SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Appell — Regolament (KE) Nru 737/2010 — Regolament li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 — Kummerċ tal-prodotti dderivati mill-foki — Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti — Validità — Bażi legali — Artikolu 95 KE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 17 — Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni — Artikolu 19”

Fil-Kawża C‑398/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2013,

Inuit Tapiriit Kanatami, stabbilita f’ Ottawa (il-Kanada),

Nattivak Hunters’ and Trappers’ Organisation, stabbilita fi Qikiqtarjuaq (il-Kanada),

Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Organisation, stabbilita fi Pangnirtung (il-Kanada),

Jaypootie Moesesie, residenti fi Qikiqtarjuaq,

Allen Kooneeliusie, residenti fi Qikiqtarjuaq,

Toomasie Newkingnak, residenti fi Qikiqtarjuaq,

David Kuptana, residenti fi Ulukhattok (il-Kanada),

Karliin Aariak, residenti fi Iqaluit (il-Kanada),

Canadian Seal Marketing Group, stabbilit fi Québec (il-Kanada),

Ta Ma Su Seal Products Inc., stabbilita fi Cap-aux-Meules (il-Kanada),

Fur Institute of Canada, stabbilit f’Ottawa,

NuTan Furs Inc., stabbilita fi Catalina (il-Kanada),

GC Rieber Skinn AS, stabbilita fi Bergen (in-Norveġja),

Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), stabbilita fi Nuuk, Greenland (id-Danimarka)

Johannes Egede, residenti fi Nuuk,

Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), stabbilita fi Nuuk,

William E. Scott & Son, stabbilita f’Edinburgh (ir-Renju Unit),

Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, stabbilita fi Cap-aux-Meules,

Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diş Ticaret Ltd Şirketi, stabbilita f’İstanbul (it-Turkija),

Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society Ltd, stabbilita fi Fleur-de-Lys (il-Kanada),

irrappreżentati minn H. Viaene, J. Bouckaert, u D. Gillet, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mifsud-Bonnici u C. Hermes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u J. Rodrigues, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Michoel u M. Moore, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Inuit Tapiriit Kanatami, Nattivak Hunters’ and Trappers’ Organisation, Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Organisation, J. Moesesie, A. Kooneeliusie, T. Newkingnak, D. Kuptana, K. Aariak, Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products Inc., Fur Institute of Canada, NuTan Furs Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), J. Egede, Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), William E. Scott & Son, Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diş Ticaret Ltd Şirketi u Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society Ltd jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (T‑526/10, EU:T:2013:215, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010, tal-10 ta’ Awwissu 2010, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 216, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) u dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Permezz tar-Riżoluzzjoni 61/295 tat-13 ta’ Settembru 2007, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni (iktar ’il quddiem id-“DNUDPI”). L‑Artikolu 19 ta’ din id-dikjarazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati ser jikkonsultaw u jikkooperaw in bona fide mal-popli indiġeni kkonċernati – bl-intermedju tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi tagħhom stess – qabel ma jadottaw u japplikaw miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi li jistgħu jikkonċernaw il-popli indiġeni, sabiex jiksbu l-kunsens bil-quddiem tagħhom, mogħti liberament u b’mod informat.”

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 4 sa 7 u 14 tar-Regolament bażiku:

“(4)

Il-kaċċa għall-foki wasslet għall-espressjoni ta’ tħassib serju mill-membri tal-pubbliku u mill-gvernijiet dwar il-kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali, minħabba l-fatt li l-mod l-aktar frekwenti kif il-foki jinqatlu u jinselħu jikkawża uġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija lil dawk l-annimali.

(5)

B’reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali fil-qtil u s-slieħ tal-foki u l-possibilità li fis-suq hemm preżenti prodotti miksubin minn annimali maqtula u misluħa b’mod li jikkawża uġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija, bosta Stati Membri adottaw, jew fi ħsiebhom jadottaw, leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ ta’ prodotti derivati mill-foki, billi jiġu pprojbiti l-importazzjoni u l-produzzjoni tagħhom filwaqt li ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi Stati Membri oħra.

