-Artikolu 7 tad-digriet kontenzjuż, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji”, jipprevedi, b’mod partikolari, li l-barrieri għandhom jiġu rriabilitati f’terminu ta’ tliet snin u li ċerti installazzjonijiet fosthom l-installazzjonijiet industrijali u artiġjanali eżistenti għandhom jiġu mċaqalqa f’terminu ta’ ħames snin.

23

L-Artikolu 8 tal-imsemmi digriet jipprevedi, b’mod partikolari, li l-bini li jeżisti legalment kif ukoll l-installazzjonijiet allokati għall-akkomodazzjoni, għat-tagħlim, għall-isptarijiet, għas-sanatorji, għall-orfanatrofji, għad-djar tar-refuġjati, għar-rikreazzjoni, għall-isport, għall-avvenimenti kulturali, għall-monasteri, għall-antenni tat-telefonija, għall-postijiet ta’ qima u għaċ-ċimiterji li l-użu tagħhom ma hijiex awtorizzata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess digriet jistgħu jibqgħu fuq l-art li fuqhom jinsabu u jkunu s-suġġett ta’ xogħlijiet ta’ tiswija, mingħajr ebda possibbiltà ta’ estensjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

Is-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat) josserva li, fid-dawl tal-argument imressaq mid-Dimos Kropias, huwa għandu jiddeċiedi jekk id-digriet kontenzjuż għandux jiġi annullat billi jirrigwarda pjan jew programm li jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/42 li kellu jkun suġġett għall-proċedura ta’ “verifika ambjentali minn qabel” u/jew għall-proċedura ta’ “evalwazzjoni ambjentali strateġika” fis-sens tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 107017/2006, li hija intiża sabiex tittrasponi din id-direttiva.

25

Din il-qorti tqis li ma jaqgħux taħt l-imsemmija proċeduri l-pjanijiet u l-programmi li jippreċiżaw jew jimplementaw pjan eżistenti ta’ importanza superjuri li permezz tagħha sar ippjanar ġenerali, f’dan il-każ il-pjan regolatur ikkostitwit mill-PRIT li, mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 107017/2006, huwa stess huwa suġġett għall-imsemmija proċedura ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika. Ma huwiex importanti li l-PRIT ma kienx suġġett għal tali evalwazzjoni ambjentali strateġika għar-raġuni li, fil-mument tal-adozzjoni tiegħu, din id-deċiżjoni ministerjali ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ.

26

Il-qorti tar-rinviju ssostni li mill-punt 42 tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159) jirriżulta li “evalwazzjoni ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42 ma hijiex meħtieġa jekk l-att imħassar ikun jifforma parti minn ġerarkija ta’ atti ta’ ippjanar territorjali, peress li dawn l-atti jipprevedu regoli għall-użu tal-art suffiċjentement preċiżi, kienu huma stess is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u jista’ raġonevolment jitqies li l-interessi li d-Direttiva 2001/42 hija intiża li tipproteġi ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.

27

Hija tosserva li, skont il-pożizzjoni maġġoritarja tal-membri tagħha, il-PRIT stabbilit mil-Liġi 1515/1985, li huwa pjan preeżistenti ta’ livell superjuri meta mqabbel mad-digriet kontenzjuż, jipprevedi regoli ta’ użu tal-art suffiċjentement preċiżi, b’tali mod li “evalwazzjoni ambjentali” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 ma kinitx meħtieġa qabel l-adozzjoni tal-imsemmi digriet li jippreċiża u jimplementa l-imsemmi pjan regolatur.

