SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(1) — Ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali — Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt — Artikoli 18 sa 21 — Kuntratti individwali ta’ impjieg — Kuntratt ta’ direttur ta’ kumpannija — Tmiem tal-kuntratt — Motivi — Eżekuzzjoni ħażina tal-mandat u aġir illegali — Azzjoni dikjaratorja u azzjoni għad-danni — Kunċett ta’ ‘kuntratt individwali ta’ impjieg’”

Fil-Kawża C‑47/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Holterman Ferho Exploitatie BV,

Ferho Bewehrungsstahl GmbH,

Ferho Vechta GmbH,

Ferho Frankfurt GmbH

vs

Friedrich Leopold Freiherr Spies von Büllesheim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Holterman Ferho Exploitatie BV, Ferho Bewehrungsstahl GmbH, Ferho Vechta GmbH u Ferho Frankfurt GmbH, minn P. A. Fruytier, avukat,

għal M. Spies von Büllesheim, minn E. Jacobson u B. Verkerk, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët, M. Wilderspin u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (3), kif ukoll tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) u tal-Artikolu 60(1), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Holterman Ferho Exploitatie BV (iktar ’il quddiem “Holterman Ferho Exploitatie”), Ferho Bewehrungsstahl GmbH (iktar ’il quddiem “Ferho Bewehrungsstahl”), Ferho Vechta GmbH (iktar ’il quddiem “Ferho Vechta”) kif ukoll Ferho Frankfurt GmbH (iktar ’il quddiem “Ferho Frankfurt”) (iktar ’il quddiem flimkien “erba’ kumpanniji”) u, min-naħa l-oħra, F. Spies von Büllesheim, dwar ir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar bħala amministratur tal-imsemmija kumpanniji u talba intiża għall-kundanna tiegħu għall-ħlas tad-danni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3

L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), huwa fformulat kif ġej:

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

1)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq; f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg, dan il-post huwa dak fejn il-ħaddiem iwettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu; jekk l-impjegat abitwalment ma jwettaqx jew ma kienx iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, l-impjegat jista’ jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab jew kien jinsab in-negozju li ngaġġa lill-impjegat;

[...]”.

Ir-Regolament Nru 44/2001

4

Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara li:

“B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali”.

5

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

2)

[...]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”.

6

L-Artikolu 18 li jagħmel parti mis-Sezzjoni 5, intitolata “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta’ impjieg”, tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5”.

7

L-Artikolu 20(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Wieħed li jimpjega jista’ jressaq proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn ikun domiċiljat l-impjegat.”.

8

L-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni naturali jew ġuridika jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

a)

is-sede statutorja, jew

b)

iċ-ċentru amministrattiv, jew

c)

il-post prinċipali tan-negozju”.

Id-dritt Olandiż

9

Il-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek, iktar ’il quddiem il-“BW”), jinkludi il-Ktieb 2, intitolat, “Persuni ġuridiċi”, li jipprovdi fl-Artikolu 2:9 tiegħu:

“1.   L-amministratur għandu, fir-rigward tal-persuna ġuridika, jwettaq il-missjoni tiegħu korrettament. Taħt din il-missjoni jaqgħu d-doveri ta’ ġestjoni li ma ġewx assenjati lil amministratur jew amministraturi oħra permezz ta’ jew skont il-liġi jew il-memorandum tal-kumpannija.

2.   L-amministratur huwa responsabbli għall-funzjonament ġenerali tal-affarijiet. Huwa kompletament responsabbli għal amministrazzjoni ħażina, sakemm, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjonijiet assenjati lil persuna oħra, l-ebda kritika serja ma tkun tista’ ssir fil-konfronti tiegħu u ma jkunx negliġenti fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-prevenzjoni tal-konsegwenzi tal-ġestjoni ħażina”.

10

Il-Ktieb 6 tal-BW, stabbilit fil-“[s]kema ġenerali tad-dritt tal-obbligi”, jinkludi t-Titolu 3, intitolat “Delitt u kważi-delitt”, li jipprovdi, fl-Artikolu 6:162 tiegħu:

“1.   Min iwettaq fil-konfront ta’ persuna oħra att illegali li jkun jista’ jiġi imputat lilu għandu jħallas id-danni sostnuti minn dan tal-aħħar.