(6)

Għalhekk hemm differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki. Dawk id-differenzi jaffettwaw ħażin l-operazzjoni tas-suq intern fi prodotti li jinkludu jew li jistgħu jinkludu prodotti derivati mill-foki u jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ fil-prodotti ta’ dan it-tip.

(7)

L-eżistenza ta’ dawn il-rekwiżiti legali varji tista’ tiskoraġġixxi ulterjurment lill-konsumatur milli jixtri prodotti li mhumiex magħmulin mill-foki, imma li jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jintgħarfu faċilment minn oġġetti simili magħmulin mill-foki, jew prodotti li jistgħu jinkludu elementi jew ingredjenti miksuba mill-foki mingħajr ma dan ikun jista’ jintgħaraf b’mod ċar, bħal fêr, kapsuli u żejt ta’ Omega-3 u oġġetti tal-ġilda.

[...]

(14)

L-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li jikkaċċaw il-foki bħala mezz biex jiggarantixxu l-għajxien tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati ħażin. Il-kaċċa hija parti integrali mill-kultura u l-identità tal-membri tas-soċjetà tal-Inuit u, bħala tali, hija mħarsa mid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Għalhekk, għandu jkun permissibli li jitqiegħdu fis-suq il-prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa mwettqa tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li jikkontribwixxu għall-għajxien tagħhom.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt ta’ importazzjoni għall-prodotti importati.

[...]

4.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5(3).”

5

Abbażi tal-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat. Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan l-aħħar regolament “jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki skont l-Artikolu 3 tar-[Regolament bażiku]”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

6

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament bażiku. B’digriet, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli. L-appell ippreżentat kontra dan id-digriet ġie miċħud bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625).

7

Fl-10 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament bażiku.

8

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, u li r-Regolament bażiku jiġi ddikjarat inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE.

9

Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ April 2011, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

10

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti invokaw żewġ motivi fejn l-ewwel wieħed kien ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament bażiku, li ċaħħad lir-regolament ikkontestat minn kull bażi legali, minħabba l-għażla żbaljata tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament bażiku, fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet fundamentali. Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti kkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet użu ħażin ta’ poter waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

11

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn iż-żewġ motivi, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet

12

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, tiddikjara r-Regolament bażiku illegali u inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE u tannulla r-regolament ikkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti in solidum għall-ispejjeż.

14

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

15

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

16

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu żewġ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament bażiku. L-ewwel aggravju huwa kompost minn żewġ partijiet u t-tieni aggravju huwa kompost minn tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

17

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 28, 29, 37 sa 40, 50 u 64 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet ta’ riferiment għall-Artikolu 95 KE kienu ssodisfatti fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku.

18

Skont l-appellanti, dawn il-kundizzjonijiet kienu diġà ssodisfatti fid-data li fiha l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta li tat lok għall-adozzjoni tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 95 KE huwa li jirrimedja sitwazzjoni li fiha diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jaffettwaw direttament is-suq intern u mhux li jirriżultaw leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti li għalhekk jagħtu “carte blanche” lil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea biex jilleġiżla f’kull qasam. Jekk id-data tal-adozzjoni tal-att maħsub kienet rilevanti għall-eżami ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-proposta tagħha fuq is-sempliċi previżjoni li tali diverġenzi jeżistu fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att, li jmur kontra l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(1) TUE.

19

Sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li, anki jekk jiġi preżuppost li d-data rilevanti għal stħarriġ tal-legalità tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-Artikolu 95 KE hija dik tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-kundizzjonijiet li jippermettu r-riferiment għal dan l-artikolu ma kinux issodisfatti f’din id-data. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-preambolu ta’ dan ir-regolament, li jinkludu biss affermazzjonijiet vagi u ġenerali fir-rigward tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tar-riskju ta’ ostakoli għal-libertajiet fundamentali jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat ir-riferiment għall-Artikolu 95 KE. B’mod partikolari, il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament ma tindikax lill-Istati Membri li adottaw jew li għandhom l-intenzjoni li jadottaw projbizzjoni ta’ importazzjoni jew ta’ produzzjoni ta’ prodotti dderivati mill-foki. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni supplimentari pprovduta mill-Kummissjoni matul il-proċedura kontenzjuża ma tistax tirrimedja din l-assenza ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti fit-test stess tar-Regolament bażiku.