28

Din il-fehma tista’ tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi 1515/1985 jipprevedi li d-digrieti adottati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu, bħad-digriet kontenzjuż, jistgħu biss jikkompletaw, jippreċiżaw, jikkjarifikaw u jemendaw il-PRIT u l-programm ta’ protezzjoni ambjentali, mingħajr ma jistgħu jbiddlu madankollu l-għanijiet u l-linji gwida tagħhom u mingħajr ma jistgħu jipprevedu xogħol ġdid jew attivitajiet ġodda li ma jaqgħux taħt l-ippjanar tal-PRIT jew li għandhom xi effett negattiv fuq l-ambjent. Id-digriet kontenzjuż huwa intiż sabiex jirregola saħansitra b’mod iktar strett is-sistema attwali ta’ protezzjoni taż-żona muntanjuża tal-Ymittos fil-qasam tal-użu tal-art u sabiex jikkontrolla tali użu b’osservanza tal-PRIT.

29

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont l-opinjoni minoritarja espressa fi ħdana, id-digriet kontenzjuż ma setax jiġi adottat mingħajr “evalwazzjoni ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva 2001/42. Fil-fatt, il-Liġi 1515/1985 ma tistabbilixxi l-ebda regola tal-użu tal-art u għalhekk ċertament l-ebda regola preċiża ta’ dan it-tip peress li din il-liġi fiha biss dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali li jistabbilixxu għanijiet u linji gwida.

30

Skont din l-opinjoni minoritarja, pjan bħal dak previst mid-digriet leġiżlattiv, anki jekk jippreċiża biss il-PRIT, huwa suġġett b’mod ċar għal evalwazzjoni ambjentali skont il-kliem stess tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42.

31

Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk, l-istess bħall-opinjoni maġġoritarja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-pjan stabbilit mid-digriet kontenzjuż ma kellux ikun suġġett għal “evalwazzjoni ambjentali” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 peress li l-PRIT jikkostitwixxi norma ġerarkikament superjuri, madankollu tqum fit-tieni lok il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija evalwazzjoni xorta waħda kinitx meħtieġa peress li l-PRIT innifsu kien ġie adottat mingħajr ma kienet twettqet tali evalwazzjoni.

32

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-opinjoni maġġoritarja espressa fi ħdana, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv essenzjalment għaliex, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tagħha, il-Liġi 1515/1985 li tinkludi l-PRIT ma kienet taqa’ la taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2001/42 u lanqas taħt dak tal-leġiżlazzjoni intiża sabiex tittrasponi tali direttiva fl-ordinament ġuridiku Grieg.

33

Madankollu, minoranza ta’ membri tal-imsemmija qorti tqis li din l-opinjoni maġġoritarja ma hijiex korretta peress li tirrestrinġi indebitament l-effettività tad-Direttiva 2001/42 u tmur kontra l-punt 42 tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159). Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-applikazzjoni retroattiva tad-Direttiva 2001/42 ma hijiex rilevanti għaliex il-każ ineżami ma jqajjimx il-kwistjoni dwar jekk il-pjan inizjali kienx suġġett għal “evalwazzjoni ambjentali” fis-sens ta’ din id-direttiva, iżda jqajjem biss il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni li tippreċiża dan il-pjan għandhiex tkun suġġetta għal tali evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tagħha adottati mill-ġdid.

34

Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għal din id-domanda, tqum fit-tielet lok il-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni tad-digriet kontenzjuż kienx f’kull każ suġġett għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42 għaliex iż-żona A kif iddelimitata minn dan l-istess digriet jinkludi prattikament is-sit kollu taż-żona muntanjuża tal-Ymittos kif protett bħala SIK u ŻPS.

35

Iktar preċiżament, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, id-digriet kontenzjuż jikkostitwixxix pjan ta’ ġestjoni marbut strettament mal-protezzjoni tas-sit inkwistjoni u neċessarju għal dan il-għan, f’liema każ evalwazzjoni ambjentali ma kinitx meħtieġa.