2.   Huma kkunsidrati illegali, sakemm ma jkunux iġġustifikati, il-preġudizzju għal dritt kif ukoll l-att jew l-ommissjoni kuntrarji għal obbligu legali jew għal regola mhux miktuba li tistabbilixxi dak li huwa aċċettat fil-ħajja ta’ soċjetà.

3.   Att illegali jista’ jiġi imputat lill-awtur tiegħu jekk ikun jista’ jinżamm responsabbli jew f’ċirkustanzi fejn ikollu jirrispondi abbażi tal-liġi jew tal-kunċetti miżmuma mis-soċjetà”.

11

Fil-Ktieb 7 tal-BW, intitolat “Kuntratti speċjali”, it-Titolu 10, dwar il-“[k]untratt ta’ impjieg”, jipprovdi, fl-Artikolu 7:661 tiegħu:

“1.   Il-ħaddiem li, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu, jikkawża dannu lill-persuna li timpjega jew lil terza persuna li l-persuna li timpjega jkollha tikkumpensa għal dan id-dannu ma huwiex responsabbli f’dan ir-rigward fil-konfront tal-persuna li timpjega sakemm id-dannu ma jkunx jirriżulta minn intenzjoni qarrieqa jew imprudenza intenzjonali. Fid-dawl b’mod partikolari tan-natura tal-kuntratt, tista’ tittieħed konklużjoni differenti minn dik miġbuda fil-fażi preċedenti skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

2.   Deroga għall-paragrafu 1 u għall-Artikolu 70(3) tal-Ktieb 6 għad-detriment tal-ħaddiem hija possibbli biss abbażi ta’ ftehim bil-miktub u sakemm il-ħaddiem ikun assigurat f’dan ir-rigward”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Holterman Ferho Exploitatie hija kumpannija holding stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija għandha tliet sussidjarji taħt il-liġi Ġermaniża, jiġifieri Ferho Bewehrungsstahl, Ferho Vechta u Ferho Frankfurt, kollha stabbiliti fil-Ġermanja.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2001, il-laqgħa ġenerali ta’ Holterman Ferho Exploitatie ħatret lil F. Spies von Büllesheim, ċittadin Ġermaniż iddomiċiljat fil-Ġermanja u li kien ukoll amministratur u rappreżentant tat-tliet sussidjarji Ġermaniżi, direttur ta’ din il-kumpannija.

14

Fis-7 ta’ Mejju 2011, Holterman Ferho Exploitatie u F. Spies von Büllesheim laħqu ftehim, redatt bil-Ġermaniż, li jikkonferma l-ħatra ta’ dan tal-aħħar fil-kwalità ta’ direttur (“Geschäftsführer”) u li jiddeskrivi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tas-7 ta’ Mejju 2001”).

15

Fl-20 ta’ Lulju 2001, F. Spies von Büllesheim sar l-amministratur ta’ Holterman Ferho Exploitatie.

16

Kif jirriżulta mill-elementi pprovduti mill-partijiet matul is-seduta, F. Spies von Büllesheim kellu wkoll azzjonijiet f’Holterman Ferho Exploitatie, fejn madankollu l-maġġoranza ta’ dawn l-azzjonijiet kienet miżmuma minn Holterman.

17

Fil-31 ta’ Diċembru 2005, intemm il-kuntratt li kien jorbot lil F. Spies von Büllesheim ma’ Ferho Frankfurt u fil-31 ta’ Diċembru 2006, il-kuntratti li kienu jorbtuh ma’ Holterman Ferho Exploitatie, ma’ Ferho Bewehrungsstahl u ma’ Ferho Vechta.

18

Minħabba l-allegati nuqqasijiet gravi fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-erba’ kumpanniji bdew azzjoni dikjaratorja u għad-danni kontra F. Spies von Büllesheim quddiem ir-Rechtbank Almelo (il-Pajjiżi l-Baxxi).