20

Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jopponu l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment jinvokaw żewġ argumenti li jikkonċernaw, minn naħa, id-data rilevanti sabiex jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta’ riferiment għall-Artikolu 95 KE u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jippermettu r-riferiment għal dan l-artikolu sa fejn ir-Regolament bażiku ma jinkludix indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed fir-rigward tar-riskju ta’ ostakoli għal-libertajiet fundamentali jew ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

22

Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (sentenzi Agrana Zucker, C‑309/10, EU:C:2011:531, punti 31 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 50). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għad-data tal-adozzjoni tal-att tal-Unjoni inkwistjoni sabiex teżamina jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu riferiment għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali kinux issodisfatti (ara s-sentenzi Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 38; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 37; Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punti 45 sa 51 u 55, kif ukoll Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 39 u 41).

23

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ma tistax tkun rilevanti għal dan l-eżami d-data tal-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra att leġiżlattiv, bħar-Regolament bażiku, ma hijiex din il-proposta, suġġetta għal modifiki matul il-proċedura leġiżlattiva, li tiġi suġġetta għal stħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni, iżda dan l-att leġiżlattiv hekk kif ġie adottat fi tmiem din il-proċedura mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

24

Barra minn hekk, in-numru tal-Istati Membri li lleġiżlaw jew li kellhom l-intenzjoni li jilleġiżlaw fil-qasam ikkonċernat fid-data tal-proposta tal-Kummissjoni ma huwiex, waħdu, determinanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tar-riferiment, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għall-Artikolu 95 KE, peress li l-kundizzjonijiet ta’ riferiment għal dan l-artikolu kienu ssodisfatti fid-data ta’ adozzjoni tal-att leġiżlattiv inkwistjoni.

25

Isegwi li l-ewwel argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

26

F’dak li jikkonċerna t-tieni argument, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 95(1) KE għandhom effettivament ikollhom bħala għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-iffunzjonar tas-suq intern [sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 60; Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑217/04, EU:C:2006:279, punt 42, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 113]. Filwaqt li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tar-riskju astratt ta’ ostakoli għal‑libertajiet fundamentali jew ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jirreferi għaliha b’mod partikolari, fil-każ ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta dawn ikunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern jew joħolqu distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (sentenza Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni huwa wkoll possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni ta’ tali ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, jeħtieġ li l-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (sentenzi Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 33).

28

F’dan ir-rigward, huwa żbaljat dak li l-appellanti jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-preambolu tar-Regolament bażiku ma humiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw riferiment għall-Artikolu 95 KE u li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni matul il-proċedura kontenzjuża.

29

Fil-fatt, billi l-motivazzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali tista’ tkun sempliċement tindika, minn naħa, is‑sitwazzjoni globali li wasslet għall‑adozzjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, l‑għanijiet ġenerali li dan l‑att huwa intiż li jilħaq (ara s-sentenza AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li espona b’mod ġenerali biss, fil-premessi 4 sa 7 tar-Regolament bażiku, id-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti dderivati mill-foki u t-tfixkil li jirriżulta minn dan għall-funzjonament tas-suq intern li jiġġustifika riferiment għall-Artikolu 95 KE. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx obbligat, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, li jippreċiża fit-test stess tal-preambolu tar-Regolament bażiku n-numru u l-identità tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom hija fl-oriġini ta’ dan l-att.

30

Filwaqt li l-motivazzjoni tar-Regolament bażiku hija, waħedha, suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-eżami tagħha, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, l-informazzjoni supplimentari relatata mas-sitwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, imressqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura kontenzjuża, billi din l-informazzjoni sempliċement tippreċiża l-motivazzjoni tar-Regolament bażiku, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali, din il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni tali preċiżazzjonijiet tal-motivazzjoni tal-att inkwistjoni pprovduti matul il-proċedura kontenzjuża [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 68, 70 u 73; Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑217/04, EU:C:2006:279, punt 61, kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punti 46 u 47].