36

Skont l-opinjoni maġġoritarja espressa fi ħdan il-qorti tar-rinviju, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv peress li, għalkemm id-digriet kontenzjuż għandu bħala għan il-protezzjoni taż-żona muntanjuża tal-Ymittos u jistabbilixxi regoli iktar favorevoli għall-ambjent, huwa jżomm madankollu fiż-żoni kollha attivitajiet u użu tal-art preeżistenti li l-effetti tagħhom fuq l-ambjent qatt ma ġew evalwati u jippermetti barra minn hekk iż-żamma ta’ installazzjonijiet bħall-antenni tar-radju u tat-televiżjoni, skejjel, djar tal-anzjani u ċimiterji li kienu jeżistu legalment minn qabel.

37

Madankollu, din il-fehma hija kkontestata minn ċerti membri tal-qorti tar-rinviju li jqisu li d-digriet kontenzjuż jikkostitwixxi pjan ta’ ġestjoni marbut strettament mal-protezzjoni tas-sit inkwistjoni u neċessarju għal dan il-għan sa fejn il-klassifikazzjoni tas-sit taż-żona muntanjuża tal-Ymittos fiż-żona A timplika protezzjoni assoluta li ma tippermetti l-ebda użu tal-art bl-eċċezzjoni tal-installazzjonijiet li huma kompatibbli jew meqjusa neċessarji għall-finijiet tal-protezzjoni taż-żona, bħal xogħlijiet ta’ protezzjoni kontra n-nar, idranti, xogħlijiet ta’ ġestjoni forestali, il-ħolqien ta’ mogħdijiet għall-mixi fil-kampanja u ta’ mogħdijiet għar-roti kif ukoll interventi f’qiegħ it-turrenti għaż-żamma tal-ilmijiet li għandhom effetti minimi fuq l-ambjent.

38

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, fir-rigward taż-żona A, id-digriet kontenzjuż jikkostitwixxi pjan ta’ ġestjoni marbut strettament mal-protezzjoni tas-sit taż-żona muntanjuża tal-Ymittos u neċessarju għal dan il-għan, tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li dan id-digriet jiġi annullat biss parzjalment, jiġifieri sa fejn ċerti partijiet tal-imsemmi sit protett bħala SIK u ŻPS huma inklużi fiż-żoni B, D u E fis-sens ta’ dan id-digriet li fil-konfront tagħhom kellha ssir evalwazzjoni ambjentali iżda li ma saritx.

39

Maġġoranza fi ħdan il-qorti tar-rinviju tqis li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