19

L-imsemmija kumpanniji jsostnu prinċipalment, li F. Spies von Büllesheim wettaq ħażin il-mandat tiegħu ta’ amministratur u li, għalhekk, huwa responsabbli fil-konfront tagħhom abbażi tal-Artikolu 2:9 tal-BW. Huma invokaw ukoll l-intenzjoni qarrieqa jew l-imprudenza intenzjonali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu skont l-Artikolu 7:661 tal-BW. Sussidjarjament, l-erba’ kumpanniji jsostnu li l-iżbalji mwettqa minn F. Spies von Büllesheim fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu aġir illegali skont l-Artikolu 6:162 tal-BW.

20

F. Spies von Büllesheim jsostni li l-qrati Olandiżi ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu t-tilwima.

21

Ir-Rechtbank Almelo ddeċidiet li ma kellha ġurisdizzjoni la abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u lanqas skont il-punt 3 ta’ dan l-artikolu.

22

Il-Gerechtshof te Arnhem ikkonferma d-deċiżjoni tar-Rechtbank Almelo.

23

Fir-rigward tat-talba ta’ Holterman Ferho Exploitatie, ibbażata fuq amministrazzjoni ħażina tagħha minn F. Spies von Büllesheim, il-Gerechtshof te Arnhem iddeċidiet li r-Regolament Nru 44/2001 ma jagħżel il-qorti tal-ebda forum partikolari, b’mod li, fil-prinċipju, tapplika r-regola li tinsab fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, F. Spies von Büllesheim jista’ jitħarrek biss quddiem qorti Ġermaniża.

24

Fir-rigward tat-talba ta’ Holterman Ferho Exploitatie, ibbażata fuq ir-responsabbiltà ta’ F. Spies von Büllesheim għal eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt tas-7 ta’ Mejju 2001, il-Gerechtshof te Arnhem hija tal-opinjoni li dan il-kuntratt għandu jiġi kkwalifikat bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, l-azzjoni tal-persuna li timpjega tista’ titressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn għandu d-domiċilju tiegħu l-ħaddiem. Peress li F. Spies von Büllesheim għandu d-domiċilju tiegħu fil-Ġermanja, il-qorti Olandiża ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet imressqa.

25

Skont il-Gerechtshof te Arnhem, dan ir-raġunament japplika wkoll sakemm l-azzjoni ta’ Holterman Ferho Exploitatie taqa’ taħt materji ta’ delitt jew kważi-delitt. Azzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt li għandha rabta mat-talba fil-qasam tal-“kuntratti individwali ta’ impjieg” fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tistax twassal sabiex il-qorti Olandiża jkollha ġurisdizzjoni, peress li s-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tinkludi regola speċjali ta’ ġurisdizzjoni li tidderoga mir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 5(1) u (3) tal-imsemmi regolament.

26

L-erba’ kumpanniji ppreżentaw appell kontra s-sentenza tal-Gerechtshof te Arnhem quddiem il-qorti tar-rinviju.

27

Fl-appell tagħhom, huma jakkużaw lill-Gerechtshof te Arnhem li wettqet żball ta’ liġi jew li ma mmotivatx biżżejjed is-sentenza tagħha. Dawn il-kritiċi huma dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni relevanti previsti mir-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 5(1)(a) u 3 tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament. L-erba’ kumpanniji jilmentaw, b’mod partikolari, li l-Gerechtshof te Arnhem kkunsidrat li l-qorti Olandiża ma kellhiex ġurisdizzjoni sa fejn it-talbiet tagħhom huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza minn F. Spies von Büllesheim tal-obbligi tiegħu fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ direttur ta’ Holterman Ferho Exploitatie.

28

Il-Hoge Raad der Nederlanden tosserva li, fid-dritt Olandiż, issir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-responsabbiltà ta’ persuna fil-kwalità tagħha ta’ amministratur ta’ kumpannija abbażi ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu li jwettaq id-doveri tiegħu taħt id-dritt tal-kumpanniji skont l-Artikolu 2:9 tal-BW jew “aġir illegali” fis-sens tal-Artikolu 6:162 tal-BW, u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà li għandha din il-persuna bħala “impjegat” ta’ din il-kumpannija, indipendentement mill-kwalità tiegħu ta’ amministratur, abbażi ta’ “intenzjoni qarrieqa jew imprudenza intenzjonali” fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7:661 tal-BW.