31

Issa, abbażi tal-informazzjoni li tirriżulta kemm mill-motivazzjoni tar-Regolament bażiku kif ukoll minn preċiżazzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni, li l-appellanti ma kkontestawx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punti 36 sa 40 u 50 tas-sentenza appellata, li kienu jeżistu fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti dderivati mill-foki li kienu ta’ natura li jostakolaw il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti.

32

Għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet korrettament ikkonkludiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li dawn id-differenzi setgħu jiġġustifikaw l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 95 KE.

33

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

34

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, meta bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li l-kummerċ bejn Stati Membri li jikkonċerna l-prodotti dderivati mill-foki kif ukoll il-prodotti simili ċertament ma huwiex negliġibbli. Issa, jista’ jqum dubju dwar in-natura mhux negliġibbli tal-kummerċ tal-prodotti dderivati mill-foki u tal-prodotti simili bejn l-Istati Membri. Minbarra dan, l-appellanti jsostnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jagħmel riferiment għall-Artikolu 95 KE ħlief jekk il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati jkun relattivament kbir, ħaġa li għadha ma hijiex il-każ għall-prodotti dderviati mill-foki.

35

Il‑Kummissjoni u l-Parlament isostnu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ, infondata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

36

Hekk kif il-Kummissjoni u l-Parlament irrilevaw, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 56 tas-sentenza appellata, dwar in-natura mhux negliġibbli tal-kummerċ tal-prodotti dderivati mill-foki u tal-prodotti simili bejn l-Istati Membri ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

37

Fil-fatt, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali biss għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi, ħlief f’każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi (sentenza Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, EU:C:2013:395, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Peress li l-appellanti ma jsostnu ebda żnaturament, isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju, sa fejn tirreferi għall-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura mhux negliġibbli tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

– Fuq il-mertu

39

Għandu jiġi rrilevat li l-kliem stess tal-Artikolu 95 KE ma jwassalx għar-rekwiżit li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jirreferi għal dan l-artikolu biss jekk il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati huwa relattivament kbir.

40

Minbarra dan, għalkemm, f’ċerti kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala relattivament kbir il-kummerċ fis-swieq ikkonċernati (ara s-sentenzi Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 38, kif ukoll Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 53), hija bl-ebda mod ma stabbilixxiet kriterju legali li skont dan il-miżuri meħuda abbażi tal-Artikolu 95 KE huma limitati unikament għas-swieq ta’ prodotti li jagħmlu parti minn kummerċ relattivament kbir.

41

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 39, 40 u 56 tas-sentenza appellata, filwaqt li bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet proprji għas-swieq ta’ prodotti dderivati mill-foki u ta’ prodotti oħra li jistgħu jiġu konfużi ma’ dawn il-prodotti, li d-differenzi eżistenti bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kummerċ tal-prodotti dderivati mill-foki kienu ta’ natura li jfixklu s-suq intern ta’ dawn il-prodotti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi korrettament, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, mingħajr ma kienet obbligata li tivverifika jekk il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati huwiex relattivament kbir sabiex jiġġustifika riferiment għall-Artikolu 95 KE, li dawn id-differenzi kienu jippermettu li jittieħdu miżuri abbażi ta’ dan l-artikolu.

42

Konsegwentement, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

43

L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li kien hemm lok li jsir riferiment unikament għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mhux dawk tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont l-appellanti, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(3) TUE kif ukoll mill-Artikoli 52(3) u 53 tal-Karta li d-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-applikazzjoni tat-Trattati, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt u li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB għandhom jipprevalu jekk dawn jipprevedu protezzjoni iktar estensiva minn dik tal-Karta.

44

Il‑Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jopponu l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Hemm lok li jitfakkar li, jekk, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni inkwantu prinċipji ġenerali u filwaqt li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li d-drittijiet li jinsabu fiha u li jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, point 44; Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, point 32, kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 41).