40

Din ma hijiex il-fehma ta’ minoranza tal-membri tal-imsemmija qorti li tqis li, meta wieħed jipprova jirregola l-użu tal-art jew l-attivitajiet permessi fuq territorju vast li jitqies bħala li jifforma territorju wieħed bħas-sit taż-żona muntanjuża tal-Ymittos, l-informazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod unitarju u l-evalwazzjoni ambjentali ma tistax tkun frammentarja.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Pjan regolatur ta’ agglomerazzjoni urbana metropolitana, li jimponi għanijiet ġenerali, linji gwida u programmi għall-organizzazzjoni tal-ippjanar territorjali u urban taż-żona l-kbira tal-imsemmija agglomerazzjoni, b’mod partikolari billi jiffissa bħala għanijiet ġenerali, fost l-oħrajn, il-protezzjoni taż-żoni muntanjużi ta’ madwarha u l-waqfien tal-espansjoni taż-żona urbana mibnija, jikkostitwixxi jew le att li jeżenta lill-awtorità amministrattiva kompetenti milli tissuġġetta għall-proċedura ta’ stima ambjentali […] fis-sens tal-Artikolu 3 [tad-Direttiva 2001/42] kif interpretat [fil-punt 42 tas-]sentenza […] Inter-Environnement Bruxelles, C‑567/10, EU:C:2012:159 […] pjan adottat sussegwentement permezz ta’ digriet abbażi ta’ awtorizzazzjoni prevista mil-liġi li tinkludi l-imsemmi pjan regolatur, liema pjan jistabbilixxi żoni ta’ protezzjoni għal waħda mill-imsemmija żoni muntanjużi u jirregola l-użi u l-attivitajiet li huma permessi fihom, bil-għan li jispeċifika u jimplementa l-għanijiet tal-protezzjoni taż-żoni muntanjużi u tal-waqfien tal-espansjoni urbana?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: fil-każ li, minħabba d-data ta’ adozzjoni [tiegħu], ma kinitx twettqet […] stima ambjentali [fis-sens tad-]Direttiva 2001/42 […] fir-rigward [tal-imsemmi pjan regolatur], huwa neċessarju [li] titwettaq din l-evalwazzjoni, fl-okkażjoni [tal-adozzjoni] tal-att [li jispeċifika l-imsemmi pjan] [li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija] [d]irettiva […]?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: meta digriet jinkludi dispożizzjonijiet dwar miżuri ta’ protezzjoni u dwar attivitajiet u użi awtorizzati f’żona inkluża bħala sit ta’ importanza għall-Komunità (SIK), żona speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) u żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) fil-kapitolu nazzjonali tan-netwerk [Natura 2000] u meta dawn id-dispożizzjonijiet tabilħaqq jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni assoluta tan-natura – li tawtorizza biss installazzjonijiet ta’ protezzjoni kontra n-nar, ġestjoni forestali u mogħdijiet għall-mixi fil-kampanja – iżda madankollu mill-atti preparatorji għall-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li ttieħdu inkunsiderazzjonijiet l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni – jiġifieri il-karatteristiċi ambjentali speċifiċi li ġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fin-netwerk [Natura 2000] –, filwaqt li, barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet iżommu wkoll, fiż-żona inkwistjoni, attivitajiet li issa ma għadhomx aċċettati, għas-sempliċi raġuni li dawn l-attivitajiet kienu kompatibbli mas-sistema ta’ protezzjoni preċedenti, dan id-digriet jikkostitwixxi jew le pjan ta’ ġestjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 [...], li l-adozzjoni tiegħu ma għandhiex tiġi ppreċeduta b’mod obbligatorju minn stima ambjentali strateġika skont [din id-dipożizzjoni] flimkien mal-Artikolu 3(2)(b) [...] [tad‑]Direttiva 2001/42?

4)

Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda: jekk ikun ġie adottat att ta’ ppjanar territorjali li jikkonċerna żona ġeografika unika iktar wiesgħa li jirrikjedi, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42 [...] flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 [...], it-twettiq ta’ stima ambjentali [...], li ma tkunx twettqet, u jekk jiġi kkonstatat li t-twettiq ta’ stima ambjentali [...] kien meħtieġ biss għal ċerti partijiet ta’ din iż-żona – minħabba d-dispożizzjonijiet finalment applikati dwar l-użu u l-attivitajiet permessi f’dawn il-partijiet, dispożizzjonijiet li ma jikkostitwixxux sempliċi pjanijiet ta’ ġestjoni – iżda li dan ma kienx obbligatorju għall-biċċa l-kbira tal-partijiet taż-żona ġeografika għaliex, fil-prattika, id-dispożizzjoni adottata tikkostitwixxi, fil-parti tagħha applikabbli għal dawn il-partijiet, pjan ta’ ġestjoni li ma jirrikjedix it-twettiq ta’ stima ambjentali [...], skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42 [...] flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 [...], huwa possibbli [...], fid-dawl tad-Direttiva 2001/42 [...], li tiġi kkonstatata n-nullità parzjali ta’ dan l-att globali u, għaldaqstant, li jiġi annullat biss fir-rigward tal-partijiet taż-żona ġeografika li għalihom, mid-dispożizzjonijiet finalment applikati, jirriżulta li t-twettiq ta’ stima ambjentali [...] kien obbligatorju, filwaqt li konsegwenza oħra tal-annullament parzjali ta’ dan l-att tkun li l-istima strateġika titwettaq biss għall-parti kkonċernata u mhux għaż-żona kollha?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

42

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 2(a) u 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-adozzjoni ta’ att li jinkludi pjan jew programm dwar l-ippjanar territorjali u dwar l-użu tal-art li jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/42 li jemenda pjan jew programm preeżistenti tista’ tiġi eżentata mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva għar-raġuni li dan l-att huwa intiż sabiex jippreċiża u jimplementa pjan regolatur stabbilit minn att ġerarkikament superjuri li huwa stess ma kienx suġġett għal tali evalwazzjoni ambjentali.