29

Il-kwistjoni dwar jekk il-qrati Olandiżi għandhomx ġurisdizzjoni jew le sabiex jiddeċiedu l-kawża teħtieġ, skont il-Hoge Raad der Nederlanden, eżami tar-relazzjoni li teżisti bejn, minn naħa, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fis-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21), tar-Regolament Nru 44/2001, u, min-naħa l-oħra, dawk li huma ddefiniti fl-Artikolu 5(1)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-imsemmija Sezzjoni 5 tipprekludix li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 5(1)(a) u (3), japplikawx f’każ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, fejn il-konvenut huwa mħarrek minn kumpannija, mhux biss fil-kwalità tiegħu ta’ amministratur, minħabba li wettaq ħażin il-funzjonijiet tiegħu jew inkella aġixxa b’mod illeċitu, iżda wkoll, indipendentement minn din il-kwalità, minħabba l-intenzjoni qarrieqa u l-imprudenza intenzjonali tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-imsemmija kumpannija.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti tapplika l-Artikolu 5(1)(a) jew l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament f’każ bħal dak preżenti fejn il-konvenut ikun imfittex fil-qorti mill-kumpannija li tagħha huwa l-amministratur mhux biss fil-kapacità tiegħu bħala amministratur, minħabba li wettaq irregolarment il-funzjonijiet tiegħu jew minħabba li aġixxa illegalment, iżda wkoll, indipendentement minn din il-kwalità, minħabba l-intenzjoni qarrieqa tiegħu jew l-imprudenza intenzjonali tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejnu u l-imsemmija kumpannija?

2)

(a) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari każ bħal dak preżenti fejn kumpannija tfittex fil-qorti persuna fil-kapaċità tagħha bħala amministratur ta’ din l-istess kumpannija minħabba l-ksur tal-obbligu tagħha li teżerċita b’mod korrett l-funzjonijiet tagħha skont id-dritt tal-kumpanniji?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-parti a tat-tieni domanda, il-kunċett ta’ “post tat-twettiq tal-obbligi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn l-amministratur eżerċita jew kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji, li, ġeneralment, ikun il-post fejn ikun hemm iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament?

3)

(a) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jkopri każ bħal dak preżenti fejn kumpannija tfittex fil-qorti persuna fil-kapaċità tagħha bħala amministratur ta’ din l-istess kumpannija minħabba li ma tkunx eżerċitat b’mod korrett il-funzjonijiet tagħha skont id-dritt tal-kumpanniji jew minħabba aġir illegali?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-parti a tat-tielet domanda, il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-post fejn l-amministratur eżerċita jew kellu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji, li, ġeneralment, ikun il-post fejn ikun hemm iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) tal-imsemmi regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju, sa fejn hija adita, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, b’rikors intiż sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ persuna kemm fil-kwalità tagħha ta’ direttur kif ukoll fil-kwalità tagħha ta’ amministratur ta’ kumpannija kif ukoll abbażi ta’ delitt, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni, rispettivament, fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg, fis-sens tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament Nru 44/2001 (Artikoli 18 sa 21), “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, u “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament.

32

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li rikorrent jindika fir-rikors tiegħu diversi titoli ta’ responsabbiltà ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li tali azzjoni tista’ taqa’ taħt kull waħda mid-dispożizzjonijiet invokati. Fil-fatt, l-istess japplika jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika (ara, b’analoġija, is-sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 24).

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21), tar-Regolament Nru 44/2001, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija tħarrek persuna li wettqet funzjonijiet ta’ direttur u ta’ amministratur ta’ din il-kumpannija sabiex jiġi kkonstatat li twettqu żbalji minn din il-persuna fit-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet u sabiex tikseb kumpens għad-danni, jostakolawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament.