46

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li l-Artikoli 17, 7, 10 u 11 tal-Karta jiżguraw, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tal-KEDB invokati mill-appellanti u li hemm lok, f’dan il-każ, li l-eżami tal-validità tar-Regolament bażiku jiġi bbażat unikament fuq id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 47, kif ukoll Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti sempliċement jilmentaw li l-Qorti Ġenerali rreferiet biss għad-dispożizzjonijiet tal-Karta u mhux dawk tal-KEDB, mingħajr madankollu ma ppreċiżaw kif hija kienet konkretament wettqet żball ta’ liġi li vvizzja l-eżami tagħha tal-validità tar-Regolament bażiku fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

48

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt għall-proprjetà ma jistax jiġi estiż għall-protezzjoni tas-sempliċi interessi ta’ natura kummerċjali. Il-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti dderivati mill-foki fl-Unjoni taffettwa d-dritt tagħhom li jisfruttaw kummerċjalment dawn il-prodotti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ tqegħid fis-suq tal-Unjoni tas-supplimenti tal-ikel tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju liberu tal-attività professjonali tal-produtturi ta’ dawn il-prodotti. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fis-sentenza Malik vs Ir‑Renju Unit (Qorti EDB, Nru 23780/08, 13 ta’ Marzu 2012), l-interessi ekonomiċi marbuta mal-impriża jikkostitwixxu “beni” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB u għalhekk jaqgħu taħt il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà.

50

Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkonstatat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li d-DNUDPI ma għandhiex valur vinkolanti u li kienet naqset milli teżamina jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kinux kisbu, waqt l-adozzjoni tar-Regolament bażiku, il-kunsens minn qabel tal-appellanti skont l-Artikolu 19 ta’ din id-dikjarazzjoni. Fil-fatt, minkejja li din id-dikjarazzjoni minnha nnifisha ma għandhiex status ġuridiku vinkolanti, l-Unjoni kienet irrikonoxxiet, fil-premessa 14 tar-Regolament bażiku, l-obbligu li tikkonforma ruħha in bona fide mad-dispożizzjonijiet tad-DNUDPI. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Unjoni ma tistax tidderoga mir-regoli li hija stabbilixxiet fl-applikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni (sentenza NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill, 113/77, EU:C:1979:91, punt 21). Minbarra dan, jirriżulta minn riżoluzzjoni tal-Assoċjazzjoni tad-dritt internazzjonali ppubblikata fl-2012 li l-Artikolu 19 tad-DNUDPI jiffissa regola ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju li l-Unjoni hija obbligata li tosserva fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

51

Il-Parlament isostni li t-tielet parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli, fl-intier tagħha, minħabba li l-appellanti ma jidentifikawx l-iżball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali b’mod suffiċjentement preċiż fis-sens tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, l-appell ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-appellanti jikkritikawx l-eżami jew l-assenza ta’ eżami tal-motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali u li għal liema raġunijiet għandu jingħata valur vinkolanti lill-Artikolu 19 tad-DNUDPI. Skont il-Kummissjoni u l-Parlament, it-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan l-aggravju huma, tal-inqas, parzjalment inammissibbli, peress li l-appellanti ma invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali la eventwali ksur tal-libertà ta’ intrapriża u lanqas dak ta’ regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

52

Il‑Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw li fi kwalunkwe każ, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni aggravju huma infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju

53

F’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju kollu kemm hu, għandu jitfakkar li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura li appell għandu jkun jista’ jidentifika bi preċiżjoni l-punti kkritikati tal-motivi fis-sentenza li l-annullament tagħha hija mitluba u jindika b’mod preċiż l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena tal-inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 43, u Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jirreferu għal punt preċiż tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, skont l-appellanti, l-iżball ta’ liġi invokat jinsab fin-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-valur vinkolanti tar-rekwiżit ta’ kunsens li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 19 tad-DNUDPI li jirriżulta kemm mill-premessa 14 tar-Regolament bażiku kif ukoll minn regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Parlament relatati mat-tielet parti tat-tieni aggravju kollu kemm hu.