43

F’dan ir-rigward, mill-punt 42 tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159) jirriżulta li, bħala prinċipju, l-għanijiet tad-Direttiva 2001/42 u n-neċessità li tinżamm l-effettività tagħha ma jipprekludux li jitqies li att li jħassar totalment jew parzjalment pjan jew programm li jaqa’ taħt din id-direttiva huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jekk l-att imħassar ikun jifforma parti minn ġerarkija ta’ atti dwar l-ippjanar territorjali, peress li dawn l-atti jipprevedu regoli għall-użu tal-art suffiċjentement preċiżi, kienu huma nfushom is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u jista’ raġonevolment jitqies li l-interessi li d-Direttiva 2001/42 hija intiża li tipproteġi ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.

44

Madankollu, kuntrarjament għall-atti ta’ tħassir, id-Direttiva 2001/42, b’mod partikolari l-Artikolu 2(a) tagħha, tinkludi espressament fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-atti li jemendaw pjanijiet u programmi, preċiżament bħad-direttiva kkontestata, kif fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 36 tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159).

45

Għal dak li jirrigwarda, fil-kawża prinċipali, att li jemenda pjanijiet u programmi li huwa inkluż espressament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, ma jistax jingħad għalhekk li, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/42 u tan-neċessità li tinżamm l-effettività tagħha, dan l-att jista’ madankollu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

46

Barra minn hekk, huwa minnu li l-pjanijiet u l-programmi inklużi fid-digriet kontenzjuż jaqgħu bħala prinċipju taħt l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 peress li jirrigwardaw essenzjalment l-ippjanar territorjali urban u rurali kif ukoll l-użu tal-art.

47

Barra minn hekk, minn qari ta’ din id-dispożizzjoni flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/42 jirriżulta li din għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tissuġġetta l-obbligu ta’ sottomissjoni ta’ pjan jew ta’ proġett partikolari għal evalwazzjoni ambjentali bil-kundizzjoni li l-pjan jew il-proġett jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jew, fi kliem ieħor, jista’ jaffettwa is-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. L-eżami li għandu jitwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta huwa neċessarjament limitat għall-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (ara, b’analoġija, is-sentenza Syllogos Ellinon Poleodomon kai chorotakton, C‑177/11, EU:C:2012:378).

48

F’kull każ, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159) tirrigwarda sitwazzjoni li hija fundamentalment differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

Fil-fatt, din il-limitazzjoni kienet tikkonċerna atti ta’ tħassir u ma tistax tiġi estiża sabiex tinkludi l-atti li jemendaw pjanijiet u programmi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

Issa, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2001/42, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiffissaw il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti kkontemplati minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 37). Kull eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-imsemmija dispożizzjonijiet għandha, konsegwentement, tingħata interpretazzjoni stretta.

51

Barra minn hekk, atti ta’ tħassir ta’ pjanijiet u ta’ programmi jinvolvu neċessarjament emenda tal-kuntest legali ta’ riferiment u jistgħu għalhekk ikollhom effetti fuq l-ambjent, f’dak il-każ sinjifikattivi, li jkunu għadhom ma ġewx suġġetti għal “evalwazzjoni ambjentali” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 39).

52

Is-sempliċi fatt li l-emendi introdotti mid-digriet kontenzjuż huma intiżi sabiex jippreċiżaw u jimplementaw pjan regolatur li jinsab f’att li jokkupa pożizzjoni normattiva li hija ġerarkikament superjuri ma jistax jiġġustifika li l-adozzjoni ta’ tali atti ma tkunx suġġetta għal tali evalwazzjoni.