34

Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli speċjali ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmija sezzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 tqum biss, f’dan il-każ, jekk F. Spies von Büllesheim jista’ jiġi kkunsidrat li kien marbut b’“kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, mal-kumpannija li kien direttur u amministratur tagħha, fejn għalhekk huwa jkun jista’ jiġi kkwalifikat bħala “impjegat” fis-sens tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

35

Għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, ir-Regolament Nru 44/2001 ma jiddefinixxi la l-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” u lanqas dak ta’ “impjegat”.

36

Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-kwalifika tar-rabta bejn F. Spies von Büllesheim u l-imsemmija kumpannija ma tistax tiġi solvuta abbażi tad-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 26).

37

Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tar-Regolament Nru 44/2001 u b’mod partikolari tal-imsemmi Artikolu 18, il-kunċetti ġuridiċi li jidhru f’dan għandhom ikunu interpretati b’mod awtonomu li b’hekk ikun komuni għall-Istati kollha (sentenza Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 42).

38

Sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (sentenza Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 18).

39

F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dispożizzjoni li serviet bħala bażi għall-adozzjoni tal-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kuntratti ta’ impjieg li għandhom ċertu partikolaritajiet sa fejn joħolqu rabta fit-tul li ddaħħal lill-impjegat f’kuntest ta’ ċerta organizzazzjoni tal-affarijiet tal-impriża jew tal-persuna li timpjega u sa fejn huma lokalizzati fil-post fejn huma eżerċitati l-attivitajiet, li jiddetermina l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt vinkolanti u ta’ ftehim kollettivi (sentenza Shenavai, 266/85, EU:C:1987:11, punt 16).

40

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata flimkien mal-punt 41 tar-rapport ta’ Jenard u Möller dwar il-konvenzjoni li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, ffirmata f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1990, C-189, p. 57), li tgħid li, fir-rigward tal-kunċett awtonomu ta’ “kuntratt ta’ impjieg”, jista’ jiġi kkunsidrat li tippreżupponi rabta ta’ dipendenza tal-ħaddiem fil-konfront tal-persuna li timpjega.

41

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “impjegat”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, bħala interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE kif ukoll diversi atti leġiżlattivi tal-Unjoni, bħad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), li l-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom kienet tirċievi remunerazzjoni (ara, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenza Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punti 16 u 17, kif ukoll, f’dak tad-Direttiva 92/85, sentenza Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 39).

42

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi wkoll fir-rigward tal-kunċett ta’ “impjegat” fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 44/2001.

43

F’dak li jikkonċerna l-finalità tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 13 tiegħu, dan huwa intiż sabiex jiżgura lill-partijiet l-inqas b’saħħithom tal-kuntratt, fosthom il-kuntratti ta’ impjieg, protezzjoni msaħħa, billi tidderoga mir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni.

44

Huwa importanti, f’dan ir-rigward, li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija Sezzjoni 5 ma humiex biss ta’ natura speċifika iżda huma anki eżawrjenti (sentenza Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline, C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 18).

45

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, billi tibbaża ruħha fuq il-kriterji mfakkra fil-punti 39 u 41 ta’ din is-sentenza, jekk, f’dan il-każ, F. Spies von Büllesheim, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur u ta’ amministratur ta’ Holterman Ferho Exploitatie, wettaqx matul ċertu żmien, favur din il-kumpannija u taħt id-direzzjoni tagħha, prestazzjonijiet f’korrispettiv li minnhom huwa kien jirċievi remunerazzjoni u kienx marbut permezz ta’ rabta fit-tul li kienet tagħmlu parti mill-kuntest ta’ ċerta organizzazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ din il-kumpannija.

46

Fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-rabta ta’ subordinazzjoni, l-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari skont l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet (sentenza Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 37).