56

F’dak li jikkonċerna l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà parzjali mqajma mill-Kummissjoni u mill-Parlament, jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-appellanti la invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali eventwali ksur tal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta u lanqas dak ta’ regola ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju li tirriżulta mill-Artikolu 19 tad-DNUDPI.

57

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali jfisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn hija tirreferi għal libertà ta’ intrapriża u t-tielet parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn tirreferi għal ksur ta’ regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

– Fuq il-mertu tat-tieni parti tat-tieni aggravju

59

L-appellanti essenzjalment isostnu li r-Regolament bażiku jikser id-dritt għall-proprjetà tagħhom sa fejn il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti dderivati mill-foki taffettwa d-dritt tagħhom li jisfruttaw kummerċjalment dawn il-prodotti fl-Unjoni.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà mogħtija mill-Artikolu 17 tal-Karta ma tirrigwardax biss sempliċi interessi jew opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attivitajiet ekonomiċi iżda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni legali miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom (ara s-sentenza Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Bl-istess mod, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li d-dħul fil-futur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “beni” li jista’ jibbenefika mill-protezzjoni ta’ dan l-artikolu ħlief jekk dan ikun diġà rriżulta fi qligħ, jekk kellu jitħallas b’mod ċert jew jekk jeżistu ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu jwasslu, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, għal aspettattivi leġittimi sabiex jinkiseb valur patrimonjali (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Anheuser-Busch vs Il‑Portugall, Nru 73049/01, 11 ta’ Jannar 2007, punti 64 u 65, kif ukoll Malik vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

62

Issa, l-appellanti invokaw biss, quddiem il-qrati tal-Unjoni, is-sempliċi possibbiltà li jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw prodotti dderivati mill-foki fl-Unjoni, mingħajr ma jesponu tali ċirkustanzi.

63

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

– Fuq il-mertu tat-tielet parti tat-tieni aggravju

64

F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 19 tad-DNUDPI, din id-dispożizzjoni ma għandhiex, waħedha, valur legali vinkolanti bħal ma jirrikonoxxu l-appellanti, fejn huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-premessa 14 tar-Regolament bażiku wkoll ma tagħtix effett vinkolanti lil dan l-obbligu ta’ ftehim u ta’ kooperazzjoni sabiex jinkiseb il-kunsens tal-komunitajiet Inuit, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

65

Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem ta’ din il-premessa li, sabiex l-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li jipprattikaw il-kaċċa għall-foki għall-għajxien tagħhom ma jiġux kompromessi, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti dderivati mill-foki li jirriżultaw minn forom ta’ kaċċa tradizzjonalment ipprattikati minn dawn il-komunitajiet għall-għajxien għandu jiġi awtorizzat.

66

Billi tali awtorizzazzjoni hija prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, jidher li, filwaqt li tirreferi għar-rikonoxximent, mid-DNUDPI, ta’ din il-kaċċa inkwantu parti integrali mill-kultura u mill-identità tal-membri tal-komunitajiet Inuit, din il-premessa 14 kull ma tagħmel huwa li timmotiva din id-deroga għall-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti dderivati mill-foki li tirriżulta minn dan ir-regolament.

67

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott mill-kliem tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament obbligu legalment vinkolanti ta’ konformità mal-Artikolu 19 tad-DNUDPI, dispożizzjoni li barra minn hekk ma hijiex imsemmija f’din il-premessa.

68

Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat.

Fuq l-ispejjeż

70

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

71

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Meta intervenjent fl-ewwel istanza, li ma jkunx huwa stess ippreżenta l-appell, jipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jista’, skont l-Artikolu 184(4), jiddeċiedi li jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, ukoll applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

72

Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

73

Il-Parlament u l-Kunsill, inkwantu intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Inuit Tapiriit Kanatami, Nattivak Hunters’ and Trappers’ Organisation, Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Organisation, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products Inc., Fur Institute of Canada, NuTan Furs Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), Johannes Egede, Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), William E. Scott & Son, Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diş Ticaret Ltd Şirketi u Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society Ltd huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il‑Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.