53

Fil-fatt, tali interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/42 u tippreġudika l-effettività tagħha peress li din timplika li kategorija potenzjalment kbira ta’ atti li jemendaw pjanijiet u programmi u li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent huma bħala prinċipju esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minkejja li dawn huma koperti espressament mill-kliem tal-Artikoli 2(a) u 3(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

54

Dan huwa iktar u iktar il-każ, għal dak li jirrigwarda att bħad-digriet kontenzjuż, peress li huwa minnu li l-emendi introdotti minn dan tal-aħħar huma ta’ natura sostanzjali u li l-pjan regolatur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-PRIT dwar iż-żona l-kbira ta’ Ateni, anki jekk jista’ jitqies li dan jipprevedi regoli ta’ użu tal-art suffiċjentement preċiżi, huwa stess ma kienx, f’kull każ, suġġett għal evalwazzjoni ambjentali fis-sens tad-Direttiva 2001/42.

55

Issa, ir-raġuni għal-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159) hija li jiġi evitat li l-istess pjan ikun suġġett għal diversi evalwazzjonijiet ambjentali li jkopru r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva.

56

Iċ-ċirkustanza li din id-direttiva ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ meta dan il-pjan regolatur ġie adottat hija f’dan ir-rigward irrilevanti fid-dawl tal-fatt li din tapplika mingħajr eċċezzjoni għal kull att ta’ emenda adottat meta din id-direttiva kienet fis-seħħ.

57

Barra minn hekk, dak li jidher li huwa, fil-kawża prinċipali, iktar importanti huwa l-fatt li l-pjan li d-digriet kontenzjuż jixtieq speċifikament jemenda, jiġifieri dak stabbilit mid-digriet presidenzjali tal-31 ta’ Awwissu 1978, ma kienx, b’mod ċar, suġġett għal evalwazzjoni ambjentali simili għal dik meħtieġa mid-Direttiva 2001/42.

58

Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li l-pjanijiet u l-programmi li d-digriet kontenzjuż jemenda kienu diġà suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 85/337 jew skont “liġi [oħra] tal-Komunità” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2001/42, liema fatt ma jistax jiġi stabbilit mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li f’kull każ għandha tivverifika jekk tali evalwazzjoni tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ proċedura kkoordinata jew konġunta fis-sens tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva u jekk din tkoprix diġà r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2001/42, f’liema każ ma jibqax jeżisti l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ġdida fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza Valčiukienė et, C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 62).

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi hija li l-Artikoli 2(a) u 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adozzjoni ta’ att li jinkludi pjan jew programm dwar l-ippjanar territorjali u dwar l-użu tal-art li jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/42 li jemenda pjan jew programm preeżistenti ma tistax tiġi eżentata mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva għar-raġuni li dan l-att huwa intiż sabiex jippreċiża u jimplementa pjan regolatur stabbilit minn att ġerarkikament superjuri li huwa stess ma kienx suġġett għal tali evalwazzjoni ambjentali.

Fuq it-tielet u r-raba ’ domanda

60

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, għandu jiġi osservat li, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42 jimponix ukoll evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi previsti mid-digriet kontenzjuż, it-tielet u r-raba’ domanda saru biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fis-sens li dawn il-pjanijiet u dawn il-programmi ma għandhomx ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni skont l-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-domanda.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2(a) u 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adozzjoni ta’ att li jinkludi pjan jew programm dwar l-ippjanar territorjali u dwar l-użu tal-art li jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/42 li jemenda pjan jew programm preeżistenti ma tistax tiġi eżentata mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva għar-raġuni li dan l-att huwa intiż sabiex jippreċiża u jimplementa pjan regolatur stabbilit minn att ġerarkikament superjuri li huwa stess ma kienx suġġett għal tali evalwazzjoni ambjentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.