47

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn F. Spies von Büllesheim, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonista ta’ Holterman Ferho Exploitatie, seta’ jinfluwenza l-volontà tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija li huwa kien jamministra. F’din l-ipoteżi, għandu jiġi stabbilit min kien kompetenti biex jagħtih istruzzjonijiet u sabiex jistħarreġ l-implementazzjoni ta’ dawn l-istruzzjonijiet. Jekk jirriżulta li din il-kapaċità ta’ influwenza ta’ F. Spies von Büllesheim fuq l-imsemmi organu ma kinitx negliġibbli, għandu jiġi konkluż li ma hemmx rabta ta’ subordinazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ impjegat.

48

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, wara l-eżami tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, li F. Spies von Büllesheim, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur u ta’ amministratur, kien marbut ma’ Holterman Ferho Exploitatie permezz ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 44/2001, hija għandha tapplika r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fis-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikoli 18 sa 21) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija tħarrek persuna li tkun wettqet il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ amministratur ta’ din il-kumpannija sabiex jiġu kkonstatati żbalji mwettqa minn din il-persuna fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu u sabiex tikseb kumpens għad-danni, dawn jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, sakemm il-persuna tkun, fil-kwalità tagħha ta’ direttur u ta’ amministratur, wettqet għal ċertu żmien favur din il-kumpannija u taħt id-direzzjoni tagħha prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom kienet tirċievi remunerazzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni ta’ kumpannija kontra l-ex amministratur tagħha minħabba allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji jaqax taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”. F’każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-post tal-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq jikkorrispondix għall-post imsemmi fl-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament.

51

Din id-domanda hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata, wara eżami tal-elementi pprovduti b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, li F. Spies von Büllesheim ma wettaqx il-funzjonijiet tiegħu bħala impjegat ta’ Holterman Ferho Exploitatie.

52

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” imsemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jippreżupponi l-eżistenza ta’ obbligu aċċettat liberament minn parti favur oħra (ara s-sentenza Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 46).

53

Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, F. Spies von Büllesheim u Holterman Ferho Exploitatie aċċettaw liberament obbligi reċiproċi fis-sens li F. Spies von Büllesheim għażel li jidderiġi u jamministra din il-kumpannija u din ħadet l-obbligu li tħallas għal din l-attività, b’mod li jista’ jiġi kkunsidrat li r-relazzjoni tagħhom hija ta’ natura kuntrattwali u, konsegwentement, li l-azzjoni tal-kumpannija kontra l-ex amministratur tagħha minħabba allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu li jwettaq korrettament il-funzjonijiet li huwa għandu taħt id-dritt tal-kumpanniji taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

54

Fil-fatt, jidher, f’dan ir-rigward, li l-attività ta’ amministratur toħloq rabtiet stretti tal-istess tip bħal dawk li jeżistu bejn il-partijiet għal kuntratt, u li, għalhekk, huwa leġittimu li jiġi kkunsidrat li l-azzjoni tal-kumpannija kontra l-ex amministratur tagħha minħabba allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu li jwettaq korrettament il-funzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-kumpanniji jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza Peters Bauunternehmung, 34/82, EU:C:1983:87, punt 13).

55

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-“post”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fejn twettaq jew għandu jitwettaq l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba, għandha ssir distinzjoni bejn jekk l-imsemmija azzjoni taqax taħt l-Artikolu 5(1)(a) jew inkella taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-ġerarkija stabbilita bejn il-punt (a) u l-punt (b) mill-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 hija intiża sabiex tapplika biss b’mod alternattiv u, b’mod sussidjarju, meta mqabbel mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinstabu fl-Artikolu 5(1)(b) tiegħu (sentenza Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 42).

57

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kuntratt li l-obbligu karatteristiku tiegħu huwa provvista ta’ servizz huwa kkwalifikat bħala “provista ta’ servizzi” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-istess regolament (sentenza Car Trim, C‑381/08, EU:C:2010:90, punt 32). Il-kunċett ta’ “servizzi” jimplika, tal-inqas, li l-parti li tipprovdilhom twettaq attività partikolari għal remunerazzjoni bħala korrispettiv (sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, EU:C:2009:257, punt 29).

58

Fil-kuntest tad-dritt tal-kumpanniji, sa fejn l-obbligu karatteristiku tar-relazzjoni legali li teżisti bejn l-amministratur u l-kumpannija amministrata jimplika attività partikolari b’remunerazzjoni bħala korrispettiv, din l-attività għandha tiġi kkwalifikata bħala “provista ta’ servizzi” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

59

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat liema huwa l-post fejn l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq.

60

Fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li jgħid li huwa l-post fl-Istat Membru jew il-post kif stabbilit “skond il-kuntratt” fejn ġew ipprovduti jew kellhom jiġu pprovduti s-servizzi li huwa determinanti, il-post tal-provvista prinċipali għandu jiġi identifikat, sa fejn huwa possibbli, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt innifsu (sentenza Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, EU:C:2010:137, punt 38).

61

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-kuntratt tas-7 ta’ Mejju 2001 ma jinkludi l-ebda klawżola li teżiġi li F. Spies von Büllesheim jeżerċita l-attivitajiet tiegħu neċessarjament f’post preċiż.

62

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-memorandum tal-kumpannija ta’ Holterman Ferho Exploitatie jew fi kwalunkwe dokument ieħor li jiddefinixxi l-obbligi tal-amministratur fil-konfront ta’ din il-kumpannija, jekk il-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi ta’ F. Spies von Büllesheim jistax jiġi identifikat.

63

Jekk la d-dispożizzjonijiet tal-memorandum ta’ Holterman Ferho Exploitatie u la l-ebda dokument ieħor li jiddefinixxi l-obbligi tal-amministratur fil-konfront tal-kumpannija ma jippermettu li jiġi ddeterminat il-post fejn is-servizzi ġew prinċipalment ipprovduti minn F. Spies von Büllesheim, f’dan il-każ għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn is-servizzi ġew ipprovduti f’isem din il-kumpannija.

64

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni ta’ deroga fil-memorandum tal-kumpannija jew f’xi dokument ieħor, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-post fejn F. Spies von Büllesheim effettivament wettaq, b’mod preponderanti, l-attivitajiet tiegħu ta’ twettiq tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-provvista ta’ servizzi fil-post inkwistjoni ma tkunx kuntrarja għall-volontà tal-partijiet kif tirriżulta minn dak li kienu ftehmu bejniethom. Għal dan il-għan, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ż-żmien li għadda f’dan il-post u l-importanza tal-attività eżerċita hemmhekk, peress li l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-provi mressqa quddiemha.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni ta’ kumpannija kontra l-ex amministratur tagħha minħabba allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu abbażi tad-dritt tal-kumpanniji taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”. Fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni ta’ deroga fil-memorandum tal-kumpannija jew f’dokument ieħor, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-post fejn l-amministratur effettivament wettaq, b’mod preponderanti, l-attivitajiet tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kunratt, bil-kundizzjoni li l-provvista tas-servizzi fil-post ikkunsidrat ma tkunx kuntrarja għall-volontà tal-partijiet kif tirriżulta minn dak li kienu qablu bejniethom.

Fuq it-tielet domanda

66

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-Hoge Raad der Nederlanden tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli jippermetti li ssir taħrika simultanjament abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali u abbażi ta’ atti ta’ delitt jew kważi-delitt, din id-dispożizzjoni tkoprix każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija tħarrek persuna kemm fil-kwalità tagħha ta’ amministratur ta’ din il-kumpannija kif ukoll minħabba aġir illegali. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk il-post fejn il-fatt dannuż seħħ jew jista’ jseħħ jikkorrispondix għal dak imsemmi fl-Artikolu 60(1)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament.

67

Bħal fit-tieni domanda preliminari, din it-tielet domanda hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata, wara eżami tal-elementi pprovduti b’risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula, li F. Spies von Büllesheim ma wettaqx il-funzjonijiet tiegħu bħala impjegat ta’ Holterman Ferho Exploitatie.

68

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għal kull talba intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma humiex relatati ma’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament (ara, b’mod partikolari, sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ir-relazzjoni ġuridika li teżisti bejn kumpannija u l-amministratur tagħha għandha tiġi kkwalifikata bħala “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

70

Konsegwentement, sa fejn id-dritt nazzjonali jippermetti li ssir talba mill-kumpannija kontra l-ex amministratur tagħha bbażata fuq allegat aġir illegali, tali talba tista’ taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001 biss jekk din ma tkunx relatata mar-relazzjoni ġuridika ta’ natura kuntrattwali bejn il-kumpannija u l-amministratur.

71

Jekk, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah, l-aġir ikkritikat jista’ jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali tal-amministratur, għandu jiġi konkluż li l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar dan l-aġir hija dik stabbilita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-każ oppost, tapplika r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, sentenza Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 24 sa 27).

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u strett (sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335; punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li jidher fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li dawn it-terminu jkopru kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li minnu oriġina dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza Coty Germany, C-360/12, EU:C:2014:1318, punt 46).

73

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335; punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Fil-fatt, f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn jista’ jseħħ hija normalment fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ viċinanza tat-tilwima u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi (sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335, punt 40).

75

Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-fatturi kawżali rikonoxxuti mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punt 72 ta’ din is-sentenza għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisprudenza tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti, minn dan jirriżulta li tista’ validament titressaq kawża biss quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab il-fattur kawżali rilevanti (sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335; punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fir-rigward tal-post tal-avveniment kawżali, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li dan il-post jista’ jkun il-post fejn F. Spies von Büllesheim kien jeżerċita d-doveri tiegħu ta’ amministratur tal-kumpannija Holterman Ferho Exploitatie.

77

Fir-rigward tal-post fejn seħħ id-dannu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-post huwa dak fejn id-dannu allegat mill-kumpannija jimmanifesta ruħu konkretament (ara f’dan is-sens, is-sentenza CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335, punt 52).

78

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat fejn l-aġir illegali ta’ F. Spies von Büllesheim fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu seta’ jikkawża d-dannu, il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-elementi li għandha, trid tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv sal-punt li jinkludi kull post fejn jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li jkun diġà kkawża dannu li jkun effettivament seħħ f’post ieħor.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija tħarrek l-ex amministratur tagħha minħabba allegat aġir illegali, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-azzjoni taqa’ taħt materji ta’ delitt peress li l-aġir ikkritikat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandu amministratur skont id-dritt tal-kumpanniji, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Din għandha tidentifika, abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża, il-punt ta’ rabta l-iktar stretta mal-post tal-fatt kawżali li wassal għad-dannu u mar-rabta tal-materjalizzazzjoni ta’ dan.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II (Artikolu 18 sa 21), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija tħarrek persuna li tkun wettqet il-funzjonijiet ta’ direttur u ta’ amministratur ta’ din il-kumpannija sabiex jiġu kkonstatati żbalji mwettqa minn din il-persuna fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu u sabiex tikseb kumpens għad-danni, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, sakemm il-persuna tkun, fil-kwalità tagħha ta’ direttur u ta’ amministratur, wettqet għal ċertu żmien favur din il-kumpannija u taħt id-direzzjoni tagħha prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom kienet tirċievi remunerazzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni ta’ kumpannija kontra l-ex amministratur tagħha minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu abbażi tad-dritt tal-kumpanniji taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”. Fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni ta’ deroga fil-memorandum tal-kumpannija jew f’dokument ieħor, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-post fejn l-amministratur effettivament wettaq, b’mod preponderanti, l-attivitajiet tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kunratt, bil-kundizzjoni li l-provvista tas-servizzi fl-imsemmi post ikkunsidrat ma tkunx kuntrarja għall-volontà tal-partijiet kif tirriżulta minn dak li kienu qablu bejniethom.

 

3)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kumpannija tħarrek l-ex amministratur tagħha minħabba allegat aġir illegali, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-azzjoni taqa’ taħt materji ta’ delitt peress li l-aġir ikkritikat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandu amministratur skont id-dritt tal-kumpanniji, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Din għandha tidentifika, abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża, il-punt ta’ rabta l-iktar stretta mal-post tal-fatt kawżali li wassal għad-dannu u mar-rabta tal-materjalizzazzjoni ta’ dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.